This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0348
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the Implementation by the Republic of Moldova of the Action Plan on Visa Liberalisation
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża
/* COM/2012/0348 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża /* COM/2012/0348 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni mir-Repubblika
tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni mill-Viża I. Introduzzjoni Id-Djalogu dwar il-Viża bejn l-UE u
r-Repubblika tal-Moldova li jeżamina l-kundizzjonijiet ta'
vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini
tar-Repubblika tal-Moldova fl-UE nfetaħ
fil-15 ta' Ġunju 2010. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar
il-Liberalizzazzjoni mill-Viża (PALV)[1]
ġie ppreżentat lill-awtoritajiet Moldovani mill-Kummissjoni fl-24 ta' Jannar 2011.
Il-PALV jistabbilixxi sensiela ta' punti ta' riferiment għar-Repubblika
tal-Moldova dwar erba' "blokok" ta' kwistjonijiet rilevanti,
bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv u politiku
(l-ewwel fażi) u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu (it-tieni
fażi). Il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod
regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni
tal-PALV. L-Ewwel Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
mill-Viża ġie ppreżentat
fis-16 ta' Settembru 2011[2].
Fis-7 ta' Ottubru 2011 saret Laqgħa tal-Uffiċjali
Għolja li matulha ġie ppreżentat l-Ewwel Rapport ta' Progress u
ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess. Fit-tieni nofs ta' Ottubru u fil-bidu
ta' Novembru 2011 ġew organizzati missjonijiet ta' valutazzjoni
dwar il-Blokok 2, 3 u 4 tal-PALV u dawn kienu jinvolvu esperti mill-Istati
Membri tal-UE akkumpanjati minn uffiċjali tas-servizzi tal-Kummissjoni u
tas-SEAE. Il-fini ta' dawn il-missjonijiet esperti kien li jiġi vvalutat
il-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali skont il-punti ta'
riferiment tal-ewwel fażi tal-PALV u l-konformità tiegħu
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Ir-rapporti esperti ġew
iffinalizzati f'Diċembru 2011. It-Tieni Rapport ta' Progress dwar
l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta' Azzjoni dwar
il-Liberalizzazzjoni mill-Viża ġie ppreżentat
fid-9 ta' Frar 2012[3].
Fis-27 ta' Frar 2012 saret Laqgħa tal-Uffiċjali
Għolja li matulha ġie ppreżentat it-Tieni Rapport ta' Progress u
ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess. Dan ir-Rapport tal-Kummissjoni huwa
t-tielet u l-aħħar rapport ta' progress dwar l-ewwel fażi
tal-PALV. Huwa jagħti valutazzjoni kkonsolidata mill-Kummissjoni
tal-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova fis-sodisfazzjon tal-punti ta'
riferiment tal-ewwel fażi tal-PALV relatati mat-twaqqif tal-qafas
leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali. II.
Valutazzjoni tal-miżuri skont l-erba' blokok tal-Pjan ta' Azzjoni
tal-Liberalizzazzjoni mill-Viża Blokk 1: Sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika Valutazzjoni Ġenerali Il-qafas leġiżlattiv
qiegħed fis-seħħ. Ġiet ipprovduta skeda ċara
għall-ħruġ komplet ta' passaporti bijometriċi konformi
mal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), inkluż
fil-konsulati Moldovani barra l-pajjiż, kif ukoll
għat-tneħħija gradwali tal-passaporti li mhumiex konformi
mal-ICAO. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika
tal-Moldova tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 1. Kummenti dettaljati ·
Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
għall-ħruġ ta' passaporti bijometriċi li jinqraw mill-magni
f'konformità sħiħa mal-ogħla standards tal-ICAO fuq il-bażi
ta' ġestjoni tal-identità sikura (reġistru ċivili u dokumenti
oriġinarji) u meta jitqies il-ħarsien adegwat tad-dejta personali Il-qafas
ġuridiku għall-ħruġ ta' passaporti bijometriċi li
jinqraw mill-magni, b'konformità sħiħa mal-ogħla standards
tal-ICAO, ġew issupplimentati b'żewġ liġijiet adottati
fid-9 ta' Ġunju 2011 u deċiżjoni tal-Gvern adottata
fl-10 ta' Mejju 2011. Dawn id-dispożizzjonijiet
addizzjonali jiżguraw qafas ikkonsolidat għall-ġestjoni ta'
identità sikura. Barra minn hekk, ġiet adottata liġi addizzjonali
fis-27 ta' Diċembru 2011 li tiżgura li
l-prinċipju "persuna waħda, dokument wieħed" issa huwa
previst ukoll għar-rigward tal-passaporti diplomatiċi u tas-servizz. ·
Adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni li fih skeda
għall-ħruġ komplet ta' passaporti bijometriċi konformi
mal-ICAO, inkluż fil-konsulati Moldovani barra l-pajjiż, kif ukoll
għat-tneħħija gradwali tal-passaporti li mhumiex konformi
mal-ICAO. Ġie adottat
Pjan ta' Azzjoni bi skeda ċara. ·
Twaqqif ta' programmi ta' taħriġ u
adozzjoni ta' kodiċijiet etiċi kontra l-korruzzjoni, li għandhom
fil-mira uffiċjali ta' kwalunkwe awtorità pubblika li tittratta
l-passaporti, kif ukoll il-karti tal-identità u dokumenti oriġinarji
oħrajn. Fl-1 ta' April 2011
ġie adottat il-"Kodiċi tal-Etika għall-persunal li
jaħdem fir-reġistrazzjoni ċivili u l-ħruġ
tad-dokumenti". Dan jirreferi għall-Kodiċi tax-Xogħol
għas-sanzjonijiet fil-każ ta' vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet
tiegħu. Dan initroduċa dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta'
interess, l-inkompatabilitajiet u l-obbligu għar-rappurtar
tal-irregolaritajiet. L-Ordni "dwar xi miżuri ta'
prevenzjoni kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoniżmu" kien approvat
fil-31 ta' Mejju 2011 mid-Direttur Ġenerali tar-"Registru"
tas-CSIR u kien segwit mill-"Pjan ta' Azzjoni tal-Ġestjoni tar-Riskju
dwar ir-riskji ta' korruzzjoni fil-qasam tad-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni u
r-reġistrazzjoni tal-istatus ċivili"
fil-11 ta' Awwissu 2011. Il-"Pjan ta' ġestjoni
tar-riskji ta' korruzzjoni fil-qasam tad-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni"
kienet approvata fil-5 ta' April 2012 mid-Direttorat
Ġenerali tar-"Registru" tas-CSIR. Matul l-2011 u l-ewwel
trimestru tal-2012 ingħataw korsijiet ta' taħriġ
għall-impjegati tas-sottodiviżjonijiet territorjali
għad-dokumentazzjoni tal-popolazzjoni. Blokk 2: Immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni Valutazzjoni ġenerali Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera, ġiet adottata
l-leġiżlazzjoni rilevanti. Il-qafas istituzzjonali jinsab
fis-seħħ, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar
it-taħriġ u l-kodiċijiet etiċi għall-ġlieda
kontra l-korruzzjoni. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, ir-Repubblika
tal-Moldova stabbiliet bażi komprensiva għal sistema ta'
ġestjoni tal-migrazzjoni effiċjenti u l-qafas leġiżlattiv
rilevanti huwa fis-seħħ. Għalkemm hemm bżonn ta' xi titjib,
l-istrumenti adottati huma fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards
Ewropej u internazzjonali. Il-parti l-kbira tal-qafas istituzzjonali jinsab
fis-seħħ, għalkemm għandhom jiġu allokati iktar
riżorsi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Fil-qasam tal-ażil, hemm bażi leġiżlattiva
solida li hija fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u
internazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali
tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 2. Kummenti dettaljati skont il-qasam politiku Blokk 2 / suġġett 1 -
Ġestjoni tal-fruntieri ·
Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
għall-ġesjoni tal-fruntieri inkluża l-adozzjoni ta' Liġi
ġdida dwar il-Fruntiera tal-Istat, li tippermetti lis-Servizz tal-Gwardja
tal-Fruntieri Moldovana jipparteċipa fil-qbid u l-investigazzjoni
tal-kriminalità transkonfinali b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi kompetenti kollha u l-qasam tar-responsabilità
għat-territorju kollu, kif ukoll qafas ġuridiku
għall-kooperazzjoni effiċjenti bejn l-aġenziji bejn is-Servizz
tal-Gwardja tal-Fruntieri, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u
aġenziji oħra involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri Il-Liġi dwar il-Fruntiera tal-Istat kienet adottata
fl-4 ta' Novembru 2011, ippubblikata
fl-20 ta' April 2012 u se tidħol fis-seħħ
fl-1 ta' Lulju 2012. Dan isegwi d-definizzjonijiet u l-qafas
tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (ir-Regolament (KE) 562/2006) u jqis
ukoll il-qafas ġuridiku tal-Unjoni Ewropea għar-responsabilità
tat-trasportaturi. Dan jipprovdi qafas tajjeb għal leġiżlazzjoni
u dokumenti ta' politika oħrajn. L-adozzjoni tal-liġijiet sekondarji
rilevanti qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi. Il-Liġi dwar il-Fruntiera tal-Istat
kienet adottata fit-28 ta' Diċembru 2011, ippubblikata
fl-20 ta' April 2012 u se tidħol fis-seħħ
fl-1 ta' Lulju 2012. Il-liġi tipprovdi bażi tajba
għad-demilitarizzazzjoni u l-prefessjonalizzazzjoni tas-Servizz
tal-Gwardja tal-Fruntieri, li se jkunu ttrasformati f'Pulizija tal-Fruntieri.
Il-liġi tipprovdi sisien sodi għal ġestjoni moderna
tal-fruntieri. Hija tikkonferixxi wkoll il-kompetenzi u s-setgħat
eżekuttivi neċessarji għal xogħol polizjesk effiċjenti
għall-fruntieri lill-Pulizija tal-Fruntieri. B'mod partikolari,
il-leġiżlazzjoni se tippermetti lill-Pulizija tal-Fruntieri
jipparteċipaw fid-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-kriminalità transkonfinali
b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti kollha għall-infurzar
tal-liġi. Dan se jestendi wkoll iż-żona ta' responsabilità
tal-Pulizija tal-Fruntieri għat-territorju kollu. Barra minn hekk,
il-liġi tipprovdi qafas ġuridiku għal kooperazzjoni
effiċjenti bejn l-aġenziji bejn il-Pulizija tal-Fruntieri,
aġenziji ta' infurzar tal-liġi oħrajn u aġenziji
oħrajn involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri. Madankollu, il-ftehimiet
ta' kooperazzjoni, il-proċeduri operattivi u l-qsim tal-kompiti
għandhom jiġu ċċarati ulterjorment. B'mod partikolari,
għandu jinstab qbil dwar il-proċeduri għas-sorveljanza
tal-barranin u għat-trattamenti tal-immigranti illegali u dawk li qed
ifittxu ażil tal-inqas permezz tal-protokolli ta' kooperazzjoni. Il-Liġi dwar l-emenda tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet
kienet adottata fil-21 ta' Ottubru 2011, ippubblikata
fis-16 ta' Diċembru 2011 u se tidħol
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Huwa jagħti
lill-Pulizija tal-Fruntieri l-kompetenza tal-eżami tar-reati
amministrattivi bħall-ksur tar-reġim u r-regoli tal-fruntieri statali
dwar il-qsim tal-fruntieri statali, il-ħsara u l-qerda ta' sinjali
tal-fruntiera u ksur ieħor tar-regoli dwar id-drittijiet ta' residenza
tal-barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Il-Liġi dwar l-emenda tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet
rigward ir-responsabilità tat-trasportaturi ġiet
adottata fit-23 ta' Frar 2012. Hija timponi sanzjonijiet
għall-ksur tar-regoli dwar it-trasportar tal-barranin lejn pajjiż u
hija konformi mal-istandards internazzjonali u Ewropej. Is-Servizz ta' Gwardja tal-Frunitieri
Moldovani għandu ftehimiet ta' kooperazzjoni u protokolli mal-pajjiżi
ġirien, jiġifieri r-Rumanija u l-Ukraina, li jipprovdu bażi
għal kooperazzjoni mal-gwardji tal-fruntiera f'dawk il-pajjiżi
ġirien. Ġew iffirmati ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' bosta Stati
Membri tal-UE (il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, l-Ungerija u l-Polonja), kif
ukoll mar-Russja u l-Ġeorġja. Is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri
biħsiebu jiffinalizza ftehimiet ta' kooperazzjoni mas-servizzi tal-gwardja
tal-fruntieri mill-Bjelorussja u Kazakistan fl-2012. F'Awwissu 2008 ġie
ffirmat arranġament ta' ħidma mal-FRONTEX u r-Repubblika tal-Moldova
hija impenjata u attiva fil-kooperazzjoni tagħha mal-Missjoni tal-UE ta'
Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM). Pjan ta' Kooperazzjoni ġdid
għall-2012-2014 ġie ffirmat f'Diċembru 2011 mill-FRONTEX u
r-Repubblika tal-Moldova. ·
Adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni
għall-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Nazzjonali
għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, li fiha skeda u għanijiet
speċifiċi għall-iżvilupp ulterjuri
tal-leġiżlazzjoni, l-organizzazzjoni, l-infrastruttura,
it-tagħmir, kif ukoll biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani
fil-qasam tal-ġesjoni tal-fruntieri Fis-27 ta' Diċembru 2010
ġiet adottata l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġestjoni
Integrata tal-Fruntieri (ĠIF) għall-2011-2013. Hija tindirizza
s-suġġetti kollha rilevanti għal ġestjoni tal-fruntieri
effiċjenti u b'konformità mal-istandands u l-aqwa prassi Ewropej. Il-Pjan ta' Azzjoni ĠIF
għall-2011-2013 ġie approvat fis-16 ta' Mejju 2011.
