This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0199
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION on the application of national road infrastructure charges levied on light private vehicles
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-applikazzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi privati ħfief
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-applikazzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi privati ħfief
/* COM/2012/0199 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-applikazzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi privati ħfief /* COM/2012/0199 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-applikazzjoni ta’ tariffi
għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi privati
ħfief (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni L-għan ġenerali tal-Politika
tat-Trasport tal-Unjoni Ewropea kif ippreżentat fil-White Paper dwar
it-Trasport[1]
huwa “li jirnexxielha tiġi stabbilita sistema li tirfed il-progress
ekonomiku Ewropew, ittejjeb il-kompetittività u toffri servizzi ta' mobilità
ta' kwalità għolja filwaqt li jintużaw ir-riżorsi b'mod aktar
effiċjenti”. Fil-prattika, l-utenti tas-sistema tat-trasport
għandhom, fost l-oħrajn, jużaw l-infrastruttura b’mod aħjar
u jnaqqsu l-impatt negattiv tagħha fuq l-ambjent. Wieħed mill-metodi
kif l-utenti tan-netwerk tat-trasport isiru konxji dwar l-impatt li l-għażla
tat-trasport tagħhom tħalli huwa permezz ta’ sistema ta’ prezzar
tajjeb, fejn jiġu applikati l-prinċipji ta’ “l-utent iħallas” u
“min iniġġes iħallas”. Minn sistema moderna ta’ prezzar
stradali, li jkollha l-għan li tgħin biex jintlaħqu l-miri
tal-White Paper, wieħed jistenna li din: –
tikkontribwixxi biex ikun hemm kompetizzjoni
ġusta bejn il-mezzi tat-trasport permezz ta’ mekkaniżmi ġusti u
trasparenti ta’ kif il-kost tal-infrastruttura jiġi mgħoddi għal
fuq l-utenti (il-prinċipju ta’ “l-utent iħallas”); –
ma tippermettix li ssir ebda diskriminazzjoni
diretta jew indiretta bejn l-utenti abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post
ta’ residenza tagħhom; –
tippromwovi l-prinċipji tal-iżvilupp
sostenibbli bl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi armonizzati u trasparenti ta’
kif il-kostijiet esterni, bħall-emissjonijiet, l-istorbju,
il-konġestjoni, l-aċċidenti, eċċ, li s-soltu tbatihom
is-soċjetà kollha, jiġu mgħoddija għal fuq l-utenti
(il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”) u –
tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’
infrastruttura ta’ kwalità għolja. Il-White Paper tispjega l-intenzjoni
tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri obbligatorji biex sal-2020 tinkiseb
l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni prinċipali tat-trasport li
jkopru l-istorbju, it-tniġġis lokali u l-konġestjoni. Dan
jeħtieġ, inter alia, ir-ristrutturar tat-tariffi stradali li huwa
skedat li jsir f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, li
għandha tieħu sal-2016, huwa maħsub li tiddaħħal
(gradatament) tariffa obbligatorja għall-infrastruttura stradali fuq
il-vetturi ta’ merkanzija tqal. It-tariffa obbligatorja
għall-infrastruttura stradali li hija meħtieġa biex isservi
bħala bażi b'saħħitha għall-internalizzazzjoni
sussegwenti tal-kostijiet interni, għandha tkun armonizzata fl-UE kollha
fir-rigward tal-istruttura tat-tariffi, il-komponenti tal-kostijiet, il-metodu
tal-ġbir tat-tariffi u l-assenjament tad-dħul. Barra minn hekk,
għandha tiġi evalwata l-kompatibilità tal-iskemi eżistenti ta’
tariffi stradali fuq il-karozzi mat-Trattati tal-UE u għandhom jiġu
żviluppati l-linji gwida għall-applikazzjoni tal-internalizzazzjoni
tal-kostijiet esterni fuq il-vetturi kollha. Fit-tieni fażi, li
għandha sseħħ bejn l-2016 u l-2020, il-White Paper tipprevedi
l-internalizzazzjoni sħiħa u obbligatorja tal-kostijiet esterni fuq
il-vetturi ta’ merkanzija tqal bil-possibbiltà li din tiġi estiża
għall-vetturi kollha, apparti l-irkupru obbligatorju tal-kostijiet
tal-infrastruttura (it-tqagħbir bl-użu). Filwaqt li
jeżistu regoli sekondarji tal-UE dwar it-tariffi stradali li jiġu
imposti fuq il-vetturi ta’ merkanzija tqal b’massa totali permissibbli ta’
aktar minn 3.5 tunnellati[2],
l-uniċi regoli dwar it-tariffi applikabbli għall-vetturi privati
ħfief[3],
għall-vetturi kummerċjali ħfief b’massa totali permissibbli ta’
mhux aktar minn 3.5 tunnellati, għall-karozzi tal-linja u
għall-kowċijiet huma dawk li joħorġu direttament
mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Normalment, l-Istati
Membri japplikaw l-istess skema ta’ tariffi stradali bl-istess rati[4] għall-vetturi
kummerċjali ħfief li jintużaw fit-trasport f’isem partijiet
terzi jew f’isimhom stess, li jużaw għall-vetturi privati ħfief,
peress li ma hemm ebda differenza sinifikanti bejn dawn it-tipi ta’ vetturi
fir-rigward tal-mod li bih normalment jużaw l-infrastruttura u
tal-kostijiet amministrattivi għat-tħaddim tal-iskema. Minkejja li
din il-Komunikazzjoni tista’ tiġi applikata għall-vetturi
