Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex
Έγγραφο 52012DC0009
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Safeguarding Privacy in a Connected World A European Data Protection Framework for the 21st Century
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21
/* COM/2012/09 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21 /* COM/2012/09 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja
Konnessa
Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.
L-ISFIDI TAL-LUM GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA
Il-pass mgħaġġel tal-bidla
teknoloġika u l-globalizzazzjoni biddlu b’mod profond il-mod kif il-volum
li dejjem jikber ta’ dejta personali huwa miġbur, aċċessat,
użat u trasferit. Modi ġodda ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni
permezz ta’ netwerks soċjali u l-ħażna remota ta’ ammonti kbar
ta’ dejta saru parti mill-ħajja għal ħafna mill-250 miljun utent
tal-internet tal-Ewropa. Fl-istess ħin, id-dejta personali saret
vantaġġ għal bosta negozji. Il-ġbir, l-aggregazzjoni u
l-analiżi tad-dejta ta’ klijenti potenzjali hija spiss parti importanti
tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom[1].
F'dan l-ambjent diġitali ġdid, l-individwi
għandhom id-dritt li jgawdu kontroll effettiv fuq l-informazzjoni
personali tagħhom. Il-protezzjoni tad-dejta hija dritt fundamentali
fl-Ewropa, minqux fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u għandu jiġi protett
bħala tali. In-nuqqas ta' fiduċja jbeżża’
lill-konsumaturi milli jixtru minn fuq l-internet u jaċċettaw
servizzi ġodda. Għalhekk, huwa kruċjali wkoll livell għoli
ta’ protezzjoni tad-dejta biex tissaħħaħ il-fiduċja
fis-servizzi onlajn u biex jissodisfaw il-potenzjal tal-ekonomija
diġitali, b'hekk jinkoraġġixxu t-tkabbir ekonomiku u
l-kompetittività tal-industriji tal-UE. Huma meħtieġa regoli moderni u koerenti
madwar l-UE biex id-dejta tkun tista’ tiġi trasferita b’mod liberu minn
Stat Membru għal ieħor. In-negozji jeħtieġu regoli
ċari u uniformi li jipprovdu ċertezza legali u jimminimizzaw
il-piż amministrattiv. Dan huwa essenzjali jekk is-Suq Uniku għandu
jiffunzjona u biex jistimula t-tkabbir ekonomiku, joħloq impjiegi
ġodda u jrawwem l-innovazzjoni[2].
Il-modernizzazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, li
ssaħħaħ id-dimensjoni tas-suq intern tagħhom, tiżgura
livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dejta għall-individwi, u tippromwovi
ċertezza legali, ċarezza u konsistenza, għalhekk għandha
rwol ċentrali x’taqdi fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma tal-Kummissjoni
Ewropea[3],
fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[4]
u, b’mod aktar wiesa’, tikkontribwixxi għall-istrateġija tat-tkabbir
Ewropa 2020 tal-UE[5]. Id-Direttiva tal-UE tal-1995[6], l-istrument
leġiżlattiv ċentrali għall-protezzjoni tad-dejta personali
fl-Ewropa, kienet kisba importanti fl-istorja tal-protezzjoni tad-dejta.
L-għanijiet tagħha, li jiġi żgurat l-iffunzjonar ta’ Suq
Uniku u ħarsien effettiv tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali
tal-individwi, jibqgħu validi. Madankollu, kienet adottata 17-il sena ilu
meta l-internet kien għadu fi stadju bikri. Fl-ambjent ġdid, kollu
sfidi, u diġitali tal-lum, ir-regoli eżistenti la jipprovdu l-grad
ta' armonizzazzjoni meħtieġ, u lanqas l-effiċjenza
meħtieġa biex jiżguraw id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta
personali. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi riforma
fundamentali tal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona
ħoloq, bl-Artikolu 16 tat-TFUE, bażi legali ġdida għal
approċċ modernizzat u komprensiv għall-protezzjoni tad-dejta u
l-moviment liberu ta' dejta personali, li tkopri wkoll il-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[7]. Dan l-approċċ huwa
rifless fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta'
Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma[8],
li jinsisti fuq il-ħtieġa għall-Unjoni biex “tistabbilixxi
sistema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tkopri
l-kompetenzi kollha tal-Unjoni” u “għandha tara li d-dritt fundamentali
għall-protezzjoni tad-dejta jkun applikat b'mod konsistenti”. Biex tiġi ppreparata r-riforma tal-qafas
għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE b'mod trasparenti, il-Kummissjoni
nediet, mill-2009, konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-protezzjoni
tad-dejta[9]
u impenjat ruħha fi djalogu intens mal-partijiet interessati[10].
Fl-4 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni
dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-dejta personali
fl-Unjoni Ewropea[11]
li tistipula t-temi ewlenin tar-riforma. Bejn Settembru u Diċembru 2011,
il-Kummissjoni ġiet involuta fi djalogu mtejjeb mal-awtoritajiet
nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ewropa u mal-Kontrollur Ewropew
għall-Protezzjoni tad-Dejta biex tesplora l-għażliet għal
applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE
madwar l-Istati Membri kollha tal-UE[12]. Dawn id-diskussjonijiet iċċaraw li kemm
iċ-ċittadini kif ukoll in-negozji riedu lill-Kummissjoni Ewropea biex
tirriforma r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta b’mod komprensiv. Wara
li vvalutat l-impatti ta’ għażliet ta’ politika differenti[13], il-Kummissjoni Ewropea issa
qed tipproponi qafas leġiżlattiv b'saħħtu u konsistenti
madwar il-politiki tal-Unjoni, titjib fid-drittijiet tal-individwi, dimensjoni
tas-Suq Uniku ta’ protezzjoni tad-dejta u li titnaqqas drastikament
il-burokrazija għan-negozji[14].
