This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0027
RECOMMENDATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL on the approval of an Agreement for cooperation in the peaceful uses of nuclear energy between the European Atomic Energy Community (Euratom) and the Government of South Africa
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel
/* COM/2012/027 final */
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel /* COM/2012/027 final */
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni ta' Ftehim
għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija
nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Gvern
tal-Afrika t'Isfel 1. Introduzzjoni Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea
tal-Enerġija Atomika ("il-Komunità) u l-Gvern tal-Afrika t'Isfel
("l-Afrika t'Isfel") għall-kooperazzjoni fl-użi
paċifiċi tal-enerġija nukleari jkopri bosta oqsma ta' interess
reċiproku. Fil-Ftehim hija prevista kooperazzjoni
wiesgħa fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija
nukleari hekk kif jistabbilixxi qafas ġenerali għal kooperazzjoni
politika, teknika u industrijali. Dan se joħloq qafas legali kemm
għall-gvernijiet kif ukoll għall-operaturi industrijali tal-Partijiet
li se jiffaċilita l-kooperazzjoni f'dan il-qasam bejn il-Partijiet. 2. L-importanza tal-Ftehim Bil-għan li tissaħħaħ
ir-relazzjoni kooperattiva ġenerali bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel,
l-importanza tal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim hija msejsa l-aktar fuq
interess reċiproku li jiġi stabbilit qafas legali stabbli sabiex
jiffaċilita kooperazzjoni ugwali u reċiproka fl-użi
paċifiċi tal-enerġija nukleari, inklużi l-iskambji
kummerċjali, filwaqt li jitqies il-fatt li l-Afrika t' Isfel għandha
riżervi kbar ta' uranju u se jkollha rwol dejjem akbar fil-qasam nukleari
ċivili. Minbarra dan,
il-Ftehim ikun qed irawwem il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-Komunità u
l-Afrika t'Isfel, partikolarment biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni
ta' entitajiet tar-riċerka tal-Afrika t'Isfel fi proġetti ta'
riċerka mwettqa fil-qafas tal-programmi rilevanti ta' riċerka
tal-Komunità u biex jiżgura parteċipazzjoni reċiproka ta'
entitajiet ta' riċerka tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fi
proġetti tal-Afrika t'Isfel f'oqsma simili ta' riċerka. Għalhekk,
bħala eżempju konkret, l-Afrika t'Isfel żviluppa l-"Pebble
Bed Modular Reactor (PBMR)", li jista’ jsir alternattiva vijabbli
għal tipi oħra ta' reatturi. L-organizzazzjonijiet Ewropej ta'
R&Ż huma diġà involuti f'dan il-programm. L-Afrika t’Isfel
hija attiva wkoll fl-applikazzjonijiet mediċi tal-enerġija nukleari u
hija produttur ewlieni ta' radjuiżotopi mediċi. Għall-Euratom, l-interess fl-iffirmar ta'
dan il-Ftehim joħroġ mill-fatt li dan jiżgura livell
korrispondenti ta' protezzjoni fiżika, salvagwardji, u standards
tal-kontroll tal-esportazzjoni u jiffaċilita l-kummerċ nukleari bejn
il-Partijiet. Il-Ftehim jiżgura wkoll il-moviment liberu ta' materjal
nukleari u mhux nukleari, tagħmir u teknoloġija fil-Komunità, kif
ukoll jesiġi li t-trasferimenti ta' materjal nukleari u l-forniment ta'
servizzi rilevanti jitwettqu taħt kundizzjonijiet kummerċjali
ġusti. Il-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn
il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("Euratom") u l-Afrika
t'Isfel għall-Kooperazzjoni fl-użi paċifiċi
tal-enerġija nukleari se toħloq qafas fit-tul u stabbli
għaż-żewġ partijiet u l-gvernijiet u l-operaturi
industrijali tagħhom, li fih tista' sseħħ tali kooperazzjoni,
kif ukoll iħeġġeġ u jiffaċilita l-kooperazzjoni
fir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija
nukleari abbażi ta' benefiċċju reċiproku, ugwaljanza u
reċiproċità. 3. Skema ġenerali tal-Ftehim L-għan tal-Ftehim huwa l-kooperazzjoni
fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Euratom u
l-Afrika t'Isfel. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-forom ta' kooperazzjoni
(Artikolu III), fil-biċċa l-kbira, jinkludu riċerka u
żvilupp fil-qasam tal-enerġija nukleari, l-użu ta' materjali
nukleari u teknoloġiji, trasferimenti ta' materjal nukleari u tagħmir
u salvagwardji nukleari. Il-Ftehim jiddefinixxi ulterjorment
l-Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim
(Artikolu IV) - il-forom differenti ta' materjali nukleari u mhux nukleari
- u jiddeskrivi fid-dettall il-modalitajiet għall-Kummerċ ta'
materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir (Artikolu VI).
