Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AP0397

    Protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (COM(2012)0270 – C7-0146/2012 – 2012/0145(COD))
    P7_TC1-COD(2012)0145 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil- 25 ta’ Ottubru 2012 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

    ĠU C 72E, 11.3.2014, p. 120–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 72/120


    Il-Ħamis 25 ta’ Ottubru 2012
    Protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ***I

    P7_TA(2012)0397

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (COM(2012)0270 – C7-0146/2012 – 2012/0145(COD))

    2014/C 72 E/20

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0270),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0146/2012),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0243/2012),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


    Il-Ħamis 25 ta’ Ottubru 2012
    P7_TC1-COD(2012)0145

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta’ Ottubru 2012 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abozz tal-att leġiżlattiv ingħadda lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Fil-Kawża C-249/10 P (2), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-teknika tat-teħid tal-kampjuni prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (3) ma tistax tiġi applikata għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq li jsir taħt l-Artikolu 2(7)(c) ta' dak ir-Regolament.

    (2)

    Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja titlob li l-Kummissjoni teżamina l-applikazzjonijiet kollha għal trattament ta’ ekonomija tas-suq imressqa minn produtturi esportaturi li jkunu kkooperaw u li mhumiex parti mill-kampjun, irrispettivament minn jekk in-numru ta’ produtturi li kkooperaw huwiex kbir. Madankollu, din il-prattika timponi piż amministrattiv disproporzjonat fuq l-awtoritajiet investigattivi tal-Unjoni. Għaldaqstant hu f’loku li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    (3)

    Barra minn hekk, l-użu tat-teknika tat-teħid tal-kampjuni prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq li ssir skont l-Artikolu 2(7)(c) ta' dak ir-Regolament hija permessa skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Pereżempju, il-Bord tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fit-tilwima DS405 (l-Unjoni Ewropea – Il-miżuri antidumping fuq ċerti żraben miċ-Ċina, rapport adottat fit-22 ta’ Frar 2012) sab li ċ-Ċina ma kinitx stabbiliet li l-Unjoni Ewropea aġixxiet b' mod inkonsistenti mal-Artikoli 2.4 u 6.10.2 tal-Ftehim tal-Antidumping, mal-paragrafu 15(a)(ii) tal-Protokoll tal-Adeżjoni taċ-Ċina, u mal-paragrafi 151(e) u (f) tar-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Adeżjoni taċ-Ċina, minħabba li naqset milli teżamina l-applikazzjonijiet għal trattament tal-ekonomija tas-suq tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw li mhumiex parti mill-kampjun għall-investigazzjoni oriġinali.

    (4)

    Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra dan l-isfond u għal raġunijiet marbuta maċ-ċertezza legali, huwa meqjus f'loku li tiġi introdotta dispożizzjoni li tiċċara li d-deċiżjoni li l-investigazzjoni tiġi limitata għal numru raġonevoli ta’ partijiet billi jintużaw kampjuni abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tapplika wkoll għall-partijiet suġġetti għall-eżaminazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(b) u (c). B'riżultat ta' dan, huwa wkoll f'loku li jiġi ċċarat li ma għandhiex issir determinazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(c) għal produtturi esportaturi li mhumiex parti mill-kampjun sakemm dawn il-produtturi ma jitolbux u ma jiksbux eżaminazzjoni individwali skont l-Artikolu 17(3).

    (5)

    Barra minn hekk, jitqies f'loku li jkun iċċarat li d-dazju anti-dumping li jrid jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-esportaturi jew mill-produtturi li jkunu ppreżentaw id-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17, imma li ma kinux ġew inklużi fl-eżaminazzjoni, ma għandux jaqbeż il-marġni medju differenzjat tad-dumping stabbilit għall-partijiet fil-kampjun, irrispettivament minn jekk il-valur normali stabbilit għal dawn il-partijiet kienx determinat abbażi tal-Artikolu 2(1) sa 2(6) jew tal-Artikolu 2(7)(a).

    (6)

    Fl-aħħar nett, il-perjodu ta’ żmien stipulat ta’ tliet xhur li fih trid tkun saret id-determinazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(c), irriżulta wieħed mhux prattiku partikolarment fi proċedimenti fejn it-teħid tal-kampjuni jsir skont l-Artikolu 17. Għaldaqstant, huwa f’loku li dan il-perjodu stipulat jitneħħa.

    (7)

    Fl-interessi taċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni soda, hu neċessarju li jkun stipulat li dawn l-emendi jibdew jgħoddu kemm jista' jkun malajr għall-investigazzjonijiet kollha ġodda u pendenti.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2(7) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Is-sentenza ta' qabel tal-aħħar tas-subparagrafu (c) hija modifikata kif ġej:

    Il-kliem "fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni" huwa sostitwit b’li ġej:

    “normalment fi żmien seba’ xhur iżda mhux aktar tard minn tmien xhur mill-bidu tal-investigazzjoni” .

    [Em. 1]

    (b)

    Is-subparagrafu li ġej (d) huwa miżjud:

    "(d)

    Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżaminazzjoni tagħha skont l-Artikolu 17, id-determinazzjoni skont is-subparagrafi (b) u (c) għandha tkun limitata għall-Partijiet inklużi fl-eżaminazzjoni u għal kull produttur li jirċievi trattament individwali skont l-Artikolu 17(3).";

    (2)

    Fl-Artikolu 9(6), l-ewwel sentenza tiġi ssotitwita b'dan li ġej:

    "Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżaminazzjoni tagħha skont l-Artikolu 17, id-dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu ressqu d-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17 imma li ma kinux ġew inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun, irrispettivament minn jekk il-valur normali għal dawn il-partijiet huwiex determinat abbażi tal-Artikolu 2(1) sa 2(6) jew l-Artikolu 2(7)(a).".

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-investigazzjonijiet kollha, ġodda u pendenti, li jkun hemm fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi …,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2012.

    (2)  Il-Kawża C-249/10 P - Brosmann Footwear (HK) u Oħrajn vs Il-Kunsill, Sentenza tat-2 ta’ Frar 2012.

    (3)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.


    Top