Il-Kummissjoni tipproponi li l-qafas il-ġdid għandu jikkonsisti fi: –
Regolament (li
jissostitwixxi d-Direttiva 95/46/KE) li jistabbilixxi qafas ġenerali
tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta[15]; –
u Direttiva (li tissostitwixxi
d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI)[16] li tistabbilixxi regoli dwar
il-protezzjoni tad-dejta personali proċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni,
is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali u
attivitajiet ġudizzjarji relatati. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-elementi
ewlenin tar-riforma tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta.
2.
TQEGĦID TA’ INDIVIDWI FIL-KONTROLL TAD-DEJTA
PERSONALI TAGĦHOM
Taħt id-Direttiva 95/46/KE – l-att
leġiżlattiv ewlieni tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta
attwali – il-modi li bihom l-individwi huma kapaċi jeżerċitaw
id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta mhumiex armonizzati
biżżejjed madwar l-Istati Membri. Is-setgħat tal-awtoritajiet
nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta lanqas ma huma
armonizzati biżżejjed biex jiżguraw applikazzjoni konsistenti u
effettiva tar-regoli. Dan ifisser li l-eżerċitar effettiv ta’
drittijiet bħal dawn huwa aktar diffiċli f’xi Stati Membri milli
f'oħrajn, b’mod partikulari onlajn. Dawn id-diffikultajiet huwa wkoll minħabba
l-volum prevalenti ta’ dejta miġbura kuljum, u l-fatt li l-utenti spiss ma
jkunux kompletament konxji li d-dejta tagħhom qed tinġabar.
Għalkemm ħafna Ewropej jikkunsidraw li l-iżvelar ta' dejta
personali huwa dejjem aktar parti mill-ħajja moderna[17],72% tal-utenti tal-internet
fl-Ewropa għadhom jinkwetaw li huma qed jiġu mitluba wisq dejta
personali onlajn[18].
Iħossu li m’għandhomx kontroll tad-dejta tagħhom. Mhumiex infurmati
tajjeb dwar x’jiġri mill-informazzjoni personali tagħhom, lil min
tkun trażmessa u għal liema finijiet. Ta’ spiss, dawn ma jafux kif
jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom onlajn. ‘Dritt li jintesew’ Student Ewropew li huwa membru ta’ servizz
tan-netwerking soċjali onlajn jiddeċiedi li jitlob aċċess
għad-dejta personali kollha li n-netwerk għandu dwaru. Meta
jagħmel hekk, huwa jinduna li n-netwerk jiġbor ħafna aktar dejta
milli kien konxju dwaru u li xi dejta personali li hu ħaseb li kienet
tneħħiet kienet għadha qed tiġi maħżuna. Ir-riforma tar-regoli tal-protezzjoni
tad-dejta tal-UE se tiżgura li dan ma jibqax jiġri billi
tintroduċi: - rekwiżit espliċitu li jobbliga
lis-servizzi ta' netwerking soċjali onlajn (u l-kontrolluri tad-dejta
l-oħrajn kollha) biex jimminimizzaw il-volum tad-dejta personali
tal-utenti li dawn jiġbru u jipproċessaw; - rekwiżit li s-settings awtomatiċi
jiżguraw li d-dejta ma tkunx disponibbli għall-pubbliku; - obbligu espliċitu
għall-kontrolluri tad-dejta biex iħassru d-dejta personali ta’
individwu jekk dik il-persuna titlob b’mod espliċitu
għat-tħassir u fejn m’hemm l-ebda raġuni leġittima
oħra biex din tinżamm.
