This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IE1468
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The Implementation and monitoring of the UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities by the EU institutions and the role of the EESC’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 44, 15.2.2013, pp. 28–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
15.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/28 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2013/C 44/05
Relatur: is-Sur VARDAKASTANIS
Nhar is-26 ta’ April 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-KESE.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2012.
Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill biex jerġa’ jiftaħ in-negozjati dwar il-konklużjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD – United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities) sabiex jiżgura li l-Ewropej b’diżabilità jgawdu bis-sħiħ mill-UN CRPD. |
|
1.2 |
Il-KESE jistieden lill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew biex jorganizzaw it-tieni Stat tal-Unjoni dwar id-Diżabilità f’Diċembru 2013, kopresedut mill-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, sabiex tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
|
1.3 |
Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-UN CRPD tinkludi obbligi li jirrikjedu bidliet leġislattivi u tal-politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, u li s-sitwazzjoni finanzjarja ma tistax tintuża bħala skuża biex l-azzjoni fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità titħalla għal aktar tard. |
|
1.4 |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond u parteċipattiva tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar id-Diżabilità bħala parti integrali mill-istrateġija globali futura tal-UE, li għandha tinkludi r-reviżjoni tal-leġislazzjoni, tal-politiki u tal-programmi eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ proposti ġodda. |
|
1.5 |
Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex permezz tas-Segretarjat Ġenerali tagħha, tiżviluppa għodda għall-valutazzjoni tal-impatt fuq il-UN CRPD. |
|
1.6 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kunsill stabbilixxa qafas indipendenti li jippromovi, jipproteġi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-UN CRPD, u jappella li jiġi adottat baġit speċifiku li bih min jipparteċipa fil-qafas ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod għalkollox indipendenti mill-punt ta’ kuntatt. |
|
1.7 |
Il-KESE jittama li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni Ewropea dwar proposta leġislattiva ambizzjuża għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità bl-usa’ kamp ta’ applikazzjoni possibbli, liema proposta tkun tinkludi l-obbligu li l-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati jipprovdu aċċessibilità sħiħa lill-persuni b’diżabilità, kif ukoll definizzjoni ċara u estensiva ta’ x’inhi l-aċċessibilità. |
|
1.8 |
Il-KESE jilqa’ li l-Aġenda Diġitali tinkludi l-leġislazzjoni dwar l-aċċessibilità tal-websajts pubbliċi u ta’ websajts li jipprovdu servizzi bażiċi lill-pubbliku, u jittama li fl-2012 tiġi ppreżentata leġislazzjoni soda f’dan ir-rigward. |
|
1.9 |
Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex isaħħu jew iżommu d-dispożizzjonijiet favur il-persuni b’diżabilità fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali, dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (1) u dwar it-TEN-T, kif ukoll fil-programm Orizzont 2020 (2), fil-programm Drittijiet u Ċittadinanza, u fil-programmi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja billi jinkludu miżuri li jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità permezz tal-finanzjament u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet. |
|
1.10 |
Il-KESE jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-UN CRPD tiġi integrata fir-relazzjonijiet barranin u l-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali billi jiġi żgurat, fost affarijiet oħra, li l-pożizzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jiġu kkoordinati fi ħdan il-korpi differenti tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
1.11 |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej jieħdu azzjonijiet adatti biex jimplimentaw il-UN CRPD internament billi jirrevedu l-prattiki tagħhom f’termini ta’ impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol, reklutaġġ, taħriġ, aċċessibilità tal-bini, ambjent tax-xogħol u għodod tal-komunikazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-aġenziji ffinanzjati mill-UE. |