Huwa enfasizzat li l-materjal nukleari għandu jintuża għal
finijiet paċifiċi u f'konformità mal-ftehimiet ta' salvagwardja
(għall-Komunità: is-salvagwardji Euratom skont it-Trattat Euratom u
s-salvagwardji IAEA u l-Protokolli Addizzjonali tagħha[1]). Dispożizzjonijiet speċifiċi
dwar Skambju ta' Informazzjoni u Proprjetà Intellettwali (Artikolu VII) u
dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni (Artikolu VIII) isegwu. Sabiex
tiġi ggarantita l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Ftehim, qed jiġi
inkluż artikolu speċifiku dwar il-Konsultazzjoni u soluzzjoni
tat-tilwim (Artikolu XII) biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar
l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim. It-tul ta' żmien tal-Ftehim huwa
stabbilit b'perjodu inizjali ta' 10 snin, li mbagħad
jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta'
ħames snin (Artikolu XV). 4. Konklużjoni Il-Kummissjoni tqis li l-Ftehim
għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija
nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern
tal-Afrika t'Isfel, li qed jiġi propost l-adozzjoni tiegħu: –
huwa f'konformità mad-direttivi ta' negozjar
maħruġa mill-Kunsill fit-8 ta' Ottubru 2010; –
jikkonferma l-impenn ċar
taż-żewġ Partijiet favur in-nonproliferazzjoni u livell
għoli ta' sikurezza nukleari sabiex jiġi ggarantit l-użu paċifiku
u sikur tal-enerġija nukleari; –
huwa f'konformità mal-politika tal-Komunità dwar
is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; –
se jsaħħaħ ulterjorment
ir-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel fil-qasam
tal-kooperazzjoni fil-politika dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda
lill-Kunsill japprova, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101
tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
il-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija
nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern
tal-Afrika t'Isfel, fl-Anness. ANNESS FTEHIM
BEJN IL-GVERN TAL-AFRIKA T'ISFEL U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
(EURATOM) GĦALL-KOOPERAZZJONI FL-UŻI PAĊIFIĊI
TAL-ENERĠIJA NUKLEARI PREAMBOLU Il-Gvern
tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, minn issa 'l quddiem imsejħa l-Afrika
t'Isfel, u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), minn hawn
'il quddiem imsejħa "il-Komunità", u minn hawn 'il quddiem
flimkien imsejħa "il-Partijiet", FILWAQT LI JQISU
r-relazzjonijiet tajbin u l-kooperazzjoni eżistenti bejn
iż-żewġ Partijiet; FILWAQT LI
JINNOTAW b'sodisfazzjon l-eżitu fejjiedi tal-kooperazzjoni ekonomika,
teknika u xjentifika bejn il-Partijiet; FILWAQT LI JQISU
l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u
r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, fuq in-naħa l-oħra ('TDCA'),
magħmul fil-11 ta' Ottubru 1999; FILWAQT LI JQISU
l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani,
tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati
Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, magħmul fit-23 ta
'Ġunju 2000; FILWAQT LI
JIXTIEQU jippromwovu l-kooperazzjoni bejniethom fl-użu ta' enerġija
għal skopijiet paċifiċi; FILWAQT LI JAFFERMAW
MILL-ĠDID l-impenn qawwi tal-Gvern tal-Afrika t'Isfel, il-Komunità u
l-Gvernijiet tal-Istati Membri tagħha lejn in-nonproliferazzjoni nukleari
inkluż it-tisħiħ u l-applikazzjoni effiċjenti
tas-salvagwardji relatati u s-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni li
bis-saħħa tagħhom għandha sseħħ il-kooperazzjoni
fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn l-Afrika t'Isfel
u l-Komunità; FILWAQT LI
JAFFERMAW MILL-ĠDID l-appoġġ tal-Gvern tal-Afrika t'Isfel,
tal-Komunità u l-Gvernijiet tal-Istati Membri tagħha lill-għanijiet
tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il
quddiem l-“IAEA”) u s-sistema ta' salvagwardji tagħha; FILWAQT LI
JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn kbir tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel,
il-Komunità u l-Istati Membri tagħha lejn il-Konvenzjoni dwar
il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari magħmul
fit-3 ta’ Marzu 1980; BILLI
r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma
Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari
magħmul fl-1 ta' Lulju 1968, minn hawn 'il quddiem
l-"NPT", FILWAQT LI
JINNUTAW li s-salvagwardji nukleari huma applikati fl-Istati Membri kollha
tal-Komunità f'konformità kemm mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea
tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat
Euratom") kif ukoll mal-ftehimiet tas-salwagwardji konklużi bejn
il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-IAEA; FILWAQT LI JQISU t-Trattat
ta' Żona Afrikana Ħielsa mill-Armi Nukleari (it-Trattat ta'
Pelindaba), magħmul fil-11 ta' April 1996 u li daħal
fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2009; FILWAQT LI
JINNUTAW li r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Gvernijiet tal-Istati Membri
kollha tal-Komunità jipparteċipaw fil-Grupp ta' Fornituri Nukleari; FILWAQT LI
JINNUTAW li għandhom jitqiesu l-impenji li ħadu r-Repubblika
tal-Afrika t'Isfel u l-Gvernijiet ta' kull Stat Membru tal-Komunità fil-qafas
tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari; FILWAQT LI
JIRRIKONOXXU l-prinċipju tal-moviment liberu tal-materjal nukleari,
tagħmir, materjal mhux nukleari, u teknoloġija fi ħdan
il-Komunità; FILWAQT LI JAQBLU li l-Ftehim għandu jkun
f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika
tal-Afrika t'Isfel fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; FILWAQT LI JTENNU
l-impenji tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Gvernijiet tal-Istati Membri
tal-Komunità lejn il-ftehimiet bilaterali tagħhom fl-użi
paċifiċi tal-enerġija nukleari; FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu I Definizzjonijiet Għall-fini ta’ dan il-Ftehim, sakemm mhux
speċifikat mod ieħor fih, 1.
"awtorità kompetenti" tfisser: (a)
għar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel,
id-Dipartiment tal-Enerġija; (b)
għall-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea jew awtorità oħra tali li l-Parti
kkonċernata tista’ f’kull ħin tinnotifika bil-miktub lill-Parti
l-oħra dwarha; 2.
"tagħmir" tfisser dawk
l-oġġetti elenkati fit-Taqsimiet 1, 3, 4, 5, 6 u 7 tal-Anness B
tad-dokument IAEA INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 (Linji Gwida
għat-Trasferimenti Nukleari), kif emendat minn żmien għal
żmien; 3.
"informazzjoni" tfisser dejta xjentifika
jew teknika, riżultati jew metodi ta' riċerka u żvilupp li
jirriżultaw mir-riċerka konġunta u kwalunke informazzjoni
oħra li hi meqjusa neċessarja mill-Partijiet u/jew parteċipanti
mqabbda biex jaħdmu fil-proġetti ta' riċerka konġunta li
trid tkun pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim jew riċerka
skont dan; 4.
"proprjetà intellettwali" għandu
jkollha t-tifsira msemmija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi
l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, magħmula
fl-14 ta' Lulju 1967, kif emendata fit-28 ta' Settembru
1979, u tista' tinkludi suġġetti oħra kif iddeterminati bejn
il-Partijiet. 5.
"proġetti ta' riċerka
konġunta" tfisser riċerka jew żvilupp teknoloġiku li
huma implimentati bl-appoġġ finanzjarju jew mingħajru minn Parti
waħda jew it-tnejn u li jinvolvu kollaborazzjoni mill-parteċipanti
kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Afrika t'Isfel u huma iddeżinjati
bħala riċerka konġunta, bil-miktub, mill-Partijiet jew
l-organizzazzjonijiet xjentifiċi jew teknoloġiċi tagħhom
jew aġenziji li qegħdin jimplimentaw il-programmi ta' riċerka
xjentifika. F'każ fejn hemm finanzjament minn Parti waħda biss,
id-deżinjazzjoni hija magħmula minn dik il-Parti u l-parteċipant
f'dak il-proġett; 6.
"materjal nukleari" tfisser kwalunkwe
materjal ta' sors jew materjal fissjonabbli kif inhuma ddefiniti dawk
it-termini fl-Artikolu XX tal-Istatut tal-IAEA; Kull deċiżjoni
tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA fl-ambitu tal-Artikolu XX tal-Istatut tal-IAEA
li jemenda l-lista tal-materjali meqjusa bħala "materjal ta' sors"
jew "materjal fissjonabbli speċjali" għandu jkollha effett
biss skont dan il-Ftehim meta l-Partijiet ikunu infurmaw lil xulxin bil-miktub
li jaċċettaw dik l-emenda. 7.