F'dan il-każ speċifiku, din l-għażla tobbliga lill-fornitur
tan-netwerk soċjali biex iħassar id-dejta tal-istudent immedjatament
u kompletament. Kif ġie enfasizzat fl-Aġenda
Diġitali għall-Ewropa, it-tħassib dwar il-privatezza hija fost
l-aktar raġunijiet frekwenti għan-nies biex ma jixtrux
oġġetti u servizzi minn fuq l-internet. Minħabba l-kontribut
tas-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)
għat-tkabbir fil-produttività globali fl-Ewropa – 20% direttament
mis-settur tal-ICT u 30% minn investimenti fl-ICT[19] – il-fiduċja f’dawn
is-servizzi hija essenzjali biex tistimula t-tkabbir fl-ekonomija tal-UE u
l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Notifiki dwar ksur
tad-dejta Hackers attakkaw servizz tal-logħob
immirat lejn utenti fl-UE. Il-ksur affettwa databases li fihom dejta personali
(inklużi ismijiet, indirizzi u possibbilment dejta dwar karti tal-kreditu)
ta' għexieren ta' miljuni ta' utenti fid-dinja kollha. Il-kumpanija
stenniet ġimgħa qabel innotifikat lill-utenti kkonċernati. Ir-riforma tar-regoli tal-protezzjoni
tad-dejta tal-UE se tiżgura li dan ma jistax jibqa’ jiġri. Ir-regoli
l-ġodda se jobbligaw lill-kumpaniji: - biex isaħħu l-miżuri
tas-sigurtà tagħhom biex jipprevjenu u jevitaw ksur; - li jinnotifikaw ksur tad-dejta kemm
lill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta - fi żmien 24
siegħa minn meta jiġi skopert il-ksur, fejn hu possibbli - kif ukoll
lill-individwi kkonċernati. L-għan tal-atti leġiżlattivi
l-ġodda proposti mill-Kummissjoni llum hu li jissaħħu
d-drittijiet, li n-nies jingħataw mezzi effiċjenti u operattivi biex
jiżguraw li dawn ikunu kompletament infurmati dwar x’jiġri mid-dejta
personali tagħhom u biex jippermetulhom li jeżerċitaw
id-drittijiet tagħhom b'mod aktar effettiv. Biex jissaħħaħ id-dritt tal-individwi
għall-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli
ġodda li ser: Itejbu l-kapaċità tal-individwi biex
jikkontrollaw id-dejta tagħhom, billi: - jiżguraw li, meta huwa
meħtieġ il-kunsens tagħhom, dan huwa mogħti b’mod
espliċitu, jiġifieri jkun ibbażat jew fuq dikjarazzjoni jew fuq
azzjoni affermattiva ċara mill-persuna kkonċernata u
jingħata b’mod liberu; - jarmaw lill-utenti tal-internet bi dritt
effettiv li jintesew fl-ambjent onlajn: id-dritt li jkollhom id-dejta
tagħhom imħassra jekk huma jirtiraw il-kunsens tagħhom u jekk ma
jkunx hemm bażijiet leġittimi oħra biex tinżamm id-dejta; - jiggarantixxu aċċess
faċli għal dejta proprja u dritt għall-portabbiltà
tad-dejta: dritt li tinkiseb kopja tad-dejta maħżuna
mingħand il-kontrollur u l-libertà li tiġi trasferita minn fornitur
tas-servizz wieħed għal ieħor, mingħajr xkiel; - jissaħħaħ
id-dritt għal informazzjoni sabiex l-individwi jifhmu kompletament
kif tiġi amministrata d-dejta personali tagħhom, b’mod partikulari
meta l-attivitajiet tal-ipproċessar jikkonċernaw lit-tfal.
Itejbu l-mezzi sabiex l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet
tagħhom, billi: - jissaħħu l-indipendenza u
s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, hekk
li jkunu attrezzati b’mod xieraq biex jindirizzaw b'mod effettiv l-ilmenti,
b’setgħat li jwettqu investigazzjonijiet effettivi, jieħdu
deċiżjonijiet vinkolanti u jimponu sanzjonijiet effettivi u
dissważivi; - jissaħħu r-rimedji
amministrattivi u ġudizzjarji meta jinkisru d-drittijiet
għall-protezzjoni tad-dejta. B’mod partikulari, assoċjazzjonijiet
ikkwalifikati se jkunu kapaċi jressqu azzjonijiet quddiem il-qorti f’isem
l-individwu. Isaħħu s-sigurtà tad-dejta, billi: - jinkoraġġixxu l-użu ta’ teknoloġiji
li jtejbu l-privatezza (teknoloġiji li jipproteġu l-privatezza
ta’ informazzjoni billi jimminimizzaw il-ħażna tad-dejta personali),
settings awtomatiċi favur il-privatezza u skemi ta’
ċertifikazzjoni tal-privatezza; - jintroduċu obbligu ġenerali[20] għall-kontrolluri
tad-dejta biex jinnotifikaw dwar ksur ta’ dejta mingħajr dewmien
żejjed kemm lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta (li, fejn hu
possibbli, għandu jkun fi żmien 24 siegħa) kif ukoll
lill-individwi kkonċernati. Isaħħu r-responsabbiltà ta’ dawk li
jipproċessaw id-dejta, b’mod partikulari
billi: - jitolbu
lill-kontrolluri tad-dejta biex jaħtru Uffiċjal tal-Protezzjoni
tad-Dejta f'kumpaniji b'iktar minn 250 impjegat u f’ditti li huma involuti
f’operazzjonijiet ta’ pproċessar li, minħabba n-natura tagħhom,
il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jew l-iskop tagħhom,
jippreżentaw riskji speċifiċi lid-drittijiet u l-libertajiet
tal-individwi (“ipproċessar riskjuż”); - jintroduċu l-prinċipju
tal-“Privatezza meqjusa fid-Disinn” li jiżgura li s-salvagwardji
tal-protezzjoni tad-dejta jiġu kkunsidrati fl-istadju tal-ippjanar
tal-proċeduri u s-sistemi; - jintroduċu l-obbligu li jitwettqu Valutazzjonijiet
tal-Impatt dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-organizzazzjonijiet
involuti f’ipproċessar riskjuż.
3.
IR-REGOLI TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA TAJBIN
GĦAL SUQ UNIKU DIĠITALI
Minkejja l-għan attwali tad-Direttiva sabiex
ikun żgurat livell ekwivalenti tal-protezzjoni tad-dejta fl-UE, għad
hemm diverġenza konsiderevoli fir-regoli madwar l-Istati Membri.
Bħala konsegwenza, il-kontrolluri tad-dejta jaf ikollhom
jaffaċċjaw 27 liġi nazzjonali u rekwiżiti differenti.