kummerċjali ħfief, ma għandhiex titqies li tkopri
l-kwistjonijiet kollha relatati mal-impożizzjoni ta’ tariffi stradali fuq
it-trasport kummerċjali. Din il-Komunikazzjoni mhix applikabbli wkoll
għall-karozzi tal-linja u għall-kowċijiet. Normalment, dawn
il-vetturi jkunu koperti mill-istess skemi ta’ tariffi li huma applikabbli
għall-vetturi ta’ merkanzija tqal. Din
il-Komunikazzjoni, bħala parti mill-istrateġija usa’
għat-tariffi stradali deskritta fil-White Paper, għandha l-għan
li tfisser aħjar il-mod li bih il-Kummissjoni tippretendi li
l-prinċipji ġenerali tan-nondiskriminazzjoni u tal-propozjonalità
tat-Trattat jiġu applikati għal sistema ta’ vinjetti
għall-vetturi privati ħfief. Barra minn hekk, isservi ta' gwida
għall-applikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ vinjetti. Din
il-Komunikazzjoni ma toħloqx regoli leġiżlattivi ġodda.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-interpretazzjoni vinkolanti
tal-liġi tal-UE hija r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni
Ewropea. 2. Sistemi eżistenti ta' tariffi Minħabba
n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam, l-Istati Membri
jistgħu, fil-prinċipju, idaħħlu fis-seħħ sistema
ta’ tariffi għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi
privati ħfief (sistema ta’ vinjetti). Speċifikament, jistgħu
jistabbilixxu regoli għall-funzjonament ta' tali sistema sakemm dawn
il-miżuri nazzjonali jkunu jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tat-Trattati
tal-UE, b’mod partikolari l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi
tan-nazzjonalità u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu,
mid-diversi każijiet li tressqu lill-Kummissjoni, joħroġ li dawn
il-prinċipji mhux dejjem jiġu mħarsa. F’konformità
mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni mhux fi ħsiebha
tressaq xi proposta leġiżlattiva f’dan ir-rigward. Min-naħa
l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li wasal iż-żmien li
tistabbilixxi u tiċċara l-liġi tal-UE kif applikabbli attwalment
skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti
tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni
li, f’konformità mad-doveri u r-responsabbiltajiet tagħha skont
l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tiżgura li dawn
il-prinċipji jiġu infurzati għall-benefiċċju
tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha. Bil-pubblikazzjoni
ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed twettaq eżerċizzju ta’
trasparenza u kjarifikazzjoni tar-regoli tal-UE li jeħtieġu li
jiġu infurzati. Qiegħda tipproponi, lill-Istati Membri
kkonċernati kollha, strument ta’ referenza li jispjega ċar il-qafas
li bih, is-sistema ta’ vinjetti għandha tiżgura li l-prinċipji
fundamentali tal-liġi tal-UE jiġu rrispettati. Sa issa, seba’
Stati Membri tal-UE ħadu l-opportunità li setgħu jdaħħlu
fis-seħħ sistema ta’ vinjetti għall-vetturi privati ħfief[5]. L-imposti attwali fuq vetturi
privati ħfief jirriflettu varjetà wiesgħa ta’ approċċi bejn
l-Istati Membri. Uħud mill-pajjiżi jiddependu minn taħlita ta’
strumenti fiskali differenti (taxxi fuq il-fjuwil u fuq il-vetturi).
F’pajjiżi oħrajn, it-taħlita ta’ strumenti tvarja aktar u
tinkludi tariffi għall-użu tat-triq biex jiġu rkuprati
l-kostijiet tal-infrastruttura minn sewwieqa li jużaw l-awtostradi. It-tariffi
għall-utenti jistgħu jkunu f’forma ta’ tariffi abbażi
tal-ħin (vinjetti) li spiss jiġu imposti fuq in-netwerk primarju
kollu, jew f’forma ta’ tariffi abbażi tad-distanza (nolijiet) imposti fuq
sezzjonijiet individwali tat-toroq li spiss ikunu mgħammra b’kabini
għall-ġbir tan-nolijiet. Il-vetturi privati ħfief iħallsu
l-vinjetti nazzjonali biex ikollhom dritt jużaw in-netwerk ewlieni
tat-toroq għal ċertu perjodu ta’ żmien. Madankollu, l-għadd
kbir ta’ lmenti li jibqgħu jaslu għand il-Kummissjoni jindikaw li
l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ vinjetti għall-vetturi privati
ħfief, jekk ma tkunx ġiet imfassla bi ħsieb, tista’
tikkawża problemi ta’ prattiċità billi toħloq tfixkil
għall-fluss liberu tat-traffiku, speċjalment f’reġjuni transkonfinali,
u twassal għal prattiki ta’ infurzar inadegwati. Tista’ twassal ukoll
għal riskji ta’ diskriminazzjoni potenzjali kontra utenti
okkażjonali, l-aktar kontra sewwieqa minn pajjiżi li mhumiex Stati
Membri, li jistgħu ma jiġux offruti vinjetti għal perjodu ta’
żmien iqsar jew jiġu offruti vinjetti għal perjodu ta’
żmien iqsar b’rata ta’ kuljum ekwivalenti li tkun ogħla b’mod
sostanzjali mir-rata applikata għall-vinjetti ta’ sena li jintużaw
l-aktar mill-utenti residenti. Dan jista’ jitqies bħala sproporzjonat. L-applikazzjoni tas-sistemi ta’ vinjetti tvarja
bejn l-Istati Membri u dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jwasslu għal
nuqqasijiet potenzjali. Min-naħa l-oħra, is-sistemi ta’
noleġġ għall-vetturi privati ħfief ma għandhomx
l-istess problemi bħas-sistemi ta’ vinjetti, peress li n-nolijiet huma
huma tariffi abbażi tad-distanza, li huma marbuta direttament mal-użu
tal-infrastruttura u għalhekk x’aktarx li jkunu inqas diskriminatorji.