"materjal mhux nukleari" tfisser: (a)
"Dewterju u ilma tqil (ossidu tad-dewterju) u
kwalunkwe kompost tad-dewterju ieħor li fih il-proporzjon tad-dewterju
għall-idroġenu jissupera 1:5000, għall-użu f’reattur
nukleari, kif iddefinit fil-paragrafu (1.1) tal-Anness B
tal-INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 tal-IAEA, (b)
Grafit bi grad nukleari: grafit,
għall-użu f'reattur nukleari, kif iddefinit fil-paragrafu (1.1)
tal-Anness B taċ-Ċirkolari ta' Informazzjoni
INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 tal-IAEA, li jkollu livell ta' purità
aħjar minn 5 partijiet għal kull miljun ta' ekwivalent tal-boron u
b'densità ogħla minn 1.50 gramma għal kull ċentimetru kubiku. 8.
"parteċipant" tfisser kwalunkwe
persuna, kwalunkwe istitut tar-riċerka, kwalunkwe entità jew ditta legali
jew kwalunkwe korp ieħor b'mod ieħor permess minn kull Parti biex
jipparteċipaw f'attivitajiet ta' kooperazzjoni u/jew proġetti
konġunti ta' riċerka taħt dan il-Ftehim, inklużi
l-Partijiet infushom; 9.
“persuni” tfisser kwalunkwe persuna naturali,
impriża jew entità oħra rregolata mil-liġijiet u r-regolamenti
applikabbli fil-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet
iżda ma tinkludix il-Partijiet. 10.
"riżultati ta' attività
intellettwali" (results of intellectual activity - RIA) tfisser
informazzjoni u/jew proprjetà intellettwali; 11.
"Partijiet" tfisser ir-Repubblika
tal-Afrika t'Isfel fuq naħa u l-Komunità fuq naħa oħra; "il-Komunità" tfisser kemm: (a)
il-persuna ġuridika maħluqa skont
it-Trattat Euratom; kif ukoll (b)
it-territorji li għalihom japplika t-Trattat
Euratom; 12.
"teknoloġija" għandha t-tifsira
ddefinita fl-Anness A taċ-Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA
INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1. Artikolu II Għan 1.
L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li
jinkoraġġixxi u jiffaċilita, abbażi ta'
benefiċċju reċiproku, ugwaljanza u reċiproċità,
il-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari
bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kooperativa kumplessiva
bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel, skont il-ħtiġijiet u
l-prijoritajiet tal-programmi nukleari rispettivi tagħhom. 2.
Il-Ftehim għandu l-għan li jrawwem
il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel, partikolarment
biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' entitajiet tar-riċerka
tal-Afrika t'Isfel fi proġetti ta' riċerka mwettqa fil-qafas
tal-programmi ta' riċerka rilevanti tal-Komunità u biex tiżgura
parteċipazzjoni reċiproka ta' entitajiet ta' riċerka tal-Komunità
u l-Istati Membri tagħha fi proġetti tal-Afrika t'Isfel f'oqsma
simili ta' riċerka. 3.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi
interpretat bħala vinkolanti fuq il-partijiet għal kwalunkwe forma
ta’ esklussività u kull parti għandha tkun intitolata li twettaq
attivitajiet kummerċjali b'mod indipendenti mill-oħra fejn
ir-rekwiżiti tas-suq hekk jiddettaw. Artikolu III Kamp
ta' applikazzjoni u forom ta’ kooperazzjoni 1.
Materjal nukleari, tagħmir jew materjal mhux
nukleari jew materjal nukleari prodott bħala prodott sekondarju
għandu jintuża biss għal skopijiet paċifiċi; u ma
għandhomx jintużaw għal kwalunkwe strument splużiv
nukleari, għal riċerka jew l-iżvilupp ta’ strument bħal
dan, u lanqas għal xi skop militari. 2.
Il-kooperazzjoni maħsuba b'dan il-Ftehim hija
relatata mal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u tista'
tinkludi, inter alia: (a)
riċerka u żvilupp fil-qasam
tal-enerġija nukleari (inklużi t-teknoloġiji tal-fużjoni); (b)
użu ta' materjali nukleari u teknoloġiji
bħala applikazzjonijiet fis-saħħa, fl-agrikoltura; (c)
trasferimenti ta' materjali nukleari u tagħmir; (d)
sikurezza nukleari, skart radjuattiv u
ġestjoni tal-fjuwil użat, id-dekummissjonar, protezzjoni
mir-radjazzjoni inkluża tħejjija u r-reazzjoni
għall-emerġenza; (e)
salvagwardji nukleari; (f)
oqsma oħra li għandhom jiġu
miftiehma mill-Partijiet, safejn dawn huma koperti mill-programmi rispettivi
tal-Partijiet. 3.
Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta'
dan l-Artikolu tista' titwettaq fil-forom li ġejjin: (a)
provvista ta' materjali nukleari u mhux nukleari,
tagħmir u teknoloġiji relatati; (b)
forniment ta' servizzi taċ-ċiklu
tal-fjuwil nukleari; (c)
twaqqif ta' Gruppi ta' Ħidma, jekk
meħtieġ, biex jimplimentaw studji u proġetti speċifiċi
fil-qasam tar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku; (d)
skambju ta' esperti, informazzjoni xjentifika u
teknoloġika, l-organizzazzjoni ta' seminars u konferenzi xjentifiċi,
taħriġ ta' persunal amministrattiv, xjentifiku u tekniku; (e)
konsultazzjonijiet fuq kwistjonijiet ta'
riċerka u teknoloġiċi u li jwettqu riċerka konġunta
taħt programmi miftiehma; (f)
attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-promozzjoni
tas-sikurezza nukleari; kif ukoll (g)
forom oħra ta' kooperazzjoni kif tistà
tiġi determinata mill-Partijiet bil-miktub. 4.
Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan
l-Artikolu tista' sseħħ ukoll bejn persuni u impriżi stabbiliti
fit-territorji rispettivi tal-Partijiet. Artikolu IV Oġġetti
soġġetti għall-Ftehim 1.
Dan il-Ftehim għandu japplika għal
materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir, trasferit bejn
il-Partijiet jew il-persuni rispettivi tagħhom, kemm direttament jew
permezz ta' pajjiż terz. Tali materjal nukleari, materjal mhux nukleari
jew tagħmir għandhom isiru soġġetti għal dan il-Ftehim
mad-dħul tiegħu fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti li qed
tirċievi, sakemm il-Parti li qed tforni nnotifikat lill-Parti li qed
tirċievi bil-miktub bit-trasferiment intenzjonat, skont il-proċeduri
ddefiniti f'Arranġament Amministrattiv, u r-riċevitur propost, jekk
dan mhuwiex il-Parti li qed tirċievi, huwa persuna awtorizzata taħt
il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti li qed tirċievi. 2.
