Atlasiet eksperimentālās funkcijas, kuras vēlaties izmēģināt!

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 52012AR1186

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi”

    ĠU C 62, 2.3.2013., 70./76. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 62/70


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi”

    2013/C 62/14

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma sikwit fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki fir-rigward l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għaldaqstant, id-dimensjoni territorjali ta’ dawn il-politiki hija ta’ importanza kbira u jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma tinkludix referenza speċifika għall-kompetenzi tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali;

    jilqa’ l-miżuri inklużi fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinsisti fuq ir-rabta bejn dan il-Patt u l-programmi li jiġġeneraw it-tkabbir li jinsabu fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, b’mod speċjali taħt it-titolu 1 – “tkabbir sostenibbli”;

    iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-flessigurtà, li hija sfida kbira għas-suq tax-xogħol Ewropew;

    jaħseb li huwa importanti li jitħeġġu tipi ta’ impjieg indipendenti u intraprenditorija indipendenti, b’attenzjoni partikolari għall-istart-ups taż-żgħażagħ. Dan jista’ jippermetti li jintużaw b’iżjed effiċjenza riżorsi li inkella jintefqu b’mod mhux produttiv (l-ispejjeż ta’ qabel il-pensjoni jew is-sussidji tal-qgħad);

    jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti iżjed mill-qrib meta jiġu definiti l-politiki favur inċentivi ta’ “impjiegi ekoloġiċi” fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-impjieg;

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jittejjeb l-EURES, anke billi jiġi introdott servizz “Match and Map” li jgħin biex ikun hemm stampa ġeografika ċara tal-proposti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar fir-rwol nazzjonali u reġjonali tal-iskemi tal-aġenziji tax-xogħol u jissuġġerixxi integrazzjoni akbar man-netwerk EEN, ir-reġjuni u l-Kmamar tal-Kummerċ.

    Relatur

    Is-Sinjura COPPOLA (IT/PPE), Assessur u membru tal-Kunsill Reġjonali tal-Veneto

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

    COM(2012) 173 final

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Rwol tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” u jfakkar li l-livell massimu ta’ impjiegi u l-koeżjoni soċjali huma għanijiet stipulati fit-TFUE u li għandhom jiġu segwiti b’rispett għall-prinċipju tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà (Artikoli 3, 4, 5, 6 u 9 tat-TFUE). Iqis il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala att politiku u jkun tajjeb li jsir segwitu permezz ta’ inizjattivi leġislattivi konkreti min-naħa tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    2.

    jirrimarka li l-Komunikazzjoni tenfasizza l-bżonn ta’ riformi strutturali fil-livell nazzjonali, essenzjalment sabiex jiġu liberalizzati s-swieq tas-servizzi u tax-xogħol, u jaqbel mal-bżonn li jsiru dawn ir-riformi, iżda jixtieq li tressqu proposti iżjed konkreti fir-rigward tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika;

    3.

    jirrepeti t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tintegra l-Artikolu 9 tat-TFUE dwar il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali fil-proposti kollha tagħha, u b’mod partikolari f’dawk li ser jimplimentaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”;

    4.

    jappoġġja bil-qawwa l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrumenti tagħha (bħall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma) u jappoġġja l-impenn li jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-impjieg, u jitlob lill-Istati Membri jkomplu fit-triq tat-tkabbir u l-innovazzjoni definita fiha;

    5.

    madankollu, huwa mħasseb dwar il-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri (u bejn diversi reġjuni) minflok jonqsu qed jikbru;

    6.

    jenfasizza li, biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropea għall-impjieg, huwa tajjeb li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni territorjali, billi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jżommu biżżejjed flessibbiltà biex jistabbilixxu l-prijoritajiet proprji tagħhom u jfasslu t-tweġibiet politiċi adegwati. L-użu korrett tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jagħti kontribut importanti wkoll. Għal dan il-għan, approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, b’mod partikolari fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, huwa ċertament l-aħjar mod biex jiġu ssodisfati l-esiġenzi lokali u jintlaħqu b’mod iżjed effiċjenti l-għanijiet relatati mal-impjieg;

    7.

    huwa tal-fehma li l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tal-impjieg mhumiex biss rigward il-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll dak fost il-persuni ’l fuq minn 55 sena, il-persuni b’diżabbiltà, l-immigranti u fost in-nisa, kif ukoll iż-żieda fil-persuni qiegħda għat-tul. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn il-kategoriji li jikkostitwixxu kapital uman ta’ valur u esperjenza;

    8.

    ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma sikwit fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki fir-rigward l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għaldaqstant, id-dimensjoni territorjali ta’ dawn il-politiki hija ta’ importanza kbira u jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma tinkludix referenza speċifika għall-kompetenzi tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali;

    9.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jiġġieldu u jtemmu l-prattika dannuża tad-dumping soċjali u tax-xogħol irregolari, marbut ukoll ma’ tipi ta’ sfruttament tal-immigrazzjoni illegali;

    10.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffavorixxi l-kompetittività tal-industrija u tas-servizzi Ewropej, billi ssaħħaħ il-governanza ekonomika tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat li nerġgħu lura għal politiki ta’ protezzjoniżmu;

    Il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, “Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”

    11.

    jinsab sodisfatt li t-tkabbir u l-impjiegi kienu temi ċentrali tul il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, u li tul is-summit ġie rikonoxxut il-bżonn li jiġu implimentati strumenti u politiki f’kull livell ta’ gvern fl-Unjoni Ewropea, sabiex jinħoloq l-impjieg u t-tkabbir;

    12.

    jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri mhijiex objettiv fiha innifsha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jintalbu jikkontribwixxu b’mod bilanċjat, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mingħajr ma jiġi kompromess it-tkabbir ekonomiku tagħhom u l-koeżjoni territorjali u soċjali;

    13.

    jilqa’ b’mod ġeneralment favorevoli l-miżuri indirizzati lill-Istati Membri u l-miżuri fil-livell tal-Unjoni Ewropea inklużi fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinsisti fuq ir-rabta bejn dan il-Patt u l-programmi li jiġġeneraw it-tkabbir li jinsabu fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, b’mod speċjali taħt it-titolu 1 – “tkabbir sostenibbli”. L-Itati Membri li ffirmaw il-Patt issa jridu jadottaw pożizzjoni koerenti fin-negozjati dwar il-QFP. B’mod partikolari, f’dak li għandhom x’jaqsmu l-miżuri Ewropej miftiehma fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza speċifikament il-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq uniku, titnaqqas il-kumplessità tan-normi, li jiġi mobilizzat il-BEI u li tinbeda malajr il-fażi pilota tal-Bond għall-finanzjament tal-Proġetti sabiex jiġu ffinanzjati miżuri rapidi favur it-tkabbir. Huwa importanti ħafna li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni matul il-fażi pilota u l-proġetti li ma jkunux fattibbli mil-lat kummerċjali. Dan l-istrument m’għandux jieħu post il-kapital mill-Istati Membri, mill-korpi lokali u reġjonali jew il-kapital privat. Id-deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-proġett wara l-fażi pilota għandha tittieħed biss wara li ssir valutazzjoni indipendenti. F’dawn il-valutazzjonijiet, huwa importanti li jitqies jekk il-proġetti magħżula ħolqux valur miżjud għall-Unjoni;

    14.

    fir-rigward tal-introduzzjoni tal-iskema tal-Bond għall-finanzjament ta’ Proġetti għall-finanzjament tal-infrastrutturi strateġiċi, ifakkar fl-opinjoni li diġà esprima dwar “Il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” ” (1), fejn irrakkomanda l-inklużjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proġetti TEN, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji għaċ-ċittadini;

    15.

    madankollu jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ma jiġux segwiti minn azzjonijiet rapidi min-naħa tal-Istati Membri kollha u li ma kinux iżjed inċiżivi biex jippromovu miżuri oħra favur it-tkabbir.

    Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi

    16.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż fiskali għan-negozji mingħajr ma jaffettwa l-baġit, iżda jnaqqas il-porzjon ta’ taxxa favur forom oħra ta’ dħul (pereżempju taxxi ekoloġiċi);

    17.

    ifakkar fl-importanza, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi ekonomika, li jiġu kkonċentrati l-isforzi mhux biss sabiex jinħolqu impjiegi ġodda u jitħeġġeġ it-tibdil strutturali, iżda l-iżjed sabiex jinżammu dawk li diġà jeżistu;

    18.