Dan fih iktar pjani dettaljati dwar kif l-Istrateġija nazzjonali
tal-ĠIF se tiġi implimentata, inklużi għanijiet konkreti u
azzjonijiet. Bħall-Istrateġija tal-ĠIF, il-Pjan ta' Azzjoni
tal-ĠIF hija abbozzata sew u tinkludi s-suġġetti kollha
rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-ĠIF.
L-għanijiet ewlenin ikopru oqsma marbuta mat-titjib tal-qafas
leġiżlattiv u politiku, il-kontroll tal-fruntieri u l-kooperazzjoni
internazzjonali u bejn l-aġenziji u mal-iżvilupp tal-istruttura
organizzattiva, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-loġistika u
sistema ta' analiżi tar-riskji. Fil-fażi ta' implimentazzjoni,
il-Pjan ta' Azzjoni tal-ĠIF għandu jkun issupplimentat b'iktar
pjanijiet dettaljati li jinkludu fost l-oħrajn in-numri u l-postijiet
tat-tagħmir u l-aġġeġġi, kif ukoll pjanijiet
għat-twaqqif ta' ċentri ta' koordinament, Servizz ta' Sorveljanza
tal-Ajru u Ċentru ta' Eżami tad-Dokumenti. Il-qafas leġiżlattiv jistipula
biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani fil-qasam
tal-ġestjoni tal-fruntieri. ·
It-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ, u
adozzjoni tal-kodiċi tal-etika kontra l-korruzzjoni bil-gwardji
tal-fruntieri, l-uffiċjali tad-dwana u kwalunkwe uffiċjali oħra
involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri speċifikatament fil-mira Ġew stabbiliti għadd ta' programmi
ta' taħriġ, kemm teoretiċi u kemm prattiċi, kemm fil-livell
bażiku kif ukoll f'dak universitarju. Huwa pprovdut ukoll taħriġ
kontinwu għall-persunal (intern u estern) bl-għan li jittella'
l-livell ta' professjonaliżmu. Il-programmi ta' taħriġ
eżistenti joffru qafas tajjeb biex ikun hemm ġestjoni tal-fruntieri
professjonali. Qafas politiku xieraq għall-prevenzjoni
tal-korruzzjoni u għall-imġiba etika tal-uffiċjali qiegħed
fis-seħħ. Il-Kodiċi Deontoliġiku għall-gwardji
tal-fruntieri, li jinkludi regoli dwar l-imġiba f'każ ta' kunflitt
tal-interessi u l-prinċipji għall-użu tal-forza ġie
approvat fit-13 ta' Ġunju 2008. Is-Servizz tad-Dwana
għandu kodiċi etiku simili. Barra minn hekk, il-Liġi dwar
il-Pulizija tal-Fruntieri tistipula d-drittijiet u d-dmirijiet
tal-uffiċjali tal-pulizija tal-frutnieri u, f'dan il-kuntest, tinkludi
wkoll in-normi etiċi. L-Istrateġija tal-ĠIF u l-Pjan ta' Azzjoni
tal-ĠIF jinkludu miżuri dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Dawn
iqisu r-rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prassi tal-Katalogu ta' Schengen. Barra
minn hekk, tnedew bosta attivitajiet kontra l-korruzzjoni taħt
l-awspiċi tal-EUBAM. Blokk 2 / suġġett 2 -
Ġestjoni tal-migrazzjoni ·
Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
għall-politika tal-migrazzjoni, inklużi l-miżuri għar-riintegrazzjoni
taċ-ċittadini Moldovani (li jirritornaw volontarjament jew skont
il-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova) u
l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari (inklużi sforzi biex
jiġu konklużi ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiżi ewlenin ta'
oriġini u detezzjoni fil-pajjiż ta' migranti irregolari) Fis-16 ta' Lulju 2011 ġiet
adottata Liġi ġdida dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Hija
liġi qafas dwar il-proċeduri legali għall-għoti ta'
drittijiet ta' residenza lill-barranin fir-Repubblika tal-Moldova.
Id-dispożizzjonijiet estensivi tagħha jkopru l-oqsma kollha
tal-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni. Proċeduri operattivi addizzjonali
ilhom fis-seħħ minn Lulju 2011, li jagħmlu l-liġi
ġdida iktar ċara. Madankollu, xi liġijiet nazzjonali eqdem
għadhom japplikaw għall-permanenzi legali ta' barranin fir-Repubblika
tal-Moldova. Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, dawn
għandhom jitneħħew u jiġu integrati fil-liġi l-ġdida
(ara wkoll iktar 'l isfel taħt il-Blokk 4). F'Jannar 2011, bis-saħħa
tal-"Liġi dwar il-barranin" il-ġdida, twaqqaf "punt
uniku ta' servizz" fi ħdan l-Uffiċċju
għall-Migrazzjoni u l-Ażil (UMA). Il-liġi l-ġdida
tagħmel il-proċedura ta' applikazzjoni għall-viżi,
għar-residenza u għax-xogħol fir-Repubblika tal-Moldova
eħfef u iktar ċari. Dan huwa pass importanti fl-iżvilupp ta'
sistema ta' ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-Liġi dwar l-Integrazzjoni tal-Barranin
kienet adottata fis-27 ta' Diċembru 2011, ġiet
ippubblikata fit-13 ta' Marzu 2012 u se tidħol
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Hija tagħti
ċertezza legali ikbar fir-rigward tad-drittijiet tal-integrazzjoni u
l-faċilitajiet li hemm bżonn li jiġu fornuti għall-barranin
eliġibbli residenti fir-Repubblika tal-Moldova. Rigward ir-riintegrazzjoni tal-migranti
Moldovani lura f'pajjiżhom, ir-Repubblika tal-Moldova qiegħda
tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni ġdid biex jieħu post il-Pjan dwar
it-trawwim tar-ritorn tal-ħaddiema migranti Moldovani minn barra. Ġew
implimentati għadd ta' attivitajiet, bħall-Programm PARE 1+1, li
jipprevedi taħriġ dwar il-ħiliet intraprenditorjali kif ukoll
għajnuna finanzjarja għan-negozji li ħa jibdew. Barra minn hekk,
ġew implimentati attivitajiet bl-għan li jtejbu s-sistema
għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, kif ukoll li
jsaħħu s-suq lokali tax-xogħol, inkluż fil-kuntest
tas-Sħubija tal-Mobilità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova. Il-Liġi dwar l-adeżjoni
tar-Repubblika tal-Moldova għall-Konvenzjoni Konvenzjoni dwar l-Istatus
ta' Persuni Apolidi ġiet adottata
fis-27 ta' Diċembru 2011. Il-Liġi dwar l-adeżjoni
għall-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-Istatus tal-Apolidija ġiet
adottata fit-8 ta' Diċembru 2011. Dawn il-liġijiet
jimlew il-vojt leġiżlattiv f'dan il-qasam. Ir-Repubblika tal-Moldova ħarġet
Rakkomandazzjonijiet Metodoloġiċi dwar il-ġlieda kontra
il-permanenza illegali tal-barranin, li jipprovdu linji gwida operattivi
għall-uffiċjali tal-immigrazzjoni fil-livell lokali. Fir-rigward tal-kapaċità istituzzjonali,
l-UMA għandu setgħat bi prerogattivi kumplessi, bħala l-entità
ewlenija responsabbli għall-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni
fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova. Hemm bżonn li tkompli tikber
il-kapaċità tal-UMA, speċjalment fil-livell lokali, kif ukoll
it-twaqqif tal-protokolli ta' kooperazzjoni bejn l-entitajiet rilevanti tal-Ministeru
tal-Intern, li jiċċara l-qsim tal-kompetenzi waqt il-proċeduri
tal-immigrazzjoni. Ir-Repubblika tal-Moldova hija parti
fil-ftehimiet ta' riammissjoni mal-Unjoni Ewropea (fis-seħħ
mill-1 ta' Jannar 2008), mal-Ukraina (1997), l-Isvizzera (2004 u
2010), in-Norveġja (2006), Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava
tal-Maċedonja (2008), is-Serbja (2011) u d-Danimarka (2011). Bejn l-2009 u
l-2011, ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat protokolli ta' implimentazzjoni
addizzjonali għall-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova ma' 11-il Stat Membru tal-UE. Bħalissa għaddejjin
negozjati ma’ 11-il Stat Membru ieħor tal-UE. Sadanittant, għadhom għaddejjin
in-negozjati għal ftehimiet ta' riammissjoni bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-pajjiżi ta' oriġini ewlenin tal-migranti irregolari.
Fl-2007, abbozz ta' ftehim intergovernattiv dwar ir-riammissjoni tal-persuni
residenti mingħajr awtorizzazzjoni kien approvat u mibgħut
lir-Russja, l-Uzbekistan, it-Taġikistan, il-Ġeorġja,
l-Azerbajġan, l-Armenja, il-Kazakistan, il-Bjelorussja,
il-Kirgiżistan, it-Turgmenistan, it-Turkija, is-Sirja, il-Bangladexx,
l-Indja, il-Libanu, il-Pakistan, il-Ġordan, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq,
iċ-Ċina, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro. In-negozjati
mar-Russja, il-Montenegro u l-Bosnja-Ħerzegovina effettivament mexjin.
In-negozjati dwar l-iffirmar ta' ftehim ta' riammissjoni ġdid mal-Ukraina
nbdew. Ġew irrappurtati xi żviluppi fin-negozjati mat-Turkija.
L-awtoritajiet Torok staqsew lill-awtoritajiet Moldovani jikkunsidraw
reġim bla viża. Skont ir-Repubblika tal-Moldova, waħda
mill-prekundizzjonijiet hija l-konklużjoni ta' ftehim ta' riammissjoni
mat-Turkija. ·
L-adozzjoni ta' Strateġija ta'
Ġestjoni Nazzjonali għall-implimentazzjoni effettiva tal-qafas
ġuridiku għall-politika tal-migrazzjoni u Pjan ta' Azzjoni li jkun
fih skeda, għanijiet speċifiċi, attivitajiet, riżultati,
indikaturi tal-prestazzjoni u biżżejjed riżorsi umani u
finanzjarji L-Istrateġija dwar il-Migrazzjoni u
l-Ażil kienet adottata fis-6 ta' Lulju 2011. Din hija
għodda politika importanti għall-ġestjoni tal-flussi migratorji.
L-Istrateġija tidentifika l-għanijiet għal perjodu
taż-żmien suffiċjentement twil (2011-2020) u jiddefinixxi
l-prinċipji li se jiżguraw l-implimentazzjoni komprensiva u
konsistenti tal-politiki. Hija tassenja wkoll ir-rwol ta' koordinament
tal-attivitajiet rigward il-proċess ta' migrazzjoni fir-Repubblika
tal-Moldova lil Kummissjoni Governattiva. L-Istrateġija se tkun
implimentata permezz tal-Pjan ta' Azzjoni (2011-2015) li kienet adottata
fit-8 ta' Novembru 2011. Il-Pjan ta' Azzjoni fiha attivitajiet
dettaljati għall-ksib tal-għanijiet fit-tul tal-Istrateġija,
l-allokazzjoni tal-fondi, l-istituzzjonijiet responsabbli, l-iskadenzi u
l-indikaturi tal-progress. Għandu jkun hemm ir-riżorsi umani
xierqa disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti (speċjalment l-UMA)
biex iwettqu xogħolhom għall-implimentazzjoni kumplessiva
tal-Istrateġija. ·
It-twaqqif ta' mekkaniżmu
għall-monitoraġġ tal-volum u l-flussi tal-migrazzjoni,
id-definizzjoni ta' profil migratorju aġġornat regolarment
għar-Repubblika tal-Moldova, b'dejta kemm dwar il-migrazzjoni irregolari u
kemm dwar dik legali, u t-twaqqif ta' entitajiet responsabbli
għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta dwar il-volum u l-flussi
tal-migrazzjoni L-eżerċizzju kumpless tal-Profil Migratorju Estiż, li
jsir mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) dwar
ir-Repubblika tal-Moldova b'appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni
Ewropea, jinsab f'fażi avvanzata. Din l-għodda se tgħin
lill-awtoritajiet Moldovani biex iġestixxu l-migrazzjoni aħjar u biex
jinkludu l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni f'politiki oħrajn,
bħall-politika tal-impjiegi u dik soċjali, għall-iżvilupp
kumplessiv tal-pajjiż. Il-Profil Migratorju tqies bħala l-aqwa prassi
fil-Forum Dinji dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (GFMD) li
sar f'Diċembru 2011 u l-awtoritajiet Moldovani kienu attivi fil-qsim
tal-għarfien espert tagħhom f'dak ir-rigward. L-UMA ngħata
l-kompitu li jaġġorna regolarment il-Profil Migratorju. Is-Sistema Awtomatika Integrata u
tal-Informazzjoni dwar il-"Migrazzjoni u l-Ażil" qiegħda
fil-proċess li tiġi stabilizzata. Is-sottosistemi differenti
qegħdin jiġi żviluppati. Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji
fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tad-dejta dwar il-migranti,
inkluż kemm hemm interkonnessjoni bejn is-sistemi ta' informazzjoni li
fihom dejta dwar il-migranti hemm bżonn li tiġi ċċarata
iktar. Blokk 2 /
suġġett 3 - Ġestjoni tal-ażil ·
Konsolidament tal-qafas ġuridiku
għall-politika tal-ażil permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni
dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati jew il-benefiċjarji ta' forom
oħra ta' protezzjoni Ir-Repubblika tal-Moldova adottat qafas
leġiżlattiv sod għall-ażil f'perjodu ta' żmien qasir
ħafna. L-iktar liġi importanti hija l-"Liġi
tal-Ażil", li kienet adottata
fit-18 ta' Diċembru 2008 u daħlet fis-seħħ
fit-13 ta' Marzu 2009. Din tipprovdi l-qafas istituzzjonali,
il-proċeduri u l-prinċipji legali neċessarji u huwa fil-parti
l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Madankollu, xi
wħud mill-elementi tagħha jeħtieġu xi titjib. Il-liġi
tipprevedi l-possibilità għar-refuġjati biex japplikaw għal
dokument tal-ivvjaġġar imma dan ma jobbligax lill-awtoritajiet biex
joħorġuha (klawżola bil-kelma "tista'"). Matul
il-fażi ta' implimentazzjoni, l-isforzi jridu jsiru sabiex jiġi
żgurat li d-dokumenti tal-ivvjaġġar jaslu għand
il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Il-pjan tal-awtoritajiet
biex ikunu jistgħu joħorġu d-dokumenti sa Lulju 2012. Barra minn
hekk, il-liġi tipprevedi raġunijiet usa' għall-esklużjoni
minn status ta' refuġjat u refoulement minn dak previst fil-Konvenzjoni
tal-1951. Din għandha tiġi emendata kif xieraq. Hemm xi titjib
ieħor li jrid isir fil-liġi biex min ifittex ażil titħallielu
l-possibilità biex jiċċara kwalunkwe inkonsistenzi u partijiet vojta
fir-rapport tiegħu u jkollu aċċess għall-kontenut
tar-rapport tal-intervista. Il-Liġi dwar l-Integrazzjoni tal-Barranin
ġiet adottata fis-27 ta' Diċembru 2011, ġiet
ippubblikata fit-13 ta' Marzu 2012 u se tidħol
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012 (ara hawn fuq
fis-suġġett 2). Din fiha dispożizzjonijiet dwar kif jistgħu
jitħaddmu fil-prattika d-drittijiet tar-refuġjati u
tal-benefiċjarji mill-protezzjoni umanitarja deskritta fil-"Liġi
dwar l-Ażil". Għal dak il-għan, l-abbozz tal-liġi
jipprovdi l-qafas istituzzjonali u l-proċeduri, il-mekkaniżmi u
l-prinċipji legali neċessarji. Dan joħloq ukoll mekkaniżmi
ta' koordinament mal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali. Sabiex
jiġi ffaċilitat il-proċess ta' integrazzjoni, ir-Repubblika
tal-Moldova għandha tikkunsidra wkoll li tbaxxi r-rekwiżit
tar-residenza biex ir-refuġjati jew il-benefiċjarji mill-protezzjoni
umanitarja u l-persuni apolidi jkunu jistgħu jiksbu
ċ-ċittadinanza mir-rekwiżit ta' tmien snin residenza legali u
abitwali kif qiegħda bħalissa għal ħames snin jew inqas. Ir-Regolament dwar l-Attività
taċ-Ċentru għall-akkomodazzjoni ta' min ifittex ażil huwa
fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali.
