Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1279

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” COM(2012) 173 final

    ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/65


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”

    COM(2012) 173 final

    2013/C 11/14

    Relatur: is-Sinjura BISCHOFF

    Nhar it-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

    COM(2012) 173 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ottubru 2012.

    Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    S’issa l-Ewropa għadu ma rnexxilhiex tegħleb il-kriżi, u għalhekk il-qasma fl-Ewropa qed tikber. Ħafna pajjiżi milqutin mill-kriżi qed jesperjenzaw żieda qawwija fil-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Il-politika Ewropea dwar l-impjiegi għandha tagħti konkribut akbar biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-problemi tagħhom. Issa aktar minn qatt qabel, hi għandha titqies bħala parti mis-soluzzjoni sabiex negħlbu l-kriżi flimkien b’mod solidali u l-Ewropa ssir stabbli.

    1.2

    Għalhekk, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-politika dwar l-impjiegi tiġi akkumpanjata mill-iżvilupp tal-infrastruttura Ewropea u t-tkabbir kwalitattiv. Jinħtieġ investiment enormi sabiex jinħolqu l-impjiegi. F’dan ir-rigward għandhom jiġu mobilizzati minnufih sew l-investimenti privati u sew dawk pubbliċi u għandhom isiru wkoll xi riformi.

    1.3

    Bis-saħħa ta’ politika dwar l-impjiegi solidali u effettiva jista’ jifforma suq tax-xogħol Ewropew u tintrebaħ lura l-kredibbiltà. Element ċentrali għal dan il-għan hu, fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni mingħajr dewmien u l-iżvilupp obbligatorju tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, f’xi pajjiżi milqutin mill-kriżi qed jinbet l-interess fl-introduzzjoni ta’ sistema edukattiva fuq żewġ binarji. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja dan l-interess, u għandha tippermetti l-finanzjamenti inizjali u tibda l-iskambji tal-prattiki tajbin. Jekk ma jirnexxilniex nagħtu prospetti liż-żgħażagħ, speċjalment fil-pajjiżi milqutin mill-kriżi, hemm ir-riskju li tiżviluppa “ġenerazzjoni mitlufa” u b’hekk tinħoloq splużjoni soċjali u politika enormi. Il-KESE jappella għal soluzzjonijiet solidali, bħall-Fond għall-Globalizzazzjoni.

    1.4

    L-ewwel pass importanti huwa l-iżvilupp adegwat tal-garanzija għaż-żgħażagħ, però l-problemi strutturali eżistenti jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti.

    L-għan li jinħoloq numru kbir ta’ impjiegi jiddependi mir-restrizzjonijiet marbutin:

    mal-provvista tax-xogħol, billi jiġi sfruttat il-potenzjal tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil permezz ta’ swieq tax-xogħol inklużivi;

    mad-domanda għax-xogħol, li hi possibbli fuq kollox fis-setturi li qed jikbru u li jirrikjedu ħafna ħaddiema, bħall-ekonomija tal-anzjani (“silver economy”).

    1.5

    Il-politika dwar l-impjiegi ma tistax tikkumpensa għall-governanza politika ħażina fil-qasam makroekonomiku, iżda tista’ tikkontribwixxi bil-kbir biex fis-soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien tiżdied il-kompetittività permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità għall-innovazzjoni u permezz ta’ bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda tal-kwalifiki. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-aċċess tal-intrapriżi Ewropej, speċjalment tal-SMEs, għall-kapital ta’ riskju jittejjeb minnufih u li titneħħa l-burokrazija żejda.

    1.6

    Huwa importanti li r-rwol partikolari tal-imsieħba soċjali jiġi kkunsidrat fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi u għandu jissaħħaħ fil-qafas tal-governanza ġdida.

    2.   Il-politika Ewropea dwar l-impjiegi fi żminijiet ta’ kriżi

    2.1

    Nhar it-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” flimkien ma’ disa’ dokumenti ta’ akkumpanjament. Il-Komunikazzjoni tipproponi miżuri ta’ appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi, għar-riforma tas-swieq tax-xogħol u għat-tisħiħ tal-governanza tal-UE.

    2.2

    Il-Kummissjoni tappella għal “irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” fi żmien meta minħabba d-diversi kriżijiet (kriżi finanzjarja, kriżi ekonomika, kriżi soċjali, kriżi tal-euro, kriżi tad-dejn, kriżi tal-fiduċja) intilfu ħafna u ħafna impjiegi f’bosta pajjiżi, u dan jikkomprometti l-ħajja ta’ kuljum tan-nies għaliex ikunu tilfu xogħolhom, ma jkunux jistgħu jsibu xogħol ieħor jew għax ikollhom joqogħdu għat-tnaqqis fil-pagi u/jew għax is-servizzi soċjali qed jitnaqqsu jew jitneħħew.

