This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0663
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Making the internal energy market work
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti
/* COM/2012/0663 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti /* COM/2012/0663 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn suq intern tal-enerġija
effiċjenti
1. DAĦLA L-Unjoni Ewropea għandha bżonn suq
intern tal-enerġija li jkun kompetittiv, integrat, u li jaħdem
mingħajr xkiel, sabiex jipprovdi sinsla soda
għaċ-ċirkolazzjoni tal-elettriku u tal-gass fejn dawn ikunu
meħtieġa. Biex tegħleb l-isfidi tal-Ewropa fl-oqsma
tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima, u biex tiżgura provvista tal-enerġija
affordabbli u sikura għad-djar u għan-negozji, l-UE għandha
tiżgura li s-suq intern Ewropew tal-enerġija jkun kapaċi jopera
b'mod effiċjenti u flessibbli. Minkejja avvanzi kbar fl-aħħar
snin fil-mod kif jiffunzjona s-suq tal-enerġija, hemm bżonn li ssir
iktar ħidma biex jiġu integrati s-swieq, biex tittejjeb
il-kompetizzjoni, u biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda.
Kif jisħaq il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[1], il-kisba tal-integrazzjoni
sħiħa tan-netwerks u sistemi Ewropej tal-enerġija, u ftuħ
usa' tas-swieq tal-enerġija eżistenti, huma fatturi essenzjali biex
issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, kif
ukoll biex tinżamm provvista sikura bl-inqas kost possibbli. Jekk nonqsu milli nwettqu bidliet kbar fil-mod
kif jiffunzjoni s-suq tal-enerġija, għad inħabbtu
wiċċna ma' sistema Ewropea tal-enerġija inqas affidabbli u
b'kostijiet akbar, tant li tolqot ħażin il-kompetittività u
l-ġid tal-EU, u jsir progress kajman wisq lejn id-dekarbonizzazzjoni. Biex
dawn ix-xejriet jitreġġgħu lura, huwa urġenti li ninvestu
fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni, tat-trażmissjoni u
tad-distribuzzjoni tal-enerġija, kif ukoll fil-ħżin. Hemm
bżonn li jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-enerġija attwali, u
l-kost ta' dan huwa stmat għal triljun ewro[2].
Jeħtiġilna wkoll inħeġġu iktar miżuri favur
l-effiċjenza, nistimolaw il-kompetizzjoni ġusta, u nagħtu
lill-konsumaturi s-setgħa li jieħdu rwol iktar attiv, u li
jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-għażliet
tagħhom. Għal dawn ir-raġunijiet kollha,
il-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern Ewropej stabbilew skadenza ċara
għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija, l-2014. Is-suq intern
tal-enerġija mhuwiex mira aħħarija fih innifsu; anzi, huwa
strument ewlieni fit-twassil tal-iktar affarijiet mixtieqa
miċ-ċittadini tal-UE: it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg, il-qadi sikur
tal-bżonnijiet bażiċi bi prezz affordabbli u kompetittiv, u
l-użu sostenibbli ta' riżorsi limitati. Il-leġiżlazzjoni eżistenti
għandha tiġi implimentata bis-sħiħ sal-2014. Din tinkludi
l-istabbiliment tar-regoli tekniċi fondamentali fuq il-livell tal-UE, u
l-forniment tal-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex
ir-regolaturi jkunu jistgħu jinfurzaw il-leġiżlazzjoni b'mod
effettiv. Is-swieq transfruntieri għall-gass u għall-elettriku
għandhom ikunu f'posthom u fis-seħħ mal-UE kollha, u
l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għat-tlestija, il-modernizzazzjoni u
l-perfezzjonament tal-grilji tal-UE jridu jkunu f'fażi avvanzata. Sakemm
dan ma jsirx, il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jgawdu bis-sħiħ
il-benefiċċji tas-suq intern tal-enerġija. Illum l-UE ma tinsabx fit-triq it-tajba biex
tilħaq din l-iskadenza. Mhux talli l-Istati Membri qed ikaxkru saqajhom
fl-aġġustament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u
fil-ħolqien ta’ swieq kompetittivi bl-involviment tal-konsumaturi, talli
jeħtieġ ukoll li jitbiegħdu minn u jirreżistu politiki li
jħarsu 'l ġewwa biss, jew li jkunu mnebbħa minn spirtu
nazzjonalistiku. Dawn it-tendenzi mhumiex qed iħallu s-suq intern
jiffunzjona b'mod effiċjenti. Saħansitra jheddu li
jreġġgħu lura kull progress li għamilna s'issa fit-triq
lejn suq intern tal-enerġija. Madankollu, jibqa' ċar il-valur
miżjud ta’ proġett li jiġbor flimkien il-politiki
tal-enerġija tal-Istati Membri, u li joħloq sistemi tal-enerġija
effiċjenti u sikuri li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-istati nazzjon. Din il-Komunikazzjoni terġa' tisħaq
fuq il-benefiċċji tas-swieq integrati tal-enerġija Ewropej, u
tfassal metodi biex jiżguraw li s-suq jaqdi l-potenzjal tiegħu kemm
jista' jkun malajr, u b'hekk jissodisfa l-bżonnijiet u l-aspettattivi
taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE. Minħabba l-importanza
tagħha għat-tfannid tas-Suq Uniku, din l-inizjattiva ġiet
identifikata bħala waħda mit-12-il azzjoni ta' prijorità
fil-Komunikazzjoni "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir
ġdid"[3]. 2. IL-VANTAĠĠI TA’ SWIEQ
TAL-ENERĠIJA MIFTUĦIN, INTEGRATI U FLESSIBBLI Il-gvernijiet nazzjonali, in-negozji u
l-individwi jridu jkunu sodisfatti li s-suq intern jipprovdilhom l-aqwa
kundizzjonijiet, iżda llum dan mhuwiex il-każ. Is-suq tal-ġenerazzjoni
tal-enerġija għadha kkonċentrata ħafna. Fi tmien Stati
Membri, iktar minn 80 % tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jibqa'
kkontrollat mill-operatur storiku. F'suq tal-enerġija effiċjenti li
idealment jindirizza l-kostijiet tal-esternalitajiet, l-investimenti
fil-ġenerazzjoni jridu jissejsu fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali,
pjuttost milli fuq is-sussidji. B'mod ġenerali, is-swieq tal-enerġija
jitqiesu mhux trasparenti, jew mhux miftuħin biżżejjed għal
operaturi ġodda, inklużi fornituri ta’ servizz fuq il-lat
tad-domanda. Mhux qed isiru investimenti ekonomikament loġiċi
fl-effiċjenza enerġetika; jew tal-anqas, mhux qed isiru
biżżejjed. Is-sodisfazzjon tal-konsumaturi huwa baxx, anki fl-Istati
Membri li llum għandhom swieq tal-enerġija pjuttost kompetittivi. B'danakollu, is-suq intern tal-enerġija
diġà ġab vantaġġi li ma jistgħux jinċaħdu, u
l-benefiċċji potenzjali jibqgħu attraenti bħal qatt qabel. 2.1. Il-kisbiet s'issa huma ħafna Għażla usa' u aktar flessibbiltà
għall-konsumaturi Tal-anqas 14-il kumpanija Ewropea
tal-elettriku u/jew tal-gass illum huma attivi f'iktar minn Stat Membru
wieħed, u hemm iktar minn tliet fornituri ewlenin tal-elettriku
f'għoxrin Stat Membru[4].
Illum saħansitra d-djar u n-negozji ż-żgħar,
f'żewġ terzi mill-Istati Membri, jistgħu jagħżlu fost
għadd ta' fornituri. L-għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet
għenu lill-konsumaturi jsibu offerti li jaqblulhom iktar. B'aktar
għarfien fir-rigward tal-vantaġġi tal-bidla minn fornitur
għal ieħor, feġġew rati għoljin ta’ bidla tal-fornitur
f'għadd ta’ Stati Membri, fosthom l-Isvezja, ir-Renju Unit, l-Irlanda,
il-Belġju u r-Repubblika Ċeka[5]. Prezzijiet iktar kompetittivi Il-ftuħ tas-swieq, iż-żieda
fil-kummerċ transfruntier u fl-integrazzjoni tas-swieq[6], u kompetizzjoni iktar
b'saħħitha, imrawma kollha kemm huma mil-leġiżlazzjoni
tal-UE u mill-infurzar strett tar-regoli ta’ kompetizzjoni u tal-għajnuna
mill-Istat, qegħdin irażżnu sew il-prezzijiet tal-enerġija[7] filwaqt li jgħinu
fil-ħolqien tal-impjiegi fil-manifattura fl-UE, b'benefiċċji
għall-konsumaturi kollha. Madankollu, il-bolla tal-enerġija
mħallsa mill-konsumaturi tikkonsisti f'iktar mill-komponent
tal-enerġija biss, u dan jagħmel inqas viżibbli l-effett
tal-prezz. It-tariffi għan-netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni
jagħmlu parti sostanzjali mill-kont totali, kif jagħmlu t-taxxi u
l-imposti[8].
Dawn it-tariffi, taxxi u imposti mhux dejjem jinfirxu b'mod omoġenju
mal-kategoriji kollha ta’ konsumaturi, u dan jitfa' piż kbir, b'mod
partikulari, fuq il-bolol tad-djar tal-konsumaturi. Jiġu ddeterminati fuq
il-livell tal-Istati Membri, u huma soġġetti għal politiki
nazzjonali[9].
F'ċerti Stati Membri, it-taxxi u l-imposti jikkostitwixxu madwar 50 %
mill-bolla totali tal-enerġija[10].
Fl-UE-15, it-taxxi fil-bolla finali għall-konsumaturi nazzjonali
żdiedu b'medja ta’ bejn 22 % fl-1998 u 28 % fl-2010[11]. Swieq bl-ingrossa iktar likwidi u
trasparenti Il-likwidità u t-trasparenza fis-swieq
kummerċjali tal-elettriku tjiebu b'mod progressiv, b'riżultat
tal-"akkoppjament tas-swieq" bejn l-Istati Membri[12]. L-akkoppjament tas-swieq
infirex b'pass kostanti mill-majjistral tal-UE lejn reġjuni oħra.
Bħalissa, 17-il Stat Membru huma "akkoppjati". Barra minn hekk,
il-formazzjoni tas-suq All-Island fl-Irlanda fl-2007 kienet kontribut
pożittiv lejn il-bini tas-suq intern tal-elettriku. Dawn l-iżviluppi
wasslu għal iktar kummerċ transfruntier, u għal iktar
konverġenza fil-prezzijiet[13].
It-trasparenza qiegħda tiżdied, b'konsegwenza wkoll tar-Regolament
dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (REMIT)
adottat fl-2011[14]. Bil-kummerċ fost il-kumpaniji tal-gass
kulma jmur ikompli jiżdied, it-tkabbir tal-pjattaformi tal-kummerċ
fil-gass ("gas hubs" jew ċentri tal-gass) bejn 2003-2011 kien
impressjonanti, tant li saru għaxar darbiet ikbar milli kienu. Is-swieq
tal-UE b'ċentri tal-gass likwidu rnexxielhom jieħdu vantaġġ
ħafna ikbar mill-esponiment tagħhom għall-kompetizzjoni
fis-settur tal-gass, inklużi swieq globali tal-LNG influwenzati minn
ġrajjiet lil hinn mill-UE, bħal ngħidu aħna l-hekk
imsejħa "rivoluzzjoni tal-gass tax-shale" fl-Istati Uniti.