    jipproponi użu, koordinazzjoni u interoperabbiltà aħjar tal-istrumenti disponibbli fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u f’dak tal-Kmamar tal-Kummerċ (b’mod partikolari, jitlob għall-użu mhux biss tal-FSE iżda wkoll tal-FEŻR) biex jiġu appoġġjati l-impjieg indipendenti, l-intrapriżi soċjali, skemi li jalternaw bejn it-taħriġ u x-xogħol u l-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda. Koordinazzjoni ikbar tiżgura li l-istrumenti disponibbli jintużaw b’mod iktar effettiv;

    19.

    jaħseb li biex toħloq impjiegi fit-tul u ta’ kwalità għolja, aġenda Ewropea għat-tkabbir għandha tkun ibbażata fuq l-għan li tiġi implimentata strateġija reali għat-tiġdid industrijali fl-Ewropa, bl-involviment attiv tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, kif ukoll politika industrijali b’saħħitha li tiffavorixxi l-kompetittività tal-SMEs (li jikkostitwixxu s-sinsla u l-istorja kulturali u l-produttività tal-ekonomija Ewropea) u lis-settur tas-servizzi. Strateġija bħal din għat-tiġdid industrijali teħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjalitajiet tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-politika industrijali, billi tieħu l-opportunità sabiex “tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromovi (dik i)l-koordinazzjoni (tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika industrijali), b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi” (Artikolu 173 tat-TFUE). Din l-istrateġija għat-tiġdid industrijali, li għandha titnieda fi tmiem ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-inizjattiva ewlenija “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni” għandha tiffoka b’mod partikolari fuq aċċess iktar faċli għall-kreditu, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-ħolqien ta’ klima aħjar għall-intraprenditorija; dwar dan il-punt tal-aħħar il-Kumitat tar-Reġjuni joffri l-kontribut tiegħu permezz tal-organizzazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, tal-premju “Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” (EER); jenfasizza wkoll l-importanza ta’ settur pubbliku funzjonali u effettiv, bħala ħtieġa għat- tkabbir ekonomiku;

    20.

    jaħseb li l-fattur ewlieni tal-kompetittività tan-negozji Ewropej huwa ż-żieda fil-produttività permezz ta’ ġestjoni effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi u anke permezz tat-taħriġ fit-tul, l-innovazzjoni u t-tqassim tar-responsabbiltà. Għaldaqstant, jaħseb li huwa importanti li tiġi utilizzata l-esperjenza tan-negozji attivi fil-qasam tas-sostenibilità, li jintgħarfu faċilment anke permezz tal-użu taċ-ċertifikazzjonijiet Ewropej;

    21.

    jenfasizza li, fir-rigward tal-promozzjoni tal-kwalità tal-prodotti Ewropej, jista’ jkollu effetti pożittivi fuq l-intrapriżi anke l-użu addizzjonali ta’ tikketta ta’ oriġini UE flimkien mal-użu ta’ tikketti nazzjonali ta’ oriġini jew ta’ kwalità, bir-riperkussjonijiet pożittivi f’termini ta’ impjiegi;

    22.

    ifakkar fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pakkett “Negozji Responsabbli” ” (relattiv għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2011) 681-685 final), u jenfasizza kif atteġġjament ta’ sostenibilità soċjali u ambjentali jista’ jħalli effetti pożittivi fir-rigward tal-kompetittività tal-intrapriżi, il-ġestjoni tar-riskju, it-trażżin tal-ispejjeż, relazzjonijiet sodi mal-klijenti u l-kapaċità tal-innovazzjoni;

    23.

    huwa favur il-miżuri mmirati lejn il-ħolqien ta’ impjiegi fl-attivitajiet marbutin mas-sostenibbiltà ambjentali, il-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa u l-ICT (kif intwera wkoll fil-konklużjonijiet tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-KtR tat-22-23 ta’ Marzu 2012), u jaħseb li huwa importanti li jiġi mfakkar, inter alia, li s-suq Ewropew tax-xogħol għadu magħmul l-iżjed minn ħaddiema impjegati fis-setturi industrijali u tal-manifattura li kkontribwixxew għat-tiswir tal-istorja tal-iżvilupp Ewropew. Għalhekk, jitlob li dawn l-impjiegi jiġu kkunsidrati iżjed billi jiġu proposti strumenti għat-taħriġ mill-ġdid tal-kapital uman;

    24.

    ifakkar li t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet titlob ristrutturazzjoni tas-suq tax-xogħol attwali, li trid tiġi appoġġjata f’kull rigward minn miżuri ta’ promozzjoni adegwati;

    25.