    2.3

    Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tittratta l-konsegwenzi tal-kriżi fuq il-politika dwar l-impjiegi u tappella għal irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Dan però qed isir tard wisq għaliex il-konsegwenzi tal-kriżi qed jiggravaw, l-aktar minħabba li fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro l-gvernijiet ta’ kważi l-Istati Membri kollha tal-UE qed jippruvaw inaqqsu d-defiċit baġitarju permezz ta’ tnaqqis kultant delikat fin-nefqa pubblika, b’mod partikolari fin-nefqa soċjali u fin-nefqa għas-servizzi pubbliċi. Madankollu, din il-politika tillimita l-opportunitajiet offruti fis-suq tax-xogħol, l-aktar għal dawk li diġà kienu jagħmlu parti minn xi grupp ta’ persuni żvantaġġati (1). Il-miżuri ta’ awsterità jolqtu l-aktar lil dawk li jiddependu mit-trasferimenti soċjali tal-Istat, fosthom dawk li għandhom impjieg prekarju u gruppi żvantaġġati oħrajn fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, għandu jinżamm u jissaħħaħ ir-rwol li jaqdu s-sistemi tas-sigurtà soċjali bbażati fuq is-solidarjetà bħala stabbilizzaturi, sabiex dawn jibqgħu effettivi u sostenibbli b’mod partikolari fir-rigward tal-aktar gruppi milquta u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol.

    2.4

    Il-KESE talab minn kmieni li jsiru sforzi speċjali sabiex jiġi indirizzat il-qgħad li qed jiżdied b’rata inkwetanti; ma jistax ikun inkomplu sejrin qisu xejn mhu xejn. Il-politika dwar is-suq tax-xogħol tista’ u għandha tappoġġja l-proċess tal-ħolqien tal-impjiegi. Però dan jirrikjedi ekonomija stabbli. Huwa laqa’ l-pjan ta’ rkupru ekonomiku adottat fl-2008, iżda kkritika li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien limitat wisq (2).

    2.5

    Iċ-ċifri attwali tas-suq tax-xogħol huma allarmanti, u fil-pajjiżi milqutin mill-kriżi t-tendenza negattiva fis-suq tax-xogħol qed tissokta mingħajr waqfien. F’Awwissu r-rata tal-qgħad fl-Ewropa kienet ta’ 10,5 % (11,4 % fiż-żona tal-euro), l-ogħla li qatt kienet. Il-qgħad qed jiżdied f’żewġ terzi tal-Istati Membri, b’żieda partikolarment qawwija fi Spanja (25,1 %), il-Portugall (15,9 %) u l-Greċja (24,2 %) (3). 25,46 miljun persuna jinsabu mingħajr impjieg. Aspett partikolarment negattiv hu li l-qgħad fit-tul żdied ukoll, u jidher ċar li dan il-fenomenu qed ikompli jiggrava. Aktar minn 40 % tal-persuni qiegħda kollha diġà ilhom ’il fuq minn sena jfittxu xogħol (4). Huwa partikolarment preokkupanti l-fatt li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha għolja ħafna fl-UE. Din ir-rata hi ta’ aktar minn 22 %, però jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Fi Spanja u l-Greċja din ir-rata hi ta’ aktar minn 50 %, u f’xi Stati Membri (il-Portugall, is-Slovakkja, il-Bulgarija, l-Italja, l-Irlanda) hi ta’ madwar 30 %. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta’ inqas minn 10 % fi tliet Stat Membri biss (il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Pajjiżi l-Baxxi) (5).

    2.6

    Il-politika dwar it-tkabbir u l-politika dwar l-impjiegi ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat minn xulxin. Għaldaqstant, il-Kumitat kemm-il darba talab li jkun hemm pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku b’impatt konsiderevoli fuq il-politika dwar is-suq tax-xogħol li jilħaq it-2 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). Il-ħolqien tal-intrapriżi u l-ispirtu intraprenditorjali għandhom jiġu promossi wkoll fis-soċjetà kollha, b’mod partikolari fis-sistemi edukattivi u fl-iskemi ta’ taħriġ. Flimkien mal-investimenti nazzjonali addizzjonali implimentati b’mod ikkoordinat sabiex iżidu l-impatt fuq l-impjieg, jeħtieġ li jiġu identifikati wkoll proġetti Ewropej ta’ investiment. Fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjieg” adottat fis-summit tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 saru l-ewwel passi li issa jridu jitlaħħmu bil-kontenut sabiex fl-Ewropa jinħoloq il-marġni ta’ manuvrar tant meħtieġ għat-tkabbir sostenibbli u l-impjieg. Għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq l-assikurazzjoni tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fil-proċessi ta’ ristrutturar.