Il-kuntrast qawwi bejn l-effetti vantaġġjużi li dan kellu fuq
il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa fi swieq likwidi u kompetittivi fl-UE,
imqabbla mas-swieq inqas likwidi u kompetittivi, huwa mill-iktar sorprendenti[15]. Provvisti
iktar sikuri Il-likwidità miżjuda tas-swieq
bl-ingrossa tejbet ukoll is-sigurtà tal-provvista fl-UE. Fejn jidħol
il-gass, l-għadd ta’ pajjiżi ewlenin li jipprovdu l-gass lill-Ewropa
żdied minn 14 għal 23 bejn l-2000 u l-2010. L-impatt pożittiv
fuq is-sigurtà tal-provvista joħroġ fid-dieher minn dak li ġara
fil-bidu ta' Frar 2012, fejn domanda eċċezzjonalment għolja
għall-gass u għall-elettriku waqt temp estremament kiesaħ
ħabtet ma' tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-gass. Sinjali ta’ prezzijiet
għal perjodu ta’ żmien qasir fiċ-ċentri tal-gass varji u
fil-boroż tal-elettriku fil-punent tal-UE ġibdu l-gass lejn
iż-żoni fejn kien l-iktar meħtieġ, u żguraw li
l-kapaċità kollha disponibbli ta' ġenerazzjoni tal-elettriku
daħlet fil-grilja, bir-riżultat li ma ntlaqtitx il-provvista
tal-enerġija għall-konsumaturi aħħarija. Iktar koordinazzjoni u trasparenza
fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi L-UE u l-Istati Membri tagħha għarfu
l-bżonn li jaħdmu aktar biex jikkoordinaw ir-relazzjonijiet barranin tagħhom
fil-qasam tal-enerġija[16],
b'mod partikulari lejn il-pajjiżi produtturi, ta’ tranżitu u ta’
konsum[17].
Dan jagħti lill-UE iktar piż u saħħa fir-relazzjonijiet
kummerċjali marbutin mal-enerġija. Fuq inizjattiva tal-UE, il-vantaġġi
tal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija tal-UE nfirxu
lejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent u pajjiżi oħra
ġirien tagħhom, speċjalment bil-Ftehim li jistabbilixxi
l-Komunità tal-Enerġija[18].
Il-Komunità tal-Enerġija tista' u għandha tkompli titwessa', sabiex
tistabbilixxi suq tal-enerġija dejjem jikber lil hinn mill-fruntieri
tal-UE. Il-kummerċ fl-enerġija fi swieq effiċjenti jipprovdi
vantaġġ reali lill-UE, lill-Komunità tal-Enerġija u lil
pajjiżi ġirien oħra. Joħolqu valur kemm
għall-pajjiżi ta’ importazzjoni u kemm għall-pajjiżi ta’
esportazzjoni, u jippermettu l-użu komplimentari tar-riżorsi naturali
f'diversi reġjuni. L-UE tgħin u tappoġġja lill-pajjiżi
tal-Komunità tal-Enerġija biex dawn jindirizzaw l-isfidi li
jinqalgħulhom fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern
tal-enerġija. Sar titjib sinifikanti wkoll fid-definizzjoni,
flimkien ma' pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran, tal-aqwa prassi
regolatorja u ta’ standards tekniċi komuni, abbażi ta’ prinċipji
tas-suq intern tal-enerġija. B'hekk ġiet imwittija t-triq biex is-suq
intern tal-enerġija jilqa' flussi sinifikanti ta’ enerġija
rinnovabbli, kif ukoll proġetti ta’ infrastruttura konġunta fil-qafas
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. 2.2. Baqa' ħafna iktar x'jinkiseb Minbarra l-vantaġġi msemmija s'issa,
hemm għadd ta’ oqsma fejn il-ħidma li għaddejja bħalissa
mistennija tagħti frott ma ddumx. Iktar setgħa lill-konsumaturi biex
jikkontrolloaw il-kostijiet tal-enerġija tagħhom Il-prezzijiet tal-enerġija x'aktarx
jissoktaw jiżdiedu fil-futur, fost l-oħrajn minħabba d-domanda
dinjija għall-fjuwil li tkompli tikber bla ħniena, kif ukoll
minħabba l-investimenti meħtieġa għall-manutenzjoni u
l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tal-UE li ilhom jeqdiemu[19]. Madankollu, is-suq intern
tal-enerġija jista' jiżgura li l-investimenti jsiru bl-iktar mod
kosteffettiv, u li l-kostijiet qabel it-taxxa għad-djar u
għall-industrija jibqgħu mrażżna permezz ta' pressjonijiet
kompetittivi fuq il-fornituri. L-istimi jindikaw li, diġà llum, il-konsumaturi
tal-UE jistgħu jiffrankaw sa EUR 13 biljun fis-sena jekk jaqilbu
għall-orħos tariffa tal-elettriku disponibbli[20]. Il-parti l-kbira minn dan
il-potenzjal għadha ma ġietx esplorata, għaliex ħafna nies
għadhom mhumiex konxji jew kapaċi biżżejjed biex
jieħdu l-akbar frott mill-opportunitajiet maħluqa mis-suq[21]. Kontroll aħjar tal-konsum permezz
tat-teknoloġiji intelliġenti Servizzi ġodda tal-enerġija
miftuħin għal operaturi ġodda, flimkien ma' inċentivi
kummerċjali, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi
jimmaniġġjaw aħjar il-kontijiet tagħhom billi
jippermettulhom jikkonsmaw l-enerġija b'mod iktar kosteffiċjenti, u
jistgħu jgħinuhom ukoll jipproduċu iktar faċilment
l-elettriku tagħhom stess. L-iżviluppi teknoloġiċi li
ġejjin se jkomplu jsostnu din ix-xejra. Is-sistemi ta’ arloġġi
smart (miters intelliġenti) jiffaċilitaw il-mikroġenerazzjoni
mill-konsumaturi, u jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-konsum
tal-enerġija fid-djar. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ arloġġi
smart jippermettu l-aġġustament tal-konsum tal-enerġija
f'ħin reali b'reazzjoni għall-flutwazzjonijiet tal-prezzijiet
tas-suq. Intwera li dan inaqqas il-kostijiet tal-enerġija għad-djar
bi 13 %, iżda jista' jwassal għal iffrankar anki ikbar, permezz
tal-awtomatizzazzjoni tal-elettrodomestiċi[22]. Id-Direttiva l-ġdida dwar
l-Effiċjenza Enerġetika, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar
il-ġenerazzjoni ddistribwita u r-rispons għad-domanda[23], ser tgħin lis-suq
jevolvi f'din id-direzzjoni. Il-kooperazzjoni bejn l-utilitajiet (b'mod
partikulari l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet) tista' tiżgura li
l-investimenti rrelatati jkunu kosteffettivi[24]. Iktar
kompetizzjoni permezz ta’ aċċess aħjar għall-grilji
tat-trażmissjoni Li jkollna n-netwerks tat-trażmissjoni
lesti u implimentati fih innifsu mhux biżżejjed - huwa daqstant
ieħor importanti li l-atturi kollha fis-suq ikunu jistgħu
jużawhom. Din kienet il-konklużjoni tal-Kummissjoni
fl-istħarriġ tagħha fil-funzjonament tas-swieq tal-enerġija
fl-2007[25].
In-nuqqas ta’ aċċess miftuħ u
mhux diskriminatorju għall-infrastruttura tat-trażmissjoni żamm
lill-operaturi ġodda lura milli jikkompetu fis-suq b'mod ġust.
Ir-regoli tal-UE diġà jobbligaw lill-Istati Membri jisseparaw in-negozji
tagħhom tat-trażmissjoni u tal-provvista (unbundling)[26]. Feġġet fergħa
industrijali ġdida b'enfażi fuq it-trażmissjoni biss, u b'impatt
dejjem iktar transfruntier. In-netwerks Ewropej tat-TSOs (ENTSO-E u ENTSOG), u
l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija
(ACER) għandhom irwol importanti billi jiżguraw li l-infrastruttura
eżistenti tintuża b'mod iktar effiċjenti, u li l-infrastruttura
l-ġdida tiġi ppjanata u żviluppata bl-aqwa mod possibbli minn
perspettiva Ewropea aktarx milli abbażi tal-interessi tal-kumpaniji, u
bl-użu tal-aqwa teknoloġiji disponibbli. Ir-regoli tas-separazzjoni u
tal-kompetizzjoni ser ikollhom jibqgħu jiġu infurzati b'mod
rigoruż biex jiġi żgurat aċċess effettiv
għall-infrastruttura tat-trażmissjoni mal-UE kollha. Użu u żvilupp iktar
effiċjenti tal-grilji Regoli tekniċi pan-Ewropej (linjigwida u
kodiċi vinkolanti) jistgħu jwasslu għal aktat titjib fl-effiċjenza
tan-netwerks. Il-fornituri u l-utenti jkunu jistgħu jiksbu
aċċess aħjar għall-infrastruttura, u jgawdu minn kostijiet
iktar baxxi tat-tranżazzjoni għall-kummerċ transfruntier. Fejn
jidħol il-gass, regoli ġodda dwar il-ġestjoni
tal-konġestjoni, u l-allokazzjoni trasparenti tal-kapaċitajiet tal-pipelines,
jistgħu jneħħu x-xkiel għall-aċċess
għall-grilja. F'dak li jirrigwarda l-elettriku, regoli tekniċi
ġodda flimkien mal-grilji intelliġenti, ngħidu aħna fuq
is-swieq ta’ bbilanċjar transfruntieri u fuq is-swieq likwidi għal
negozju fl-istess jum[27],
għandhom jgħinu fit-titjib tal-flessibbiltà tas-sistemi, kif ukoll
fl-integrazzjoni wiesgħa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli
tal-enerġija, u fil-parteċipazzjoni tar-riżorsi ta’ risposta
għad-domanda ħdejn il-ġenerazzjoni. Dan għandu jippermetti
lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jieħdu sehem sħiħ
f'suq tabilħaqq kompetittiv, u jassumu progressivament l-istess
responsabbiltajiet bħala ġeneraturi konvenzjonali, inkluż
fir-rigward tal-ibbilanċjar. 3. NISILTU L-AQWA FROTT MIS-SUQ INTERN
TAL-ENERĠIJA Anki jekk il-vantaġġi ta’ suq intern
tal-enerġija li jaħdem b'mod effiċjenti qed joħorġu
dejjem aktar fid-dieher, baqa' ċerti sfidi li għandhom jiġu
affrontati b'urġenza sabiex is-suq intern tal-enerġija jitlesta
sal-2014. Jekk ma neħdux azzjoni, it-tranżizzjoni lejn sistemi
sostenibbli, innovattivi, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u b'użu
effiċjenti tal-enerġija sal-2020 u lilhinn tista' tiġi
kompromessa, u l-investimenti urġenti meħtieġa x'aktarx ma jiġux
żgurati bl-inqas kost possibbli, jew ma jiġu żgurati xejn. 3.1. L-isfida tal-infurzar 3.1.1. L-implimentazzjoni tat-Tielet
Pakkett tal-Enerġija L-arkitettura għas-suq intern
tal-enerġija hija ċara. Ġiet imfassla fit-Tielet Pakkett
tal-Enerġija[28]
u f'leġiżlazzjoni komplimentari[29].
