This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0124
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the access of third-country goods and services to the Union’s internal market in public procurement and procedures supporting negotiations on access of Union goods and services to the public procurement markets of third countries
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi
/* COM/2012/0124 final - 2012/0060 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi /* COM/2012/0124 final - 2012/0060 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Raġunijiet u għanijiet
tal-proposta Din hija proposta ġdida fil-qasam
tal-politika internazzjonali tal-akkwist tal-Unjoni Ewropea. L-għan
ewlieni ta' din l-inizjattiva huwa li jitjiebu l-kundizzjonijiet li
taħthom in-negozji tal-UE jistgħu jikkompetu għal kuntratti
pubbliċi fil-pajjiżi terzi. Bħalissa, il-fornituri tal-UE qed
jaffrontaw diversi prattiki restrittivi tal-akkwist f'bosta pajjiżi li
huma s-sħab kummerċjali prinċipali tal-UE. Barra minn dan,
l-inizjattiva tikkonferma l-istatus legali tal-offerenti, il-prodotti u
s-servizzi minn pajjiżi li għandhom ftehim internazzjonali mal-UE
fil-qasam tal-akkwist pubbliku u tikkjarifika r-regoli applikabbli
għall-offerenti, il-prodotti u s-servizzi li mhumiex koperti minn dawn
il-ftehim. Kuntest ġenerali Fin-negozjati dwar Ftehim rivedut dwar
l-Akkwist Pubbliku (GPA), fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija
tal-Kummerċ (WTO) u f’negozjati bilaterali ma’ pajjiżi terzi, l-UE
appoġġjat ftuħ ambizzjuż tas-swieq tal-akkwist pubbliku
fil-livell internazzjonali. Madwar
EUR 352 biljun ta' akkwist pubbliku tal-UE huma miftuħa
għall-offerenti minn pajjiżi membri tal-ftehim tal-WTO dwar l-akkwist
pubbliku. Madankollu, bosta pajjiżi terzi qed
isibuha bi tqila sabiex jiftħu s-swieq tal-akkwist tagħhom
għall-kompetizzjoni internazzjonali jew sabiex jiftħu dawk is-swieq
aktar milli diġà għamlu. Il-valur tal-akkwist tal-Istati Uniti li qed
jiġi offrut lill-offerenti barranin bħalissa huwa dak ta'
EUR 178 biljun u EUR 27 biljun għall-Ġappun,
filwaqt li hija biss frazzjoni mis-suq tal-akkwist pubbliku Ċiniż li
hija miftuħa għan-negozji barranin.
Bosta pajjiżi adottaw ukoll miżuri protezzjonisti, speċjalment
fid-dawl tal-kriżi ekonomika. Kollox ma' kollox, aktar min-nofs is-suq dinji
tal-akkwist bħalissa huwa magħluq minħabba l-miżuri
protezzjonisti, u dan is-sehem qiegħed dejjem jikber. Bħala
riżultat ta' dan, EUR 10 biljun biss mill-esportazzjonijiet
tal-UE (0.08 % tal-PDG tal-UE) bħalissa qed isibu triqithom fis-swieq
globali tal-akkwist, filwaqt li EUR 12 biljun stmati ta'
esportazzjonijiet oħra tal-UE jibqgħu ma jitwettqux minħabba
ċerti restrizzjonijiet. Bil-kontra ta' dan, l-UE żammet is-suq
tal-akkwist pubbliku tagħha miftuħ ħafna
għall-kompetizzjoni internazzjonali, u dan minkejja l-pressjoni dejjem
tiżdied fuq is-suq domestiku tagħha, b'mod partikolari minn ekonomiji
emerġenti fir-rigward ta' ċerti oqsma ewlenin (ferroviji,
kostruzzjoni, servizzi tal-IT). Bl-eċċezzjoni ta' xi dispożizzjonijiet
li huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għas-swieq
tal-fornimenti u tas-servizzi fis-settur tal-utilitajiet (settur tas-servizzi)[1], l-UE ma eżerċitatx
is-setgħat tagħha sabiex tirregola l-aċċess għal
prodotti, servizzi u kumpaniji barranin għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE. Minħabba l-importanza dejjem tikber ta'
ekonomiji emerġenti, in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi qed joħloq
diversi problemi. Il-problema prinċipali tal-UE hija nuqqas ta'
saħħa fin-negozjati internazzjonali tagħha mas-sħab
kummerċjali sabiex tirrimedja għall-iżbilanċ u sabiex
tikseb impenji sostanzjali għall-aċċess għas-suq
għall-benefiċċju tan-negozju tal-UE. Ukoll, l-awtoritajiet
kontraenti għandhom nuqqas ta' qafas ċar li permezz tiegħu jkunu
jistgħu japplikaw l-impenji internazzjonali tal-UE. Din l-inizjattiva għandha l-għan li
ssolvi dawn il-problemi billi l-ewwel nett issaħħaħ
il-qagħda tal-Unjoni Ewropea meta tkun din qed tinnegozja
l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq tal-akkwist tal-pajjiżi
terzi, sabiex tiftaħ is-swieq tas-sħab kummerċjali tagħna.
It-tieni nett, għal dan il-għan tfittex li tikkjarifika r-regoli li
jirregolaw l-aċċess tal-kumpaniji, il-prodotti u s-servizzi
tal-pajjiż terz għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE.
Fl-aħħar nett, l-għan huwa dak li, f'konformità
mal-istrateġija tal-UE għall-2020, jitjiebu l-opportunitajiet ta'
negozju għall-kumpaniji tal-UE fuq skala globali u b'hekk jinħolqu
impjiegi ġodda u ssir promozzjoni tal-innovazzjoni. Dispożizzjonijiet eżistenti
fil-qasam tal-proposta Iż-żewġ direttivi
bażiċi dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni Ewropea[2] ma jipprovdux qafas
ġenerali għal trattament tal-offerti li jinkludu prodotti u servizzi
barranin fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE. L-uniċi regoli
speċifiċi huma stabbiliti fl-Artikoli 58 u 59
tad-Direttiva 2004/17/KE. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet huma
limitati għal akkwist mill-utilitajiet u l-kamp ta' applikazzjoni
tagħhom huwa żgħir wisq sabiex jagħmel impatt sostanzjali
fuq in-negozjati fir-rigward tal-aċċess għas-suq.
Tabilħaqq, l-akkwist pubbliku tal-UE għall-Utilitajiet jikkostitwixxi
biss madwar 20 % tas-suq totali tal-akkwist pubbliku tal-UE. Fil-proposta tal-Kummissjoni dwar
l-immodernizzar tar-regoli tal-UE fir-rigward tal-akkwist pubbliku,
il-Kummissjoni ddeċidiet li twarrab l-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva
dwar l-Utilitajiet, minħabba din l-inizjattiva[3]. Konsistenza mal-politiki u
l-għanijiet l-oħrajn tal-Unjoni Din l-inizjattiva
timplimenta l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir
intelliġenti, sostenibbli u inklużiv [COM(2010) 2020] u
l-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 dwar il-Politika Industrijali Integrata
għall-Era tal-Globalizzazzjoni [COM(2010) 614]. Timplimenta wkoll
l-Att dwar is-Suq Uniku [COM(2011) 206] u l-Komunikazzjoni dwar
il-Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija [COM(2010) 612]. Hija inizjattiva
strateġika tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
(COM(2010) 623 finali). Din il-proposta hija wkoll konsistenti
mal-politiki u għanijiet ta' żvilupp tal-Unjoni, b'mod partikolari,
billi tipproteġi, b'mod ġenerali, il-prodotti u s-servizzi
mill-pajjiżi l-anqas żviluppati minn azzjoni taħt dan
l-istrument. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Biex tiġbor
l-fehmiet tal-partijiet interessati, minbarra laqgħat individwali,
il-Kummissjoni organizzat serje ta' konsultazzjonijiet u attivitajiet immirati
biex jilħqu n-nies. Saret konsultazzjoni
miftuħa fuq l-Internet bejn is-7 ta’ Ġunju u
t-2 ta’ Awwissu 2011. Din kienet tikkonsisti fi tliet kwestjonarji
ddettaljati mmirati lejn (i) awtoritajiet kontraenti u l-Istati Membri (SM),
(ii) negozji u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, u (iii) partijiet
interessati potenzjali oħrajn (ċittadini, NGOs, trade unions).
Il-Kummissjoni rċeviet total ta' 215 kontribuzzjoni[4]. L-Anness I
għar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jinkludi rapport fil-qosor.
Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni organizzat seduta
pubblika fit-8 ta' Lulju 2011 fi Brussell. Is-sħab
soċjali kellhom ukoll l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom
fil-Forum ta' Kooperazzjoni organizzat mid-DĠ Impjiegi
fis-7 ta' Frar 2011. Saru wkoll konsultazzjonijiet
speċifiċi mad-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u
l-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi.
Fil-konsultazzjoni dwar l-Immodernizzar tal-Politika tal-Akkwist Pubbliku,
ġew ukoll indirizzati temi speċifiċi (jiġifieri
Artikolu 58 tad-Direttiva dwar l-Utilitajiet u t-trattatament ta' offerti
anormalment baxxi). L-istandards minimi tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet
kienu kompletament issodisfati. Sommarju
tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu B'mod
ġenerali, l-inizjattiva tal-Kummissjoni ntlaqgħet tajjeb.
Maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu qablu mad-deskrizzjoni
tal-Kummissjoni tal-livell attwali tal-aċċess għas-suq
tal-akkwist pubbliku tal-UE tal-prodotti, is-servizzi u l-kumpaniji minn barra
l-UE u appoġġjaw ukoll l-għanijiet identifikati tal-inizjattiva. Fir-rigward
tal-alternattivi ta' politika spjegati, huwa importanti li wieħed jinnota
li l-fehmiet espressi kienu diverġenti: b'mod ġenerali, jidher li
maġġoranza sinifikanti ta' partijiet interessati tappoġġja
inizjattiva leġiżlattiva (madwar 65 %), filwaqt li minorità
mdaqqsa ta' madwar 35 % tippreferi l-alternattiva 'ma jsir xejn'.
Madankollu, ċertu fehmiet fil-gruppi differenti ta' partijiet interessati
huma wkoll diverġenti mill-alternattiva ppreferuta. Fost l-entitajiet
kontraenti u l-awtoritajiet tal-gvern (inkluż dawk minn pajjiżi
terzi), pereżempju, żewġ terzi huma favur l-alternattiva 'ma
jsir xejn' jew l-alternattiva mhux leġiżlattiva, filwaqt li
fir-rigward tan-negozji u l-partijiet interessati oħrajn, madwar 75 %
huma favur inizjattiva leġiżlattiva. Hemm ukoll opinjonijiet
diverġenti dwar x'għandha tkun l-alternattiva leġiżlattiva.
Għalkemm madwar nofs dawk li wieġbu jappoġġjaw
l-alternattiva leġiżlattiva 'Approċċ A'[5], għadd sinifikanti minn
fost dawk li wieġbu jiffavorixxu wkoll approċċi alternattivi.