    jappoġġja l-proposta li jiġi estiż l-istrument tal-mikrofinanzjament Progress, għax dan jagħmilha possibbli li jiġu ffinanzjati somom żgħar għal funzjonijiet soċjalment utli u ta’ mertu;

    26.

    jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li żżomm attiv il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-intrapriżi Ewropej għadhom f’sitwazzjoni ta’ kriżi u inċertezza. Madankollu, jistenna li jkun hemm iżjed ċarezza dwar il-futur tal-programm, u jittama li l-proċeduri l-ġodda għall-attivazzjoni tal-fond ikunu iżjed armonizzati, rapidi u ċari;

    Nistabbilixxu mill-ġdid id-dinamika tas-swieq tax-xogħol

    27.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-flessigurtà, li hija sfida kbira għas-suq tax-xogħol Ewropew. Politika li tqis il-ħtieġa għal flessibilità fix-xogħol, iżda li fl-istess waqt tipproteġi liċ-ċittadini, trid taħdem id f’id mar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiddispjaċih li minkejja l-impenn politiku meħud matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012 u l- gwida tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni, mhux l-Istati Membri kollha ppreżentaw, fil-kuntest tal-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom għall-2012, pjan nazzjonali għall-impjiegi li jistabbilixxi miżuri komprensivi favur il-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi “ekoloġiċi”;

    28.

    jinsab imħasseb dwar il-livell ta’ inattività u qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg, kwalifikat u ta’ kwalità, li jagħtihom l-indipendenza u l-istabbiltà ekonomika;

    29.

    josserva li ċerti pajjiżi għandhom livelli kritiċi ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ iżjed minn pajjiżi oħra, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja dawn is-sitwazzjonijiet b’attenzjoni partikolari, anke billi tipprevedi livell ogħla ta’ monitoraġġ tal-programmi, u għandha tkompli tfittex b’mod mgħaġġel li jintlaħaq ma jdumx l-għan ta’ Proposta għal Rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kunsill dwar l-istrumenti ta’ garanzija għaż-żgħażagħ;

    30.

    jirrikonoxxi li, f’ċerti Stati Membri, min iħaddem qed jabbuża mill-iskemi tal-apprentistat u jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġi introdott qafas ta’ kwalità għall-apprentisti, iżda jirrakkomanda li ma tinħoloqx riġidità eċċessiva li tista’ ġġib magħha r-riskju li ma tintużax l-iskema tal-apprentistat min-naħa tal-intrapriżi;

    31.

    jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li, sal-2013, l-apprentisti kollha, permezz ta’ klawsola f’kuntratt tal-apprentistat, ikollhom il-protezzjoni u l-informazzjoni meħtieġa dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u dwar dawk ta’ min iħaddem;

    32.

    huwa tal-fehma li tkun idea tajba li jiġu organizzati apprentistati għall-istudenti tal-università fl-Unjoni Ewropea, biex b’hekk l-istudenti jitqarrbu lejn id-dinja tax-xogħol. Fil-fatt, huwa fundamentali li jinħoloq pont bejn il-qasam akkademiku u dak tax-xogħol, u dan jista’ jsir ukoll bis-saħħa tal-Programmi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja jew l-Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ. Dan l-aħħar programm, b’mod partikolari, qed jagħti prova ta’ strument effettiv biex jistimula l-intraprenditorjat, li huwa valur importanti biex noħorġu mill-kriżi;

    33.

    jittama li l-awtoritajiet reġjonali jkunu jistgħu jaqdu rwol importanti bħala pont bejn id-dinja tat-taħriġ u d-dinja tal-produzzjoni, u jippromovu ftehimiet li jinkludu l-għarfien min-naħa tal-università tal-attivitajiet imwettqa direttament fl-intrapriżi jew f’organizzazzjonijiet pubbliċi jew tat-tielet settur matul il-perjodu tat-taħriġ. Dan jista’ jiġri grazzi għall-ftehimiet bejn l-uffiċċju skolastiku reġjonali jew lokali, l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tal-intrapriżi;

    34.

    josserva li, attwalment, l-apprentistati jirrappreżentaw wieħed mill-punti prinċipali ta’ dħul fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ; madankollu, josserva li, fil-prattika, mhumiex iżolati l-każi ta’ żgħażagħ mibgħuta minn apprentistat għal ieħor mingħajr il-possibbiltà li jiksbu kuntratt ġenwin tax-xogħol li jagħtihom il-garanziji adatti. Għalhekk, jiddispjaċih li fost il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, ma hemmx linji gwida għall-Istati Membri dwar kif għandhom jirregolaw u jegħlbu din is-sitwazzjoni permezz ta’ politiki adatti tax-xogħol u permezz tal-inċentivi fiskali potenzjali u ta’ miżuri adegwati oħrajn;