L-iktar drittijiet, dmirijiet u proċeduri importanti huma koperti. Jista'
jsir xi titjib, madankollu, inkluż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet
speċjali għall-gruppi vulnerabbli jew biex id-dritt ta' għajnuna
soċjali jew psikoloġika tkun bla kundizzjonijiet. Blokk 3: Ordni u sigurtà pubblika Valutazzjoni ġenerali Il-qafas politiku u
leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
l-kriminalità organizzata ġie stabbilit. Il-Liġi dwar
il-kriminalità organizzata kienet adottata flimkien mal-Istrateġija u
l-Pjan ta' Azzjoni akkumpanjanti u huma fil-biċċa l-kbira konformi
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas leġiżlattiv u
politiku dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem huwa
kkonsolidat, b'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-Pjan ta'
Azzjoni għall-2012-2013 jipprovdi approċċ olistiku fl-indirizzar
tat-TTB. Rigward il-politiki
ta' kontra l-korruzzjoni, qafas politiku u leġiżlattiv komprensiv
jinsab fis-seħħ u fi stadju avvanzat ta' konsolidazzjoni.
Ir-Repubblika tal-Moldova għaddiet u se tgħaddi għadd konsiderevoli
ta' emendi leġiżlattivi bl-għan li jiġi allinjat il-qafas
leġiżlattiv mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali ewlenin.
L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni 2012-2013 ġew
adottati. Ġiet adottata Liġi ġdida dwar iċ-Ċentru
għall-Ġlieda Kontra r-Reati Ekonomiċi u l-Korruzzjoni (imsemmi Ċentru
Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni). L-ippjanar strateġiku u
l-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet għandu jittejjeb ulterjorment
sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva. Il-kapaċità,
id-distribuzzjoni tas-setgħat u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet
b'kompiti fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni għandu
jissaħħaħ ulterjorment. Rigward il-kooperazzjoni
fuq l-infurzar tal-liġi, il-koordinament għandu jittejjeb
ulterjorment sabiex ikun jista' jsir skambju ta' informazzjoni effettiv.
Il-qafas leġiżlattiv u politiku dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda
kontra l-ħasil tal-flus huwa kkonsolidat, b'konformità
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Ir-Repubblika
tal-Moldova aderiet għall-konvenzjonijiet kollha tan-NU u tal-Kunsill
tal-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà u l-ordni pubblika u
għall-biċċa l-kbira tal-Konvenzjonijiet tan-NU u l-Kunsill
tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għandhom
jittieħdu passi ulterjuri, speċjalment min-naħa tal-UE, lejn in-negozjar
tal-ftehimiet mal-Europol u l-Eurojust. Il-qafas
istituzzjonali u leġiżlattiv adottat dwar il-protezzjoni tad-dejta
huwa fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards Ewropej. Ir-Repubblika
tal-Moldova daħħlet fis-seħħ il-qafas istituzzjonali, politiku
u leġiżlattiv meħtieġ fil-politika ta' kontra d-drogi,
li hija konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas
leġiżlattiv li jirrigwarda l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi
kwisjonijiet kriminali ġiet ikkonsolidata ulterjorment. Ir-Repubblika
tal-Moldova ffirmat it-tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill
tal-Ewropa dwar Għajnuna Legali Reċiproka f'Materji Kriminali li
bħalissa qed jistenna r-ratifika. Riformi
istituzzjonali importanti, rilevanti għall-qasam
kollu tas-sigurtà u l-ordni pubblika, bħar-Riforma tal-Ministeru
tal-Intern u l-istrutturi subordnati u deċentralizzati tagħha, u
r-Riforma fil-Ġustizzja ġew adottati, u ġew sussegwentement
żviluppati iktar: f'Marzu 2012 inħoloq Ċentru ta' Riforma;
il-Pjan ta' Żvilupp Strateġiku tal-Ministeru tal-Intern 2012 - 2014
qiegħed jiġi implimentat; leġiżlazzjoni
addizzjonali rilevanti għall-proċess ta' riforma tinsab fi stadju ta'
adozzjoni. Ir-Riforma fil-Ġustizzja qiegħda fi triqitha u l-Pjan ta'
Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija kienet approvata
mill-Parlament. Rigward il-Pjanijiet ta' Azzjoni
fl-ambitu tal-Blokk 3, se tingħata iktar attenzjoni lir-riżultati
mistennija tagħhom, l-iskedi/l-iskadenzi, l-indikaturi tal-prestazzjoni u
r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għall-implimentazzjoni
tagħhom. Il-Kummissjoni
tqis li r-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali tissodisfa l-punti ta'
riferiment stabbiliti mill-Blokk 3. Kummenti
dettaljati Blokk 3 /
suġġett 1 - Il-prevenzjoni mill-kriminalità organizzata,
it-terroriżmu u l-korruzzjoni u l-ġlieda kontrihom. ·
L-adozzjoni ta' liġi u strateġija
komprensiva għall-prevenzjoni mill-kriminalità organizzata u l-ġlieda
kontriha flimkien ma' pjan ta' azzjoni li jkun fih skeda, għanijiet
speċifiċi, attivitajiet, riżultati, indikaturi tal-prestazzjoni
u biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji Fit-22 ta' Marzu 2012 il-Parlament adotta verżjoni
riveduta tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni mill-Kriminalità Organizzata u
l-Ġlieda Kontriha. Il-Liġi tintroduċi distinzjoni bejn
il-miżuri preventivi u dawk proċedurali u tindika l-proċeduri
applikabbli fil-qasam tal-kriminalità organizzata. Hija
fiha, fost l-oħrajn, miżuri għall-prevenzjoni mill-ħolqien
ta' gruppi jew għaqdiet kriminali ġodda u l-ġlieda kontrihom,
miżuri għall-prevenzjoni mill-attivitajiet kriminali u l-ġlieda
kontrihom, kampanji ta' informazzjoni għall-prevenzjoni tal-kriminalità
organizzata u għall-ġlieda kontriha, monitoraġġ operattiv
tan-nies vulnerabbli li jinġibdu lejn attività ta' kriminalità organizzata. Il-liġi tindika wkoll l-awtoritajiet li
għandhom kompetenzi f'dan il-qasam: l-Uffiċċju
tal-Prosekutur Ġenerali, il-Ministeru tal-Intern, il-Ministeru
tal-Ġustizzja, is-Servizz tal-Intelliġenza u s-Sigurtà,
iċ-Ċentru Kontra l-Korruzzjoni u l-pulizija tal-fruntieri. Il-liġi tipprovdi bażi
għat-taħriġ vokazzjonali għall-esperti, flimkien
mal-għaqdiet internazzjonali u l-NGOs. Il-liġi
tista' madankollu tibbenefika minn allinjament ulterjuri mal-istrumenti Ewropej
u internazzjonali bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata
Transnazzjonali. Jistgħu jiġu
inklużi iktar definizzjonijiet speċifiċi dwar il-gruppi
organizzati u r-reati kriminali li l-Liġi tapplika għalihom. Jista' jsir allinjament ulterjuri fir-rigward
tal-kriminalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat,
konfiska u qbid, ġurisdizzjoni, trasferiment ta' persuni sentenzjati,
kriminalizzazzjoni tal-ostruzzjoni tal-ġustizzja, ħarsien tax-xhieda,
għajnuna u ħarsien lill-vittmi kif ukoll il-ġbir u
l-analiżi tal-informazzjoni dwar in-natura u l-ammont ta' kriminalità
organizzata. Rigward il-qafas politiku, l-Istrateġija
għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-kriminalità
għall-2011-2016 ġiet approvata mill-Gvern
fit-22 ta' Ġunju 2011 u l-Pjan ta' Azzjoni
fil-11 ta' Novembru 2011. L-Istrateġija tipprevedi
l-valutazzjoni permanenti tat-theddid u r-riskji tal-kriminalità organizzata. Hija tistabbilixxi l-prinċipji
bażiċi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata,
l-għanijiet ġenerali kif ukoll il-kompetenzi tal-awtoritajiet
lineari. L-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija
huma li tippromwovi l-iżvilupp istituzzjonali u funzjonali, ittejjeb
il-kapaċità ta' ġestjoni, tarmonizza l-leġiżlazzjoni,
ittejjeb l-attività operattiva, tikkonsolida l-kooperazzjoni internazzjonali u
ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Hija tipprovdi bażi tajba għall-ittrattar
tal-kriminalità organizzata sakemm il-metodi u l-miżuri magħżula
jkunu effettivi. Il-Pjan ta' Azzjoni jkopri l-oqsma li ġejjin: l-iżvilupp operattiv u istituzzjonali,
it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u bejn l-aġenziji,
it-tisħiħ u l-immodernizzar tal-kapaċità ta' ġestjoni,
it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-aġġustar
tal-qafas ġuridiku għall-istandards tal-UE.
Il-Pjan ta' Azzjoni jinkludi għadd ta' għanijiet
ġenerali, li huma adegwati imma ma jfasslux skadenzi għal kull
miżura filwaqt li xi wħud mill-indikaturi tal-progress ma
jistgħux jitkejlu, jew mhumiex preċiżi biżżejjed. Rigward il-qafas istituzzjonali, bosta
entitajiet għandhom kompetenzi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità
organizzata. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jikkoordina
l-attivitajiet operattivi ta' dawn l-entitajiet. Ir-rwol tal-Prosekutur
Ġenerali għandu jissaħħaħ iktar b'mod konsistenti
mar-riformi istituzzjonali li għaddejjin, b'mod partikolari r-riformi
fil-Liġi Kriminali u tal-Ġustizzja. ·
Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem u
aġġornament regolari tal-Pjan Nazzjonali rispettiv, inklużi
skeda, għanijiet speċifiċi, attivitajiet, riżultati, indikaturi
tal-prestazzjoni u biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji Il-qafas leġiżlattiv u politiku dwar il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem (TTB) ġie kkonsolidat sa minn
xi snin ilu. Il-Liġi qafas dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar
tal-Bniedem ġiet adottata fl-2005 u ġiet issupplimentata b'għadd
ta' atti ġuridiċi oħra, inklużi d-dispożizzjonijiet
tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali kif
ukoll il-konvenzjonijiet internazzjonali. Il-Liġi dwar ir-Ratifika tal-Konvenzjoni
tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta' Lanzarote) dwar il-ħarsien
tat-tfal mill-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali, ġiet adottata
mill-Parlament fid-19 ta' Diċembru 2011. L-istrumenti tar-ratifika ġew
iddepożitati mal-Kunsill tal-Ewropa fit-12 ta' Marzu 2012 u
l-Konvenzjoni se tidħol fis-seħħ
fl-1 ta' Lulju 2012. Liġi
dwar il-modifika u l-emenda tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodidċi
tal-Proċedura Kriminali sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali
tiġi aġġustata għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni
ta' Lanzarote ġiet adottata mill-Parlament
fit-12 ta' April 2012. Il-Pjan għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda
kotra t-TTB għall-2010-2011 ġie approvat
fit-13 ta' Settembru 2010 u jinkludi miżuri biex jittrattaw
dan il-fenomenu. Fil-21 ta' Diċembru 2010
ġie approvat Pjan Addizzjonali li jipprovdi iktar miżuri konkreti. Wieħed mill-għanijiet kien li jittejjeb
il-mekkaniżmu għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-involviment
tal-ħaddiema taċ-ċivil f'każijiet ta' TTB. Huwa kellu l-mira wkoll li jżid il-ħarsien
tat-tfal li kienu vittmi ta' traffikar, li għadha kwistjoni ta'
tħassib. Huwa indirizza l-kooperazzjoni
nazzjonali u internazzjonali, is-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni. Iż-Żewġ Pjanijiet ta' Azzjoni
inkludew ħafna mill-elementi meħtieġa: skeda, għanijiet
speċifiċi, attivitajiet u riżultati mistennija imma
mingħajr indikaturi tal-prestazzjoni, mingħajr ċifri
speċifiċi dwar ir-riżorsi baġitarji u riżorsi
oħrajn. Il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid
għall-2012-2013 ġie abbozzat u huwa mistenni li jiġi approvat
f'Ġunju 2012. Dan jinkludi elementi li
kienu nieqsa mill-Pjanijiet ta' Azzjoni preċedenti. Eżempju
ta' dan huwa l-prevenzjoni/ħarsien ta' gruppi vulnerabbli mir-riskju li
jsiru vittmi tat-traffikar, speċjalment it-tfal abbundanati li huma
magħrufa bħala orfni soċjali. Il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid
jipprovdi indikaturi tal-progress imma ma jiddeskrivix miżuri ta'
prestazzjoni fid-dettall. Dan jinkludi taqsima mmirata lejn it-tisħiħ
tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. Dan jiffoka
l-iktar fuq iktar koordinament (kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak
internazzjonali) fl-attivitajiet ta' kontra t-traffikar, dwar il-prevenzjoni
tat-traffikar permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u li jibnu
l-kapaċità, dwar l-għajnuna soċjali u l-ħarsien tal-vittmi
u dwar it-tisħiħ tas-sistemi proċedurali u investigattivi. Dan
huwa konformi b'mod ġenerali mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali dwar
it-TTB. Il-qafas
istituzzjonali qiegħed fis-seħħ u huwa kkonsolidat.
Iċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bniedem
ġie stabbilit fl-2006 u huwa kompletament operattiv. L-istrutturi rilevanti f'dawn l-oqsma qegħdin
kemm fil-livell amministrattiv, jiġifieri l-Kumitat Nazzjonali
għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem, li huwa korp
konsultattiv fi ħdan il-Gvern u fil-livell tal-prosekuzzjoni li huwa
monitorizzat minn Kunsill tal-Koordinament, presedut mill-Prosekutur
Ġenerali, li jidher li hu involut kompletament fil-ġlieda kontra
t-TTB. Barra minn hekk, is-Sistema Nazzjonali ta' Riferiment għall-Għajnuna
u l-Ħarsien tal-Vittmi tal-Ittraffikar, qafas jew kooperazzjoni bejn korpi
governattivi u nongovernattivi, tinkludi wkoll timijiet multidixxiplinarji
stabbiliti fil-livell reġjonali. ·
Adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar
il-prevenzjoni u mill-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha u l-konsolidament
tal-funzjoni ta' kontra l-korruzzjoni taċ-Ċentru
għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Ekonomika u l-Korruzzjoni;
it-tisħiħ tal-koordinament u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet
responsabbli għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni Il-Liġi
qafas dwar il-Prevenzjoni mill-Korruzzjoni u l-Ġlieda Kontriha kienet
adottata fl-2008 u ġiet sussegwentement emendata. Din ġiet
issupplimentata minn għadd sinifikanti ta' atti ġuridiċi
rilevanti (eż. il-Liġi dwar il-Kunflitt ta' Interess, il-Liġi
dwar il-Kodiċi ta' Mġiba għall-Ħaddiema
taċ-Ċivil, il-Liġi dwar is-Servizz taċ-Ċivil u
l-Istatus tal-Ħaddiema taċ-Ċivil, il-Liġi dwar
id-Dikjarazzjoni u l-Monitoraġġ tad-Dħul u l-Assi tad-Dinjitarji
tal-Istat, il-Liġi dwar l-Akkwist Pubbliku, eċċ), inklużi
d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi
tal-Proċedura Kriminali u l-Kodiċi tar-Reati Amministrattivi. Ittieħdu
bosta passi addizzjonali biex jittejjeb il-qafas ġuridiku bil-ħsieb li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi
allinjata mar-rekwiżiti Ewropej u internazzjonali. Fl-2011 u fl-2012
tħejja u ġie adottat għadd konsiderevoli ta' biċċiet
ta' leġiżlazzjoni. L-emendi leġiżlattivi jirreferu fost
l-oħrajn: għat-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reati
tal-korruzzjoni għal ħaddiema taċ-ċivil barranin u
internazzjonali; għat-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reati
tat-tixħim billi jiġu estiżi l-elementi tad-delitt inklużi
f'dan ir-reat (eż. "offerta", u "għotja");
għall-introduzzjoni ta' responsabilità kriminali għall-korruzzjoni
tal-votanti; għat-tfassil ta' miżuri speċjali ta' konfiska u ta'
prekawzjoni biex ikun hemm kumpens għad-danni u miżuri dwar
il-konfiska lil partijiet terzi f'każijiet fejn il-partijiet terzi jkunu
konxji tal-oriġini illegali tal-assi; għall-emendi għas-sistema
li jissanzjonaw il-protezzjoniżmu u l-kunflitti ta' interess stabbiliti
fil-Kodiċi tar-Reati Amministrattivi; għall-introduzzjoni
tar-responsabilità għall-persuni ġuridiċi għal reati ta'
korruzzjoni attiva. Emendi
leġiżlattivi addizzjonali ġew adottati bl-għan li
jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijeit tal-GRECO jew mar-rekwiżiti
tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (KNUKK) bħal:
il-kriminalizzazzjoni tal-falsifikazzjoni tal-kontijiet, it-tisħiħ tas-sistema
għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-kodiċi ta' mġiba
għall-ħaddiema taċ-ċivil, it-tisħiħ
tar-rekwiżiti għar-rappurtar tar-reati tal-korruzzjoni.
Is-salvagwardji għall-ħarsien ta' min jikxef minn ritaljazzjoni kemm
fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku fil-prattika hemm bżonn li
jissaħħu iktar. Ir-rakkomandazzjoni
mit-tieni rawnd tal-valutazzjoni tal-GRECO rigward il-qafas ġuridiku
għall-użu tal-miżuri investigattivi speċjali
fil-każijiet ta' korruzzjoni kollha ġiet ittrattata parzjalment
minħabba li miżuri investigattivi speċjali jistgħu
jintużaw biss għal "delitti serji" u mhux għal reati
ta' korruzzjoni ordinarji oħrajn. Il-qafas ġuridiku nbidel, sabiex
jiżdied il-livell tas-sanzjonijiet għal tixħim attiv u passiv li
jikkwalifika awtomatikament dan it-tip ta' reati bħala delitti
"serji" li jistgħu jintużaw miżuri investigattivi
spejali għalihom. Madankollu, il-kamp ta' applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta' miżuri investigattivi
speċjali ma ġiex estiż għal reati ta' korruzzjoni ordinarji
oħrajn li jaqgħu taħt il-limitu ta' "delitti serji",
bħar-reat ta' meta persuna tuża l-influwenza li jkollha. Ittieħdu
passi addizzjonali biex jiġu indirizzati xi wħud
mir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO tat-tielet rawnd ta' valutazzjoni,
notevolment fir-rigward tal-inkriminazzjonijiet (eż. il-kamp ta'
applikazzjoni tar-reati tal-korruzzjoni, ir-responsabilità tal-persuni
ġuridiċi, il-kamp ta' applikazzjoni tar-reati tal-korruzzjoni
fis-settur privat, il-kriminalizzazzjoni ta' min juża attivament
l-influwenza li jkollu, eċċ.). Il-finanzjament
tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali
għadu qasam fejn il-GRECO enfasizza għadd ta' nuqqasijiet sinifikanti
li hemm bżonn li jiġu indirizzati bħala kwisjoni ta' prijorità
sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa, l-effiċjenza
ta' sorveljanza u sistema ta' sanzjonament effettiva, proporzjonata u
dissważiva kemm għall-finanzjament regolari tal-partiti u kemm
għall-finanzjament tal-kampanji elettorali. Bħalissa l-kontrolli fuq
il-finanzjamenti tal-kampanji elettorali u tal-partiti jsiru mill-Kummissjoni
Elettorali Ċentrali li hija magħmula minn disa' membri (li minnhom
tlieta biss huma permanenti). Il-qafas li hemm issa jista'
jissaħħaħ ulterjorment biex joffri l-garanziji neċessarji
għad-detezzjoni u s-sanzjonament effettiv tal-każijiet kollha ta'
finanzjament illegali tal-partiti. Qed jitħejja abbozz ta'
leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u
l-kampanji elettorali bil-ħsieb li jiġu segwiti
r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO. Rappurtar
mill-awtoritajiet Moldovani dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tal-GRECO se jkomplu matul l-2012. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha
tkompli timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO u għandha tiġi
pprovduta iktar informazzjoni dwar kif se jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet
tal-GRECO li fadal. L-akkwist
pubbliku jibqa' wieħed mill-oqsma l-iktar
vulnerabbli għall-korruzzjoni, b'defiċjenti sinifikanti fil-prattika.
Għadd ta' liġijiet għandhom impatt f'dan il-qasam u kien hemm
diskussjonijiet intensi dwar kif id-definizzjonijiet f'dawk il-liġijiet
huma biżżejjed minħabba r-riskji kbar involuti. Is-sistema li
hemm issa tinkludi rekwiżit obbligatorju biex tiġi ppubblikata
tħabbira ta' intenzjoni ta' akkwist qabel ma jitfassal pjan ta'
proċess għall-akkwist. Madankollu, spiss ma tiġi ppubblikata
l-ebda tħabbira u ma jitfassa l-ebda pjan. Is-sistema ta' sanzjonament
hija ineffiċjenti. Hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jiġi
żgurat proċess ta' akkwist pubbliku kompletament trasparenti u jkun
hemm sanzjonijiet dissważivi f'każ ta' ksur tar-rekwiżiti
ġuridiċi. Fir-rigward tal-kunflitti
ta' interess, l-inkompatibilitajiet u d-dikjarazzjonijiet tal-assi,
il-qafas leġiżlattiv jinsab fis-seħħ. L-iktar nuqqas
sinifikanti jikkonċerna l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta' verifika
u sanzjonament. Il-Liġi dwar il-Kummissjoni għall-Integrità
Nazzjonali, (KIN), ġiet adottata mill-Parlament f'Diċembru 2011. Il-KIN hija inkarigata fl-ikkontrollar
tal-kunflitti ta' interess, l-inkompatibilitajiet u d-dikjarazzjonijiet
tal-assi imma għadha mhix operattiva. Il-liġi tistabbilixxi l-kompiti
u s-setgħat tal-KIN, l-organizzazzjoni tagħha u l-proċeduri li
trid issegwi. Filwaqt li huwa tajjeb li istituzzjoni waħda tingħata
r-responsabilità li tagħmel kontrolli stretti fuq il-kunflitti ta'
interess, id-dikjarazjonijiet tal-assi u l-inkompatabilitajiet, hemm bżonn
ta' iktar garanziji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, minħabba li l-kompożizzjoni tagħha
tħalli spazju għal kontroll politiku. Il-President tal-KIN
jinħatar mill-Parlament. Mill-ħames membri, tlieta huma proposti
mill-maġġoranza parlamentari, wieħed mill-oppożizzjoni u
wieħed biss jiġi mis-soċjetà ċivili permezz ta'
kompetizzjoni miftuħa. Il-kompożizzjoni ta' issa toħloq
il-possibilità ta' kontroll mill-maġġoranza politika fuq
id-deċiżjonijiet tal-KIN. Id-deċiżjonijiet ta' kunflitt ta'
interess, id-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-inkompatabilitajiet għandhom
ikunu imparzjali u ħielsa minn kull interferenza politika. Il-liġi
tiddeskrivi f'dettall ċar il-kompiti tal-KIN u l-proċeduri relatati
mal-verifika tal-kunflitti ta' interess, id-dikjarazzjonijiet tal-assi u
l-inkompatabilitajiet. L-effettività tal-kontrolli għad trid tiġi
ttestjata fil-prattika. L-għażla tal-membri u l-persunal tal-KIN
iridu jsegwu kriterji oġġettivi u bbażati fuq il-mertu u
l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'każijiet
individwali għandu jkun imħares minn influwenzi politiċi jew
deliberazzjonijiet politiċi. F'każ ta'
"differenza ovvja" (mhux definit mil-liġi) bejn id-dħul u
l-assi ta' uffiċjal, il-KIN tista' tinnotifika lis-servizzi
tal-prosekuzzjoni u lill-awtoritajiet tat-taxxa, jekk ikun hemm xi suspetti li
sar delitt. Ma hemm l-ebda setgħat speċifiċi mogħtija
lill-KIN biex tipproponi l-konfiska ta' ġid mhux iġġustifikat.
Meta jinstabu kunflitti ta' interess jew inkompatabilitajiet, il-KIN
toħroġ "att ta' infrazzjoni" u tista' finalment titlob
lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu azzjoni dixxiplinari jew
itemmu l-mandat jew il-kuntratt tal-uffiċjal ikkonċernat. Hija tista'
wkoll titlob lill-qrati biex jikkanċellaw l-att amministrattiv adottat
mill-uffiċjal pubbliku li jinstab li huwa f'kunflitt ta' interess jew
f'sitwazzjoni ta' inkompatibilità. Il-liġi introduċiet obbligu biex
id-dikjarazzjonijiet tal-assi jittellgħu fil-websajt tal-KIN. Dan ikun pass
pożittiv lejn l-għoti ta' aċċess wiesa' lill-pubbliku
ġenerali għad-dikjarazzjonijiet tal-assi u potenzjalment iżid
ir-rata ta' detezzjoni ta' każijiet ta' ġid mhux
iġġustifikat. Iridu jiġu
żgurati biżżejjed riżorsi baġitarji u umani biex
tiġi aċċertata l-effettività tal-verifiki mwettqa mill-KIN.