Il-materjal nukleari, materjal mhux nukleari, jew
tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom
jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan
il-Ftehim sakemm jiġi stabbilit, skont il-proċeduri stabbiliti
fl-Arranġament Amministrattiv li: (a)
tali oġġett ikun ġie ttrasferit
mill-ġdid lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti li
tirċievi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim; jew (b)
dak il-materjal nukleari ma jistax jintuża
iżjed għal kwalunkwe attività nukleari rilevanti mil-lat
tas-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu VI jew li
prattikament ma jistax jiġi rkuprat; jew (c)
dak it-tagħmir jew materjal mhux nukleari ma
jkunux jibqgħu jistgħu jintużaw iżjed għal skopijiet
nukleari; jew (d)
il-Partijiet jistabbilixxu flimkien li ma
għandux jibqa’ iżjed soġġett għal dan il-Ftehim. 3.
It-trasferiment tat-teknoloġija għandu
jkun soġġett għal dan il-Ftehim għall-Istati Membri
tal-Komunità li esprimew ix-xewqa tagħhom li jqiegħdu tali
trasferimenti fil-qafas ta' dan il-Ftehim permezz ta' notifika bil-miktub
mill-Istat Membru konċernat lill-Kummissjoni Ewropea. Notifika minn qabel
bejn l-Istat Membru konċernat/Stati Membri konċernati u l-Kummissjoni
Ewropea, minn naħa, u l-Afrika t'Isfel, minn naħa oħra,
għandu jingħata qabel kull trasferiment. Artikolu V Kummerċ tal-materjal nukleari, materjal mhux nukleari jew
tagħmir 1.
Kwalunkwe trasferiment ta' materjal nukleari,
materjal mhux nukleari jew tagħmir imwettaq skont l-attivitajiet ta’
kooperazzjoni għandu jsir skont l-impenji internazzjonali rilevanti
tal-Komunità, l-Istati Membri tal-Komunità u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel
fir-rigward ta' użi paċifiċi tal-enerġija nukleari kif
elenkati fl-Artikolu VI. 2.
Safejn hu prattikabbli, il-Partijiet għandhom
jassistu lil xulxin fl-akkwist pubbliku, minn Parti jew l-oħra jew minn
persuni fi ħdan il-Komunità jew taħt il-ġurisdizzjoni
tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, ta' materjal nukleari, materjal mhux
nukleari jew tagħmir. 3.
It-tkomplija tal-kooperazzjoni prevista fil-Ftehim
attwali għandha tkun kontinġenti fuq l-applikazzjoni
sodisfaċenti b'mod reċiproku tas-sistema għas-salvagwardji u
l-kontroll stabbilita mill-Komunità skont it-Trattat Euratom u tas-sistema
għas-salvagwardji u l-kontroll ta' materjal nukleari, materjal mhux
nukleari jew tagħmir stabbilita mir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel. 4.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma
għandhomx jintużaw biex ifixklu l-moviment liberu tal-materjal
nukleari, materjal mhux nukleari, tagħmir, u teknoloġija fi ħdan
it-territorju tal-Komunità. 5.
Trasferimenti ta’ materjal nukleari
soġġett għal dan il-Ftehim u l-forniment ta’ servizzi rilevanti
għandhom jitwettqu taħt kundizzjonijiet kummerċjali ġusti u
ma għandhomx jipperikolaw l-obbligi internazzjonali tal-Partijiet fl-ambitu
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-implimentazzjoni ta' dan
il-paragrafu għandha tkun mingħajr ħsara għat-Trattat
Euratom u l-leġiżlazzjoni dderivata minnu, u għal-liġijiet
u regolamenti tal-Afrika t'Isfel. 6.
Kwalunkwe trasferiment mill-gdid ta' kwalunkwe
materjal nukleari, materjal mhux nukleari, tagħmir jew teknoloġija
soġġetti għal dan il-Ftehim barra l-ġurisdizzjoni
tal-Partijiet għandhom jitwettqu biss skont il-qafas tal-impenji
meħuda mill-Gvernijiet tal-Istati Membri individwali tal-Komunità u
r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel fi ħdan il-grupp ta’pajjiżi fornituri
nukleari magħruf bħala l-Grupp ta' Fornituri Nukleari. B'mod
partikolari, il-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari, kif stabbiliti
fir-Ċirkolari ta' Informazzjoni INFCIRC/254/Rev. 9/Parti 1
tal-IAEA, għandhom japplikaw għat-trasferimenti mill-ġdid ta'
kwalunkwe materjal nukleari, materjal mhux nukleari, tagħmir jew
teknoloġija soġġetti għal dan il-Ftehim. 7.
Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,
il-Partijiet għandhom jiskambjaw il-listi ta' pajjiżi terzi li lejhom
it-trasferimenti mill-ġdid, skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu,
huma awtorizzati mingħajr il-ħtieġa li jiksbu awtorizzazzjoni
minn qabel mill-Parti fornitriċi. Kull Parti għandha tinnotifika
lill-Parti l-oħra dwar it-tibdiliet fil-lista tagħha ta' pajjiżi
terzi. 8.
Il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti
fornitriċi għandha tkun meħtieġa għal trasferimenti
mill-ġdid skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu lil pajjiżi li
mhumiex parti mil-lista ta' pajjiżi terzi tal-Parti fornitriċi. Artikolu VI Kundizzjonijiet
li japplikaw għall-Materjal Nukleari soġġett għall-Ftehim 1.