    35.

    ifakkar li ż-żgħażagħ huma riżorsa fundamentali minħabba l-kapaċità naturali tagħhom li jkunu innovattivi u li jaggregaw bejniethom, u għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali mill-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-valur miżjud ta’ apprentistat jinsab f’li l-apprentist imħarreġ isir riżorsa attiva għall-intrapriża, l-organizzazzjoni jew l-awtorità pubblika, li għalhekk ikollha interess tkompli taħdem miegħu jew magħha;

    36.

    jittama li fil-futur qarib il-pajjiżi Ewropej jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għall-kundizzjonijiet li qed jinbidlu fis-suq tax-xogħol globali. L-indikatur ewlieni għall-evalwazzjoni tal-edukazzjoni – ir-rata ta’ edukazzjoni – ma jaqdix ir-rwol tiegħu b’mod suffiċjenti. Għalhekk jappella biex jiġu identifikati mezzi ġodda iktar effettivi għall-evalwazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-għanijiet tal-edukazzjoni għolja jiġu definiti mill-ġdid u li s-sistema ta’ kejl, monitoraġġ u finanzjament tiġi adattata għall-ħtiġijiet tas-suq;

    37.

    jaqbel dwar il-fatt li hemm nuqqas ta’ ħiliet adegwati li jissodisfaw l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni u, għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ panorama Ewropea tal-ħiliet li, malajr kemm jista’ jkun, għandha twassal għal fażi ta’ rikonoxximent sħiħ tal-kwalifiki u l-ħiliet, li huwa pass meħtieġ biex jiġi żgurat suq tax-xogħol uniku ġenwin fl-Unjoni Ewropea;

    38.

    jenfasizza li l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet tax-Xogħol tal-ġejjieni m’għandux jikkostitwixxi strument ta’ għarfien ta’ standards “’l isfel”, iżda għandu jinkoraġġixxi valutazzjoni reali tal-ħiliet prattiċi (manifattura, artiġjanat, eċċ.) li jirriflettu l-eċċellenza tat-territorji tagħna u li, għaldaqstant, jippremja ’l-meritokrazija;

    39.

    jirrikonoxxi n-nuqqas attwali ta’ interazzjoni bejn id-dinja tat-tagħlim u dik tax-xogħol, u għalhekk jipproponi li jkun iżjed faċli għall-istudenti fl-iskejjel li jkollhom esperjenza tax-xogħol mhux biss permezz tal-apprentistati msemmijin hawn fuq, iżda wkoll permezz ta’ programmi ta’ taħriġ, fl-iskejjel u l-universitajiet, li jsiru direttament mill-professjonisti;

    40.

    jipproponi li jinħolqu programmi speċifiċi ta’ skambju bejn l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-intrapriżi biex timtela l-lakuna bejn is-servizz ċivili u l-ħtiġijiet tad-dinja tan-negozju, u b’hekk ikun possibbli l-fehim reċiproku u t-tagħlim tal-prattiki tajbin;

    41.

    barra minn hekk, jissuġġerixxi li jiġi promoss it-taħriġ addizzjonali tal-ħaddiema (permezz ta’ programmi adatti kofinanzjati bil-fondi Ewropej);

    42.

    jaħseb li huwa importanti li jitħeġġu tipi ta’ impjieg indipendenti u intraprenditorija indipendenti, b’attenzjoni partikolari għall-istart-ups taż-żgħażagħ. Dan jista’ jippermetti li jintużaw b’iżjed effiċjenza riżorsi li inkella jintefqu b’mod mhux produttiv (l-ispejjeż ta’ qabel il-pensjoni jew sussidji tal-qgħad);

    43.

    jaqbel mal-bżonn li jiġu promossi miżuri li jistgħu jwasslu għal suq Ewropew tax-xogħol, billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà taċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea, permezz tat-tneħħija tal-ostakli fiskali, l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad u t-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni;

    44.