|
1.12 |
Il-KESE jieħu nota tal-impenn li s-Sur Barroso ħa f’Diċembru 2011 li jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-UN CRPD f’laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u d-diretturi ġenerali, u jappella biex din il-kwistjoni tkun fuq l-aġenda kull sena. |
|
1.13 |
Il-KESE jilqa’ l-organizzazzjoni ta’ forum ta’ ħidma li jlaqqa’ flimkien lill-punti ta’ kuntatt tal-gvernijiet, il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, il-mekkaniżmi indipendenti tal-UE u tal-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tal-UN CRPD kif ukoll lis-soċjetà ċivili. Hu jesprimi l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-laqgħat li jmiss. |
|
1.14 |
Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi, permezz ta’ opinjoni, għar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fl-2013. |
|
1.15 |
Il-KESE jemmen li għandu jieħu azzjoni adatta biex jimplimenta l-UN CRPD internament u jirrispetta l-obbligi tagħha billi jinkoraġġixxi l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità fil-KESE; jiżgura proċess ta’ reklutaġġ mingħajr diskriminazzjoni; itejjeb l-aċċessibilità tal-bini, tal-websajts, tal-għodod tal-ICT u tad-dokumenti; jipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli għall-impjegati, il-membri u l-esperti; jorganizza taħriġ għall-persunal tiegħu, inkluż permezz tal-produzzjoni ta’ ktejjeb dwar il-UN CRPD; u billi jintegra l-kwistjoni tad-diżabilità fl-attivitajiet tiegħu. |
|
1.16 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw u jimmonitorjaw b’mod sistematiku l-UN CRPD, u għalhekk jintrabat li joħloq kumitat ta’ tmexxija dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-UN CRPD. Il-kumitat ta’ tmexxija għandu jappella biex l-istituzzjonijiet tal-UE jressqu rapport dwar il-ħidma tagħhom u jiġbor ir-reazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom kif ukoll tas-soċjetà ċivili, bil-għan li jipprovdi opinjoni indipendenti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
|
1.17 |
Il-KESE jipproponi li jorganizza laqgħa dwar l-implimentazzjoni tal-UN CRPD, bil-parteċipazzjoni tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
1.18 |
Il-KESE jappella lill-imsieħba soċjali biex jintegraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fin-negozjar kollettiv abbażi ta’ linji gwida li jintlaħaq qbil fuqhom. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Il-persuni b’diżabilità jinkludu lil dawk li għandhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew fis-sensi fit-tul li, fl-interazzjoni ma’ diversi ostakli, jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ta’ ħaddieħor. |
|
2.2 |
Fl-Ewropa hawn madwar 80 miljun persuna b’diżabilità, u skont iċ-ċifri tal-Eurostat huma għandhom darbtejn sa tliet darbiet iżjed ċans minn persuni mingħajr diżabilità li jkunu qiegħda; 20 % biss tal-persuni b’diżabilità severa għandhom impjieg, imqabbla ma’ 68 % tal-persuni mingħajr diżabilità. Il-persuni b’diżabilità għandhom aktar minn 50 % inqas ċans mill-persuni mingħajr diżabilità li jilħqu l-edukazzjoni terzjarja. Fl-Ewropa 38 % biss tal-persuni b’diżabilità li għandhom bejn 16 u 34 sena jaqilgħu d-dħul tagħhom, imqabbla ma’ 64 % tal-persuni mingħajr diżabilità. |
|
2.3 |
Il-KESE jfakkar fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” (3) u fl-Opinjoni tiegħu dwar “Iż-żgħażagħ b’diżabilità: xogħol, inklużjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà” (4). |
|
2.4 |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-UN CRPD u l-Protokoll Fakultattiv tagħha ġew adottati fit-13 ta’ Diċembru 2006 fis-sede tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, infetħu għall-iffirmar fit-30 ta’ Marzu 2007 u daħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008. |
|
2.5 |
Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD ingħatat appoġġ internazzjonali kbir u diġà għandha 154 firmatarju u 126 ratifika. Il-Protokoll Fakultattiv s’issa għandu 90 firmatarju u 76 ratifika. Is-27 Stat Membru tal-UE lkoll iffirmaw il-UN CRPD u 24 minnhom diġà rratifikawha. |
|
2.6 |
Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD hija strument integrali tad-drittijiet tal-bniedem li jkopri d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali. Hu jtenni li kull persuna b’diżabilità għandha tkun tista’ tibbenefika b’mod sħiħ mid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. |