Materjal nukleari soġġett għal dan
il-ftehim għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li
ġejjin: (a)
Fil-Komunità, għas-salvagwardji tal-Euratom
skont it-Trattat tal-Euratom u għas-salvagwardji tal-IAEA skont
il-ftehimiet ta’ salvagwardja li ġejjin, kif rilevanti, u kif jistgħu
jiġu riveduti u mibdula, sakemm tkun ipprovduta kopertura kif
meħtieġa mit-Trattat ta’ Nonproliferazzjoni għal: i) Il-Ftehim bejn l-Istati Membri
tal-Komunità mingħajr armi nukleari, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija
Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, li
daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 1977 (ippubblikat
bħala INFCIRC/193); ii) Il-Ftehim bejn Franza, il-Komunità
Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali
tal-Enerġija Atomika li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Settembru
1981 (ippubblikat bħala INFCIRC/290); iii) Il-Ftehim bejn ir-Renju Unit,
il-Komunità Ewropea għall-Eneriġija Atomika u l-Aġenzija
Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, li daħal
fis-seħħ fl-14 ta' Awwissu 1978 (ippubblikat
bħala INFCIRC/263); iv) Il-Protokolli Addizzjonali ffirmati
fit-22 ta' Settembru 1998 li daħlu fis-seħħ
fit-30 ta' April 2004 abbażi tad-dokument ippubblikat
bħala INFCIRC/540 tal-IAEA (Sistema Msaħħa tas-Salvagwardji,
il-Parti II); (b)
Fl-Afrika t'Isfel, għas-salvagwardji tal-IAEA
skont il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-IAEA
għall-Applikazzjoni ta’ Salvagwardji b’konnessjoni mat-Trattat dwar
in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li kien iffirmat u li daħal
fis-seħħ fis-16 ta' Settembru 1991 u li ġie
ippubblikat bħala INFCIRC/394, supplimentat mill-Protokoll Addizzjonali,
li kien iffirmat u daħal fis-seħħ fit-13 ta' Settembru
2002, u Trattat ta' Żona Afrikana Ħielsa mill-Armi Nukleari li kienet
iffirmat fil-11 ta’ April 1996 u daħal fis-seħħ
fil-15 ta’ Lulju 2009. 2.
F'każ li tiġi sospiża jew imwaqqfa
l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe Ftehim mal-IAEA msemmi fil-paragrafu 1 ta'
dan l-Artikolu, għal kwalunkwe raġuni, fi ħdan il-Komunità jew
l-Afrika t'Isfel, il-Parti rilevanti għandha tidħol fi ftehim
mal-IAEA li jipprovdi għal effikaċja u kopertura ekwivalenti
għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija
fid-dispożizzjonijiet a) jew b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu,
jew, jekk dak ma jkunx possibbli, (a)
il-Komunità, safejn tkun ikkonċernata,
għandha tapplika salvagwardji bbażati fuq is-sistema ta’ salvagwardji
tal-Euratom, li tipprevedi effikaċja u kopertura ekwivalenti għal
dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija fid-dispożizzjoni a)
tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jew, jekk dak ma jkunx possibbli; (b)
il-Partijiet għandhom jidħlu
f’arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ salvagwardji li jipprovdu
għal effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti
fil-ftehimiet ta’ salvagwardji msemmija fid-dispożizzjonijiet a) jew b)
tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. 3.
L-applikazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni
fiżika għandha tkun, f'kull ħin, f'livelli li jissodisfaw
tal-anqas il-kriterji stipulati fl-Anness C taċ-Ċirkolari ta' Informazzjoni
INFCIRC/254/Rev.10/Parti 1 tal-IAEA hekk kif tista' tiġi riveduta;
supplimentari għal dan id-dokument, l-Istati Membri tal-Komunità,
il-Kummissjoni Ewropea, kif xieraq, u l-Afrika t'Isfel se jirreferu meta
japplikaw il-miżuri għall-protezzjoni fiżika għall-obbligi
tiegħu taħt il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta'
Materjal Nukleari magħmul fit-3 ta' Marzu 1980, inklużi
kwalunkwe emendi li huma fis-seħħ għal kull Parti u r-rakkomandazzjonijiet
fir-Rakkomandazzjonijiet ta' Sigurtà Nukleari dwar il-Protezzjoni Fiżika
tal-Materjal Nukleari u ta' Faċilitajiet Nukleari
(INFCIRC/225/Reviżjoni 5), Serje dwar is-Sikurezza Nukleari tal-IAEA Serje
Nru. 13. It-trasport internazzjonali se jkun soġġett
għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar
il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari magħmula
fit-3 ta' Marzu 1980, inkluża kwalunkwe emenda li hija
fis-seħħ għal kull Parti, u għar-Regolamenti tal-IAEA
għat-Trasport Sikur tal-Materjali Radjuattivi (Serje ta' Standards
tas-Sikurezza tal-IAEA Nru TS-R-1). 4.
Is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni tal-iskart
nukleari għandhom ikunu soġġetti għall-Konvenzjoni dwar
is-Sikurezza Nukleari (Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC 449),
il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil
Nukleari Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv
(Ċirkolari tal-Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/546), il-Konvenzjoni dwar
l-Assistenza fil-każ ta' Inċident Nukleari jew Emerġenza
Radjoloġika (Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/336),
il-Konvenzjoni dwar in-Notifikazzjoni Bikrija ta' Inċident Nukleari
(Ċirkolari ta' Informazzjoni tal-IAEA INFCIRC/335). Artikolu VII Skambju
ta' Informazzjoni u Proprjetà Intellettwali L-użu u d-diffużjoni ta'
informazzjoni u drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jinkludu l-proprjetà
industrijali, privattivi u drittijiet tal-awtur, u teknoloġija trasferita
skont l-attivitajiet ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom
ikunu skont id-dispożizzjonijiet fl-Anness A. Artikolu VIII Implimentazzjoni tal-Ftehim 1.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim
għandhom jiġu implimentati bona fede b’tali mod li jevita
t-tfixkil, dewmien jew interferenzi żejda fl-attivitajiet nukleari
fl-Afrika t'Isfel u fil-Komunità u sabiex ikunu konsistenti mal-prattiki ta’
ġestjoni prudenti meħtieġa għall-kondotta ekonomika u
sikura ta' attivitajiet nukleari. 2.
Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma
għandhomx jintużaw bil-għan li jfittxu vantaġġi
kummerċjali jew industrijali, u lanqas biex jindaħlu fl-interessi
industrijali u kummerċjali, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali,
ta' kull waħda mill-Partijiet jew persuni awtorizzati, jew għal xi
ndħil fil-politika nukleari ta' kwalunkwe Parti jew tal-Gvernijiet
tal-Istati Membri tal-Komunità, lanqas biex ifixklu l-promozzjoni tal-użi
paċifiċi u mhux splużivi tal-enerġija nukleari, lanqas biex
ifixklu l-moviment ta’ oġġetti soġġetti jew notifikati li
għandhom isiru soġġetti għal dan il-Ftehim kemm jekk fi ħdan
il-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet u kif ukoll jekk
bejn l-Afrika t'Isfel u l-Komunità. 3.
Materjal nukleari soġġett għal dan
il-Ftehim għandu jiġi ttrattat skont il-prinċipji
tal-proporzjonalità, funġibilità u l-ekwivalenza ta' materjali nukleari. 4.
Kwalunkwe emenda għad-dokumenti ppubblikati
mill-IAEA msemmija fl-Artikoli I, V jew VI ta' dan il-Ftehim għandha
jkollha effett skont dan il-Ftehim biss meta l-Partijiet ikunu infurmaw lil
xulxin bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi li huma
jaċċettaw tali emenda. Artikolu IX Arranġamenti
Amministrattivi 1.