Barra minn hekk, is-sistemi elettroniċi ta’ noleġġ jippermettu
l-fluss liberu tat-traffiku, bla ma s-sewwieqa jkollhom jieqfu fil-kabini
għall-ġbir tan-nolijiet. Wara li
għamlet analiżi b’reqqa tas-sistemi ta’ vinjetti applikati
għall-vetturi privati ħfief fl-UE[6],
il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika din il-Komunikazzjoni biex
tgħin lil dawk l-Istati Membri li fi ħsiebhom idaħħlu
sistema ta’ vinjetti ġdida għall-vetturi privati ħfief jew li
jixtiequ jkomplu jiżviluppaw sistemi eżistenti, skont
il-prinċipji tal-UE. 3. Prinċipji tat-Trattat tal-UE Ir-regoli bażiċi fil-liġi
tal-UE li huma partikolarment rilevanti huma l-prinċipju
tan-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u l-prinċipju
tal-proporzjonalità. 3.1. Nondiskriminazzjoni
abbażi ta' nazzjonalità Minkejja li ma teżisti ebda
leġiżlazzjoni tal-UE li tispeċifika regoli għat-tariffi
applikabbli għall-vetturi privati, l-Istati Membri għandhom
jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-funzjonament
tal-Unjoni Ewropea meta huma jintroduċu vinjetti għal dawn
il-vetturi. Kwalunkwe diskriminazzjoni ta’ ċittadini tal-UE abbażi
ta’ nazzjonalità hija projbita bl-Artikolu 18 tat-Trattat li jipprovdi li:
“Fil-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju
għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull
diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi
projbita. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont
il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw regoli
intiżi sabiex jipprojbixxu din id-diskriminazzjoni”. F’konformità
mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[7], l-Artikolu 18 tat-Trattat
jipprojbixxi wkoll it-trattament inugwali li ma jkunx relatat b’mod
espliċitu man-nazzjonalità iżda li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji
oħra ta’ divrenzjar, fil-fatt iwassal għall-istess riżultat
(diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità). Peress li t-Trattat
ma fih ebda dispożizzjoni speċjali dwar it-trasport privat, kwalunkwe
sistema ta’ vinjetti għall-vetturi privati ħfief għandha
tiġi evalwata kif xieraq fid-dawl tal-Artikolu 18 tat-Trattat. 3.2. Proporzjonalità Kwalunkwe sistema ta’ vinjetti applikata minn
xi Stat Membru tista' tiffunzjona b'detriment għal persuni ta'
nazzjonalità tal-Istati Membri oħra, jekk din tkun tippenalizza lil
sewwieqa li mhumiex residenti u li jużaw in-netwerk tat-toroq
okkażjonalment biss, billi tonqos milli tipprovdi tariffa għat-transitu
jew għall-użu tal-infrastruttura stradali għal perjodu ta’
żmien qasir. Anke miżura nazzjonali li tkun
applikabbli bl-istess mod għall-persuni tan-nazzjonalità jew residenti
tal-Istat u għall-persuni mhux tan-nazzjonalità jew mhux residenti
tal-Istat tista’ tikkostitwixxi miżura diskriminatorja (diskriminazzjoni
indiretta). Minkejja dan, din id-diskriminazzjoni tista’ tkun
iġġustifikata jekk ikun hemm raġuni aktar importanti u ta’
interess ġenerali, eż. it-titjib tal-flussi tat-traffiku u/jew
it-tnaqqis tal-kostijiet/danni ambjentali. Madankollu, ta’ min jenfasizza li
dawn il-miżuri għandhom jikkostitwixxu mezz proporzjonali
għall-ksib tal-għanijiet ta’ interesss ġenerali, li b’mod
partikolari jfisser li l-għan li għandu jinkiseb permezz
tal-miżura ma jistax jinkiseb permezz ta’ miżuri oħra li jkunu
inqas onerużi. Fi kliem ieħor, il-miżuri adottati sabiex
jiġu implimentati dawn l-għanijiet għandhom jissodisfaw it-test
tal-proporzjonalità. Indikazzjoni utli tista’ tittieħed mis-sitwazzjoni li
l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea analizzat fis-sentenza
tagħha għall-kawża Cura Anlagen[8], fejn il-Qorti sostniet li
minkejja li ma kien hemm ebda dubju li taxxa fuq il-konsum setgħet kienet
maħsuba biex isservi l-interess ġenerali li tiskoraġġixxi
x-xiri jew is-sjieda ta’ vetturi li jikkonsmaw ħafna fjuwil, il-Qorti
kienet tal-fehma li din it-taxxa tmur kontra l-prinċipju
tal-proporzjonalità fis-sens li l-għan tagħha jista’ jinkiseb billi
tiddaħħal taxxa proporzjonali għat-tul ta’ żmien
tar-reġistrazzjoni tal-vettura fl-Istat li tintuża fih. Fl-1996, il-Kummissjoni analizzat proposta
għal sistema ta’ vinjetti prevista mill-Awstrija. Fl-opinjoni tagħha[9], il-Kummissjoni kkonkludiet li
minbarra l-vinjetti previsti inizjalment għal perjodi ta’ sena u sentejn,
mill-anqas għandha tiġi offruta vinjetta għal perjodu ta’
ġimgħa biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra t-turisti jew
il-persuni li mhumiex residenti, li huma utenti okkażjonali tipiċi.
Sussegwentement, ħafna mill-Istati Membri l-oħra segwew il-mudell
Awstrijak billi daħħlu l-iskemi ta’ vinjetti tagħhom, għajr
għas-Slovenja, li fl-2008 daħħlet skema differenti ħafna
ta’ vinjetti. Irriżulta li l-iskema tas-Slovenja kellha xi nuqqasijiet li
wasslu għall-ftuħ ta' proċedura ta’ ksur f’Ottubru 2008.
Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-sistema ta’ vinjetti tas-Slovenja, kif
iddaħħlet inizjalment, x'aktarx kienet se tiffunzjona b'detriment
għal persuni ta' nazzjonalità tal-Istati Membri l-oħra peress li
kellha disponibbli biss vinjetti għal perjodi ta’ sena jew sitt xhur
għal karozzi tal-passiġġieri u muturi li jużaw in-netwerks
tal-awtostradi tagħha. Il-Kummissjoni evalwat dan bħala
diskriminazzjoni indiretta abbażi ta' nazzjonalità. Konsegwentement,
f'Lulju 2009 s-Slovenja daħħlet vinjetti għal perjodi ta’
ġimgħa u xahar, apparti l-vinjetti għal perjodu ta’ sena
għall-karozzi tal-passiġġieri. Għaldaqstant,
it-tħassib inizjali tal-Kummissjoni li s-sistema kienet diskriminatorja
b'mod indirett kontra persuni ta' nazzjonalità ta’ Stati Membri oħra li
jużaw in-netwerk ta’ awtostradi tas-Slovenja okkażjonalment biss
ġie indirizzat u l-każ ta’ ksur ġie magħluq. Abbażi tal-ġurisprudenza
eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u
taż-żewġ kawżi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li
sistema ta’ vinjetti tista’, pereżempju, tipprovdi għal tliet tipi
jew aktar ta’ vinjetti – għal perjodi ta’ “ġimgħat” (7 - 14-il
jum), “xhur” (30 - 60 jum) u “sena” (sena kalendarja waħda), biex tkun
tista’ titqies bħala sistema nondiskriminatorja. Attwalment, l-Istati
Membri kollha li japplikaw sistema ta’ vinjetti għall-vetturi privati
ħfief jipprovdu dawn it-tliet tipi ta' vinjetti, li jinkludu vinjetti
għal perjodi ta’ żmien qasir li huma validi għal perjodi ta’
bejn 7 u 10 jiem. 4. Gwida għall-applikazzjoni ta’ sistemi
ta’ vinjetti nazzjonali Abbażi tal-ilmenti li tirċievi u ta’
studji analatiċi, il-Kummissjoni tipproponi din il-gwida dwar dawn
l-aspetti: –
id-disponibbiltà ta’ vinjetti bi prezz
proporzjonali; –
aċċess xieraq għall-informazzjoni; –
il-ġbir tat-tariffi u l-ħlas
tagħhom; –
prattika xierqa għall-infurzar; li jistgħu jitqiesu bħala rilevanti
għall-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’ sistemi ta’ vinjetti
għall-vetturi privati ħfief. Din il-gwida mhijiex ibbażata fuq
xi ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u hija
l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni għal kwistjonijiet eżistenti dwar
l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ vinjetti. 4.1. Id-disponibbiltà ta’ vinjetti
bi prezz proporzjonali Tista’ ssir oġġezzjoni, abbażi
tal-liġi tal-UE, li l-prezz tal-vinjetti għal perjodu ta’ żmien qasir
huwa ffissat f'livell tant għoli, meta mqabbel ma' dak tal-vinjetti
għal perjodu ta’ żmien twil (ta’ sena), li effettivament jippenalizza
lis-sewwieqa li mhumiex residenti u għaldaqstant jista’ jkun
diskriminatorju b'mod indirett. Sabiex ikun jista’ jiġi identifikat
f’liema punt ikun hemm differenza sinifikanti fil-prezz tal-vinjetti, dan
il-prezz jista’ jitqies bħala l-prezz medju abbażi ta’ kull jum,
jiġifieri, il-prezz tal-vinjetta diviż bin-numru tal-ġranet li għalihom
toffri aċċess għas-sistema tal-vinjetti. Aktar ma jkun baxx
il-proporzjon bejn il-prezz medju ta’ kull jum għall-vinjetti għal
perjodu ta’ żmien qasir u dak għal perjodu ta’ żmien twil, eqreb
ikun il-valur ta’ kull jum tal-vinjetti għal perjodu ta’ żmien qasir
għal dak tal-vinjetti għal perjodu ta’ żmien twil, li jwassal
għal prezz li ma joħloqx diskriminazzjoni b’mod indirett kontra
l-utenti okkażjonali[10].