|
2.7 |
Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD tkopri l-persuni kollha b’diżabilità u tirrikonoxxi b’mod espliċitu li d-diskriminazzjoni multipla abbażi tad-diżabilità u fatturi oħra bħall-etniċità, is-sess jew l-istatus ekonomiku hija problema sinifikanti li tista’ tiġi indirizzata biss permezz ta’ approċċ multidixxiplinari li jqis il-kawżi differenti ta’ din il-forma kumplessa ta’ diskriminizzazzjoni. |
|
2.8 |
Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD tinkludi dispożizzjonijiet dwar, fost oħrajn, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-aċċessibilità, il-libertà ta’ moviment u n-nazzjonalità, l-aċċess għall-ġustizzja, il-ħelsien mill-vjolenza, l-għajxien indipendenti u l-ħajja fil-komunità, id-dritt għall-ħajja tal-familja, il-mobilità personali, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, il-kooperazzjoni internazzjonali, il-protezzjoni ċivili, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u l-integrazzjoni tan-nisa u t-tfal b’diżabilità. |
|
2.9 |
Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD tintroduċi bidla fil-perspettiva fejn il-persuni b’diżabilità ma jitqisux bħala “oġġetti” ta’ karità u trattament mediku, iżda bħala “suġġetti” bid-drittijiet tagħhom, li huma kapaċi jitolbu dawn id-drittijiet u jieħdu d-deċiżjonijiet dwar ħajjithom abbażi ta’ kunsens ħieles u infurmat. Li l-persuni b’diżabilità jerġgħu jingħataw vuċi, li jittejbu l-għażliet u li jiżdiedu l-opportunitajiet fil-ħajja huma fost it-temi ewlenin tal-UN CRPD. |
|
2.10 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Konvenzjoni tiċċara u tikkwalifika kif il-kategoriji kollha tad-drittijiet tal-bniedem japplikaw għall-persuni b’diżabilità irrispettivament minn kemm ikollhom bżonn appoġġ, u tidentifika l-oqsma fejn jeħtieġ li ssir bidla biex il-persuni b’diżabilità jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom u biex dawn id-drittijiet jiġu protetti. |
|
2.11 |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-UN CRPD hija l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jista’ jiġi ratifikat mill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, bħall-UE, u jiġbed l-attenzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 li biha l-Komunità Ewropea kkonkludiet il-UN CRPD (5) u li taħtar lill-Kummissjoni bħala l-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
|
2.12 |
Il-KESE jenfasizza li d-deċiżjoni tinkludi lista ta’ oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni; din il-lista tista’ tevolvi u aktarx ser tikber maż-żmien. L-oqsma ta’ kompetenza esklużiva jinkludu l-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u t-tariffa doganali komuni. L-oqsma ta’ kompetenza kondiviża jinkludu l-azzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità, il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, l-agrikoltura, it-trasport bil-ferrovija, bit-triq, bil-baħar u bl-ajru, it-tassazzjoni, is-suq intern, il-paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ta’ valur ugwali, il-politika dwar in-netwerks trans-Ewropej u l-istatistika. |
|
2.13 |
Il-KESE jinnota li l-Kodiċi ta’ Kondotta (6) li jistabbilixxi l-arranġamenti bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar diversi aspetti tal-implimentazzjoni tal-UN CRPD u dwar ir-rappreżentanza fil-korpi stabbiliti mill-UN CRPD, il-proċeduri għat-tħejjija tar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-proċedura għall-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ għal mekkaniżmu indipendenti wieħed jew aktar bl-involviment tas-soċjetà ċivili. |
3. Il-Konvenzjoni tal-UN CRPD: l-implikazzjonijiet tal-ewwel adeżjoni tal-UE ma’ trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem
|
3.1 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha l-Unjoni Ewropea ssieħbet f’konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem billi kkonkludiet il-UN CRPD fit-23 ta’ Diċembru 2010, u jirrikonoxxi r-rwol ta’ tmexxija li qdew l-UE u l-Istati Membri tagħha kif ukoll il-moviment Ewropew dwar id-diżabilità bis-saħħa tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità fit-tfassil tal-UN CRPD. Huwa jemmen li l-UE għandha responsabbiltà speċjali biex iżżid l-isforzi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ u biex tkun xempju għal partijiet oħra tad-dinja. |
|