L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ
Partijiet għandhom jistabbilixxu Arranġamenti Amministrattivi sabiex
jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta' dan
il-Ftehim. 2.
Tali Arranġamenti amministrattivi
jistgħu, inter alia, ikopru dispożizzjonijiet finanzjarji,
l-assenjazzjoni ta' responsabbiltajiet ta’ ġestjoni u
dispożizzjonijiet ddettaljati dwar id-disseminazzjoni tal-informazzjoni u
d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. 3.
Arranġament amministrattiv stabbilit skont
il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi emendat kif determinat
flimkien, bil-miktub, mill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu X Liġi
applikabbli Il-kooperazzjoni prevista f'dan il-Ftehim
għandha tkun skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ
fl-Afrika t'Isfel u fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll skont il-ftehimiet
internazzjonali li l-Partijiet daħlu fihom. Fil-każ tal-Komunità,
il-liġi applikabbli tinkludi t-Trattat Euratom u l-leġiżlazzjoni
dderivata minnu. Artikolu XI Nuqqas
ta' Konformità 1.
Jekk kwalunkwe Parti jew Stat Membru tal-Komunità
tikser/jikser kwalunkwe dispożizzjoni materjali tal-Ftehim, il-Parti
l-oħra tista’ tissospendi jew ittemm, bis-sħiħ jew parzjalment,
il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub għal
dak il-għan. 2.
Qabel ma waħda mill-Partijiet tieħu
azzjoni f'dak is-sens, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin
bil-għan li jieħdu deċiżjoni dwar jekk humiex
meħtieġa miżuri korrettivi, u jekk ikun hekk, il-miżuri
korrettivi li għandhom jittieħdu u ż-żmien li fih
għandhom jittieħdu tali miżuri. Tali azzjoni għandha
tittieħed biss f'każ li ma jittieħdux miżuri
deċiżi fiż-żmien deċiż mill-Partijiet jew,
f'każ li ma tinstabx soluzzjoni wara l-iskadenza ta' perjodu ta' żmien
iddefinit mill-Partijiet. 3.
It-tmiem ta' dan il-Ftehim ma għandux
jaffettwa l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe arranġament u/jew kuntratt,
magħmula matul il-perjodu tal-validità tiegħu iżda li
għadhom ma ġewx ikkompletati sad-data tat-tmiem tiegħu, sakemm
ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Artikolu XII
Konsultazzjoni
u soluzzjoni ta' tilwim 1.
Fuq talba ta' waħda mill-Partijiet,
rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jiltaqgħu, meta jkun
meħtieġ, sabiex jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet li
jirriżultaw mill-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim,
sabiex jissorveljaw it-tħaddim tiegħu u biex jiddiskutu
arranġamenti għal kooperazzjoni addizzjonali għal dawk previsti
f'dan il-Ftehim. Tali konsultazzjonijiet jistgħu jieħdu l-għamla
wkoll ta' skambju ta' korrispondenza. 2.
Kull tilwim li jinqala’ mill-interpretazzjoni,
l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim li ma jiġix
solvut permezz ta’ negozjati jew kif miftiehem b’mod ieħor bejn
il-Partijiet għandu, fuq it-talba ta’ waħda mill-Partijiet, jiġi
ppreżentat quddiem tribunal tal-arbitraġġ li għandu jkun
magħmul minn tliet arbitri. Kull Parti għandha taħtar arbitru
wieħed u ż-żewġ arbitri hekk maħtura għandhom
jeleġġu t-tielet wieħed, li ma jkunx ċittadin ta' waħda
mill-Partijiet u li għandu jkun il-President. Jekk fi żmien tletin jum
mit-talba għall-arbitraġġ, kwalunkwe Parti tkun għadha ma
ħatritx arbitru, il-Parti l-oħra tista' titlob lill-President
tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jinnomina arbitru lill-Parti li ma
tkunx ħatret wieħed. Jekk fi żmien tletin jum mill-ħatra jew
nomina tal-arbitri għaż-żewġ Partijiet, it-tielet arbitru
ma jkunx ġie elett, waħda mill-Partijiet tista' titlob lill-President
tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex jinnomina t-tielet arbitru.
Maġġoranza tal-membri tat-tribunal tal-arbitraġġ għandhom
jikkostitwixxu kworum, u d-deċiżjonijiet kollha għandhom isiru
b’maġġoranza ta’ voti tal-membri kollha tat-tribunal
tal-arbitraġġ. Il-proċedura tal-arbitraġġ għandha
tkun stabbilita mit-tribunal. Id-deċiżjonijiet tat-tribunal
għandhom ikunu vinkolanti fuq iż-żewġ Partijiet u
għandhom ikunu implimentati minnhom. Ir-rimunerazzjoni tal-arbitri
għandha tkunu stabbilita fuq l-istess bażi ta' dik ta’ mħallfin
ad hoc tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. 3.
Għall-fini ta' soluzzjoni tat-tilwim,
għandha tintuża l-verżjoni bl-Ingliż ta' dan il-Ftehim. Artikolu XIII Dispożizzjonijiet
Kumplimentari 1.
Dan il-Ftehim huwa mingħajr ħsara
għad-dritt tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet bilaterali
mal-Afrika t’Isfel, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri fuq
naħa waħda u tal-Komunità fuq l-oħra, u safejn tali ftehimiet
bilaterali huma kompletament konformi mal-għanijiet u t-termini tal-Ftehim
preżenti. Ftehimiet bilaterali konklużi minn ċerti Stati Membri
qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Afrika
t'Isfel jistgħu jibqgħu japplikaw. 2.
Dispożizzjonijiet biex jiġu artikolati
dawn il-ftehimiet u l-Ftehim għandhom jiġu pproġettati fejn
xieraq, skont il-kompetenzi rispettivi tal-Partijiet, u soġġetti
għall-ftehim tal-partijiet ikkonċernati. Artikolu XIV Emendi u Status tal-Anness 1.
Fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet,
il-Partijiet jistgħu jikkonsultaw lil xulxin dwar emendi possibbli
għal dan il-Ftehim, b'mod partikolari biex iqisu l-iżviluppi
internazzjonali fil-qasam tas-salvagwardji nukleari. 2.
Dan il-Ftehim jista' jkun emendat jekk il-Partijiet
jiftiehmu hekk. 3.
Kwalunkwe emenda għandha tidħol
fis-seħħ fid-data li l-Partijiet jispeċifikaw, bi skambju
bejniethom ta' noti diplomatiċi, għad-dħul tagħha
fis-seħħ. 4.