It-tabella li tidher fl-Anness tagħti l-informazzjoni dwar ir-rati attwali
tal-vinjetti disponibbli fl-Istati Membri li japplikaw sistema ta’ vinjetti
għall-vetturi privati ħfief. Madankollu,
il-Kummissjoni tirrikonoxxi li xi differenza bejn il-prezz medju ta’ kull jum
tal-vinjetti għal perjodu twil u dak tal-vinjetti għal perjodu qasir
tista’ tkun iġġustifikata, b'mod partikolari minn dawn l-elementi: –
il-kostijiet amministrattivi meħtieġa
biex titħaddem is-sistema ta’ vinjetti u biex tiġi pproċessata
kull transazzjoni, li jinkludu wkoll il-kost tal-produzzjoni, l-għoti ta’
informazzjoni għall-utenti, id-distribuzzjoni u l-bejgħ attwali
tal-vinjetti u l-infurzar tal-iskema. Is-sistema ta’ vinjetti għandha
mill-inqas tiġġenera biżżejjed dħul biex tkopri dawn
il-kostijiet. Jekk jiddaħħlu fis-seħħ diversi kategoriji
ta’ vinjetti, konsegwentement, ikun raġonevoli li l-kostijiet
amministrattivi jiġu adatti kif xieraq; –
id-differenza fl-użu tan-netwerk tat-toroq li
għalih titħallas il-vinjetta. Jidher li jkun raġonevoli li
l-prezzijiet tal-vinjetti jitqiesu bħala forma ta’ ħlas li
jagħmel tajjeb għall-użu tal-infrastruttura abbażi
tal-ammont medju tal-użu tat-toroq għall-perjodu li jkopri d-diversi
vinjetti. Filwaqt li l-vinjetti għal perjodu itwal jindikaw użu
totali akbar, din mhix relazzjoni lineari. Pereżempju, persuna li tixtri
vinjetta ta’ sena u li tkun tivvjaġġa regolarment tista’ tuża
l-vinjetta sa 500 darba f’sena, għal vjaġġi relattivament qosra,
jekk tkun qed tuża awtostrada biex tivvjaġġa regolarment
(darbtejn kuljum għal 250 darba f’sena). Madankollu, persuna li tixtri
vinjetta ta’ sena u tużaha għal vjaġġi ta' btala regolari
tista’ tuża n-netwerk għal ferm anqas vjaġġi milli
tużah il-persuna li tivvjaġġa regolarment, iżda fuq
distanzi itwal. Għalhekk, il-Kummissjoni
tissuġġerixxi li biex sistema ta’ vinjetti tkun proporzjonali, din
għandha toffri vinjetta għal perjodu qasir bi prezz li jkun
proporzjonali għal dak ta' vinjetta ta' sena, fejn jitqiesu d-differenzi
fil-kostijiet amministrattivi għal kull tip ta’ vinjetta (jew kostijiet
amministrattivi fissi) flimkien mal-użu medju tal-infrastruttura għal
kull tip ta’ vinjetta[11]. Fl-opinjoni tagħha li ppreżentat lill-Awstrija
fl-1996, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li t-trattament tal-vinjetti għal
perjodu qasir seta’ ġġenera kostijiet amministrattivi addizzjonali.
Fl-istess ħin, enfasizzat li l-ekonomiji ta' skala kienu jippermettu li
l-vinjetti għal perjodu qasir ma jeħtiġux li jkollhom prezz
sproporzjonament għoli. Peress li l-prezz mistenni għal vinjetta ta’
sena għal vetturi ta’ inqas minn 3.5 tunnellata huwa 42 ECU,
il-konklużjoni kienet li l-prezz tal-vinjetta ta’ ġimgħa kellu
jiġi ffissat għal inqas minn 6 ECU, biex tinżamm
il-konformità mar-rekwiżit tal-proporzjonalità. Għalhekk, meta tqiesu
l-kostijiet amministrattivi li jseħħu, il-prezz għall-vinjetti
l-ġodda ta’ 10 jiem għall-Awstrija ġie ffissat għal valur
li huwa ekwivalenti għal madwar 5 ECU. Barra minn hekk, regoli dwar
il-proporzjonalità bejn il-prezz tal-vinjetti għal perjodu qasir u l-prezz
tal-vinjetti għal perjodu twil diġà jeżistu
fl-Artikolu 7a(1) tad-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid
isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti
infrastrutturi[12]
(id-Direttiva tal-“Eurovignette”) li tipprovdi li “Il-ħlasijiet fuq
l-utent għandhom ikunu proporzjonali għat-tul ta’ żmien li
tintuża l-infrastruttura, mingħajr ma jinqabżu l-valuri
stipulati fl-Anness II, u għandhom ikunu validi għal ġurnata,
ġimgħa, xahar jew sena. Ir-rata għal kull xahar għandha
tkun ta’ mhux aktar minn 10% tar-rata annwali, ir-rata ta' kull
ġimgħa m'għandhiex tkun aktar minn 5% tar-rata annwali u r-rata
ta' kuljum m'għandhiex tkun aktar minn 2% tar-rata annwali…” Peress li
s-sistemi ta’ vinjetti, kemm dik għall-vetturi ta’ merkanzija tqal kif
ukoll dik għall-vetturi privati ħfief, jiġu applikati kważi
bl-istess mod u li, prattikament, ma hemm ebda differenza fil-prodott,
fil-metodi ta’ bejgħ u fl-infurzar, wieħed jista’ jassumi li
konsegwentement ma għandu jkun hemm ebda differenza sinifikanti
fil-kostijiet amministrattivi. Minkejja li jista’ jkun hemm differenza
fil-medja tal-mod li bih tintuża l-infrastruttura, l-Istati Membri
jistgħu jikkonsidraw li jkun xieraq li japplikaw l-istess prinċipji
għat-tariffi meta huma jistabbilixxu r-rati tal-vinjetti
għall-vetturi privati bħal dawk li japplikaw għall-vetturi ta’
merkanzija tqal. 4.2. Aċċess xieraq
għall-informazzjoni Sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’
diskriminazzjoni kontra l-utenti okkażjonali li mhumiex residenti, huwa
importanti li dawn tal-aħħar jingħataw biżżejjed
informazzjoni dwar ir-rekwiżit li jixtru vinjetta qabel ma huma jużaw
in-netwerk tat-toroq li jkun soġġett għal tariffi.