Ir-riżultat huwa ambjent legali frammentat li ħoloq inċertezza
legali u protezzjoni żbilanċjata għall-individwi. Dan
ikkawża kosti u piżijiet amministrattivi bla bżonn għan-negozji
u jiddiżinċentiva lill-intrapriżi li joperaw fis-Suq Uniku li
jkunu jridu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom ’il barra mill-fruntiera. Ir-riżorsi u s-setgħat tal-awtoritajiet
nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta jvarjaw b’mod
konsiderevoli minn Stati Membru għal ieħor[21]. F'xi każijiet, ma jkunux
jistgħu iwettqu l-kompiti ta' tisħiħ tagħhom b’mod
sodisfaċenti. Il-kooperazzjoni fost dawn l-awtoritajiet fil-livell Ewropew
– permezz tal-Grupp Konsultattiv eżistenti (l-hekk imsejjaħ Grupp ta’
Ħidma tal-Artikolu 29)[22]
– mhux dejjem iwassal għal tisħiħ konsistenti u
teħtieġ li titjieb ukoll. It-tisħiħ konsistenti tar-regoli
tal-protezzjoni tad-dejta madwar l-Ewropa Kumpanija multinazzjonali b’diversi
stabbilimenti fl-UE bagħtet sistema ta’ mmappjar onlajn madwar l-Ewropa li
tiġbor immaġini tal-binjiet pubbliċi u privati kollha, u tista’
wkoll tieħu ritratti tan-nies fit-triq. Fi Stat Membru wieħed,
l-inklużjoni ta’ stampi mhux imċajpra ta’ nies li mhumiex konxji li
kienu qed jiġu fotografati kien ikkunsidrat illegali filwaqt li fi Stati
Membri oħra ma kien hemm l-ebda ksur ta’ liġijiet dwar il-protezzjoni
tad-dejta. Bħala riżultat ta’ dan, ma kien hemm l-ebda rispons
konsistenti fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta sabiex
jirrimedjaw din is-sitwazzjoni Ir-riforma tar-regoli dwar il-protezzjoni
tad-dejta tal-UE se tiżgura li dan ma jkunx jista’ jiġri fil-futur,
peress li: - r-rekwiżiti u s-salvagwardji
tal-protezzjoni tad-dejta se jiġu stipulati b’Regolament tal-UE
b’applikazzjoni diretta madwar l-Unjoni; - l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta fejn
il-kumpanija jkollha l-istabbiliment prinċipali tagħha biss se tkun
responsabbli biex tiddeċiedi jekk il-kumpanija hix taġixxi skont
il-liġi; - koordinazzjoni rapida u effettiva bejn
l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta – peress li
s-servizz huwa dirett lejn individwi f’diversi Stati Membri – se tgħin
sabiex tiżgura li r-regoli l-ġodda tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE
se jiġu applikati u msaħħa konsistentement madwar l-Istati
Membri kollha.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom bżonn
li jkunu msaħħa u tissaħħaħ il-kooperazzjoni
tagħhom biex jiggarantixxu infurzar konsistenti u, fl-aħħar
mill-aħħar, l-applikazzjoni uniformi tar-regoli madwar l-UE. Qafas leġiżlattiv qawwi, ċar u
uniformi fil-livell tal-UE se jgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal
tas-Suq Uniku Diġitali u jitrawwem it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u
l-ħolqien tal-impjiegi. Regolament se jneħħi l-frammentazzjoni
tar-reġimi legali bejn is-27 Stat Membru u jneħħi l-ostakli
għad-dħul fis-suq, fattur li huwa ta’ importanza partikulari
għall-mikrointrapriżi u għall-intrapriżi żgħar u
ta’ daqs medju. Ir-regoli l-ġodda se jipprovdu wkoll
vantaġġ għall-kumpaniji tal-UE fil-kompetizzjoni globali.
Taħt il-qafas regulatorju riformat, dawn ir-regoli se jkunu kapaċi
jiżguraw lill-klijenti tagħhom li informazzjoni personali
prezzjuża se tiġi trattata bil-kura u d-diliġenza
meħtieġa. Il-fiduċja f’reġim regolatorju koerenti tal-UE se
tkun ass ewlieni għall-fornituri tas-servizzi u inċentiv
għall-investituri li jfittxu l-aħjar kundizzjonijiet meta jallokaw
is-servizzi. Sabiex titjieb id-dimensjoni tas-Suq Uniku tal-protezzjoni
tad-dejta, il-Kummissjoni tipproponi li: - tistabbilixxi r-regoli tal-protezzjoni
tad-dejta fil-livell tal-UE permezz ta’ Regolament applikabbli b’mod dirett
fl-Istati Membri kollha[23]
li se jtemm l-applikazzjoni kumulattiva u simultanja ta’ liġijiet
tal-protezzjoni tad-dejta nazzjonali differenti. Dan se jwassal għal iffrankar
nett għall-kumpaniji ta' madwar EUR 2,3 biljun fis-sena f’termini ta’
piżijiet amministrattivi waħedhom; - tissimplifika l-ambjent regolatorju
billi taqta’ drastikament il-burokrazija u bit-tneħħija ta’ formalitajiet
bħar-rekwiżiti ta’ notifika ġenerali (li jwasslu għal
tfaddil nett ta' EUR 130 miljun fis-sena f'termini ta' piżijiet
amministrattivi waħedhom). Minħabba l-importanza tagħhom
għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, tingħata attenzjoni
speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi
tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs
medju; - ssaħħaħ aktar
l-indipendenza u s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni
tad-dejta (DPAs) sabiex tippermettilhom iwettqu investigazzjonijiet,
jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti u jimponu sanzjonijiet effettivi