L-aspetti kollha relatati mal-indipendenza tat-teħid
tad-deċiżjonijiet u l-kapaċità biex isiru l-verifiki u jiġu
proposti sanzjonijiet huma kruċjali għall-effettività tas-sistema li
tista' tiġi ttestjata biss permezz tal-implimentazzjoni. Għandha
tiġi pprovduta iktar informazzjoni dwar x'tagħmir tekniku u
x'bażijiet ta' dejta elettroniċi huma disponibbli għall-KIN. Għandha
tingħata attenzjoni speċjali għall-koerenza tal-proċess
leġiżlattiv ġenerali sabiex tipi evitata l-inċertezza
legali u biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa. Il-qafas
ġuridiku għaddej minn bidliet suċċessivi meħtieġa
minn għadd ta' miżuri ta' riforma kontra l-korruzzjoni. Filwaqt li
wieħed jifhem li l-pass tar-riformi huwa aċċellerat u li dan
huwa konsegwentement rifless fil-qafas leġiżlattiv, il-koerenza u
l-istabilità tal-qafas kumplessiv ma jridx jiġi affettwat. L-istess
biċċa leġiżlazzjoni spiss tiġi emendata permezz ta'
atti leġiżlattivi differenti fi żmien ftit xhur. Hemm bżonn
li inizjattivi leġiżlattivi jgħaddu minn stimi tal-impatt
stretti, inkluż dwar il-bżonnijiet tar-riżorsi finanzjarji u
umani, u hemm bżonn li jkunu koordinati. L-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni
għall-2011-2015 kienet adottata mill-Parlament f'Lulju 2011 u tistabbilixxi
prijoritajiet u għanijiet ċari. L-Istrateġija
fiha valutazzjoni qasira tal-qagħda attwali u tħares lejn għadd
ta' stħarriġiet li jkejlu l-perċezzjoni tal-korruzzjoni, kif
ukoll analiżi ġenerali ħafna tal-kawżi tal-korruzzjoni. Hija tiddefinixxi l-prinċipji ewlenin u
direzzjonijiet tal-azzjoni u tistabbilixxi għadd ta' kriterji ta'
prestazzjoni ġenerali u miri kumplessivi li jridu jintlaħqu fi tmiem
il-perjodu ta' implimentazzjoni. L-Istrateġija
tiddeskrivi f'dettall ċar il-proċess ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni
tagħha u tħalli l-kompitu tal-koordinament taħt
ir-responsabilità tal-Kummissjoni Parlamentari. Il-grupp
ta' ħidma ta' monitoraġġ huwa magħmul minn bosta partijiet
interessati, inklużi dawk mis-settur privat u mis-soċjetà
ċivili. Il-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni
għall-2012-2013 ġie approvat mill-Parlament fi Frar 2012. Filwaqt
li l-Pjan ta' Azzjoni fih għadd ta' miżuri dettaljati, skadenzi,
indikaturi u għanijiet mistennija, huwa ma fihx referenzi għal
valutazzjonijiet tal-ispejjeż riżorsi baġitarji u umani. Il-Pjan
ta' Azzjoni lanqas ma fih referenza għal valutazzjonijiet tar-riskju jew
setturi vulnerabbli. Filwaqt li l-Pjan ta' Azzjoni huwa ffukat fuq
is-soluzzjonijiet leġiżlattivi u istituzzjonali, għandha
tingħata iktar attenzjoni għall-miżuri operattivi. Miżuri
li jirrigwardaw mekkaniżmi ta' kontroll interni u l-interazzjoni
tagħhom mal-korpi tal-infurzar tal-liġi għandhom jiġu
żviluppati ulterjorment. Rigward il-qafas
istituzzjonali, iċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra d-Delitti
Ekonomiċi u l-Korruzzjoni (ĊĠDEK) ġie stabbilit fl-2002 u
minn dak iż-żmien ġie ristrutturat bosta drabi. Fil-25 ta' Mejju 2012 il-Parlament
adotta Liġi ġdida dwar għall-Ġlieda kontra d-Delitti
Ekonomiċi u l-Korruzzjoni. Iċ-Ċentru nbidillu ismu għal Ċentru
Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. L-indipendenza tiegħu
ssaħħet billi sar irid iwieġeb għall-Parlament u billi
jiżgura proċess kompetittiv miftuħ għall-għażla
tad-direttur tiegħu li jrid jinħatar mill-Parlament. Il-proċeduri
ta' tkeċċija wkoll ġew deskritti raġonevolment sew
fil-liġi l-ġdida. Ir-riforma taċ-Ċentru segwiet bosta
konsultazzjonijiet pubbliċi, inkluża l-għajnuna
għall-komunità internazzjonali, li mmaterjalizzat f'abbozz ta' ktiba dwar
l-istrateġija ta' riforma, mibgħuta lill-Gvern f'Novembru 2011, fejn
ġew proposti tliet kapitli ewlenin ta' riforma: l-indipendenza, iżjed
kapaċità u l-appoġġ pubbliku. Minn dawn, il-Liġi
l-ġdida ffukat l-iktar fuq il-kwistjoni tal-indipendenza, filwaqt li
l-effiċjenza u l-kwistjoni ta' iżjed kapaċità għad iridu jiġu
ċċarati iktar u ttestjati fil-prattika. Bħalissa qed tiġi
ffinalizzata Strateġija ġdida għat-tisħiħ
istituzzjonali taċ-Ċentru li tibni fuq l-għanijiet tal-ktiba
preċedenti dwar l-istrateġija għar-riforma, bl-għand li
jkun hemm fokus fuq l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku l-ġdid.
L-iżgurar ta' kapaċità xierqa għaċ-Ċentru biex iwettaq
ħidmietu b'mod effiċjenti għandu jkun element kruċjali
tar-riforma li jikkomplementa l-garanziji tal-indipendenza. Fil-format
il-ġdid iċ-Ċentru żamm kemm is-setgħat ta' prevenzjoni
kif ukoll dawk investigattivi. F'termini ta' repressjoni, iċ-Ċentru
jagħmel attivitajiet ta' investigazzjoni bil-kontroll tal-prosekuturi.
Il-ġursdizzjoni fuq l-investigazzjonijiet issa tkopri biss ir-reati ta'
korruzzjoni u r-reati relatati mal-korruzzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda
differenzjar skont il-valur tal-preġudizzju jew skont il-pożissjoni
tal-uffiċjal investigat. Ir-reati ta' korruzzjoni kollha, irrispettivament
minn jekk humiex reati żgħar jew ta' livell għoli, jaqgħu
taħt il-ġurisdizzjoni taċ-Ċentru. Id-delitti ekonomiċi
u finanzjarji l-oħrajn kollha li mhumiex relatati mar-reati ta'
korruzzjoni ġew trasferiti taħt il-kompetenza tal-Ministeru
tal-Intern u l-awtorità Doganali. Il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar
tat-terroriżmu jibqgħu taħt il-kompetenza taċ-Ċentru;
l-UIF tibqa' unità awtonoma fi ħdan iċ-Ċentru (ara ukoll hawn
taħt, taħt ħasil tal-flus). Id-direttur
taċ-Ċentru se jinħatar mill-Parlament wara kompetizzjoni
miftuħa. It-tneħħija tad-direttur tiġi deċiża
wkoll mill-Parlament, fuq il-bażi tar-raġunijiet stipulati b'mod
eżawrjenti fil-liġi. Il-liġi l-ġdida dwar
iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni wkoll jinkludi għadd
ta' garanziji relatati mal-integrità u kontrolli dwar l-integrità tal-impjegati
taċ-Ċentru. Madankollu, l-effettività tas-sistema l-ġdida
għad trid tiġi ttestjata u għad hemm kwistjonijiet dwar il-qsim
tas-setgħat u l-koordinament ma' entitajiet oħrajn tal-infurzar
tal-liġi. Il-Programm tal-Iżvilupp Strateġiku għaċ-Ċentru
għas-sentejn li ġejjin ġie approvat mill-Bord
taċ-Ċentru f'Jannar 2012. Il-Programm huwa relattivament vag meta
jittratta miżuri konkreti futuri. Huwa jsemmi r-riżorsi
baġitarji u l-livelli tal-ingaġġar tal-persunal tas-snin
preċedenti, imma ma fih l-ebda valutazzjoni tal-bżonnijiet ta'
riżorsi umani jew ta' spejjeż għas-sentejn li ġejjin.
Lanqas ma hemm kalendarju dettaljat tal-azzjonijiet. Il-programmazzjoni
strateġika għall-attivitajiet taċ-Ċentru ma toffrix stampa
ċara ta' kif l-effiċjenza ta' l-attivitajiet tagħha u
l-koordinament ma' istituzzjonijiet oħra ta' kontra l-korruzzjoni u
entitajiet tal-infurzar tal-liġi se tiġi żgurata. Rigward il-kooperazzjoni
interistituzzjonali, hemm bżonn li jsir iktar biex jiġi
żgurat tqassim ċar tal-ħidmiet u kooperazzjoni effiċjenti
bejn l-istituzzjonijiet kollha li qed jaġixxu fil-qasam tal-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-Kummissjoni dwar l-Integrità
Nazzjonali, iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni,
il-mekaniżmi ta' kontroll intern, l-UIF, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u
l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi. Hemm bżonn li jittieħdu
iktar passi biex tiġi promossa attività ta' pulizija bbażata fuq
intelliġenza effettiva u t-titjieb tas-sistemi ta' skambju ta'
informazzjoni fost dawn l-istituzzjonijiet għandha tkun prijorità. ·
Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u
l-finanzjament tat-terroriżmu b'konformità mal-istandards internazzjonali
stabbiliti mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus u
l-Finanzjament tat-Terroriżmu (FATF); aġġornament regolari
tal-istrateġija nazzjonali rispettiva; it-twaqqif ta' Unita ta'
Intelliġenza Finanzjarja indipendenti Fis-7 ta' April 2011
ġiet adottata liġi li temenda l-Liġi tal-2007 dwar
il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament
tat-Terroriżmu. L-Istrateġija tal-2010-2012
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u
l-finanzjament tat-terroriżmu u l-Pjan ta' Azzjoni ġew approvati
mill-Gvern fit-3 ta' Settembru 2010. L-Istrateġija tirrappreżenta
bażi tajba ta' ħidma. Ħaġa partikolarment pożittiva
kienet ir-realizzazzjoni li l-istrateġiji preċedenti ma kinux
kompletament effettivi minħabba li l-miżuri tneħħew
mill-Istrateġija fi tmiem is-sena irrispettivament minn jekk ġewx
implimentati b'mod effettiv jew le. It-tagħlimiet meħuda minn dan
rriżultaw f'approċċ ġdid ta' strateġija ta' ħames
snin ibbażata fuq pjanijiet ta' azzjoni annwali imma li jgħaddu
l-miżuri li jkun għad fadal mis-sena ta' qabel għall-azzjonijiet
tas-sena ta' wara. L-Istrateġija tidher li qed tindirizza n-nuqqas ta'
proċeduri dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi mingħajr
il-bżonn li jiġi ddefinit reat predikat. Rigward it-twaqqif
ta' Unità ta' Intelliġenza Finanzjarja (UIF), il-Liġi
tas-7 ta' April 2011 tistabbilixxi l-Uffiċċju
għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus bħala
taqsima indipendenti speċjalizzata fi ħdan iċ-ĊĠDEK
(ara wkoll hawn fuq taħt il-politika kontra l-korruzzjoni) li ngħata
spefikatament ir-responsabilitajiet ta' UIF. Bosta Ordnijiet addizzjonali dwar
it-tħaddim tiegħu ġew approvati. L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u
l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus huwa kompletament indipendenti
miċ-ĊĠDEK. L-UIF irid jibqa' indipendenti minn aġenziji
oħra sabiex jikkonforma mal-istandards internazzjonali u jkompli l-funzjonijiet
tiegħu. L-UIF huwa membru rikonoxxut tal-Grupp Egmont u tan-Netwerk ta'
Bejn l-Aġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (Carin). L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u
l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus jipproduċi valutazzjoni
tar-riskju nazzjonali dwar il-miżuri ta' kontra l-ħasil tal-flus u
l-miżuri kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa għandu kemm
rwol operattiv u kemm rwol investigattiv filwaqt li jmexxi prosekuzzjonijiet
kriminali u jimmedja bejn id-dejta li tasal, ir-riċerka u l-entitajiet
tal-infurzar tal-liġi. Il-konklużjonijiet
tar-rapport tal-progress tal-14 ta' April 2011 mill-Kumitat
tal-Esperi tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valutazzjoni tal-Miżuri Kontra
l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Moneyval)[4] jagħrfu l-progress
kontinwu li sar fl-oqsma tal-għaqal mistħoqq tal-klijent u
r-rappurtar. Skont il-konklużjonijiet ta' Moneyval, hemm bżonn ta'
iktar indikazzjonijiet dwar l-effettività tar-reġim, b'mod partikolari
rigward il-kundanni ta' ħasil tal-flus u l-ammonti ta' assi rċevuti.
