Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012JC0015

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta' assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d'Ivoire

    /* JOIN/2012/015 final - 2012/0128 (NLE) */

    52012JC0015

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta' assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d'Ivoire /* JOIN/2012/015 final - 2012/0128 (NLE) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    (1) Fuq il-bażi tal-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 174/2005, kif emendat, introduċa projbizzjoni tal-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja fir-rigward tal-attivitajiet militari fil-Côte d’Ivoire, sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1572 (2004). Ir-Regolament ipprovda wkoll għal projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ apparat għar-ripressjoni interna lejn il-Côte d’Ivoire, kif ukoll tal-assistenza teknika u finanzjarja relatata. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK.

    (2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/[…]/PESK ta’ […] temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK rigward il-kamp tal-applikazzjoni tal-embargo tal-armi fid-dawl ta' UNSCR 2045 (2012).

    (3) Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni jipproponu li jingħata effett lil dawn il-miżuri permezz ta' Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    2012/0128 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta' assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d'Ivoire

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/…/PESK ta’ […] li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK u ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire[1],

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)       Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK[2] li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l- u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK[3]. Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005[4], adottat biex jagħti effett lill-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK, jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/656/PESK fil-livell tal-Unjoni billi jimponi restrizzjonijiet fuq l-għoti ta’ assistenza relatata mal-attivtajiet militari lill-Côte d'Ivoire.

    (2)       Id-Deċiżjoni 2012/[…]/PESK ta’ […] temenda l-kamp tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/656/PESK fid-dawl tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2045 (2012) billi tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-għoti ta' assistenza teknika u finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari. Tneħħi wkoll ir-restrizzjonijiet fuq l-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja relatata ma’ apparat li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.

    (3)       Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

    (4)       Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 huwa emendat kif ġej:

    (1) L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘Kumitat tas-Sanzjonijiet’ tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit skont il-paragrafu 14 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 1572 (2004).”

    (2) L-Artikolu 2 jitħassar.

    (3) L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “Ikun ipprojbit:

    (a) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk ikun joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Côte d'Ivoire, jew biex jintuża f’dak il-pajjiż;

    (b) li wieħed jipparteċipa, b’mod li jkun jaf x’qed jagħmel u bil-ħsieb, f'attivitajiet li l-iskop jew effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li ssir promozzjoni tat-tranżazzjonijiet msemmijin fil-punt (a) ta’ dan l-artikolu.”

    (4) L-Artikolu 4 jitħassar.

    (5) l-Artikolu 4a, il-paragrafi 1 u 2, jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "1. B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew il-fornitur tas-servizz, tista’ tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xerqin, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir li ma joqtolx elenkat fl-Anness I, wara li tkun iddeterminat li l-apparat li ma joqtolx inkwistjoni jkun maħsub biss biex jippermetti lill-forzi tas-sigurtà tal-Côte d’Ivoire jużaw biss forza xierqa u proporzjonata biex iżommu l-ordni pubbliku.

    2. B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkat fl-Anness II, tal-Istat membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew il-fornitur tas-servizz, tista’ tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xerqin, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, li huwa maħsub biss biex jiġi sostnut il-proċess tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-Côte d’Ivoire.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, […]

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L

    [2]               ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.

    [3]               ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50; ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 264–267 (MT).

    [4]               ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5; ĠU L 333M, 11.12.2008, p. 1019–1043 (MT).

    Top