Ta' min wieħed jinnota li minkejja li l-fatt li 'Approċċ B'[6] huwa l-anqas alternattiva
leġiżlattiva ppreferuta, għandu wkoll l-appoġġ ta'
għadd konsiderevoli ta' dawk li wieġbu. Ir-raġunijiet
prinċipali li l-partijiet interessati ppreżentaw favur jew kontra
alternattiva politika waħda jew oħra kienu jinkludu l-importanza
tal-aqwa valur għall-flus, il-kompetittività u l-produttività li
jistgħu jiddgħajfu minn uħud mill-alternattivi politiki,
ir-riskju ta' ritaljazzjoni mis-sħab kummerċjali tagħna,
il-piż amministrattiv li jista' jkun marbut ma' inizjattiva bħal din
u l-fatt li l-inizjattiva tipperikola l-istatus tal-UE bħala avukat
tas-swieq miftuħa. It-trade unions u l-organizzazzjonijiet mhux
governattivi (NGOs) kienu pjuttost newtrali fir-rigward tal-għażla
tal-alternattivi u kellhom it-tendenza li jiffukaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom
fuq il-ħtieġa li pajjiżi terzi jirrispettaw il-Konvenzjonjiet
ILO meta jkunu qed jagħmlu offerti fl-UE jew il-ħtieġa li l-UE
tiftaħ il-fruntieri tagħha sabiex tħares kummerċ ġust
fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi l-anqas żviluppati. Ġbir u użu tal-għarfien
espert Minbarra l-konsultazzjonijiet imsemmija aktar
'il fuq, ma kienx meqjus meħtieġ li jintuża għarfien espert
estern. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tradizzjonalment
għandha għarfien sinifikanti. Valutazzjoni tal-Impatt Il-Kummissjoni kkunsidrat diversi alternattivi
sabiex tidentifika l-aktar waħda xierqa fosthom. L-ewwel alternattiva hija li ma tittieħed
l-ebda azzjoni addizzjonali f'dan il-qasam, u kollox jibqa' kif inhu
fir-rigward tan-negozjati internazzjonali għall-aċċess
għas-suq (possibbilment b'mod imsaħħaħ) mas-sħab
kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, skont esperjenza
preċedenti, mhuwiex probabbli li alternattiva tali twassal għal
titjib sostanzjali fl-intitolar ta' prodotti, servizzi u fornituri tal-UE sabiex
jipparteċipaw fil-proċessi tal-akkwist fil-pajjiżi terzi.
Ir-riżultat inevitabbli jkun dak ta' telf kontinwu ta' opportunitajiet ta'
offerti fuq skala sinifikanti. It-tieni tip ta' alternattiva jkun jikkonsisti
fl-aġġornament tal-implimentazzjoni ta' għodda eżistenti
skont id-Direttiva 2004/17/KE (Artikoli 58 u 59), ibbażata fuq
gwida aħjar jew estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn
l-għodod sabiex ikopru l-kamp ta' applikazzjoni sħiħ
tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE. Ibbażat biss fuq użu
fakultattiv minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti individwali, jidher
ċar li dan ix-xenarju ma jtejjibx b'mod sinifikanti s-saħħa
tal-UE fin-negozjati internazzjonali. It-tielet alternattiva tista' tkun dik li
jingħalaq, b'mod ġenerali jew skont il-qasam, is-suq tal-akkwist
pubbliku tal-UE għall-prodotti, servizzi u fornituri minn pajjiżi
terzi, soġġett għall-obbligi internazzjonali tal-UE f'dan
il-qasam. Madankollu, alternattiva tali twassal għal tħassib serju
fir-rigward tal-impatti tagħha f'termini ta' ritaljazzjoni u spejjeż
involuti għal awtoritajiet/entitajiet kontraenti individwali u
l-kompetittività tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni hija favur
ir-raba' alternattiva, jiġifieri dik li permezz tagħha jinħoloq
strument awtonomu li jikseb il-bilanċ xieraq bejn, min-naħa
l-waħda, il-ħtieġa li tissaħħaħ
il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati dwar l-aċċess
għas-suq, u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tas-sistema
kompetittiva tal-akkwist fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-proposta
tistabbilixxi mekkaniżmu doppju. Awtoritajiet/entitajiet kontraenti
individwali jkunu intitolati jeskludu offerti li aktar minn 50 % tal-valur
tagħhom ikun magħmul minn prodotti u/jew servizzi li ma jibbenefikawx
minn impenji għall-aċċess għas-suq fil-livell
internazzjonali, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni. Minbarra dan,
il-Kummissjoni tkun tista' twieġeb billi temporanjament tillimita
l-aċċess għas-suq għal dawk il-pajjiż li eventedement
jeskludu jew jiddiskriminaw kontra l-fornituri, il-prodotti u s-servizzi
tal-Unjoni fil-prattiki nazzjonali tagħhom tal-akkwist, u li fin-negozjati
jirrifjutaw li jipprovdu aċċess aħjar għas-suq. Kwalunkwe
restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-akkwist
pubbliku tal-UE, li l-Kummissjoni tista' xi darba tadotta fil-kuntest
tar-Regolament, għandha tkun tal-qies u mmirata bir-reqqa. Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni (Impact
Assessment Board - IAB) ħareġ żewġ opinjonijiet dwar
ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt. Fid-dawl tal-ewwel opinjoni, ir-rapport
dwar il-valutazzjoni tal-impatt kien rivedut kif ġej: id-definizzjoni
tal-problema nbidlet b'mod li tiffoka fuq il-kwistjoni ċentrali
identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt, il-ħtieġa għal aktar
ftuħ tas-swieq tal-akkwist tal-pajjiżi terzi u l-problemi ta'
konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE. Is-skala ta' alternattivi li se
jitqiesu saret akbar. Minbarra politika ta' negozjar aktar attiva,
il-valutazzjoni tal-impatt tqis l-estensjoni tas-sistema attwali
tal-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE għall-akkwisti
kollha koperti mid-direttivi tal-UE u l-possibbiltà ta' approvazzjoni selettiva
ta' akkwist li mhuwiex kopert. Fl-aħħar nett, l-analiżi
tal-impatt ġiet mirquma b'mod li taġġorna l-kejl
tar-ritaljazzjoni u ċ-ċifri tal-impjiegi. Anness 10 għar-rapport
dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jipprovdi analiżi aktar iddettaljata dwar
kif l-ewwel opinjoni tal-IAB iddaħħlet fir-rapport rivedut,
ippreżentat mill-ġdid fit-8 ta' Frar 2012. Fl-opinjoni
tiegħu dwar ir-rapport ippreżentat mill-ġdid, l-IAB jirrikonoxxi
t-titjib li sar fir-rapport u l-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet li
għamel fl-ewwel opinjoni tiegħu, iżda ddikkjara li ma jistax
jagħti opinjoni pożittiva. L-IAB jemmen li għad hemm għadd
ta' oqsma fejn il-valutazzjoni tista' tissaħħaħ u jidentifika
għadd ta' azzjonijiet sabiex jitjieb aktar ir-rapport (jiġifieri,
irqim tal-preżentazzjoni tal-alternattivi, it-titjib
fil-preżentazzjoni tal-mudell użat għall-valutazzjoni
tal-impatti, ġustifikazzjoni aħjar tal-proporzjonalità
tal-alternattiva ppreferuta, eċċ). Ir-rapport finali tal-valutazzjoni
tal-impatt integra kemm seta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta L-għanijiet prinċipali ta' din
il-proposta huma li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni
Ewropea meta jkunu qed jiġu nnegozjati t-termini ta' aċċess
tal-prodotti, is-servizzi u l-fornituri tal-UE għas-swieq tal-akkwist
pubbliku tal-pajjiżi terzi u li tkun ikkjarifikata s-sitwazzjoni legali
għall-offerenti, il-prodotti u s-servizzi barranin li jkunu qed
jipparteċipaw fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE. Għalhekk, din
il-proposta tistabbilixxi politika esterna komprensiva dwar l-akkwist pubbliku
tal-UE li tirregola l-aċċess għal prodotti u servizzi barranin
għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE u tinkludi mekkaniżmi li
jħeġġu lis-sħab kummerċjali tal-UE jibdew
diskussjonijiet dwar l-aċċess għas-suq. L-ewwel nett, fil-liġi tal-UE il-proposta
tirrifletti l-prinċipju li, fis-suq intern tal-UE tal-akkwist, il-prodotti
u s-servizzi li jibbenefikaw minn impenji għall-aċċess
għas-suq huma trattati bl-istess mod bħall-prodotti u s-servizzi
tal-UE u testendi dan it-trattament għal prodotti u servizzi li
joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Fir-rigward tat-trattament ta' prodotti u
servizzi li ma jibbenefikawx minn impenji għall-aċċess
għas-suq, huwa previst approċċ fi tliet stadji. Il-Kummissjoni tista' tapprova
l-esklużjoni, min-naħa tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ta'
offerti li fihom il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż
il-50 % tal-valur totali ta' prodotti u servizzi inklużi fl-offerta.
Wara li fl-avviż tal-kuntratt, l-awtorità/entità kontraenti tkun infurmat
lill-offerenti potenzjali bl-intenzjoni tagħha li teskludi offerenti tali,
din trid tinnotifika lill-Kummissjoni meta tirċievi offerti li jaqgħu
taħt din il-kategorija. Il-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni
tagħha għall-esklużjoni jekk ikun hemm nuqqas ta'
reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq bejn l-UE u
l-pajjiż li minnu jkunu oriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi.