    3.   Kundizzjonijiet qafas għall-politika Ewropea dwar l-impjiegi

    3.1

    Għalhekk, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-prospetti li jiżdiedu l-impjiegi jiddependu bil-kbir mill-kapaċità tal-UE li tiġġenera tkabbir ekonomiku permezz ta’ politiki fil-qasam makroekonomiku, industrijali u tal-innovazzjoni, u li tikkompleta dan it-tkabbir permezz ta’ politika dwar l-impjiegi li tiffoka fuq irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Il-KESE huwa mħasseb li ħafna mill-proposti pożittivi tal-Pakkett dwar l-Impjiegi ma jistgħux jiġu implimentati jekk l-UE tissokta mingħajr waqfien bil-politika ta’ awsterità tagħha. Barra minn hekk, il-KESE jibża’ li bil-miżuri proposti biss mhux ser ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija tal-UE dwar l-impjiegi. Fi Frar 2012 hu kien diġà fakkar li jinħtieġ patt ta’ investiment soċjali sabiex tingħeleb il-kriżi b’mod permanenti u jsiru investimenti fil-futur (6). B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, bil-Pakkett dwar l-Impjiegi, tfakkar li skont l-Artikolu 3 tat-Trattat l-UE għandha l-obbligu li timmira għal livell massimu ta’ impjiegi u għall-koeżjoni soċjali.

    4.   Proposti għat-tisħiħ tal-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi

    4.1   Noħolqu l-prospetti għaż-żgħażagħ

    4.1.1

    Fir-rapport tagħha dwar it-tendenzi dinjija tal-impjieg fost iż-żgħażagħ fl-2012 (“Global Employment Trends for Youth 2012”), f’Mejju tal-2012 l-ILO wissiet kontra r-riskju li tiżviluppa “ġenerazzjoni mitlufa”. Għalhekk, il-gvernijiet għandhom jagħtu l-ogħla prijorità lil politika attiva dwar is-suq tax-xogħol u dwar l-impjiegi għaż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ l-pjan li titwettaq b’mod konkret il-garanzija għaż-żgħażagħ. Madankollu, dan ma jistax jinkiseb permezz tar-riżorsi li għandhom ma ntużawx mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biss. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-pajjiżi b’diffikultajiet partikolari jiġu appoġġjati għal xi żmien, għaliex sikwit huma ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji għall-politika attiva meħtieġa dwar l-impjiegi, speċjalment għall-implimentazzjoni vinkolanti tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Jekk dan ma jistax isir permezz tar-riżorsi tal-FSE biss, il-finanzjament għandu jsir permezz ta’ riżorsi Ewropej oħra (Fond ta’ Solidarjetà taż-Żgħażagħ). Għall-banek setgħu jintużaw biljuni ta’ flus, għalhekk għandu jkun possibbli li dawn ir-riżorsi jiġu mobilizzati wkoll, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, li l-Kumitat ilu żmien twil jaħdem favuriha.

    4.1.2

    Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) analizzat il-punti pożittivi u d-dgħufijiet tal-garanziji għaż-żgħażagħ (7). Dawn huma miżura importanti li tista’ tiġi applikata malajr sabiex tiġi evitata l-esklużjoni taż-żgħażagħ. Madankollu, l-effett tagħhom huwa iżgħar fil-każ ta’ ċerti gruppi mmirati, bħal dawk li huma diffiċli biex wieħed jgħinhom (jiġifieri l-“hard to help”). Barra minn hekk, huma ma jsolvux il-problemi strutturali (bħan-nuqqas ta’ sistemi tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ vokazzjonali).

    4.1.3

    Iż-żmien meta jsir l-intervent huwa kruċjali wkoll. Il-KESE jemmen li intervent wara tliet xhur huwa tard wisq; l-aħjar hu li l-garanzija għaż-żgħażagħ tibda tapplika malajr kemm jista’ jkun, jiġifieri hekk kif iż-żgħażagħ jirreġistraw mal-aġenziji tal-impjieg, għaliex jekk it-tranżizzjoni ma tirnexxix, dan ikun ta’ ħsara għall-ekonomija u jħalli marki ta’ ħsara għall-ħajja kollha. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-garanziji għaż-żgħażagħ jinkludu wkoll lill-adulti żgħażagħ ta’ bejn 25 u 29 sena. Fil-qafas tal-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma għandhom jitfasslu miżuri konkreti f’dan ir-rigward. Għal dan il-għan, ħafna Stati Membri ser ikollhom iżidu l-appoġġ speċifiku mogħti mill-korpi pubbliċi tal-impjieg, fejn għandha tingħata aktar attenzjoni lill-gruppi żvantaġġati.

    4.1.4

    Huwa importanti li jingħalaq id-distakk bejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u dak li jkunu qed jistennew iż-żgħażagħ. Mod wieħed kif jinkiseb dan hu billi jingħataw inċentivi u appoġġ għall-iżvilupp ta’ skemi ta’ apprentistati ta’ kwalità għolja. Il-Kumitat jemmen li hu importanti li l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri jiġu involuti mill-qrib fl-iżvilupp ta’ dawn l-iskemi. Il-KESE jappella biex jittejjeb l-iskambju tal-esperjenzi u biex l-FSE jappoġġja l-iskemi ta’ apprentistati. Jeħtieġ li jiġu promossi l-iskambju tal-prattiki tajba, il-finanzjamenti inizjali u l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kwalità għat-taħriġ fuq żewġ binarji. L-applikazzjoni tal-proposta għal Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta’ Taħriġ għandha tinkludi xi inċentivi.