3.2 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill biex jerġa’ jiftaħ in-negozjati dwar il-konklużjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-UN CRPD, li jippermetti lill-individwi jew lill-gruppi li jressqu ilment quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha fl-UE, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, biex b’hekk jiġu evitati n-nuqqasijet u jiġu eliminati n-nuqqasijiet eżistenti fil-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità meta jinkisru d-drittijiet fl-oqsma ta’ kompetenza tal-UE. |
|
3.3 |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-ratifika ta’ trattati oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, inklużi l-protokolli fakultattivi tagħhom. Huwa jappella lill-UE biex tipparteċipa fid-diskussjonijiet li qed isiru bħalissa fi ħdan il-grupp ta’ ħidma miftuħ tan-Nazzjonijiet Uniti, li qed jikkunsidra t-tfassil ta’ trattat tematiku ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem li jiffoka fuq id-drittijiet tal-persuni anzjani, u biex tiżgura li l-ħidma tagħha tkun konsistenti għalkollox mal-UN CRPD. |
|
3.4 |
Il-KESE jirrikonoxxi li, bħala parti msieħba fil-UN CRPD, l-Unjoni Ewropea għandha tikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti fil-UN CRPD sa fejn jippermettulha l-kompetenzi tagħha. Dan jinkludi li kull tant żmien tressaq rapport quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD. |
|
3.5 |
Il-KESE jenfasizza li l-Artikoli 10 u 19 tat-TFUE u l-Artikolu 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdu referenza ċara għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (7). |
|
3.6 |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex joħorġu leġislazzjonijiet, politiki u programmi li jimplimentaw b’mod sħiħ il-UN CRPD dwar kwistjonijiet li jagħmlu parti mill-kompetenzi esklużivi u kondiviżi tal-Unjoni, u biex jirrevedu l-leġislazzjoni u l-politiki eżistenti bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tal-persuni kollha b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea. |
|
3.7 |
Il-KESE jistieden lill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew biex jorganizzaw, bil-kooperazzjoni tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, it-tieni Stat tal-Unjoni dwar id-Diżabilità f’Diċembru 2013 li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-UN CRPD (8). |
|
3.8 |
Il-KESE jilqa’ li l-Parlament Ewropew, flimkien mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, ser jorganizza Parlament Ewropew tal-persuni b’diżabilità f’Diċembru 2012 bħala parti mill-kontribut tal-Parlament Ewropew għar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD. |
|
3.9 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jieħdu l-azzjonijiet adatti biex jimplimentaw il-UN CRPD internament. Dan jinkludi li:
|
4. L-implimentazzjoni tal-UN CRPD mill-UE u l-Istati Membri
|
4.1 |
Il-KESE laqa’ l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2011 bħala għodda politika prinċipali għall-implimentazzjoni tal-UN CRPD fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-leġislazzjoni sekondarja eżistenti u futura tirrispetta l-UN CRPD u tipprevedi l-parteċipazzjoni u l-involviment tal-persuni b’diżabilità (9). |
|
4.2 |
Il-KESE jitlob li ssir analiżi fil-fond u parteċipattiva tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tad-Diżabilità, li tinkludi l-istabbiliment ta’ miri u għanijiet ġodda. |
|
4.3 |
Il-KESE jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jintegraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE billi jiżguraw li l-ebda ċenteżmu ta’ euro ma jintefaq fuq proġetti jew infrastrutturi li ma jkunux aċċessibbli. |
|
4.4 |
Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex:
|
|
4.5 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea toħloq mekkaniżmu li jippremja l-eċċellenza fil-konformità mal-UN CRPD fi proġetti ffinanzjati mill-UE fir-rigward tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet aċċessibbli u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità. |
|
4.6 |
Il-KESE jfakkar fid-dispożizzjonijiet dwar id-diżabilità inklużi fl-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari rigward it-tielet pilastru dwar l-inklużjoni soċjali, kif ukoll fl-Aġenda Diġitali. Huwa jappella biex l-implimentazzjoni tal-UN CRPD tiġi integrata fl-inizjattivi ewlenin kollha. |
|
4.7 |
Il-KESE huwa mħasseb dwar l-impatt negattiv li l-miżuri ta’ awsterità meħudin f’ħafna Stati Membri tal-UE qed ikollhom fuq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom; dan iwassal għal aktar esklużjoni soċjali, diskriminazzjoni, inugwaljanza u qgħad. Hu jenfasizza li l-kriżi ma tistax tintuża biex tiġi posposta l-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