    huwa konvint li r-rispett tal-obbligi u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema mobbli għandhom jibqgħu fost il-prijoritajiet tal-UE, sabiex tiġi żgurata mobbiltà adatta fis-suq intern. Fid-dawl ta’ dan, is-servizz ta’ għajnuna SOLVIT jista’ jiġi integrat fost is-servizzi tan-netwerk Enterprise Europe Network (EEN), bil-għan li min iħaddem u l-impjegati jitqarrbu lejn servizz li jikkostitwixxi punt ta’ riferiment uniku integrat dwar kwistjonijiet Ewropej;

    45.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jittejjeb l-EURES, anke billi jiġi introdott servizz “Match and Map” li jgħin biex ikun hemm stampa ġeografika ċara tal-proposti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar fir-rwol nazzjonali u reġjonali tal-iskemi tal-aġenziji tax-xogħol u jissuġġerixxi integrazzjoni akbar man-netwerk EEN, ir-reġjuni u l-Kmamar tal-Kummerċ (li jgawdu minn rabtiet b’saħħithom mad-dinja tan-negozju u huma konxji mill-ħtiġijiet u l-problemi tagħha);

    46.

    sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel mappa tal-analiżijiet eżistenti li jqabblu d-domanda mal-provvista fis-swieq nazzjonali tax-xogħol. Skambju u koordinazzjoni ta’ din id-data jistgħu jkunu fundamentali sabiex ikun hemm mobilità adatta fl-intern tal-UE. Fid-dawl ta’ dan, jiġbed l-attenzjoni għall-istħarriġ Excelsior, li sar mis-sistema Taljana tal-kmamar tal-kummerċ;

    47.

    jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ konsultazzjoni sal-aħħar tal-2012 dwar il-migrazzjoni ekonomika u jissuġġerixxi li tiġi analizzata b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni tal-migrazzjoni ċirkolari, u li tiġi promossa l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali.

    It-titjib tal-governanza tal-Unjoni Ewropea

    48.

    jilqa’ b’sodisfazzjon koordinazzjoni ikbar tal-governanza Ewropea, u jenfasizza r-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    49.

    jappoġġja l-proposta li titressaq kull sena pubblikazzjoni bil-punti ta’ riferiment dwar l-indikaturi tal-impjieg: sistema ta’ din ix-xorta għandha tirrappreżenta mhux biss is-swieq tax-xogħol nazzjonali iżda anke dawk reġjonali sal-livell tan-NUTS2, sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jirriflettu aħjar iċ-ċirkustanzi differenti;

    50.

    jittama li s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA2010) tal-ġejjieni tkun tista’ tiġbor livell ogħla ta’ statistika reġjonali fil-livell tan-NUTS2, sabiex tagħmel disponibbli indikaturi konkreti għat-titjib tal-governanza tal-Unjoni Ewropea u għar-responsabilizzazzjoni tal-livelli differenti ta’ gvern;

    51.

    jaqbel li hemm il-bżonn li jiġu introdotti miżuri ta’ monitoraġġ tal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-impjieg, bil-kundizzjoni li ma jkunux akkumpanjati minn sanzjonijiet potenzjali b’impatt reġjonali u lokali.

    Anness – Sensiela ta’ Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi għall-Ekonomija Ekoloġika

    52.

    huwa tal-fehma li huwa indispensabbli li naslu għal definizzjoni ċara ta’ “impjiegi ekoloġiċi”, jiġifieri impjiegi li jħarsu l-ambjent u huma sostenibbli. Biex niksbu dan, jeħtieġ li jiġu żviluppati indikaturi li jirrappreżentaw l-uniku riferiment Ewropew għall-kejl;

    53.

    jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti iżjed mill-qrib meta jiġu definiti l-politiki favur inċentivi ta’ “impjiegi ekoloġiċi” fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-impjieg;

    54.

    jissuġġerixxi li tiġi vvalutata l-possibbiltà li jiġi żviluppat il-kunċett ta’ metadistrett tal-ambjent għall-iżvilupp sostenibbli (jiġifieri kunċett ta’ cluster mhux marbut mal-viċinanza fiżika tal-kumpaniji, iżda li bis-saħħa tat-teknoloġiji ġodda xorta jista’ jippermetti l-kooperazzjoni u fl-istess waqt il-kompetizzjoni li hija l-bażi tas-suċċess taż-żoni industrijali), sabiex jiġu pprovduti bażi istituzzjonali u rikonoxximent għall-attivitajiet ekonomiċi ekoloġiċi;

    55.