    4.2   Il-kwalifiki jtejbu l-kompetittività u joħolqu prospetti ġodda

    4.2.1

    Hemm bżonn ta’ bilanċ bejn il-kwalifiki sempliċi, vokazzjonali u akkademiċi. Dan għaliex l-iżvilupp fit-tul u pożittiv tal-impjiegi ma jistax ikun ibbażat biss fuq il-kwalifiki akkademiċi tal-edukazzjoni terzjarja. Minbarra l-kwalifiki formali għoljin, huwa kruċjali wkoll li jinkisbu ħiliet konoxxittivi u universali. Fil-futur ser ikun hemm bżonn aktar ħiliet trasversali u komunikattivi. Il-KESE jappoġġja l-isforzi maħsuba biex jiżguraw ir-rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki bis-saħħa tal-validazzjoni tal-ħiliet miksubin lil hinn mis-sistemi tal-edukazzjoni formali, speċjalment fid-dawl tal-proposta reċenti għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (8). Jeħtieġ li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki fil-livell nazzjonali.

    4.3   Il-kwalità tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol

    4.3.1

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma tindirizzax biss in-naħa tal-provvista iżda tiffoka aktar mill-qrib ukoll fuq id-domanda fis-suq tax-xogħol. L-intrapriżi tal-Ewropa huma atturi ċentrali sabiex tingħeleb il-kriżi fis-suq tax-xogħol. Fil-passat, ir-rata ta’ reklutaġġ tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju b’mod partikolari kienet waħda pożittiva. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-kapital u li l-ispejjeż biex jinbeda negozju jitnaqqsu b’25 %. Qed isiru sforzi kontinwi biex jonqos il-piż amministrattiv li jridu jerfgħu l-kumpaniji. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan ser ikollu impatt ekonomiku sinifikattiv fuq l-ekonomija tal-UE: il-PDG jiżdied b’mal-1,5 % jew madwar EUR 150 biljun, mingħajr ma tonqos il-protezzjoni tal-impjegati fl-istess ħin. Anke l-intrapriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi, kif enfasizza kemm-il darba l-KESE fl-opinjonijiet tiegħu (9). Barra minn hekk, dan l-aħħar f’opinjoni fuq inizjattiva proprja tas-CCMI (10) ntqal li l-kooperattivi, speċjalment il-kooperattivi tal-ħaddiema, jiggarantixxu aktar impjiegi anke fi żminijiet ta’ kriżi, għaliex huma jnaqqsu l-profitti tagħhom biex jipproteġu l-impjiegi.

    4.3.2

    Il-kompetittività għat-tul f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien teħtieġ investimenti adegwati fil-kwalifiki tal-ħaddiema. Sabiex tiġi stimolata d-domanda, is-sussidji tal-pagi u l-“in-work benefits” jistgħu jkunu wkoll miżuri utli għal ċerti gruppi mmirati (bħall-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil).

    4.3.3

    Il-KESE jilqa’ l-proposta dwar l-“aġenziji tal-ġestjoni tat-tranżizzjoni”. Però, proprju għaliex in-numru ta’ persuni qiegħda fit-tul qed jiżdied, dawn m’għandhomx ikunu limitati għas-servizzi ta’ tiftix ta’ impjieg. Hemm bżonn li joffru firxa wiesgħa ta’ servizzi sabiex jitneħħew l-ostakli għall-impjieg u sabiex in-nies (jerġgħu) jidħlu malajr fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fil-livell lokali, pereżempju permezz ta’ taħriġ kontinwu u avvanzat. L-għan tal-istrateġija tal-“inklużjoni attiva” li stabbiliet il-Kummissjoni f’Ottubru 2008 (11) mhux biss li tiggarantixxi d-dħul u tippromovi s-swieq tax-xogħol inklużivi, iżda wkoll li tagħti aċċess għas-servizzi li jipprovdu għajnuna kwalitattiva speċifika sabiex l-individwu jsib impjieg skont ix-xewqat u l-ħiliet tiegħu. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ strateġija tas-suq tax-xogħol iffokata fuq l-individwu, jeħtieġ li s-servizzi msemmijin jingħaqdu f’netwerk u li jibdew jingħataw servizzi integrati. Dan għandu jiġi appoġġjat permezz tat-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija fil-qafas tal-FSE, fost affarijiet oħrajn.