Is-sisien qegħdin f'posthom, iżda għandha ssir implimentazzjoni
effettiva sabiex is-suq intern tal-enerġija jaħdem b'mod
effiċjenti[30].
Id-dewmien fl-implimentazzjoni jkollu effetti negattivi fuq l-atturi kollha
fis-suq, u għaldaqstant mhumiex aċċettabbli, la l-partijiet li
jikkonċernaw il-ftuħ tas-swieq, u lanqas il-partijiet maħsubin
li jiggarantixxu l-kapaċitazzjoni effettiva u l-ħarsien
tal-konsumaturi. Bħala kwistjoni prijoritarja, il-Kummissjoni għaddejja bi proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx bis-sħiħ id-Direttivi tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija, jew li naqsu milli jittrasponuhom b'mod korrett[31]. Il-Kummissjoni beħsiebha tipprovdi aġġornamenti regolari fuq il-qagħda tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija fl-Istati Membri individwali, kif ukoll fuq il-proċeduri ta' ksur. Il-Kummissjoni, b'appoġġ mingħand is-CEER, ser tiffaċilita l-iskambju fost l-Istat Membri tal-aqwa prassi għal kwistjonijiet ewlenin marbutin mal-konsumaturi, inklużi għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet, l-ipprezzar u l-iffatturar trasparenti, u l-iżvilupp tal-kunċett tal-konsumaturi vulnerabbli. Ir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija huma mitluba li jxandru l-informazzjoni lill-konsumaturi. Sa tmiem l-2012, il-Kummissjoni se tvara gwida elettronika fuq l-internet dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, kif ukoll dwar sorsi ta’ informazzjoni għall-konsumaturi, inkluż dwar il-protezzjoni tagħhom, fis-swieq tal-enerġija tal-Istati Membri individwali. 3.1.2. L-iżgurar ta’
kundizzjonijiet ekwi Ir-regolaturi tal-enerġija u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell nazzjonali, jeħtieġ li jaġixxu b'mod deċiż sabiex jiżguraw li l-impriżi kollha fis-suq jiġu ttrattati b'mod indaqs, u li jiġu stabbiliti u mħarsa kundizzjonijiet ekwi[32]. Il-Kummissjoni se tinfurza r-regoli tal-kompetizzjoni b'mod attiv. Dan huwa importanti, b'mod partikulari, fejn
il-vantaġġi mnissla mill-operaturi storiċi jaġixxu ta'
xkiel għad-dħul ta' operaturi ġodda. Il-Kummissjoni se tkompli
tinforza r-regoli tal-antitrust u tal-għajnuna mill-Istat fis-settur
tal-enerġija, biex tiżgura li dawk l-ostakoli li jkunu
tneħħew permezz tar-regolamentazzjoni ma jerġgħux lura
b'konsegwenża ta’ mġiba tal-impriżi jew tal-awtoritajiet
pubbliċi li tista' tgħawweġ is-suq. Il-Kummissjoni se tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet pubbliċi biex tiżgura li l-konċessjonijiet, eż. għall-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija idrawlika, faċilitajiet ta’ ħżin, jew l-operat tal-grilji tad-distribuzzjoni, jingħataw b'konformità sħiħa mal-prinċipji tat-Trattat u mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE. L-iktar mod xieraq ikun li dawn il-konċessjonijiet jinħarġu b'sejħa għall-offerti fuq bażi mhux diskriminatorja, bl-użu ta’ strumenti miftuħa, bħall-irkant. Il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-adegwatezza tal-miżuri regolatorji eżistenti għall-kisba ta’ din il-mira. Huwa importanti li jkun hemm kundizzjonijiet
ewki wkoll bejn l-UE u l-impriżi barranin. Ir-regoli tas-suq intern u
l-kummerċ bi skambji ta' enerġija likwida jiftħu s-suq
tal-enerġija tal-UE għall-operaturi minn pajjiżi terzi. Ladarba
jkunu stabbiliti fl-UE, dawn l-operaturi minn pajjiżi terzi jgawdu
l-istess jeddijiet u mistennija jaqdu l-istess dmirijiet bħala operaturi
Ewropej. In-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, jew ta’ dazji
mill-importazzjoni tal-gass u tal-elettriku, jagħmel is-suq Ewropew
wieħed mill-iktar swieq tal-enerġija miftuħa fid-dinja, u jservi
ta’ xempju għal iktar tħaffif tal-kummerċ dinji
fl-enerġija. Il-politika kummerċjali tal-UE timmira li tiżgura
li l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jikkompetu b'kundizzjonijiet indaqs,
barra mill-UE u fis-swieq nazzjonali tal-kompetituri tagħhom. Suq intern
tal-enerġija ta’ 500 miljun konsumatur jagħti lill-UE u lill-impriżi
tagħha piż kbir fil-kummerċ internazzjonali. 3.1.3. It-tqarrib tal-Istati Membri Jekk l-UE għandha tiżviluppa suq
uniku għall-elettriku u għall-gass, l-ebda reġjun jew Stat
Membru individwali ma għandu jitħalla lura. Il-fatti, madankollu,
huma li l-iżvilupp tas-suq tal-enerġija, f'termini ekonomiċi,
ivarja bil-wisq skont il-pajjiż[33],
eż. fir-rigward tas-swieq tal-gass fil-majjistral tal-UE mqabbla mal-lvant
tal-UE. Il-Kummissjoni u l-ACER għandhom jippromwovu inizjattivi reġjonali biex jiżvolġu rwol prominenti fit-tqarrib bejn il-pajjiżi. L-Inizjattivi Reġjonali għandhom jgħinu fit-twaqqif ta’ aktar ċentri reġjunali tal-gass u s-swieq tal-kambju tal-enerġija, u fl-ilħiq tal-mira tal-akkoppjar sħiħ tas-suq tal-elettriku mal-UE kollha kemm jista' jkun malajr[34]. Madankollu, fi Stati Membri fejn hemm fornitur
waħdani u ma hemm l-ebda konnessjoni ma' fornituri oħra, l-infurzar
tal-arranġamenti reġjonali tas-suq ma tantx ikun ta' siwi.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi għajnuna biex dawn l-Istati
Membri jlaħħqu mal-oħrajn. Iżda mingħajr riformi
fundamentali fil-pajjiżi kkonċernati, il-progress ma jkunx possibbli.
L-Istati Membri għandhom jixprunaw il-kompetizzjoni billi jiżviluppaw l-infrastruttura, partikularment b'appoġġ għall-attività transfruntiera, u billi jneħħu x-xkiel għall-introduzzjoni fis-suq. 3.2. L-isfida
tal-konsumaturi: kif ngħinu lill-konsumaturi
jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet Filwaqt li l-infurzar rigoruż
tal-ħarsien tal-konsumaturi huwa kruċjali, mhux se jkun
suffiċjenti. Biex jittieħdu l-aqwa benefiċċji offruti
mis-suq intern, il-konsumaturi, inklużi ċ-ċittadini individwali
u n-negozji ż-żgħar, għandhom jingħataw is-setgħa
u l-inċentiv li jiżvolġu rwol attiv fis-suq. Illum, l-SMEs u d-djar huma aktar passivi
milli l-konsumaturi industrijali l-kbar, u b'hekk qegħdin jitilfu
l-opportunitajiet offruti mid-differenzi bejn il-prezzijiet. Dan jista' jkun sa
ċertu punt minħabba ħarsien tal-konsumaturi li mhux
effiċjenti biżżejjed, jew minħabba nuqqas ta’ trasparenza
jew ta’ informazzjoni adegwata għall-konsumaturi; dawn il-fatturi kollha
jwasslu għal livell baxx ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi[35] u għal telf ta'
fiduċja. Madankollu, bl-apatija tal-konsumaturi rigward
il-parteċipazzjoni attiva fis-suq, id-diversifikazzjoni tas-servizzi, u
s-servizzi b'valur miżjud, mhumiex qed jiżviluppaw[36]. 3.2.1. It-twassil ta’ servizzi
diversi u innovattivi lill-konsumaturi Biex wieħed isib l-iktar offerta li
taqbillu, x'aktarx ikollu jaqleb il-fornitur sabiex inaqqas il-kontijiet jew
iżid il-kwalità tas-servizz, jagħżel skedi ta' prezzijiet li
jippremjaw l-użu effiċjenti tal-enerġija jew jiffaċilitaw
il-mikroġenerazzjoni, eċċ. Fi
swieq kompetittivi, il-konsumaturi jiġu offruti għażla
ddiversifikata billi l-fornituri jitħabtu biex jaqdu l-bżonnijiet u
l-preferenzi varji tal-konsumaturi. Ċerti fornituri jimmiraw lejn
il-klijenti li huma konxji mill-prezzijiet billi jikkompetu fuq il-kost,
filwaqt li oħrajn isejsu l-offerta tagħhom fuq kwalità għolja
tas-servizz jew fuq servizzi b'valur miżjud jew anċillari, jew
inkella jakkopjaw is-servizzi tal-enerġija ma' servizzi oħra
(eż. telekomunikazzjonijiet). L-implimentazzjoni f'waqtha ta'
arloġġi smart kif stipulata fil-korp tal-liġi tal-UE tista'
twassal għal servizzi li jirrispondu għad-domanda, u għal servizzi
oħra innovattivi u intelliġenti. Ngħidu aħna,
il-konsumaturi tista' tingħatalhom il-possibbiltà li japprofittaw minn
prezzijiet iktar baxxi f'perjodi ta' domanda baxxa, filwaqt li jevitaw
il-konsum tal-enerġija f'perjodi tal-ogħla domanda. Dan jista'
jżid il-benefiċċju għall-konsumaturi filwaqt li jkompli
jwessa' l-għażla tal-konsumaturi. Tali offerti ta’ servizz se
jiddependu mhux biss mill-kapaċità tan-negozji li jindirizzaw id-diversità
tal-motivi u l-kapaċitajiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-konsum ta'
enerġija tagħhom, iżda wkoll mid-disponibbiltà ta' skemi ta'
prezzijiet ddiversifikati, flessibbli u/jew dinamiċi. [37] Madankollu, bħalissa, ir-regolazzjoni
tal-prezzijiet f'ħafna Stati Membri żżomm il-fornituri lura
milli joffru servizzi attraenti[38]
u skemi ta’ prezzijiet personalizzati u dinamiċi. Dan
jiskoraġġixxi lill-operaturi ġodda milli jisfidaw lill-operaturi
l-qodma. F'ċerti Stati Membri, il-prezzijiet jiġu rregolati
saħansitra mill-Istat, għal ċerti gruppi ta’ konsumaturi jew
għall-gruppi kollha, f'livelli iktar baxxi mill-kostijiet tas-suq. Dan
jista' jwassal għal defiċit fit-tariffi tal-enerġija li jkollhom
jagħmlu tajjeb għalih il-kumpaniji tal-enerġija jew il-finanzi
pubbliċi, u dan jista' jtaqqal lill-konsumaturi futuri tal-enerġija,
jew lil kull min iħallas it-taxxa, b'kostijiet serjament għoljin. Dan
jonqos ukoll milli jipprovdi l-inċentiv meħtieġ
għall-użu effiċjenti tal-enerġija. Jidher biċ-ċar
li tali sitwazzjoni ma twassalx għall-iżvilupp ta' suq kompetittiv, u
