Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0397

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ żbilanċ tal-gvern eċċessiv fi Spanja

    /* COM/2012/0397 final */

    52012DC0397

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ żbilanċ tal-gvern eċċessiv fi Spanja /* COM/2012/0397 final */


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ żbilanċ tal-gvern eċċessiv fi Spanja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Skont l-Artikolu 126 tat-TFEU, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

    (2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

    (3)       Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fi Spanja kien hemm żbilanċ eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni sabiex jiġi kkoreġġut l-iżbilanċ eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 104(7) (TKE) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

    (4)       Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva u li l-avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-gvern kienu seħħew wara li kienet ġiet adottata din ir-Rakkomandazzjoni. Bħala riżultat, il-Kunsill iddeċieda li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE li tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2013. Sabiex id-defiċit nominali tal-gvern jinġieb taħt it-3% tal-valur ta’ referenza tal-PDG sal-2013, ġie rrakkomandat sforz fiskali annwali medju ta' ''il fuq minn 1.5% tal-PDG' matul il-perjodu 2010-2013. Fil-kalkolu tal-isforz fiskali annwali medju, id-defiċit tal-2011 fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 ittieħed bħala l-punt ta' tluq. L-isforz fiskali totali meħtieġ biex tintlaħaq il-mira nominali tad-defiċit ta' 3% sad-data tal-għeluq imbagħad ġiet ikkalkulata billi ġie preżunt għeluq gradwali tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali sal-2015.

    (5)       Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva għall-konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 biex iġġib l-iżbilanċ tal-gvern għal taħt il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG u qieset li ma kien għalhekk meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

    (6)       Skont l-Artikolu 3 (5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jekk avvenimenti ekonomiċi negattivimhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaggużi kbar għall-finanzi tal-gvern iseħħu wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. L-avvenimenti ekonomiċi żvantaġġużi mhux mistennija b'effetti baġitarji żvantaġġużi kbar se jitqiesu fuq l-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (7)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill meħtieġ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv fi żmien determinat. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut żbilanċ eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob għall-ilħiq ta’ miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0.5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza.

    (8)       Wara li rreġistrat kontrazzjoni sinifikanti fl-2009, meta il-PDG reali waqa' bi 3.7%, l-ekonomija kompliet sejra lura fl-2010, minkejja li b' -0.1º% biss. L-ekonomija reġgħet lura għal tkabbir ekonomiku pożittiv fl-2011 (0.7%), appoġġata mid-dinamiżmu tal-esportazzjonijiet Spanjoli, li kienu megħjuna mill-kompetittività titjieb tal-ekonomija Spanjola, u l-kontrazzjoni tal-importazzjonijiet, konformi mad-dgħufija tad-domanda lokali. Madankollu, skont l-aġġornament l-aktar riċenti mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-perspettiva ekonomika ta' Spanja għall-2012-2013, li huwa aġġornament tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012 li jinkorpora l-miżuri fiskali meħuda fl-aħħar ta' Mejju 2012 fil-livell reġjonali u l-aħħar żviluppi ekonomiċi u baġitarji, Spanja x’aktarx se taqa’ lura fir-reċessjoni, u tirreġistra tkabbir ekonomiku annwali negattivi sew fl-2012 u l-2013. Sew fis-settur pubbliku sew fil-privat, id-diżingranaġġ u l-qgħad imdaqqas huma piż kbir fuq id-domanda domestika. Barra minn hekk, l-ambjent internazzjonali mdgħajjef qed iżomm lid-domanda esterna milli tagħmel tajjeb għad-dgħufija tad-domanda domestika, li jirriżulta fil-kontrazzjoni tal-ekonomija Spanjola.