u dissważivi, u jobbligaw lill-Istati Membri biex jipprovdulhom riżorsi
suffiċjenti biex jagħmlu dan; - titwaqqaf sistema ta’ ‘punt uniku ta'
servizz’ għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE: il-kontrolluri tad-dejta
fl-UE se jkollhom biss jittrattaw ma’ DPA waħda, jiġifieri
d-DPA tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-kumpanija; - jinħolqu l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni
rapida u effiċjenti bejn id-DPAs, inkluż l-obbligu għal DPA
waħda biex twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq talba minn DPA
oħra, u biex jirrikonoxxu b’mod reċiproku deċiżjonijiet ta'
xulxin; - jiġi stabbilit mekkaniżmu ta'
konsistenza fil-livell tal-UE, biex jiżgura li d-deċiżjonijiet
minn DPA li għandhom impatt Ewropew usa' jqisu bis-sħiħ l-ideat
ta’ DPAs oħra kkonċernati, u li huma kompletament konformi
mal-liġi tal-UE; - jiġi aġġornat il-Grupp ta'
Ħidma tal-Artikolu 29 għal Bord Ewropew
għall-Protezzjoni tad-Dejta indipendenti biex itejjeb il-kontribut
tiegħu għal applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-protezzjoni
tad-dejta u biex jipprovdi bażi soda għal kooperazzjoni fost
awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dejta, inkluż il-Kontrollur Ewropew
għall-Protezzjoni tad-Dejta; u biex jissaħħu s-sinerġiji u
l-effettività billi jiġi pprevedut li s-segretarjat tal-Bord Ewropew
għall-Protezzjoni tad-Dejta jkun provdut mill-Kontrollur Ewropew
għall-Protezzjoni tad-Dejta. Ir-Regolament il-ġdid tal-UE se jassigura
protezzjoni robusta tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta
madwar l-Unjoni Ewropea u jsaħħaħ il-funzjonament tas-Suq Uniku.
Fl-istess ħin – minħabba l-fatt li, kif ġie enfasizzat
mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE[24],
id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali mhuwiex dritt assolut,
iżda għandu jiġi meqjus f’relazzjoni mal-funzjoni tiegħu
fis-soċjetà[25]
u bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra, skont
il-prinċipju tal-proporzjonalità[26]
– ir-Regolament se jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti li
jiżguraw ir-rispett ta’ drittijiet fundamentali oħra,
bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għal
difiża, kif ukoll għal segretezza professjonali (bħal
fil-każ tal-professjoni legali), mingħajr preġudizzju għall-istatus
tal-knejjes taħt il-liġijiet tal-Istati Membri.
4.
L-UŻU TAD-DEJTA F’KOOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA U
TAL-ĠUSITZZJA KRIMINALI
Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta'
Lisbona u b'mod partikulari l-introduzzjoni ta' bażi legali ġdida
(l-Artikolu 16 tat-TFUE) tippermetti t-twaqqif ta’ qafas komprensiv
tal-protezzjoni tad-dejta li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni
għad-dejta tal-individwi, filwaqt li tirrispetta n-natura speċifika
tal-qasam tal-pulizija kif ukoll il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja
f’materji kriminali. B’mod partikulari, tippermetti li l-qafas tal-protezzjoni
tad-dejta tal-UE rivedut ikopri l-ipproċessar tad-dejta personali, kemm
dak transkonfinali kif ukoll dak domestiku. Dan inaqqas id-differenzi fost
il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri, b’benefiċċju possibbli għall-protezzjoni
tad-dejta personali globali. Dan jista’ jwassal ukoll għal skambju ta’
informazzjoni aktar faċli bejn il-pulizija u l-awtoritajiet
ġudizzjarji tal-Istati Membri u b’hekk itejjeb il-kooperazzjoni
fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja fl-Ewropa. L-ipproċessar
tad-dejta mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji f’materji
kriminali huwa attwalment kopert b’mod prinċipali mid-Deċiżjoni
Qafas 2008/977/ĠAI, li hija preċedenti għad-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Kummissjoni ma għandhiex
setgħat biex issaħħaħ ir-regoli tagħha, peress li hi
Deċiżjoni Qafas, u dan il-fatt ikkontribwixxa għal
implimentazzjoni żbilanċjata. Barra minn hekk, il-kamp ta’
applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għal attivitajiet
ta’ ipproċessar transkonfinali[27].
Dan ifisser li l-ipproċessar tad-dejta personali li ma tkunx saret
is-suġġett tal-iskambji bħalissa mhuwiex kopert mir-regoli
tal-UE li jirregolaw tali pproċessar u jipproteġu d-dritt
fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta. Dan joħloq ukoll,
f’ċerti każijiet, diffikultajiet prattiċi għall-pulizija u
awtoritajiet oħra li għalihom ma jkunx dejjem ovvju jekk
l-ipproċessar tad-dejta għandux ikun purament domestiku jew
transkonfinali; jew li jipprevedu jekk dejta ‘domestika’ għandiex issir l-oġġett
ta’ skambju transkonfinali sussegwenti[28].