li ekonomikament mhijiex sostenibbli. Anki jekk il-prezzijiet irregolati jippermettu
li jiġu koperti l-kostijiet tal-operat, ma jibagħtux is-sinjali
korretti rigward il-prezzijiet meħtieġa biex jiggarantixxu
l-investiment effiċjenti. L-investituri jarawhom bħala indikatur ta’
interferenza politika, li xxekkel l-investiment. Filwaqt li għadd ta’
Stati Membri[39]
diġà ppermettew li l-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass ikunu ħielsa
mill-interventi mill-istat, inkluż għall-konsumaturi bl-imnut, u
l-Kummissjoni ftiehmet ma' għadd ta' Stati Membri oħra[40] dwar tneħħija
progressiva tal-prezzijiet irregolati, il-parti l-kbira mill-Istati Membri
għandhom jintervjenu b'mod jew ieħor fl-istipular tal-prezzijiet
bl-imnut. Qabel dan, il-Kummissjoni fetħet
għadd ta’ proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri li jirregolaw
il-prezzijiet għall-konsumaturi industrijali. Sentenza riċenti
tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tiddikjara li r-regolazzjoni
tal-prezzijiet tista' tkun kompatibbli mal-liġi tal-UE biss
f'ċirkustanzi strettament iddefiniti[41]. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jwaqqfu r-regolazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass għall-konsumaturi kollha, inklużi d-djar u l-SMEs, filwaqt li jqisu l-obbligu tas-servizz universali u l-ħarsien effettiv tal-klijenti vulnerabbli. Il-fornituri għandhom ifissru biċ-ċar l-elementi differenti tal-kostijiet fil-kost aħħari għall-klijenti tagħhom, u b'hekk iħeġġu teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun infurmat sew. Il-Kummissjoni ser tkompli tisħaq fuq skedi ta’ żmien għat-tneħħija progressiva tal-prezzijiet irregolati bħala parti mir-riformi strutturali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-formazzjoni ta’ prezzijiet imsejsa fuq is-suq fis-swieq bl-imnut, inkluż permezz ta’ proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li jżommu regolazzjoni tal-prezzijiet li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-UE. 3.2.2. Għajnuna mmirata li
tagħti ħarsien aħjar lill-konsumaturi vulnerabbli Il-prezzijiet aħħarija
tal-enerġija għall-konsumaturi x'aktarx jibqgħu jitilgħu
fis-snin li ġejjin, b'impatt negattiv partikularment fuq il-konsumaturi li
jinsabu f'qagħda finanzjarja dgħajfa. Dawn għandhom jiġu
mħarsa kif xieraq. Madankollu, is-sussidji jew ir-regolazzjoni
tal-prezzijiet li jimmiraw li jnaqqsu l-prezzijiet kumplessivi tal-enerġija
għandhom it-tendenza li jnaqqsu l-inċentivi għall-użu
effiċjenti tal-enerġija, ma jimmiraw speċifikament lil min
l-aktar hu fil-bżonn, u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni.
Filwaqt li l-għajnuna għall-klijenti vulnerabbli permezz ta'
miżuri finanzjarji tista' tkun parti mill-politika soċjali,
l-għajnuna b’ titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija
tippreżenta forma kosteffettiva ta’ għajnuna[42]. It-tibdiliet li għaddejjin fis-settur
tal-enerġija jistgħu jqajmu sfidi addizzjonali għal ċerti
konsumaturi li x'aktarx ma jkollhomx l-għodda jew il-kompetenzi
(il-litteriżmu, l-aċċess għall-informazzjoni fuq l-internet
u mhux, eċċ.) biex jieħdu sehem attiv fis-suq ġdid li qed
jiżviluppa u biex jisiltu l-aqwa benefiċċji mill-offerti
disponibbli. Dawn il-konsumaturi aktarx ikollhom bżonn aktar
għajnuna, ta’ natura mhix finanzjarja, sabiex ikunu jistgħu jifhmu
d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. L-eżistenza tal-vulnerabbiltà mhijiex
argument kontra t-tkomplija tal-liberalizzazzjoni, iżda tissottolinja
l-fatt li l-iżgurar tal-ħarsien xieraq tal-konsumaturi,
speċjalment dawk li jinsabu f'qagħda vulnerabbli, se jkun wieħed
mill-iktar fatturi importanti fis-suċċess tat-tlestija tas-suq intern
tal-enerġija tal-UE. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna mmirata lill-konsumaturi vulnerabbli sabiex jindirizzaw il-vulnerabbiltà ekonomika tagħhom, u biex jgħinuhom jagħmlu għażliet infurmati fis-swieq bl-imnut li kulma jmur qed isiru iktar kumplessi. Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jiddefinixxu x'jiġifieri l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u mnejn tinqala', billi tkun ta' gwida u billi tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prassi. L-Istati Membri għandhom jenfażizzaw l-importanza tat-titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija meta jindirizzaw il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u l-faqar enerġetiku. 3.3. L-isfida
tat-tranżizzjoni: nadattaw is-sistemi
tal-enerġija tal-Ewropa għall-futur Is-sistemi tal-enerġija tagħna
jinsabu f'fażi bikrija ta’ tranżizzjoni kbira. Jeħtieġu
investimenti sinifikanti biex jiġu ssostitwiti s-sistemi tal-UE li
qegħdin jeqdiemu, biex jiġu ddekarbonizzati u jsiru iktar
effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u biex tissaħħaħ
is-sigurtà tal-provvista. L-UE tappoġġa dawn l-investimenti permezz
ta’ strumenti varji, bħall-Programm Ewropew tal-Enerġija
għall-Irkupru, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-futur,
il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE[43],
u Horizon 2020[44].
Qed isiru investimenti[45],
iżda għandu jitħaffef il-pass jekk irridu niksbu l-miri
tagħna. Is-suq intern tal-enerġija jista'
jgħin lill-UE fit-tranżizzjoni: is-swieq li jaħdmu
b'effiċjenza jippromwovu u jappoġġjaw il-bidla fis-sistemi b'mod
ħafna aktar effettiv u bi spejjeż ħafna aktar baxxi milli
kwalunkwe ppjanar ċentrali jew tibdil kumplessiv li jissejjes
esklussivament fuq is-sussidji. Iżda l-bidla fis-sistema ma tistax issir
mingħajr infrastruttura moderna u integrata tajjeb. 3.3.1. Inħallu s-suq jaħdem
u jħeġġeġ l-investimenti xierqa Qabel il-liberalizzazzjoni, il-kumpaniji
tal-enerġija nazzjonali integrati b'mod vertikali kellhom il-kontroll fuq
is-sistema kollha, mill-produzzjoni sal-konsum. Bl-iżvilupp ta’ suq
kompetittiv bi produtturi varji u operaturi tan-netwerk mhux isseparati, l-ebda
entità waħedha ma' tista' tiżgura għal rasha l-affiddabbiltà
tas-sistema tal-elettriku. Il-parteċipanti fis-suq huma interdependenti.
L-integrazzjoni ta’ iktar enerġija mir-riħ u mix-xemx[46] iżżid
mal-varjabbiltà tal-provvista u tad-domanda, kif ukoll mal-isfida li
l-provvista u d-domanda jibqgħu bbilanċjati f'kull mument, tal-anqas
sakemm jittejbu r-rispons għad-domanda u l-possibbiltajiet ta’
ħżin. Madankollu, dawn l-isfidi għas-sistema
tal-elettriku jistgħu jingħelbu jekk il-qafas regolatorju
jiddefinixxi biċ-ċar ir-rwol tal-atturi differenti involuti
fil-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi aħħarija, bħall-produtturi,
l-operaturi tan-netwerks, il-fornituri li jwieġbu għad-domanda,
il-fornituri, u l-konsumaturi. Il-flessibbiltà fuq in-naħa tal-provvista u
tad-domanda tista' u għandha tiġi kkumpensata abbażi ta’ sinjali
msejsa fuq is-suq (fil-qasir, fit-terminu medju u fit-tul) sabiex
jitħeġġew il-produzzjoni u l-użu effiċjenti
tal-enerġija. L-infurzar tar-regoli antitrust se jikkomplemetaw
ir-regolazzjoni f'dan ir-rigward. L-interventi pubbliċi li
jiskoraġġixxu l-investimenti privati u jipperikolaw is-suq intern
għandhom jiġu evitati. Il-flessibbiltà Jekk is-suq jitħalla jaħdem, se
jindika dejjem il-valur ekonomiku tal-enerġija f'kull mument.
Il-prezzijiet ikunu baxxi meta jkun hemm rankatura għall-għarrieda
fil-provvista (eż. meta jkun hemm ħafna enerġija mir-riħ
jew mix-xemx), u jkunu ogħla fi żminijiet ta' skarsezza. Tali sinjali dinamiċi tal-prezzijiet huma
essenzjali biex iħeġġu lill-konsumaturi u lill-fornituri fuq
in-naħa tad-domanda jnaqqsu l-konsum tagħhom waqt il-perjodi
tal-ogħla domanda. Tradizzjonalment, fis-settur tal-elettriku,
it-tibdiliet fil-prezzijiet ftit li xejn kellhom effett fuq il-volum
tad-domanda. Iżda hekk kif jiġu implimentati l-grilji
intelliġenti u l-arloġġi smart, jista' jiġi esplorat
il-potenzjal għall-flessibbiltà tad-domanda min-naħa tal-konsumaturi
individwali jew tal-aggregaturi. Is-sinjali tal-prezzijiet huma kruċjali
wkoll biex iħeġġu l-flessibbiltà fuq in-naħa tal-provvista,
b'mod li jippermettu l-adattament malajr, 'il fuq jew 'l isfel,
tal-kapaċità ta’ ħżin jew ta' ġenerazzjoni. Flimkien ma'
Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet iktar f'saħħitha[47], is-suq jista' jiggarantixxi
investimenti ottimi, u jiżgura l-kwalità tas-sistemi tal-elettriku
tagħna fil-futur. Il-fassala tal-politika u l-konsumaturi
jistgħu jitħassbu sew dwar varjabbiltà tal-prezzijiet. Il-kollegament
tas-swieq bejn l-Istati Membri għandu jillimita dan ir-riskju, billi
r-rankaturi u l-waqgħat inqas ikollhom ċans isiru b'mod simultanju
fil-pajjiżi kollha. Kapaċità miżjuda ta' rispons
għad-domanda, u ġenerazzjoni u ħżin iktar flessibbli,
għandhom jgħinu jassorbu l-perjodu tal-ogħla domanda. Ma hemm
l-ebda evidenza li swieq ta’ perjodu qasir iktar volatili jwasslu għal
prezzijiet medji ogħla, speċjalment fejn ikun hemm ġenerazzjoni
ta’ sikurezza kontinwa. Il-fornituri jkunu jistgħu jkopru
r-riskju kontra l-volatilità tal-prezzijiet fil-qasir fi swieq aktar fit-tul.