|
4.8 |
Il-KESE jappella lill-Kunsill Ewropew biex jadotta strateġija reali għat-tkabbir li tipprevedi miżuri favur il-gruppi żvantaġġati bħall-persuni b’diżabilità, fosthom miżuri li jistimolaw l-opportunitajiet ta’ impjieg u li jsaħħu s-servizzi li jippromovu l-għajxien indipendenti u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ta’ persuni li jsiru diżabbli fi xjuħithom, kif ukoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura aċċessibbli. |
|
4.9 |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol permezz ta’ inċentivi fiskali għall-kumpaniji, miżuri favur l-intraprenditorija, il-possibbiltà li jibdew jew jitilqu impjieg, u l-aċċess ugwali għall-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema. |
|
4.10 |
Il-KESE jittama li l-Kummissjoni Ewropea tikkonsultah dwar il-proposta tagħha għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità ambizzjuż, bl-usa’ kamp ta’ applikazzjoni possibbli u li jinkludi l-obbligu li l-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati jipprovdu aċċessibilità sħiħa lill-persuni b’diżabilità kif ukoll definizzjoni ċara u estensiva ta’ x’inhi l-aċċessibilità li tkopri sew l-ambjenti virtwali u sew dawk mibnija, u li jippermetti l-interoperabilità u l-kompatibilità mat-teknoloġiji tal-assistenza u jkun marbut mal-istandards Ewropej. |
|
4.11 |
Il-KESE jitlob lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq il-proposta għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mis-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u biex jallinja din il-proposta mal-UN CRPD billi jinkludi definizzjoni ta’ diżabilità u diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni, jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, jindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, u jissepara b’mod ċar il-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli biex jiġi żgurat aċċess individwali mill-kunċett ta’ aċċessibilità li tinvolvi d-dmir ta’ antiċipazzjoni u d-dmir li jiġi kkunsidrat grupp ta’ nies. |
|
4.12 |
Il-KESE jenfasizza li l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità għandhom jiġu integrati fil-programmi, l-istrateġiji u l-politiki kollha fil-livell tal-UE li huma mmirati lejn in-nisa, it-tfal, il-gruppi diskriminati bħall-minoranzi etniċi u reliġjużi, il-gays u l-lesbjani, u l-anzjani. |
|
4.13 |
Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm l-ogħla qbil possibbli mal-politiki u l-liġijiet interni tal-UE billi l-UN CRPD tiġi integrata fir-relazzjonijiet barranin tagħha u fl-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp permezz, pereżempju, tal-iżvilupp ta’ linji gwida ad hoc. |
|
4.14 |
B’mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tikkoordina l-pożizzjoni tagħha ma’ dik tal-Istati Membri fid-diskussjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità billi, pereżempju, tiżgura li l-pożizzjoni tal-UE dwar il-qafas ta’ wara l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju jinkorpora d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b’diżabilità u li l-persuni b’diżabilità jissemmew fl-analiżi komprensiva tal-politika ta’ kull erba’ snin. |
|
4.15 |
Il-KESE jappella lill-UE biex twassal l-impenn tagħha għall-UN CRPD f’forums multilaterali kontinwi oħra, bħan-negozjati li qed isiru bħalissa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar ir-riforma u l-liberalizzazzjoni tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur. |
|
4.16 |
Il-KESE jfaħħar il-ħidma li saret s’issa fir-rigward tad-djalogu ta’ skambju politiku fil-kuntest tal-Aġenda Transatlantika Ġdida bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar ir-riforma tad-diżabilità. Fid-dawl tar-ratifika imminenti fl-Istati Uniti, jappella li jissaħħaħ aktar id-djalogu transatlantiku dwar il-politika tad-diżabilità bil-għan li jkompli jingħata kontribut fl-avvanz tal-proċess ta’ riforma globali. |
|
4.17 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li f’kull direttorat ġenerali, is-servizzi rilevanti jiġu inkarigati jintegraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-ħidma preparatorja għall-politiki u l-leġislazzjoni. |
|
4.18 |