L-Anness għal dan il-Ftehim jifforma parti
integrali minn dan il-Ftehim u jista' jiġi emendat skont il-paragrafi 1 sa
3 ta' dan l-Artikolu. Artikolu XV Dħul
fis-seħħ u perjodu ta' validità 1.
Dan il-Ftehim għandu jidħol
fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika bil-miktub li
l-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul
fis-seħħ tiegħu tlestew mill-Partijiet. 2.
Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ
għal perjodu ta’ għaxar snin. Sussegwentement, dan il-Ftehim
għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali
ta' ħames snin, sakemm, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza ta' tali
perjodu addizzjonali, Parti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra dwar
l-intenzjoni tagħha li ttemm il-Ftehim. 3.
Minkejja s-sospensjoni, it-tmiem jew
l-iskadenza ta' dan il-Ftehim jew ta' kwalunkwe kooperazzjoni hawn taħt
għal kwalunkwe raġuni, l-obbligi fl-Artikoli III, IV, V, VI, VII,
VIII, IX u X għandhom jibqgħu validi sakemm kwalunkwe materjal
nukleari, materjal mhux nukleari jew tagħmir soġġett għal
dawn l-Artikoli jibqa' fit-territorju tal-Parti l-oħra jew taħt
il-ġurisdizzjoni jew kontroll tagħha fi kwalunkwe post jew sakemm
jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu IV li
tali materjal nukleari ma jistax jintuża aktar, jew ma jistax jiġi
rkuprat għall-ipproċessar f'forma li tista' tintuża, għal
kwalunkwe attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji. Magħmul fi f’żewġ kopji
bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan,
bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg,
bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti,
bl-Olandiż, bit-Taljan, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen,
bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Isvediż, u bl-Ungeriż, fejn kull test
huwa ugwalment awtentiku. B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, awtorizzati
kif xieraq għal dan, iffirmaw il-Ftehim preżenti. Għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija
Atomika F'isem ir-Repubblika tal-Afrika t'isfel ANNESS A Prinċipji ta' gwida dwar l-allokazzjoni ta' drittijiet ta'
proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn attivitajiet konġunti ta'
riċerka fi ħdan il-Ftehim għall-Kooperazzjoni fil-użi
paċifċi tal-enerġija nukleari I. SJIEDA, ALLOKAZZJONI U EŻERĊITAR
TAD-DRITTIJIET 1. Dan l-Anness għandu japplika għal
attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim sakemm mhux miftiehem mod
ieħor mill-Partijiet. Il-parteċipanti għandhom jiżviluppaw
b'mod konġunt pjanijiet ta’ ġestjoni tat-teknoloġija (technology
management plans - TMPs) dwar is-sjieda u użu, inkluża
l-pubblikazzjoni, ta’ informazzjoni u proprjetà intellettwali li jkollha
tinħoloq waqt attivitajiet ta' kooperazzjoni. Dawk it-TMPs se jiġu
approvati mill-Partijiet qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe kuntratt
speċifiku ta' kooperazzjoni f'Riċerka u Żvilupp li jirreferu
għalihom. It-TMPs għandhom ikunu żviluppati
billi jitqiesu l-għanijiet tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni ,
il-kontribuzzjonijiet relattivi tal-parteċipanti, il-pekuljaretajiet
tal-ħruġ tal-liċenzji skont it-territorju jew għal qasam
speċifiku ta' użu, ir-rekwiżiti imposti bil-liġijiet
applikabbli u fatturi oħra li l-parteċipanti jqisu bħala xierqa.
Id-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw ir-riċerka
ġġenerata mir-riċerkaturi li jagħmlu ż-żjarat
taħt dan il-Ftehim fir-rigward tal-RIA se jkunu indirizzati ukoll fit-TMPs
konġunti. 2. L-RIA maħluqa matul l-attivitajiet ta'
kooperazzjoni u mhux indirizzati fit-TMP għandhom jiġu allokati, bl-approvazzjoni
tal-Partijiet, skont il-prinċipji stipulati fit-TMP. F'kaz ta' nuqqas ta'
qbil, ikun hemm sjieda konġunta ta' dawn l-RIA mill-parteċipanti
kollha involuti fir-riċerka konġunta minn fejn jirriżultaw
l-RIA. Kull parteċipant li tapplika għalih din id-disposizzjoni
jkollu d-dritt li juża dawn l-RIA għall-isfruttament kummerċjali
tagħhom mingħajr limitazzjoni ġeografika. 3. Kull Parti trid tiżgura li l-Parti
l-oħra u l-parteċipanti tagħha jkollhom id-drittijiet
għall-RIA allokati lilhom skont dawn il-prinċipji. 4. Filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet
tal-kompetizzjoni fiż-żoni affettwati minn dan il-Ftehim, kull Parti
għandha tiżgura li id-drittijiet miksuba skont dan il-Ftehim u
l-arranġamenti li saru skont dan huma eżerċitati b'tali mod li
jinkoraġġixxu b'mod partikolari: (i) id-disseminazzjoni u l-użu
tal-informazzjoni maħluqa, żvelata legalment, jew li saret
disponibbli legalment b'xi mod ieħor, skont dan il-Ftehim; (ii) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’
livelli tekniċi internazzjonali. II. XOGĦLIJIET B'DRITTIJIET TAL-AWDITUR Skont dan il-Ftehim, id-dritt tal-awtur
tal-Partijiet jew tal-parteċipanti tagħhom jingħata trattament
konsistenti mal-Konvenzjoni ta' Berne għall-protezzjoni ta' xogħol
letterarju u artistiku (Att ta' Pariġi 1971). III. XOGĦLIJIET LETTERARJI
XJENTIFIĊI Mingħajr ħsara għat-Taqsima IV
ta' dan l-Anness, sakemm mhux miftiehem mod ieħor fit-TMP
il-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka jsiru b'konġunt
mill-Partijiet jew parteċipanti ta' dawk l-attivitajiet ta' kooperazzjoni
. Soġġett għal din ir-regola ġenerali, għandhom
japplikaw l-proċeduri li ġejjin: (a) fil-każ ta' pubblikazzjoni minn Parti
jew parteċipanti oħra tagħha, ta' ġurnali, artikli,
rapporti, kotba xjentifiċi jew tekniċi inklużi vidjows u
softwer, tar-riżultati li jirriżultaw mill-attivitajiet ta'
kooperazzjoni skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jew
il-parteċipanti l-oħra tagħha jkunu intitolati għal
liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli u bla ħlas għad-drittijiet