Il-Kummissjoni tapprova din l-esklużjoni meta l-prodotti u s-servizzi
kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' riżervazzjoni
tas-suq mill-UE fi ftehim internazzjonali Minbarra dan, din il-proposta tistabbilixxi
mekkaniżmu tal-UE sabiex tiżdied aktar is-saħħa tal-UE
fin-negozjati internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għas-suq,
ibbażat fuq l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-konsultazzjoni ma'
pajjiżi terzi u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri
temporanji restrittivi mill-Kummissjoni. Fuq talba ta' partijiet interessati jew fuq
l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' twettaq
investigazzjonijiet sabiex tivverifika l-eżistenza ta' prattiki
restrittivi tal-akkwist. Fejn l-eżistenza ta' tali prattiki hija
kkonfermata, il-Kummissjoni tistieden lill-pajjiż ikkonċernat
jidħol f'konsultazzjoni sabiex jindirizza dawn il-prattiki restrittivi u
għalhekk joħloq sitwazzjoni aħjar ta' aċċess
għas-suq għall-kumpaniji tal-UE. Jekk il-pajjiż ikkonċernat mhuwiex
lest li jimpenja ruħu fil-konsultazzjonijiet jew jipprovdi soluzzjonijiet
sodisfaċenti għall-miżuri restrittivi tal-akkwist, l-Unjoni
Ewropea tista' tiddeċiedi li temporanjament tillimita l-aċċess
għall-prodotti u/jew is-servizzi minn dak il-pajjiż għas-suq
tal-akkwist pubbliku tal-UE. Fl-aħħar nett, biex jikkumplimentaw
id-dispożizzjonijiet dwar offerti anormalment baxxi fil-proposta
tar-riforma tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, l-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti se jkunu meħtieġa jinfurmaw lill-offerenti l-oħrajn
meta jkun beħsiebhom jaċċettaw offerti anormalment baxxi fejn
il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 %
tal-valur totali ta' prodotti u servizzi inklużi fl-offerta. Peress li
l-ħtieġa li pajjiżi terzi jirrispettaw standards
bażiċi tax-xogħol tal-ILO hija indirizzata fir-riforma proposta
tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, mhuwiex meħtieġ li tiġi
trattata f'dan it-test. Għandu jkun enfasizzat li
s-saħħa ta' din l-inizjattiva, imfassla bħala għodda
tal-politika sabiex tħeġġeġ in-negozjati, mhijiex diretta
lejn l-għeluq tas-suq tal-akkwisti fl-Unjoni Ewropea, iżda lejn kisba
aħjar tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku
tas-sħab kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa ferm importanti li
jkunu mħarsa l-kundizzjonijiet ta' sejħiet għal offerti
kompetittivi fis-suq intern għaliex dawn jagħtu benefiċċji
tanġibbli lill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti u lis-soċjetà b'mod
ġenerali. Bażi legali Artikolu 207 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza
esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-prinċipju
tas-sussidjarjetà ma japplikax. Prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta'
proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. Din il-proposta tikseb bilanċ tajjeb bejn
l-interessi tal-partijiet interessati rilevanti kollha u l-forma u s-sustanza
tal-azzjoni tal-UE ma taqbiżx dak li hu meħtieġ biex jinkisbu
l-għanijiet tat-Trattat. L-ewwel nett, l-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti jkollhom id-dritt, li jeskludu l-offerti li aktar minn 50 %
tagħhom ikun jikkonsisti fi prodotti u servizzi mhux koperti, taħt
is-superviżjoni tal-Kummissjoni. Dan jiżgura li
għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tibqa' l-għażla li dawn
jaċċettaw il-prodotti u s-servizzi, irrispettivament
mill-oriġini tagħhom, jew li jillimitaw l-aċċess
tal-prodotti u s-servizzi li mhumiex koperti mill-ftehim internazzjonali
tal-UE, sakemm restrizzjonijiet tali jkunu konsistenti mal-politika
kummerċjali komuni tal-UE, li hija esklussivament qasam ta' kompetenza
tal-UE. Is-superviżjoni tal-Kummissjoni hija mfassla b'reqqa sabiex ikunu
żgurati l-uniformità u l-proporzjonalità. It-tieni nett, l-għodda
tal-Kummissjoni stabbilita permezz ta' dan ir-Regolament se tiżgura li
l-UE jkollha disponibbli mekkaniżmu li permezz tiegħu tinvestiga
l-prattiki restrittivi tal-akkwist u tikkonsulta mal-pajjiż terz
ikkonċernat dwar dawn. Huwa biss meta ma tkun tista' tinstab l-ebda
soluzzjoni oħra li l-Kummissjoni tadotta miżuri temporanji
restrittivi. L-ispejjeż amministrattivi jinżammu
baxxi kemm jista' jkun, iżda jridu jittieħdu miżuri sabiex tkun
imħarsa l-konsistenza tal-politika kummerċjali komuni. It-twaqqif ta'
mekkaniżmi ta' superviżjoni u investigazzjoni għandu jitwettaq
mis-servizzi tal-Kummissjoni li bħalissa qed jaħdmu fuq il-politika
esterna tal-akkwist pubbliku u fuq il-monitoraġġ tal-aċċess
għas-suq, biex b'hekk jillimitaw l-impatt fuq ir-riżorsi umani
fil-Kummissjoni. Il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti se jitnaqqas għas-sitwazzjonijiet fejn il-miżuri
restrittivi jittieħdu mill-Kummissjoni jew meta l-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti jagħżlu li jużaw il-mekkaniżmu u jkun
ibbażat fuq forom standard jew awtodikjarazzjonijiet, li jillimitaw
l-investigazzjonijiet li entitajiet individwali jwettqu sabiex jivverifikaw
l-oriġini tal-prodotti jew is-servizzi. Għażla ta' strumenti L-istrument propost huwa Regolament. Mezzi oħra ma jkunux xierqa, hekk kif
huwa biss Regolament li jista' jiżgura biżżejjed azzjoni
uniformi mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.
Barra dan, dan l-istrument jagħti setgħat lill-Kummissjoni Ewropea,
li jfisser illi t-traspożizzjoni ma tkunx meħtieġa. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta minnha nnifisha ma għandha
l-ebda implikazzjoni baġitarja. Il-kompiti addizzjonali
għall-Kummissjoni jistgħu jitwettqu bir-riżorsi eżistenti. 5. ELEMENTI FAKULTATTIVI Klawżola ta'
analiżi/reviżjoni/estinzjoni Il-proposta tinkludi klawżola ta'
analiżi. Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna kwistjoni
taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż
għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta Artikolu 1
jiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan
ir-Regolament, ibbażat fuq id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE dwar
l-akkwist pubbliku tal-UE u d-Direttiva dwar l-għoti ta' kuntratti ta'
konċessjoni, hekk kif propost mill-Kummissjoni[7]. Artikolu 2
jinkludi definizzjonijiet rilevanti, li l-maġġoranza tagħhom
huma meħuda mid-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku tal-UE. It-test
jiddefinixxi wkoll "il-prodotti u s-servizzi koperti" u l-prodotti u
s-servizzi mhux koperti li huma ferm importanti għall-applikazzjoni ta'
dan ir-Regolament. Artikolu 3
jistabbilixxi, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-regoli applikabbli
ta' oriġini, għall-prodotti u s-servizzi pprovduti
mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti. F'konformità mal-impenji
internazzjonali tal-UE, ir-regoli ta' oriġini għall-prodotti huma
konformi mar-regoli ta' oriġini mhux preferenzjali hekk kif definiti
fil-Kodiċi Doganali tal-UE (ir-Regolament 2913/92). L-oriġini ta'
servizz huwa definit abbażi tar-regoli relevanti skont it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' stabbiliment u
d-definizzjonijiet li jipprovdi l-GATS (l-Artikolu XXVIII). Artikolu 4
jispjega b'mod ċar ir-regoli dwar l-aċċess għas-suq
tal-akkwist pubbliku tal-UE applikabbli għal prodotti u servizzi barranin
li jibbenifikaw mill-impenji għall-aċċess għas-suq tal-UE
(imsemmija 'prodotti u servizzi koperti') u għal prodotti u servizzi li
joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati.
Iż-żewġ kategoriji jridu jiġu trattati l-istess
bħall-prodotti u s-servizzi tal-UE. Artikolu 5
jiddeskrivi r-regoli ta' aċċess għall-prodotti u s-servizzi li
joriġinaw minn pajjiżi terzi li ma jibbenefikawx minn impenji
għall-aċċess għas-suq tal-UE (imsemmija 'prodotti u
servizzi li mhumiex koperti'). L-aċċess ta' dawn il-prodotti u
s-servizzi jista' jkun suġġett għal miżuri restrittivi li
jittieħdu minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti jew mill-Kummissjoni
fil-kuntest tal-mekkaniżmi stabbiliti minn dan ir-Regolament. Artikolu 6
jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tapprova
l-esklużjoni, min-naħa ta' awtoritajiet/entitajiet kontraenti
individwali, tal-offerti minn proċeduri ta' offerti, fejn il-valur ta'
prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta'
prodotti jew servizzi inklużi f'din l-offerta b'valur stmat ta'
EUR 5,000,000 jew aktar. Meta awtorità/entità kontraenti tkun indikat
fl-avviż tal-kuntratt l-intenzjoni tagħha li teskludi l-prodotti u
s-servizzi mhux koperti u tirċievi offerti li jaqgħu taħt din
il-kategorija, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u tindika
l-karatteristiċi tal-offerti kkonċernati. Skont il-pubblikazzjoni
tan-notifiki fil-Ġurnal Uffiċjali (TED, Tenders European Daily), 7 %
biss tal-kuntratti kollha ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali
għandhom valur ta' aktar minn EUR 5 miljun. Madankollu, dawk
il-kuntratti jirrappreżentaw 61 % tas-suq kollu tal-akkwist pubbliku
tal-UE. Il-Kummissjoni tistima li kull sena se tirċievi massimu ta' 35-45
notifika. Għall-kuntratti b'valur stmat ta'
EUR 5.000.000 jew aktar, il-Kummissjoni għandha tieħu
deċiżjoni dwar l-esklużjoni. Il-Kummissjoni għandha,
għall-kuntratti kollha, tapprova l-esklużjoni maħsuba meta
l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jkunu soġġetti għal
riżervazzjoni ta' aċċess għas-suq skont il-ftehim
internazzjonali tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Meta ftehim tali ma jkunx
jeżisti, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni fejn
pajjiż terz iżomm il-miżuri restrittivi tal-akkwist li jwasslu
għal nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq
bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Meta tkun qed tivvaluta
jekk jeżistix nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali, il-Kummissjoni
għandha teżamina, sa liema livell il-liġijiet dwar l-akkwist
pubbliku tal-pajjiż ikkonċernat jiżguraw trasparenza,
f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u
jipprekludu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra prodotti, servizzi u operaturi
ekonomiċi tal-Unjoni. Barra minn dan, għandha teżamina sa liema
livell l-awtoritajiet pubbliċi u/jew entitajiet tal-akkwist individwali
jżommu jew jadottaw prattiki diskriminatorji fir-rigward ta' prodotti,
servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Artikolu 7
jimponi fuq l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti l-obbligu speċifiku li
jinfurmaw lill-offerenti l-oħrajn permezz ta' proċedura ta' offerti
bid-deċiżjoni tagħhom li jaċċettaw offerta anormalment
baxxa fejn il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż
il-50 % tal-valur totali ta' prodotti jew servizzi inklużi
fl-offerta. Artikolu 8
jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni, fuq inizjattiva
tagħha stess jew fuq talba tal-Istati Membri jew ta' partijiet
interessati, tista' tniedi investigazzjoni esterna dwar l-akkwist fir-rigward
ta' miżuri restrittivi tal-akkwist minn pajjiżi terzi u kif twettaq
investigazzjoni tali. Artikolu 9
jistabbilixxi mekkaniżmu għall-konsultazzjoni ma' pajjiżi terzi
f'każijiet fejn il-Kummissjoni tikkonkludi, wara li tkun wettqet
investigazzjoni esterna dwar l-akkwist, li l-pajjiż ikkonċernat ikun
adotta jew żamm prattika restrittiva fir-rigward tal-akkwist. Fil-kuntest
ta' dan il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni se tistieden lill-pajjiż
ikkonċernat jidħol f'diskussjonijiet bil-għan li
jneħħi l-prattika restrittiva dwar l-akkwist u jiżgura trasparenza
u trattament ugwali għall-fornituri, il-prodotti u s-servizzi tal-UE.
