Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0136

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta' [...]li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil

    /* COM/2012/0136 final - 2012/0066 (COD) */

    52012PC0136

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta' [...]li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil /* COM/2012/0136 final - 2012/0066 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Id-Direttiva dwar il-Batteriji (id-Direttiva 2006/66/KE[1]) tfittex li tagħmel l-użu ta’ batteriji u akkumulaturi kif jidher fl-attivitajiet tal-operaturi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, b’mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. Tistipula regoli speċifiċi dwar it-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi u dwar il-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u r-rimi ta' skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi.

    Id-Direttiva tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi li fihom il-merkurju u l-kadmju. Din il-projbizzjoni dwar l-użu ta’ kadmju fil-batteriji u fl-akkumulaturi tapplika għal 'batteriji jew akkumulaturi portabbli, inklużi dawk inkorporati f’appliances, li jkun fihom aktar minn 0,002 % ta' kadmju fil-piż' (l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Batteriji). Il-projbizzjoni tal-użu tal-kadmju fil-batteriji ma kinitx proposta mill-Kummissjoni, iżda mill-koleġiżlaturi fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Kemm il-Kunsill[2] kif ukoll il-Parlament Ewropew[3] ippreparaw valutazzjonijiet tal-impatt separati dwar emendi sostantivi għall-proposta tal-Kummissjoni, bħall-projbizzjoni tal-kadmju.

    L-Artikolu 4(3) ma japplikax għal batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu:

    a)           f'sistemi ta' emerġenza u ta' allarm, inkluż dawl ta' emerġenza;

    b)           f'tagħmir mediku;

    c)           f'għodda mingħajr fil (CPT).

    L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-Batteriji jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-kadmju mogħtija għall-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil (l-Artikolu 4(3)(c)) u li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk ikun xieraq, bi proposti rilevanti, bil-għan li l-kadmju fil-batteriji u fl-akkumulaturi jiġi pprojbit.

    Il-Kummissjoni kienet mitluba biss tirrevedi din l-eżenzjoni minħabba li fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva fl-2006 kien hemm dubji dwar jekk kienx hemm sostituti tekniċi diġà disponibbli għal din l-applikazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Premessa 11 tikkjarifika: ‘Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-ħtieġa għall-addattament ta' din id-Direttiva, filwaqt li tieħu kont tal-evidenza teknika u xjentifika disponibbli. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni tal-eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-kadmju għal batteriji u akkumulaturi portabbli intiżi għall-użu f'għodod mingħajr fil imħaddma bl-enerġija.(..)’.

    F’Diċembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill[4]. Fil-konklużjonijiet kien hemm li dak iż-żmien ma kienx xieraq li jiġu ppreżentati proposti li jikkonċernaw l-eżenzjoni għall-batteriji portabbli li fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil (CPT) minħabba li ma kienx hemm l-informazzjoni teknika kollha (b’mod notevoli l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kadmju u tas-sostituti tiegħu) disponibbli biex tappoġġja deċiżjoni bħal din.

    Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni ġabret din l-informazzjoni addizzjonali u użatha biex tipprepara valutazzjoni tal-impatt, konformi mal-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt.

    Din il-proposta tallinja wkoll id-Direttiva dwar il-Batteriji mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni li tirrevedi d-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura regolatorja bi skrutinju f’kull strument jkollha l-intenzjoni li temenda[5].

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Fuq is-sit tal-internet EUROPA, bejn l-10 ta’ Marzu u l-10 ta’ Mejju 2010 tnediet konsultazzjoni pubblika tal-partijiet interessati, ibbażata fuq studju ppubblikat fl-2009. Il-kontribuzzjonijiet u sommarju tal-kummenti tal-partijiet interessati kienu ppubblikati fuq is-sit tal-internet EUROPA.

    Il-partijiet interessati ġew mistiedna jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku li jista' jirriżulta minn kwalunkwe projbizzjoni futura tal-kadmju f'batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodda mingħajr fil.

    Xi partijiet interessati kienu favur l-irtirar tal-eżenzjoni għall-użu tal-batteriji tan-nikil-kadmju (NiCd) f'għodda mingħajr fil, minħabba li qiesu l-ispejjeż ekonomiċi bħala minimi u l-benefiċċji ambjentali bħala sostanzjali fuq perjodu ta' żmien twil. Oħrajn opponew l-irtirar tal-eżenzjoni u enfasizzaw li d-dejta dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali ma tiġġustifikax l-irtirar. Kumplessivament, il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati kkonfermat il-ħtieġa ta’ valutazzjoni komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tiġi pprovduta bażi soda għall-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji.

    Fit-18 ta’ Lulju 2011 kien organizzat workshop għall-partijiet interessati (reviżjoni bejn il-pari). L-għan kien li jiġi pprovdut kontribut għall-valutazzjoni komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja tat-tliet tipi differenti ta’ kimika użati f’batteriji portabbli maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil. Din il-valutazzjoni saret minn konsulent f'isem il-Kummissjoni.

    Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni hija li l-għażliet politiċi l-oħrajn relatati mal-irtirar tal-eżenzjoni (irtirar immedjat jew irtirar fl-2016), meta mqabbla max-xenarju bażi, iwasslu għal impatt ambjentali ġenerali iżgħar, kemm f’termini ta' evitazzjoni tar-rilaxx ta’ kadmju fl-ambjent kif ukoll f’termini ta’ impatti ambjentali aggregati abbażi ta’ sitt indikaturi ambjentali.

    Fil-każ ta’ rtirar imdewwem tal-eżenzjoni (fl-2016), il-benefiċċji ambjentali jkunu kemxejn inqas milli kieku jkun hemm irtirar immedjat iżda l-ispejjeż ikunu ħafna inqas meta mqabbla ma' din l-għażla. Ċerti riċiklaturi u produtturi tal-għodda mingħajr fil taw stimi tal-ispejjeż għaż-żewġ għażliet politiċi relatati mal-irtirar tal-eżenzjoni (fil-firxa ta’ EUR 40-60 miljun fil-każ ta' rtirar immedjat u EUR 33 miljun fil-każ ta' rtirar sal-2016). Madankollu, hemm dubju dwar jekk dawn l-ispejjeż kollha għandhomx jiġu attribwiti lill-każijiet tal-irtirar tal-eżenzjoni, minħabba li l-ammonti ta’ batteriji tal-kadmju użati f’għodda mingħajr fil se jonqsu b’50 % bejn l-2013 u l-2025 fix-xenarju bażi.

    Il-konsumaturi jistgħu jiġu affettwati mill-ispejjeż ogħla ta’ manifattura tat-teknoloġija alternattiva tal-batteriji applikata f’għodda mingħajr fil fl-għażliet politiċi relatati mal-irtirar tal-eżenzjoni. Tul il-perjodu 2013-2025, għodda elettrika mingħajr fil b’kimika alternattiva tal-batteriji se tkun tiswa, skont il-kimika alternattiva tal-batteriji magħżula (nikil-idrur tal-metall jew litju-jone), EUR 0.8 u EUR 2.1 iżjed rispettivament jekk l-eżenzjoni tiġi rtirata immedjatament u EUR 0.4 u EUR 0.9 iżjed rispettivament fil-każ li tiġi rtirata fl-2016.

    L-impatti soċjali u l-piż amministrattiv huma limitati għall-għażliet politiċi kollha u ma għandhomx iwasslu għal kwistjonijiet ta’ konformità.

    Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li jekk l-eżenzjoni tiġi irtirata fl-2016, il-benefiċċji ambjentali jkunu kemxejn inqas milli kieku tiġi rtirata immedjatament, iżda l-ispejjeż ikunu ħafna inqas meta mqabbla ma' rtirar immedjat. Minħabba li rtirar tal-eżenzjoni fl-2016, meta mqabbel ma’ rtirar immedjat, ikollu kważi l-istess livell ta’ effikaċja b’livell ta’ effiċjenza ogħla, din l-għażla hija ppreferuta.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 1(1) ta’ din il-Proposta jemenda l-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2006/66/KE billi jillimita l-eżenzjoni għall-użu tal-kadmju f'batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodda mingħajr fil sal-1 ta' Jannar 2016. Dan ifisser li minn din id-data, l-użu tal-kadmju f’batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil, inkluż dawk inkorporati f’appliances, huwa ristrett għal 0,002 % ta' kadmju fil-piż skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/66/KE.

    Il-Paragrafi (2) sa (11) tal-Artikolu 1 ta’ din il-Proposta jidentifikaw is-setgħat iddelegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/66/KE u jistabbilixxu l-proċeduri korrispondenti għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

    L-Artikolu 2 ta’ din il-Proposta jesiġi li l-Istati Membri jittrasponu l-emenda għall-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2006/66/KE fi żmien 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

    L-Artikolu 3 ta' din il-Proposta jistipula li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

    L-Artikolu 4 ta’ din il-Proposta jgħid li din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Mhux applikabbli.

    5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

    Mhux applikabbli.

    2012/0066 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    ta' [...] li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[7],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE[8] tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli, inklużi dawk inkorporati f’appliances, li jkun fihom aktar minn 0,002 % ta' kadmju fil-piż. Madankollu, il-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodda mingħajr fil ġew eżentati minn dik il-projbizzjoni.

    (2)       Il-Kummissjoni rrevediet dik l-eżenzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/66/KE bil-għan li l-kadmju fil-batteriji u l-akkumulaturi jiġi pprojbit.

    (3)       Dik ir-reviżjoni wasslet għall-konklużjoni li, sabiex l-ammont ta’ kadmju rilaxxat fl-ambjent jiġi mnaqqas b’mod gradwali, il-projbizzjoni tal-użu tal-kadmju għandha tiġi estiża għal batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodda mingħajr fil minħabba li għal dawn l-applikazzjonijiet, fis-suq hemm disponibbli sostituti xierqa li ma għandhomx kadmju, jiġifieri teknoloġiji tal-batteriji tan-nikil-idrur tal-metall u tal-litju-jone.