    (9)       Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq 9.3% tal-PDG fl-2010, minn 11.2% fl-2009. It-titjib fil-bilanċ tal-baġit kien xprunat sew minn tnaqqis fin-nefqa totali sew minn żieda fid-dħul totali, l-aktar bħala riżultat ta' miżuri diskrezzjonarji. Fl-2011, l-eżitu tal-iżbilanċ kien agħar milli mistenni, 8.5% tal-PDG, imqabbel ma’ mira ta’ 6% tal-PDG. Spanja infurmat lill-Eurostat fis-17 ta' Mejju 2012 li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-2011 jista' jiġi rivedut b'madwar 0.4% tal-PDG minħabba informazzjoni ġdida dwar ċerti partiti baġitarji tan-nefqa tar-reġjuni awtonomi li ma kinux ġew inklużi fin-notifika ta' Marzu 2012 dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. Madwar żewġ terzi tad-devjazzjoni tal-baġit tal-2011 seħħew fil-livell reġjonali, filwaqt li l-amministrazzjoni ċentrali u s-sigurtà soċjali rreġistraw ħafna anqas telf. Id-devjazzjoni tal-baġit ġiet spjegata prinċipalment spjegat minn dħul inqas milli mistenni minħabba li mmaterjalizza ambjent ekonomiku inqas favorevoli milli previst fil-programm ta’ stabbiltà tal-2011 u kompożizzjoni tat-tkabbir b'inqas intensità fiskali, filwaqt li l-infiq eċċessiv kienu limitat.

    (10)     Skont aġġornament mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern huwa pproġettat għal 6.3% tal-PDG fl-2012, li jitqabbel ma' defiċit mistenni ta' 5.3% tal-PDG fil-programm ta' stabbiltà tal-2012 u l-abbozz tal-liġi tal-baġit tal-2012. Din tal-aħħar hija bbażata fuq miżuri ghaż-żieda fid-dħul li jinkludu prinċipalment żidiet fit-tassazzjoni diretta, bħal bidliet fit-tassazzjoni tad-dħul u tal-impriżi, u amnestija fiskali. Xi wħud minn dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji, bħaż-żieda fit-taxxa fuq id-dħul (limitata għall-2012 u l-2013), jew ser ikollhom l-impatt ta’ darba, bħall-bidla fis-sistema tal-pagamenti għat-taxxi korporattivi fl-2012 u l-amnestija fiskali. L-abbozz tal-liġi tal-baġit u l-programm baġitarju jipprevedu li n-nefqa totali tonqos bħala riżultat ta' tnaqqis drastiku fl-infiq kapitali kif ukoll kurrenti, inkluż minn iffrankar fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni fil-livell reġjonali. Id-devjazzjoni mbassra mill-mira tal-2012 hija prinċipalment marbuta ma' tnaqqis mistenni fid-dħul, speċjalemnt fis-sigurtà soċjali, u nefqa soċjali akbar, dovut għal prospett makroeknomiku agħar, kompożizzjoni ta' tkabbir b'inqas intensità fiskali, u deterjorament akbar fis-suq tax-xogħol. It-tbassir baġitarju għadu soġġett għal riskji kbar. Jaf ikun hemm devjazzjoni akbar minħabba li l-kriżi ekonomika tmur għall-agħar u minħabba riskji ta' implimentazzjoni fuq il-livell reġjonali minħabba l-fatt li bosta miżuri baġitarji japplikaw biss għal parti mis-sena. L-ibbilanċjar mill-ġdid meħtieġ li għaddej bħalissa fl-ekonomija Spanjola mill-oġġetti mhux skambjabbli għal dawk skambjabbli jimplika wkoll riskju ta' tkabbir ekonomiku b'intensità fiskali anqas. Ċifri reċenti ħafna dwar l-eżitu baġitarju għall-ewwel xhur tal-2012 juru li qed tkompli l-pressjoni 'l isfel fuq id-dħul u jindikaw il-ħtieġa li jiġu implimentati mingħajr aktar dewmien aktar miżuri strutturali.

    (11)     Skont l-aġġornament mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012, fuq il-bażi ta' politiki mhux mibdula, u bil-PDG reali mistenni jiċkien b'0.3% mis-sena preċedenti, l-iżbilanċ tal-gvern huwa pproġettat għal 6.1% tal-PDG fl-2013 meta mqabbel mal-mira oriġinali ta' 3% tal-PDG. Il-programm ta’ stabbiltà tal-2012 jipproġetta żieda mdaqqsa fid-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, li għadha mhix mirfuda minn miżuri konkreti, u li hija mistennija wkoll tkun parzjalment ikkumpensata minn inqas taxxi fuq ix-xogħol. Il-programm jinkludi wkoll – s’issa mhux speċifikat għal kollox – tnaqqis min-naħa tal-infiq, partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa fil-livell reġjonali. Għall-2014 u l-2015, il-konsolidazzjoni mbassra għall-ġejjieni għadha mhix appoġġata biżżejjed minn miżuri biex jirfdu l-mira tal-iżbilanċ propost, u ftit hemm miżuri konkreti inklużi fil-programm ta' stabbiltà.