Ir-raba' rawnd ta' valutazzjoni minn Moneyval għandu jipprovdi iktar
indikazzjonijiet tal-progress f'dan ir-rigward. F'Novembru 2011 saret
żjara fuq il-post minn Moneyval taħt ir-raba' rawnd ta' valutazzjoni
u l-abbozz tar-rapport tiegħu se jitħejja għar-reviżjoni u
l-adozzjoni f'Diċembru 2012. Dan għandu jipprovdi iktar
indikazzjonijiet dwar il-progress f'dan ir-rigward. Minn Lulju 2011
ir-Repubblika tal-Moldova ma għadhiex immonitorizzata mill-FATF. ·
Adozzjoni ta' Strateġija Nazzjonali Kontra
d-Drogi u l-pjan ta' azzjoni relatat magħha; li tistabbilixxi
kooperazzjoni mal-EMCDDA Fis-27 ta' Diċembru 2010
r-Repubblika tal-Moldova approvat l-Istrateġija Nazzjonali Kontra d-Droga
għall-2011-2018. L-Istrateġija tiddefinixxi l-għanijiet,
l-azzjonijiet neċessarji u r-responsabilitajiet ċari tal-partijiet
interessati kollha involuti fil-ġlieda kontra d-dipendenza mid-droga u
t-traffikar tad-droga. Din ġiet żviluppata f'konformità
mal-Istrateġija Ewropea għad-Drogi għall-2005-2012 u
l-Konvenzjonijiet tan-NU rilevanti. L-Istrateġija tipproponi
approċċ komprensiv għal kwistjonijiet relatati mal-użu
tad-droga, ibbażata fuq kooperazzjoni kumplessa, interdipartimentali u
interdixxiplinari fil-livelli kollha, bi tliet komponenti ewlenin. a) tnaqqis
tal-provvista tad-droga (eżerċitar ta' kontroll legali fuq
il-moviment tad-drogi u ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u tqassim
illeċitu tad-drogi); b) tnaqqis tad-domanda għad-drogi (prevenzjoni
primarja, trattament u riabilitazzjoni ta' min juża d-drogi) u c) tnaqqis
tar-riskju (tal-ħsara). F'Ġunju 2011,
il-Gvern approva deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' Kumitat Nazzjonali
Kontra d-Drogi, bħala entità permanenti fil-livell tal-Gvern li
tissorvelja, tiżviluppa u tikkoordina l-politiki relatati mat-tnaqqis
tad-domandau tal-provvista tad-droga. Is-Segretarjat tiegħu ġie
stabbilit f'Lulju 2011 b'deċiżjoni tal-Gvern u beda jiġbor u
janalizza l-informazzjoni u d-dejta pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali. Rigward
id-dimensjoni tal-infurzar tal-liġi, hemm Dipartiment Kontra d-Droga
fil-Ministeru tal-Intern. Rigward il-koordinament politiku, hemm Kummissjoni
Interdipartimentali. Barra minn hekk, fi ħdan il-Ministeru
tas-Saħħa ġew stabbiliti strutturi rilevanti. L-Osservatorju
Nazzjonali Kontra d-Droga ġie kkonsolidat. Għaddejja
kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ
tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA). L-awtoritajiet Moldovani qed
jipprovdu dejta nazzjonali u qed jaħdmu fuq ix-xejriet. F'ittra bid-data
tat-28 ta' Ottubru 2011, ir-Repubblika tal-Moldova talbet
il-formalizzazzjoni tal-kooperazzjoni mal-EMCDDA billi ffirmat Memorandum ta'
Qbil (MtQ). Il-proċedura għall-iffirmar tal-MtQ bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-EMCDDA għadha għaddejja u huwa mistenni li jiġi
ffirmat MtQ matul l-2012. ·
Adozzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti tan-NU u
tal-Kunsill tal-Ewropa fl-oqsma elenkati hawn fuq u dwar il-ġlieda kontra
t-terroriżmu Ir-Repubblika
tal-Moldova aderiet għall-Konvenzjonijiet kollha tan-NU u tal-Kunsill
tal-Ewropa rilevanti għall-oqsma msemmija hawn fuq. Rigward il-ġlieda
kontra t-terroriżmu, maġġoranza kbira tal-Konvenzjonijiet tan-NU
u tal Kunsill tal-Ewropa ġew irratifikati u daħlu fis-seħħ. Blokk 3 / suġġett 2 -
Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ·
Adozzjoni ta' qafas ġuridiku dwar
l-għajnuna legali reċiproka Il-qafas leġiżlattiv fil-qasam
tal-għajnuna legali reċiproka qiegħda fil-biċċa
l-kbira fis-seħħ. Ir-Repubblika tal-Moldova qed twettaq
proċess ta' riforma wiesa' ħafna tal-leġiżlazzjoni
kriminali u ta' proċedura kriminali tagħha. Fuq il-bażi
tad-Deċiżjoni tal-Gvern tad-9 ta' Frar 2011 twaqqaf
Grupp ta' Ħidma interistituzzjonali dwar l-emenda
tal-leġiżlazzjoni tal-proċedura kriminali fl-oqsma
tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni operattivi. Il-Ktiba
Kunċettwali dwar ir-riforma tas-sistema tal-prosekuzzjoni u
l-proċedura kriminali ġiet abbozzata mill-Grupp ta' Ħidma. Għaldaqstant, abbozz ta' "Liġi dwar
l-emenda ta' xi atti leġiżlattivi (il-Liġi nru 45-XII
tat-12 ta' April 1994 dwar Investigazzjonijiet Operattivi,
il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)" tħejja biex
jaġġustahom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar
il-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u t-timijiet ta'
investigazzjoni konġunta internazzjonali, reviżjoni
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-interċezzjoni
tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u reviżjoni
tal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qafas tal-Konvenzjoni
tal-Kooperazzjoni Polizjeska għax-Xlokk tal-Ewropa. Il-"Liġi dwar Attività
Investigattiva Speċjali" ġiet adottata mill-Parlament
fid-29 ta' Marzu 2012. Fil-5 ta' April 2012
il-Parlament adotta l-Liġi dwar l-emenda ta' xi atti
leġiżlattivi (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ
liġijiet se teħtieġ kjarifika ulterjuri. ·
Adeżjoni għat-tieni Protokoll
tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-għajnuna reċiproka Fit-13 ta' Marzu 2012
ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat it-tieni Protokoll Addizzjonali
tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Għajnuna Legali Reċiproka
f'Materji Kriminali li bħalissa qed jistenna r-ratifika. ·
Konklużjoni ta' ftehim mal-Eurojust Il-Eurojust
stabbilixxa punt ta' kuntatt fir-Repubblika tal-Moldova. Kuntatti bl-għan
li jinbdew in-negozjati dwar ftehim ta' kooperazzjoni bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-Eurojust ilhom stabbiliti mill-2006. Saru tliet laqgħat
bejn l-2008 u l-2010 f'dan il-kuntest. Biex isir progress f'dawn in-negozjati
hemm bżonn tal-konsolidazzjoni sħiħa tal-qafas ġuridiku
Moldovan il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-finijiet
tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, peress li
l-iżgurar ta' livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta huwa prekundizzjoni
għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni mal-Eurojust (ara
wkoll hawn taħt, taħt is-suġġett 4 protezzjoni tad-dejta).
Fi Frar 2012, ir-Repubblika tal-Moldova ppreżentat informazzjoni addizzjonali
lill-Eurojust dwar il-protezzjoni tad-dejta. Huwa mistenni li n-negozjati
tal-ftehim se jibdew fit-tieni nofs tal-2012. Blokk 3 /
suġġett 3 - Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ·
It-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament
adegwat bejn l-aġenziji nazzjonali rilevanti u bażi ta' dejta komuni
li tiggarantixxi aċċess dirett għall-uffiċjali rilevanti Il-koordinament
bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi nazzjonali rilevanti huwa
żgurat permezz tal-attività taċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali SELEC
(Il-Konvenzjoni taċ-Ċentru tax-Xlokk tal-Ewropa għall-Infurzar
tal-Liġi)/GUAM (L-Għaqda għad-Demokrazija u l-Iżvilupp
Ekonomiku) li ġie stabbilit fl-2006. Dan huwa sottotaqsima tal-Ministeru
tal-Intern li għandu l-mira li jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn
l-aġenziji nazzjonali u Ewropej rilevanti dwar il-ġlieda kontra
l-kriminalità organizzata transkonfinali u s-sigurtà tal-fruntieri.
Iċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali SELEC/GUAM jiżgura l-koordinament
bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li ġejjin: il-Ministeru
tal-Intern, is-Servizz tal-Gwardji tal-Fruntieri, is-Servizz tad-Dwana,
is-Servizz tas-Sigurtà u l-Informazzjoni u ċ-Ċentru
għall-Ġlieda Kontra d-Delitti Eknomiċi u l-Korruzzjoni. Dawn
l-awtoritajiet għandhom aċċess dirett għall-bażi
tad-dejta taċ-Ċentru dwar l-investigazzjoni, il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali. L-informazzjoni
tiġi skambjata bl-użu tal-kanali SELEC/GUAM. L-għanijiet
ġenerali taċ-Ċentru Virtwali Nazzjonali huma: (1) li jiġi
żgurat il-qafas organizzattiv neċessarju għall-kooperazzjoni u
l-iżvilupp tal-azzjonijiet speċifiċi fil-livelli nazzjonali u
internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità
transkonfinali u tipi oħra ta' delitti serji fl-Istati Membri tas-SELEC u
l-GUAM; (2) li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji li
jinfurzaw il-liġi minn Stati Membri tas-SELEC u l-GUAM dwar il-prevenzjoni
u l-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u (3) li janalizza,
jagħmel disponibbli u juża l-informazzjoni miġbura
għar-riċerka u għall-ġlieda u l-prevenzjoni tad-delitti transkonfinali. Iċ-Ċentru
juża bażi ta' dejta msejħa "Registru". Din
il-bażi ta' dejta toffri informazzjoni dwar il-persuni, il-vetturi,
il-kumpaniji (is-sidien, it-tip ta' attività u l-mezzi tat-trasport
irreġistrati f'isem il-kumpanija), il-liċenzji tas-sewqan, kontrolli
fuq tipi differenti ta' dokumenti bħall-passaporti jew
iċ-ċertifikati tat-twelid u l-qsim tal-fruntieri. Peress li hemm tipi
differenti ta' bażijiet ta' dejta, b'operaturi differenti ("Registru"
għall-Ministeru tal-Informazzjoni, it-Teknoloġija u
l-Komunikazzjonijiet, informazzjoni dwar il-qsim tal-fruntiera stati
mis-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri, informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli
"Cadastru"), iċ-Ċentru għandu aċċess
għal dawn il-bażijiet ta' dejta permezz tal-uffiċjali ta' kollegament
delegati. Liġi
tal-2006 "dwar is-Sistema ta' Informazzjoni Elettronika dwar
l-Irreġistrar tad-Delitti, il-Kawżi Kriminali u l-individwi li
kkommettew delitti" stabbiliet mekkaniżmu ta' koordinament bejn
l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u bażi ta' dejta. Ġew approvati
tliet Ordnijiet Komuni dwar il-mekkaniżmu ta' koordinament: (1) Ordni
tal-2008 dwar reġistru uniku ta' reati, kawżi kriminali u individwi
li kkommettew delitti; (2) Ordni tal-2006 dwar reġistru uniku ta' fajls
operattivi (tfittxijiet u identifikazzjoni) dwar persuni imfittxija, persuni
ta' identità mhux magħrufa u entitajiet mhux identifikati; u (3) Ordni
tal-2004 dwar reġistru uniku ta' oġġetti mmarkati, antikitajiet
u xogħlijiet artistiċi u proprjetà li ntilfet u nstabet. It-twaqqif ta' mekkaniżmu ta'
koordinament adegwat bejn l-aġenziji nazzjonali rilevanti għandu jkun
imfittex iktar bit-twaqqif ta' kumitat ta' koordinament tal-aġenziji
kollha involuti fl-intelliġenza u l-investigazzjoni. Il-kumitat ta' koordinament
għandu jkun presedut mill-Prosekutur Ġenerali li għandu jkollu
rwol ewlieni u għandu jkun konvenut regolarment. Mhux ċar jekk hix prevista kwalunkwe
struttura ta' bejn l-aġenziji biex issaħħaħ l-iskambju ta'
informazzjoni dwar il-kriminalità organizzata jew jekk iċ-Ċentru Virtwali
Nazzjonali msemmi fuq hux se jkollu dan ir-rwol. Bħalissa l-ebda struttura
ċentrali ma tista' tipprovdi aċċess dirett
għall-bażijiet ta' dejta li jistgħu jkunu ta' interess,
jiġifieri: il-popolazzjoni (reġistru), il-vetturi, il-qsim
tal-fruntieri, l-oġġetti misruqa, il-marki tas-swaba', id-DNA,
l-amministrazzjoni tat-taxxa, il-bażi tad-dejta tad-dwana,
il-bażijiet tad-dejta tas-Servizz tas-Sigurtà u l-Informazzjoni,
ir-reġistri tal-kondotta kriminali, il-persuni fil-ħabs, il-kadastru,
eċċ. S'issa, l-entitajiet eżistenti ma għandhom l-ebda
aċċess dirett għall-bażijiet ta' dejta disponibbli kollha,
u jridu jserrħu fuq uffiċjali ta' kollegament li jikkuntattjaw
lill-amministrazzjoni sabiex tagħtihom aċċess
għall-informazzjoni li jeħtieġu. Peress li ma hemm l-ebda standard universali
dwar it-twaqqif ta' "bażi ta' dejta komuni", xi pajjiżi
għandhom, oħrajn għandhom bażijiet ta' dejta separati, huwa
xorta waħda importanti li jkun hemm għodda disponibbli għal
konsultazzjoni proattiva tal-bażijiet ta' dejta kollha disponibbli.