    (4)       L-eżenzjoni attwali għal dak l-użu għandha tkompli tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015 sabiex l-industrija tkun tista’ tkompli tadatta t-teknoloġiji rilevanti.

    (5)       B’konsegwenza għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2006/66/KE iridu jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

    (6)       Sabiex id-Direttiva 2006/66/KE tiġi ssupplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Anness III inkonnessjoni mar-rekwiżiti ta’ trattament u riċiklaġġ, il-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fir-rigward ta’ trattament u riċiklaġġ barra mill-Unjoni Ewropea, ir-reġistrazzjoni ta’ produtturi, it-tikkettar tal-kapaċità ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi, u l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi ta’ xogħol ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (7)       Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti tranżitorji dwar ir-rati minimi ta' kollezzjoni, metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lil utenti aħħarin, u kwestjonarju jew skema għal rapporti nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[9].

    (8)       Id-Direttiva 2006/12/KE ġiet revokata bid-Direttiva 2008/98/KE b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010.

    (9)       Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/66/KE għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/66/KE hija emendata kif ġej:

    1.           Il-Punt (c) tal-Artikolu 4(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘(c) għodda mingħajr fil, sal-31 ta’ Diċembru 2015.'

    2.           L-Artikolu 10(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘4. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, arranġamenti tranżitorji sabiex tindirizza d-diffikultajiet li Stat Membru jiffaċċa biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 2 li jirriżultaw minn ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Sas-26 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lil utenti aħħarin. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2).’;

    3.           L-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 12(6) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    ‘6. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a sabiex tadotta jew tissupplimenta l-Anness III biex jitqies il-progress tekniku jew xjentifiku.’;

    4.           L-Artikolu 12(7) huwa mħassar;

    5.           L-Artikolu 15(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti kif imsemmija fih.’;

    6.           L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘Artikolu 17

    Reġistrazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur ikun irreġistrat. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti ta’ proċedura f’kull Stat Membru.

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a sabiex tistabbilixxi tali rekwiżiti għar-reġistrazzjoni.’;

    7.           L-Artikolu 18(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘2. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-abbozzi ta’ miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u r-raġunijiet li għalihom dawn ikunu proposti u għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni u l-Istati Membri oħra.’;

    8.           L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sas-26 ta’ Settembru 2009, il-kapaċità tal-batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi kollha tkun indikata fuqhom b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati li jissupplimentaw dan ir-rekwiżit, inklużi metodi armonizzati għad-determinazzjoni tal-kapaċità u l-użu xieraq sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Marzu 2009.’;

    (b) Il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘7. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a sabiex jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ tikkettar stipulati f’dan l-Artikolu.’;

    9.           L-Artikolu 22(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘2. Ir-rapporti għandhom jitfasslu abbażi ta’ kwestjonarju jew ta’ skema. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-kwestjonarju jew l-iskema għal dawk ir-rapporti skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-kwestjonarju jew l-iskema għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-ewwel perjodu li jrid jiġi kopert mir-rapport.’;

    10.         L-Artikolu 23a huwa miżjud:

    ‘Artikolu 23a

    Eżerċitar tad-delega

    1. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 12(6), 15(3), l-Artikolu 17 u l-Artikoli 21(2) u 21(7) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 12(6), 15(3), l-Artikolu 17 u l-Artikoli 21(2) u 21(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tkun effettiva mill-jum wara dak tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew minn data oħra aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5. Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikoli 12(6), 15(3), l-Artikolu 17 u l-Artikoli 21(2) u 21(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjonijiet li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.’;

    11.         L-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘Artikolu 24

    Proċedura ta’ Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE*.

    Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    __________________

    * ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.’.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    2.           Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

    3.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, 26.3.2012

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/103/KE (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 7-8).

    [2]               L-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt ta’ emendi ewlenin tal-Kunsill għall-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Batteriji (Novembru, 2004), huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet: http://register.consilium.eu.int/pdf/en/04/st14/st14372.en04.pdf.

    [3]               Id-dokument “Ban on leaded batteries: Analysis of an amendment to Article 4 in the Council common position for adopting a Directive on batteries and accumulators and waste batteries and accumulators and repealing 91/157/EEC” (Projbizzjoni ta’ batteriji biċ-ċomb: Analiżi ta’ emenda għall-Artikolu 4 fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ Direttiva dwar il-batteriji u l-akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE) (Novembru, 2005), huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet: http://www.europarl.europa.eu/comparl/envi/pdf/externalexpertise/ieep_6leg/batteries.pdf.

    [4]               Ir-Rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52010DC0698:MT:NOT

    [5]               It-Test tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:055:0019:0020:MT:PDF

    [6]               ĠU C […], […], p. […].

    [7]               ĠU C […], […], p. […].

    [8]               ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

    [9]               ĠU L 55, 28.2.2011, p.13

    Top