Il-KESE jappella lis-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni biex jiżviluppa għodda għall-valutazzjoni tal-impatt li kull proposta leġislattiva jkollha fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, u biex fit-taħriġ tal-persunal ġdid u fit-taħriġ mill-ġdid jinkludi komponent dwar id-drittijiet stabbiliti fil-UN CRPD. |
|
4.19 |
Il-KESE jenfasizza li, skont il-paragrafu (o) tal-Preambolu u l-Artikolu 4(3) tal-UN CRPD, il-persuni b’diżabilità għandhom jiġu involuti fil-proċessi kollha tat-tfassil ta’ politika u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, fil-politiki u fil-programmi kollha relatati mal-persuni b’diżabilità. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex jistabbilixxu proċessi adatti. |
5. Il-monitoraġġ tal-UN CRPD fl-UE
|
5.1 |
Il-KESE jinnota li l-Artikolu 33(2) tal-UN CRPD jobbliga lill-Istati Msieħba jaħtru jew iwaqqfu fi ħdanhom qafas li jinkludi mekkaniżmu indipendenti wieħed jew aktar biex “jippromovu, jipproteġu u jimmoniterjaw” l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. |
|
5.2 |
Il-KESE jappella lill-Kunsill biex jaħtar b’mod formali dan it-tip ta’ qafas permezz ta’ deċiżjoni. |
|
5.3 |
Il-KESE jinnota li meta jinħatar jew jitwaqqaf dan it-tip ta’ mekkaniżmu, il-Partijiet Imsieħba għandhom iqisu l-prinċipju ta’ Pariġi rigward l-istatus u l-operat tal-istituzzjonijiet nazzjonali li jipproteġu u jippromovu d-drittijiet tal-bniedem. |
|
5.4 |
Il-KESE jappella, b’mod partikolari, biex il-qafas ikun indipendenti mill-punt ta’ kuntatt u mill-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-UE, u biex jiġi definit mandat ċar għal kull min jipparteċipa fil-qafas kif ukoll baġit speċifiku li jippermettilhom iwettqu l-kompiti tagħhom. |
|
5.5 |
Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli ċari għall-konsultazzjoni strutturata ta’ min jipparteċipa fil-qafas skont ir-rwoli rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-preparazzjoni tal-leġislazzjoni. |
|
5.6 |
Il-KESE jirrikonoxxi li skont l-Artikolu 33(3) tal-UN CRPD, is-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom għandhom jiġu involuti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess ta’ monitoraġġ, inkluż fil-punt ta’ kuntatt u fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni maħturin mill-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
|
5.7 |
Il-KESE jemmen li l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, bħala l-organizzazzjoni Ewropea komprensiva li tirrappreżenta t-80 miljun ċittadin b’diżabilità fl-Ewropa, għandu jiġu involut fil-monitoraġġ f’livell Ewropew tal-UN CRPD kif ukoll fil-proċessi kollha ta’ tfassil ta’ politiki u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ ħajjet il-persuni b’diżabilità. |
|
5.8 |
Il-KESE jemmen bil-qawwa li s-sħubija hija għodda għall-iżvilupp sostenibbli, ekonomiku u soċjali u għandha tkun ibbażata fuq perspettiva fit-tul ta’ parteċipazzjoni reali tas-soċjetà ċivili filwaqt li tinkludi t-tisħiħ kontinwu tal-kapaċitajiet tal-imsieħba kollha kif ukoll il-forniment tal-mezzi adegwati għall-parteċipazzjoni (13). |
|
5.9 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex fil-programm futur tagħha dwar id-Drittijiet u Ċittadinanza tinkludi fondi ddedikati għall-implimentazzjoni tal-UN CRPD, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet, u fondi suffiċjenti għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità. |
|
5.10 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jitwaqqaf qafas fil-livell tal-UE konformi mal-UN CRPD, sabiex dan iservi ta’ eżempju għall-pajjiżi li jinsabu barra mill-UE, b’mod speċjali dawk li jagħmlu parti mill-organizzazzjonijiet reġjonali. |
|
5.11 |
Il-KESE jenfasizza li l-UE għandha tressaq l-ewwel rapport perjodiku tagħha quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD kmieni fl-2013 u hu jittama li l-Kummissjoni Ewropea tikkonsultah fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, fosthom is-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-moviment dwar id-diżabilità. |
|
5.12 |
Il-KESE jilqa’ l-azzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Eurostat biex itejbu u jżidu l-ġbir tad-data u l-istatistika dettaljata u l-indikaturi dwar id-diżabilità, bil-għan li jiġu żviluppati politiki aktar effettivi u monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-KESE qed jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tad-data mill-komponent ad hoc dwar id-diżabilità inkluż fl-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2011, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Eurostat, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Istati Membri biex jinkludu mistoqsijiet dwar id-diżabilità f’kull stħarriġ ewlieni u biex jiżviluppaw sondaġġi u indikaturi speċifiċi li jkejlu l-interazzjoni bejn il-persuni b’diżabilità u l-ostakli li jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom kif ukoll l-impatt tal-istrumenti ta’ politika maħsuba biex jeliminaw tali ostakli. |