L-iskema ta' konsultazzjoni tqis is-sitwazzjonijiet differenti li għandhom
jiġu kkunsidrati, bħall-eżistenza ta' mekkaniżmu
għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar prattiki restrittivi tal-akkwist li
jħallu effett fuq l-akkwist kopert, il-miżuri ta' rimedju unilaterali
jew il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali li jipprovdi għal
trattament ugwali għall-fornituri, il-prodotti u s-servizzi tal-UE li
qabel kienu jkunu affettwati minn prattiki restrittivi tal-akkwist.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att ta' implimentazzjoni
li jipprojbixxi l-esklużjoni tal-offerti li jinkludu prodotti u servizzi
mhux koperti li joriġinaw minn pajjiżi li magħhom isiru
negozjati sostantivi dwar l-aċċess għas-suq u hemm prospett
raġonevoli li jitneħħew il-prattiki restrittivi tal-akkwist
fil-futur qarib. Artikolu 10
jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta Att ta' Implimentazzjoni
dwar 'miżuri restrittivi', sakemm l-investigazzjoni tagħha tkun ikkonfermat
l-eżistenza ta' miżuri restrittivi tal-akkwist f'pajjiż terz, u
l-Kummissjoni tkun ippruvat twettaq diskussjonijiet dwar l-aċċess
għas-suq fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni. Miżuri
tali jistgħu, fil-prinċipju, jikkonsistu (i) fi skwalifika ta'
ċertu offerti li jikkostitwixxu aktar minn 50 % ta' prodotti jew
servizzi li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat; u/jew (ii) penali
obbligatorja fuq il-prezz fuq dawk il-prodotti jew servizzi offerti li
joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat. Artikolu 11
jipprovdi regoli għall-irtirar jew sospensjoni ta' miżuri restrittivi
adottati, kif ukoll Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi
l-użu tal-Artikolu 6 mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti. Artikolu 12
jistabbilixxi r-regoli li skonthom l-offerenti għandhom ikunu infurmati
dwar l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kummissjoni
fil-kuntest ta' proċeduri individwali tal-akkwist pubbliku. Artikolu 13
jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti
jkunu awtorizzati jwarrbu l-miżuri adottati skont dan ir-Regolament.
L-għan ta' din id-dispożizzjoni hija li l-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti jingħataw livell meħtieġ ta' flessibbiltà b'mod li
jkunu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-akkwist tagħhom, u, fl-istess
ħin, li jkun żgurat monitoraġġ xieraq mill-Kummissjoni
permezz ta' obbligu ta' notifika. Artikoli 14 u 15 jistabbilixxu d-delega ta' setgħat mogħtija lill-Kummissjoni
sabiex tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 14 li jikkonċerna
l-emendi għall-Anness biex tiġi riflessa l-konklużjoni ta'
ftehimiet internazzjonali ġodda mill-Unjoni fil-qasam tal-akkwist
pubbliku. Artikolu 16
jipprovdi rimedji legali fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta'
dan ir-Regolament. Artikolu 17
ifassal il-proċedura rilevanti tal-kumitat għall-adozzjoni tal-atti
ta' implimentazzjoni. Barra dan, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni
tadotta miżuri ta' implimentazzjoni għall-adozzjoni ta' formoli
standard. Artikolu 18
jinkludi regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun waslet skont
dan ir-Regolament Artikolu 19
jeżiġi lill-Kummissjoni tirraporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan
ir-Regolament mill-inqas kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ
tiegħu. Artikolu 20
jipprovdi għal revoka tal-Artikoli 58 u 59
tad-Direttiva 2004/17/KE. Artikolu 21 jiddetermina
d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. 2012/0060 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar l-aċċess ta' prodotti u
servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku
tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta
mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq
tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 207
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[9], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Artikolu 21 tat-Trattat
dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u
teżerċita politiki u azzjonijiet komuni, u taħdem biex tikseb
livell għoli ta' kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet
internazzjonali sabiex, inter alia, tħeġġeġ
l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż
permezz tal-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ
internazzjonali. (2) Skont l-Artikolu 206
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-Unjoni, permezz
tal-istabbiliment tal-unjoni doganali, għandha tikkontribwixxi,
fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ
dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta' restrizzjonijiet fuq
il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll
għat-tnaqqis tal-ostakoli doganali u ta' xort'oħra. (3) Skont l-Artikolu 26
tat-TFUE, l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li
tistabbilixxi jew li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, inkluż
żona bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija,
persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet
tat-Trattati. (4) Artikolu III:8
tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u
l-Artikolu XII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi
jeskludu l-akkwist pubbliku mid-dixxiplini prinċipali multilaterali
tal-WTO. (5) Fil-kuntest
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u permezz tar-relazzjonijiet
bilaterali tagħha, l-Unjoni saħqet fuq ftuħ ambizzjuż
tas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u s-sħab
kummerċjali tagħha, fi spirtu ta' reċiproċità u
benefiċċju reċiproku (6) Bosta pajjiżi terzi
jsibuha bi tqila sabiex jiftħu s-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom
għall-kompetizzjoni internazzjonali jew li jiftħu dawk is-swieq aktar
milli diġà għamlu. Bħala riżultat ta' dan, l-operaturi
ekonomiċi tal-Unjoni jaffrontaw prattiki restrittivi tal-akkwist
mingħand bosta sħab kummerċjali tal-Unjoni. Dawk il-prattiki
restrittivi tal-akkwist iwasslu għal telf f'opportunitajiet importanti ta'
kummerċ. (7) Id-Direttiva 2004/17/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li
tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi
tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali[10] u d-Direttiva 2004/18/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq
koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal
xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u
kuntratti għal servizzi pubbliċi[11]
jinkludu biss ftit dispożizzjonijiet dwar id-dimensjoni esterna
tal-politika tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni, b'mod partikolari
Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE. Madankollu dawn
id-dispożizzjonijiet għandhom biss kamp ta' applikazzjoni limitat u
minħabba nuqqas ta' gwida mhumiex applikati ħafna minn entitajiet
kontraenti. (8) Skont l-Artikolu 207
tat-TFUE il-politika kummerċjali komuni fil-qasam tal-akkwist pubbliku għandha
tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi. (9) Fl-interess
taċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u
l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-Unjoni u pajjiżi terzi, l-impenji
għall-aċċess għas-suq internazzjonali li ttieħdu
mill-Unjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku
għandhom ikunu riflessi fl-ordni legali tal-UE, u b'hekk jiżguraw
l-applikazzjoni effettiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika
gwida dwar l-applikazzjoni tal-impenji internazzjonali eżistenti tal-Unjoni
Ewropea fir-rigward tal-aċċess għas-suq internazzjonali. Din
il-gwida għandha tkun aġġornata regolarment u tipprovdi
tagħrif li jkun faċli biex tużah. (10) L-għanijiet ta' titjib
fl-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-UE għas-swieq
tal-akkwist pubbliku ta' ċertu pajjiżi terzi mħarsa minn
miżuri restrittivi tal-akkwist u li jinżammu kundizzjonijiet ekwi
għall-kompetizzjoni fis-Suq Uniku Ewropew jeħtieġu li
t-trattament ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti
mill-impenji internazzjoni tal-Unjoni jkunu armonizzati fl-Unjoni Ewropea
kollha. (11) Għal dan il-għan
għandhom jiġu stabbiliti regoli tal-oriġini sabiex
l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu jafu jekk prodotti u servizzi jkunux
koperti mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. L-oriġini ta'
prodott għandha tkun iddeterminata skont l-Artikolu 22 sa 26
tar-Regolament (KE) Nru 2913/1992 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[12]. Skont dan ir-Regolament, prodotti
għandhom ikunu kkunsidrati bħala prodotti tal-Unjoni meta jkunu
miksuba jew prodotti b'mod sħiħ fl-Unjoni. Il-prodotti li
l-produzzjoni tagħhom tkun involviet pajjiż terz wieħed jew
aktar għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw mill-pajjiż li
fih ikun sar l-aħħar proċessar jew ħidma sostanzjali,
ekonomikament iġġustifikati li jkunu twettqu f'impriża
mgħammra għal dak il-għan u li wassal għall-manifattura ta'
prodott ġdid jew jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.
L-oriġini ta' servizz għandha tkun determinata skont l-oriġini
tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tipprovdieh. Il-gwida
msemmija fil-premessa 9 għandha tkopri l-applikazzjoni fil-prattika
tar-regoli tal-oriġini. (12) Il-Kummissjoni għandha
tqis jekk tapprovax li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti skont it-tifsira
tad-Direttivi [2004/17/KE, 2004/18/KE u d-Direttiva [….] tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill ta' [….]…. dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni[13] jeskludu, għall-kuntratti
b'valur stmat ta' EUR 5,000,000 jew aktar, mill-proċeduri
għall-għoti ta' kuntratti, prodotti u servizzi li mhumiex koperti
mill-impenji internazzjonali li tkun ħadet l-Unjoni Ewropea,
soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. (13) Għall-finijiet
tat-trasparenza, dawk l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti bl-intenzjoni li
jużaw b'mod sħiħ is-setgħa tagħhom skont dan
ir-Regolament sabiex jeskludu offerti li jkunu jinkludu prodotti u/jew servizzi
li joriġinaw minn barra l-Unjoni Ewropea, li fihom il-valur tal-prodotti
jew servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' dawn
il-prodotti jew is-servizzi mill-proċeduri għall-għoti ta'
kuntratti għandhom jinfurmaw l-operaturi ekonomiċi b'dan
fl-avviż tal-kuntratt ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. (14) Sabiex il-Kummissjoni tkun
tista' tiddeċiedi dwar kwalunkwe esklużjoni ta' prodotti u servizzi
ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-impenji internazzjonali
tal-Unjoni, awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw
lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu dawn il-prodotti u
s-servizzi, filwaqt li jużaw formola standard li tinkludi
biżżejjed tagħrif sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu
deċiżjoni. (15) Għall-kuntratti b'valur
stmat ta' EUR 5.000.000 jew aktar, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni
maħsuba jekk il-ftehim internazzjonali dwar l-aċċess
għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku bejn l-Unjoni u l-pajjiż minn
fejn joriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi, jinkludi,
għall-prodotti u/jew is-servizzi li tagħhom tkun qed tiġi
proposta l-esklużjoni, riżervazzjonijiet espliċiti ta'
aċċess għas-suq min-naħa tal-Unjoni. Meta ftehim tali ma
jkunx jeżisti, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni fejn
pajjiż terz iżomm miżuri restrittivi tal-akkwist li jwasslu
għal nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq
bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Għandu jkun
preżunt nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali meta miżuri
restrittivi tal-akkwist jirriżultaw f'diskriminazzjonijiet serji u ripetittivi
tal-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE. (16) Meta tkun qed tivvaluta jekk