L-awtoritajiet għandhom jipprevedu li jistabbilixxu għodda għal
bejn l-aġenziji, bħall-Unità ppjanifikata tal-Informazzjoni u
l-Analiżi, fejn ir-rappreżentanti tal-aġenziji kollha
tal-infurzar tal-liġi u tal-intelliġenza jkun jista' jkollhom
aċċess għall-bażijiet ta' dejta varji. ·
Konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni
operattiv mal-Europol li jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta In-negozjati ta'
ftehim operattiv mal-Europol huwa bil-kundizzjoni ta' valutazzjoni mill-Europol
tal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta rilevanti. Ix-xogħol fuq
il-valutazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta jinsab għaddej. L-Europol
lestiet l-ewwel skrutinju tagħha tal-materjali li waslulha u bagħtet
mistoqsijiet addizzjonali lir-Repubblika tal-Moldova f'Jannar 2011.
Ir-Repubblika tal-Moldova wieġbet fit-23 ta' Marzu 2011
billi bagħtet tagħrif supplimentari dwar il-protezzjoni tad-dejta
personali. F'April 2012 l-Europol ġiet ipprovduta
b'leġiżlazzjoni addizzjonali (ara wkoll taħt 4. Protezzjoni
tad-dejta). L-Europol bħalissa qiegħda tipproċedi
fil-valutazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni
tad-dejta fir-Repubblika tal-Moldoba, filwaqt li tistenna kull informazzjoni
addizzjonali u kjarifiki li jista' jkun hemm bżonn. Iż-żjara ta'
studju tal-protezzjoni tad-dejta tista' ssir wara d-dħul
fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni u ladarba tinkiseb ftit
esperjenza fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha. In-negozjati għal
ftehim operattiv mal-Europol jistgħu jibdew biss wara l-awtorizzazzjoni
tal-Bord tat-Tmexxija tal-Europol wara l-opinjoni tal-Entità Sorveljatorja
Konġunta, li hija bbażata fuq ir-rapport tal-protezzjoni tad-dejta
tal-Europol. L-Europol
organizzat seminar ta' sensibilizzazzjoni għall-awtoritajiet Moldovani
tal-infurzar tal-liġi f'April 2011. F'Lulju 2011 ir-Repubblika tal-Moldova
ġiet mistiedna tissekonda uffiċjal ta' kollegament permanenti
għall-Europol. Blokk 3 /
suġġett 4 - Protezzjoni tad-dejta ·
Konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
għall-protezzjoni tad-dejta personali, inkluż l-adeżjoni
għall-Protokoll Addizzjonali tal-2001 mal-Konvenzjoni tal-Kunsill
tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward
tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, rigward l-awtoritajiet
sorveljatorji u l-flussi transkonfinali ta' dejta Il-Liġi l-ġdida tar-Repubblika
tal-Moldova dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, ġiet adottata
fit-8 ta' Lulju 2011 u ddaħħlet fis-seħħ
fl-14 ta' April 2012. Hija tħassar il-Liġi
eżistenti dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-2007 u tallinja
l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta tar-Repubblika
tal-Moldova mal-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa u l-acquis tal-UE.
Barra minn hekk, fil-21 ta' Ottubru 2011 ġiet adottata
"Liġi li temenda u tissupplimenta xi atti
leġiżlattivi" li fost affarijiet oħra
ssaħħaħ l-indipendenza u s-setgħat tal-awtorità
sorveljatorja u tintroduċi sanzjonijiet għall-ksur tal-protezzjoni
tad-dejta. Dawn il-bidliet leġiżlattivi huma previsti li jidħlu
fis-seħħ fis-16 ta' Ġunju 2012. Qed isiru aktar sforzi sabiex jiġi
kompletament ikkonsolidat il-qafas ġuridiku billi jiġu allinjati
leġiżlazzjonijiet u digrieti tal-Gvern oħra mal-"Liġi
dwar il-Protezzjoni tad-Dejta" l-ġdida. Għandha tingħata
attenzjoni partikolari għar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fis-settur
tal-pulizija (b'mod partikolari implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni
rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa) inkluża r-reviżjoni tal-Kodiċi
ta' Proċedura Kriminali u l-"Liġi dwar Attività Investigattiva
Speċjali" (ara hawn fuq taħt Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji
kriminali). Konsolidazzjoni sħiħa u implimentazzjoni effettiva
tal-qafas ġuridiku huma prekundizzjoni għall-konklużjoni ta'
ftehimiet ta' kooperazzjoni operattiva mal-Eurojust u l-Europol (ara hawn fuq
taħt is-suġġetti 2 u 3). Ir-Repubblika
tal-Moldova rratifikat il-Protokoll Addizzjonali tal-2001 mal-Konvenzjoni
tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward
tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, fir-rigward
tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta, rigward l-awtoritajiet ta’
sorveljanza u l-flussi transkonfinali ta' dejta, Ir-ratifika daħlet
fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012. Iċ-Ċentru Nazzjonali
għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali bdiet l-operati tagħha f'nofs
l-2009 fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-2007.
L-indipendenza u s-setgħat tiegħu ssaħħew mill-qafas
ġuridiku l-ġdid. Iċ-Ċentru huwa istituzzjoni li taqa'
taħt il-Parlament u huwa imparzjali u indipendenti minn kull entità
governattiva jew amministrattiva oħra. Blokk 4: Relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali Valutazzjoni ġenerali Ir-Repubblika tal-Moldova adottat il-leġiżlazzjoni rilevanti
u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali miexja 'il quddiem
sew biex tilħaq il-punti ta' riferiment meħtieġa. Bl-adozzjoni
ta' Liġi komprensiva dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza r-Repubblika
tal-Moldova lestiet il-qafas meqjus li jiżgura implimentazzjoni effettiva
tal-punti ta' riferiment fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet
fundamentali. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova emenda wkoll il-Pjan ta'
Azzjoni li fih miżuri ta' appoġġ għar-Roma li jqisu
rakkomandazzjonijiet relatati mal-istandards internazzjonali dwar il-politiki
tal-inklużjoni. Huwa ċċara wkoll aspetti
tal-leġiżlazzjoni msemmija fir-rapport preċedenti, l-iktar f'dak
li hu relatat mad-determinazzjoni tal-istatus tal-persuni apolidi. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali
tissodisfa l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Blokk 4. Kummenti dettaljati Blokk 4 / suġġett 1 -
Il-libertà ta' moviment fi ħdan ir-Repubblika tal-Moldova ·
Reviżjoni tal-qafas ġuridiku u
regolatorju dwar il-proċeduri ta' reġistrazzjoni u
dereġistrazzjoni għal barranin fil-pajjiż legalment jew persuni
apolidi bil-ħsieb li jiġu evitati restrizzjonijiet mhux
ġustifikati. F'Mejju 2011
il-Gvern approva d-Deċiżjoni nru 337 li temenda d-Deċiżjoni
tal-Gvern nru 376 tas-6 ta' Jannar 1995 dwar miżuri
addizzjonali għall-konsolidazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-passaporti.
Id-Deċiżjoni kienet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali
f'Ġunju 2011 u hija fis-seħħ. Hija għandha l-għan li
tirrevedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-regoli tal-evidenza
tal-popolazzjoni, b'mod partikolari hija tistabbilixxi l-mekkaniżmu
għall-akkwist u l-ipproċessar tal-informazzjoni bijometrika u
tistipula r-regolazzjoni tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn
l-individwi, l-entitajiet ġuridiċi, l-entitajiet tal-infurzat
tal-liġi u tal-gvern lokali biex jiġi żgurat il-moviment liberu
fir-Repubblika tal-Moldova u d-dritt li wieħed jistabbilixxi
d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu fejn irid fil-pajjiż. Sabiex jiġu
prevenuti u esklużi każijiet ta' persuni fir-rigward
tas-suċċessjoni tal-istati, f'Ġunju 2011 il-Parlament adotta
emendi għal-"Liġi nru 1024-XIV
tat-2 ta' Ġunju 2000 dwar iċ-Ċittadinanza" u
dawn ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali
fit-8 ta' Lulju 2011. Barra minn hekk, f'April 2012,
ir-Repubblika tal-Moldova ddepożitat formalment l-istrumenti ta'
adeżjoni tagħha għall-Konvenjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
it-Tnaqqis tal-Apolidija (adottata fit-30 ta' Awwissu 1961 fi
New York) u dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi (adottata
fit-28 ta' Settembru 1954 fi New York) (ara wkoll hawn fuq
taħt Blokk 2 suġġett 2). L-emendi
għal-"Liġi nru 1024-XIV tat-2 ta' Ġunju 2002
dwar iċ-Ċittadinanza" għandhom l-għan li
jaġġustaw il-leġiżlazzjoni biex tipprevjeni u ssolvi
każijiet ta' apolidija li tirriżulta mid-diżintegrazzjoni
tal-Unjoni Sovjetika u kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni
tal-istat. L-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova
għall-Konvenzjonijiet dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija u dwar l-Istatus ta'
Persuni Apolidi se twassal għal żviluppi ulterjuri
fil-mekkaniżmu u l-proċedura għad-determinazzjoni tal-istatus
tal-persuni apolidi u se tistipula t-twaqqif ta' qafas istituzzjonali
għad-determinazzjoni tal-apolidija. Fir-rigward tal-proċedura għad-determinazzjoni
tal-istat ta' apolidija, ir-Repubblika tal-Moldova tista' tikkunsidra li
tintitola lill-applikanti għal impjieg legali sakemm jitlestew
il-proċeduri, bħal fil-każ ta' min ikun qed ifittex ażil. F'Novembru 2011 il-Gvern approva Pjan ta' Azzjoni għal emendi
leġiżlattivi orizzontali oħrajn bl-għan li
jitneħħew ir-restrizzjonijiet bla bżonn kollha li
jikkonċernaw testijiet obbligatorji għall-HIV/AIDS
għar-reġistrazzjoni tal-barranin. Dan kien ibbażat fuq
il-valutazzjoni li saret mill-Grupp ta' Ħidma stabbilit u li ngħata
l-kompitu li jimmonitorizza l-atti ġuridiċi rilevanti kollha
fis-seħħ li kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar din
il-materja. Minħabba f'hekk, il-Parlament adotta l-emendi
leġiżlattivi għal-Liġi nru 23/2007 "dwar il-profilassi
tal-HIV/AIDS", u l-Gvern approva u bagħat lill-Parlament l-abbozz
tal-liġi li temenda u tintegra l-Liġi nru 180/2008 dwar
il-migrazzjoni għax-xogħol u l-Liġi nru 200/2010 dwar
ir-reġim ta' barranin, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess
ta' dokumentazzjoni tal-barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Blokk 4 / suġġett 2 -
Id-drittijiet taċ-ċittadini inkluża l-protezzjoni tal-minoranzi ·
Adozzjoni ta' leġiżlazzjoni
komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, kif rakkomandat mill-entitajiet ta'
monitoraġġ tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa, biex tiġi żgurata
protezzjoni effettiva mid-diskriminazzjoni Minbarra l-istipulazzjonijiet
antidiskriminatorji kostituzzjonali u d-dispożizzjonijiet
fil-liġijiet kriminali, ċivili u amministrattivi, f'Mejju 2012
il-Parlament adotta liġi komprensiva kontra d-diskriminazzjoni:
"Il-Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza". Il-liġi
għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled
id-diskriminazzjoni u tiżgura l-ugwaljanza fid-drittijiet
għall-individwi kollha ġot-territorju tar-Repubblika tal-Moldova
fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u oqsma
oħra tal-ħajja fejn ma jkun l-ebda differenza bbażata fuq
ir-razza, il-kulur, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika, il-lingwa,
ir-reliġjon, it-twemmin, is-sess, l-età, id-diżabilità, l-opinjoni,
il-fehma politika, jew abbażi ta' kwalunkwe kriterju simili. Dawn
il-kriterji ġew iċċarati fl-ogħla livell politiku[5]. B'riżultat ta' konsultazzjonijiet
pubbliċi preċedenti l-liġi fiha dispożizzjonijiet li
jillimitaw l-applikabilità tagħha għar-relazzjoni ta' żwieġ
u adozzjoni rregolata mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u
għall-kulti reliġjużi u għall-partijiet komponenti
tagħhom relatati mat-twemmin reliġjuż. Sar titjib
għar-regoli rigward ix-xogħol tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u
l-ġlied kontra d-diskriminazzjoni u l-iżgurar tal-ugwaljanza: korp li
jaġixxi f'termini ta' imparzjalità u indipendenza sħiħa
mill-awtoritajiet pubbliċi bbażat fuq mandat komprensiv fil-qasam.