    fil-fehma tal-Kumitat, hemm bżonn li l-istrumenti kollha implimentati (fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali) biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-ħiliet ekoloġiċi futuri meħtieġa mis-suq, għandhom ikunu kkoordinati bejniethom u jikkomplementaw lil xulxin sabiex ma jkunx hemm ħela tar-riżorsi bla bżonn u duplikazzjonijiet;

    56.

    japprezza l-attivitajiet ta’ informazzjoni u tixrid li jiġġeneraw programmi bħall-Enerġija Intelliġenti – Ewropa;

    57.

    jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-kooperazzjoni mal-BEI u, b’mod partikolari, jissuġġerixxi li jissaħħaħ il-programm ELENA biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu megħjuna jimmobilizzaw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-programmi ddedikati għall-enerġija sostenibbli u għall-enerġija rinnovabbli;

    58.

    jaqbel bis-sħiħ mal-fatt li l-fondi tal-FSE u tal-FEŻR għandhom ikunu l-istrumenti prinċipali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u l-iżvilupp tal-impjieg;

    59.

    madankollu, huwa tal-fehma li għandu jitħeġġeġ l-użu innovattiv ta’ dawn il-fondi, billi jippromovu taħriġ li jikkunsidra wkoll il-mobbiltà internazzjonali sabiex tkun tista’ ssir fejn huma rikonoxxuti l-aħjar prattiki fil-qasam tas-sostenibilità ambjentali;

    60.

    filwaqt li jemmen li l-proposta għall-promozzjoni ta’ investimenti ekoloġiċi fil-qafas tal-istrument tal-mikrofinanzjament PROGRESS hija interessanti, ma jifhimx il-bżonn li jiġi propost “forum għall-partijiet interessati”;

    61.

    jipproponi, minflok, li jsir mod li l-intermedjarji finanzjarji li joperaw fi ħdan il-programm PROGRESS jiġu pprovduti b’inċentivi ekonomiċi biex jippromovu proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

    62.

    jirrikonoxxi l-importanza tas-sħubijiet bħala mezz biex jiġi implimentat il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli, u jinkoraġġixxi l-użu tagħhom;

    63.

    jemmen li huwa importanti li tiġi promossa koordinazzjoni strateġika f’livell wiesa’ fost is-servizzi għall-impjieg, bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri differenti. Għaldaqstant, jittama li l-istrument PARES jiġi aġġustat għal dan l-iskop;

    64.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-iskambju tal-prattiki tajbin, anke permezz tal-pubblikazzjoni ta’ manwal għal tal-apposta, bil-kundizzjoni li dawn it-tipi ta’ skambji jiġu segwiti minn azzjoni konkreta.

    Anness – Pjan ta’ Azzjoni għall-Persunal fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa tal-UE

    65.

    jaqbel bis-sħiħ mal-proposta li jittejbu l-ippjanar u l-previżjoni tal-persunal li jaħdem fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea;

    66.

    jittama, madankollu, li l-pjattaforma tal-Istati Membri jirnexxilha tarmonizza malajr l-itinerarji tal-istudju, ħalli b’hekk titnaqqas il-burokrazija u tippermetti iżjed moviment tal-persunal fil-qasam tas-saħħa fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

    67.

    għalhekk, jitlob li t-tfassil tal-linji gwida dwar l-iskambju ta’ kapaċitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fil-professjonijiet tas-saħħa jibda sa mill-2013, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċensiment tal-kapaċitajiet għandu jservi biss bħala tħejjija għat-tfassil tal-linji gwida;

    68.

    għandu dubju dwar il-proposta li jinħoloq Kunsill Ewropew tal-Ħiliet dwar il-prattika tal-infermiera u l-ħaddiema li jagħtu l-kura u dwar il-ħolqien ta’ proġett pilota ta’ Alleanza ta’ Ħiliet marbutin ma’ Settur, peress li ma jidhirx li l-proposta tipprovdi valur miżjud;

    69.

    huwa tal-fehma li l-pjattaforma Ewropea tal-Istati Membri proposta tista’ tkun il-mekkaniżmu suffiċjenti u meħtieġ biex tinkiseb stampa ċara tal-ħiliet fl-Istati Membri differenti u biex jitwaqqfu r-rekwiżiti minimi għat-taħriġ tal-persunal fil-qasam tas-saħħa, inkluż dak tal-infermiera u tal-ħaddiema li jagħtu l-kura;