jeżistix nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali, il-Kummissjoni
għandha teżamina, sa liema livell il-liġijiet dwar l-akkwist
pubbliku tal-pajjiż ikkonċernat jiżguraw trasparenza f'konformità
mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u jipprekludu
kwalunkwe diskriminazzjoni kontra prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi
tal-Unjoni. Minbarra dan, għandha teżamina sa liema livell
l-awtoritajiet pubbliċi u/jew entitajiet tal-akkwist individwali jżommu
jew jadottaw prattiki diskriminatorji fir-rigward ta' prodotti, servizzi u
operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. (17) Il-Kummissjoni għandha
tkun tista' tipprevjeni l-impatt negattiv li tista' tħalli esklużjoni
maħsuba fuq negozjati kummerċjali li jkunu għadhom
għaddejjin mal-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, meta
pajjiż ikun qed iwettaq negozjati importanti mal-Unjoni rigward
l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku u l-Kummissjoni
tqis li jkun hemm prospett raġonevoli għat-tneħħija ta'
prattiki restrittivi tal-akkwist fil-futur qrib, il-Kummissjoni għandha
tkun tista' tadotta att ta' implimentazzjoni li jipprovdi li l-prodotti u
s-servizzi minn dak il-pajjiż ma jkunux esklużi mill-proċeduri
għall-għoti ta' kuntratti għall-perjodu ta' sena. (18) Fid-dawl tal-fatt li
l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq
tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni
tal-politika kummerċjali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti tagħhom ma għandhomx ikunu jistgħu jillimitaw
l-aċċess ta' prodotti jew servizzi ta' pajjiżi terzi
għall-proċeduri ta' offerti tagħhom bi kwalunkwe miżura
oħra li ma tkunx prevista minn dan ir-Regolament. (19) Fid-dawl ta' diffikultà akbar
għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti sabiex dawn jivvalutaw,
fil-kuntest ta' offerti li jinkludu prodotti u/jew servizzi li joriġinaw
minn barra l-Unjoni Ewropea, u li fihom il-valur tal-prodotti jew servizzi li
mhumiex koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' dawn il-prodotti
jew servizzi, huwa xieraq li tkun prevista trasparenza akbar fit-trattament ta'
offerti anormalment baxxi. Minbarra r-regoli previsti mill-Artikolu 69
tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku u Artikolu 79 tad-Direttiva dwar
l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma,
l-enerġija, it-trasport u postali, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li
għandhom l-intenzjoni li jaċċettaw offerta anormalment baxxa
bħal din, għandhom jinfurmaw b'dan lill-offerenti l-oħra bil-miktub
u jinkludu r-raġunijiet għan-natura anormalment baxxa tal-prezz jew
tal-ispejjeż imposti. Dan jippermetti li dawn l-offerenti jikkontribwixxu
għal valutazzjoni aktar preċiża fir-rigward ta' jekk l-offerent
rebbieħ jkunx jista' jwettaq kompletament il-kuntratt taħt
il-kundizzjonijiet spjegati fid-dokumentazzjoni tal-offerti. Għalhekk, din
l-informazzjoni addizzjonali tippermetti livell aktar ekwu fis-suq tal-akkwist
pubbliku tal-UE. (20) Il-Kummissjoni għandha
tkun tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' partijiet
interessati jew ta' Stat Membru, li, fi kwalunkwe mument, tibda investigazzjoni
esterna fir-rigward ta' prattiki restrittivi tal-akkwist li allegatament ikunu
għadhom fis-seħħ f'pajjiż terz. Għandha tqis b'mod
partikolari l-fatt li l-Kummissjoni approvat għadd ta' esklużjonijiet
maħsuba li jikkonċernaw pajjiż terz skont l-Artikolu 6(2)
ta' dan ir-Regolament. Proċeduri investigattivi tali għandhom ikunu
mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi
l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni
sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont
ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti
taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ[14]. (21) Fejn il-Kummissjoni,
abbażi ta' informazzjoni disponibbli għaliha, ikollha raġuni
sabiex temmen li l-pajjiż terz ikun adotta jew żamm prattiki
restrittivi tal-akkwist, għandha tkun tista' tibda investigazzjoni. Jekk
l-eżistenza ta' prattika restrittiva ta' akkwist f'pajjiż terz tkun
ikkonfermata, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-pajjiż ikkonċernat
jidħol f'konsultazzjonijiet bil-għan li jtejjeb l-opportunitajiet
għal offerti ta' operaturi, prodotti u servizzi ekonomiċi fis-suq
tal-akkwist f'dak il-pajjiż. (22) Jekk il-konsultazzjonijiet
mal-pajjiż ikkonċernat ma jwasslux għal titjib suffiċjenti
fl-opportunitajiet għal offerti ta' operaturi ekonomiċi, prodotti u
servizzi tal-UE, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri restrittivi
xierqa. (23) Miżuri tali jistgħu
jġibu magħhom l-esklużjoni obbligatorja ta' ċertu prodotti
u servizzi ta' pajjiżi terzi mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku
fl-Unjoni Ewropea jew jimponu fuq l-offerti, li jikkonsistu fi prodotti jew
servizzi li joriġinaw minn dak il-pajjiż, penali obbligatorja fuq
il-prezz. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta' dawn
il-miżuri, jista' wkoll ikun meħtieġ li jkunu esklużi
ċertu persuni ġuridiċi kkontrollati minn barranin jew bi sjieda
barranija stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u li mhumiex impenjati f'operazzjonijiet
importanti ta' negozju b'mod illi jkollhom rabta diretta u effettiva mal-ekonomija
tal-Istat Membru kkonċernat. Miżuri xierqa ma għandhomx ikunu
sproporzjonati meta mqabbel mal-prattiki restrittivi tal-akkwist li ġew
adottati b'reazzjoni għalihom. (24) Huwa ta' importanza vitali li
l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkollhom aċċess għal
varjetà ta' prodotti ta' kwalità għolja li jissodisfaw
il-ħtiġijiet tagħhom ta' akkwist bi prezz kompetittiv.
Għalhekk l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom ikunu
jistgħu jwarrbu l-miżuri li jillimitaw l-aċċess għal
prodotti u servizzi li mhumiex koperti f'każ li ma jkunx hemm prodotti jew
servizzi tal-Unjoni u/jew prodotti u servizzi koperti disponibbli li
jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-awtorità/entità kontraenti sabiex
jitħarsu ħtiġijiet pubbliċi essenzjali, pereżempju
s-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew l-applikazzjoni tal-miżura,
jew f'każ li l-applikazzjoni tal-miżuri twassal għal żieda
sproporzjonata fil-prezz jew fl-ispejjeż tal-kuntratt. (25) F'każ ta' applikazzjoni
ħażina mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti
tal-eċċezzjonijiet għall-miżuri li jillimtaw
l-aċċess ta' prodotti u servizzi mhux koperti, il-Kummissjoni
għandha tkun tista' tapplika l-mekkaniżmu korrettiv
tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE dwar
il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet
amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni
għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet
pubbliċi[15]
jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE li tikkoordina
l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li
jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar
il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma,
l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni[16]. Għall-istess għan,
il-kuntratti konklużi ma' operatur ekonomiku bi ksur
tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar esklużjonijiet
maħsuba, innotifikati minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti jew bi ksur
ta' miżuri li jillimitaw l-aċċess għal prodotti u servizzi
mhux koperti għandhom ikunu ddikkjarati ineffettivi skont it-tifsira
tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17]. (26) Fid-dawl tal-politika
ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiżi l-anqas żviluppati
hekk kif prevista, inter alia, fir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008 li japplika skema ta’
preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu
mill-1 ta’ Jannar 2009, huwa xieraq li l-prodotti u s-servizzi
minn dawn il-pajjiżi jiġu assimilati għal prodotti u servizzi
tal-Unjoni. (27) Sabiex fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni
Ewropea jiġu riflessi l-impenji internazzjonali fir-rigward
tal-aċċess għas-suq u li ttieħdu fil-qasam tal-akkwist
pubbliku wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandu
jkollha s-setgħa tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tkun emendata l-lista ta'
ftehimiet internazzjonali annessi għal dan ir-Regolament. Huwa ferm
importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt
ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell espert. Meta
tkun qed tħejji u telabora l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha
tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti
rilevanti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. (28) Sabiex tiżgura
kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament,
il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni.
Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont
ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011
li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet
ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni
tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. (29) Il-proċedura
konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti ta'
implimentazzjoni għall-elaborar ta' formoli standard
għall-pubblikazzjoni ta' notifiki, għas-sottomissjoni ta' notifiki
lill-Kummissjoni u l-oriġini ta' prodotti jew servizzi. Dawn
id-deċiżjonijiet ma għandhom impatt la fuq il-livell finanzjarju
u lanqas fuq in-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi li
joħorġu minn dan ir-Regolament. Bil-kontra ta' dan, dawn l-atti huma
kkaratterizzati minn għan purament amministrattiv u jservu sabiex tkun
iffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament.
(30) Il-Kummissjoni
għandha tippreżenta, mill-inqas kull tliet snin, rapporti dwar
l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. (31) Skont il-prinċipju ta'
proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq, sabiex jitwettaq l-għan
fundamentali ta' stabbiliment ta' politika esterna komuni fir-rigward ta' swieq
pubbliċi, li jkunu stabbiliti regoli marbuta mat-trattament ta' prodotti u
servizzi li mhumiex koperti mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament dwar l-aċċess għall-operaturi ekonomiċi,
prodotti u servizzi tal-pajjiżi terzi ma jmurx lil hinn minn dak li hu
meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet fil-mira, skont it-tielet
paragrafu tal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta'
applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistipula
regoli dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi
għall-għoti ta' kuntratti bil-għan li jitwettqu
x-xogħlijiet jew biċċa xogħol, il-provvista ta' prodotti u
l-forniment ta' servizzi mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-Unjoni, u
jistabbilixxi proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati fir-rigward
tal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq
tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi. 2. Dan ir-Regolament għandu
japplika għall-kuntratti koperti mill-atti li ġejjin: (a)
Id-Direttiva [2004/17/KE]; (b)
Id-Direttiva [2004/18/KE]; (c)
Id-Direttiva [201./… (dwar l-għoti ta'
kuntratti ta' konċessjoni]. Dan ir-Regolament għandu japplika
għall-għoti ta' kuntratti meta l-prodotti jew is-servizzi jkunu
akkwistati għal finijiet governattivi u mhux bil-għan li jkun hemm
bejgħ mill-ġdid kummerċjali jew bil-għan li jintużaw
fil-produzzjoni ta' prodotti jew fil-forniment ta' servizzi għal
bejgħ kummerċjali. Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' dan
ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin. (a)
'fornitur' tfisser kwalunkwe persuna fiżika
jew ġuridika li toffri prodotti fis-suq; (b)
'fornitur ta' servizzi' tfisser kwalunkwe persuna
fiżika jew ġuridika li toffri t-twettiq ta' xogħlijiet jew biċċa
xogħol, jew servizzi fis-suq; (c)
'awtorita/entità kontraenti' tfisser 'awtorità
kontraenti' hekk kif definit fl-[Artikolu 1(9)