Għalhekk, l-informazzjoni dwar ir-rekwiżit li tinxtara l-vinjetta
tista’ tingħata fuq materjal ta’ pubbliċità turistika, fuq websajts
li jkunu aċċessibbli faċilment jew permezz ta’ kwalunkwe mezz
ieħor li l-Istati Membri jqisu xieraq. Sabiex tkun ta’ għajnuna, din
l-informazzjoni għandha tispjega dan ir-rekwiżit, jekk
meħtieġ, fil-lingwi tal-Istati Membri ġirien u f’lingwi
prinċipali oħra Ewropej, u tippreżenta alternattivi differenti
għax-xiri tal-vinjetta rilevanti. Is-sinjalazzjoni tat-toroq hija element
ieħor importanti li jipprovdi l-informazzjoni neċessarja qabel ma
l-utent jidħol fin-netwerk soġġett għat-tariffi, u b’hekk
iżid it-trasparenza tas-sistema. Idealment, is-sinjalazzjoni għandha
tkun, minbarra fil-lingwa/lingwi nazzjonali, fil-lingwa tal-Istat(i)
Membru/Membri ġirien u f’waħda jew aktar mil-lingwi Ewropej li
jintużaw komunement. Is-sinjalazzjoni għandha tindika l-prezz,
il-mezz tal-ħlas u d-direzzjoni għall-eqreb ħanut minfejn
jinxtraw il-vinjetti, kif ukoll informazzjoni dwar il-multi. Dan għandu
jkun parti minn politika ġenerali li l-mira tagħha tkun li
tinkoraġġixxi lis-sewwieqa biex jixtru l-vinjetti, minflok ma
jinqabdu u jiġu mmultati jekk huma ma jimxux mas-sistema. Bl-istess mod, sabiex is-sewwieqa li jridu
jixtru l-vinjetti jiġu informati aħjar, l-informazzjoni
fil-ħwienet li jbigħu l-vinjetti jew kjosks self-service għandha
tindika: –
liema tipi ta’ vetturi jridu jixtru vinjetta; –
it-toroq li għalihom huwa obbligatorju li
jinxtraw il-vinjetti; –
l-alternattivi ta’ vinjetti u l-prezzijiet
tagħhom; –
kif jinxtraw il-vinjetti; –
kif tinkiseb aktar informazzjoni; –
il-multi applikabbli. Sabiex ma jkun hemm ebda konfużjoni dwar
id-definizzjoni ta’ ġimgħa jew ta’ xahar, is-sinjalazzjoni
għandha tindika b’mod ċar l-ammont ta’ ġranet kalendarji li
l-prodott ta’ vinjetta huwa validu għalih. Meta jingħata stiker
tal-vinjetta, id-data ta’ skadenza tal-vinjetta għandha tiġi
ddikjarata fuq dak l-istiker biex jiġi żgurat li l-utent ikun jaf
eżattament għal liema ġranet hija valida. 4.3. Il-ġbir tat-tariffi u
l-ħlas tagħhom Huwa importanti li l-utenti okkażjonali
li mhumiex residenti jingħataw għadd kbir u varjat ta’ alternattivi
għal kif iħallsu l-vinjetta, sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni.
Fir-rigward tal-istikers tal-vinjetti, il-post tal-ħwienet li jbigħu
l-vinjetti u tal-kjosks self-service għandu jkun qrib it-toroq li
għalihom jenħtieġu t-tariffi, inkluż il-punti tal-qsim
tal-fruntieri rilevanti. Il-biċċa l-kbira tal-ħwienet li
jbigħu l-vinjetti għandhom jibqgħu aċċessibbli kuljum
u għall-itwal ħin possibbli. Il-karti ta’ debitu u ta’ kreditu li
jintużaw komunement għandhom ikunu aċċettabbli, kif ukoll
il-flus kontanti f'euro/il-munita nazzjonali u l-munita tal-Istat Membru
ġar. L-applikazzjoni ta’ sistema ta’ vinjetti
elettronika ma teħtiġx li l-istikers juru prova ta’ konformità, u
b’hekk, l-utenti okkażjonali jkunu jistgħu jħallsu
għall-vinjetta minn qabel ma jibdew il-vjaġġ, bla ma jkollhom
jibdlu r-rotta tal-vjaġġ biex jgħaddu minn xi ħanut li
jbigħ il-vinjetti qabel ma jidħlu f’xi rotta li teħtieġ
il-vinjetti[13].
L-alternattivi li wieħed ikun jista’ jixtri permezz tat-telefon (b’SMS jew
b’sejħa) jew permezz tal-internet għandhom joffru valur miżjud
għall-utenti, għaliex ma jkunux limitati mil-lok ta' fejn ikunu jew
mill-ħin li fih jistgħu jixtru l-vinjetti. L-utenti li jkunu se jgħaddu minn aktar
minn Stat Membru wieħed li jkollhom is-sistema ta’ vinjetti, jiksbu valur
miżjud jekk ikollhom vinjetta li tkopri aktar Stati Membri.
Pereżempju, l-“Eurovignette” għall-vetturi tal-merkanzija tqal[14], li toffri dan il-livell ta’
interoperabilità peress li tagħti aċċess
għall-infrastruttura stradali ta’ ħames Stati Membri tal-UE. Prodott
simili applikabbli għall-vetturi privati ħfief jista’ jkun
konvenjenti b’mod partikolari għall-utenti internazzjonali,
speċjalment bejn Stati Membri ġirien li jkollhom volumi kbar ta’
traffiku internazzjonali. 4.4. Infurzar xieraq L-infurzar tar-regoli dwar is-sistemi ta’
vinjetti jaqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri.
Madankollu, dawn ir-regoli għandhom ikunu nondiskriminatorji u proporzjonali
għall-ksur imwettaq, u jgħinu liċ-ċittadini biex ikunu
jistgħu jimplimentaw id-drittijiet proċedurali tagħhom b'mod
effettiv. B’mod partikolari, għandhom jiġu evitati l-prattiki ta’
infurzar li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni indiretta kontra
l-utenti okkażjonali li mhumiex residenti. L-infurzar ma għandux ikun ibbażat
l-aktar biex jinqabad l-akbar ammont każijiet ta’ ksur, iżda fuq
il-promozzjoni tal-fehim tas-sistema biex tinkoraġġixxi l-utenti
jżommu konformi mas-sistema. Għalhekk, l-uffiċjali responsabbli
mill-infurzar għandhom jingħataw biżżejjed diskrezzjoni
biex jidderieġu lill-utenti jixtru l-vinjetti immedjatament, u b’hekk
jevitaw li jiġu mmultati, jekk ikun evidenti li sar żball. Dan jista’
jgħin biex jiġi żgurat li x-xogħol ta’ infurzar ikun
iffokat fuq il-persuni li jwettqu l-ksur ta' spiss u mhux fuq il-persuni li
mhumiex residenti, li x’aktarx ikunu qed iwettqu l-ksur għall-ewwel darba.