    4.3.4

    L-istaġnar tad-domanda għax-xogħol minħabba l-kriżi kontinwa qed iwassal għal żieda fil-qgħad fit-tul u dan qed iġib miegħu diffikultajiet serji fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u b’hekk anke żieda fil-faqar minħabba li jintilef il-kuntatt mas-suq tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex joqogħdu partikolarment attenti li joħolqu suq tax-xogħol intermedju inklużiv fejn ir-riżorsi pubbliċi jintużaw għall-ħolqien ta’ numru adatt ta’ impjiegi adegwati, u b’hekk il-qiegħda fit-tul ikunu jistgħu jżommu l-kuntatt tagħhom mad-dinja tax-xogħol u jtejbu l-għarfien tagħhom. B’dan il-mod jiġi evitat li jiżdied il-faqar minħabba li jintilef il-kuntatt mas-suq tax-xogħol, u dawn il-ħaddiema jkollhom tranżizzjoni mingħajr diffikultà fis-suq tax-xogħol miftuħ wara li tgħaddi l-kriżi.

    4.3.5

    Fit-tul, l-għan hu li jiġi żviluppat suq tax-xogħol Ewropew. Il-KESE jilqa’ l-proposti biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles tal-ħaddiema. B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet qafas għall-mobilità ġusta jridu jittejbu (12). Però l-mobilità m’għandhiex twassal għad-depopolazzjoni ta’ xi reġjuni. Minflok dan, ir-reġjuni aktar foqra għandhom jiġu megħjuna jirkupraw permezz tal-qsim solidali tar-riskji.

    4.4   Flessibbiltà u sigurtà

    4.4.1

    Il-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu kemm-il darba dwar il-flessigurtà. Huwa jilqa’ l-fatt li l-esperjenzi fl-indirizzar tal-kriżi wasslu għall-estensjoni tal-approċċ tal-flessigurtà. It-titjib tal-flessibbiltà interna s’issa ma ngħatax l-attenzjoni meħtieġa fil-qafas tad-dibattiti dwar il-flessigurtà. L-impjiegi għal żmien fiss u l-impjiegi temporanji jistgħu joffru tranżizzjonijiet f’qasir żmien u kultant jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ gruppi partikolarment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba. L-inċertezza tal-impjiegi marbuta ma’ dan għandha tkun tranżitorja u trid tiġi koperta mis-sigurtà soċjali. Il-KESE jopponi l-proposti msemmijin b’mod indirett fil-Komunikazzjoni għal “kuntratt tax-xogħol uniformi”. Minflok dan, huwa jirrakkomanda li jiġi miġġieled b’aktar saħħa l-impjieg prekarju u li jitressqu proposti dwar kif il-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jerġgħu lura għan-normal.

    4.5   Il-promozzjoni tad-domanda u d-distribuzzjoni ġusta

    4.5.1

    Mil-lat makroekonomiku għandu jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ bejn it-tkabbir suffiċjenti fid-domanda u l-kompetittività tal-prezzijiet (13). Dawn il-kwistjonijiet diġà qed jiġu diskussi fid-djalogu makroekonomiku, kemm f’livell tekniku kif ukoll f’livell politiku. F’dan il-kuntest, kif tirrimarka l-Kummissjoni f’paġna 24, għandha tinżamm u tiġi rispettata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali b’konformità stretta mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE. Il-Kumitat huwa kontra l-proposta li jitwaqqaf kumitat tripartitiku ġdid dwar il-pagi fil-livell Ewropew. Minflok dan, huwa jirrakkomanda li, fejn ikun hemm bżonn, jiġu riformati u msaħħa l-istrutturi eżistenti – is-summit soċjali tripartitiku u l-kumitat għad-djalogu makroekonomiku u d-djalogu soċjali – biex jiġi żgurat l-involviment effettiv u bbilanċjat tal-imsieħba soċjali, il-ministri tax-xogħol u tal-affarijiet soċjali u tal-ministri tal-finanzi u tal-ekonomija.

    4.5.2

    Il-Kumitat jilqa’ li l-Kummissjoni tittratta l-kwistjoni tal-pagi minimi u l-kwalità deċenti tal-impjiegi. Il-pagi minimi għandhom rwol importanti biex jevitaw id-dumping tal-pagi, b’mod partikolari meta l-ftehimiet kollettivi ma jipprevedu l-ebda limitu minimu għall-pagi. Madankollu, il-Kumitat huwa kontra li l-pagi minimi jitqiesu daqslikieku huma remunerazzjoni deċenti. Mhux kull paga minima tirrappreżenta fiha nnifisha remunerazzjoni deċenti; huma biss il-pagi minimi adegwati li jiżguraw ukoll pensjonijiet adegwati. Fil-prinċipju, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kumplessità tas-sistemi nazzjonali differenti għall-kalkolu tal-pagi.