biex jittraduċu, jipproduċu, jadattaw, jittrasmettu u jiddistribwixxu
pubblikament xogħlijiet bħal dawn; (b) il-Partijiet għandhom jiżguraw
li xogħlijiet letterarji ta' natura xjentifika li jirriżultaw minn
attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim u ppubblikati minn
pubblikaturi indipendenti għandhom jiġu ddisseminati bl-aktar mod
mifrux possibbli; (ċ) il-kopji kollha ta' xogħol
b'dritt tal-awtur li se jkun distribwit pubblikament u mħejji skont
id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ikollu jindika l-ismijiet jew
il-psewdonimi tal-awtur(i) tax-xogħol sakemm l-awtur jew l-awturi ma
jaċċettax/jaċċettawx li jissemma/jissemmew. Il-kopji
għandhom ikollhom rikonixximent ċar u viżibbli tas-sostenn
kooperattiv tal-Partijiet u/jew ir-rappreżentanti u/jew
l-organizzazzjonijiet tagħhom. IV. INFORMAZZJONI MHUX ŻVELATA 1. Informazzjoni dokumentarja mhux
żvelata (a) Kull Parti jew il-parteċipanti
tagħha, kif xieraq, għandhom jidentifikaw, mill-aktar fis possibli u
preferibbilment fit-TMP, l-informazzjoni li hi tixtieq li tibqa' mhux
żvelata fir-rigward ta' dan il-Ftehim, filwaqt li jitqiesu, inter alia,
il-kriterji li ġejjin: - is-segretezza tal-informazzjoni fis-sens li
din ma tkunx, fl-intier tagħha jew fil-konfigurazzjoni preċiża
jew kombinazzjoni tal-komponenti tagħha, ġeneralment magħrufa
fost l-esperti f'dak il-qasam jew tkun aċċessibbli, fil-pront,
għalihom b'mezzi leċiti, - il-valur kummerċjali attwali jew
potenzjali tal-informazzjoni bis-saħħa tas-segretezza tagħha, - protezzjoni preċedenti
tal-informazzjoni fis-sens li kienet soġġetta għal modi li kienu
raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi mill-persuna li legalment
għandha l-kontroll li żżomm s-segretezza tagħha. Il-Partijiet u l-parteċipanti
tagħhom jistgħu, f'ċerti każijiet, jiftiehmu, li sakemm
mhux indikat mod ieħor, partijiet mill-informazzjoni jew l-informazzjoni
kollha pprovduta, skambjata jew maħluqa matul l-attivitajiet ta'
kooperazzjoni skont il-Ftehim ma għandhomx jiġu żvelati. (b) kull Parti għandha tiżgura li
l-informazzjoni mhux żvelata taħt dan il-Ftehim u n-natura
privileġġata tagħha tingħaraf mal-ewwel, b'tali mod,
mill-Parti l-oħra, pereżempju bl-għajnuna ta' sinjal xieraq jew
tifsira ristrettiva. Dan japplika ukoll għal kwalunke riproduzzjoni
tat-tali informazzjoni, kollha kemm hi jew parti minnha; Parti li tirċievi informazzjoni mhux
żvelata skont dan il-Ftehim għandha tirrispetta n-natura
privileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet jintemmu
awtomatikament meta din l-informazzjoni tiġi żvelata mis-sid
mingħajr restrizzjonijiet lill-esperti fil-qasam; (c) Informazzjoni mhux żvelata
kkomunikata taħt dan il-Ftehim tista' tiġi ddisseminata mill-Parti li
qed tirċievi, lil persuni fi ħdan jew impjegati mill-Parti li qed
tirċievi, u dipartimenti jew aġenziji oħra kkonċernati
fil-Parti li qed tirċievi awtorizzati għall-finijiet
speċifiċi tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni li jkunu qed jitwettqu,
bil-kundizzjoni li kwalunkwe informazzjoni mhux żvelata ddiseminata b'dan
il-mod tkun skont ftehim ta' kunfidenzjalità u tkun rikonoxxibbli fil-pront
bħala tali, kif stipulat hawn fuq.; (d) bil-kunsens minn qabel bil-miktub
tal-Parti li qed tipprovdi informazzjoni mhux żvelata skont dan il-Ftehim,
il-Parti li qed tirċievi tista' xxerred tali informazzjoni mhux
żvelata b'mod aktar wiesa' milli kieku permess fil-paragrafu (c). Il-Partijiet
għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta' proċeduri għat-talba
jew kisba ta' kunsens minn qabel bil-miktub għal tali disseminazzjoni
usa', u kull Parti għandha tagħti tali approvazzjoni sal-limitu
permissibbli skont il-politiki, regolamenti u l-liġijiet domestiċi
tagħha. 2. Informazzjoni mhux dokumentarja mhux
żvelata Informazzjoni mhux dokumentarja mhux
żvelata jew informazzjoni oħra kunfidenzali jew
privileġġjata pprovvduta f'seminars u laqgħat oħra
arranġati taħt dan il-Ftehim, jew informazzjoni li rriżultat
mis-sekondar tal-persunal, l-użu tal-faċilitajiet, jew proġetti
konġunti, se tkun trattata mill-Partijiet jew il-parteċipanti
tagħhom skont il-prinċipji speċifikati għall-informazzjoni
dokumentarja f'dan l-Anness, bil-kundizzjoni, madankollu, li r-riċevitur
ta' tali informazzjoni mhux żvelata jew kunfidenzjali jew
privileġġjata ikun konxju tan-natura kunfidenzali tal-informazzjoni
kkommunikata fil-mument li saret tali komunikazzjoni. 3. Kontroll Kull Parti għandha tipprova tiżgura
li informazzjoni mhux żvelata li tirċievi skont dan il-Ftehim
għandha tiġi kkontrollata kif previst hawnhekk. Jekk waħda
mill-Partijiet issir konxja li hija mistennija, jew hija raġonevolment
mistennija, li ma tkunx tista' tissodisfa d-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni
tad-disseminazzjoni fil-paragrafi 1 u 2, din għandha tinforma l-Parti
l-oħra minnufih. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex
jiddeterminaw kif għandhom jipproċedu. V. Karatteristiċi indikattivi ta' pjan
dwar il-ġestjoni tat-teknoloġija (technology management plan - TMP) It-TMP huwa ftehim speċifiku li
għandu jkun konkluż bejn il-parteċipanti dwar l-implimentazzjoni
ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi
tal-parteċipanti. Fir-rigward tal-RIA, it-TMP għandu normalment
jindirizza, inter alia: is-sjieda, il-protezzjoni, id-drittijiet
tal-utenti għall-finijiet ta' R & Ż, l-isfruttar u
d-disseminazzjoni, inklużi l-arranġamenti għal pubblikazzjoni
konġunta, id-drittijiet u l-obbligi ta' riċerkaturi viżitanti u
l-proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim. It-TMP jista' wkoll tindirizza
l-informazzjoni ġdida u dik fl-isfond, il-liċenzjar u
r-riżultati tanġibbli. [1] INFCIRC/540.