Jekk il-punti ta’ kontroll, il-kameras u s-sinjalazzjoni tagħhom, flimkien
ma’ mezzi oħra ta’ infurzar ikunu viżibbli b’mod ċar, dan jista’
jinkoraġġixxi lill-utenti biex iżommu konformi mas-sistema u
jnaqqas l-attività attwali ta’ infurzar b’mod sinifikanti. Jeħtieġ li l-utenti jifhmu li x-xiri
ta’ vinjetta jista’ jnaqqsilhom ir-riskji u l-ispejjeż, li jkunu ferm
ogħla kieku jinqabdu mingħajr vinjetta. Notevolment, l-utenti
okkażjonali li mhumiex residenti u li jirċievu xi multa għandhom
jingħataw informazzjoni ċara, f’lingwa Ewropea waħda jew aktar li
jintużaw komunement, dwar l-alternattivi li għandhom biex
iħallsu u dwar kif jappellaw il-multa f’każ li jqisuha żbaljata
jew inġusta. Ta’ min jirrakkomanda li: –
il-liġijiet u r-regolamenti li jiddefinixxu
l-vinjetta, il-ksur, il-multi u l-proċeduri jiġu ppubblikati, skont
il-proċeduri nazzjonali, u għall-fini tat-trasparenza, jekk ikun
possibbli tingħata deskrizzjoni fil-qosor tar-rekwiżiti ewlenin; –
l-infurzar ikun iffokat fil-postijiet fejn
il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli jkunu relattivament
spissi, u mhux biss fil-fruntieri, biex ir-residenti u dawk li mhumiex
residenti jiġu ttrattati bl-istess mod (idealment, l-ispezzjonijiet
għandhom isiru meta l-vetturi jkunu qed joħorġu minn Stat
Membru). Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn
l-Istati Membri għandha tgħin b’mod sostanzjali biex jiġi
żgurat li l-multi jkunu infurzati fuq iż-żewġ naħat
tal-fruntiera. Jeħtieġ ukoll li l-multi jkunu
proporzjonali – is-sanzjoni għandha tkun proporzjonali għal-livell
tas-serjetà tal-ksur imwettaq. Regoli dwar il-multi applikabbli
għall-vetturi ta’ merkanzija tqal diġà jeżistu
fl-Artikolu 9a tad-Direttiva tal-“Eurovignette” imsemmija hawn fuq, li
tipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontrolli xierqa u
jiddeterminaw is-sistema ta' penali applikabbli għall-ksur
tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. Huma għandhom
jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn
jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu
effettivi, proporzjonati u dissważivi.” L-Istati
Membri huma mħeġġa japplikaw l-istess prinċipji
għall-vetturi privati ħfief. 5. Konklużjoni Sabiex jipprovdu għal sistema
nondiskriminatorja ta’ vinjetti għall-vetturi privati ħfief,
il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi
ta’ vinjetti li joffru, minbarra l-vinjetti ta’ sena u ta’ xahar, vinjetta
oħra ta' ġimgħa (jew perjodu iqsar). Barra minnhekk, ta’ min jirrakkomanda li: –
il-vinjetti għal perjodi ta’ żmien qasir
u dawk għal perjodi ta’ żmien twil jiġu pprovduti bi prezz
proporzjonali; –
l-utenti okkażjonali li mhumiex residenti
jkollhom aċċess xieraq għall-informazzjoni dwar il-vetturi
soġġetti għal tariffi, l-infrastruttura stradali
soġġetta għat-tariffi, it-tipi ta’ vinjetti, il-validità
tagħhom u r-rati, il-punti tal-bejgħ u l-multi applikabbli; –
l-utenti okkażjonali li mhumiex residenti
jingħataw għadd kbir u varjat ta’ alternattivi għal kif
iħallsu l-vinjetta; –
l-infurzar ikun iffokat fil-postijiet fejn
il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli jkunu relattivament
spissi, u mhux l-aktar fil-fruntieri u fuq dawk li mhumiex residenti li
x’aktarx ikunu qed iwettqu l-ksur għall-ewwel darba, biex ir-residenti u
dawk li mhumiex residenti jiġu ttrattati bl-istess mod; –
il-multi jkunu proporzjonali għal dawk ta’
ksur ieħor tar-regoli tat-traffiku u jirriflettu kif xieraq l-element
tas-sanzjoni. Peress li
s-sistemi ta’ vinjetti jimplimentaw l-aktar il-prinċipju ta’ "l-utent
iħallas"[15],
il-Kummissjoni hija favur li d-dħul minnhom jintuża b’mod trasparenti
u li idealment għandu jintuża biss għal toroq li għandhom
programm ta’ manutenzjoni xierqa, sabiex l-utenti tal-anqas jieħdu lura
livell minimu ta’ servizz. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri li
japplikaw sistema ta’ vinjetti għall-vetturi privati ħfief, jew li fi
ħsiebhom idaħħlu sistema ta’ dan it-tip, biex jevalwaw is-sistemi
tagħhom fid-dawl ta’ din il-Komunikazzjoni. Minn din l-esperjenza, il-Kummissjoni tista’
tikkunsidra t-teħid ta’ inizjattiva biex tkompli tiċċara
r-regoli applikabbli għat-tariffi stradali applikati għall-vetturi
privati ħfief. Anness Tariffi
għall-utenti tat-triq (vinjetti) għal vetturi ≤ 3.5 t