    4.5.3

    Il-KESE ilu li stqarr li hu favur l-estensjoni tal-bażi tat-taxxa għall-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Punt pożittiv f’dan ir-rigward hu li fil-Pakkett dwar l-Impjiegi l-Kummissjoni titkellem dwar l-aġġustament tat-tassazzjoni fuq l-ambjent, il-konsum jew l-assi, bil-għan li l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol jonqos mingħajr l-ebda konsegwenza fuq il-baġit. Sabiex jiġu kkonsolidati l-baġits u tissaħħaħ il-vijabbiltà tas-soċjetà u tal-ekonomija permezz ta’ politika adegwata dwar l-impjiegi u l-kwalifiki, m’għandhiex titqies biss in-nefqa iżda jeħtieġ ukoll li d-dħul jittejjeb u jintuża b’mod aktar effiċjenti.

    4.6   Proposti dwar il-governanza ġdida

    4.6.1

    Il-proposti dwar il-governanza l-ġdida jsawru l-qalba tal-Komunikazzjoni. Hawnhekk il-Kummissjoni tressaq punti essenzjali ġodda u tippreżenta proposti fuq kif il-politika dwar l-impjiegi tista’ ssir aktar importanti u dinamika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dan jintlaqa’ tajjeb ħafna mill-Kumitat, billi l-politika dwar l-impjiegi diġà tilfet mill-importanza tagħha fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija ta’ Lisbona, fl-għanijiet għall-2020 u fil-governanza l-ġdida fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Għalhekk, il-KESE jitlob li ssir evalwazzjoni mingħajr dewmien tas-Semestru Ewropew u li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jiġu involuti aktar u minn qabel.

    4.6.2

    Filwaqt li s-Semestru Ewropew ikopri perjodu qasir, l-għanijiet tal-politika dwar l-impjiegi huma stabbiliti f’perspettiva medja ta’ żmien. Fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill iddeċieda li l-linji gwida dwar l-impjiegi ma jinbidlux sal-2014. Fl-2011, il-KESE kkritika li l-linji gwida tal-2010:

    ma jirriflettux biżżejjed il-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-qgħad tingħata l-ogħla prijorità;

    idgħajfu b’mod sostanzjali l-approċċ Ewropew;

    ma jinkludux għanijiet miżurabbli tal-UE mmirati lejn gruppi partikolari;

    ma jinkludu l-ebda indikazzjoni konkreta rigward il-kwalità tal-impjiegi (14).

    4.6.3

    Il-Kumitat jilqa’ l-proposti li jkun hemm sistema ta’ valutazzjoni komparattiva u tabella ta’ valutazzjoni tal-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali dwar l-impjiegi. L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jiġu involuti fit-tfassil tas-sistema ta’ valutazzjoni komparattiva u tal-kriterji għat-tabella ta’ valutazzjoni tal-progress. Barra minn hekk, huma għandhom jiġu kkonsultati wkoll fi stadju bikri tat-tħejjija tar-Rapport Annwali dwar it-Tkabbir b’rabta mad-definizzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi ewlenin tal-politika dwar l-impjiegi kif ukoll b’rabta mat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi. Fid-dawl tal-ħtieġa msemmija hawn fuq ta’ servizzi integrati u ffokati fuq l-individwu, huwa mixtieq li l-indikaturi jkun fihom komponent marbut mal-gruppi mmirati u għandhom jikkunsidraw il-kuntesti reġjonali.

    4.6.4

    Barra minn hekk, il-KESE jitlob li jkun hemm koordinazzjoni ġusta bejn l-evalwazzjoni komparattiva tal-politiki dwar l-impjiegi u l-proċedura ta’ tabella ta’ valutazzjoni f’każ ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi.

    4.6.5

    Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-Pakkett dwar l-Impjiegi maħsubin biex l-isfidi, l-għanijiet u l-progress attwali tal-politika dwar l-impjiegi jerġgħu jsiru aktar viżibbli, vinkolanti u komprensibbli, u biex jinsab bilanċ aħjar bejn il-politika ekonomika, dik dwar l-impjiegi u dik soċjali. Barra minn hekk, il-miżuri għandhom jitfasslu b’tali mod li jappoġġjaw l-għanijiet tal-UE relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Punt ta’ kritika hu li l-Pakkett dwar l-Impjiegi ma jirriflettix biżżejjed il-promozzjoni tal-impjieg tan-nisa u ma jintegrax b’mod suffiċjenti l-perspettivi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li l-Kummissjoni tħeġġeġ bnadi oħra.