    (12)     L-aġġornament mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2012 juri li l-iżbilanċ strutturali kien ta' 8.7%, 7.3% u 7.0% tal-PDG fl-2009, l-2010 u l-2011 rispettivament. Mistenni jilħaq 4.3% tal-PDG fl-2012. Dan jimplika sforz fiskali medju ta' 1.5% tal-PDG bejn l-2010 u l-2012, li huwa konformi mal-isforz fiskali annwali medju minimu meħtieġ ta' ''l fuq minn 1.5% 'tal-PDG speċifikat mill-Kunsill fl-2010-2013. Jekk issir korrezzjoni għall-bidla fix-xenarju makroekonomiku bejn il-projezzjonijiet sottostanti għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 u t-tbassir kurrenti, l-isforz fiskali annwali medju stmat bejn l-2010 u 2012 huwa ta' 0.5 pp. tal-PDG ogħla. Spanja s'issa ħadet azzjoni effettiva fir-rigward tal-mogħdija għall-iżbilanċ strutturali sal-2012.

    (13)     Skont it-tbassir tar-ħarifa 2009 mis-servizzi tal-Kummissjoni, li kien jifforma l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009, l-ekonomija Spanjola kienet mistennija tonqos b' 0.8% fl-2010 u se tikber b' 1% fl-2011. Is-snin 2012 u 2013 kienu lil hinn mill-perjodu tat-tbassir, iżda taħt l-ipotesi tal-għeluq gradwali tad-distakk negattiv kbir fil-produzzjoni sal-2015, kien mistenni, għall-2012 u l-2013, tkabbir ogħla minn dak tal-2011. L-eżitu tal-PDG reali għall-2010 u l-2011 kien kemxejn aktar pożittiv milli mistenni fit-tbassir tal-ħarifa tal-2009. Madankollu, il-kompożizzjoni tat-tkabbir ekonomiku kellha intensità fiskali inqas milli mistenni, billi l-kontribuzzjoni akkumulata tad-domanda domestika għall-2010 u l-2011 kienet ta' - 2.7 punti perċentwali tal-PDG, imqabbla ma' tbassir ta' -1.1. punti perċentwali, minħabba t-tnaqqis aktar malajr milli kien mistenni tas-settur tal-oġġetti mhux skambjabbli. Ir-riżultati mill-aġġornament tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa 2012 għall-2012 u l-2013 juru li l-ekonomija Spanjola se tħabbat wiċċha ma' burraxki qawwija li ma kinux mistennija fit-tbassir tal-ħarifa tal-2009. Filwaqt li t-tbassir tal-ħarifa tal-2009 jassumi rati ta’ tkabbir ta' ferm aktar minn 1% kull sena fl-2012 ul- 2013, l-aħħar previżjonijiet jindikaw rati ta’ tkabbir ta' -1.9% u -0.3%, rispettivament, abbażi ta' ebda tibdil fil-politika. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tat-tkabbir x'aktarx tkompli tkun imxaqilba lejn domanda esterna netta, bl-issuktar tal-effetti negattivi fuq id-dħul mit-taxxa.

    (14)     Id-dejn pubbliku gross tela' għal 68.5% tal-PDG fl-2011, u skont l-aġġornament tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012, mistenni jaqbeż għal 80.9% tal-PDG fl-2012 u 86.8% fl-2013, ibbażat fuq xenarju ta' ebda bidla fil-politika, u għalhekk ikun qabeż il-valur ta' referenza tat-Trattat fis-snin kollha. Din iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn hija prinċipalment immexxija minn ħlasijiet ta’ imgħax ogħla u sa grad inqas mid-dinamika tal-iżbilanċ primarju. L-aġġustament bejn il-fondi u l-flussi huwa mdaqqas fl-2012, billi jikkontribwixxi 5.4 punti perċentwali tal-PDG liż-żieda, u huwa marbut mal-pjan għas-saldu tal-fatturi tal-fornituri tal-korpi pubbliċi u operazzjonijiet pendenti oħrajn. Ir-riskji li hemm marbuta max-xenarju makroekonomiku u l-miri baġitarji, kif ukoll mal-miżuri addizzjonali ta’ salvataġġ finanzjarju, jistgħu jikkontribwixxu għal iktar żieda fid-dejn pubbliku.