Il-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu joffru skedi ta’ prezzijiet
innovattivi lill-konsumaturi li jkunu interessati li jibbenefikaw minn
kuntratti ta’ provvista iktar flessibbli, li jkunu jippermettulhom jottimizzaw
il-kostijiet tal-enerġija tagħhom billi jużaw sistemi ta’
arloġġi smart u elettrodomestiċi intelliġenti u b'hekk
jiffukaw il-konsum tagħhom f’ perjodi ta’ prezzijiet baxxi. Fi ftit kliem, swieq bl-ingrossa fit-tul jew
fil-qasir li jaħdmu b'mod effiċjenti (b'mod partikulari s-swieq
tan-negozju ta’ jum bil-quddiem, ta’ negozju fl-istess jum,
tal-ibbilanċjar jew ta’ servizzi anċillari), li jirriflettu l-valur
ekonomiku tal-enerġija f'kull mument u f'kull żona, jistgħu
jmexxu l-investimenti lejn il-punti fejn ikunu l-iktar effiċjenti. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni: - se tiżgura t-tkomplija tal-iżvilupp ta’ swieq bl-ingrossa transfruntieri li jaħdmu b'mod effiċjenti, fl-iskedi taż-żmien kollha, permezz tal-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' netwerks[48]. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq l-appoġġ tal-ACER, l-ENTSOs, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex tiżgura li l-kodiċijiet tan-netwerks jiġu implimentati skont il-pjan[49]. Dawn il-kodiċijiet se jistabbilixxu regoli komuni biex jippermettu lill-operaturi tan-netwerks, lill-ġeneraturi, lill-fornituri u lill-konsumaturi joperaw b'mod aktar effiċjenti fis-suq; - se taċċellera l-integrazzjoni tal-ħżin u tal-ġenerazzjoni flessibbli, eż. billi taffronta l-kwistjonijiet regolatorji pendenti fil-kuntest tal-kodiċi tan-netwerk tas-suq tal-ibbilanċjar Ewropew. Il-Kummissjoni se tikkunsidra tistabbilixxix inizjattiva ta' koordinazzjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet regolatorji u tekniċi emerġenti. Il-Komunikazzjoni tagħha li ġejja dwar it-teknoloġiji u l-innovazzjoni fl-enerġija se tanalizza kif l-iżvilupp tat-teknoloġija, inklużi t-teknoloġija tal-ħżin u l-mikroġenerazzjoni, jista' jorbot mal-iżviluppi tas-suq fuq il-livell Ewropew biex jikseb il-miri fl-oqsma tal-klima u tal-enerġija. Nottimizzaw l-interventi mill-Istat:
immexxu t-taħlita enerġetika lejn użu baxx tal-karbonju Sabiex niksbu l-miri miftiehma ta’ tnaqqis
tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bl-inqas kost possibbli, ġiet
introdotta s-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, strument
imsejjes fuq is-suq li ħoloq prezz uniku Ewropew għall-karbonju.
Mill-2013 'il quddiem, id-disinn tas-suq tal-karbonju jkun għalkollox
'ewropeanizzat', u b'hekk ikun jippermetti lis-suq intern tal-enerġija
jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-enerġija
sostenibbli, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u b'użu effiċjenti
tal-enerġija, billi jiġu ppremjati l-investimenti fl-enerġija u
fil-fjuwils b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju[50]
flok f'dawk b'emissjonijiet għoljin. Barra minn dan, l-isfida ta’ tranżizzjoni
msemmija aktar 'il fuq ser teħtieġ l-ottimizzar tal-appoġġ
statali sabiex jiġi żgurat li l-investiment xieraq jibqa' jsir. Illum, l-Istati Membri jużaw forom varji
ta’ appoġġ statali dirett jew indirett u/jew tariffa miżjuda (surcharges)
fuq il-kontijiet tal-konsumaturi għal firxa ta' sorsi tal-enerġija.
Jekk nassumu li jkun hemm iktar progress fit-tlestija tas-suq intern
tal-enerġija kif deskritt hawn fuq, li l-kostijiet tal-produzzjoni
jaqgħu, u li ssir evoluzzjoni fis-suq tal-karbonju, il-forom kollha ta'
mekkaniżmi ta' appoġġ ikollhom jiġu rriveduti b'mod
regolari. Ngħidu aħna, skemi ta’
appoġġ għall-enerġija rinnovabbli - kif ukoll għadd
ta’ regoli obbligatorji fuq l-aċċess prijoritarju għall-grilja[51] - ġew introdotti
abbażi ta’ ftuħ parzjali tas-suq, internalizzazzjoni parzjali
tal-kostijiet esterni tal-ġenerazzjoni konvenzjonali, u l-istadju bikri
ta' żvilupp tal-biċċa l-kbira mit-teknoloġiji
tal-enerġija rinnovabbli. Minn dak iż-żmien 'l hawn, is-swieq u
t-teknoloġiji baqgħu jevolvu. Il-Kummissjoni se tiggwida dwar l-aqwa prassi u l-esperjenza miksuba fl-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u għar-riforma tal-iskemi ta' appoġġ[52]. Il-mira hija aktar konsistenza
fl-approċċi nazzjonali, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji
tal-kosteffiċjenza u tad-digressività regolari, u tiġi evitata
l-frammentazzjoni tas-suq intern. Iktar ma jkunu effiċjenti l-iskemi,
iktar issir irħisa l-enerġija rinnovabbli. U iktar ma jsiru
konsistenti, iktar issir faċli l-integrazzjoni tal-enerġija
rinnovabbli bejn il-fruntieri tal-UE u lilhinn minnhom. Il-Kummissjoni
bħalissa qiegħda tirrevedi l-linjigwida dwar l-għajnuna
mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, sabiex jirriflettu l-bidliet
fil-pajsaġġ teknoloġiku u fl-għanijiet ta' politika tal-UE
fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jinżamm f'minimu
t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern. B'mod partikulari, ir-reviżjoni timmira
li tiżgura li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jiffaċilita
l-għoti ta' għajnuna dejjem jekk tkun iddisinjata sew, immirata, ma
tgħawwiġx il-kompetizzjoni, u sakemm ma jkunx hemm alternattivi
aħjar disponibbli (strumenti regolatorji jew msejsa fuq is-suq). B'mod
partikulari, il-Kummissjoni se tħeġġeġ is-soluzzjonijiet li
jkunu kosteffiċjenti u li jippromwovu l-integrazzjoni transfruntiera. Il-Kummissjoni beħsiebha tikkontribwixxi attivament lejn l-għan tal-G20 li jitneħħew is-sussidji kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, inkluż l-appoġġ eżistenti, dirett jew indirett, għall-fjuwils fossili[53]. Nottimizzaw l-interventi mill-Istat:
is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku Ċerti Stati Membri introduċew jew
qed jippjanaw li jintroduċu ħlasijiet separati
għad-disponibbiltà fis-suq tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni, billi
huma mħassbin li s-suq ta' "enerġija biss" ma jkunx se
jwassal investiment biżżejjed fil-ġenerazzjoni biex jiżgura
s-sigurtà tal-provvista aktar fit-tul. Tali mekkaniżmi ta’ kapaċità
huma għodod fit-tul li jimmiraw li jipprovdu fluss ta' dħul lil
ġeneraturi (magħżula) u li jorbtu lill-konsumaturi jħallsu
tal-kapaċità pprovduta[54].
Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li
jekk il-mekkaniżmi tal-kapaċità ma jkunux iddisinjati sew u/jew
jiġu introdotti qabel il-waqt jew mingħajr koordinament xieraq fuq
il-livell tal-UE, jissograw li jsiru kontraproduttivi. Jekk il-mekkaniżmi
tal-kapaċità ma jittrattawx it-tnaqqis tad-domanda b'mod ġust,
jistgħu jillimitawna għal soluzzjonijiet imsejsa fuq
il-ġenerazzjoni pjuttost milli soluzzjonijiet ta’ effiċjenza fl-użu
tal-enerġija jew ta’ reazzjoni għad-domanda. Jekk ma
jagħżlux bejn il-kapaċità ta' tagħbija bażi u
l-kapaċità ta' tagħbija l-iktar intensiva, x'aktarx li ma
jiġbdux kapaċità ta' ġenerazzjoni flessibbli
biżżejjed. Il-mekkaniżmi ta' kapaċità jgħawġu
s-sinjal tal-prezzijiet mal-UE kollha, u jistgħu wkoll jiffavorixxu
s-sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-fjuwils fossili fuq sorsi rinnovabbli aktar
varjabbli (lil hinn mil-livelli meħtieġa biex is-sistemi
tal-enerġija jinżammu bbilanċjati), u b'hekk jistgħu
jaħdmu kontra d-dekarbonizzazzjoni tal-UE u l-għanijiet
tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Fi swieq tal-enerġija li jaħdmu
b'mod effiċjenti, l-inċentivi għall-investiment
fil-ġenerazzjoni u s-sigurtà tal-ġenerazzjoni tal-enerġija
jiddependu wkoll mill-evoluzzjoni tas-suq tal-karbonju. Il-Kummissjoni qiegħda
tipproponi għażliet ta’ miżuri strutturali biex jindirizzaw
il-provvista żejda ta’ kwoti tal-ETS minħabba l-kriżi ekonomika[55]. Dan kieku joħloq aktar
ċertezza għall-investituri, u jnaqqas il-bżonn ta’ miżuri
nazzjonali. Flok jiżguraw l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni
jew is-sigurtà tal-provvista, mekkaniżmi ta' kapaċità ddisinjati
ħażin ikollhom it-tendenza li jgħawġu s-sinjali ta'
investiment. Dawn l-interventi, minnhom infushom, jistgħu
jdaħħlu l-bsaten fir-roti għall-kummerċ u
għall-kompetizzjoni transfruntieri, billi jistgħu jagħlqu
l-aċċess għas-swieq nazzjonali għall-ġenerazzjoni xi
mkien ieħor fl-UE, u jistgħu jgħawġu wkoll il-post
tal-ġenerazzjoni fis-suq intern. Mekkaniżmi ta’ kapaċità fuq
bażi nazzjonali jistgħu jtellgħu l-kostijiet għall-Istati
Membri kollha billi jipprevjenu l-aqwa użu tal-ġenerazzjoni u
tal-flessibbiltà bejn il-fruntieri. Il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmi ta’
kapaċità aktarx ikunu soġġetti għal regoli kummerċjali
interni tal-UE, inkluż il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 2009/72/KE.