    4.7   Proposti dwar il-prospetti li jiżdiedu l-impjiegi

    4.7.1

    Fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni jingħad li l-“ekonomija ekoloġika” għandha potenzjal partikolari sabiex iżżid l-impjiegi. Madankollu, dan il-potenzjal jiddependi ħafna mil-leġislazzjoni tal-Istati Membri differenti dwar kif tiġi regolata l-imġiba ambjentali. Għall-kuntrarju ta’ oqsma oħra ta’ tkabbir, bħat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, it-tkabbir tal-ekonomija ekoloġika huwa aktar immexxi mill-interessi politiċi milli mill-interessi purament ekonomiċi peress li l-ammortament tal-investimenti f’dan is-settur jieħu aktar żmien. Għalhekk hemm bżonn ta’ inċentivi ċari fil-politika ambjentali. Barra minn hekk, dawn l-inċentivi għandhom jippermettu l-ippjanar fit-tul u jnaqqsu l-inċertezzi marbutin mal-possibbiltà li tinbidel il-politika ambjentali. Sabiex l-implimentazzjoni tirnexxi, hemm assolutament bżonn ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politika ambjentali u dik ekonomika. Madankollu, din il-kooperazzjoni m’għandhiex titbiegħed mill-għanijiet li tkun maħsuba għalihom. F’dan il-kuntest, punt partikolarment kritiku hu li l-kunċett ta’ “impjieg ekoloġiku” ġie estiż għall-impjiegi ffinanzjati mit-taxxi ekoloġiċi (15). Abbażi ta’ definizzjoni bħal din, il-kontenut tal-attività ma jibqax jitqies bħala kriterju deċiżiv ta’ impjieg ekoloġiku, kunċett li għad irid jiġi definit (16).

    4.7.2

    Barra minn hekk, il-potenzjal tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika jiddependi mill-fluttwazzjonijiet ekonomiċi; is-setturi kkonċernati mhumiex stabbli. Għalhekk, il-bidla lejn ekonomija ekoloġika għall-bidu ser twassal għat-telf tal-impjiegi fl-industriji tradizzjonali. Dan it-telf tal-impjiegi għandu jittaffa b’tali mod li s-soċjetà tkun tiflaħ għalih u l-ħaddiema għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ kwalifiki ġodda skont il-ħiliet tagħhom biex jissaħħu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu xogħol. Ekonomija b’approċċ iktar ekoloġiku tista’ tistimola d-domanda għal impjigei bi kwalifiki għooljin, medji u baxxi, kif turi l-Kummissjoni Ewropea fid-dokument dwar it-tkabbir ekoloġiku (17). B’mod globali dan iwassal għal effetti ta’ sostituzzjoni; għalhekk il-Kumitat jiddubita kemm il-bilanċ tal-impjiegi huwa verament pożittiv kif qed tassumi l-Kummissjoni. Barra minn dan, ċerti setturi tat-teknoloġija ekoloġika jistgħu jikbru ħafna f’qasir żmien (pereżempju, l-industrija tal-bini), filwaqt li l-impjiegi fit-tul huma mistennija li jkunu fl-attivitajiet li jirrikjedu kwalifiki għoljin. Dawn il-ħaddiema wkoll għandhom bżonn ta’ sigurtà soċjali adegwata, u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol għandhom jitfasslu b’mod sostenibbli.

    4.7.3

    Is-sostenibbiltà tal-potenzjal tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika tiġi influwenzata ħafna wkoll mill-istrutturi tal-kwalifiki. Studju dwar l-istrutturi tal-kwalifiki (18) f’disa’ Stati Membri tal-UE juri li ż-żieda tal-impjiegi f’dan il-qasam hija mistennija li tikkonċerna l-aktar il-pożizzjonijiet li jirrikjedu kwalifiki għoljin. Fl-istess ħin, s’issa t-taħriġ offrut f’dan il-qasam għadu frammentat ħafna. Sabiex jittejbu kemm jista’ jkun l-istrutturi tat-taħriġ relatat mal-impjiegi ekoloġiċi, jeħtieġ li l-imsieħba soċjali jikkoordinaw b’mod regolari mal-istituti li joffru t-taħriġ. Madankollu, il-politika ambjentali hija importanti immens ukoll għat-taħriġ fl-ekonomija ekoloġika, peress li hi tidderieġi d-domanda għall-kwalifiki. L-Ewropa, li għad m’għandhiex riċerka u żvilupp li jassoċjaw l-imħuħ u l-kapital ta’ riskju, għadu ma rnexxilhiex toħloq is-Silicon Valley tagħha. Però l-impjiegi industrijali jiddependu mill-manifattura tal-applikazzjonijiet. B’mod ġenerali, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tgħid xejn dwar l-ixprun magħmul mir-riċerka u l-iżvilupp. Wieħed mis-setturi li joffri l-opportunitajiet sew għall-intrapriżi tal-produzzjoni u sew għas-servizzi privati u s-servizzi ta’ interess ġenerali huwa s-settur tat-tixjiħ fi stat tajjeb – f’sens wiesa’ – bis-saħħa tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex l-anzjani (li daqt jilħqu t-30 % tas-soċjetajiet tagħna) jibqgħu attivi, konnessi, mobbli, inklużi, b’saħħithom u megħjunin (19). L-eżempju tal-Asja (iċ-Ċina u l-Ġappun) għandu jiġi kkunsidrat. Jekk jiġu rikonoxxuti u mħarsa b’mod rapidu d-drittijiet tal-utenti, jintrebaħ il-ħin u tiżdied ir-rata tal-impjieg.

