Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0402(07)

    Avviż ta' bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġinaw, inter alia , fl-Indja

    ĠU C 102, 2.4.2011, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 102/18


    Avviż ta' bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġinaw, inter alia, fl-Indja

    2011/C 102/09

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal reviżjoni

    It-talba tressqet minn Dhunseri Petrochem & Tea Limited (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Indja.

    L-ambitu tar-reviżjoni huwa limitat għall-eżami tad-dumping safejn għandu x'jaqsam l-applikant.

    2.   Il-prodott

    Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa l-polietilentereftalat (PET) li għandu viskożità ta' 78 ml/g jew aktar, skont il-Istandard ISO 1628-5, ikklassifikat attwalment taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina fl-Indja (“il-prodott ikkonċernat”).

    3.   Miżuri Eżistenti

    Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv tal-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 (2) fuq importazzjonijiet ta' ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina, inter alia, fl-Indja, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2008 (3).

    4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

    It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie, ipprovduta mill-applikant, li, safejn għandu x'jaqsam l-applikant, iċ-ċirkustanzi li fuqhom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema.

    L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li, safejn għandu x'jaqsam l-applikant, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tibbilanċja d-dumping. B’mod partikolari, l-applikant jallega li kien hemm bidliet sinifikanti fil-kostijiet tal-produzzjoni tal-kumpanija, primarjament minħabba nuqqas sinifikanti ta’ dazji doganali applikabbli għal importazzjonijiet ta' materja prima bażika u għal titjib fil-proċess tal-produzzjoni; dawn il-bidliet wasslu għal marġni sostanzjalment aktar baxxa ta’ dumping mill-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti. Tqabbil tal-prezzijiet domestiċi tal-applikant mal-prezzijiet tiegħu tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni jindika li l-marġini ta' dumping tidher li hija sostanzjalment aktar baxxa mil-livell attwali tal-miżura.

    Għalhekk, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet ibbażata fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex meħtieġa biex tibbilanċja d-dumping.

    5.   Proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

    Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tevalwa l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emendar tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-applikant.

    Jekk jinstab li l-miżuri għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn kumpaniji oħra fl-Indja.

    (a)   Kwestjonarji

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a).

    (b)   Ġbir ta' informazzjoni u seduti ta’ smigħ

    Il-partijiet kollha interessati, b'dan, qed jiġu mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni barra mit-tweġibiet li taw fil-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, kemm-il darba dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b).

    6.   Limiti ta’ żmien

    (a)   Għal partijiet li jridu jippreżentaw rwieħhom, biex jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kwalunkwe informazzjoni oħra

    Il-partijiet kollha interessati, jekk għandhom jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw rwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ta' min isemmi li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-parti li tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi hawn fuq.

    (b)   Seduti ta' smigħ

    Il-partijiet kollha interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

    7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 04/092

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Fax +32 22956505

    8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

    Huwa nnutat li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (5).

    11.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Huwa nnutat ukoll li jekk il-partijiet interessati jikkunsidraw li qegħdin jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 340, 19.12.2008, p. 1.

    (4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Antidumping).

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top