tad-Direttiva 2004/18/KE, u 'entità kontraenti' hekk kif definit
fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/17/KE u l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 20
dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni]; (d)
'prodotti jew servizzi koperti' tfisser prodott jew
servizz li joriġina minn pajjiż li miegħu l-Unjoni tkun
ikkonkludiet ftehim internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku inkluż
impenji għall-aċċess għas-suq u li għalihom japplika
l-ftehim relevanti. Anness I għal dan ir-Regolament jinkludi lista
ta' ftehimiet rilevanti; (e)
'prodotti jew servizzi mhux koperti' tfisser
prodott jew servizz li joriġina minn pajjiż li miegħu l-Unjoni
ma tkunx ikkonkludiet ftehim internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku
inkluż impenji għall-aċċess għas-suq jew prodotti jew
servizzi li joriġinaw minn pajjiż li miegħu l-Unjoni tkun
ikkonkludiet ftehim tali, iżda li għalih ma jkunx japplika l-ftehim
rilevanti; (f)
'miżura' tfisser kwalunkwe liġi,
regolament jew prattika, jew taħlita tagħhom; (g)
'partijiet interessati' tfisser kumpanija jew ditta
ffurmata f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li tkun irreġistrat
l-uffiċju, l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali
tan-negozju tagħha fl-Unjoni, u tkun direttament ikkonċernata
mill-produzzjoni ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi li huma
s-suġġett ta' miżuri restrittivi tal-akkwist tal-pajjiżi
terzi. 2. Għall-finijiet ta' dan
ir-Regolament (a)
it-terminu 'pajjiż' jista' jirreferi għal
kwalunkwe Stat jew territorju doganali separat, mingħajr ma din
in-nomenklatura jkollha implikazzjoni għas-sovranità; (b)
it-terminu 'operatur ekonomiku' għandu jkopri
bl-istess mod il-kunċetti ta' fornitur u fornitur tas-servizz; (c)
operatur ekonomiku li ssottometta offerta
għandu jissejjaħ 'offerent'; (d)
it-twettiq ta' xogħlijiet u/jew ta'
biċċa xogħol skont it-tifsira tad-Direttivi [2004/17/KE,
2004/18/KE u d-Direttiva 201./.. dwar l-għoti ta' kuntratti ta'
konċessjoni] għandhom, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament,
jitqiesu bħala l-forniment ta' servizz; (e)
'penali obbligatorja fuq il-prezz' għandha
tirreferi għal obbligu għall-entitajiet kontraenti li jżidu,
suġġett għal ċerta eċċezzjonijiet, il-prezz
tas-servizzi u/jew il-prodotti li joriġinaw minn ċertu pajjiżi
terzi u li kienu ġew offerti fil-proċeduri tal-għoti
tal-kuntratt. Artikolu 3
Regoli tal-oriġini
1. L-oriġini ta' prodott
għandha tkun iddeterminata skont l-Artikolu 22 sa 26 tar-Regolament
(KE) Nru 2913/1992 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali
tal-Komunità[18]. 2. L-oriġini ta' servizz
għandu jkun determinat skont l-oriġini tal-persuna fiżika jew
ġuridika li tkun qed tipprovdieh. L-oriġini tal-fornitur tas-servizz
għandu jitqies bħala: (a)
fil-każ ta' persuna fiżika,
il-pajjiż fejn il-persuna tkun ċittadin jew fejn ikollha d-dritt ta'
residenza permanenti; (b)
fil-każ ta' persuna ġuridika kwalunkwe
minn dawn li ġejjin: (1)
jekk is-servizz huwa pprovdut b'mod ieħor li
mhuwiex preżenza kummerċjali fl-Unjoni, il-pajjiż fejn
il-persuna ġuridika tkun ikkostitwita jew organizzata skont il-liġi
ta' dak il-pajjiż u fit-territorju fejn il-persuna ġuridika tkun
impenjata f'operazzjonijiet sustanzjali ta' negozju; (2)
jekk is-servizz huwa pprovdut permezz ta'
preżenza kummerċjali fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn il-persuna
ġuridika tkun stabbilita u fit-territorju li tkun impenjata
f'operazzjonijiet sustanzjali ta' negozju b'mod li jkollha rabta diretta u
effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Għall-finijiet tal-punt (2), jekk il-persuna
ġuridika ma tkunx impenjata f'operazzjonijiet sustanzjali ta' negozju
b'mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru
kkonċernat, l-oriġini tal-persuni fiżiċi jew
ġuridiċi li għandhom is-sjieda jew jikkontrollaw il-persuna
ġuridika li tipprovdi s-servizz. Il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz
għandha tkun ikkunsidrata bħala: 'posseduta' minn persuni ta' pajjiż
partikolari jekk aktar minn 50 % tal-interess ta' ekwità fiha jkun
proprjetà benefiċjarja ta' persuni minn dak il-pajjiż u
'kkontrollata' minn persuni ta' pajjiż partikolari jekk dawn il-persuni
jkollhom is-setgħa jaħtru l-maġġoranza tad-diretturi
tagħha jew inkella li jmexxu legalment l-azzjonijiet tagħha. 3. Għall-finijiet ta' dan
ir-Regolament, il-prodotti jew is-servizzi li joriġinaw mill-pajjiżi
taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex l-Istati Membru għandhom
ikunu trattati bħal dawk li joriġinaw mill-Istati Membri. Kapitolu II
Trattament ta' prodotti u servizzi
koperti u mhux koperti, offerti anormalment baxxi
Artikolu 4
Trattament ta' prodotti u
servizzi koperti
Meta jingħataw kuntratti
għat-twettiq ta' xogħlijiet u/jew ta' biċċa xogħol,
il-forniment ta' prodotti jew ta' servizzi, awtoritajiet/entitajiet kontraenti
għandhom jitrattaw prodotti u servizzi koperti bl-istess mod
bħall-prodotti u servizzi li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea. Prodotti jew servizzi li joriġinaw
mill-pajjiżi lanqas żviluppati elenkati fl-Anness I
għar-Regolament (KE) Nru 732/2008 għandhom ikunu trattati
bħala prodotti u servizzi koperti. Artikolu 5
Regoli ta' aċċess
għal prodotti u servizzi mhux koperti
Prodotti u servizzi
mhux koperti jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri
restrittivi meħuda mill-Kummissjoni: (a) fuq talba tal-entitajiet
kontraenti individwali skont ir-regoli stabbiliti f'Artikolu 6; (b) skont ir-regoli stabbiliti
fl-Artikoli 10 u 11. Artikolu 6
Esklużjoni, permezz
tas-setgħat tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti, tal-offerti li
jinkludu prodotti u servizzi mhux koperti
1. Fuq talba tal-awtoritajiet/entitajiet
kontraenti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk għandhiex tapprova,
għall-kuntratti b'valur stmat ta' EUR 5,000,000 jew aktar u li
jeskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-esklużjoni mill-proċeduri
għall-għoti ta' offerti ta' kuntratt li jinkludu prodotti jew
servizzi li joriġinaw minn barra l-Unjoni, jekk il-valur ta' prodotti jew
servizzi mhux koperti jkun jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta'
prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu l-offerta, skont il-kundizzjonijiet li
ġejjin. 2. Meta
l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkollhom il-ħsieb li jagħmlu
esklużjonijiet mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti
abbażi tal-paragrafu 1, għandhom jindikaw dan fl-avviż
tal-kuntratt li jippubblikaw skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE
jew skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE jew
l-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar l-għoti ta' kuntratti ta'
konċessjoni. Awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom
jeżiġu li l-offerenti jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini
tal-prodotti u/jew is-servizzi inklużi fl-offerta, u l-valur tagħhom.
Għandhom jaċċettaw awtodikjarazzjonijiet bħala evidenza
preliminarja li l-offerti ma jistgħux jkunu esklużi skont
il-paragrafu 1. Awtorità kontraenti tista' titlob lil offerent fi
kwalunkwe mument waqt il-proċedura biex dan jissottometti
d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa jew parti minnha fejn ikun
meħtieġ sabiex tiżgura twettiq xieraq tal-proċedura.
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu
formoli standard għad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti u
servizzi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati
skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3). Meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti
jirċievu offerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1
illi għandhom l-intenzjoni li jitolbu l-esklużjoni tagħhom
minħabba dik ir-raġuni, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni.
Matul il-proċedura ta' notifika l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu
jkomplu bl-analiżi tagħhom tal-offerti. In-notifika għandha tintbagħat permezz
ta' mezzi elettroniċi u bl-użu ta' formoli standard. Il-Kummissjoni
għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-formoli
standard. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati
skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3). Dik
il-formola standard għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja: (a)
l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità/entità
kontraenti; (b)
deskrizzjoni tal-prodott fil-kuntratt; (c)
l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta' operatur
ekonomiku li l-offerta tiegħu se tkun eskluża; (d)
tagħrif dwar l-oriġini tal-operatur
ekonomiku, il-prodotti u/jew is-servizzi u l-valur tagħhom; Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtorità/entità
kontraenti għal tagħrif addizzjonali. Dak it-tagħrif għandu jkun ipprovdut fi
żmien tmint ijiem ta' xogħol, li jibdew fl-ewwel jum ta' xogħol
wara d-data li fiha tirċievi t-talba għal tagħrif addizzjonali.
Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda tagħrif f'dan il-perjodu, il-perjodu
ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 3 għandu jkun sospiż,
sakemm il-Kummissjoni tirċievi t-tagħrif mitlub. 3. Għall-kuntratti li hemm
referenza għalihom fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha
tadotta att ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-esklużjoni
maħsuba f'perjodu ta' xahrejn li jibda fl-ewwel ġurnata xogħol
wara d-data li fiha tirċievi n-notifika. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni
għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami
msemmija fl-Artikolu 17(2). Dan il-perjodu ta' żmien jista' jiġi
estiż darba b'massimu ta' xahrejn f'każijiet iġġustifikati
kif xieraq, b'mod partikolari jekk it-tagħrif inkluż fin-notifika jew
fid-dokumenti annessi magħha ma jkunx komplut jew mhux eżatt jew jekk
il-fatti hekk kif rapportati jinbidlu b'mod sostanzjali. Jekk,
fl-aħħar ta' dan il-perjodu ta' xahrejn, jew tal-perjodu ta'
żmien estiż, il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni li
tapprova jew ma tapprovax l-esklużjoni, l-esklużjoni għandha
titqies bħala mhux approvata mill-Kummissjoni. 4. Meta tadotta atti ta'
implimentazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha
tapprova l-esklużjoni maħsuba fil-każijiet li ġejjin: (a)
jekk il-ftehim internazzjonali dwar
l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku bejn l-Unjoni u
l-pajjiż minn fejn joriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi, jinkludi,
għall-prodotti u/jew is-servizzi li tagħhom tkun qed tiġi
proposta l-esklużjoni, riżervazzjonijiet espliċiti ta'
aċċess għas-suq min-naħa tal-Unjoni; (b)
meta ftehim msemmi fil-punt (a) ma jkunx
jeżisti u l-pajjiż terz iżomm miżuri restrittivi
tal-akkwist li jwasslu għal nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali
fil-ftuħ tas-suq bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Għall-fini tal-punt (b), għandu jkun
preżunt nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali meta miżuri
restrittivi tal-akkwist jirriżultaw f'diskriminazzjonijiet serji u
ripetittivi tal-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE. Meta tadotta atti ta' implimentazzjoni skont
il-paragrafu 3, il-Kummissjoni ma għandhiex tapprova esklużjoni
maħsuba fejn din ma tkunx tirrispetta l-impenji
għall-aċċess għas-suq li tkun daħlet għalihom
l-Unjoni fil-ftehimiet internazzjonali tagħha. 5. Meta tkun qed tivvaluta jekk
jeżistix nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali, il-Kummissjoni
għandha teżamina dan li ġej: (a)
sa liema livell il-liġijiet dwar l-akkwist
pubbliku tal-pajjiż ikkonċernat jiżguraw trasparenza
f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u
jipprekludu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-prodotti, is-servizzi u
l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni; (b)
