Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0198

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew favur li jiġu eżaminati l-emendi proposti tat-Trattati dwar żieda ta’ Protokoll fuq it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona

/* COM/2012/0198 final */

52012DC0198

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew favur li jiġu eżaminati l-emendi proposti tat-Trattati dwar żieda ta’ Protokoll fuq it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona /* COM/2012/0198 final */


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew favur li jiġu eżaminati l-emendi proposti tat-Trattati dwar żieda ta’ Protokoll fuq it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Billi:

(1)                   Filwaqt li ħa nota tar-riżultat tar-referedum Irlandiż tat-12 ta’ Ġunju 2008 dwar it-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008, qabel li t-tħassib tal-poplu Irlandiż, kif ippreżentat mit-Taoiseach, fejn tidħol il-politika ta’ tassazzjoni, id-dritt għall-ħajja, l-edukazzjoni u l-familja u l-politika tradizzjonali ta’ newtralità militari tal-Irlanda għandu jiġi indirizzat għas-sodisfazzjoni reċiproku tal-Irlanda u tal-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ garanziji legali meħtieġa.

(2)                   Il-kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, qablu dwar Deċiżjoni dwar it-tħassib tal-poplu Irlandiż fejn jidħol it-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tad-dritt għall-ħajja, tal-familja u l-edukazzjoni, it-tassazzjoni, u s-sigurtà u d-difiża (minn hawn 'il quddiem: id-“Deċiżjoni”). Il-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern ftiehmu li d-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

(3)                   Il-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern iddikjaraw li d-Deċiżjoni kienet kompletament kompatibbli mat-Trattat ta’ Lisbona u ma tkun tirrekjedi l-ebda ratifikazzjoni oħra ta’ dak it-Trattat. Il-kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern iddikjaraw ukoll li, fil-mument tal-konklużjoni tat-Trattat tal-Adeżjoni li jmiss, jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, fi Protokoll li jkun mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F’dak ir-rigward, il-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern iddikjaraw li dan il-Protokoll m’għandu bl-ebda mod ibiddel ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-iskop uniku tiegħu huwa li jagħti status sħiħ fit-Trattat lill-kjarifiki mfissra fid-Deċiżjoni biex jiġi ssodisfat it-tħassib tal-poplu Irlandiż, li l-istatus tiegħu ma jkun bl-ebda mod differenti minn kjarifiki simili fi Protokolli miksuba minn Stati Membri oħra u li jikkjarifika iżda ma jbiddel la l-kontenut u lanqas l-applikazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona.

(4)                   Wara li ġie approvat mir-referendum Irlandiż tat-2 ta’ Ottubru 2009, it-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

(5)                   Fl-20 ta’ Lulju 2011, il-gvern Irlandiż ressaq proposta lill-Kunsill, skont l-Artikolu 48(2) tat-TUE, għall-emendat tat-Trattati biex jiddaħħal Protokoll dwar it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona.

(6)                   Il-President tal-Kunsill Ewropew kiteb lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ottubru 2011 fejn talabha l-opinjoni tagħha dwar dik il-proposta.

(7)                   Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim fost il-kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern dwar emenda fit-Trattati biex jiżdied Protokoll dwar it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona ntlaħaq f’kuntest speċifiku.

TAT OPINJONI FAVOREVOLI

dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew favur li jiġu eżaminati l-emendi proposti tat-Trattati biex jiddaħħal Protokoll fuq it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona

Din l-opinjoni hija indirizzata lill-Kunsill Ewropew.

Top