L-Istati Membri għandhom juru
l-bżonn ta’ tali mekkaniżmi flok approċċi alternattivi
bħal miżuri ta’ tnaqqis tad-domanda l-iktar intensiva, aktar
importazzjonijiet permezz ta' interkonnessjonijiet xierqa, u l-iffaċilitar
tal-parteċipazzjoni fuq in-naħa tad-domanda għall-klijenti
industrijali kif ukoll bl-imnut. Anki fi żminijiet ta’ limiti fuq
il-kapaċità ta' ġenerazzjoni, l-iskambji transfruntier iridu
jinżammu. Il-proċeduri ta’ allokazzjoni jridu jkunu trasparenti u
mhux diskriminatorji. L-Istati Membri jridu jwettqu analiżi sħiħa biex jaraw jekk hemmx nuqqas ta' investiment fil-ġenerazzjoni, u għaliex. Iridu jfittxu soluzzjonijiet transfruntieri għal kull problema li jsibu qabel ma jippjanaw li jintervjenu. Kull mekkaniżmu ta’ kapaċità għandu jqis kwalunkwe impatt li l-intervent ikollu fuq l-Istati Membri ġirien u fuq is-suq intern tal-enerġija. Għandha tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-enerġija. Il-Kummissjoni qiegħda tvara konsultazzjoni pubblika dwar is-sigurtà tal-provvista fl-elettriku, l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni, u s-suq intern tal-enerġija. Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni u aktar impenn mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri ta' segwiment. Is-sigurtà tal-provvista tirrikjedi
l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri li jkunu jistgħu jipprovdu reazzjoni
fi żmien qasir għall-kriżi u soluzzjonijiet fit-tul
għall-isfidi tas-sigurtà tal-provvista. Hekk kif is-sistemi ta’
enerġija tagħna jsiru iktar integrati, ser ikollna bżonn iktar
koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-fruntieri sabiex nidentifikaw u
nindirizzaw ir-riskji, u sabiex tiżgura rispons xieraq
għall-kriżi. Il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi formalment Grupp ta' Koordinament tal-Elettriku bil-mandat li jiffaċilita l-kooperazzjoni fuq is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, inklużi l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u l-istabbiltà tal-grilja transfruntiera. 3.3.2. Aktar integrazzjoni,
modernizzazzjoni iktar malajr, u użu aħjar tal-grilji Aktar grilji
x'nintegraw fis-swieq tal-enerġija tal-UE L-enerġija
għandha tkun kapaċi tiċċirkola fejn tkun
meħtieġa, mingħajr ostakli fiżiċi fuq il-fruntieri
nazzjonali. Dan jimplika, fost l-oħrajn, li jiġu indirizzati
l-effetti tal-flussi tal-enerġija mhux ippjanati ("loop flows")
fuq l-integrazzjoni tas-swieq transfruntieri. L-investiment serju fin-netwerks
tal-enerġija huwa meħtieġ biex jippermetti lil ċerti
żoni tal-UE joħorġu mill-iżolament tagħhom[56], u biex niksbu l-miri
tagħna tal-Ewropa 2020. Hemm bżonn urġenti li
nsaħħu l-mod kif isir l-investiment, kif tisħaq il-proposta ta’
Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[57]. Diġà bdiet il-ħidma
fuq id-definizzjoni tan-netwerks tal-enerġija tal-futur, skont il-korp
tal-liġi eżistenti fil-qasam tal-ambjent. F'Ottubru 2011,
il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament dwar "Linjigwida
għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea"[58]. Tidentifika tnax-il kuritur u
żona ta’ prijorità li jkopru l-elettriku, it-trażmissjoni tal-gass u
l-ħżin, in-netwerk ta' trasport taż-żejt u tad-dijossidu
tal-karbonju, u identifikazzjoni dinamika ta' proġetti ta' interess
komuni. Il-Kummissjoni ħarġet favur proċeduri iktar imħaffa
ta’ għoti ta’ permessi, allokazzjoni mtejba tal-kostijiet tal-infrastrutturi
transfruntieri, u l-iffinanzjar tal-appoġġ. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-Pakkett tal-Infrastruttura tal-Enerġija huma kruċjali, kif ġie rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011. Modernizzazzjoni aktar
mgħaġġla lejn il-grilji intelliġenti Bi ħtieġa dejjem tikber ta’
flessibbiltà u effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u sabiex
jintlaqgħu l-ġenerazzjoni ddistribwita u l-parteċipazzjoni fuq
in-naħa tad-domanda, jeħtieġ azzjoni koordinata bil-għan li
jiġu implimentati grilji intelliġenti fuq il-livell Ewropew,
reġjunali u muniċipali. Il-grilji intelliġenti jiddependu minn
infrastruttura diġitali. Il-Kummissjoni ressqet proposta għal
Regolament dwar "linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet
trans-Ewropej"[59],
li tidentifika bħala prijorità, fost l-oħrajn, l-infrastruttura
tas-servizzi diġitali. Implimentazzjoni
effiċjenti għandha tisfrutta s-sinerġiji bejn l-operaturi
tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija fuq il-livell tal-infrastruttura
u fuq il-livell tas-servizz, li għandhom jikkooperaw b'mod li jiffavorixxi
l-kompetizzjoni, u b'hekk jiftħu s-settur għal impriżi
ġodda. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni favur il-kompetizzjoni bejn is-settur tal-enerġija u dak tal-ICTs, inklużi fornituri ta’ servizzi innovattivi għall-avvanzar tal-modernizzazzjoni tal-grilji u għall-aċċellerar tal-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija. L-Istati Membri huma mitlubin li jħeġġu dan fuq livell nazzjonali. L-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (CEN/CENELEC/ETSI) għandhom il-kompitu urġenti li jiżviluppaw l-ewwel sensiela ta' standards ta' Grilja Intelliġenti sa tmiem l-2012. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta' dawn l-istandards. Qabel dan, il-Kummissjoni kienet diġà
adottat Komunikazzjoni dwar il-grilji intelliġenti[60], li ssejjaħ
għall-kundizzjonijiet ta’ qafas meħtieġa biex l-industrija tkun
tista' tiżviluppa t-teknoloġiji u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni
biex iwasslu dan l-investiment, u li tfassal il-viżjoni tal-ġestjoni
integrata tal-infrastruttura[61].
Abbażi tal-aqwa prassi u tal-aqwa proġetti fl-Istati Membri[62], il-Kummissjoni qiegħda
tiżviluppa linjigwida u strumenti ġodda biex ikomplu jistimolaw
l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-arloġġi smart f'dan
id-deċennju[63],
filwaqt li timmonitorja l-progress ta' proġetti attwali ta' arloġġi
smart fl-UE, u tappoġġja proġetti pilota u riċerka u
żvilupp promettenti[64]
fil-grilji intelliġenti. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġa r-riċerka u żvilupp u l-innovazzjoni sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti. Il-Kummissjoni ser iġġedded il-mandat ta’ standardizzazzjoni mogħti lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni sabiex tiżviluppa t-tieni sensiela ta’ standards, u sabiex tiżviluppa linjigwida u tidentifika Proġetti ta’ Interess Komuni potenzjali sa tmiem l-2012. Reazzjoni iktar b’saħħitha
għad-domanda fin-netwerks ta’ distribuzzjoni Bil-miġja tas-sistemi ta’
arloġġi smart, it-teknoloġiji ta’ mikroġenerazzjoni,
l-elettrodomestiċi intelliġenti u l-awtomatizzazzjoni domestika,
il-konsumaturi ser ikollhom dejjem iktar setgħa li jwieżnu d-domanda
tal-enerġija tagħhom skont is-sitwazzjoni attwali fis-swieq
tal-enerġija. Tali reazzjoni għad-domanda se tippermetti
lill-konsumaturi jiffrankaw il-flus filwaqt li jżidu l-effiċjenza u
l-istabbiltà tas-sistemi tal-enerġija. Madakollu, dan se jirrikjedi li
l-Istati Membri, ir-regolaturi, it-TSOs (operaturi tas-sistemi
tat-trażmissjoni), id-DSOs (operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni) u
l-bejjiegħa bl-imnut jikkooperaw ma' xulxin u ma' atturi oħra
(fornituri ta’ servizzi fuq in-naħa tad-domanda, impriżi ta’ ICT jew
żviluppaturi ta’ sistemi). L-għan huwa li jiġu żviluppati
regoli u standards trasparenti u li jinftiehmu malajr għar-reazzjoni
għad-domanda u għall-ġestjoni tad-dejta. Dan se jirrikjedi wkoll li jiġi
kkunsidrat mill-ġdid ir-rwol tad-DSOs. B'mod partikulari,
jeħtieġ li jiġi żgurat li l-attivitajiet irregolati
tagħhom ikunu limitati għal kompiti li jitwettqu l-aħjar minn
monopolju naturali, u li s-servizzi ġodda, maħluqin permezz ta'
teknoloġiji ġodda, jiġu żviluppati fi swieq kompetittivi.