sa liema livell l-awtoritajiet pubbliċi u/jew
entitajiet tal-akkwist individwali jżommu jew jadottaw prattiki
diskriminatorji kontra prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi
tal-Unjoni. 6. Qabel ma l-Kummissjoni
tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 3 għandha tisma'
l-offerent jew l-offerenti kkonċernati. 7. Awtoritajiet/entitajiet
kontraenti li jkunu eskludew offerti abbażi tal-paragrafu 1,
għandhom jindikaw dan fl-avviż tal-kuntratt li jippubblikaw skont
l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE, Artikolu 42
tad-Direttiva 2004/17/KE, jew l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar
l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni. Il-Kummissjoni għandha
tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-formoli standard għal
notifiki ta' għoti ta' kuntratt. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni
għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija
fl-Artikolu 17(3). 8. Paragrafu 1 ma
għandux japplika fejn il-Kummissjoni tkun adottat l-att ta'
implimentazzjoni dwar l-aċċess temporanju tal-prodotti u servizzi
minn pajjiż impenjat f'negozjati sostanzjali mal-Unjoni hekk kif stabbilit
fl-Artikolu 9(4). Kapitolu III
Regoli dwar offerti anormalment baxxi
Artikolu 7
Offerti anormalment baxxi
Fejn l-awtorità/entità kontraenti għandha
l-ħsieb li, skont l-Artikolu 69 tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku
jew skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li
joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u
postali, wara li tivverifika l-ispjegazzjonijiet tal-offerent,
taċċetta offerta anormalment baxxa li tinkludi prodotti u/jew
servizzi li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li fiha l-valur tal-prodotti
jew servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali
tal-prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu l-offerta, għandha tinforma
b'dan lill-offerenti l-oħrajn bil-miktub u tinkludi r-raġunijiet
għan-natura anormalment baxxa tal-prezz jew tal-ispejjeż imposti. Awtorità/entità kontraenti tista' twaqqaf
kwalunkwe divulgazzjoni ta' tagħrif fejn dan ikun jista' jostakola
l-applikazzjoni tal-liġi, imur kontra l-interess pubbliku,
jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi tal-operaturi
ekonomiċi, kemm jekk pubbliċi jew privati, jew ikun jista'
jippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejniethom. Kapitolu IV
Investigazzjoni tal-Kummissjoni,
konsultazzjoni u miżuri li temporanjament jillimitaw l-aċċess tal-prodotti
u servizzi mhux koperti għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE
Artikolu 8
Investigazzjoni marbuta
mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE
għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi
1. Il-Kummissjoni tista' fi kwalunke
ħin, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-partijiet
interessati jew ta' Stat Membru, tiftaħ investigazzjoni esterna dwar
l-akkwist fir-rigward ta' miżuri allegatament restrittivi tal-akkwist,
meta tqis li din l-azzjoni tkun fl-interess għall-Unjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha
tqis jekk għadd ta' esklużjonijiet maħsuba kinux approvati skont
l-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament. Jekk tinfetaħ investigazzjoni, il-Kummissjoni
għandha tippubblika notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni,
fejn tistieden lill-partijiet interessati u l-Istati Membri jipprovdu
t-tagħrif kollu rilevanti lill-Kummissjoni f'perjodu ta' żmien
speċifiku. 2. L-investigazzjoni msemmija
f'paragrafu 1 titwettaq abbażi tal-kriterja stipulati
f'Artikolu 6. 3. Il-valutazzjoni li titwettaq
mill-Kummissjoni dwar jekk miżuri restrittivi tal-akkwist ikunux qed
jiġu applikati minn pajjiżi terzi kkonċernati għandha ssir
abbażi ta' tagħrif mogħti minn partijiet interessati u Stati
Membri u/jew fatti miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni
tagħha, u għandha tiġi konkluża f'perjodu ta' disa' xhur
wara li tkun bdiet l-investigazzjoni. F'każijiet iġġustifikati
kif xieraq dan il-perjodu ta' żmien jista' jiġi estiż bi tliet
xhur. 4. Meta l-Kummissjoni,
bħala riżultat tal-investigazzjoni esterna dwar l-akkwist,
tikkonkludi li l-miżuri allegatament restrittivi ta' akkwist ma jkunux qed
jiġu applikati mill-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni
għandha tadotta deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni. Dawk
l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont
il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2). Artikolu 9
Konsultazzjoni ta'
pajjiż terz
1. Meta, bħala
riżultat ta' investigazzjoni, jinstab li jkunu qed jiġu applikati
miżuri restrittivi tal-akkwist minn pajjiż terz u l-Kummissjoni
tikkunsidra li fl-interess tal-UE jiġġustifika li tagħmel hekk,
il-Kummissjoni għandha tistieden lill-pajjiż jidħol
f'konsultazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi,
prodotti u servizzi tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu sehem
fil-proċeduri ta' offerti għall-għoti ta' kuntratti tal-akkwist
pubbliku f'dak il-pajjiż b'kundizzjonijiet li ma jkunux anqas favorevoli
minn dawk mogħtija lill-operaturi, prodotti u servizzi nazzjonali ta' dak il-pajjiż
u wkoll bl-għan li tkun żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju
ta' trasparenza u trattament ekwu. Jekk il-pajjiż ikkonċernat jirrifjuta
l-istedina li jidħol f'konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha, meta
tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 10 li jillimita
l-aċċess għall-prodotti u servizzi li joriġinaw minn dak
il-pajjiż terz, tiddeċiedi abbażi tal-fatti disponibbli. 2. Jekk il-pajjiż
ikkonċernat huwa Parti għall-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku
jew ikkonkluda ftehim dwar il-kummerċ mal-UE li jinkludi dispożizzjonijiet
dwar l-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-mekkaniżmi
ta' konsultazzjoni u/jew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim
stabbiliti f'dak il-ftehim meta l-prattiki restrittivi jkunu marbuta ma'
akkwist kopert minn impenji għall-aċċess għas-suq li
ttieħdu mill-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tal-Unjoni. 3. Meta, wara li tkun inbdiet
il-konsultazzjoni, il-pajjiż ikkonċernat jieħu miżuri
rimedjali/korrettivi sodisfaċenti, iżda dan mingħajr ma
jieħu impenji ġodda għall-aċċess għas-suq, il-Kummissjoni
tista' tissospendi jew ittemm il-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja
l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri rimedjali/korrettivi, fejn xieraq
abbażi ta' tagħrif perjodiku li tista' titlob mingħand
il-pajjiż terz ikkonċernat. Fejn il-miżuri rimedjali/korrettivi li jkunu
ttieħdu mill-pajjiż terz ikkonċernat jintemmu, jiġu
sospiżi jew implimentati b'mod mhux xieraq, il-Kummissjoni tista': (i) tkompli jew terġa tibda l-konsultazzjoni
mal-pajjiż terz ikkonċernat, u/jew (ii) tieħu azzjoni skont Artikolu 10 li
tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tillimita l-aċċess għal
prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiż terz L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan
il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta'
eżami msemmija fl-Artikolu 17(2). 4. Fejn, wara li tkun bdiet
il-konsultazzjoni, jidher li l-aktar mod xieraq sabiex tintemm prattika
restrittiva ta' akkwist tkun il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali,
għandhom jitwettqu negozjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 207
u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk pajjiż
ikun impenja ruħu f'negozjati sostanzjali mal-Unjoni Ewropea dwar
l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni
għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jipprevedi li l-prodotti u
s-servizzi minn dak il-pajjiż ma jistgħux jiġu esklużi
mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti skont Artikolu 6. 5. Il-Kummissjoni tista' ttemm
il-konsultazzjoni jekk il-pajjiż ikkonċernat jieħu impenji
internazzjonali mifthema mal-Unjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawn l-oqsfa
li ġejjin: (a)
Sħubija mal-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist
Pubbliku, (b)
Konklużjoni ta' ftehim bilaterali mal-Unjoni
li jinkludi impenji għall-aċċess għas-suq fil-qasam
tal-akkwist pubbliku, jew (c)
Espansjoni tal-impenji tiegħu għall-aċċess
għas-suq li ttieħdu fil-kuntest tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist
tal-Gvern jew fil-kuntest tal-ftehim bilaterali konkluż mal-Unjoni f'dak
il-qafas. Il-konsultazzjoni tista' wkoll tintemm
f'każijiet fejn il-miżuri restrittivi tal-akkwist ikunu għadhom
applikati fil-mument meta jittieħdu l-impenji, sakemm dawn jinkludu
dispożizzjonijiet iddettaljati fir-rigward tal-eliminazzjoni gradwali ta'
dawk il-prattiki. 6. Fil-każ li
konsultazzjoni ma' pajjiż terz ma twassalx għal riżultati
sodisfaċenti fi żmien 15-il xahar mid-data meta tkun bdiet
il-konsultazzjoni mal-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha ttemm
il-konsultazzjoni u tikkunsidra azzjoni skont l-Artikolu 10 biex tadotta
atti ta' implimentazzjoni li jillimitaw l-aċċess ta' prodotti u
servizzi li joriġinaw minn pajjiż terz. Artikolu 10
Adozzjoni ta' miżuri li
jillimitaw l-aċċess tal-prodotti u servizzi mhux koperti
għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE
1. Fejn f'investigazzjoni skont
Artikolu 8, u wara li tkun segwita l-proċedura prevista f'Artikolu 9,
jinsab li miżuri restrittivi tal-akkwist adottati jew applikati minn dak
il-pajjiż terz wasslu għal nuqqas ta' reċiproċità
importanti fil-ftuħ tas-suq bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz, kif
imsemmi f'Artikolu 6, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni
sabiex tillimita temporanjament l-aċċess għal prodotti u
servizzi mhux koperti li joriġinaw minn pajjiż terz. Dawk l-atti ta'
implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta'
eżami msemmija fl-Artikolu 17(2). 2. Il-miżuri adottati skont
il-paragrafu 1 jistgħu jikkonsistu f'forma minn dawn li ġejjin: (a)
l-esklużjoni ta' offerti li aktar minn
50 % tal-valur totali tagħhom ikun magħmul minn prodotti jew
servizzi mhux koperti li joriġinaw fil-pajjiż li jadotta jew japplika
prattika restrittiva ta' akkwist; u/jew (b)
penali obbligatorja fuq il-prezz fuq dik il-parti
tal-offerta li tikkonsisti minn prodotti jew servizzi mhux koperti li
joriġinaw f'dak il-pajjiż li jadotta jew japplika prattika
restrittiva ta' akkwist. 3. Miżuri adottati skont
il-paragrafu 1 jistgħu, b'mod partikolari, ikunu limitati għal: (a)
akkwist pubbliku li jsir permezz ta' ċertu
kategoriji definiti ta' awtoritajiet/entitajiet kontraenti; (b)
akkwist pubbliku ta' ċertu kategoriji definiti
ta' prodotti jew servizzi; (c)
akkwist pubbliku li jaqbeż ċertu limiti
definiti jew li huwa inkluż bejn dawn il-limiti. Artikolu 11
Irtirar jew sospensjoni
tal-miżuri
1. Meta
l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet li jiġġustifikaw
il-miżuri adottati skont l-Artikoli 9(4) u 10 ma għadhomx
japplikaw, il-Kummissjoni tista' tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex: (a)
tirrevoka l-miżuri; jew (b)
tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri
għall-perjodu ta' żmien massimu ta' sena. Għall-finijiet tal-punt (b), il-Kummissjoni
tista', fi kwalunkwe mument u permezz ta' att ta' implimentazzjoni, terġa'
ddaħħal l-miżuri. 2. L-atti
ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati
skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2). Artikolu 12
Tagħrif
għall-offerenti
1. Meta
l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jwettqu proċedura ta' akkwist,
suġġetta għall-miżuri restrittivi, adottati skont
l-Artikolu 10 jew magħmula applikabbli mill-ġdid skont
l-Artikolu 11, dawn għandhom jindikaw dan fin-notifika tal-kuntratt
li jippubblikaw skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE jew
l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE. Il-Kummissjoni għanda
tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard
skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3).2 Fejn
l-esklużjoni ta' offerta tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni ta'
miżuri adottati skont Artikolu 10 jew magħmula applikabbli
mill-ġdid skont Artikolu 11, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti
għandhom jinfurmaw lill-offerenti mhux rebbieħa. Artikolu 13
Eċċezzjonijiet
1. Awtoritajiet/entitajiet
kontraenti jistgħu jiddeċiedu li, fil-qafas tal-proċedura
tal-akkwist, ma japplikawx il-miżuri skont Artikolu 10 jekk: (a)
ma jkunx hemm disponibbli prodotti jew servizzi
tal-Unjoni u/jew li huma koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-entità
kontraenti; jew (b)
applikazzjoni tal-miżura twassal għal
żieda sproporzjonata fil-prezz jew fl-ispejjeż tal-kuntratt. 2. Fejn awtorità/entità
kontraenti jkollha l-intenzjoni li ma tapplikax il-miżuri adottati skont
l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, jew applikabbli mill-ġdid skont
l-Artikolu 11, għandha tindika dan fin-notifika ta' kuntratt li
għandha tippubblika skont Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE
jew Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE. Għandha tinnotifika
lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem kalendarji wara
l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-kuntratt. In-notifika għandha tintbagħat permezz
ta' mezzi elettroniċi u bl-użu ta' formoli standard. Il-Kummissjoni
għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard
għan-notifiki tal-kuntratti u n-notifikazzjoni skont il-proċedura
konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3). In-notifika għandha tinkludi t-tagħrif
li ġej: (a)
l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità/entità
kontraenti; (b)
deskrizzjoni tal-prodott tal-kuntratt; (c)
tagħrif dwar l-oriġini tal-operatur
ekonomiku, il-prodotti u/jew is-servizzi li għandhom jiġu ammessi; (d)
ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata
d-deċiżjoni li ma jiġux applikati miżuri restrittivi u
ġustifikazzjoni ddettaljata għall-użu tal-eċċezzjoni; (e)
fejn xieraq, kwalunkwe tagħrif ieħor
meqjus bżonnjuż mill-awtorità/entità kontraenti. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtorità/entità
kontraenti kkonċernata għal tagħrif addizzjonali. 3. Fil-każ li
awtorità/entità kontraenti twettaq, skont l-Artikolu 31
tad-Direttiva 2004/18/KE jew skont Artikolu 40(3)
tad-Direttiva 2004/17/KE u tiddeċiedi li ma tapplikax miżura
adottata skont Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, jew li
ddaħħlet mill-ġdid skont Artikolu 11, għandha tindika
dan l-użu fin-notifika tal-għoti tal-kuntratt li tippubblika skont
Artikolu 35 tad-Direttiva 2044/18/KE jew Artikolu 43
tad-Direttiva 2004/17/KE u tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard
minn għaxart ijiem kalendarji wara l-pubblikazzjoni tan-notifika
tal-għoti tal-kuntratt. In-notifika għandha tintbagħat permezz
ta' mezzi elettroniċi u bl-użu ta' formoli standard. Il-Kummissjoni
għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard
għall-notifiki tal-kuntratti u notifikazzjonijiet skont il-proċedura
konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(2). In-notifika għandha
tinkludi t-tagħrif li ġej: (a)
l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità/entità
kontraenti; (b)
deskrizzjoni tal-prodott tal-kuntratt; (c)
tagħrif dwar l-oriġini tal-operaturi
ekonomiċi, il-prodotti u/jew is-servizzi li għandhom jiġu
ammessi; (d)
ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata
d-deċiżjoni li ma jiġux applikati miżuri restrittivi u
ġustifikazzjoni ddettaljata għall-użu tal-eċċezzjoni; (e)
fejn xieraq, kwalunkwe tagħrif ieħor
meqjus bżonnjuż mill-entità kontraenti. Kapitolu V
Setgħat delegati u ta'
implimentazzjoni, rapporti u dispożizzjonijiet ifnali
Artikolu 14 Emendi
għall-Anness
Il-Kummissjoni għandu jkollha
s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 li
jikkonċerna l-emendi għall-Anness biex tiġi riflessa
l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali ġodda mill-Unjoni
fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Artikolu 15
Eżerċitar tad-delega tas-setgħat
1. Is-setgħa ta' adozzjoni
tal-atti delegati tingħata lill-Kummissjoni, suġġetta
għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu. 2. Id-delega tas-setgħa
msemmija fl-Artikolu 14 għandha tingħata lill-Kummissjoni
għal perjodu ta' żmien indeterminat li jibda minn [data tad-dħul
fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. 3. Id-delega tas-setgħa
msemmija fl-Artikolu 14 tista' tkun revokata fi kwalunkwe mument
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka
għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik
id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ fil-ġurnata
wara dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata
fid-deċiżjoni msemmija. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta'
kwalunkwe atti delegati li huma diġà fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att delegat,
il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat li jkun adottat
skont dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ biss fejn ma
jkunx hemm oġġezzjoni espressa mill-Parlament Ewropew jew
mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn wara n-notifikazzjoni tal-att lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se
joġġezzjonaw. Dak il-perjodu ta' żmien għandu jiġi
estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Artikolu 16
Implimentazzjoni
1. F'każ ta' applikazzjoni
ħażina mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti
tal-eċċezzjonijiet stipulati f'Artikolu 13, il-Kummissjoni
tista' tapplika l-mekkaniżmu korrettiv tal-Artikolu 3
tad-Direttiva 89/665/KEE jew l-Artikolu 8
tad-Direttiva 92/13/KEE. 2. Kuntratti konklużi ma'
operatur ekonomiku bi ksur tal-atti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni
adottati skont Artikolu 6 wara esklużjoni maħsuba li tkun
ġiet innotifikata minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti jew miżuri
adottati skont l-Artikolu 10 jew li ddaħħlu mill-ġdid skont
Artikolu 11 għandhom jiġu ddikjarati mhux effettivi fil-kuntest
tat-tifsira tad-Direttiva 2007/66/KE. Artikolu 17
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha
tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi
stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE[19] u mill-Kumitat stabbilit
mill-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ[20]. Dawn il-kumitati
għandhom ikunu kumitati fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 2. Fejn issir referenza
għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u l-kumitat kompetenti għandu jkun
il-Kumitat imwaqqaf permezz tar-Regolament dwar l-Ostakoli
għall-Kummerċ. 3. Fejn issir referenza
għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u l-kumitat kompetenti għandu jkun
il-Kumitat imwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 71/306/KEE. Artikolu 18
Kunfidenzjalità
1. Tagħrif li jasal skont
dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li ntalab
għalih. 2. Il-Kummissjoni, il-Kunsill,
il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-uffiċjali tagħhom
m'għandhomx jiżvelaw kwalunkwe tagħrif ta' natura kunfidenzjali
li jasal skont dan ir-Regolament, mingħajr permess speċifiku
mill-fornitur ta' dan it-tagħrif. 3. Il-fornitur tat-tagħrif
jista' jitlob li t-tagħrif ippreżentat ikun trattat b'mod
kunfidenzjali u għandu jkun akkumpanjat b'sommarju mhux kunfidenzjali
tat-tagħrif jew dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex
it-tagħrif ma jistax jitqassar. 4. Jekk jidher li t-talba
għall-kunfidenzjalità mhijiex ġustifikata u jekk il-fornitur mhuwiex
lest li jagħmel it-tagħrif pubbliku jew li jawtorizza l-iżvelar
tiegħu f'termini ġenerali jew bħala sommarju, din
l-informazzjoni tista' ma tkunx ikkunsidrata. 5. Paragrafi 1 sa 5 ma
għandhomx jipprekludu l-iżvelar ta' tagħrif ġenerali
mill-awtoritajiet tal-Unjoni. Dan l-iżvelar għandu jqis l-interess
leġittimu tal-partijiet ikkonċernati sabiex is-sigrieti tagħhom
dwar in-negozju ma jinkixfux. Artikolu 19
Rappurtar
Sal-1 ta' Jannar 2017, u
mill-inqas kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan
ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan
ir-Regolament u dwar il-progress li jkun sar fin-negozjati internazzjonali,
skont dan ir-Regolament, fir-rigward tal-aċċess għall-operaturi
ekonomiċi tal-UE għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti
pubbliċi fil-pajjiżi terzi. Għal dan il-għan, l-Istati
Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha,
tagħrif xieraq. Artikolu 20
Revoki
L-Artikoli 58 u 59
tad-Direttiva 2004/17/KE għandhom ikunu rrevokati b'effett
mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fis-60 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, 21.3.2012 Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS Lista
ta' ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni kkonkludiet fil-qasam tal-akkwist
pubbliku inkluż impenji għall-aċċess għas-suq Ftehim Plurilaterali: - Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (ĠU L, 336,
23.12.1994) Ftehimiet Bilaterali: -
Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ewropea u l-Messiku
(ĠU L 276, 28.10.2000, L 157/30.6.2000) -
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ċertu
aspetti ta' akkwist pubbliku (ĠU L. 114, 30.04.2002) -
Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċili
(ĠU L352, 30.12.2002) -
Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u
l-Istati Membri tagħha u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava
tal-Maċedonja (ĠU L 87, 20.03.2004) -
Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunità
Ewropea u l-Kroazja (ĠU L 26, 28.1.2005) -
Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunità
Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Montenegro (ĠU L 345, 28.12.2007) -
Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunità
Ewropea u l-Albanija (ĠU L 107, 28.4.2009) -
Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea ta' Isfel -
(ĠU L 127/14.5.2011) [1] Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE dwar proċeduri
ta' akkwist pubbliku fis-settur tas-servizzi. [2] Id-Direttiva 2004/18/KE għall-entitajiet
fl-hekk imsejħa oqsma klassiċi u d-Direttiva 17/2004/KE
għall-entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija,
it-trasport u l-postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1 u p. 114
rispettivament). [3] COM(2011) 895 finali u
COM(2011) 896 finali. [4] Minbarra
t-tweġibiet li waslu permezz tal-internet, kien hemm ukoll
sottomissjonijiet bil-miktub. [5] Approċċ A: Awtoritajiet/entitajiet kontraenti
tal-UE jkunu meħtieġa, fil-prinċipju, jeskludu prodotti,
servizzi u kumpaniji minn pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn impenji
internazzjonali tal-UE. [6] Approċċ B: Soġġett għal
notifika lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-UE ikollhom
l-għażla li jiddeċiedu li jeskludu prodotti, servizzi u
kumpaniji ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn impenji
internazzjonali tal-UE. Minbarra dan, il-Kummissjoni tkun fdata b'għodda
speċifika biex twettaq inkjesti dwar is-sitwazzjoni tal-aċċess
għas-suq għall-prodotti, servizzi u kumpaniji tal-UE u biex timponi
miżuri restrittivi fuq il-prodotti u s-servizzi li joriġinaw minn
pajjiżi terzi meta prodotti, servizzi u kumpaniji tal-UE ma jkollhomx
biżżejjed aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta'
dawk il-pajjiżi. [7] COM(2011) 897 finali. [8] OJ C , , p. . [9] OJ C , , p. . [10] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1 [11] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. [12] ĠU L 302, 19.10.1992,
p. 1 [13] ĠU L…. [14] ĠU L 349, 31.12.1994 [15] ĠU L 395, 30.12.1989,
p. 33 [16] ĠU L 76, 23.3.1992,
p. 14 [17] ĠU L 335, 20.12.2007,
p. 31 [18] ĠU L 302, 19.10.1992,
p. 1 [19] ĠU L 185, 16.8.1971,
p. 15. [20] ĠU L 349, 31.12.1994,
p. 71