|
5.13 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-UN CRPD li jkunu mmirati lejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, il-kumpaniji privati, il-mezzi tax-xandir, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka, l-iskejjel, u s-servizz soċjali u tas-saħħa. |
|
5.14 |
Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-livelli differenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet billi jintegraw id-dispożizzjonijiet tagħha fil-leġislazzjoni, il-politiki u d-deċiżjonijiet amministrattivi u billi jiżviluppaw pjani ta’ azzjoni dwar id-diżabilità li jkunu konformi mal-UN CRPD. |
|
5.15 |
Il-KESE jinkoraġġixxi s-sħubijiet bejn it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità, sabiex jippromovu l-aċċess tal-persuni b’diżabilità għall-impjieg b’konformità mal-UN CRPD. |
6. Il-KESE u l-UN CRPD – implimentazzjoni interna
|
6.1 |
Il-KESE jemmen li għandu jieħu azzjoni adatta biex jimplimenta l-UN CRPD internament u jirrispetta l-obbligi tiegħu. Dan jinkludi b’mod partikolari li:
|
|
6.2 |
Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għandhom ikunu punt trasversali li jiġi indirizzat fl-opinjonijiet kollha tiegħu li għandhom impatt fuq ħajjet il-persuni b’diżabilità. |
|
6.3 |
Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet stabbiliti fil-UN CRPD għandhom jiġu integrati fil-ħidma tas-sezzjonijiet kollha tiegħu, peress li huma jikkonċernaw kull qasam ta’ attività soċjali, kulturali u ekonomika. |
|
6.4 |
Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn jinħoloq kumitat ta’ tmexxija dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-UN CRPD, liema kumitat għandu jappella biex l-istituzzjonijiet differenti tal-UE jressqu rapport dwar il-ħidma tagħhom u jitolbu lis-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità bħala l-organizzazzjoni li tirrappreżenta l-persuni b’diżabilità, biex tesprimi l-fehmiet tagħha bħala kontribut fit-tħejjija u l-preżentazzjoni tar-rapport tal-UE lill-Kumitat tal-UN CRPD. Bis-saħħa tal-involviment ta’ dawn is-sezzjonijiet differenti, il-kumitat ta’ tmexxija jkun jista’ jipprovdi opinjoni indipendenti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
|
6.5 |
Il-KESE jfakkar fir-rwol li jaqdi biex isaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-UE billi jenfasizza d-demokrazija parteċipattiva, kif ukoll ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
|
6.6 |
Il-KESE jappella biex jinħoloq korp li jistimola u jikkoordina d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u s-soċjetà ċivili dwar l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-livell tal-UE. |
|
6.7 |
Il-KESE jirrakkomanda li jagħti l-kontribut tiegħu, permezz ta’ opinjoni, għar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. |
Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2011) 665 final.
(2) http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm
(3) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81-86: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011AE1382:MT:NOT
(4) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 2-6: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52012AE0826:MT:NOT
(5) 2010/48/KE.
(6) 16243/10 tad-29 ta’ Novembru 2010.
(7) SEC(2011) 567 final (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) L-Istat tal-Unjoni dwar id-Diżabilità ssejjaħ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Barroso, fis-6 ta’ Diċembru 2011, u laqqa’ flimkien lis-Sur Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, lis-Sur Buzek, President tal-Parlament Ewropew, u lis-Sur Vardakastanis, President tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità.
(9) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81-86: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011AE1382:MT:NOT
(10) Il-kundizzjonalitajiet ex-ante mal-UN CRPD, l-aċċessibilità u l-għajxien indipendenti kienu diġà inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.
(11) COM(2011) 665 final.
(12) http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm
(13) ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1–9.