Il-qafas riformat ġdid tal-UE
għall-protezzjoni tad-dejta għalhekk għandu l-għan li
jiżgura livell għoli u konsistenti ta' protezzjoni tad-dejta biex
tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-pulizija u
l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri differenti, u b’hekk
tikkontribwixxi aktar għal moviment ħieles tad-dejta u kooperazzjoni
effettiva bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Sabiex tiżgura livell għoli ta’
protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f’materji kriminali u biex tiffaċilita skambji ta' dejta
personali bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri,
il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala parti mill-pakkett dwar ir-riforma
tal-protezzjoni tad-dejta, Direttiva li se: - tapplika prinċipji ġenerali
dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-kooperazzjoni
tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, filwaqt li
tkun rispettata n-natura speċifika ta' dawn l-oqsma[29]; - tipprovdi għal kriterji u
kundizzjonijiet armonizzati minimi dwar limitazzjonijiet possibbli
għar-regoli ġenerali. Dan jikkonċerna, b'mod partikulari,
id-drittijiet tal-individwi biex ikunu infurmati meta l-pulizija u
l-awtoritajiet ġudizzjarji jamministraw jew jaċċessaw id-dejta
tagħhom. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa
għall-prevenzjoni effettiva, l-investigazzjoni, il-kxif jew
il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali; - tistabbilixxi regoli speċifiċi
li jkopru n-natura speċifika tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi,
inkluża distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’
suġġetti tad-dejta li d-drittijiet tagħhom jafu jvarjaw
(bħax-xhieda u s-suspettati).
5.
IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA F’DINJA GLOBALIZZATA
Id-drittijiet tal-individwi għandhom ikomplu
jiġu żgurati meta d-dejta personali tiġi trasferita mill-UE lil
pajjiżi terzi, u kull meta individwi fl-Istati Membri jkunu fil-mira u
d-dejta tagħhom użata jew analizzata minn fornituri tas-servizzi ta’
pajjiż terz. Dan ifisser li l-istandards għall-protezzjoni tad-dejta
tal-UE għandhom japplikaw ikun fejn ikun il-post ġeografiku ta’
kumpanija jew il-faċilità tal-ipproċessar tagħha. Fid-dinja globalizzata tal-lum, id-dejta personali
qed tiġi trasferita madwar numru dejjem jikber ta’ fruntieri virtwali u
ġeografiċi u maħżuna f’servers f’diversi pajjiżi.
Aktar kumpaniji qed joffru servizzi ta cloud computing, li jippermettu
lill-klijenti biex jaċċessaw u jaħżnu dejta fuq servers
remoti. Dawn il-fatturi jitolbu titjib fil-mekkaniżmi attwali
għat-trasferiment ta’ dejta lil pajjiżi terzi. Dan jinkludi
deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza - jiġifieri
deċiżjonijiet li jiċċertifikaw standards ‘adegwati’ ta’
protezzjoni tad-dejta f’pajjiżi terzi - u salvagwardji xierqa bħal
klawsoli kuntrattwali standard jew Regoli Korporattivi Vinkolanti[30],bil-għan li jassiguraw
livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta f’operazzjonijiet ta’
pproċessar internazzjonali u fl-iffaċilitar tal-flussi tad-dejta bejn
il-fruntieri. Regoli Korporattivi Vinkolanti Grupp korporattiv jeħtieġ li
jittrasferixxi dejta personali b’mod regolari mill-affiljati tiegħu
bbażati fl-UE għall-affiljati tiegħu li jinsabu f’pajjiżi
terzi. Il-grupp jixtieq jintroduċi sett ta’ Regoli Korporattivi Vinkolanti
(BCRs) sabiex jikkonforma mal-liġi tal-UE filwaqt li jillimita r-rekwiżiti
amministrattivi għal kull trasferiment individwali. Fil-prattika, il-BCRs
jiżguraw li sett wieħed ta’ regoli ikun japplika matul il-grupp
minflok diversi kuntratti interni. Abbażi tal-prattiki attwali miftiehma
fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, ir-rikonoxximent li
l-BCRs ta’ kumpanija jipprovdu salvagwardji adegwati jimplika reviżjoni
bir-reqqa minn tliet DPAs (waħda ‘ewlenija’ u żewġ
‘reviżuri’) iżda jistgħu ukoll jiġu kkummentati minn
diversi oħrajn. Barra minn hekk, ħafna mil-liġijiet tal-Istati
Membri jeħtieġu aktar awtorizzazzjonijiet nazzjonali għal
trasferimenti koperti minn BCRs u dan jagħmel il-proċess ta’
adozzjoni tagħhom tqil ħafna, għali, twil u kumpless. Wara r-riforma tal-protezzjoni tad-dejta: - dan il-proċess se jkun aktar
sempliċi u ssimplifikat; - il-BCRs se jiġu vvalidati biss minn DPA
waħda, b’mekkaniżmi li jiżguraw l-involviment rapidu ta’ DPAs
oħra relevanti; - Ladarba awtorità waħda tapprova BCR,
din tkun valida għall-UE kollha mingħajr ma tkun meħtieġa
l-ebda awtorizzazzjoni addizzjonali fil-livell nazzjonali. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi
tal-globalizzazzjoni, hemm bżonn ta’ għodod u mekkaniżmi
flessibbli – b’mod partikulari għal negozji li joperaw madwar id-dinja –
filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni tad-dejta ta' individwi
mingħajr l-ebda lakuni. Il-Kummissjoni qed tipproponi l-miżuri li
ġejjin: - regoli ċari li jiddefinixxu meta l-liġi tal-UE tkun applikabbli
għall-kontrolluri tad-dejta stabbiliti f'pajjiżi terzi, b'mod
partikulari billi jiġi speċifikat li meta l-prodotti u s-servizzi
jiġu offruti lill-individwi fl-UE, jew meta l-imġiba tagħhom
tkun sorveljata, għandhom japplikaw ir-regoli Ewropej; - kwalunkwe deċiżjonijiet dwar
l-adegwatezza se jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi
ta' kriterji espliċiti u ċari, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali; - il-flussi leġittimi tad-dejta lil
pajjiżi terzi se jsiru aktar faċli billi jissaħħu u
jiġu ssimplifikati r-regoli dwar trasferimenti internazzjonali lejn
pajjiżi mhux koperti bid-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, b’mod
partikulari billi jiġi ssimplifikat u estiż l-użu ta’
għodod bħar-Regoli Korporattivi Vinkolanti, sabiex ikunu
jistgħu jintużaw biex ikopru proċessuri tad-dejta u fi
ħdan gruppi ta’ kumpaniji, u b’hekk jirriflettu aħjar in-numru
dejjem jikber ta’ kumpaniji involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar ta’
dejta, speċjalment fi cloud computing; - involviment fi djalogu u, fejn hu
xieraq, negozjati, ma' pajjiżi terzi – b’mod partikulari
l-imsieħba strateġiċi tal-UE u l-pajjiżi tal-Politika
Ewropea tal-Viċinat - u organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti
(pereżempju l-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni
għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, in-Nazzjonijiet
Uniti) biex jippromwovu standards għoljin u interoperabbli
tal-protezzjoni tad-dejta madwar id-dinja.