    (15)     Il-pożizzjoni baġitarja marret lura sostanzjalment meta mqabbla ma' meta ġiet ifformulata l-ewwel Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, minħabba x-xejra ekonomika agħar milli mistenni, li għandha wkoll intensità fiskali anqas. Barra minn hekk, il-kontrazzjoni mdaqqsa tal-ekonomija qed taffettwa l-impjiegi u l-qgħad b’mod negattiv ħafna. Dan qed ikollu effetti negattivi sew fuq in-naħa tad-dħul sew fuq tal-infiq, b'nuqqas ta' kontribuzzjonijiet soċjali u trasferimenti soċjali ogħla. B'dawn il-fatturi kollha meqjusa, u partiolarment id-deterjorazzjoni prominenti fil-prospetti fiskali minn żmien ir-Rakkomandazzjoni oriġinali tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) TFUE, tkun għalhekk ġustifikata sena addizzjonali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

    (16)     L-għoti ta' sena addizzjonali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv jeħtieġ li jintlaħqu l-miri tal-iżbilanċ nominali intermedji ta' 6.3% tal-PDG għall-2012, 4.5% tal-PDG għall-2013 u 2.8% tal-PDG għall-2014. Fuq il-bażi tal-aġġornament tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012, l-isforz fiskali sottostanti li jirriżulta minn dawn il-miri nominali huwa ta' 2.7% tal-PDG fl-2012, 2.5% tal-PDG fl-2013 u 1.9% tal-PDG fl-2014. Fid-dawl ta' dejta reċenti ħafna dwar l-eżitu fiskali għall-ewwel xhur tal-2012, se jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali biex tintlaħaq il-mira tal-iżbilanċ għall-2012. Il-qagħda se jkollha tiġi mmonitorjata mill-qrib u jkollha tittieħed azzjoni korrettiva ulterjuri minn kmieni jekk iseħħ aktar telf.

    (17)     Minħabba l-pressjoni qawwija tas-suq fuq id-dejn sovran Spanjol, hemm bżonn li tintrifed il-kredibilità tal-isforz għall-konsolidazzjoni billi jiġi adottat il-pjan baġitarju multiannwali mħabbar għall-2013-14 sa tmiem Lulju 2012. Dan ikun jeħtieġ li jiġu speċifikati fid-dettall il-miżuri strutturali kollha meħtieġa biex jinkisbu l-miri baġitarji fl-2013 u l-2014, u jiġi aċċellerat it-tnaqqis tal-iżbilanċ jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jirriżultaw aħjar minn kif mistenni attwalment. L-importanza ta' azzjoni f'waqtha f'dan il-punt sabiex jiġi evitat ir-risku ta' aktar telf titlob għal skadenza iqsar ta' tliet xhur għat-teħid ta' azzjoni effetiva.

    (18)     Fl-10 ta' Lulju, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal Spanja, bl-ewwel waħda li kienet ibbażata, fost l-oħrajn, fuq il-valutazzjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma ta' Spanja u l-programm ta' stabbiltà ta' Spanja għall-2012-2015. Din ir-rakkomandazzjoni ssejjaħ għal infurzar strett tal-Liġi dwar l-Istabbilità Baġitarja u l-adozzjoni ta' miżuri fiskali qawwija fil-livell reġjonali. Dan kieku jtaffi r-riskji tat-telf fuq livell reġjonali. Huwa essenzjali qafas fiskali u istituzzjonali b'saħħtu fid-dawl tan-natura deċentralizzata tal-finanzi pubbliċi ta' Spanja. Dan il-qafas jista' wkoll jissaħħaħ bit-twaqqif ta’ istituzzjoni fiskali indipendenti biex tipprovdi analiżi u pariri u tissorvelja l-politika fiskali. Meta titqies il-prestazzjoni dgħajfa riċenti tal-gvernijiet reġjonali, il-konformità baġitarja tagħhom, flimkien ma' sensittività akbar tad-dħul għall-aġġustament strutturali li għaddej bħalissa, l-impatt inċert tal-amnestija fiskali fuq id-dħul u l-operazzjonijiet ta’ rkupru finanzjarju ulterjuri potenzjali, jippreżentaw riskji għall-istrateġija baġitarja.