F'dan il-kuntest, jidher xieraq ukoll li jiġi kkunsidrat ir-rwol
tal-partijiet terzi (bħall-aggregaturi, is-servizzi tal-enerġija u
l-atturi minn setturi oħra tan-netwerk, eż. ICT,
telekomunikazzjonijiet, l-inġinerija elettrika) fl-iżvilupp futur
tal-grilji lokali tad-distribuzzjoni jew servizzi tal-enerġija. Il-Kummissjoni varat id-dibattitu taħt
l-awspiċju tal-Forum taċ-Ċittadini għall-Enerġija
(Londra), u ser tkompli d-diskussjoni abbażi tal-pjanijiet tal-Istati
Membri ta' implimentazzjoni tal-arloġġi smart. Il-Kummissjoni ser tindirizza l-aspetti
teknoloġiċi tal-evoluzzjoni futura fin-netwerks ta’ distribuzzjoni
tal-enerġija fil-komunikazzjoni li ġejja dwar it-teknoloġiji
fil-qasam tal-enerġija. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ arloġġi smart, u jiżguraw li jilħqu l-interessi tal-fornituri, tad-distributuri u tal-konsumaturi tal-enerġija. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipproduċu pjanijiet ta’ azzjoni li jirriflettu kif għandhom jimmodernizzaw il-grilji tagħhom, inklużi regoli u obbligi għad-DSOs, sinerġiji mas-settur tal-ICT u l-promozzjoni tar-reazzjoni għad-domanda u tal-prezzijiet dinamiċi, skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. 4. KONKLUŻJONI Il-ftuħ tas-suq jagħti
lill-konsumaturi għażla reali. Jillimita l-bżonn ta’ intervent
pubbliku, u jipprevjeni l-intervent pubbliku mhux xieraq. Hemm għadd ta’
kwistjonijiet li jridu jiġu affrontati b'mod urġenti sabiex jitlesta
s-suq intern tal-enerġija sal-2014, sabiex jintemm l-iżolament ta'
għadd ta' Stati Membri tal-UE min-netwerks tal-UE, sabiex tiġi
implimentata bis-sħiħ l-aġenda tal-Europa 2020, u sabiex
nimxu lejn sistema tal-enerġija ttrasformata sal-2050 bl-inqas kost
għal kulħadd. Dawn il-kwistjonijiet qed ixekklu wkoll
ir-realizzazzjoni tal-aqwa vantaġġi għall-konsumaturi, u li qed
joħolqu xkiel għall-kompetizzjoni u għall-innovazzjoni filwaqt
li jipperikolaw is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-enerġija Ewropea. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti
riżultati, fl-isfera ta’ kompetenza tagħha, quddiem l-isfidi li tibni
u timmodernizza netwerk Ewropew, u li tinkorpora l-enerġija rinnovabbli,
il-mikroġenerazzjoni u l-grilji intelliġenti permezz ta’ qafas
regolatorju stabbli li jistipula r-rwol tal-atturi differenti (l-operaturi
tan-netwerks, il-produtturi, il-fornituri, il-fornituri ta' reazzjoni
għad-domanda, il-konsumaturi u r-regolaturi). Abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni,
il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta’ Azzjoni (Anness 1) biex tiżgura
s-suċċess tas-suq intern tal-enerġija. Il-Kummissjoni tsitieden
lill-istituzzjonijiet kollha, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati
jaħdmu flimkien sabiex iwettqu l-azzjonijiet proposti fl-iskeda ta'
żmien proposta. Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-progress
tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2014. Il-Kummissjoni tinsab
determinata li tiżgura li s-segwiment għall-Pjan ta’ Azzjoni fuq
il-livell tal-Istati Membri u fuq il-livell tal-UE jkun ankrat ferm
fis-semestru Ewropew, b'mod partikulari permezz tal-Istħarriġ Annwali
dwar it-Tkabbir, ir-Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku, u
r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż. Anness 1:
Pjan ta’ Azzjoni għall-Ewropa Azzjoni/Miżura || Attur(i) involuti || Skeda ta' żmien Infurzar 1. Traspożizzjoni f'waqtha u komprensiva tad-Direttivi tat-Tielet pakkett tal-enerġija, u implimentazzjoni tar-Regolamenti tat-Tielet pakkett tal-enerġija || l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / il-Kummissjoni || Marzu 2011 2. Gwida għad-definizzjoni tal-kunċett ta' "klijenti vulnerabbli" || il-Kummissjoni || 2013 3. Applikazzjoni rigoruża tar-regoli interni dwar l-enerġija u l-kompetizzjoni || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni || kontinwu 4. Tisħiħ tal-effiċjenza tal-inizjattivi reġjunali u tal-kontribut tagħhom lejn l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / ACER || kontinwu 5. Reviżjoni tal-linjigwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent || il-Kummissjoni || tmiem l-2013/ bidu tal-2014 Titjib tal-għoti ta' setgħa u appoġġ lill-konsumaturi 6. Aktar sforzi biex il-konsumaturi jiġu involuti, informati u motivati, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, u permezz ta' kontenut fuq l-internet għall-konsumaturi li jindika riżorsi relevanti għall-ħarsien tal-konsumaturi u għad-drittijiet ewlenin tal-konsumaturi tal-enerġija. || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi || 2013 / 2014 7. Permezz tal-Forum taċ-Ċittadini għall-Enerġija, appoġġ lill-Istati Membri biex jistipulaw l-ambitu għar-riċerka, il-ġbir tad-dejta u r-rappurtar dwar is-swieq bl-imnut tal-enerġija || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi || 2013 8. Titjib tal-forniment ta' informazzjoni lill-konsumaturi, ħolqien ta' linjigwida u l-aqwa prassi għall-għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet, iffatturar ċar u trasparenti, u appoġġ għall-konsumaturi vulnerabbli || il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija / l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi || 2013 9. Għajnuna mmirata lejn konsumaturi vulnerabbli, sabiex ikunu jistgħu jieħdu għażliet infurmati, u jkollhom l-appoġġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jkopru l-bżonnijiet ta' enerġija tagħhom fi swieq bl-imnut kompetittivi || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2013 Nadattaw is-Sistemi tal-Enerġija tal-UE għall-futur 10. Adozzjoni u implimentazzjoni ta' kodiċi tan-netwerks - fl-elettriku: allokazzjoni ta' kapaċità u regoli għall-ġestjoni tal-konġestjoni regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità aktar fit-tul regoli għall-konnessjoni man-netwerk operat tas-sistema - fil-gass: allokazzjoni tal-kapaċità regoli ta' bbilanċjar inklużi regoli relatati man-netwerk rigward proċeduri dwar nominazzjonijiet, regoli ta' ħlasijiet għal nuqqas ta’ bilanċ u regoli ta' bbilanċjar operattiv bejn is-sistemi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni regoli dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju tad-dejta regoli dwar it-trażmissjoni armonizzata tal-istrutturi tariffarji || ACER / ENTSOs / il-Kummissjoni / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija || 2013/2014 11. Adozzjoni u implimentazzjoni malajr tal-Pakkett ta' Infrastruttura tal-Enerġija || il-Kunsill / il-Parlament Ewropew / l-Istati Membri / ir-regolaturi nazzjonali għall-enerġija || Diċembru 2012 12. Adozzjoni tal-ewwel lista tal-Unjoni ta' Proġetti ta' Interess Komuni || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2013 13. Ħolqien ta' qafas u suq għall-introduzzjoni wiesgħa tal-elettrodomestiċi intelliġenti (eż. permezz ta' appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp, l-istandardizzazzjoni, l-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku) || il-Kummissjoni / il-partijiet interessati (b'mod partikulari l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni) || 2014 14. Tħejjija ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni mgħaġġla tal-grilji intelliġenti || l-Istati Membri / il-Kummissjoni || 2013 15. Riflessjoni dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet futuri tad-DSOs, ir-rispons għad-domanda, l-elettrodomestiċi intelliġenti u l-awtomatizzazzjoni domestika, ġenerazzjoni ddistribwita, u skemi ta' obbligu ta' ffrankar tal-enerġija || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2013 16. Analiżi ta' kemm is-suq intern tal-enerġija jista' jikkontribwixxi għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija || il-Kummissjoni || 2013 17. Analiżi ta' kif l-iżvilupp tat-teknoloġija, inkluża t-teknoloġija tal-ħażin u l-mikroġenerazzjoni, jistgħu jorbtu ma' żviluppi kummerċjali fl-enerġija || il-Kummissjoni || 2013 L-iżgurar ta' interventi statali xierqa 18. Tneħħija gradwali tal-prezzijiet irregolati tal-gass u tal-elettriku, filwaqt li jitqies l-obbligu ta' servizz universali u l-ħarsien effettiv tal-konsumaturi vulnerabbli || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || 2009 u lil hinn 19. Analiżi tal-inċentivi ta' investiment u tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni fl-elettriku skont il-qafas Ewropej eżistenti - Żvilupp ta' kriterji għall-valutazzjoni u l-iżgurar tal-konsistenza ta' inizjattivi nazzjonali marbutin mal-kapaċità mas-suq intern || l-Istati Membri il-Kummissjoni || 2013 u lil hinn 20. Adozzjoni ta' linjigwida dwar skemi ta' appoġġ għal sorsi ta' enerġija rinovabbli || il-Kummissjoni || it-tieni/it-tielet kwart tal-2013 21. Twaqqif tal-Grupp ta' Koordinazzjoni fl-Elettriku || il-Kummissjoni || Ottubru 2012 22. Tneħħija gradwali tas-sussidji ta' ħsara għall-ambjent, inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili diretti u indiretti || il-Kummissjoni / l-Istati Membri || sa mhux aktar tard mill-2020 [1] COM(2011) 885. [2] COM(2011) 658 finali. [3] COM(2012) 573 finali. [4] Ara wkoll it-tabella 12 fid-Dokument ta' Ħidma
tal-Persunal intitolat Energy Markets in the European Union in 2011, li
ssir referenza għalih bit-taqsira "SWD 1". [5] Il-Klassifiki
tas-Swieq tal-Konsumaturi, DĠ SANCO, http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/cms7_en.htm,
The functioning of retail electricity markets for consumers in the European
Union, Studju f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ SANCO, 2010 (minn hawn
'il quddiem "Study on retail electricity markets"). http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/market_studies/docs/retail_electricity_full_study_en.pdf. [6] Ara SWD 1, p. 47. [7] Filwaqt li l-prezzijiet tal-kommoditajiet primarji
tal-enerġija żdiedu b'14 % kull sena għaż-żejt
mhux raffinat, bi kważi 10 % għall-gass u b'8 %
għall-faħam f'dawn l-aħħar snin, il-prezzijiet bl-ingrossa
tal-elettriku fl-UE żdiedu inqas, jiġifieri bi 3.4 %. Ara SWD 1,
figura 29. [8] Dawn jiġu użati, fost l-oħrajn, biex
jirriflettu l-esternalitajiet ambjentali tal-użu tal-enerġija kif
inhu rrakkomandat mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar
it-Tkabbir tal-2011 u tal-2012 (COM(2011) 11 finali, COM(2011) 815
finali), kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (EUCO 10/1/11
REV1), bil-għan li t-tassazzjoni titbiegħed mix-xogħol u
titmexxa lejn il-konsum u t-tniġġis ambjentali (fost l-oħrajn),
dejjem b'attenzjoni għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u
għall-prezzijiet għall-konsumaturi. Madankollu, jistgħu jintużaw
ukoll biex iżidu d-dħul. [9] Għal aktar tagħrif dwar dawn l-elementi
fl-Istati Membri individwali, ara SWD 1, taqsima 3. [10] Ara SWD 1, taqsima 2, figura 33. [11] Ara l-istudju "Price developments on the EU retail
markets for electricity and gas 1998-2011", p. 2 http://ec.europa.eu/energy/observatory/electricity/doc/analysis_retail.pdf.
Madankollu, is-sehem medju tat-tassazzjoni ambjentali fi dħul totali
tat-taxxa fl-UE qiegħed jonqos. Taxation trends in the European Union,
l-Unjoni Ewropea 2011:
http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-DU-11-001/EN/KS-DU-11-001-EN.PDF [12] L-akkoppjament tas-swieq jottimizza l-kapaċità
tal-interkonnessjoni, u jiżgura l-fluss tal-elettriku minn żoni ta’
prezzijiet baxxi lejn żoni ta’ prezzijiet għoljin permezz
tal-konnessjoni awtomatika tax-xerrejja u tal-bejjiegħa fuq naħa u
oħra ta’ fruntiera. [13] Il-Kummissjoni tibqa' sebgħa għajnejn biex
tiżgura li l-boroż tal-elettriku ma jaqgħux fi prattiċi
antikompetittivi, b'mod parallel mal-kooperazzjoni meħtieġa
għall-proġetti ta’ akkoppjament tas-swieq. [14] ĠU L 326, 8.12.2011,
p. 1. [15] Ara l-mappa 1, p. 31 ta’ SWD 1. [16] Id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi
mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet
intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam
tal-enerġija, ĠU L 299, 27.10.2012, p. 13. Ara wkoll COM(2012) 218 finali. [17] Ir-regolaturi nazzjonali tal-Ewropa jikkoordinaw il-ħidma tagħhom
fuq kwistjonijiet internazzjonali permezz tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej
tal-Enerġija (CEER). [18] Iffirmat fl-2005. Il-membri huma l-pajjiżi tal-Balkani tal-punt,
l-Ukraini u l-Moldova, filwaqt li l-osservaturi huma n-Norveġja,
it-Turkija, l-Armenja u l-Ġeorġja. [19] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan Direzzjonali
għall-Enerġija 2050", p. 2, 5, 6 u 7. Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija ma tkunx iktar
għalja minn tkomplija tal-politiki attwali. [20] Studju dwar il-funzjonament tas-swieq bl-imnut tal-enerġija. [21] Madwar l-UE, l-għarfien fost il-konsumaturi huwa limitat
ħafna - konsumatur wieħed minn kull tlieta jqabbel l-offerti. Studju
fuq is-swieq bl-imnut tal-elettriku. [22] Studju ta' Vaasaett, "Empower Demand", http://www.esmig.eu/press/filestor/empower-demand-report.pdf
[23] COM(2011) 370. [24] Konsultazzjoni
pubblika tad-DĠ CNECT:
http://ec.europa.eu/information_society/policy/doc/library/public_consult/cost_reduction_hsi?cost_reduction.pdf. [25] COM(2006) 851 finali. [26] Sal-lum, il-Kummissjoni rċeviet abbozzi ta’
deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għal iktar minn
erbgħin operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSOs) fi tlettax-il
Stat Membru, minn total ta’ 99 TSOs li talbu ċ-ċertifikazzjoni.