6.
KONKLUŻJONI
Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE
għandha l-għan li tibni qafas modern, qawwi, konsistenti u
komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta għall-Unjoni Ewropea. Id-dritt
fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta se
jissaħħaħ. Drittijiet oħra, bħal-libertà
tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt tat-tfal, id-dritt li wieħed
ikollu negozju, id-dritt għal smigħ ġust u segretezza
professjonali (pereżempju fil-każ tal-professjoni legali), kif ukoll
l-istatus tal-knejjes taħt il-liġijiet tal-Istati Membri se jiġu
rispettati. L-ewwel nett, ir-riforma se tkun ta'
benefiċċju għall-individwi kollha billi ssaħħaħ
id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta u l-fiduċja
tagħhom fl-ambjent diġitali. Barra minn hekk, ir-riforma se
tissimplifika sostanzjalment l-ambjent legali għan-negozji u s-settur
pubbliku. Dan huwa mistenni li jistimula l-iżvilupp tal-ekonomija
diġitali madwar is-Suq Uniku tal-UE u lil hinn, skont l-għanijiet
tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa. Fl-aħħar nett, ir-riforma se ttejjeb
il-fiduċja fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex
tiffaċilita l-iskambji tad-dejta bejniethom u l-kooperazzjoni
fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja, filwaqt li tiżgura livell
għoli ta' protezzjoni għall-individwi. Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mill-qrib
mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiżgura ftehim dwar qafas
ġdid għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE sal-aħħar tal-2012.
Matul dan il-proċess ta’ adozzjoni u lil hinn, speċjalment
fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istrumenti legali ġodda,
il-Kummissjoni se żżomm djalogu mill-qrib u trasparenti
mal-partijiet interessati kollha li jinvolvu rappreżentanti mis-settur
privat u pubbliku. Dan se jinkludi rappreżentanti mill-pulizija u
mill-ġudikatura, mir-regolaturi tal-komunikazzjoni elettronika,
mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mill-awtoritajiet
tal-protezzjoni tad-dejta u mill-akkademiċi, kif ukoll minn aġenziji
speċjalizzati tal-UE bħall-Eurojust, l-Europol, l-Aġenzija tad-Drittijiet
Fundamentali, u l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u
l-Informazzjoni. F’kuntest ta’ żvilupp kostanti ta’ teknoloġiji
tal-informazzjoni u mġiba soċjali li dejjem tevolvi, djalogu
bħal dan huwa tal-akbar importanza biex nibbenefikaw mill-input li hemm
bżonn għall-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni
tad-dejta tal-individwi, it-tkabbir u l-kompetittività tal-industriji tal-UE,
l-effettività operattiva tas-settur pubbliku (inkluż il-pulizija u
l-ġudikatura) u livell baxx ta’ piż amministrattiv. [1] Is-suq għall-analiżi ta' settijiet ta' dejta
kbar ħafna qed jikber b’40% fis-sena madwar id-dinja: http://www.mckinsey.com/mgi/publications/big_data/. [2] Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
tat-23 ta' Ottubru 2011, li enfasizzaw ir-“rwol ewlieni” tas-Suq
Uniku "fil-kisba tat-tkabbir u l-impjiegi", kif ukoll il-bżonn
li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali sal-2015. [3] COM(2010)171 finali. [4] COM(2010)245 finali. [5] COM(2010)2020 finali. [6] Id-Direttiva 95/46/KE dwar
il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali u
dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. [7] Għandhom jiġu stabbiliti
regoli speċifiċi għall-ipproċessar mill-Istati Membri
fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni b'Deċiżjoni
tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 39 tat-TUE. [8] COM(2009)262 u COM(2010)171
rispettivament. [9] Ġew imnedija żewġ
konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta: waħda minn Lulju sa Diċembru 2009 (http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0003_en.htm)
u t-tieni waħda minn Novembru 2010 sa Jannar 2011 (http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0006_en.htm). [10] Ġew organizzati
konsultazzjonijiet immirati fl-2010 mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u
partijiet interessati privati. F'Novembru
2010, Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding organizzat
laqgħa ta’ diskussjoni dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta. Matul l-2011 inżammu wkoll workshops u seminars
iddedikati addizzjonali dwar kwistjonijiet speċifiċi (eż.