fl-UE[16] 2012 L-Awstrija ġimgħa (10 jiem) || xahrejn || sena 8 € || 23.40 € || 77.80 € Il-Bulgarija ġimgħa (7 jiem) || xahar || sena 5 € || 13 € || 34 € Ir-Repubblika Ċeka ġimgħa (10 jiem) || xahar || sena 12.40 € || 17.60 € || 59.90 € L-Ungerija (sistema ta’ vinjetti elettronika) ġimgħa (10 jiem) || xahar || sena 10.30 € || 16.60 € || 148.90 € Is-Slovakkja ġimgħa (10 jiem) || xahar || sena 10 € || 14 € || 50 € Is-Slovenja ġimgħa (7 jiem) || xahar || sena 15 € || 30 € || 95 € Ir-Rumanija (sistema ta’ vinjetti elettronika) Vetturi privati ħfief u vetturi kummerċjali ħfief li jintużaw għat-trasport tal-passiġġieri ġimgħa (7 jiem) || xahar || 3 xhur || sena 3 € || 7 € || 13 € || 28 € Vetturi kummerċjali ħfief li jintużaw għat-trasport tal-merkanzija ġimgħa (7 jiem) || xahar || 3 xhur || sena 6 € || 16 € || 36 € || 96 € Ir-rati tal-kambju
ta’ flus tas-27 ta’ Frar 2012 [1] White Paper dwar it-trasport “Pjan direzzjonali
għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport
kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” COM (2011) 144. [2] Id-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid
isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti
infrastrutturi, kif emendata; magħrufa bħala d-Direttiva
tal-“Eurovignette” [3] Karozzi tal-passiġġieri, muturi u vetturi
oħra b’massa totali permissibbli ta’ mhux aktar minn 3.5 tunnellati
li jintużaw l-aktar għal finijiet privati. [4] L-unika eċċezzjoni hija r-Rumanija, li
tapplika rati differenti għall-vinjetti fuq il-vetturi ta’ merkanzija
ħfief. [5] Attwalment, sistemi ta’ vinjetti għall-vetturi
tal-passiġġieri ħfief qed jiġu applikati f’seba’ Stati
Membri tal-UE - l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija,
is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Rumanija. Stati Membri oħra (eż.,
il-Belġju) qed jippjanaw li jimplimentaw sistemi ta’ dan it-tip. [6] Ara wkoll l-Istudji "Assessment of Vignette Systems for Private
Vehicles applied in Member States" (Booz & Co 2010) u "Study on
Impacts of application of the Vignette systems to Private Vehicles" (Booz
& Co 2012) http://ec.europa.eu/transport/road/road_charging/charging_private_vehicles_en.htm [7] Il-Kawża C-398/92 Mund
& Fester v. Hatrex International Transport, 1994 ECR 467, speċjalment
il-paragrafu 14 [8] Sentenza tal-Qorti
tal-21 ta' Marzu 2002, Kawża C-451/99, Cura Anlagen GmbH v.
Auto Service Leasing GmbH (ASL), ECR 2002 Paġna I-03193. [9] K(96) 2166 tat-30 ta’ Lulju 1996 [10] Pereżempju, il-prezz medju ta’ kull jum tal-vinjetta
għall-iqsar perjodu (vinjetta ta’ 10 jiem) għall-Awstrija huwa
EUR 0.8 (jiġifieri EUR 8 diviżi b’10 jiem); il-prezz medju
ta’ kull jum tal-vinjetta għall-itwal perjodu (vinjetta ta’ sena)
għall-Awstrija huwa EUR 0.21 (jiġifieri EUR 77.80
diviżi bi 365 jum); Konsegwentement, il-proporzjon bejn il-prezz medju ta’
kull jum tal-vinjetti għal perjodu qasir u dak tal-vinjetti għal
perjodu twil huwa 0.8/0.21 = 3.8. Ara wkoll it-Tabelli 5-4
fil-paġna 24 tal-istudju "Assessment of Vignette Systems for
Private Vehicles applied in Member States" (Booz & Co 2010) [11] Eżempju tal-metodoloġija li tintuża
għall-kalkolu ta’ prezzijiet proporzjonali tal-vinjetti huwa deskritt
fl-istudju "Study on Impacts of application of the Vignette systems to
Private Vehicles" (Booz & Co 2012) [12] ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42, kif
emendata bid-Direttiva 2006/38/KE (ĠU L 157, 9.6.2006,
p. 8) u d-Direttiva 2011/76/EU (ĠU L 269, 14.10.2011,
p. 1) [13] Dan għandu wkoll jevita t-twaħħil
tal-istikers mal-ħġieġa ta’ quddiem tal-vetturi (maġenb
il-pilastru-A), li jista’ jgħatti l-viżjoni tas-sewwieq u b’hekk
inaqqas mis-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-triq, pereżempju, in-nies
li jkunu mixjin fit-triq. [14] Sistema ta’ vinjetti komuni ta’ ħames Stati Membri
(il-Belġju, l-Olanda, il-Lussemburgu, id-Danimarka u l-Isvezja) ġiet
stabbilita permezz tal-Ftehim dwar il-ġbir ta’ tariffi
għall-użu ta’ ċerti toroq minn vetturi tal-merkanzija tqal
tal-4 ta’ Frar 1994. [15] Ma hemm ebda Stat Membru li qiegħed japplika
divrenzjar tar-rati tal-vinjetti skont l-istandards ambjentali
għall-vetturi privati ħfief. Barra minn hekk, jidher li l-vinjetti
mhumiex l-għodda xierqa biex tiġi indirizzata l-problema
tal-konġestjoni, li spiss tkun relatata għal ħin u lok
speċifiċi. [16] It-Tabella ma fihiex ir-rati tal-vinjetti
għall-muturi u t-trejlers ħfief.