    4.7.4

    F’opinjoni tiegħu (20) l-KESE diġà nnota li jekk sal-2020 jintlaħaq l-għan li 20 % tal-enerġija tkun enerġija rinnovabbli, dan ser ikollu effett nett ta’ madwar 410 000 impjieg addizzjonali u impuls tat-tkabbir ta’ 0,24 % fil-prestazzjoni ekonomika meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-2005.

    4.7.5

    Settur ieħor li l-Kummissjoni temmen li jistgħu jiżdiedu l-impjiegi fih huwa dak tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Dan huwa qasam eteroġenu ħafna li jinkludi mill-programmazzjoni purament teknika sal-konsulenza u s-servizzi li jingħataw lill-klijenti. Minħabba x-xejra teknika tiegħu u r-ritmu mgħaġġel tal-innovazzjoni fih, dan il-qasam jirrikjedi ħafna għarfien u b’hekk ipoġġi esiġenzi kbar fuq l-ħaddiema li jaħdmu fih. Għal din ir-raġuni kif ukoll minħabba li l-għarfien malajr ma jibqax rilevanti, il-politika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u r-rieda tal-individwu li jitgħallem għandhom ukoll importanza kbira f’dan il-qasam. Bosta drabi l-ħaddiema jintalbu jkunu flessibbli ħafna kemm f’termini ta’ post kif ukoll ta’ ħinijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ strateġiji tal-persunal li jikkunsidraw il-fażijiet differenti tal-ħajja, sabiex il-ħaddiema jkunu marbutin mal-intrapriżi għal żmien twil. Barra minn hekk, sikwit ikun hemm riskju għoli ta’ mard u tensjoni mentali fost il-ħaddiema.

    4.7.6

    Fis-setturi tas-saħħa u tal-kura, speċjalment fl-ekonomija tal-anzjani, id-domanda hija relattivament prevedibbli minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-kunċett ta’ impjieg iġġenerat mill-anzjani jkopri l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda peress li l-istruttura tal-produzzjoni tiġi adattata għall-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. L-aktar setturi importanti għall-impjieg iġġenerat mill-anzjani huma dawk tas-saħħa u l-kura fit-tul, li jirrikjedu ammont konsiderevoli ta’ ħaddiema u fejn id-domanda min-naħa tal-popolazzjoni li qed tixjieħ hija kbira ħafna. Fl-istess ħin, però, qed jonqos in-numru disponibbli ta’ ħaddiema żgħażagħ u kkwalifikati. Minkejja li s-setturi tas-saħħa u tal-kura huma elementi ċentrali għall-ħolqien tal-valur fl-ekonomija, ħafna impjiegi fil-qasam tas-servizzi personali mhumiex attraenti biżżejjed għaliex huma impjiegi għal perjodu limitat u b’pagi baxxi. Problema oħra hi t-tensjoni fiżika qawwija, li minħabba fiha bosta nies jieqfu jaħdmu qabel iż-żmien. Madankollu, il-prodotti u s-servizzi ta’ kwalità jistgħu jiġu żgurati fit-tul biss jekk ikun hemm impjiegi tal-istess kwalità għolja. Bis-saħħa ta’ miżuri fil-qasam tas-saħħa u fit-titjib tas-sistemi tal-kura (fit-tul) u tal-għajnuna, b’mod partikolari fid-djar, jistgħu jinħolqu bosta impjiegi. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu wkoll ħafna opportunitajiet permezz tal-promozzjoni tal-investimenti li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-intrapriżi inklużivi u tal-intrapriżi soċjali f’dan is-settur.

    Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23.

    (2)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70.

    (3)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurostat Nru 138/2012 tal-1 ta’ Ottubru 2012.

    (4)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurostat Nru 138/2012 tal-1 ta’ Ottubru 2012.

    (5)  SWD(2012) 90 final, p. 10ff.

    (6)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

    (7)  Eurofound (2012), “Youth Garanties: Experiences from Finland and Sweden”.

    (8)  COM(2012) 485 final.

    (9)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44.

    (10)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24.

    (11)  C(2008) 5737: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:307:0011:0014:MT:PDF.

    (12)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14.

    (13)  Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

    (14)  ĠU 143, 22.5.2012, p. 94.

    (15)  SWD(2012) 92 final.

    (16)  Skont id-definizzjoni tal-UNEP, pereżempju, kull attività li l-kontenut tagħha jagħti kontribut għall-ħarsien jew ir-riġenerazzjoni tal-kwalità tal-ambjent hija attività ekoloġika.

    (17)  SWD(2012) 92 final.

    (18)  Nota ta’ informazzjoni tas-CEDEFOP (Frar 2012), “A strategy for green skills?”

    (19)  Seduta tal-KESE tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar it-tixjiħ attiv u t-teknoloġija tal-informazzjoni.

    (20)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 1.


    Top