    70.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li jkunu magħrufa l-aħjar prattiki għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal, iżda jemmen ukoll li l-proċess m’għandux jiġi jiswa ħafna flus. Għalhekk, jipproponi li, l-ewwel nett, tittieħed azzjoni permezz tat-tnedija ta' konsultazzjoni ad hoc u mbagħad issir valutazzjoni (abbażi tar-riżultati miksuba) jekk hemmx bżonn ta’ tipi oħra ta’ stħarriġ;

    71.

    ifakkar li, meta jkunu qed jiġu rreklutati ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, hemm il-ħtieġa li x-xogħol irregolari jiġi diżinċentivat, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-persuni li jagħtu l-kura fid-djar;

    72.

    huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-kodiċi ta’ kondotta tad-WHO jiġi applikat b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha; izda, fid-dawl tan-natura fakultattiva tal-kodiċi, hemm bżonn ta’ iżjed informazzjoni dwar liema miżuri jistgħu jittieħdu biex dan jiġi applikat.

    Anness – Sensiela ta’ Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi fit-Teknoloġija tal-Informatika (ICT)

    73.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqfu sħubijiet biex l-operaturi tas-suq tal-ICT, il-Kmamar tal-Kummerċ u l-awtoritajiet pubbliċi u li l-entitajiet tar-riċerka jiġu involuti fl-organizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ taħriġ dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq;

    74.

    madankollu, jemmen li barra milli tiġi appoġġjata kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u promozzjoni tal-karrieri fil-qasam tal-ICT għaż-żgħażagħ, għadu neċessarju li jiġu promossi investimenti f’dan is-settur b’mod iktar wiesa’ (meta wieħed iqis li l-analiżijiet tal-Kummissjoni Ewropea juru li dawn l-investimenti jżidu l-produttività) li jtejbu l-kompettività permezz ta’ metodi adegwati u li jirrispettaw id-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri diversi (pereżempju l-clustering);

    75.

    jissuġġerixxi li jingħataw valur l-azzjonijiet li huma favur l-istart-ups, sabiex jiġi ffavorit l-impjieg fis-settur tal-ICT. Eżempji ta’ dawn l-azzjonijiet jinkludu l-ħolqien ta’ inkubaturi fil-parkijiet xjentifiċi u teknoloġiċi (fejn tiġi kkonċentrata l-preżenza ta’ intrapriżi ġodda tat-teknoloġija għolja, grazzi għal kondizzjonijiet favorevoli, u jinħoloq ambjent adatt u sinerġetiku bejn l-intrapriżi) u l-investiment dirett tal-entitajiet finanzjarji reġjonali (jekk joffru kapital riskjuż għal start-up fl-ewwel snin ta’ attività, jistgħu jgħinu biex il-finanzjament ikun iżjed sempliċi u sikur, u jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ kapital ta' riskju privat);

    76.

    peress li s-settur tal-ICT għadu fil-bidu tiegħu u qiegħed jespandi b’mod naturali bi tweġiba għat-tibdil meħtieġ mis-suq, jissuġġerixxi li l-attivitajiet ta’ appoġġ jiġu mmirati wkoll lejn it-taħriġ tal-ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 55 sena, b’attenzjoni partikolari tingħata lis-settur pubbliku fejn żdiedet bil-bosta l-età medja tal-impjegati, fejn it-twaqqif tat-turn-over tal-ħaddiema naqqas il-pass tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni ġodda bħala sostenn għas-servizzi li jingħataw;

    77.

    japprezza l-elaborazzjoni tal-qafas Ewropew tal-Ħiliet Diġitali, u jenfasizza l-bżonn ta’ koordinazzjoni ikbar, biż-żieda ta’ inizjattivi simili (bħall-ECDL) biex l-inizjattivi ma jiġux idduplikati;

    78.

    jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda li jiġi ffinanzjat proġett pilota li jipprovdi stampa taċ-ċertifikazzjonijiet mogħtija, bil-kundizzjoni li dan il-proġett jintuża bħala l-ewwel pass lejn l-istandardizzazzjoni taċ-ċertifikazzjonijiet;

    79.

    jaċċetta l-idea li l-FSE għandu jaqdi r-rwol tal-fond prinċipali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki, iżda jfakkar li, jekk nixtiequ niksbu riżultati konkreti, ikun aħjar li l-ispejjeż ikunu ffukati.

    Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 648/2012, COTER-V-24.


    Augša