notifiki ta’ ksur ta’ dejta) [11] COM(2010)609. [12] Ara l-ittra tal-Kummissarju tal-UE
għall-Ġustizzja Viviane Reding
tad-19 ta' Settembru 2011 lill-membri tal-grupp ta’ Ħidma
tal-Artikolu 29, ippubblikata fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/other-document/index_en.htm [13] Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt
SEC(2012)72. [14] Dan se jinkludi, fi stadju aktar
tard, emendi li jallinjaw strumenti speċifiċi u settorjali,
pereżempju r-Regolament (KE) Nru 45/2001, ĠU L 8,
12.1.2001, p. 1. [15] Ir-Regolament jagħmel ukoll
numru limitat ta’ tibdil tekniku lid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika
(Direttiva 2002/58/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE –
ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11) biex jieħu
inkunsiderazzjoni t-trasformazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE f’Regolament. Il-konsegwenzi legali sostantivi tar-Regolament
il-ġdid u tad-Direttiva l-ġdida għad-Direttiva dwar
il-Privatezza Elettronika se jkunu, fi żmien debitu, l-oġġett
ta’ reviżjoni mill-Kummissjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni
r-riżultat tan-negozjati dwar il-proposti attwali mal-Parlament Ewropew u
l-Kunsill. [16] Deċiżjoni
Qafas 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar
il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, ĠU L 350,
30.12.2008, p.60. Rapport dwar
l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas
(COM(2012)12) huwa adottat bħala parti mill-pakkett dwar ir-riforma
tal-protezzjoni tad-dejta. [17] Ara Ewrobarometru
Speċjali 359 – Attitudes on Data Protection and Electronic
Identity in the European Union (Attitudnijiet dwar il-Protezzjoni tad-Dejta
u l-Identità Elettronika fl-Unjoni Ewropea), Ġunju 2011, p. 23. [18] Ibidem, p. 54. [19] Ara l-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa, cit., p.4. [20] Bħalissa dan huwa obbligatorju
biss fis-settur tat-telekomunikazzjoni, abbażi tad-Direttiva dwar il-Privatezza
Elettronika. [21] Għal aktar dettalji dwar dan
l-aspett, ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposti legali,
SEC(2012)72. [22] Il-Grupp ta’ Ħidma
tal-Artikolu 29 twaqqaf fl-1996 (bl-Artikolu 29
tad-Direttiva 95/46/KE) bi status konsultattiv u magħmul minn
rappreżentanti tal-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza għall-Protezzjoni
tad-Dejta (DPAs) nazzjonali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni
tad-Dejta (KEPD) u l-Kummissjoni. Għal
aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu ara http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/index_en.htm [23] Hija proposta Direttiva biex
tiddefinixxi r-regoli applikabbli fil-qasam ta' kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f’materji kriminali (ara § 4 hawn taħt), li
tippermetti aktar flessibbiltà għall-Istati Membri f'dan il-qasam
speċifiku. [24] Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE,
is-sentenza tad-9.11.2010, Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09 Volker
und Markus Schecke and Eifert [2010], għadhom mhux rappurtati
uffiċjalment. [25] Skont l-Artikolu 52(1)
tal-Karta, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet
fl-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta sakemm
il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza
tad-dritt u l-libertajiet u, bla ħsara għall-prinċipju ta’
proporzjonalità, huma meħtieġa u ġenwinament jintlaħqu
l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mil-Unjoni Ewropea jew
il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’
oħrajn. [26] Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE,
Sentenza tas-6.11.2003, C-101/01, , Lindqvist [2003] ECR I-12971, para 82-90; sentenza tas-16.12.2008, C-73/07, Satamedia [2008], ECR I-9831, para 50-62. [27] B’mod aktar preċiż,
id-Deċiżjoni Qafas tapplika għad-dejta personali li hija jew
ġiet trażmessa jew saret disponibbli bejn l-Istati Membri jew
skambjata bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet jew korpi tal-UE (ara
l-Artikolu 1(2)). [28] Dan ġie kkonfermat minn xi Stati
Membri meta wieġbu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Rapport
ta’ Implimentazzjoni dwar id-Deċiżjoni Qafas (COM(2012)12). [29] Cf. Id-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar
il-protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u
dik ġudizzjarja f'materji kriminali, kif annessa mal-Att Finali
tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona. [30] Regoli Korporattivi Vinkolanti (BCRs)
huma kodiċi ta' prattiċi bbażati fuq standards Ewropej
għall-protezzjoni tad-dejta, approvati minn mill-inqas DPA waħda, li
l-organizzazzjonijiet ifasslu volontarjament u jsegwu biex jiżguraw
salvagwardji adegwati għal kategoriji ta' trasferimenti ta' dejta
personali bejn il-kumpaniji li huma parti mill-istess grupp korporattiv u li
huma marbuta b’dawk ir-regoli. Mhumiex
espliċitament koperti fid-Direttiva 95/46/KE iżda żviluppaw
bħala kwistjoni ta' prattika bejn id-DPAs, bl-appoġġ tal-Grupp
ta’ Ħidma tal-Artikolu 29.