Il-korp tal-ugwaljanza għandu setgħa ta' inġunzjoni u jista'
jimponi sanzjonijiet wara deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta'
każ ta' diskriminazzjoni. Skont l-Artikolu 12 paragrafu 1, punt k), u
l-Artikolu 15 paragrafu 6, jekk fl-eżami ta' lment li jirrigwarda allegat
trattament jew azzjoni ta' diskriminazzjoni, il-korp tal-ugwaljanza jsib li
jkun jikkostitwixxi reat amministrattiv, huwa jista' jimponi sanzjonijiet skont
id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet. Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq
il-bażi tal-orjentament sesswali fil-qasam tal-impjiegi toħloq
il-qafas ġenerali konformi mad-Direttiva 2000/43/KE
tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju
tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini
tar-razza jew etniċità u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE
tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali
għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol. Fid-Djalogu tad-Drittijiet tal-Bniedem
mar-Repubblika tal-Moldova li sar fit-23 ta' Mejju 2012, l-UE
rċeviet ir-riassikurazzjonijiet li l-liġi hija maħsuba li tkopri
r-raġunijiet kollha għal diskriminazzjoni b'konformità mal-impenji
internazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova. Fl-istess waqt, il-parti Moldovana
impenjat ruħha li toħroġ linji gwida dwar l-implimentazzjoni
tal-liġi, li se tkun monitorizzata mill-UE fl-oqfsa ta' djalogu
eżistenti. Filwaqt li l-Kummissjoni u
l-Uffiċċju tan-NU fir-Repubblika tal-Moldova indikaw bosta
nuqqasijiet fl-abbozzi varji tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni u li xi
wħud minnhom għadhom preżenti fil-verżjoni finali,
il-liġi tirrappreżenta l-bażi leġiżlattiva
neċessarja għall-implimentazzjoni tal-punti ta' riferiment fil-qasam
ta' kontra d-diskriminazzjoni. Dan għandu jittejjeb ulterjorment iktar 'il
quddiem fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' diskriminazzjoni diretta u ta'
fastidju sesswali, dispożizzjonijiet applikabbli għas-settur privat
fir-rigward ta' oġġetti u servizzi, u iktar armonizzazzjoni mal-acquis
tal-UE sabiex jiġu ċċarati b'mod espliċitu aspetti
importanti bħal akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni
diżabbli. ·
Adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali
komprensiv għad-Drittijiet tal-Bniedem; prosegwiment attiv fil-Pjan ta'
Azzjoni Nazzjonali rispettiv għad-Drittijiet tal-Bniedem
tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-entitajiet tan-NU, OSCE/ODIHR,
il-Kunsill tal-Ewropa/ECRI u għaqdiet internazzjonali tad-drittijiet
tal-bniedem l-iktar fl-implimentazzjoni tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni,
il-protezzjoni tal-minoranzi u l-ħajja privata u l-iżgurar
tal-libertà tar-reliġjon Fit-12 ta' Mejju 2011
il-Parlament approva Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali komprensiv
għad-Drittijiet tal-Bniedem li jkompli jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi tal-entitajiet tan-NU, OSCE/ODIHR, il-Kunsill
tal-Ewropa/ECRI u l-għaqdiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.
Huwa jistipula miżuri f'għadd kbir ta' oqsma, inkluża l-implimentazzjoni
ta' politiki kontra d-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi u
l-ħajja privata. Il-Gvern kellu l-kompitu li jippubblika Rapport ta'
Progress ikkonsolidat dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u li
jibagħtu lill-Parlament sal-1 ta' April ta' kull sena.
Ir-Rapport ta' Progress għandu jiġi diskuss f'konferenzi annwali.
Il-Pjan ta' azzjoni tħejja b'konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà
ċivili u l-għaqdiet internazzjonali. F'Lulju 2010 ġie adottat Pjan ta' Azzjoni għall-2011-2015
b'appoġġ għall-popolazzjoni tar-Roma wara konsultazzjonijiet
mas-soċjetà ċivili u mar-rappreżentanti tal-komunità tar-Roma.
Dan kien pass importanti li juri r-rieda tal-Gvern biex jagħtu attenzjoni
speċjali biex titjieb is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-Roma. Diskussjonijiet
li segwew mal-għaqdiet internazzjonali indikaw li kien hemm fejn issir
konsolidazzjoni ulterjuri tal-Pjan ta' Azzjoni. L-awtoritajiet indikaw li se
jiżdied kapitlu ġdid li jikkonċerna l-introduzzjoni ta'
medjaturi tar-Roma miegħu. F'Jannar 2012, il-Gvern emenda l-Pjan ta' Azzjoni
u qies ir-rakkomandazzjonijiet reltati mal-istandards internazzjonali l-iktar
fil-politiki ta' inklużjoni. Hija nediet ukoll eżerċizzju mmirat
biex jiżgura l-fondi baġitarji neċessarji
għall-implimentazzjoni tiegħu fuq il-bażi li jiġi emendat
il-Qafas ta' Nfiq tal-Gvern għat-Terminu Medju. L-implimentazzjoni bdiet
diġà. Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali
għad-Drittijiet tal-Bniedem jipprovdi informzaajoni dwar
il-monitoraġġ u l-valutazzjoni kif ukoll ir-riżorsi li jridu
jiġu allokati għall-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu,
ħafna mill-attivitajiet iridu jiġu ffinanzjati fil-limiti
tal-allokazzjonijiet baġitarji ġenerali, u huma biss ftit dawk li
għandhom allokazzjonijiet baġitarji speċifiċi.
L-awtoritajiet se jirrevedu kemm se jiswew l-attivitajiet kull sena, fuq
bażi tal-prijoritajiet, il-possibilitajiet finanzjarji u r-riżultati
tal-valutazzjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali
għad-Drittijiet tal-Bniedem ma jinkludix miżuri li għandhom
fil-mira l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dawn l-aspetti
għandhom ikunu koperti mil-"Liġi dwra il-libertà tal-kuxjenza,
tal-ħsieb u tar-reliġjon" adottata
fis-27 ta' Diċembru 2011, li hija verżjoni riveduta
tal-"Liġi dwar il-Kulti Reliġjużi u l-Partijiet Komponenti
tagħhom" bil-ħsieb li l-liġi u l-prassi domestiċi
jinġiebu konformi mad-dritt internazzjonali. Il-liġi l-ġdida
hija mistennija toħloq dinamika iktar pożittiva minn dik tas-snin
preċedenti fir-relazzjonijiet mal-kulti reliġjużi tal-minoranzi.
·
Ratifika tal-istrumenti tan-NU u tal-Kunsill
tal-Ewropa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni Ir-Repubblika tal-Moldova impenjat ruħha
li tqis li toħroġ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni
dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (CERD) wara
l-adozzjoni tal-"Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza". Fl-2000, ir-Repubblika tal-Moldova ffirmat
il-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-1950 dwar id-Drittijiet
tal-Bniedem imma għadha ma rratifikatux. L-awtoritajiet Moldovani wkoll
esprimew ir-rieda tagħhom li jikkunsidraw ir-ratifika tal-Protokoll Nru 12
wara l-adozzjoni tal-"Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza".
Diskussjonijiet fi ħdan il-Gvern dwar it-tneħħija ta'
riżervi territorjali li daħħlet ir-Repubblika tal-Moldova
għat-trattati tad-drittijiet tal-bniedem għadhom għaddejjin. ·
Speċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet u
taċ-ċirkostanzi għall-ksib taċ-ċittadinanza
tar-Repubblika tal-Moldova B'referenza għall-kundizzjonijiet u
ċ-ċirkostanzi għall-akkwiżizzjoni
taċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Moldova,
fit-3 ta' Mejju 2011, il-Gvern approva l-emendi
għal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza nru 1024-XIV
tat-2 ta' Ġunju 2000 u emenda d-Deċiżjoni
tal-Gvern relatata mar-regoli dwar l-evidenza tal-popolazzjoni fir-Repubblika
tal-Moldova. Il-Parlament adotta l-emendi
fid-9 ta' Ġunju 2011. L-emendi kellhom l-għan li
jneħħu l-ostakli tal-ksib taċ-ċittadinanza minn persuni
apolidi, li, skont l-Artikolu 12(2) tal-Liġi, jissodisfaw
ir-rekwiżiti biex jiksbuha, imma kienu sentenzjati għal
priġunerija għal delitti premeditati u għandhom kondotta kriminali
maħmuġa jew fil-waqt tal-eżami tal-applikazzjonijiet
tagħhom kien hemm proċedimenti kriminali pendenti fuqhom. Il-Gvern Moldovan kompla jindirizza attivament
s-sitwazzjoni fi Transnistria. F'April 2012, flimkien mal-"awtoritajiet de
facto" f'Tiraspol, il-Gvern Moldovan irriattiva l-grupp ta' ħidma
bilaterali dwar il-kwistjonijiet tal-istatus ċivili. Fil-mument,
l-awtorità ta' reġistrazzjoni nazzjonali qed tapplika miżuri
speċjali biex tikkonforma ċ-ċittadinanza u tipprovdi
aċċess għall-karti tal-identità nazzjonali bla ħlas
għall-abitanti mir-reġjun tat-Transnistria, b'konformità
mal-Liġi emendata dwar iċ-Ċittadinanza nru 1024-XIV
tat-2 ta' Ġunju 2000 u d-Deċiżjoni tal-Gvern nru
959 tad-9 ta' Settembru 2005 dwar miżuri ta' sigurtà
relatati mal-konferma taċ-ċittadinanza u d-dokumentazzjoni
tal-popolazzjoni mid-distretti tar-reġjun ta' Transnistrian. Skont l-aħħar informazzjoni
pprovduta mill-awtoritajiet Moldovani 229 489 ċittadin tar-Repubblika
tal-Moldova residenti fi Transnistria nħarġilhom passaport Moldovan u
minnhom 175 764 passaport għadhom validi (jiġifieri ma skadewx).
Matul l-ewwel tliet xhur tal-2012 l-awtoritajiet f'Chisinau ħarġu
2 722 passaport bijometriku għar-residenti ta' Transnistria. Il-Ministeru
tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni b'kooperazzjoni
mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Intern, żviluppaw qafas
ġuridiku għall-proċeduri ta' identifikazzjoni, mal-ewwel
dokumentazzjoni, ta' persuni mir-reġjun ta' Transnistria, abbażi ta'
informazzjoni addizzjonali dwar il-membri familjari u l-qrabat (dokumenti
oriġinarji ta' ġenituri, ċertifikati taż-żwieġ u
oħrajn). Se tingħata attenzjoni partikolari biex
tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas
leġiżlattiv imsemmi hawn fuq fit-tieni fażi tal-PALV. III. Konklużjoni: Sa mit-tnedija tad-Djalogu bejn l-UE u
r-Repubblika tal-Moldova f'Ġunju 2010 u l-preżentazzjoni
tal-awtoritajiet Moldovani tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
mill-Viża (PALV) f'Jannar 2011, il-Kummissjoni kienet qed tirrapporta regolarment
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li għamlet
ir-Repubblika tal-Moldova biex tieħu l-miżuri neċessarji biex
tissodisfa l-punti ta' riferiment identifikat taħt l-erba' blokok
tal-ewwel fażi tal-PALV. B'mod partikolari, ġew ippreżentati
żewġ Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-PALV
(f'Settembru 2011 u fi Frar 2012)[6].
It-Tieni Rapporti ta' Progress tħejjew billi bnew fuq l-analiżi
tal-qafas leġiżlattiv, is-sejbiet tal-missjonijiet
tal-valutazzjonijiet taħt il-Blokok 2, 3 u 4 organizzati f'Ottubru u
Novembru 2011, bil-parteċipazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri, u
r-rapport ta' progress ippreżentati mir-Repubblika tal-Moldova dwar
l-implimentazzjoni tal-PALV. Minbarra dan il-proċess ta' rappurtar
intens relatat mal-PALV, il-Kummissjoni kompliet ukoll timmonitorizza
l-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma rilevanti tal-PALV
fil-qafas ta' (1) il-Kumitat Konġunt tal-UE u
r-Repubblika tal-Moldova għall-Faċilitazzjoni tal-Viża;
(2) il-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova
għar-Riammissjoni;
(3) is-Sottokumitat Konġunt tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova nru 3[7];
(4) is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova. F'kull wieħed minn dawn il-kumitati u
oqfsa, l-istat tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova huwa avvanzat. Matul l-iktar Kumitati Konġunti
għall-Faċilitazzjoni tal-Viża u għar-Riammissjoni
reċenti li satu f'Chisinau fit-23 ta' Mejju 2012 (bil-parteċipazzjoni
tal-Istati Membri tal-UE), il-Kummissjoni rreġistrat implimentazzjoni
kumplessivament sodisfaċenti bejn iż-żewġ naħat. Id-Djalogu dwar il-Viża bejn l-UE u
r-Repubblika tal-Moldova nstab li kien għodda importanti biex jiġu
avvanzati r-rifromi, mhux biss fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni,
imma wkoll lil hinn minnhom. Il-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova
taħt l-oqsma varji mill-erba' blokok tal-PALV kien kostanti u effettiv
fl-aħħar sentejn, li wera l-impenn importanti u l-isforzi li saru
mill-awtoritajiet Moldovani biex l-implimentazzjoni tal-PALV issir prijorità
fl-aġenda leġiżlattiva u amministrattiva tagħha. Il-miżuri leġiżlattivi mitluba
mill-PALV taħt l-ewwel fażi ġew eventwalment adottati.
Il-valutazzjoni tagħhom, li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni,
mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll mill-esperti
tal-Istati Membri, turi li huma konformi mal-punti ta' riferiment identifikati
fl-erba' blokok tal-PALV. Minkejja dan, il-Kummissjoni se tkompli
tikkoordina l-monitoraġġ tal-qafas leġiżlattiv u politiku
fil-passi sussegwenti tad-djalogu bil-ħsieb li tivvaluta jekk ir-regoli
ta' implimentazzjoni neċessarji, taħt l-erba' blokok tal-Pjan ta'
Azzjoni, jiġux effettivament adottati u implimentati. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-fatt li se jiġu
allokati r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa u neċessarji
lir-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni tal-atti
leġiżlattivi msemmija u r-regolamenti ta' implimentazzjoni
tagħhom. Filwaqt li tibni fuq ir-riżultat tal-monitoraġġ
u valutazzjonijiet kontinwi msemmija fuq, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika
tal-Moldova eventwalment laħqet il-punti ta' riferiment tal-ewwel
fażi tal-PALV u li għalhekk tista' tingħata bidu
għall-valutazzjoni tal-punti ta' riferiment tat-tieni fażi tal-PALV. [1] Id-dokument tal-Kunsill 18078/10. [2] SEC (2011) 1075 finali. [3] SWD (2012) 12 finali. [4] http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/moneyval/Evaluations/Progress%20reports%202y/MONEYVAL(2011)6_ProgRep2_MLD_en.pdf [5] Ara fost l-oħrajn l-istqarrija mis-Sur Vlad Filat,
il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Moldova, maħruġa
fit-8 ta' Ġunju 2012. [6] (SEC(2011) 1075 finali), (SWD(2012) 12 finali). [7] Sottokumitat Nru 3: Dwana, kooperazzjoni transkonfinali,
ħasil tal-flus, drogi, migrazzjoni illegali.