    (19)     Fl-istess ħin tar-reviżjonijiet regolari tal-programm ta' rikapitalizzazzjoni finanzjarja għal Spanja msemmi fl-istqarrija tal-laqgħa taż-żona tal-euro tad-29 ta' Ġunju 2012, se jkun hemm monitoraġġ kull tliet xhur tal-progress ta' Spanja fl-implimentazzjoni tal-impjeni tagħha fil-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv,

    (20)     Spanja tissodsifa l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ ġenerali tal-gvern eċċessiv kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    (1) L-awtoritajiet Spanjoli għandhom iġibu fi tmiemha l-qagħda attwali ta’ żbilanċ eċċessiv sal-2014.

    (2) L-awtoritajiet Spanjoli għandhom itejbu l-bilanċ strutturali b' 2.7% tal-PDG fl-2012, 2.5% tal-PDG fl-2013 u 1.9% tal-PDG fl-2014, sabiex iġibu d-defiċit nominali tal-gvern taħt it-3% tal-valur ta’referenza tal-PDG sa l-2014, skont l-aġġornament mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa 2012. Il-miri tad-defiċit nominali tal-gvern għandhom ikun ta' 6.3% tal-PDG għall-2012, 4.5% tal-PDG għall-2013 u 2.8% tal-PDG għall-2014.

    (3) L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jimplimentaw il-miżuri adottati fil-baġit tal-2012 u fil-pjanijiet ta' bbilanċjar mill-ġdid tal-Komunitajiet Awtonomi u jadottaw sa tmiem Lulju 2012 il-pjan baġitarju multi-annwali imħabbar għal 2013-14, inkluża l-istrateġija baġitarja għat-terminu medju, li tispeċifika bis-sħiħ il-miżuri strutturali meħtieġa biex isseħħ il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2014. Fid-dawl tal-eżitu fiskali reċenti fl-ewwel xhur tal-2012, għandhom jadottaw bla dewmien miżuri addizzjonali fl-2012 sabiex jiżguraw it-twettiq tal-pjanijiet baġitarji għall-2012. Għandhom ikunu lesti jadottaw miżuri ulterjuri jekk jimmaterjalizzaw riskji għall-pjanijiet baġitarji, u jaċċelleraw it-tnaqqis tal-iżbilanċ fl-2013 u l-2014 jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar minn dawk mistennija bħalissa.

    (4) Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza ta' 3 xhur sabiex il-Gvern Spanjol jieħu azzjoni effettiva u, bi qbil mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex jirrapporta fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri.

    Lil hinn mir-rapport previst fir-rakkomandazzjoni (4) u flimkien mal-programm ta' rikapitalizzazzjoni finanzjarja imsemmi fl-istqarrija tal-laqgħa taż-żona tal-euro tad-29 ta' Ġunju 2012, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jirrappurtaw kull tliet xhur dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll f’kapitolu separat tal-programmi ta’stabbiltà li se jitħejjew sa l-2015.

    L-awtoritajiet Spanjoli għandhom japplikaw strettament id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja dwar it-trasparenza u l-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-baġit. Konformi mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fi ħdan is-Semestru Ewropew, il-Kunsill jitlob ukoll lil Spanja tistabbilixxi istituzzjoni fiskali indipendenti biex tipprovdi analiżi u pariri u tissorvelja l-politika fiskali, iżżomm man-natura infurzabbli tal-qafas baġitarju tagħha għat-terminu medju, kif ukoll tissorvelja mill-qrib l-aderenza mal-miri baġitarji matul is-sena għal livelli kollha tas-settur tal-gvern ġenerali. Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    Top