Minnhom, tmintax se jiġu ċċertifikati ta' sjieda separata. [27] Is-swieq ta’ negozju fl-istess jum u dawk ta’
bbilanċjar se jippermettu lill-parteċipanti fis-suq (inklużi
l-konsumaturi) jaġġustaw il-produzzjoni u l-konsum tagħhom bi tweġiba
għal ċirkustanzi li qed jinbidlu, b'mod partikulari bi tweġiba
għall-prezzijiet. Is-swieq likwidi ta’ negozju fl-istess jum huma
meħtieġa biex jippermettu l-aġġustamenti fl-iskedi
tal-provvista u tad-domanda skont is-siegħa, u din għadha mhix realtà
mal-Ewropa kollha. Is-swieq ta' bbilanċjar transfruntieri se jgħinu
biex jiġu evitati kostijiet mhux meħtieġa marbutin mal-akkwist
pubbliku purament nazzjonali tas-servizzi ta’ bbilanċjar.
Bis-saħħa ta’ dawn l-arranġamenti, id-domanda u l-provvista se
jiltaqgħu fuq skala transfruntiera fl-iskedijiet tal-ħin kollha. [28] Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE, ir-Regolamenti
(KE) Nru 713/2009, 714/2009 u 715/2009. [29] B'mod partikulari, ir-Regolament Nru 994/2010 dwar
miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li
jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE, REMIT, u l-proposta ta'
Regolament dwar linjigwida għal infrastruttura tranż-Ewropea
tal-enerġija. [30] Dettalji dwar il-politika ta’ implimentazzjoni
tal-Kummissjoni għat-Tielet Pakkett tal-Enerġija ġew stipulati
fil-Komunikazzjoni dwar "Governanza aqwa tas-suq uniku",
COM(2012) 259 finali. B'referenza għal din il-Komunikazzjoni,
il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2012 talab lill-Istat Membri jieħdu
azzjoni urġenti. Is-segwiment għal din il-politika se jsir, fost
l-oħrajn, fil-kuntest tas-semestru Ewropew. [31] Ara SWD 1, taqsima 4. Sa
minn Settembru 2011, il-Kummissjoni varat 19-il każ ta’ ksur
għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/72/KE, u 19-il
każ għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/73/KE. Sal-24 ta’ Ottubru 2012, 12-il
każ biss ġew konklużi, u l-bqija tal-proċeduri għadhom
għaddejjin. Dan huwa
mingħajr ħsara għad-dritt tal-Kummissjoni li tibda
proċeduri, iktar 'il quddiem, għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’
ċerti dispożizzjonijiet jekk jiġu identifikati nuqqasijiet,
eż. fil-kuntest ta’ verifika tan-nuqqas ta’ konformità (in-notifiki kollha
rċevuti dwar miżuri traspożizzjoni nazzjonali huma
soġġetti għall-eżami skont il-liġi tal-UE). [32] L-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni wera li huwa siewi u ta’
sostenn fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-settur
tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, eż. il-każ tal-antitrust
kontra E.On (2008), il-każ tal-merġet ta’ GDF
Suez / International Power (2011), u fis-settur tal-provvista
tal-gass, eż. il-każijiet kontra RWE (2009) u ENI (2010). [33] Ara SWD 1, taqsimiet 2 u 3. [34] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ir-Rwol tal-Inizjattivi
Reġjonali fil-futur", COM(2010) 721 finali.
[35] Il-konsumaturi għandhom opinjoni pjuttost negattiva tas-swieq
tal-elettriku u tal-gass. Fl-2012,
is-suq tal-elettriku jinsab fis-26 post minn 30 suq tas-servizzi, u għandu
punteġġi partikularment baxxi fil-pajjiżi tan-nofsinhar
tal-Ewropa (l-ogħla fil-Lussemburgu, l-inqas fil-Bulgarija). Is-suq tal-gass jinsab fil-21 post minn 30 suq
tas-servizzi (l-ogħla punteġġ huwa għas-Slovenja, u l-inqas
għall-Belġju). Kemm is-suq
tal-elettriku u kemm dak tal-gass għandhom punteġġi baxxi fejn
jidħlu l-firxa tal-għażla, il-komparabbiltà, u l-kundizzjonijiet
għall-bidla tal-fornitur u tat-tariffi; dan jissuġġerixxi li
l-konsumaturi mhux qed jinqdew bis-sħiħ mill-opportunitajiet ta’
tfaddil maħluqa mil-liberalizzazzjoni tas-suq. Dettalji dwar il-prestazzjoni ta' kull pajjiż individwali
jingħataw fi SWD 1, taqsima 3. Ara http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/cms_en.htm. [36] Dan il-fatt intgħaraf mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
Ewropew (KESE). Abbażi
tal-ħidma tiegħu ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili, il-KESE jippromwovi dibattitu infurmat u strutturat dwar
kwistjonijiet tal-enerġija fost is-soċjetà ċivili, kif ukoll
bejn is-soċjetà ċivili organizzata u dawk li jieħdu
d-deċiżjonijiet. [37] BEUC, 'Empowering Consumers
through Smart Meters', p. 23-26, http://bit.ly/JKn9R7
[38] Dan jista' jispjega, sa ċertu punt, ir-rati baxxi
għall-bidla fil-fornitur f'għadd ta’ Stati Membri. Għal aktar
dettalji fuq ir-rati tal-bidla tal-fornitur, ara SWD 1, taqsima 3. [39] Inklużi l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka,
il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi,
l-Iżvezja, is-Slovenja, u r-Renju Unit. [40] Ir-Rumanija, il-Greċja, u
l-Portugall. [41] Każ C-265/08, Federutility
et al. v Autorità per l’energia elettrica e il gas. [42] Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva
ġdida biex jitkattru l-isforzi tal-Istati Membri biex l-enerġija
tintuża b’mod iżjed effiċjenti fl-istadji kollha tal-katina
tal-enerġija – mit-trasformazzjoni tal-enerġija u t-tqassim
tagħha sal-konsum aħħari tagħha. Fl-4 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill approva l-ftehim
politiku dwar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Il-Parlament Ewropew kien ta l-vot favorevoli
tiegħu fuq il-ftehim imsemmi fil-11 ta’ Settembru 2012. [43] B'allokazzjonijiet ippjanati ta’ mill-inqas EUR 111 biljun
għall-perjodu 2007-2013. Għall-perjodu
2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet konċentrazzjoni sinifikanti
tal-isforzi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE fuq l-enerġija
rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll
iffokar b’saħħtu fuq ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku
u l-innovazzjoni (RTDI). L-Istati
Membri u r-reġjuni għandhom jiżguraw li dan il-finanzjament
jikkumplimenta l-investiment privat, billi jagħtih appoġġ
pjuttost milli jiddilwih. [44] Immirat lejn appoġġ immirat tajjeb għar-riċerka u
l-iżvilupp. [45] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal "Proġett ta’
investiment fl-infrastuttura tal-enerġija", li ssir referenza
għalih ukoll bħala SWD 2. [46] Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija juri li l-enerġija
rinnovabbli se tkun il-qofol tas-sistema tal-enerġija tal-UE lejn l-2050,
u se tirrappreżenta sehem għoli ħafna tal-ġenerazzjoni
tal-elettriku diġà sal-2030. [47] Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendat mid-Direttivi
2008/101/KE u 2009/29/KE. [48] Ara l-paragrafu 2.2, użu aktar effiċjenti u
żvilupp tal-grilji. [49] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’
Lulju 2012 dwar l-istabbiliment tal-listi annwali ta’ prijoritajiet
għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida
għall-2013, 2012/413/UE. [50] Inkluż fil-qbid u l-ħżin tal-karbonju
("CCS"). [51] Id-Direttiva 2009/28/KE. [52] COM(2012) 271 finali. [53] Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu
Effiċjenti tar-Riżorsi, COM(2011) 571 finali, jinkludi mira li
"sal-2020, is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent ikunu
tneħħew gradwalment". L-Istħarriġ Annwali dwar
it-Tkabbir tal-2011 u l-2012 (COM(2011) 11 finali, COM(2011) 815 finali)
isejħu wkoll għat-tneħħija tas-sussidji ta' ħsara
għall-ambjent. Ġew adottati wkoll fuq il-livell globali impenji ta’
riforma tas-sussidji tal-fjuwils fossili, pereżempju fil-kuntest tal-G20 u
fil-konferenza ta' Rio+20. [54] F'ċerti Stati Membri, l-intervent pubbliku mmirat huwa f'forma ta’
sigurtà fit-tul tal-kuntratti ta' provvista, bl-Istat jew b'entità maħtura
bħala kontraparti. Il-mekkaniżmi
ta’ kapaċità jridu jingħażlu mill-mekkaniżmi fil-qasir
immirati li jiżguraw li l-bilanċ f'ħin reali bejn il-provvista u
d-domanda jinżamm anki meta jħabbat wiċċu ma'
varjazzjonijiet għall-għarrieda fuq in-naħa l-oħra. [55] Ara l-Komunikazzjoni "Il-qagħda tas-suq Ewropew tal-karbonju
fl-2012", COM(2012) 652. [56] Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar
2011. B'mod partikulari, l-istati Baltiċi li joperaw fis-sistema
tal-elettriku tar-Russja u tal-Belarus għandhom jiġu sinkronizzati
mal-UE. [57] COM (2011) 665. [58] COM(2011) 658 finali. [59] COM(2011) 657 finali. [60] COM(2011) 202. [61] Id-Direttiva dwar l-Elettriku u d-Direttiva dwar
l-Effiċjenza Enerġetika jipprovdu taħlita kumplimentari ta’
obbligi u inċentivi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu tali qafas. [62] Bi qbil mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Industrijali,
COM(2012) 582. [63] L-għadd ta’ arloġġi smart fl-UE se jkollu jogħla
mill-madwar 45 miljun li hemm fil-preżent sa tal-anqas
240 miljun sal-2020, bl-infiq ta' investiment annwali meħtieġ
iżid mill-ftit 'il fuq minn EUR 1 biljun ta' bħalissa sa EUR 4
biljun - EUR 5 biljun sal-2015, soġġett għal analiżi
tal-kostijiet u l-benefiċċji. [64] Pereżempju permezz tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej
għall-Grilji tal-Elettriku, u s-Sħubija Ewropea ta' Innovazzjoni
għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti.