Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0779

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

/* KUMM/2011/0779 finali - 2011/0359 (COD) */

52011PC0779

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku /* KUMM/2011/0779 finali - 2011/0359 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-miżuri adottati kemm fl-Ewropa kif ukoll barra mill-Ewropa fis-sitwazzjoni immedjata ta’ wara l-kriżi finanzjarja ffukaw l-aktar fuq il-ħtieġa urġenti sabiex tinstab stabilità għas-sistema finanzjarja. Filwaqt li nxteħet dubju u ġie analizzat fid-dettall ir-rwol li kellhom il-banek, il-fondi ħeġġ, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, is-superviżuri jew il-banek ċentrali f’diversi mumenti, ftit li xejn jew l-ebda attenzjoni ma ngħatat lir-rwol li kellhom l-awdituri fl-kriżi – jew tabilħaqq, ir-rwol li kellu jkollhom. Minħabba li diversi banek kellhom telf enormi mill-2007 sal-2009 fuq il-pożizzjonijiet li kellhom fuq u li ma jidhrux fuq l-karta bilanċjali, għal diversi ċittadini u investituri huwa ferm diffiċli li jifhmu kif l-awdituri setgħu jagħtu rapporti tal-awditjar pożittivi lill-klijenti tagħhom (b’mod partikolari lill-banek) għal dawk il-perjodi.

Huwa importanti wkoll li jiġi osservat li fi kriżi fejn ittieħed impenn ta’ €4 588.9 biljun minn taxxi tal-kontribwenti sabiex jiġu appoġġjati l-banek bejn Ottubru 2008 u Ottubru 2009 u fejn għajnuna bħal din ammontat għal 39% tal-PDG tal-UE 27 fl-2009[1], jeħtieġ li jittejbu l-komponenti kollha tas-sistema finanzjarja.

Awditjar robust huwa importanti sabiex jerġgħu jiġu stabiliti l-fiduċja u l-kunfidenza tas-suq. Jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-investitur billi jipprovdu informazzjoni faċilment aċċessibbli, kosteffiċenti u affidabbli dwar ir-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji. Potenzjalment inaqqsu wkoll il-kost tal-kapital għall-kumpaniji awditjati billi jiżguraw aktar trasparenza u affidabilità tar-rapporti finanzjarji.

Huwa importanti wkoll li ssir enfasi fuq il-fatt li l-awdituri huma inkarigati skont il-liġi sabiex iwettqu awditi statutorju tar-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji li jgawdu responsabilità limitata u/jew li huma awtorizzati li jipprovdu servizzi fis-settur finanzjarju. Dan l-inkarigu jwieġeb għas-sodisfazzjon ta’ rwol fis-soċjetà li joffri opinjoni dwar il-verità u l-ġustizzja tar-rapporti finanzjarji ta’ dawk il-kumpaniji.

Mill-1984, ir-regoli tal-UE irregolaw parzjalment l-awditjar statutorju meta direttiva (id-Direttiva 1984/253/KEE) armonizzat il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-awdituri. Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki [awditjar] statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (minn hawn ’il quddiem id-Direttiva 2006/43/KE) ġiet adottata fl-2006 u wessgħet b’mod konsiderevoli l-ambitu tad-Direttiva ta’ qabel.

Il-kriżi finanzjarja enfasizzat id-dgħufijiet fl-awditjar statutorju b’mod speċjali fir-rigward tal-Entitajiet ta’ Interess Pubbliku (PIE - Public-Interest Entities), entitajiet li huma ta’ interess pubbliku sinifikanti minħabba n-negozju tagħhom, id-daqs tagħhom, in-numru ta’ impjegati tagħhom jew li l-istatus korporattiv tagħhom huwa tali li għandhom firxa kbira ta’ partijiet interessati. Għaldaqstant, din il-proposta tistabilixxi l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-awditjar statutorju fuq ir-rapporti finanzjarji tal-PIEs

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mit-13 ta’ Ottubru sat-8 ta’ Diċembru 2010[2].

B’kollox ġew irċevuti kważi 700 tweġiba minn diversi partijiet interessati; dawn inkludew membri tal-professjoni, superviżuri, investituri, akkademiċi, ditti, awtoritajiet tal-gvern, korpi professjonali u individwi.

Il-konsultazzjoni wriet kemm xewqa għall-bidla kif ukoll reżistenza għaliha; il-partijiet interessati li attwalment huma stabiliti sew huma partikolarment kontra l-bidliet. Min-naħa l-oħra, uħud, b’mod partikolari l-professjonisti minn kumpaniji żgħar u medji kif ukoll l-investituri, ikkonkludew li l-kriżi finanzjarja riċenti xeħtet dawl qawwi fuq in-nuqqasijiet. Sommarju tas-sottomissjonijiet pubbliċi rċevuti jista’ jinstab fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2010/audit/summary_responses_en.pdf

Barra minn hekk, konferenza ta’ livell għoli dwar l-awditjar mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Frar 2011[3] tat l-opportunità għal skambju ulterjuri tal-opinjonijiet.

Il-Parlament Ewropew adotta rapport fuq inizjattiva proprja fit-13 ta’ Settembru 2011 dwar dan bħala tweġiba għall-Green Paper tal-Kummissjoni u obbliga lill-Kummissjoni sabiex din tiżgura aktar trasparenza u kompetizzjoni fis-suq tal-awditjar[4]. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta rapport simili fis-16 ta’ Ġunju 2011[5].

L-Istati Membri ġew mgħarrfa dwar dawn il-problemi fil-laqgħa tal-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji tas-16 ta’ Mejju 2011 u fil-laqgħa tal-Kumitat Regolatorju tal-Awditjar tal-24 ta’ Ġunju 2011.

Filwaqt li żżomm mal-prinċipji ta’ 'Regolamentazzjoni Aħjar', il-Valutazzjoni tal-Impatt tidentifika l-oqsma varji tal-problema li jistgħu jeħtieġu azzjoni regolatorja:

· Teżisti diskrepanza fl-istenniji ta' dak li l-partijiet interessati jistennew u dak li l-awdituri jagħmlu tabilħaqq.

· L-indipendenza la hija ggarantita u lanqas ma tista’ tintwera f’paradigma fejn l-awditjar sar effettivament wieħed mill-bosta servizzi kummerċjali. In-nuqqas ta’ sejħiet għall-offerti għal servizzi tal-awditjar u ta’ rotazzjoni perjodika tad-ditti tal-awditjar ċaħħad lill-awditjar mill-karatteristiċi prinċipali tiegħu: ix-xettiċiżmu professjonali.

· Konċentrazzjoni tas-suq u nuqqas ta’ għażla: Is-suq huwa tant ippolarizzat li l-okkażjoni hija rari meta l-awditur ta’ PIE mhuwiex ditta fost l-'Erbgħa l-Kbar'. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-Erbgħa l-Kbar jawditjaw aktar minn 85% tal-kumpaniji l-kbar elenkati.

Il-valutazzjoni tal-impatt irriżultat fl-alternattivi ta' politika ppreferuti li ġejjin:

· L-ambitu tal-awditu statutorju jiġi ċċarat u speċifikat u l-informazzjoni li l-awditur jipprovdi lill-utenti, lill-entitajiet awditjati, lill-kumitati tal-awditjar u lis-superviżuri, jitjieb.

· Il-projbizzjoni tal-forniment ta' servizzi mhux ta’ awditjar lil entitajiet awditjati u anke l-projbizzjoni tal-forniment ta' servizzi mhux ta’ awditjar b’mod ġenerali jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtieġa sabiex tissaħħaħ l-indipendenza u x-xettiċiżmu professjonali. Barra minn hekk, regoli aktar stretti fil-proċedura għall-ħatra ta' awdituri u l-introduzzjoni ta' rotazzjoni ta’ ditta tal-awditjar mandatorja jikkontribwixxu għal awditjar ta’ kwalità ogħla.

· Biex tiġi ffaċilita għażla oġġettiva ta’ fornitur tal-awditjar, klawsoli kuntrattwali li jillimitaw l-għażla tad-ditta tal-awditjar jiġu pprojbiti, it-trasparenza fuq il-kwalità tal-awditjar u fuq ditti tal-awditjar għandha tiżdied u tiġi stabilita ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-awditjar.

· Biex tiżdied l-għażla tal-fornituri tal-awditjar għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet ta’ sjieda.

· L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-awditjar għandhom jissaħħu u tiġi stabilita kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha fi ħdan l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS).

Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta jista’ jinstab fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/index_en.htm

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1         Bażi ġuridika

Id-Direttiva 2006/43/KE eżistenti hija bbażata fuq l-Artikolu 50 tat-TFUE. Ir-rekwiżiti relatati mal-istabiliment (eż. dawk ir-rekwiżiti li jindirizzaw l-approvazzjoni/reġistrazzjoni tal-awdituri) u emendi għalihom jibqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva[6].

Rekwiżiti addizjonali speċifiċi li jindirizzaw il-kondotta ta’ awditu statutorju ta’ PIEs huma stabiliti f’dan ir-regolament, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

S’issa, ir-regoli tal-UE ħallew diskrezzjoni kbira għall-Istati Membri, li min-naħa tagħhom ibbażaw ħafna fuq l-awtoregolamentazzjoni mill-professjoni. Il-kriżi wriet li l-awtoregolamentazzjoni mhijiex adegwata meta wieħed iħares lejn il-ġejjieni. Barra minn hekk, il-problemi enfasizzati fil-Valutazzjoni tal-Impatt ma jistgħux jissolvew fuq livell nazzjonali minħabba li jfeġġu differenzi importanti fil-qafas regolatorju u dan, min-naħa tiegħu, idgħajjef is-suq uniku

Minħabba n-natura interkonnessa tas-swieq tat-titoli u tal-atturi finanzjarji, l-awditjar fl-Unjoni kollha isir fi ħdan qafas armonizzat. Huwa kruċjali li r-rwol, l-indipendenza tal-awdituri u l-istruttura tas-suq jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni minħabba li l-PIEs fl-Ewropa, spiss għandhom attivitajiet transfruntieri. Huwa ta’ min jinnota li l-leġiżlazzjoni li tkopri l-protezzjoni tal-investitur kif ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji hija diġà implimentata fil-livell tal-Unjoni.

Barra minn hekk, approċċ koordinat fil-livell tal-Unjoni, issupplimentat minn appoġġ internazzjonali, ibaxxi wkoll ir-riskju ta’ arbitarġġ regolatorju.

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

3.3.        Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-Artikoli 39 sa 43 tad-Direttiva 2006/43/KE, diġà jindirizzaw ċerti rekwiżiti li japplikaw għall-awditjar statutorju tal-PIEs. Dawk ir-rekwiżiti mhumiex sejrin jibqgħu parti mid-Direttiva, iżda sejrin jiġu integrati (u żviluppati aktar ) f'dan ir-Regolament.

Regolament huwa strument legali xieraq u proporzjonat sabiex jiżgura kwalità għolja tal-awditjar tal-PIEs. L-applikabilità diretta ta’ Regolament toffri ċertezza legali ikbar. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni ssir applikabbli fl-istess data madwar l-Unjoni, b’hekk jiġu evitati problemi assoċjati mat-traspożizzjoni tard tal-leġiżlazzjoni mill-Istati Membri[7]. Barra minn hekk, regolament joffri grad għoli ta’ armonizzazzjoni: awditu statutorju jsir skont regoli sostanzjalment identiċi fl-Istati Membri kollha.

3.3.1.     Titolu I (suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet)

Ir-Regolament japplika għall-awdituri li jwettqu awditu statutorju tal-PIEs u għall-PIEs awditjati, eż. regoli dwar il-kumitat għall-awditjar li PIE hija meħtieġ li jkollha.

Għall-finijiet tar-Regolament, id-definizzjonijiet li japplikaw għad-Direttiva 2006/43/KE emendata għandhom japplikaw hawnhekk. Hekk kif is-settur finanzjarju jiżviluppa, jinħolqu kategoriji ġodda ta' istituzzjonijiet finanzjarji skont id-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant, huwa xieraq li d-definizzjoni tal-PIEs tinkludi wkoll ditti ta’ investiment, istituzzjonijiet ta’ pagament, impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS – Undertaking for Collective Investment in Transferable Securities), istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u fondi ta’ investiment alternattiv.

3.3.2.     Titolu II (Kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku)

Kapitolu I (Indipendenza u evitar ta’ kunflitt ta’ interess)

Awditur għandu jistabilixxi politiki u proċeduri adegwati sabiex jiżgura l-konformità mal-obbligi skont ir-Regolament fir-rigward tal-indipendenza, is-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità u s-superviżjoni tal-impjegati.

Dawk li qabel kienu awdituri, sħab ewlenin fl-awditjar jew l-impjegati tagħhom mhumiex permessi jassumu karigi maniġerjali ewlenin fl-entità awditjata, li jsiru membru tal-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata, li jsiru membru mhux eżekuttiv tal-korp amministrattiv jew li jissieħbu f'korp superviżorju tal-entità awditjata fi żmien sentejn mit-terminazzjoni tal-inkarigu tal-awditjar.

Id-drittijiet għall-forniment ta' servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatata lill-entità awditjata għandhom ikunu limitati għal 10% tat-tariffi tal-awditjar imħallsa minn dik l-entità. Barra minn hekk, fejn id-drittijiet totali, is-servizzi ta’ awditjar u servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati, riċevuti minn awditur minn PIE jilħqu perċentwal sinifikanti tad-drittijiet annwali totali tiegħu/tagħha, jiġu applikati salvagwardji xierqa.

L-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar jew membru tan-netwerk tad-ditta tal-awditjar ma jitħallewx jipprovdu servizzi mhux ta’ awditjar li jkunu fundamentalment inkompatibbli mal-funzjoni indipendenti ta' interess pubbliku tal-awditu għall-entitajiet awditjati fil-każijiet kollha, filwaqt li għal servizz oħra li ma jkunux fundamentalment inkompatibbli mas-servizzi tal-awditjar, il-kumitat tal-awditjar jew l-awtorità kompetenti se tingħata s-setgħa tivvaluta, skont iċ-ċirkostanzi konkreti, jekk dawn ikunux jistgħu jitfornew lill-entità awditjata. Madankollu, jistgħu jiġu pprovduti servizzi ta’ awditjar finanzjarju. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li taddatta l-listi tas-servizzi awtorizzati u ta’ servizzi pprojbiti skont il-kundizzjonijiet stabiliti fit-Titolu VI. Barra minn hekk, ditti tal-awditjar ta’ dimensjoni sinifikanti għandhom jiffokaw l-attività professjonali tagħhom fuq it-twettiq ta' awditu statutorju u m’għandhomx jitħallew iwettqu servizzi mhux tal-awditjar.

Qabel ma jaċċetta jew ikompli inkarigu, awditur għandu jivvaluta t-theddid potenzjali kollu għall-indipendenza tiegħu/tagħha u għandu jikkonnferma l-indipendenza tiegħu lill-kumitat tal-awditjar.

Kapitolu II (Kunfidenzjalità u segretezza professjonali)

L-awdituri m’għandhomx jinvokaw regoli ta’ segretezza professjonali sabiex jimpedixxu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta.

L-Artikolu 13 jiżgura li l-informazzjoni meħtieġa tista' tiġi skambjata matul it-twettiq tal-awditjar. Madankollu, tali regoli m’għandhomx jippermettu awditur jikkoopera ma' awtoritajiet ta' pajjiż terz barra l-kanali ta' kooperazzjoni stabiliti fil-Kapitolu XI tad-Direttiva 2006/43/KE.

Kapitolu III (Twettiq tal-awditu statutorju)

Ir-Regolament jistabilixxi li l-awditur għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa bil-għan li jifforma opinjoni dwar jekk l-istrumenti finanzjarji jagħtux opinjoni vera u ġusta u jekk ikunux tħejjew skont il-qafas ta’ rapportar finanzjarju relevanti. Ma jinkludix l-assigurazzjoni dwar il-vijabilità fil-ġejjieni tal-entità awditjata lanqas l-effiċjenza jew l-effikaċja li bihom il-korp maniġerjali jew amministrattiv wettaq jew sejjer iwettaq il-materji tal-entità. Madankollu, din l-esklużjoni la għandha ddgħajjef il-kompiti li awditur jeħtieġ li jagħmel sabiex iwettaq l-awditjar kif suppost u lanqas xi rekwiżiti ta’ rapportar.

Ix-xettiċiżmu professjonali huwa rinforzat. L-awditur għandu dejjem jibqa’ attent għall-possibilità ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali minħabba żball jew frodi, minkejja l-esperjenza preċedenti tal-awditur mal-entità.

Qed jiġu stabiliti r-rekwiżiti bażiċi għat-twettiq tal-awditu statutorju. Id-ditta tal-awditjar għandha taħtar għallinqas sieħeb ewlieni tal-awditjar, li għandu jkun involut b’mod attiv fit-twettiq tal-awditu statutorju. Jiġu assenjati wkoll riżorsi suffiċjenti. Għandu jinżamm rekord tal-kont tal-klijent u għandu jinħoloq fajl tal-awditjar. Barra minn hekk, l-awditur għandu jagħmel ċert li r-rekwiżiti organizzazzjonali kollha jiġu applikati.

Fejn iseħħ inċident li għandu jew jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-integrità tal-attivitajiet ta’ awditu statutorju, l-awditur għandu jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiġġestixxi l-konsegwenzi tal-inċident u jipprevjeni kwalunkwe rikorrenza.

Fil-każ tal-awditjar tar-rapporti finanzjarji konsolidati, fejn l-awditur tal-grupp ma jkunx f’pożizzjoni li jiddokumenta x-xogħol ta' awditjar imwettaq mill-awditur(i) ta' pajjiż terz, huwa jeħtieġ li jieħu miżuri xierqa inkluż xogħol ta' awditjar addizzjonali u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti.

Awditur/ditta tal-awditjar għandhom iwettqu r-reviżjoni tal-kontroll tal-kwalità intern tagħhom stess qabel ma jissottomettu r-rapport tal-awditjar. L-eżaminazzjoni għandha tkun ir-responsabilità ta’ awditur li ma jkunx involut fil-prestazzjoni ta’ awditu statutorju li miegħu tkun tirrelata l-eżaminazzjoni tal-kwalità interna.

Kapitolu IV (Rapportar tal-awditjar)

Il-kontenut tar-rapport tal-awditjar iddivulgat lill-pubbliku twessa' sabiex jispjega l-metodoloġija użata, b’mod speċjali kemm mill-karta bilanċjali ġie awditjat direttament u kemm ġie bbażat fiq l-ittestjar tas-sistema u l-konformità, il-livelli tal-materjalità applikata biex jitwettaq l-awditjar, l-oqsma ewlenin tar-riskju ta’ dikjarazzjonijiet skorretti materjali tar-rapporti finanzjarji, jekk l-awditu statutorju ġietx iddisinjata biex tikxef frodi u, fil-każ ta’ opinjoni kwalifikata jew avversa jew rinunzja ta’ opinjoni, ir-raġunijiet għal tali deċiżjoni. Għandu jispjega wkoll il-varjazzjoni fl-ippeżar tal-ittestjar sostantiv u ta’ konformità meta mqabbla mas-sena preċedenti.

Barra minn hekk, l-awditur għandu jħejji wkoll rapport twil u aktar dettaljat għall-kumitat tal-awditjar. Dan ir-rapport ikun jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-awditjar imwettaq, fuq is-sitwazzjoni tal-impriża bħala tali (eż. avvjament) u r-riżultati tal-awditjar ikkombinati mal-ispjegi neċessarji. Dan ir-rapport addizzjonali għandu jippreżenta wkoll (u jiġġustifika) ix-xogħol ta' awditjar imwettaq lill-kumitat tal-awditjar. Dan ir-rapport itwal jiġi sottomess lill-kumitat għall-awditjar u lill-maniġment tal-entità awditjata, iżda mhux lill-pubbliku (minħabba li l-kontenut tiegħu jkun jinkludi sigrieti kummerċjali u informazzjoni potenzjalment sensittiva dwar il-prezzijiet). Madankollu, fuq talba, l-awditur għandu jagħmel dan ir-rapport disponibbli għall-awtorità kompetenti.

F’ħafna mid-direttivi dwar is-servizzi finanzjarji, l-awditur huwa diġà meħtieġ li jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw il-PIE dwar kwalunkwe fatt jew deċiżjoni dwar il-PIE. Dan l-obbligu issa huwa estiż għall-PIEs kollha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jistabilixxu djalogu regolari mal-awdituri.

Kapitolu V (Rapportar tat-trasparenza minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar u żamma ta' rekords)

L-awdituri sejrin ikunu meħtieġa jiddivulgaw l-informazzjoni finanzjarja, li turi b’mod partikolari l-fatturat totali tagħhom maqsum f'tariffi tal-awditjar imħallsa mill-PIEs, tariffi tal-awditjar imħallsa minn entitajiet oħrajn u tariffi għal servizzi oħrajn. Għandhom jiddivulgaw ukoll informazzjoni finanzjarja fil-livell tan-netwerk li jappartjenu għalih.

Ir-rapporti tat-trasparenza tal-awdituri tal-PIEs għandu jkollhom magħhom dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva tad-ditta stess. Informazzjoni supplimentari addizzjonali fuq it-tariffi tal-awditjar tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jiġu ffaċilitati l-kompiti superviżorji tagħhom.

L-awditur għandu jżomm ċerti dokumenti u informazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin.

3.3.3.     Titolu III (Il-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar minn entitajiet ta’ interess pubbliku)

Sabiex tissaħħaħ l-indipendenza u l-kapaċità tal-kumitat tal-awditjar, dan għandu jkun magħmul minn membri mhux eżekuttivi, għallinqas membru wieħed għandu jkollu esperjenza u għarfien fl-awditjar u ieħor fil-kontabilità u/jew l-awditjar.

Il-proposta għall-ħatra tal-awditur għal-laqgħat tal-azzjonisti għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar. Ir-rakkomandazzjoni dejjem għandu jkun fiha ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni proposta. Barra minn hekk, sakemm ma tolqotx it-tiġdid ta’ inkarigu tal-awditjarm, ir-rakkomandazzjoni għandu jkun fiha żewġ għażliet (għajr l-awditur eżistenti) u l-kumitat tal-awditjar għandu jfisser preferenza ġġustifikata kif dovut għal waħda minnhom. Ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar għandha ssir wara t-tlestija tal-proċess dovut ta’ sejħiet għal offerti. Fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' impriżi tal-assigurazzjoni, il-kumitat tal-awditjar għandu jibgħat ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-awtorità superviżorja prudenzjali, li għandu jkollha d-dritt għall-veto għall-għażla proposta.

Klawsoli kuntrattwali ma’ partijiet terzi li jillimitaw l-għażla tal-entità awditjata ta’ awditur jiġu pprojbiti.

Bil-għan li tiġi indirizzata t-theddida tal-familjarità li tirriżulta mid-ditta awditjata li spiss taħtar u terġa’ taħtar lill-istess ditta tal-awditjar għal deċenni, ir-regolament jintroduċi rotazzjoni obbligatorja ta’ ditti ta’ awditjar għal perjodu massimu ta’ 6 snin, li f'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, jista' jiġi estiż għal 8 snin. Fejn entità ta’ interess pubbliku tkun ħatret żewġ awdituri statutorji jew ditti tal-investiment jew aktar, id-durata massima tal-inkariku tkun ta’ 9 snin; fuq bażi eċċezzjonali, tali durata tista' tiġi estiża għal 12-il sena. Dan jipprovdi wkoll għal żmien biex wieħed jerġa’ jaħsibha qabel ma d-ditta tal-awditjar ikun jista’ jitwettaq l-awditu statutorju tal-istess entità mill-ġdid. Sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla intoppi, l-awditur preċedenti huwa meħtieġ li jittrasferixxi fajl ta' trasferiment bl-informazzjoni relevanti lill-awditur il-ġdid.

Il-kumitat tal-awditjar, azzjonista wieħed jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-PIEs huma mogħtija s-setgħa li jressqu talba quddiem qorti nazzjonali għat-tneħħija tal-awditur fejn ikun hemm raġunijiet xierqa għal dan.

3.3.4.     Titolu IV (Sorveljanza tal-attivitajiet tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku)

Kapitolu I (Awtoritajiet pubbliċi)

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar li jawditjaw lill-PIEs. Dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom persunal biżżejjed u għandhom ikunu indipendenti mill-awdituri. L-obbligi tas-segretezza professjonali japplika għall-impjegati tal-awtoritajiet kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjoni tagħhom iżda m’għandhomx jintereferixxu mal-kontenut ta’ rapport tal-awditur.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw fil-livell nazzjonali mal-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar (Direttiva 2006/43/KE) u ma’ superviżuri oħrajn tal-PIEs eż. is-superviżur bankarju jew tal-assigurazzjoni.

Kapitolu II (garanzija tal-kwalità, investigazzjoni, monitoraġġ tas-suq, ippjanar ta’ kontinġenza u trasparenza tal-awtoritajiet kompetenti)

Il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti jinkludu:

· it-twettiq ta' eżaminazzjonijiet tal-garanzija tal-kwalità fuq l-awditu statutorju imwettaq. Dawn l-eżaminazzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati għall-iskala u d-dimensjoni tal-attività tal-awditur eżaminat;

· investigazzjoni bil-għan li jinkixef, jiġi kkoreġut u pprevenut awditu statutorju inadegwat tal-PIEs;

· il-monitoraġġ tal-iżvilupp fis-suq għall-forniment ta' servizzi ta’ awditjar statutorju lill-PIEs;

· monitoraġġ regolari tat-theddid possibbli għall-kontinwità tal-operazzjonijiet tad-ditti tal-awditjar il-kbar, inkluż ir-riskji li jirriżultaw minn konċentrazzjoni għolja u l-ħtieġa li ditti tal-awditjar kbar jistabilixxu pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex jiġi indirizzat theddid bħal dan;

· li jkunu trasparenti dwar l-attivitajiet tagħhom, inkluż il-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ eżaminazzjoni tal-garanzija tal-kwalità individwali.

Kapitolu III (Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti u relazzjonijiet mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej)

Ir-regolament jeħtieġ li l-kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti sseħħ fi ħdan l-AETS, b’hekk jieħu post il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha attwali taħt il-patroċinju tal-Grupp Ewropew tal-Korpi ta’ Sorveljaturi tal-Awdituri (EGAOB - European Group of Auditors' Oversight Bodies), grupp espert ippresedut mill-Kummissjoni Ewropea. L-AETS diġà qed taħdem fil-qasam tal-awditjar (u kontabilità) fir-rigward tal-PIEs u l-qafas ġuridiku jipprevedi l-kooperazzjoni tal-AETS, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet Okkupazzjonali (AEAPX) fi ħdan il-kumitat konġunt tagħhom fil-qasam tal-awditjar. L-AETS hija meħtieġa toħloq kumitat intern permanenti li għandu jkun magħmul għallinqas mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

L-AETS għandha toħroġ gwida fuq bosta kwistjonijiet: eż. fuq il-kontenut u l-preżentazzjoni tar-rapport tal-awditjar u r-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar, fuq l-attività ta’ superviżjoni tal-kumitat tal-awditjar jew għat-twettiq ta’ eżaminazzjonijiet tal-garanzija tal-kwalità.

Qiegħda tiġi introdotta ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-awditjar pan-Ewropea ‘volontarja’ sabiex iżżid il-viżibilità, ir-rikonoxximent u r-reputazzjoni tad-ditti tal-awditjar kollha li għandhom kapaċitajiet li jwettqu awditjar ta’ kwalità għolja tal-PIEs. L-AETS għandha tippubblika r-rekwiżiti għall-ksib taċ-ċertifikat flimkien ma’ kwalunkwe implikazzjonijiet amministrattivi u ta’ tariffi. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu involuti fl-eżami tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat. Fir-rigward tal-investigazzjoni u l-ispezzjonijiet fiq is-sit, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor, jekk huma jikkonkludu li qegħdin isiru jew saru attivitajiet kontrarji għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Barra minn hekk, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ titlob li ssir investigazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

Barra minn hekk, l-AETS tista’ tistabilixxi kulleġġi ta’ awtoritajiet kompetenti fuq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew iktar sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ ċerti kompiti.

Kapitolu IV (Kooperazzjoni ma’ awdituri ta’ pajjiż terz u ma’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali)

L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni fuq l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanziji tas-segretezza professjonali u diment li r-regoli ta’ protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati.

3.3.5.     Titolu V (Provvedimenti superviżorji u penali)

Sabiex ittejjeb il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-9 ta’ Diċembru 2010 intitolata 'Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji'[8], is-setgħat li jiġu adottati miżuri superviżorji u s-setgħat ta' sanzjonar tal-awtoritajiet kompetenti huma mtejba. Huma mbassra sanzjonijiet pekunarji Amministrattivi fuq l-awdituri u l-PIEs għall-ksur identifikat. L-awtoritajiet għandhom ikunu trasparenti dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri li japplikaw.

3.3.6.     Titolu VI (Rapportar u dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali)

Ġie introdott reġim tranżizzjonali fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu tar-rotazzjoni tad-ditti tal-awditjar, l-obbligu li tiġi organizzata proċedura tas-selezzjoni għall-għażla ta' ditta tal-awditjar u l-istabiliment ta' ditti tal-awditjar li jipprovdu biss servizzi tal-awditjar.

3.3.7.     Standards tekniċi regolatorji u konformità mal-Artikolu 290 tat-TFE

Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fl-awditjar u s-suq tal-awditjar, l-AETS hija mitluba tissottometti standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sabiex tispeċifika rekwiżiti tekniċi fuq il-kundizzjonijiet skont liema awditu statutorju għandu jitwettaq b'mod konġunt mill-awdituri maħtura, il-kontenut tal-fajl ta’ trasferiment li l-awditur il-ġdid għandu jirċievi u l-istabiliment ta’ ċertifikat ta’ kwalità Ewropew għall-awdituri li jwettqu awditi statutorju tal-PIEs. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta dawn l-istandards tekniċi bħala atti delegati.

Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat proposti għal Regolamenti li jistabilixxu l-ABE (l-Awtorità Bankarja Ewropea), l-AEAPX (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u l-AETS (l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq)[9]. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tixtieq tfakkar fid-Dikjarazzjoni b'rabta mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE li kienet għamlet fl-adozzjoni tar-Regolamenti li jistabilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li skont liema: "fir-rigward tal-proċess għall-adozzjoni ta' standards regolatorji, il-Kummissjoni tenfasizza n-natura unika tas-settur tas-servizzi finanzjarji, li jkompli mal-istruttura Lamfalussy u li kien speċifikament rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni 39 għat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji serji jekk ir-restrizzjonijiet fuq ir-rwol tagħha meta tadotta atti delegati u miżuri ta' implimentazzjoni humiex skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE."

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta tal-Kummissjoni m’għandha l-ebda impatt dirett jew indirett fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-kompiti li jiġu fdati lil korpi superviżorji tal-UE kif imsemmija fil-proposta ma jinvolvux iffinanzjar addizzjonali tal-UE.

2011/0359 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10],

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data[11],

Wara li aġixxew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) L-awdituri statutorji u ditti tal-awditjar huma fdati skont il-liġi li jwettqu awditi statutorji tal-entitajiet ta’ interess pubbliku bil-għan li jtejbu l-grad ta’ fiduċja tal-pubbliku fir-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta’ tali entitajiet. Il-funzjoni ta’ interess pubbliku ta’ awditu statutorju tfisser li komunità wiesgħa ta’ persuni u istituzzjonijiet tiddependi fuq il-kwalità tax-xogħol ta’ awditur statutorju. Kwalità tajba tal-awditjar tikkontribwixxi għall-funzjonament kif jixraq tas-swieq billi ttejjeb l-integrità u l-effiċjenza tar-rapporti finanzjarji. B'hekk, l-awdituri jissodisfaw rwol fis-soċjetà li huwa partikolarment importanti.

(2) Il-leġislazzjoni tal-Unjoni teħtieġ li r-rapporti finanzjarji, inkluż kontijiet annwali jew kontijiet konsolidati, ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni, emittent tat-titoli ammessi għan-negozjar f’suq regolat, istituzzjonijiet ta’ pagament, UCITS, istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi u fondi ta’ investiment alternattiv jiġu awditjati minn persuna waħda jew minn aktar minn persuna waħda intitolata twettaq awditi bħal dawn skont id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri: l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn[12], l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni[13], l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE[14], l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE[15], l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)[16], Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE[17], u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010[18]. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE[19] jeħtieġ ukoll li r-rapporti finanzjarji annwali tad-ditti tal-investiment, jiġu awditjati meta r-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju tal-1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji[20] jew is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju tal-1983 dwar il-kontijiet konsolidati[21] mhumiex applikabbli.

(3) Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-persuni responsabbli għat-twettiq ta’ awditu statutorju kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għat-twettiq ta’ tali awditu statutorju huma stabiliti fid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki [awditjar] statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE[22].

(4) Matul il-kriżi finanzjarja riċenti, bosta banek żvelaw telf kbir mill-2007 sal-2009 fuq il-pożizzjoni li kellhom kemm fuq il-karta bilanċjali kif ukoll li ma jidhrix fuq il-karta bilanċjali. Dan qajjem mhux biss il-kwistjoni ta’ kif l-awdituri jistgħu jagħtu rapporti tal-awditjar mhux kwalifikati lill-klijenti tagħhom għal dawk il-perjodi, iżda wkoll fuq kemm huwa xieraq u adegwat il-qafas leġiżlattiv attwali. Fit-13 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat Ktiba Ħadra dawr Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi[23], li tat bidu għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa, fuq il-kuntest ġenerali tar-riforma regolatorja tas-suq finanzjarju, dwar ir-rwol u l-ambitu tal-awditjar u dwar kif il-funzjoni tal-awditjar tista’ tittejjeb sabiex tikkontribwixxi għal żieda fl-istabilità finanzjarja. Mill-konsultazzjoni pubblika, irriżulta li r-regoli tad-Direttiva 2006/43/KE dwar l-awditu statutorju tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, jistgħu jittejbu sostanzjalment. Il-Parlament Ewropew ħareġ rapport fuq inizjattiva tiegħu stess fuq il-Green Paper fit-13 ta’ Settembru 2011. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta wkoll rapport fuq dik il-Green Paper fis-16 ta’ Ġunju 2011.

(5) Huwa importanti li jiġu stabiliti regoli dettaljati bil-għan li jiġi żgurat li l-awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku jkunu ta’ kwalità adegwata u jitwettqu minn awdituri statutorji u minn ditti tal-awditjar soġġetti għal rekwiżiti stretti. Approċċ regolatorju komuni għandu jtejjeb l-integrità, l-indipendenza, l-oġġettività, ir-responsabilità, it-trasparenza u l-affidabilità tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku, billi jikkontribwixxu għall-kwalità tal-awditjar statutorju fl-Unjoni, b'hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament bla intoppi tas-suq intern, filwaqt li jilħqu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri. L-iżvilupp ta' att separat għal entitajiet ta’ interess pubbliku għandu jiżgura wkoll armonizzazzjoni konsistenti u applikazzjoni uniformi u b’hekk jikkontribwixxi għal funzjonament aktar effikaċi tas-suq intern.

(6) Is-settur finanzjarju qiegħed jevolvi u qegħdin jinħolqu kategoriji ġodda ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bid-dritt tal-Unjoni. L-importanza ta’ entitajiet u attivitajiet ġodda barra mis-sistema bankarja regolari qiegħda tikber u l-impatt tagħhom fuq l-istabilità finanzjarja saret ikbar. Għaldaqstant, huwa xieraq li d-definizzjoni ta' entità ta' interess pubbliku tkun tinkludi wkoll istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħrajn bħal ditti tal-investiment, istituzzjonijiet ta’ pagamenti, impriżi tal-investimenti kollettivi f’titoli trasferibbli (UCITS), istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi u fondi ta’ investiment alternattiv.

(7) L-awditjar ta’ rapporti finanzjarji annwali u konsolidati huwa maħsub bħala salvagwardja statutorja għal investituri, mutwanti u kontropartijiet fin-negozju li għandhom sehem jew interess kummerċjali f’entitajiet ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu indipendenti għal kollox meta jwettqu awditu statutorju ta’ tali entitajiet u l-kunflitti ta’ interess jiġu evitati. Sabiex tiġi ddeterminata l-indipendenza tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar, irid jitqies il-kunċett ta’ netwerk li fih jaħdmu l-awdituri u d-ditti.

(8) Organizzazzjoni interna adegwata tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe theddid għall-indipendenza tagħhom. B’hekk, is-sidien jew l-azzjonisti ta' ditta tal-awditjar, kif ukoll dawk li jimmaniġġjawha, m’għandhomx jintervjenu fit-twettiq ta' awditu statutorju b’xi mod li jista’ jfixkel l-indipendenza u l-oġġettività tal-awditur li jwettaq l-awditu statutorju f’isem id-ditta tal-awditjar. Barra minn hekk, awdituri statutorji u ditti tal-awditjar għandhom jistabilixxu politiki u proċeduri interni xierqa fir-rigward tal-impjegati u persuni oħrajn involuti fl-attività ta’ awditu statutorju fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligi statutorji tagħhom. B’mod partikolari, dawk il-politiki u proċeduri għandhom ifittxu li jipprevjenu u jindirizzaw kwalunkwe theddid għall-indipendenza u jiżguraw il-kwalità, l-integrità u r-reqqa tal-awditu statutorju. Dawk il-politiki u proċeduri għandhom ikunu proporzjonali minħabba l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

(9) Awdituri, ditti tal-awditjar u l-impjegati tagħhom għandhom b’mod partikolari jibqgħu lura milli jwettqu l-awditu statutorju ta’ entità jekk għandhom interess kummerċjali jew interess finanzjarju fiha u milli jinvolvu ruħhom fin-negozjar ta’ strumenti finanzjarji maħruġin, iggarantiti jew inkella appoġġati minn entità awditjata, għajr parteċipazzjonijiet fi skemi ta’ investiment kollettiv diversifikat. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom jibqgħu lura mill-proċessi interni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-entità awditjata. Awdituri statutorji jew l-impjegati tagħhom m’għandhomx jitħallew jassumu dmirijiet fl-entità awditjata fuq livell maniġerjali jew ta’ bord, sakemm ikun għadda perjodu ta’ żmien xieraq sa minn tmiem l-inkarigu fl-awditjar.

(10) Il-livell ta’ tariffi rċevuti minn entità awditjata waħda u l-istruttura tat-tariffi jistgħu jheddu wkoll l-indipendenza ta’ awditur statutorju jew ditta tal-awditjar. B’hekk, huwa importanti li jiġi żgurat li t-tariffi tal-awditjar ma jkunux ibbażati fuq xi forma ta’ kontinġenza u li, meta t-tariffi tal-awditjar minn klijent waħdieni jkunu sinifikanti, tiġi stabilita proċedura speċifika sabiex tiżgura l-kwalità tal-awditjar. Jekk id-dipendenza fuq klijent wieħed tkun eċċessiva, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom jibqgħu lura milli jwettqu l-awditu statutorju msemmi.

(11) Il-forniment ta' servizzi għajr awditjar statutorju lil entitajiet awditjati minn awdituri, ditti tal-awditjar statutorji jew membri tan-netwerks tagħhom jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tagħhom. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-awditur, ditta tal-awditjar statutorji jew membri tan-netwerk tagħhom ma jipprovdux servizzi mhux ta’ awditjar lill-entitajiet awditjati tagħhom. L-għoti ta' servizzi mhux ta' awditjar minn ditta tal-awditjar jimpedixxi lill dik id-ditta tal-awditjar milli twettaq awditjar statutorju ta' dik il-kumpanija, b'hekk jirriżulta fi tnaqqis tad-ditti tal-awditjar disponibbli sabiex jipprovdu awditjar statutorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-awditjar ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku kbar fejn is-suq huwa kkonċentrat. Bħala riżultat ta’ dan, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli numru minimu ta’ ditti tal-awditjar sabiex jipprovdu servizzi ta’ awditjar lil entitajiet ta’ interess pubbliku kbar, huwa xieraq li jintalab li d-ditti tal-awditjar ta’ dimensjoni sinifikanti jiffokaw l-attività professjonali tagħhom fuq it-twettiq tal-awditjar statutorju u ma jkunux permessi jwettqu servizzi oħrajn mhux relatati mal-funzjoni tal-awditjar statutorju bħal servizzi ta’ konsulenza jew ta’ għoti ta’ pariri.

(12) Bil-għan li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, huwa importanti li l-awditur jew id-ditta tal-awditjar statutorji, qabel jaċċettaw jew ikomplu inkarigu f’awditjar statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku, jivvaluta jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti ta’ indipendenza, u b’mod partikolari jekk jirriżultax xi theddid għall-indipendenza bħala riżultat tar-relazzjoni ma’ dik l-entità. Sabiex tinżamm din l-indipendenza, huwa importanti wkoll li jqisu t-theddid kollu għall-indipendenza tagħhom u għal dik tal-impjegati tagħhom u ta' persuni oħrajn involuti fil-proċess tal-awditjar statutorju, kif ukoll is-salvagwardji applikati sabiex jittaffa dak it-theddid. Barra minn hekk, fejn it-theddid għall-indipendenza tagħhom, anki wara li jkunu ġew applikati dawk is-salvagwardji sabiex jittaffa dak it-theddid, ikun sinifikanti wisq, għandhom jirriżenjaw jew jastjenu mill-inkarigu tagħhom fl-awditjar. L-awditur jew id-ditta tal-awditjar statutorji għandhom jikkonfermaw annwalment lil tali kumitat kwalunwke theddid għall-indipendenza tagħhom kif ukoll is-salvagwardji applikati sabiex jiġi mmitigat dak it-theddid.

(13) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[24] tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali imwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi innominati mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data[25], jirregola l-ipproċessar ta’ dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Reglament u skont is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta. Kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti isir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ dejta personali kif stabilit fid-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-ATES isir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ dejta personali kif stabilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(14) Huwa importanti li l-awdituri u ditti tal-awditjar statutorji, jirrispettaw id-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-dejta tal-klijenti tagħhom. Għaldaqstant, għandhom ikunu marbutin b’regoli stretti dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali li, madankollu, din ma għandhiex timpedixxi l-infurzar xieraq ta’ dan ir-Regolament jew il-kooperazzjoni mal-awditur tal-grupp matul it-twettiq tal-awditu tar-rapporti finanzjarji konsolidati meta l-impriża prinċipali tkun f’pajjiż terz, diment li jkun hemm konformità mad-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, tali regoli ma għandhomx jippermettu awditur jew ditta tal-awditjar statutorji sabiex tikkoopera ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi barra mill-kanali ta’ kooperazzjoni previsti fil-Kapitolu XI tad-Direttiva 2006/43/KE. Dawk ir-regoli ta’ kunfidenzjalità għandhom japplikaw ukoll għal kwalunkwe awditur jew ditta tal-awditjar statutorja li tkun waqfet milli tibqa’ involuta f’kompitu ta’ awditjar speċifiku.

(15) L-awditjar statutorju jirriżulta f’opinjoni fuq il-verità u l-ġustizzja tar-rapporti finanzjarji tal-entitajiet awditjati. Madankollu, il-partijiet interessati jistgħu ma jkunux konxji tal-limitazzjonijiet ta’ awditu (materjalità, tekniki ta’ kampjunar, rwol tal-awditur fil-qbid tal-frodi u r-responsabilità tal-maniġers), li jista’ jwassal għal diskrepanza fl-istenniji. Sabiex titnaqqas tali diskrepanza, huwa importanti li tkun ipprovduta aktar ċarezza dwar x’inhu l-ambitu tal-awditu statutorju.

(16) Filwaqt li r-responsabilità primarja għall-għoti ta’ informazzjoni finanzjarja għandha tibqa’ f’idejn il-maniġment tal-entitajiet awditjati, l-awdituri għandhom ir-rwol li jikkontestaw attivament lill-maniġment minn perspettiva ta’ utent. Għalhekk, biex itejbu l-kwalità tal-awditu, huwa importanti li x-xettiċiżmu professjonali eżerċitat minn awdituri vis à vis l-entità awditjata tiġi rinforzata. L-awdituri għandhom jirrikonoxxu li jista’ jkun hemm il-possibilità li dikjarazzjoni skorretta materjalment dovuta għal frodi jew żball, minkejja l-esperjenza tal-passat li kellu l-awditur dwar l-onestà u l-integrità tal-amministrazzjoni tal-entità awditjata. L-iżgurar tal-kwalità tal-awditu għandu jkun il-kriterju ewlieni sabiex jiġi organizzat ix-xogħol tal-awditu u sabiex jiġu allokati r-riżorsi neċessarji għall-kompiti. L-integrità tal-awditur, ditta tal-awditjar statutorji u tal-persunal tagħhom hija essenzjali biex tkun żgurata l-fiduċja pubblika f’awditi statutorji u swieq finanzjarji. Għaldaqstant, kull inċident li jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-integrità tal-attivitajiet ta’ awditu statutorju jiġi mmaniġjat bix-xieraq. L-awditur jew id-ditta tal-awditjar statutorji għandhom jiddokumentaw b’mod xieraq ix-xogħol tal-awditjar.

(17) Fil-każ tar-rapporti finanzjarji konsolidati, huwa importanti li jkun hemm definizzjoni ċara tar-responsabilitajiet tal-awdituri statutorji li jawditjaw entitajiet differenti tal-grupp. Għal dan il-għan, l-awditur tal-grupp għandu jassumi responsabilità sħiħa għar-rapport tal-awditjar.

(18) Reviżjoni tajba tal-kontroll tal-kwalità intern tax-xogħol imwettaq f’kull involviment ta’ awditu statutorju għandha twassal għal kwalità għolja tal-awditu. Għaldaqstant, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditu ma għandhomx joħorġu r-rapport tal-awditjar tagħhom sakemm tkun tlestiet ir-reviżjoni interna tal-kontroll tal-kwalità.

(19) Ir-riżultati tal-awditu statutorju jiġu ppreżentati lill-partijiet b'interess fir-rapport tal-awditjar. Sabiex tiżdied il-fiduċja tal-partijiet b'interess fir-rapporti finanzjarji tal-entità awditjata, huwa partikolarment importanti li r-rapport tal-awditjar jkun ibbażat sew u sostanzjat tajjeb u li l-kontenut tiegħu jiġi mwessa' sabiex jinkludi informazzjoni addizzjonali speċifika għall-awditu mwettaq. Ir-rapport tal-awditjar għandu, b’mod partikolari, jinkludi informazzjoni biżżejjed dwar il-metodoloġija użata fl-awditu, b’mod speċjali kemm mill-karta bilanċjali ġie awditjat b’mod dirett u kemm kien ibbażat fuq ittestjar tas-sistema u tal-konformità, fuq il-livelli ta’ materjalità applikati għat-twettiq tal-awditu, fuq l-oqsma ta’ riskju ewlenin ta’ dikjarazzjonijiet skorretti materjali tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati, fuq jekk l-awditjar statutorju ġiex imfassal biex jaqbad frodi u, fil-każ ta’ opinjoni kwalifikata jew avversa jew rinunzja ta’ opinjoni, fuq ir-raġunijiet ta’ tali deċiżjoni.

(20) Il-valur tal-awditjar statutorju għall-entità awditjata jittejjeb partikolarment jekk il-komunikazzjoni bejn l-awditur jew id-ditta tal-awditjar statutorji, fuq naħa u l-kumitat tal-awditjar fuq in-naħa l-oħra, tissaħħaħ. Wara d-djalogu regolari mwettaq matul it-twettiq tal-awditu statutorju, huwa importanti li l-awditur jew id-ditti tal-awditjar statutorji jissottomettu lill-kumitat tal-awditjar, rapport addizzjonali u aktar dettaljat dwar ir-riżultati tal-awditu statutorju. Għandu jkun possibbli li tali rapporti dettaljati addizzjonali jkunu magħmulin disponibbli lis-superviżuri ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, iżda mhux lill-pubbliku.

(21) Awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar diġà jipprovdu lis-superviżuri ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku b’informazzjoni dwar fatti u deċiżjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tal-entità awditjata jew l-indeboliment tal-funzjonament kontinwu tal-entità awditjata. Il-kompiti superviżorji jiġu ffaċilitati wkoll li kieku s-superviżuri ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji jkunu meħtieġa jistabilixxu djalogu regolari mal-awdituri statutorji u mad-ditti tal-awditjar tagħhom.

(22) Sabiex tiżdied il-fiduċja fl-awdituri u r-responsabilità tagħhom u tad-ditti tal-awditjar statutorji li jwettqu l-awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, huwa importanti li r-rapportar tat-trasparenza minn awdituri u ditti tal-awditu statutorju jiżdied. Għaldaqstant, awdituri u ditti tal-awditu statutorju għandhom ikunu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni finanzjarja awditjata, li turi b’mod partikolari, il-fatturat totali tagħhom maqsum skont it-tariffi tal-awditjar mħallsa minn entitajiet ta’ interess pubbliku, tariffi tal-awditjar mħallsa minn entitajiet oħrajn u drittijiet għal servizzi oħrajn. Għandhom jiddivulgaw ukoll informazzjoni finanzjarja fil-livell tan-netwerk li jappartjenu għalih. Ir-rapporti ta’ trasparenza tad-ditti tal-awditjar għandhom jinkludu dikjarazzjoni fuq il-governanza korporattiva bil-għan li jintwera jekk id-ditta tal-awditjar iżżommx arranġamenti għal governanza korporattiva b’saħħitha. Informazzjoni supplimentari addizzjonali fuq it-tariffi tal-awditjar tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jiġu ffaċilitati l-kompiti superviżorji tagħhom.

(23) Il-kumitati tal-awditjar, jew korpi li jwettqu funzjoni ekwivalenti fi ħdan entità awditjata, għandhom rwol deċiżiv x'jikkontribwixxu għal awditu statutorju ta' kwalità għolja. Huwa partikolarment importanti li l-indipendenza u l-kompetenza teknika tal-kumitat tal-awditjar jissaħħu billi jkun meħtieġ li maġġoranza tal-membri tiegħu tkun indipendenti u li għallinqas membru wieħed tal-kumitat ikollu kompetenza fl-awditjar u wieħed fl-awditjar u/jew kontabilità. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2005 dwar ir-rwol ta’ diretturi jew diretturi superviżorji ta' kumpaniji elenkati u fuq il-kumitat tal-bord (superviżorju)[26] tistabilixxi kif jiġu stabiliti u kif għandhom jaħdmu l-kumitati tal-awditjar. Madankollu, jekk wieħed jikkunsidra d-dimensjoni tal-bordijiet fil-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni tas-suq imnaqqsa u f’entitajiet ta’ interess pubbliku żgħar u medji, ikun xieraq li l-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar għal dawk l-entitajiet, jew lil korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan entità awditjata, jistgħu jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju b’mod ġenerali. Entitajiet ta’ interess pubbliku li huma UCITS jew fondi ta’ investiment alternattiv għandhom ikunu eżentati wkoll mill-obbligu li jkun hemm kumitat tal-awditjar. Din l-eżenzjoni tqis il-fatt li fejn dawk il-fondi jiffunzjonaw sempliċiment għall-finijiet ta’ ppuljar ta’ assi, l-użu ta’ kumitat tal-awditjar mhuwiex adegwat. Il-UCITS u fondi ta’ investimenti alternattiv, kif ukoll il-kumpaniji maniġerjali tagħhom, jaħdmu f’ambjent regolatorju ddefinit b’mod strett u huma soġġetti għal mekkaniżmi ta’ governanza speċifiċi bħal kontrolli eżerċitati mid-depożitarji tagħhom.

(24) Huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar fl-għażla ta’ awditur statutorju ġdid jew ditta tal-awditjar, għall-benefiċċju ta' deċiżjoni aktar informata tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew membri tal-entità awditjata. Għaldaqstant, meta jressaq proposta fil-laqgħa ġenerali, il-bord għandu jispjega jekk din tkunx qed issegwi r-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar u, jekk le, għalfejn. Ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar għandha tinkludi għallinqas żewġ għażliet possibbli għall-inkarigu tal-awditjar u preferenza ġġustifikata kif dovut għal waħda minnhom, sabiex il-laqgħa ġenerali tkun tista’ tagħmel għażla reali. Sabiex tkun ipprovduta ġustifikazzjoni ġusta u xierqa fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-kumitat tal-awditjar għandu juża r-riżultati ta’ proċedura tas-selezzjoni mandatorja organizzata mill-entità awditjata, taħt ir-responsabilità tal-kumitat tal-awditjar. F’din il-proċedura tas-selezzjoni, l-entità awditjata għandha tistieden lil awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, inklużi dawk iżgħar, sabiex jippreżentaw proposti għall-inkarigu tal-awditjar. Dokumenti ta’ sejħiet għall-offerti għandu jkun fihom kriterji tal-għażla trasparenti u mhux diskriminatorji sabiex jintużaw għall-evalwazzjoni tal-proposti. Madankollu, jekk wieħed jikkunsidra li din il-proċedura tas-selezzjoni tista’ tinvolvi spejjeż sproporzjonati għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni tas-suq imnaqqsa jew entitajiet ta’ interess pubbliku żgħar jew medji wara li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni tagħhom, huwa xieraq li dawn l-entitajiet jinħelsu minn dan l-obbligu.

(25) Id-dritt tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-membri tal-entità awditjata sabiex jagħżlu l-awditur jew id-ditta tal-awditjar statutorja ma jkollu l-ebda valur li kieku l-entità awditjata kellha tidħol f’kuntratt ma’ parti terza li tipprovdi restrizzjoni ta’ għażla bħal din. Għaldaqstant, kull klawsola kuntrattwali li tidħol għaliha entità awditjata ma’ parti terza rigward il-ħatra jew ir-restrizzjoni tal-għażla ta’ awditur jew ta’ ditta tal-awdituri partikolari tiġi kkunsidrata nulla u bla effett.

(26) Il-ħatra ta’ aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda minn ċerti entitajiet ta’ interess pubbliku tinforza x-xettiċiżmu professjonali u tikkontribwixxi għaż-żieda fil-kwalità tal-awditjar. Barra minn hekk, din il-miżura flimkien mal-preżenza ta’ ditti tal-awditjar iżgħar tiffaċilita l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ tali ditti, b'hekk jikkontribwixxu għal żieda fl-għażla tal-awtdituri statutorji u ditti tal-awditjar għal entitajiet ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, jiġi promoss u inċentivizzat dan tal-aħħar biex jinħatru aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda sabiex iwettqu l-awditu statutorju.

(27) Sabiex tiġi indirizzata t-theddida tal-familjarità u għaldaqstant, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar, huwa importanti li tiġi stabilita durata massima tal-inkarigu tal-awditjar ta’ awditur statutorju jew ta’ ditta tal-awditjar f’entità awditjata partikolari. Jiġi stabilit mekkaniżmu ta’ rotazzjoni gradwali xieraq fir-rigward tal-aktar persunal anzjan involut fl-awditjar statutorju, inklużi s-sħab ewlenin tal-awditjar li jwettqu l-awditjar statutorju f’isem id-ditta tal-awditjar. Huwa importanti wkoll li jitfassal perjodu xieraq li fih it-tali awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma jistgħux iwettqu l-awditu statutorju tal-istess entità. Sabiex tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr intoppi, l-ex awditur għandu jittrasferixxi fajl ta' trasferiment bl-informazzjoni rilevanti lill-awditur ta’ warajh.

(28) Sabiex tkun imħarsa l-indipendenza tal-awditur, huwa importanti li t-terminazzjoni għandha tkun possibbli biss fejn ikun hemm raġunijiet xierqa u jekk dawk ir-raġunijiet ikunu kkomunikati lill-awtorità jew lill-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni. Fejn ikun hemm raġunijiet xierqa, iżda l-entità awditjata ma taġixxix, il-kumitat tal-awditjar, l-azzjonisti, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ awdituri u ditti tal-awditjar jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-entità ta’ interess pubbliku għandhom jingħataw is-setgħa li jressqu każ quddiem qorti nazzjonali rigward it-tkeċċija tal-awditur.

(29) Sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ kunfidenza tal-investitur u tal-konsumatur fis-suq intern billi jiġu evitati kunflitti ta’ interess, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni xierqa mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu indipendenti mill-professjoni tal-awditjar u li għandhom kapaċità, kompetenzi u riżorsi adegwati. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom, inkluża l-kapaċità li jaċċedu għal dokumenti, jitolbu informazzjoni minn kwalunkwe persuna u jwettqu spezzjonijiet. Għandhom jispeċjalizzaw fis-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, ta’ konformità mal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju jew fis-sorveljar tal-awditjar statutorju. Madanakollu, għandu jkun possibbli li s-superviżjoni tal-konformità mal-obbligi imposti fuq l-entitajiet ta’ interess pubbliku titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ dawk l-entitajiet. L-iffinanzjar tal-awtoritajiet kompetenti għandu jkun ħieles minn kwalunkwe influwenza żejda minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar.

(30) Il-kwalità tas-superviżjoni għandha titjieb jekk ikun hemm kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet inkarigati b’kompiti differenti f’livell nazzjonali. Għaldaqstant, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jissupervizzaw il-konformità mal-obbligi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, dawn għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli mill-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar, ma’ dawk l-entitajiet ta’ interess pubbliku li jissupervizzaw u mal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (Financial Intelligence Units) imsemmija fid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2006 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[27].

(31) Garanzija tal-kwalità esterna għall-awditu statutorju hija fundamentali għal awditjar ta’ kwalità għolja. Iżżid il-kredibilità għal informazzjoni finanzjarja ppubblikata u tipprovdi protezzjoni aħjar tal-azzjonisti, l-investituri, il-kredituri u ta’ partijiet interessati oħra. Għaldaqstant, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu soġġetti għal sistema ta’ garanzija tal-kwalità taħt ir-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti, u b’hekk jiżguraw oġġettività u indipendenza mill-professjoni tal-awditjar. L-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jiġu organizzati b’tali mod li kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditjar ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku jkunu soġġetti għal eżami tal-garanzija tal-kwalità tal-inqas kull tliet snin. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2008 dwar l-assigurazzjoni esterna tal-kwalità għall-awdituri u l-kumpaniji tal-verifika [ditti tal-awditjar] statutorji li jivverifikaw [jawditjaw] entitajiet ta’ interess pubbliku[28] tipprovdi informazzjoni dwar kif għandhom jitwettqu l-ispezzjonijiet. L-eżaminijiet tal-garanzija tal-kwalità għandhom ikunu proporzjonati rigward l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tad-ditta tal-awditjar jew tal-awditur statutorju eżaminati.

(32) L-investigazzjonijiet jgħinu fid-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-korrezjoni ta’ twettiq inadegwat tal-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa li jwettqu investigazzjonijiet ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar.

(33) Is-suq għall-forniment ta’ servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku jevolvi maż-żmien. Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-iżviluppi fis-suq, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla limitata possibbli ta’ awdituri u r-riskji li jirriżultaw minn konċentrazzjoni għolja fis-suq.

(34) L-għeluq ta’ ditti importanti tal-awditjar jista’ jfixkel il-forniment ta’ servizzi tal-awditjar fis-suq u jista’ jirriżulta f’akkumulazzjoni strutturali ulterjuri ta’ riskju fis-suq. Għaldaqstant, bħala azzjoni preventiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu lill-akbar ditti tal-awditjar f’kull Stat Membru sabiex jistabilixxu pjanijiet ta’ kontinġenza li jindirizzaw avveniment possibbli li jhedded il-kontinwità tal-operazzjonijiet tad-ditti konċernati. Pjanijiet bħal dawn jistgħu jidentifikaw miżuri sabiex issir tħejjija għal falliment b’mod ordinat tad-ditta konċernata.

(35) It-trasparenza tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti għandha tikkontribwixxi sabiex iżżid il-kunfidenza tal-investituri u tal-konsumaturi fis-suq intern. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu obbligati jirrapportaw b’mod regolari dwar l-attivitajiet tagħhom u jippubblikaw rapporti ta’ spezzjonijiet individwali.

(36) Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tista’ tagħmel kontribuzzjoni importanti għall-iżgurar ta’ kwalità għolja fl-awditjar statutorju fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien, fejn dan ikun meħtieġ, għall-finijiet ta’ twettiq tad-doveri superviżorji tagħhom rigward l-awditjar statutorju. Għandhom jirrispettaw il-prinċipju tar-regolament tal-pajjiż domiċiljari u s-sorveljar mill-Istat Membru li fih huma approvati l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u fejn l-entità awditjata għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tittejjeb b’mod partikolari jekk din tkun organizzata fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), taħt il-gwida tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) stabilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)[29]. L-AETS, bl-assistenza tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) stabilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea)[30] u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX) stabilita mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol)[31], għandha tikkontribwixxi għal dik il-kooperazzjoni billi tipprovdi pariri u linji gwida lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(37) L-ambitu tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni, kooperazzjoni fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità, assistenza għal investigazzjonijiet relatati mat-twettiq ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, anki f’każijiet fejn il-kondotta taħt investigazzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja fis-seħħ fl-Istati Membri konċernati u ppjanar ta’ kontinġenza. Il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jinkludu l-ħolqien ta’ kulleġġi ta’ awtoritajiet kompetenti u d-delega ta’ kompiti bejniethom. Il-kunċett ta’ netwerk li fih joperaw l-awdituri u d-ditti jiġi kkunsidrat f’kooperazzjoni bħal din. L-awtoritajiet kompetenti u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jirrispettaw ir-regoli applikabbli ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali.

(38) Ir-rikonoxximent tal-aptitudni tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar sabiex iwettqu l-awditi statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku għandu jiffaċilita l-aċċess tal-awdituri u tad-ditti għal klijenti oħra. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi pprovdut Ċertifikat tal-Kwalità ta’ dimensjoni Ewropea li jiġi żviluppat mill-AETS. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu involuti fl-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikat.

(39) L-interrelazzjoni tas-swieq kapitali ssejjaħ għall-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sabiex jikkooperaw mal-awtoritajiet u korpi superviżorji ta’ pajjiżi terzi rigward l-iskambju ta’ informazzjoni jew l-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità. Madanakollu, fejn il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi hija relatata ma’ dokumentazzjoni tal-awditjar jew dokumenti oħra li jinstabu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, għandhom japplikaw il-proċeduri tad-Direttiva 2006/43/KE.

(40) Kapaċità sostenibbli tal-awditjar u suq kompetittiv għas-servizzi tal-awditjar statutorju li fihom ikun hemm biżżejjed għażla ta’ ditti tal-awditjar li kapaċi jwettqu awditi statutorji fuq entitajiet ta’ interess pubbliku jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat funzjonament bla ħarir tas-swieq kapitali. L-AETS għandha tirrapporta dwar il-bidliet fl-istruttura tas-suq tal-awditjar miġjuba minn dan ir-Regolament. Meta twettaq tali analiżi, l-AETS għandha tqis l-impatt tar-regoli nazzjonali tal-obbligazzjoni ċivili għall-awdituri statutorji fuq l-istruttura tas-suq tal-awditjar. Abbażi ta’ tali rapport u evidenza oħra xierqa, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-impatt tar-regoli nazzjonali dwar l-obbligazzjonijiet tal-awdituri statutorji fl-istruttura tas-suq tal-awditjar u għandha tiegħu l-passi li tqis xierqa skont ir-riżultat tas-sejbiet tagħha.

(41) Sabiex titjieb il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 intitolata ‘Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji’[32], għandhom jittejbu s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jadottaw miżuri ta’ sorveljanza u s-setgħat tagħhom ta’ sanzjonar. Jiġu previsti sanzjonijiet pekunarji amministrattivi fuq awdituri statutorji, ditti tal-awditjar u entitajiet ta’ interess pubbliku għal vjolazzjonijiet identifikati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu trasparenti dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri li japplikaw. L-adozzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif stabiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8) u d-dritt għal rimedju effikaċi u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47).

(42) L-informaturi (whistleblowers) jistgħu jiġdbu l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti lejn informazzjoni ġdida li tassistihom fl-identifikazzjoni u s-sanzjonar ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi. Madankollu, l-informaturi jistgħu jiġu skuraġġiti milli jagħmlu hekk minħabba li jibżgħu minn ritaljazzjoni, jew jista' ma jkollhomx biżżejjed inċentivi biex jagħmlu hekk. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm arranġamenti adegwati fis-seħħ sabiex jinkoraġġixxu lill-informaturi sabiex javżawhom bi ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament u sabiex jipproteġuhom minn ritaljazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdulhom ukoll inċentivi sabiex jagħmlu dan; madanakollu, l-informaturi għandhom ikunu eliġibbli għal dawn l-inċentivi meta dawn jixħtu dawl fuq informazzjoni ġdida li mhumiex diġà obbligati jinnotifikaw mil-liġi u fejn din l-informazzjoni tirriżulta f’sanzjoni għal ksur ta’ dan ir-Regolament biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-iskemi ta’ kxif ta’ informazzjoni mistura li jimplimentaw jinkludu mekkaniżmi li jipprovdu protezzjoni xierqa ta’ persuna rrapportata, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali tiegħu u li jiżguraw id-dritt li l-persuna rrapportata tiddefendi ruħha u li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha kif ukoll id-dritt li tfittex rimedju effikaċi quddiem tribunal kontra deċiżjoni li tikkonċernaha.

(43) Sabiex jitqiesu l-iżviluppi l-ġodda fl-awditjar u fis-suq tal-awditjar, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tispeċifika rekwiżiti tekniċi dwar il-kontenut tal-fajl tat-trasferiment li l-awditur statutorju l-ġdid jew id-ditta tal-awditjar il-ġdida għandhom jirċievu u fuq l-istabiliment ta’ ċertifikat Ewropew tal-kwalità għal awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.

(44) Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji, fl-awditjar u fil-professjoni tal-awditjar u sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti stabiliti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, l-użu tal-atti delegati huwa neċessarju sabiex il-lista ta’ servizzi tal-awditjar relatati u ta’ servizzi mhux tal-awditjar tiġi adattata kif ukoll sabiex jiġi stabilit il-livell ta’ tariffi li l-AETS tkun tista’ titlob għall-għoti taċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità lil awdituri statutorji u lil ditti tal-awditjar. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(45) Sabiex tiżgura ċertezza legali u t-tranżizzjoni mingħajr intoppi lir-reġim varat b'dan ir-Regolament, huwa importanti li jitnieda reġim tranżitorju rigward id-dħul fis-seħħ tal-obbligu ta’ rotazzjoni tad-ditti tal-awditjar, l-obbligu ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura tas-selezzjoni għall-għażla tad-ditta tal-awditjar u l-konverżjoni tad-ditti tal-awditjar f’ditti li jipprovdu servizzi tal-awditjar biss.

(46) Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-aktar iċ-ċarezza u d-definizzjoni aħjar tar-rwol tal-awditu statutorju rigward entitajiet ta’ interess pubbliku, it-titjib tal-informazzjoni li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jipprovdu lill-entità awditjata, lill-investituri u lil azzjonisti oħra, it-titjib tal-kanali ta’ komunikazzjoni bejn l-awdituri u s-superviżuri ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, il-prevenzjoni ta’ kull kunflitt ta’ interess li jirriżulta mill-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet ta’ interess pubbliku, il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kull kunflitt ta’ interess potenzjali dovut għas-sistema eżistenti ta’ “l-awditjat jagħżel u jħallas lill-awditur” jew għat-theddida ta’ familjarità, l-iffaċilitar tal-bidla tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar u l-għażla ta’ fornitur tal-awditjar għal entitajiet ta’ interess pubbliku, iż-żieda fl-għażla ta’ fornituri tal-awditjar għal entitajiet ta’ interess pubbliku u t-titjib fl-effikaċja, l-indipendenza u l-konsistenza tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jipprovdu awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku anki fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ konformità, kif stabilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jikseb dawk l-objettivi.

(47) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-aktar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8), il-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47), il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża (l-Artikolu 48), il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u penali (l-Artikolu 49), id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat (l-Artikolu 50), u jiġi applikat b’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Titolu I

Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabilixxi rekwiżiti għat-twettiq tal-awditjar statutorju ta’ rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, regoli dwar l-organizzazzjoni u l-għażla ta’ awdituri u ditti tal-awditjar statutorji minn entitajiet ta’ interess pubbliku għall-promozzjoni tal-indipendenza tagħhom u għall-evitar tal-kunflitti ta’ interess u regoli dwar is-superviżjoni tal-konformità minn awdituri u ditti tal-awditjar statutorji ma' dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 2

Ambitu

1.           Dan ir-Regolament japplika għal dawn li ġejjin:

(a)     awdituri u ditti tal-awditjar statutorji li wettqu awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku;

(b)     entitajiet ta’ interess pubbliku.

2.           Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2006/43/KE.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, għajr għad-definizzjonijiet ta' 'rapport tal-awditjar' u ta' 'awtorità kompetenti'.

Artikolu 4

Entitajiet ta’ interess pubbliku kbar

Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, 'entitajiet ta’ interess pubbliku kbar' tkopri dawn li ġejjin

(a)          fir-rigward ta’ entitajiet iddefiniti fil-punt 13(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, l-akbar 10 emittenti ta’ ishma f’kull Stat Membru imkejla mill-kapitalizzazzjoni tas-suq fuq il-bażi tal-kwoti ta’ tmiem is-sena u fi kwalunkwe każ, l-emittenti tal-ishma kollha li kellhom kapitalizzazzjoni tas-suq medja ta’ aktar minn EUR 1 000 000 000 fuq il-bażi ta’ kwoti ta’ tmiem is-sena għat-tliet snin kalendarji preċedenti;

(b)          fir-rigward ta' entitajiet iddefiniti fil-punti 13(b) sa (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, kwalunkwe entità li fuq il-karta bilanċjali tagħha jkollha total fuq il-karta bilanċjali ta’ iktar minn EUR 1 000 000 000;

(c)          fir-rigward ta' entitajiet iddefiniti fil-punti 13(g) u (h) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, kwalunkwe entità li fuq il-karta bilanċjali tagħha jkollha assi totali taħt amministrazzjoni ta' aktar minn EUR 1 000 000 000.

Titolu II

Kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

KAPITOLU I

INDIPENDENZA U EVITAR TA’ KUNFLITTI TA’ INTERESS

Artikolu 5

Indipendenza u oġġettività

Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li t-twettiq ta’ awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku ma jkunx affettwat minn xi kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta’ negozju jew ta’ xorta oħra li tinvolvi lill-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jkunu qegħdin iwettqu l-awditu statutorju u, fejn xieraq, in-netwerk, il-maniġers, l-awdituri, l-impjegati u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, jew kwalunkwe persuna b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar b’kontroll.

Artikolu 6

Organizzazzjoni interna ta’ awdituri u ditti tal-awditjar

1. Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jikkonformaw mar-rekwiżiti organizzazzjonali li ġejjin:

(a)     id-ditta tal-awditjar tistabilixxi politiki u proċeduri adegwati sabiex tiżgura li s-sidien u l-azzjonisti tagħha kif ukoll il-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tad-ditta, jew ta’ ditta affiljata, ma jintervjenux fit-twettiq ta’ awditu statutorju b’xi mod li jippreġudika l-indipendenza u l-oġġettività tal-awditur statutorju li jwettaq l-awditu statutorju f’isem id-ditta tal-awditjar;

(b)     l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikollhom proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi, mekkaniżmi ta’ kontroll intern, proċeduri effikaċi għall-valutazzjoni tar-riskju, u arranġamenti effikaċi ta’ kontroll u salvagwardja għal sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

Dawk il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern ikunu ddisinnjati biex jiżguraw konformità ma’ deċiżjonijiet u proċeduri f’kull livell tad-ditta tal-awditjar jew tal-istruttura ta’ ħidma tal-awditur statutorju.

Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jimplimentaw u jżommu proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u strutturi organizzattivi li b’mod ċar u dokumentat jispeċifikaw linji ta’ rapportar u jallokaw funzjonijiet u responsabilitajiet;

(c)     awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabilixxu politiki u proċeduri adegwati biex jiżguraw li l-impjegati tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom u li huma involuti direttament fl-attivitajiet ta’ awditu statutorju jkollhom għarfien u esperjenza xierqa għad-dmirijiet assenjati;

(d)     awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabilixxu politiki u proċeduri biex jiżguraw li l-esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet importanti tal-awditjar ma ssirx b’tali mod li tiddebolixxi l-kwalità tal-kontroll intern tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar u l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw il-konformità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar mal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament;

(e)     awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabilixxu arranġamenti organizzattivi u amministrattivi xierqa u effettivi biex jipprevjenu, jidentifikaw, jeliminaw jew jiġġestixxu u jiddivulgaw kwalunkwe theddida għall-indipendenza msemmija fl-Artikolu 11(2);

(f)      awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabilixxu proċeduri u standards xierqa għat-twettiq ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, ikkowċjar, superviżjoni u eżaminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ impjegati u l-organizzazzjoni tal-istruttura tal-fajl tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 15(5);

(g)     awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabilixxu sistema interna ta’ kontroll tal-kwalità sabiex jiżguraw il-kwalità tal-awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Is-sistema ta’ kontroll tal-kwalità mill-inqas tkopri l-proċeduri u l-istandards deskritti fil-punt (f). Fil-każ ta’ ditta tal-awditjar, ir-responsabilità tas-sistema interna ta’ kontroll tal-kwalità taqa’ fuq persuna li tikkwalifika bħala awditur statutorju;

(h)     awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jużaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa sabiex jiżguraw kontinwità u regolarità fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom ta’ awditu statutorju;

(i)      awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabilixxu politika biex jipprekludu l-involviment tagħhom u dak tal-impjegati tagħhom fi kwalunkwe reat kriminali jew ksur tal-liġi fit-twettiq ta’ ħidmiethom. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistabilixxu wkoll arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi xierqa u effikaċi għat-trattament u r-reġistrazzjoni ta’ inċidenti li jew jista’ jkollhom konsegwenzi serji għall-integrità tal-attivitajiet tagħhom ta’ awditu statutorju;

(j)      awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jkollhom politiki adegwati ta’ rimunerazzjoni li jipprovdu inċentivi suffiċjenti ta’ prestazzjoni sabiex jiżguraw il-kwalità tal-awditu. B’mod partikolari, il-kumpens u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-impjegati ma jiddependux fuq l-ammont ta’ dħul li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksbu mill-entità li jiġu awdijati;

(k)     awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jimmonitorjaw u jevalwaw l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi, il-kontroll intern u l-mekkaniżmi u arranġamenti interni ta’ kontroll tal-kwalità stabiliti b'konformità ma’ dan ir-Regolament u jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe defiċenza. Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar b’mod partikolari jwettqu evalwazzjoni annwali tas-sistema interna ta’ kontroll tal-kwalità msemmija fil-punt (g). Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar iżommu rekords tas-sejbiet ta’ dik l-evalwazzjoni u kwalunkwe miżura proposta biex tiġi mmodifikata s-sistema interna ta’ kontroll tal-kwalità.

Il-politiki u l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ddokumentati u kkomunikati lill-impjegati tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar.

Kwalunkwe esternalizzazzjoni ta’ funzjoni tal-awditjar kif imsemmi fil-punt (d) ma taffettwax ir-responsabilità tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar lejn l-entità awditjata.

2. L-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jieħdu f’kunsiderazzjoni d-daqs tagħhom u l-kumplessità tal-attivitajiet meta jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ikunu jistgħu juru lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) li tali konformità hija proporzjonata mad-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar.

Artikolu 7

Indipendenza mill-entità awditjata

1.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar u kwalunkwe detentur ta’ drittijiet ta’ votazzjoni f’ditta tal-awditjar ikunu indipendenti mill-entità awditjata u ma jkunux involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-entità awditjata.

2.           Awditur statutorju, ditta tal-awditjar, is-sħab ewlenin tagħhom tal-awditjar, l-impjegati tagħhom kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll ta’ tali awditur jew ditta u li tkun involuta direttament fl-attivitajiet tal-awditu statutorju, u persuni assoċjati magħhom mill-qrib fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/72/KE[33] ma jixtrux jew ibiegħux jew jidħlux f’xi tranżazzjoni għal xi strument finanzjarju maħruġ, iggarantit jew b’xi mod ieħor appoġġat minn entità li tkun ġiet awditjata fil-qasam tal-attivitajiet tagħhom ta’ awditu statutorju minbarra parteċipazzjonijiet fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv, inklużi fondi mmaniġjati bħal fondi tal-pensjoni jew assigurazzjoni tal-ħajja.

3.           Il-persuni jew ditti li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 ma jipparteċipawx jew b’xi mod ieħor jinfluwenzaw id-determinazzjoni ta’ awditu statutorju ta’ xi entità partikolari li jkun sarilha awditu jekk huma:

(a)     ikunu sidien ta’ strumenti finanzjarji tal-entità awditjata, minbarra parteċipazzjonijiet fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv;

(b)     ikunu sidien ta’ strumenti finanzjarji ta’ xi entità relatata ma’ entità li tkun ġiet awditjata, li s-sjieda tagħha tista’ tikkawża ġew ġeneralment tiġi pperċepita bħala li tikkawża kunflitt ta’ interess, minbarra parteċipazzjonijiet fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv;

(c)     kellhom impjieg reċenti, negozju jew relazzjoni oħra mal-entità li ġiet awditjata li tista’ tikkawża ġew ġeneralment tiġi pperċepita bħala li tikkawża kunflitt ta’ interess.

4.           Il-persuni jew ditti li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 ma jitolbux jew jaċċettaw flus, rigali jew favuri mingħand xi ħadd li miegħu l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ikollhom relazzjoni kuntrattwali.

5.           Il-provvedimenti nazzjonali dwar l-etika professjonali adottati taħt l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2006/43/KE li ma jkunux kumpatibbli mal-paragrafi 2, 3 u 4 ma japplikawx.

Artikolu 8

Impjieg minn entitajiet ta’ interess pubbliku ta’ ex awdituri statutorji jew ta’ impjegati ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar

1            Awditur statutorju jew sieħeb prinċipali tal-awditjar li jwettaq awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku f’isem ditta tal-awditjar, qabel ma jkun għadda perjodu ta’ mill-inqas sentejn minn meta jkun irriżenja mill-kariga ta’ awditur statutorju jew sieħeb prinċipali tal-awditjar mill-inkarigu tal-awditjar, ma jassumix xi wieħed minn dawn id-dmirijiet:

(a)     it-teħid ta’ pożizzjoni maniġerjali prinċipali fi ħdan l-entità awditjata;

(b)     isir membru tal-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata jew, fejn dan il-kumitat ma jkunx jeżisti, tal-korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti għal kumitat tal-awditjar;

(c)     isir membru mhux eżekuttiv tal-korp amministrattiv jew membru tal-korp superviżorju tal-entità awditjata.

2.           L-impjegati ta’ awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll ta’ tali awditur jew ditta, meta dawn l-impjegati jew persuni fiżiċi oħra jiġu approvati bħala awdituri statutorji, qabel ma jkun skada perjodu ta’ mill-inqas sena minn meta jkunu direttament involuti fl-attivitajiet tal-awditjar statutorju, ma jassumux xi wieħed mid-dmirijiet li għalihom issir referenza fil-punti (a), b) u (c) tal-paragrafu 1.

Artikolu 9

Tariffi tal-awditjar

1.           It-tariffi għall-forniment ta’ awditi statutorji lil entitajiet ta’ interess pubbliku ma ikunux tariffi kontinġenti.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, tariffi kontinġenti tfisser tariffi għal inkarigi tal-awditjar ikkalkulati fuq bażi predeterminata relatata mal-eżitu jew ir-riżultat ta’ tranżazzjoni jew ir-riżultat tax-xogħol imwettaq. It-tariffi ma jitqiesux bħala kontinġenti jekk dawn ikunu ġew stabiliti minn qorti jew awtorità kompetenti.

2.           Meta l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jipprovdu lill-entità awditjata b’servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2), it-tariffi għal tali servizzi jkunu limitati għal mhux aktar minn 10 % tat-tariffi mħallsa mill-entità awditjata għall-awditu statutorju.

3.           Meta t-tariffi totali riċevuti minn entità ta’ interess pubbliku soġġetta għall-awditu statutorju jkunu jirrappreżentaw jew aktar minn 20 % jew, għal sentejn konsekuttivi, aktar minn 15 % tat-tariffi totali annwali riċevuti mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar li jwettqu l-awditjar statutorju, tali awditur jew ditta jiddivulgaw lill-kumitat tal-awditjar il-fatt li t-total ta’ tali tariffi jirrappreżenta aktar minn 20 % jew 15 %, kif xieraq, tat-tariffi totali riċevuti mid-ditta u jsiru d-diskussjonijiet msemmija fl-Artikolu 11(4)(d). Il-kumitat tal-awditjar jikkunsidra jekk l-inkarigu tal-awditjar ikunx soġġett għal reviżjoni tal-kontroll tal-kwalità minn awditur statutorju ieħor jew ditta tal-awditjar oħra qabel il-ħruġ tar-rapport tal-awditjar.

Meta t-tariffi totali riċevuti minn entità ta’ interess pubbliku soġġetta għall-awditu statutorju jkunu jirrappreżentaw, għal sentejn konsekuttivi, 15 % jew aktar tat-tariffi annwali totali riċevuti mill-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju, l-awditur jew ditta jinformaw lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) b'tali sitwazzjoni. L-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) tiddeċiedi dwar il-bażi tal-motivazzjonijiet oġġettivi pprovduti mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, jekk l-awditur statorju jew id-ditta tal-awditjar ta’ tali entità tistax tkompli twettaq l-awditu statutorju għal perjodu addizzjonali li fi kwalunkwe każ ma jkunx itwal minn sentejn.

Meta l-entità awditjata tkun eżentata mill-obbligu li jkollha kumitat tal-awditjar, l-entità awditjata tiddeċiedi dwar liema korp jew organu tal-entità jaħdem mal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għall-finijiet tal-obbligi stipulati f’dan il-paragrafu.

Artikolu 10

Projbizzjoni tal-forniment ta’ servizzi mhux ta’ awditjar

1.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku jistgħu jipprovdu lill-entità awditjata, lill-impriża azzjonarja tagħha u lill-impriżi kontrollati tagħha servizzi tal-awditjar u servitti tal-awditjar finanzjaru relatati.

Meta l-awditur statutorju jkun jappartjeni għal netwerk, membru ta’ tali netwerk jista' jipprovdi lill-entità awditjata, lill-impriża holding tagħha u lill-impriżi kontrollati tagħha fi ħdan l-Unjoni servizzi ta’ awditjar statutorju u servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati.

2.           Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati ifissru:

(a)     l-awditjar jew l-eżaminazzjoni ta’ rapporti finanzjarji interim;

(b)     l-għoti ta’ garanzija dwar dikjarazzjonijiet ta’ governanza korporattiva;

(c)     l-għoti ta’ garanzija dwar kwistjonijiet ta’ responsabilità soċjali korporattiva;

(d)     l-għoti ta’ garanzija dwar jew l-attestazzjoni ta’ rapportar regolatorju lil regolaturi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji lil hinn mill-ambitu tal-awditjar statutorju u ddisinnjati biex jassistu lir-regolaturi biex iwettqu r-rwol tagħhom, bħal dwar ir-rekwiżiti kapitali jew razzjonijiet speċifiċi ta’ solvenza li jiddeterminaw kemm hu probabbli li impriża ser tkun tista’ tkompli tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ dejn;

(e)     l-għoti ta’ ċertifikazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti tat-taxxa fejn tali attestazzjoni tkun meħtieġa mid-dritt nazzjonali

(f)      kwalunkwe dmir statutorju ieħor relatat ma’ xogħol ta’ awditjar impost mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lill-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar.

3.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku ma jistgħux direttament jew indirettament jipprovdu lill-entità awditjata, lill-impriża azzjonarja tagħha u lill-impriżi kontrollati tagħha servizzi mhux tal-awditjar.

Meta l-awditur statutorju jkun jappartjeni għal netwerk, ebda membru ta’ tali netwerk ma jipprovdi lill-entità awditjata, lill-impriża holding tagħha u lill-impriżi kkontrollati tagħha fi ħdan l-Unjoni xi servizz ieħor mhux tal-awditjar.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, servizzi mhux ta’ awditjar tfisser:

(a) servizzi li jinvolvu konflitt ta’ interess fil-każijiet kollha:

(i) servizzi esperti mhux relatati mal-awditjar; konsulenza dwar it-taxxa, maniġment ġenerali, u servizzi oħra ta’ pariri;

(ii) żamma tal-kotba u tħejjija tar-rekords kontabilistiċi u r-rapporti finanzjarji;

(iii) disinn u implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ kontroll intern jew immaniġjar tar-riskju relatat mat-tħejjija u/jew kontroll ta’ informazzjoni finanzjarja inkluża fir-rapporti finanzjarji u pariri dwar ir-riskju;

(iv) servizzi ta’ valwazzjoni, il-forniment ta’ opinjonijiet dwar ġustizzja jew rapporti dwar kontribuzzjoni in natura;

(v) servizzi attwarjali u ġudizzjali, inkluż ir-reżoluzzjoni tat-tilwim;

(vi) tfassil u implimentazzjoni tas-sistemi informatiċi finanzjarji għal entitajiet ta’ interess pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 2(13)(b) sa (j) tad-Direttiva 2006/43/KE;

(vii) parteċipazzjoni fl-awditu intern tal-klijent tal-awditjar u l-forniment ta’ servizzi relatati mal-funzjoni ta’ awditjar intern;

(viii) servizzi ta’ sensar jew negozjar, ta’ konsulenza dwar l-investiment, jew servizzi bankarji ta’ investiment.

(b) servizzi li jkunu jistgħu jinvolvu konflitt ta’ interess:

(i) servizzi ta’ riżorsi umani, inkluż ir-reklutaġġ ta’ maniġment superjuri;

(ii) forniment ta’ ittri ta’ garanzija (comfort letters) għal investituri fil-kuntest tal-ħruġ tat-titoli ta’ impriża;

(iii) tfassil u implimentazzjoni tas-sistemi informatiċi finanzjarji għal entitajiet ta’ interess pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 2(13)(a) tad-Direttiva 2006/43/KE;

(iv) servizzi ta’ diliġenza dovuta lill-venditur jew l-akwirent f'fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet potenzjali u l-għoti ta’ aċċertament dwar l-entità awditjata lil partijiet oħrajn fi tranżazzjoni finanzjarja jew korporattiva.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafu, is-servizzi msemmija fil-punt (b)(iii) u (iv) jistgħu jkunu pprovduti mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, prevja l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1).

Permezz ta’ deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafu, is-servizzi msemmija fil-punt (b)(i) u (ii) jistgħu jkunu pprovduti mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, prevja l-approvazzjoni mill-kumitat tal-awditjar msemmi fl-Artikolu 31.

4.           Meta membru tan-netwerk li għalih ikunu jappartjenu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku jkun jipprovdi servizzi mhux tal-awditjar lil impriża inkorporata f’pajjiż terz ikkontrollata mill-entità ta’ interess pubbliku awditjata, l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar konċernati jivvalutaw jekk l-indipendenza tagħhom tkunx kompromessa minn tali forniment ta’ servizzi mill-membru tan-netwerk.

Jekk l-indipendenza tagħhom tkun affettwata, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar japplikaw salvagwardji sabiex jimmitigaw it-theddid ikkawżat minn tali forniment ta’ servizzi f’pajjiż terz. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistgħu jkomplu jwettqu l-awditu statutorju tal-entità ta’ interess pubbliku biss jekk huma jistgħu jiġġustifikaw, b’mod konformi mal-Artikolu 11, li tali forniment ta’ servizzi ma jaffettwax il-ġudizzju professjonali tagħhom u r-rapport tal-awditjar.

L-involviment fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-entità awditjata u l-forniment tas-servizzi li għalihom issir referenza fil-punti (ii) u (iii) tal-paragrafu 3(a) jitqiesu li jaffettwaw tali indipendenza fil-każijiet kollha.

Il-forniment tas-servizzi li għalihom issir referenza fil-punti (i) u (iv) sa (viii) tal-paragrafu 3(a) ikunu preżunti li jaffettwaw tali indipendenza.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistgħu jikkonsultaw lill-awtorità kompetenti għal opinjoni dwar din il-kwistjoni.

5.           Meta ditta tal-awditjar tiġġenera aktar minn terz tad-dħul annwali tagħha tal-awditjar minn entitajiet kbar ta’ interess pubbliku u tkun tappartjeni għal netwerk li l-membri tagħha għandhom dħul ikkombinat annwali mill-awditjar li jkun jaqbeż EUR 1 500 miljun fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hija teħtieġ tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)     ma tipprovdix direttament jew indirettament lil xi entità ta’ interess pubbliku servizzi mhux tal-awditjar;

(b)     ma tkunx tappartjeni għal netwerk li jipprovdi servizzi mhux tal-awditjar statutorju fl-Unjoni;

(c)     kwalunkwe entità li tipprovdi s-servizzi elenkati fil-paragrafu 3 ma jkollhiex, direttament jew indirettament, aktar minn 5 % tal-kapital jew tad-drittijiet ta’ votazzjoni fid-ditta tal-awditjar;

(d)     l-entitajiet li jipprovdu s-servizzi elenkati fil-paragrafu 3 ma jippossjedux flimkien, direttament jew indirettament, aktar minn 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet ta’ votazzjoni fid-ditta tal-awditjar;

(e)     tali ditta tal-awditjar ma jkollhiex direttament jew indirettament aktar minn 5 % tal-kapital jew tad-drittijiet ta’ votazzjoni fi kwalunkwe entità li tipprovdi s-servizzi elenkati fil-paragrafu 3.

6.           Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 għall-finijiet li tadatta l-lista ta’ servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati li għalihom issir referenza fil-paragrafu 2 u l-lista ta’ servizzi mhux ta’ awditjar li għalihom issir referenza fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Meta tuża dawk is-setgħat, il-Kummissjoni tikkunsidra żviluppi fl-awditjar u fil-professjoni tal-awditjar.

Artikolu 11

Tħejjija għall-awditu statutorju u valutazzjoni tat-theddid għall-indipendenza

1.           Qabel ma jaċċettaw jew jissoktaw b’inkarigu għal awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku, awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jivvalutaw u jiddokumentaw dan li ġej:

– jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni interna tal-Artikolu 6;

– jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikoli 7, 9 and 10;

– jekk ikollhomx impjegati kompetenti, ħin u riżorsi biex iwettqu l-awditu b’mod xieraq;

– jekk, fil-każ ta’ ditta tal-awditjar, is-sieħeb prinċipali tal-awditjar huwiex approvat bħala awditur statutorju fl-Istat Membru li jkun jeħtieġ l-awditu statutorju;

– jekk hemmx konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 33;

– mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60//KE, l-integrità tal-entità ta’ interess pubbliku.

2.           L-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jivvalutaw ukoll jekk hemmx theddid għall-indipendenza tagħhom.

L-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma jwettqux awditu statutorju jekk ikun hemm relazzjoni diretta jew indiretta ta’ natura finanzjarja, ta’ negozju, ta’ impjieg jew ta’ xorta oħra bejn l-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar, jew in-netwerk u l-entità awditjata li minnha terza persuna oġġettiva, raġonevoli u infurmata tikkonkludi li l-indipendenza tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar hija kompromessa.

Jekk l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar tkun affettwata b’theddid ta’ awtoreviżjoni jew interess personali, l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma jwettqux l-awditu statutorju.

Jekk l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar tkun affettwata b’theddid ta’ avukatura, familjarità jew fiduċja jew intimidazzjoni, l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar japplikaw salvagwardji sabiex jimmitigaw dak it-theddid. Jekk is-sinifikat tat-theddid meta mqabbel mas-salvagwardji applikati jkun tali li l-indipendenza tagħhom tkun kompromessa, l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma jwettqux l-awditu statutorju.

3.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar iżommu rekords tal-valutazzjonijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 u 2 u jiddokumentaw fid-dokumenti ta’ ħidma tal-awditu t-theddid sinifikanti kollu għall-indipendenza tagħhom kif ukoll is-salvagwardji applikati sabiex jiġi mmitigat dak it-theddid.

4            Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar:

(a)     jikkonfermaw annwalment bil-miktub lill-kumitat tal-awditjar l-indipendenza tagħhom mill-entità awditjata;

(b)     jikkonfermaw annwalment bil-miktub lill-kumitat tal-awditjar l-ismijiet tas-sħab tal-awditjar, il-maniġer superjuri u l-maniġer tat-tim ċentrali li jwettqu l-awditu statutorju, waqt li jiċċertifikaw li m’hemm l-ebda kunflitt ta’ interess;

(c)     jitolbu permess mill-kumitat tal-awditjar sabiex jipprovdu s-servizz mhux tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 10(3)(b)(i) u (ii) lill-entità awditjata;

(d)     jitolbu permess mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) sabiex jipprovdu s-servizz mhux tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 10(3)(b)(iii) u (iv) lill-entità awditjata;

(e)     jiddiskutu mal-kumitat tal-awditjar it-theddid għall-indipendenza tagħhom u s-salvagwardji applikati biex jiġi mmitigat dak it-theddid, kif iddokumentat minnhom skont il-paragrafu 3.

Meta l-entità awditjata tkun eżentata mill-obbligu li jkollha kumitat tal-awditjar, l-entità awditjata tiddeċiedi liema korp jew organu tal-entità jwettaq il-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar f’dan il-paragrafu.

KAPITOLU II

KUNFIDENZJALITÀ U SEGRETEZZA PROFESSJONALI

Artikolu 12

Kunfidenzjalità u segretezza professjonali

L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar, inklużi dawk li waqfu jwettqu ħidma partikolari ta’ awditjar u ex awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, ma jinvokawx ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2006/43/KE sabiex jipprevjenu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Divulgazzjoni lil awdituri ta’ pajjiżi terzi u lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

1.           Meta awditur statutorju jew ditta tal-awditjar iwettqu awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku li hija parti minn grupp ta’ impriżi li l-impriża prinċipali tagħhom tinsab f’pajjiż terz, ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2006/43/KE ma jwaqqfux it-trasferiment mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar tad-dokumentazzjoni rilevanti tal-ħidma tal-awditjar imwettqa għall-awditur tal-grupp li jinsab f’pajjiż terz jekk it-tali dokumentazzjoni tkun esklussivament meħtieġa għat-tħejjija tal-awditjar tar-rapporti finanzjarji konsolidati tal-impriża prinċipali.

It-trasferiment tal-informazzjoni lill-awditur tal-grupp li jinsab pajjiż terz isir b’konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE u mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

2.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku li tkun ħarġet titoli f’pajjiż terz jew li tagħmel parti minn grupp li joħroġ rapporti finanzjarji konsolidati statutorji f’pajjiż terz jistgħu jittrasferixxu biss dik id-dokumentazzjoni tal-awditjar jew dokumenti oħra relatati mal-awditjar ta’ dik l-entità li hu jew hi jżommu għall-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi rilevanti taħt il-kundizzjonijiet stabiliti fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

KAPITOLU III

TWETTIQ TAL-AWDITU STATUTORJU

Artikolu 14

Ambitu tal-awditu statutorju

1.           Meta jwettqu l-awditjar statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li jifformaw opinjoni dwar jekk ir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati tal-entità ta’ interess pubbliku jirrappreżentawx il-qagħda vera u ġusta skont il-qafas tar-rapportar finanzjarju relevanti u, fejn dan ikun xieraq, jekk it-tali rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati jikkonformawx mar-rekwiżiti statutorji kif imsemmija fl-Artikolu 22.

Tal-inqas, passi bħal dawn jinkludu r-rekwiżiti stabiliti fl-Artikoli 15 sa 20.

L-opinjoni tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar tingħata b’konformità mal-Artikoli 21 sa 25.

2.           Mingħajr ħsara għar-rekwiżiti ta’ rapportar kif imsemmija fl-Artikoli 22 u 23, l-ambitu tal-awditu statutorju ma jinkludix l-garanzija dwar il-vijabilità fil-ġejjieni tal-entità awditjata u l-anqas dwar l-effiċjenza jew l-effikaċja li biha l-korp maniġerjali jew dak amministrattiv jamministra jew se jamministra l-entità.

Artikolu 15

Xettiċiżmu professjonali

Meta jwettqu awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jibqgħu jħaddnu x-xettiċiżmu professjonali matul l-awditjar, billi jirrikonoxxu l-possibilità li tista’ teżisti dikjarazzjoni skorretta materjali minħabba fatti jew imġiba li jindikaw irregolaritajiet, inklużi frodi jew żbalji minkejja l-esperjenza fil-passat tal-awditur jew tad-ditta tal-onestà u l-integrità tal-maniġment tal-entità awditjata u tal-persuni inkarigati mill-governanza tagħha.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iħaddnu x-xettiċiżmu professjonali b’mod partikolari meta jirrevedu stimi tal-maniġment relatati mal-valuri ġusti u l-indebboliment tal-avvjament u flussi tal-fluss oħra intanġibbli jew tal-ġejjieni relevanti għall-konsiderazzjoni tan-negozju avvjat.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘xettiċiżmu professjonali’ tfisser attitudni li tinkludi rieda li persuna tistaqsi, tkun konxja mill-kundizzjonijiet li jistgħu jindikaw possibilità ta’ dikjarazzjoni skorretta minħabba żball jew frodi u valutazzjoni kritika tal-evidenza tal-awditjar.

Artikolu 16

Organizzazzjoni tal-ħidma

1.           Meta l-awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku jitwettaq minn ditta tal-awditjar, dik id-ditta tal-awditjar taħtar tal-inqas sieħeb ewlieni tal-awditjar wieħed. Id-ditta tal-awditjar tipprovdi lis-sieħeb/is-sħab tal-awditjar maħtur(a) b’biżżejjed riżorsi sabiex iwettaq jew iwettqu d-doveri tiegħu/tagħhom kif inhu xieraq.

Il-garanzija tal-kwalità, l-indipendenza u l-kompetenza tal-awditjar tkun il-kriterju ewlieni għad-ditta tal-awditjar fl-għażla tas-sieħeb/tas-sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar li jeħtieġ jinħatru.

Is-sieħeb/is-sħab tal-awditjar maħtur(a) ikunu involuti b’mod attiv fit-twettiq tal-awditu statutorju.

2.           Meta l-awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku jitwettaq minn awditur statutorju, dan jalloka ħin biżżejjed għall-inkarigu u jassenja biżżejjed riżorsi għall-impjegati tiegħu sabiex iwettqu d-doveri tiegħu kif inhu xieraq.

3.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iżommu rekords tal-każijiet li fihom l-impjegati tagħhom ma jirrispettawx dan ir-Regolament. Iżommu r-rekords ta’ kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta wkoll, inklużi l-miżuri meħuda rigward dawn l-impjegati u l-miżuri meħuda sabiex tiġi modifikata s-sistema ta’ kontroll tal-kwalità intern. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iħejju rapport annwali li jagħti ħarsa ġenerali lejn kull miżura meħuda bħal din u tikkomunikah lill-impjegati.

Meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jitolbu parir minn esperti esterni, dawn jiddokumentaw it-talba li saret u l-parir irċivut.

4.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar iżommu rekord ta’ kont tal-klijent. Rekord bħal dan jinkludi d-dejta li ġejja għal kull klijent tal-awditjar:

(a)     l-isem, l-indirizz u s-sede tan-negozju;

(b)     fil-każ ta’ ditta tal-awditjar, is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar;

(c)     it-tariffi mitluba għall-awditu statutorju u t-tariffi mitluba għal servizzi oħra fi kwalunkwe sena finanzjarja.

5.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar joħolqu fajl tal-awditjar għal kull awditu statutorju mwettaq. Tal-inqas, il-fajl tal-awditjar ikun fih id-dejta u d-dokumenti li ġejjin, jew fuq karta jew f’forma elettronika:

(a)     il-kuntratt bejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u l-entità awditjata, u kwalunkwe emenda fih;

(b)     il-korrispondenza mal-entità awditjata relatata mal-awditu statutorju;

(c)     pjan tal-awditjar li jistabilixxi l-ambitu u l-metodu probabbli tal-awditu statutorju;

(d)     deskrizzjoni dwar in-natura u l-firxa tal-attivitajiet tal-awditjar imwettqa;

(e)     id-dati ta’ bidu u tmiem tal-fażijiet tal-proċeduri tal-awditjar stabiliti fil-pjan tal-awditjar;

(f)      is-sejbiet ewlenin tal-proċeduri tal-awditjar imwettqa;

(g)     il-konklużjonijiet mis-sejbiet imsemmija fil-punt (f);

(h)     l-opinjoni tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar kif evidenzjata mill-abbozzi tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 22 u 23;

(i)      id-dejta rrikordjata skont l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 16(3), l-Artikoli 17 u 18 u 19(6);

(j)      dejta u dokumenti rilevanti oħra li huma importanti għas-sostenn tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 22 u 23 u għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u rekwiżiti legali applikabbli oħrajn.

Il-fajl tal-awditjar jingħalaq mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data tal-firma tar-rapport tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 22.

6.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iżommu rekords ta’ kwalunkwe lment dwar it-twettiq tal-awditu statutorju.

Artikolu 17

Integrità tas-suq

1.           Meta jseħħ inċident li għandu jew li jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq l-integrità tal-attivitajiet ta’ awditu statutorju ta’ awditur statutorju jew ta’ ditta tal-awditjar, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar:

(a)     iżommu rekord tal-inċident;

(b)     jieħdu l-miżuri xierqa bil-għan li jikkontrollaw il-konsegwenzi tal-inċident u jipprevjenu r-ripetizzjoni tiegħu;

(c)     jinformaw lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) tal-inċident.

Ir-rekord imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jinkludi l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-inċident, l-informazzjoni dwar il-persuna jew il-persuni involuti u d-dettalji tal-miżuri li ttieħdu skont il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu.

2.           Mingħajr ħsara għad-Direttiva 2005/60/KE, meta awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li twettaq l-awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku jissuspettaw jew għandhom raġunijiet validi għalfejn jissuspettaw li qed jitwettqu jew li twettqu jew li qed isiru jew li saru tentattivi għal fatti jew imġiba li jindikaw irregolaritajiet, inkluż frodi fir-rigward tar-rapporti finanzjarji tal-entità awditjata, dawn jinfurmaw lill-entità awditjata u jitolbuha tinvestiga l-kwistjoni u tieħu l-miżuri xierqa sabiex tindirizza dawn l-irregolaritajiet u sabiex tipprevjeni r-ripetizzjoni ta’ irregolaritajiet simili fil-ġejjieni.

Meta l-entità awditjata ma tinvestigax il-kwistjoni jew ma tieħu l-ebda miżura, jew meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jemmnu li l-miżuri meħuda mill-entità awditjata mhumiex adegwati sabiex jindirizzaw dawn l-irregolaritajiet, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tinforma lill-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw lill-entitajiet ta’ interess pubbliku b’dawn l-irregolaritajiet.

Id-divulgazzjoni b'buona fede lill-awtoritajiet kompetenti, mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar, ta’ kwalunkwe fatt imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma tikkostitwixxix ksur tal-ebda restrizzjoni kuntrattwali jew legali dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni u ma tinvolvix lil dawn il-persuni f’xi responsabilità ta’ kwalunkwe tip.

Artikolu 18

Awditjar ta’ rapporti finanzjarji konsolidati

1            Fil-każ ta’ awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ grupp ta’ impriżi fejn l-impriża prinċipali tkun entità ta’ interess pubbliku, l-awditur tal-grupp:

(a)     iġorr ir-responsabilità sħiħa għar-rapport tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 22 u r-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 23 fir-rigward tar-rapporti finanzjarji konsolidati;

(b)     jiddokumenta liema ħidma tal-awditjar titwettaq minn awditur(i) ta’ pajjiż terz, awditur(i) statutorju/i, entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar għall-finijiet tal-grupp tal-awditjar;

(c)     iwettaq eżami u jżomm id-dokumentazzjoni tal-eżami tiegħu tal-ħidma tal-awditjar imwettqa minn awditur(i) ta’ pajjiż terz, awditur(i) statutorju/i, entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar għall-finijiet tal-grupp tal-awditjar. Id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp tippermetti lill-awtorità kompetenti rilevanti sabiex tirrevedi l-ħidma tal-awditur tal-grupp kif inhu xieraq.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-awditur tal-grupp jiżgura l-ftehim tal-awditur(i) ta’ pajjiż terz, l-awditur(i) statutorju/i, l-entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz jew tad-ditta/i tal-awditjar għat-trasferiment tad-dokumentazzjoni rilevanti matul it-twettiq tal-awditjar tar-rapporti finanzjarji konsolidati, bħala kondizzjoni tal-affidabilità mill-awditur tal-grupp dwar il-ħidma ta’ dak/dawk l-awditur(i) ta’ pajjiż terz, l-awditur(i) statutorju/i, l-entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz jew tad-ditta/i tal-awditjar.

2.           Fejn l-awditur tal-grupp ma jkunx f’pożizzjoni li jikkonforma mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jieħu l-miżuri xierqa u jinforma lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) dwar dan.

Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu t-twettiq ta’ ħidma addizzjonali ta’ awditjar statutorju, jew direttament jew permezz ta’ esternalizzazzjoni ta’ dawn il-kompiti, fis-sussidjarja rilevanti tal-entità ta’ interess pubbliku.

3.           Meta l-awditur tal-grupp ikun soġġett għal eżami tal-garanzija tal-kwalità jew investigazzjoni rigward l-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ grupp ta’ impriżi fejn l-impriża prinċipali tkun entità ta’ interess pubbliku, l-awditur tal-grupp, meta jintalab jagħmel dan, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti dik id-dokumentazzjoni rilevanti li hu jżomm rigward il-ħidma tal-awditjar imwettqa minn awditur(i) ta’ pajjiż terz, awditur(i) statutorju/i, entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar għall-finijiet tal-grupp tal-awditjar, inklużi d-dokumenti ta’ ħidma rilevanti għall-grupp tal-awditjar.

L-awtorità kompetenti titlob dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-ħidma tal-awditjar imwettqa mill-awditur(i) statutorju/i jew mid-ditta/i tal-awditjar għall-finijiet tal-grupp tal-awditjar għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont il-Kapitolu III tat-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament.

Meta komponent ta’ grupp ta’ impriżi jiġi awditjat minn awditur(i) jew entità(jiet) tal-awditjar minn pajjiż terz, l-awtorità kompetenti titlob dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-ħidma tal-awditjar imwettqa mill-awditur(i) ta’ pajjiż terz jew mill-entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti minn pajjiżi terzi permezz tal-arranġamenti ta’ xogħol imsemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

Permezz ta’ deroga mit-tielet subparagrafu, meta komponent ta’ grupp ta’ impriżi jiġi awditjat minn awditur(i) jew entità(jiet) tal-awditjar minn pajjiż terz li ma jkollux arranġament ta’ xogħol kif imsemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE, l-awditur tal-grupp, meta jintalab dan, ikun responsabbli wkoll mill-iżgurar ta’ twassil xieraq tad-dokumentazzjoni addizzjonali tal-ħidma tal-awditjar imwettqa minn awditur(i) ta’ pajjiż terz or entità(jiet) tal-awditjar, inklużi d-dokumenti ta’ ħidma relevanti għall-grupp tal-awditjar. Sabiex jiġi żgurat twassil xierqa bħal dan, l-awditur tal-grupp iżomm kopja ta’ din id-dokumentazzjoni, jew inkella jiftiehem mal-awditur(i) ta’ pajjiż terz jew mal-entità(jiet) tal-awditjar sabiex ikun jista’ jaċċedi b’mod xieraq u mhux ristrett kull meta jitlob li jagħmel dan, jew jieħu kwalunwke azzjoni xierqa oħra. Meta d-dokumentazzjoni tal-awditjar ma jistgħux jgħaddu minn pajjiż terz għall-awditur tal-grupp minħabba raġunijiet legali jew raġunijiet oħra, id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp tinkludi provi li hu ħa l-proċeduri xierqa sabiex ikollu aċċess għad-dokumentazzjoni tal-awditjar, u fil-każ ta’ impedimenti li mhumiex legali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz, il-provi li jsostnu dan l-impediment.

Artikolu 19

Eżami tal-kontroll tal-kwalità intern

1.           Qabel ma jinħarġu r-rapporti msemmija fl-Artikoli 22 u 23, isir eżami tal-kontroll tal-kwalità intern sabiex jiġi valutat jekk l-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar setax wasal b’mod raġonevoli għall-opinjoni u l-konklużjonijiet espressi fl-abbozz ta’ dawn ir-rapporti.

2.           L-eżami tal-kontroll tal-kwalità intern isir permezz ta’ eżaminatur tal-kontroll tal-kwalità intern. Dan l-eżaminatur ikun awditur statutorju li mhuwiex involut fit-twettiq tal-awditu statutorju li miegħu huwa relatat l-eżami tal-kwalità interna.

3.           Meta jeżamina l-kontroll tal-kwalità intern, l-eżaminatur iżomm tal-inqas waħda milli ġejjin:

(a)     l-informazzjoni mogħtija bil-fomm u bil-miktub mogħtija mill-awditur statutorju jew mis-sieħeb ewlieni tal-awditjar li tappoġġja s-sejbiet ewlenin tal-proċeduri tal-awditjar imwettqa u l-konklużjonijiet li jinħarġu minn dawn is-sejbiet, kemm jekk fuq talba jew le tal-eżaminatur tal-kontroll tal-kwalità intern;

(b)     ir-rapporti finanzjarji awditjati;

(c)     is-sejbiet ewlenin tal-proċeduri tal-awditjar imwettqa u l-konklużjonijiet li jinħarġu minn dawn is-sejbiet;

(d)     l-opinjonijiet tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar, kif mogħtija fl-abbozz tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 22 u 23;

4.           Tal-inqas, l-eżami tal-kontroll tal-kwalità intern jeżamina l-elementi li ġejjin:

(a)     l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar mill-entità awditjata;

(b)     ir-riskji sinifikanti li l-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar identifika matul it-twettiq tal-awditu statutorju u l-miżuri li ħa sabiex jikkontrolla b’mod adegwat dawk ir-riskji;

(c)     ir-raġunar tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar, b’mod partikolari fir-rigward tal-materjalità u r-riskji sinifikanti msemmija fil-punt (b);

(d)     kwalunkwe talba għal parir ta’ esperti esterni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pariri;

(e)     in-natura u l-ambitu tad-dikjarazzjonijiet skorretti ikkoreġuti jew mhux ikkoreġuti fir-rapporti finanzjarji li ġew identifikati matul it-twettiq tal-awditjar;

(f)      is-suġġetti diskussi mal-kumitat tal-awditjar u l-maniġment u/jew il-korpi superviżorji tal-entità awditjata;

(g)     is-suġġetti diskussi mal-awtoritajiet kompetenti u, jekk applikabbli, ma’ partijiet terzi oħra;

(h)     jekk id-dokumenti u l-informazzjoni magħżula mill-fajl jirriflettux b’mod sodisfaċenti l-pożizzjonijiet meħuda mill-impjegati involuti fl-awditjar, u jekk it-tali dokumenti u informazzjoni jsostnux l-opinjoni tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar kif espressa fl-abbozz tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 22 u 23.

5.           L-eżaminatur tal-kontroll tal-kwalità intern jiddiskuti r-riżultati tal-eżami tal-kontroll tal-kwalità intern mal-awditur statutorju jew mas-sieħeb ewlieni tal-awditjar. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiddeterminaw il-proċedura li teħtieġ tiġi segwita meta l-eżaminatur u l-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar ma jaqblux dwar ir-riżultati tal-eżami.

6.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iżommu rekords tar-riżultati tal-eżami tal-kontroll tal-kwalità intern, flimkien mal-kunsiderazzjonijiet li jmorru ma’ dawn ir-riżultati.

Artikolu 20

Użu tal-istandards internazzjonali tal-awditjar

L-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2006/43/KE meta jwettqu l-awditu statutorju tal-entitajiet ta’ interess pubbliku sakemm dawn l-istandards ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

RAPPORTAR TAL-AWDITJAR

Artikolu 21

Riżultati tal-awditu statutorju

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jippreżentaw ir-riżultati tal-awditu statutorju fir-rapporti li ġejjin:

– rapport tal-awditjar b’konformità mal-Artikolu 22;

– rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar b’konformità mal-Artikolu 23.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jippreżentaw ir-riżultati tal-awditu statutorju lill-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata b’konformità mal-Artikolu 24 u lis-superviżuri tal-entitajiet ta’ interess pubbliku b’konformità mal-Artikolu 25.

Artikolu 22

Rapport tal-awditjar

1.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jippreżentaw ir-riżultati tal-awditu statutorju tal-entità ta’ interess pubbliku f’rapport tal-awditjar.

2.           Ir-rapport tal-awditjar jsir bil-miktub. Tal-inqas:

(a)     jidentifika l-entità li ġew awditjati r-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati tagħha;

(b)     jispeċifika r-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati u d-data u l-perjodu li jkopru;

(c)     jispjega, meta jkunu ġew eżaminati rapporti addizzjonali, l-ambitu ta’ din l-eżaminazzjoni;

(d)     jidentifika liema korp fi ħdan l-entità awditjata ħatar l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar;

(e)     jindika d-data tal-ħatra u l-perjodu totali mingħajr waqfien tal-inkarigu inklużi tiġdid u ħatriet mill-ġdid preċedenti;

(f)      jindika li l-awditu statutorju twettaq skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 20;

(g)     jidentifika l-qafas tar-rapportar finanzjarju li ġie applikat fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji;

(h)     jiddeskrivi l-metodoliġija użata, inkluż kemm ġie awditjat direttament mill-karta bilanċjali u kemm ġie bbażat fuq l-ittestjar tas-sistema u tal-konformità;

(i)      jispjega kull varjazzjoni fl-ippeżar tal-ittestjar sostantiv u tal-konformità meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, anki jekk l-awditu statutorju tas-sena ta’ qabel twettaq minn awditur(i) statutorju/i jew ditta/i tal-awditjar differenti;

(j)      jippreżenta d-dettalji tal-livell ta’ materjalità applikat għat-twettiq tal-awditu statutorju;

(k)     jidentifika l-oqsma ewlenin ta’ riskju tad-dikjarazzjoni skorretta materjali tar-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati, inklużi stimi kontabilistiċi kritiċi jew oqsma ta’ inċertezza tal-kejl;

(l)      jipprovdi dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-entità awditjata jew, f’każ tal-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji konsolidati, tal-impriża prinċipali u l-grupp, b’mod partikolari valutazzjoni tal-abilità tal-entità jew tal-impriża prinċipali u tal-grupp sabiex tilħaq/jilħqu l-obbligi tagħha/tagħhom fil-ġejjieni prevedibbli u għaldaqstant, tkompli/ikomplu bħala negozju avvjat;

(m)    jivvaluta s-sistema ta’ kontroll intern tal-entità jew, f’każ ta’ rapporti finanzjarji konsolidati, tal-impriża prinċipali inklużi nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll intern identifikati matul l-awditu statutorju, kif ukoll is-sistema ta’ żamma tal-kotba u s-sistema kontabilistika;

(n)     jispjega sa liema punt l-awditu statutorju tfassal sabiex jidentifika irregolaritajiet, inkluż frodi;

(o)     jindika u jispjega kull vjolazzjoni tar-regoli kontabilistiċi jew vjolazzjoni tal-liġijiet jew l-Artikoli ta’ inkorporazzjonijiet, deċiżjonijiet tal-politika kontabilistika u kwistjonijiet oħra li huma sinifikanti għall-governanza tal-entità;

(p)     jikkonferma li l-opinjoni tal-awditjar hija konsistenti mar-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 23;

(q)     jiddikkjara li s-servizzi mhux tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 10(3) ma ġewx ipprovduti u li l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar baqgħu kompletament indipendenti fit-twettiq tal-awditjar. Fejn l-awditu statutorju jkun twettaq minn ditta tal-awditjar, ir-rapport jidentifika lil kull membru tat-tim tal-inkarigu tal-awditjar u jiddikkjara li l-membri kollha baqgħu kompletament indipendenti u li ma kellhom l-ebda interess dirett jew indirett fl-entità awditjata;

(r)      jindika s-servizzi mhux tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 10(3)(b)(i) u (ii) li l-kumitat tal-awditjar ikun ippermetta lill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jipprovdu lill-entità awditjata;

(s)     jindika s-servizzi mhux tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 10(3)(b)(iii) u (iv) li l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) tkun ippermettiet lill-awditur statutorju jew lid-ditta tal-awditjar jipprovdu lill-entità awditjata;

(t)      jagħti opinjoni li tistabilixxi b’mod ċar l-opinjoni tal-awditur(i) statutorju/i jew tad-ditta/i tal-awditjar dwar jekk ir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati jirrappreżentawx il-qagħda vera u ġusta u jekk tħejjewx b’konformità mal-qafas tar-rapportar finanzjarju relevanti u, fejn dan ikun xieraq, jekk ir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati jikkonformawx mar-rekwiżiti statutorji; l-opinjoni tal-awditjar tkun jew mhux ikkwalifikata, kwalifikata, opinjoni avversa jew, jekk l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar ma jistgħux jesprimu opinjoni tal-awditjar, ċaħda tal-opinjoni. Fil-każ ta’ opinjoni kwalifikata jew avversa jew ċaħda tal-opinjoni, ir-rapport jispjega r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni;

(u)     jirreferi għal kull kwistjoni li l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar xeħtu dawl fuqha permezz ta’ enfasi mingħajr ma kkwalifikaw l-opinjoni tal-awditjar;

(v)     jagħti opinjoni rigward il-konsistenza jew in-nuqqas ta’ din tar-rapport annwali mar-rapporti finanzjarji annwali għall-istess sena fiskali;

(w)    jidentifika fejn ikunu stabiliti l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar.

3.           Fejn inħatru aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda sabiex iwettqu l-awditu statutorju tal-entità ta’ interess pubbliku, dawn jeħtieġu jaqblu dwar ir-riżultati tal-awditu statutorju u jissottomettu rapport u opinjoni konġunti. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jissottomettu l-opinjoni tagħhom b’mod separat. Jekk awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda jikkwalifika/tikkwalifika l-opinjoni proprja, jissottometti/tissottometti opinjoni avversa jew ċaħda tal-opinjoni, l-opinjoni ġenerali titqies bħala kwalifikata, opinjoni avversa jew ċaħda tal-opinjoni. F’paragrafu separat, kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jiddikkjaraw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil.

4.           Ir-rapport tal-awditjar ma jkunx itwal minn erba' paġni jew 10000 karattru (mingħajr spazji). Ma jagħmilx kontroreferenzi għar-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 23.

5.           Ir-rapport tal-awditjar jiġi ffirmat u datat mill-awditur(i) statutorju/i jew mid-ditta/i tal-awditjar. Fejn ditta tal-awditjar twettaq l-awditu statutorju, tal-inqas, ir-rapport tal-awditjar jiġi ffirmat mil-awditur(i) statutorju/i li wettaq l-awditu statutorju f’isem id-ditta tal-awditjar.

6.           L-Artikolu 35 tad-Direttiva [XXX] dwar ir-rapporti finanzjarji annwali u r-rapporti finanzjarji konsolidati u rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi ma japplikax għar-rapporti tal-awditjar ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.

7.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ma jużawx l-isem tal-ebda awtorità kompetenti b’mod li jkun jindika jew jissuġġerixxi approvazzjoni minn dik l-awtorità tar-rapport tal-awditjar.

Artikolu 23

Rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar

1.           L-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar li jwettqu l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku jissottomettu rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata.

Jekk l-entità awditjata ma jkollhiex kumitat tal-awditjar, ir-rapport addizzjonali jiġi sottomess lill-korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan l-entità awditjata.

Il-kumitat tal-awditjar jew il-korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti jitħalla jittrażmetti r-rapport addizzjonali lill-maniġment, lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata.

Ir-rapport addizzjonali jiġi ddivulgat fil-laqgħa ġenerali tal-entità awditjata jekk il-maniġment jew il-korp ta’ amministrazzjoni tal-entità awditjata jiddeċiedi hekk.

2.           Ir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar isir bil-miktub. Jeħtieġ jispjega fid-dettall u b’mod espliċitu r-riżultati tal-awditu statutorju mwettaq u tal-inqas:

(a)     jinkludi dikjarazzjoni ta’ indipendenza kif speċifikat fil-punt (q) tal-Artikolu 22(2);

(b)     jidentifika d-dati tal-laqgħat mal-kumitat tal-awditjar jew mal-korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan l-entità awditjata;

(c)     jidentifika d-dati tal-laqgħat, jekk saru, mal-maniġment, mal-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata;

(d)     jiddeskrivi l-proċedura ta’ ħatra;

(e)     jiddeskrivi t-tqassim tal-kompiti fost l-awditur(i) statutorju/i u/jew id-ditta/i tal-awditjar;

(f)      jindika u jispjega deċiżjonijiet dwar inċertezza materjali li jistgħu jixħtu dubju rigward l-abilità tal-entità sabiex tkompli bħala negozju avvjat;

(g)     jiddetermina fid-dettall jekk iż-żamma tal-kotba, il-kontabilità, id-dokumenti awditjati kollha, ir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati u rapporti addizzjonali possibbli jixhdux adegwatezza;

(h)     jindika u jispjega fid-dettall is-sitwazzjonijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità, inklużi sitwazzjonijiet mhux materjali jekk ikunu meqjusa importanti għall-kumitat tal-awditjar sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu;

(i)      jeżamina l-metodi ta’ valwazzjoni applikati għad-diversi elementi fir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati inkluż kull impatt ta’ bidliet fihom;

(j)      jipprovdi d-dettalji sħaħ tal-garanziji, l-ittri ta’ konfort, it-twettiq ta’ interventi pubbliċi u miżuri oħra ta’ appoġġ kollha li ġie bbażat fuqhom sabiex saret valutazzjoni tan-negozju avvjat;

(k)     jikkonferma l-attendenza fil-verifiki tal-inventarji kif ukoll f’mumenti oħra ta’ verifika fiżika, f’każ li seħħew verifiki tal-inventarji jew verifiki oħra bħal dawn;

(l)      jindika u jispjega l-prinċipji ta’ konslidazzjoni fil-każ ta’ awditu statutorju ta’ rapporti finanzjarji konsolidati;

(m)    jindika liema ħidma tal-awditjar titwettaq minn awditur(i) ta’ pajjiż terz, awditur(i) statutorju/i, entità(jiet) tal-awditjar ta’ pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar f’każ ta’ awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji konsolidati;

(n)     jindika jekk ġewx ipprovduti l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti mitluba kollha mill-entità awditjata.

3.           F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awdituri statutorji jew bejn id-ditti tal-awditjar maħtura dwar il-proċeduri ta’ awditjar, ir-regoli kontabilistiċi jew kwalunkwe kwistjoni oħra rigward it-twettiq tal-awditu statutorju, ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ qbil jiġu spjegati fir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar.

4.           Ir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar jiġi ffirmat u ddatat mill-awditur(i) statutorju/i jew mid-ditta/i tal-awditjar. F’każijiet fejn id-ditta tal-awditjar twettaq l-awditu statutorju, tal-inqas, ir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar jiġi ffirmat mill-awditur(i) statutorju/i li wettaq l-awditu statutorju f’isem id-ditta tal-awditjar.

5.           Jekk jintalbu jagħmlu dan, l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar iqiegħdu r-rapport addizzjonali għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien.

Artikolu 24

Sorveljar tal-awditu statutorju mill-kumitat tal-awditjar

Il-kumitat tal-awditjar tal-entità ta’ interess pubbliku jimmonitorja x-xogħol tal-awditur(i) statutorju/i jew tad-ditta/i tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju.

L-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar jirrapportaw lill-kumitat tal-awditjar dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jirriżultaw mill-awditu statutorju, u b’mod partikolari dwar id-dgħufijiet materjali fil-kontroll intern fir-rigward tal-proċess tar-rapportar finanzjarju. Fuq talba minn kwalunkwe waħda mill-partijiet, l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet mal-kumitat tal-awditjar.

Il-kumitat tal-awditjar jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata bir-riżultat tal-awditu statutorju. Il-kumitat tal-awditjar jispjega kif l-awditu statutorju kkontribwixxa għall-integrità tar-rapportar finanzjarju u x’kien ir-rwol tiegħu f’dan il-proċess.

F’każ li l-entità awditjata tkun eżenti mill-obbligu li jkollha kumitat tal-awditjar, l-entità awditjata tiddeċiedi liema korp jew dipartiment tal-entità jaħdem mal-awditur statutorju jew mad-ditta tal-awditjar għall-finijiet tal-obbligi stabiliti f’dan l-Artikolu.

Artikolu 25

Rapportar lis-superviżuri ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

1.           Mingħajr ħsara għall-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/39/KE, l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[34], l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2007/64/KE, l-Artikolu 106 tad-Direttiva 2009/65/KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/110/KE u l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[35], l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku jkollhom id-dover li jirrapportaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw lill-entitajiet ta’ interess pubbliku dwar kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li jikkonċerna/ tikkonċerna lil dik l-entità ta’ interess pubbliku li saru jafu bih(a) matul it-twettiq ta’ dak l-awditu statutorju u li jirriskjaw li jikkawżaw waħda minn dawn li ġejjin:

(a)     ksur materjali tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jistabilixxu, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni jew li speċifikament jirregolaw it-twettiq tal-attivitajiet ta’ dik l-entità ta’ interess pubbliku;

(b)     l-indeboliment tal-funzjonament kontinwu tal-entità ta’ interess pubbliku;

(c)     ċaħda milli jiġu ċeritifikati r-rapporti finanzjarji jew l-espressjoni ta’ riżervazzjonijiet.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikollhom id-dover wkoll li jirrapportaw kwalunkwe fatti jew deċiżjonijiet li huma saru jafu bihom matul it-twettiq tal-awditu statutorju ta’ impriżi li jkollha rabtiet mill-viċin mal-entità ta’ interess pubbliku li għaliha wkoll ikunu qed iwettqu l-awditu statutorju.

2.           L-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni jistabilixxu djalogu regolari mal-awdituri statutorji u mad-ditti tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju ta’ dawk l-istituzzjonijiet u impriżi.

Sabiex ikun faċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ABE u l-AEAPX joħorġu linji gwida indirizzati għall-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-impriżi tal-assigurazzjoni, b’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, rispettivament.

3.           Id-divulgazzjoni b'buona fede lill-awtoritajiet kompetenti, mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar, ta’ kwalunkwe fatt jew deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew ta’ kwalunkwe fatt matul id-djalogu previst fil-paragrafu 2 ma tikkostitwixxix ksur tal-ebda restrizzjoni kuntrattwali jew legali dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni u ma tinvolvix lil dawn il-persuni f’xi obbligazzjoni ta’ kwalunkwe tip.

KAPITOLU V

RAPPORTAR TA’ TRASPARENZA MILL-AWDITURI STATUTORJI U MID-DITTI TAL-AWDITJAR U Ż-ŻAMMA TAR-REKORDS

Artikolu 26

Divulgazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja

1.           Ditta tal-awditjar li twettaq awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku tippubblika r-rapport finanzjarju annwali tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/109/KE sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara tmiem kull sena finanzjarja.

Awdituri statutorji li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku jippubblikaw ir-rapporti tal-introjtu annwali tagħhom.

2.           Ir-rapport finanzjarju annwali u r-rapporti tal-introjtu annwali juru l-fatturat totali maqsum f’tariffi mill-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati tal-entitajiet ta’ interess pubbliku u tal-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li l-impriża prinċipali tagħhom hija entità ta’ interess pubbliku, tariffi mill-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta’ entitajiet oħra u tariffi mitluba għas-servizzi tal-awditu finanzjarju relatati kif iddefiniti fl-Artikolu 10(2).

Ir-rapport finanzjarju annwali jew ir-rapport tal-introjtu annwali jiġu awditjati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.           Fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jappartjenu għal netwerk, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jipprovdu l-informazzjoni addizzjonali li ġejja fir-rapport finanzjarju annwali jew bħala anness għar-rapport tal-introjtu annwali:

(a)     isem kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jappartjenu għal netwerk;

(b)     il-pajjiż(i) li fihom kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jappartjenu għan-netwerk huma kkwalifikati bħala awditur(i) statutorju/i jew fejn għandhom l-uffiċċju reġistrat, amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali;

(c)     il-fatturat totali ġġenerat mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar li jappartjenu għan-netwerk, li jirriżulta mill-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati;

(d)     ir-rapporti finanzjarji konsolidati awditjati għan-netwerk u, fejn hemm entità ġuridika li tamministra n-netwerk, ir-rapporti finanzjarji awditjati ta’ dik l-entità ġuridika mħejjija b’konformità mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/109/KE.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistgħu ma jipprovdux l-informazzjoni addizzjonali fejn din tkun iddivulgata mill-entità ġuridika li tamministra n-netwerk jew rappreżentant ieħor tan-netwerk. F’dan il-każ, fl-anness għar-rapport tal-introjtu annwali jew għar-rapport finanzjarju annwali, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jindikaw fejn hija aċċessibbli dik l-informazzjoni.

4.           Ir-rapport finanzjarju annwali jew ir-rapport tal-introjtu annwali jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar u jibqgħu għad-dispożizzjoni fuq dak is-sit elettroniku għal tal-inqas ħames snin.

              L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti li r-rapport tal-introjtu annwali jew ir-rapport finanzjarju annwali ġew ippubblikati fuq is-siti elettroniċi tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

Artikolu 27

Rapport ta’ Trasparenza

1.           Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku jippubblikaw ir-rapport annwali ta’ trasparenza sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara tmiem kull sena finanzjarja. Ir-rapport annwali ta’ trasparenza jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u jibqa’ għad-dispożizzjoni fuq dak is-sit elettroniku għal tal-inqas ħames snin.

Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jitħallew jaġġornaw ir-rapport annwali ta’ trasparenza tagħhom. F’dan il-każ, l-awditur jew id-ditta jindikaw li din tkun verżjoni aġġornata tar-rapport u l-verżjoni oriġinali tar-rapport tibqa’ għad-dispożizzjoni fuq is-sit elettroniku.

L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jikkomunikaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti li r-rapport ta’ trasparenza ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar jew, kif xieraq, li dan ġie aġġornat.

2.           Tal-inqas, ir-rapport annwali ta’ trasparenza jinkludi li ġej:

(a)     deskrizzjoni tal-istruttura ġuridiċi u s-sjieda tad-ditta tal-awditjar;

(b)     fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jappartjenu għal netwerk, deskrizzjoni tan-netwerk u tal-arranġamenti ġuridiku u strutturali fin-netwerk;

(c)     deskrizzjoni tal-istruttura tal-governanza tad-ditta tal-awditjar;

(d)     deskrizzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-kwalità intern tad-ditta tal-awditjar u dikjarazzjoni mill-korp amministrattiv jew maniġerjali dwar l-effikaċja tal-funzjonament tagħha;

(e)     indikazzjoni dwar meta sar l-aħħar eżami tal-garanzija tal-kwalità msemmi fl-Artikolu 40;

(f)      lista ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar wettqu awditu statutorju għalihom fis-sena finanzjarja ta’ qabel u lista tal-entitajiet li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jirċievu minnhom aktar minn 5 % tad-dħul annwali tagħhom;

(g)     dikjarazzjoni li tikkonċerna l-prattiki ta’ indipendeza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar li tikkonferma wkoll li sar eżami intern tal-konformità dwar l-indipendenza;

(i)      dikjarazzjoni dwar il-politika segwita mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar li tikkonċerna l-edukazzjoni kontinwa tal-awdituri statutorji msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/43/KE;

(i)      informazzjoni li tikkonċerna l-bażi għar-rimunerazzjoni tas-sħab fid-ditti tal-awditjar;

(j)      deskrizzjoni tal-politika tagħhom rigward ir-rotazzjoni tas-sħab u l-persunal ewlenin tal-awditjar b’konformità mal-Artikolu 33(5);

(k)     fejn xieraq, dikjarazzjoni tal-governanza korporattiva.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistgħu jiddeċiedu li ma jiddivulgawx l-informazzjoni meħtieġa fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu sa fejn dan huwa neċessarju sabiex tiġi mitigata theddida imminenti u sinifikanti għas-sigurtà persunali ta’ kwalunkwe persuna. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikunu jistgħu juru lill-awtorità kompetenti l-eżistenza ta’ theddida bħal din.

3.           Ir-rapport ta’ trasparenza jiġi ffirmat mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar.

Artikolu 28

Dikjarazzjoni tal-governanza korporattiva

1.           Fejn ditta tal-awditjar tiġġenera aktar minn terz tad-dħul tal-awditjar annwali tagħha minn entitajiet kbar ta’ interess pubbliku, tippubblika dikjarazzjoni tal-governanza korporattiva. Dik id-dikjarazzjoni tiġi inkluża bħala taqsima speċifika fir-Rapport ta’ Trasparenza.

2.           Tal-inqas, id-dikjarazzjoni tal-governanza korporattiva tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)     referenza għal tal-inqas waħda milli ġejjin:

(i)      il-kodiċi tal-governanza korporattiva li hija soġġetta għalih id-ditta tal-awditjar,

(ii)      il-kodiċi tal-governanza korporattiva li d-ditta tal-awditjar tista’ tiddeċiedi li tapplika b’mod volontarju;

(iii)     l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-prattiki ta’ governanza korporattiva applikati li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti taħt id-dritt nazzjonali.

Fejn l-informazzjoni msemmija fil-punti (i) u (ii) hija inkluża, id-ditta tal-awditjar tindika wkoll fejn it-testi relevanti huma disponibbli pubblikament. Fejn l-informazzjoni msemmija fil-punt (iii) tkun inkluża, id-ditta tal-awditjar trendi l-prattiki tagħha ta’ governanza korporattiva għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku;

Jekk id-ditta tal-awditjar mhija soġġetta għall-ebda kodiċi ta’ governanza korporattiva u l-anqas ma tapplika wieħed b’mod volontarju, din tiddikjara dan.

(b)     sa fejn ditta tal-awditjar, skont id-dritt nazzjonali, titbiegħed mill-kodiċi ta’ governanza korporattiva msemmi fil-punti (a)(i) jew (ii), spjegazzjoni mid-ditta tal-awditjar rigward mil-liema partijiet tal-kodiċi ta’ governanza korporattiva hija tbiegħdet u r-raġunijiet għalfejn għamlet dan. Fejn id-ditta tal-awditjar iddeċidiet li ma tapplika l-ebda dispożizzjoni ta’ kodiċi ta’ governanza korporattiva msemmi fil-punti (a)(i) jew (ii), din tispjega r-raġunijiet għalfejn għamlet hekk;

(c)     deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tas-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ mmaniġjar tar-riskji tal-impriża fir-rigward tal-proċess ta’ rapportar finanzjarju;

(d)     l-informazzjoni li ġejja:

(i)      parteċipazzjonijiet diretti u indiretti sinifikanti ta’ drittijiet tal-vot daqs jew li jaqbżu l-5 % tad-drittijiet tal-vot totali fid-ditta tal-awditjar, inklużi parteċipazzjonijiet indiretti ta’ drittijiet tal-vot permezz ta’ strutturi f’forma ta’ piramida u parteċipazzjonijiet transversali ta’ drittijiet tal-vot;

(ii)      l-identità tad-detenturi ta’ kull dritt ta’ kontroll speċjali u deskrizzjoni ta’ dawn id-drittijiet, jekk drittijiet bħal dawn jirriżultaw miż-żamma ta’ kwalunkwe titoli, b’kuntratt jew b’mod ieħor;

(iii)     kwalunkwe restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-vot, inklużi limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-vot ta’ detenturi ta’ perċentwal partikolari jew numru ta’ voti, dati ta’ skadenza għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot,

(iv)     ir-regoli li jirregolaw il-ħatra u s-sostituzzjoni ta’ membri tal-bord u l-emenda tal-Artikoli ta’ assoċjazzjoni;

(v)     is-setgħat tal-membri tal-bord;

(e)     sakemm l-informazzjoni ma tkunx diġà kompletament speċifikata fil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali, l-operazzjoni tal-laqgħa tal-azzjonisti jew ta’ detenturi ta’ drittijiet tal-vot u s-setgħat ewlenin tagħha, u deskrizzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u tad-detenturi tad-drittijiet tal-vot u kif dawn jistgħu jiġu eżerċitati;

(f)      il-kompożizzjoni u l-operazzjoni tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji u l-kumitati tagħhom.

Artikolu 29

Informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti

Darba fis-sena, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jipprovdu lista lill-awtorità kompetenti tagħhom tal-entitajiet ta’ interess pubbliku awditjati skont id-dħul iġġenerat minnhom.

Artikolu 30

Żamma tar-rekords

L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1), l-Artikolu 9(3), l-Artikolu 11(3) u (4), l-Artikolu 16(2) sa (6), l-Artikolu 17(1) u (2), l-Artikolu 18(1) u (3), l-Artikolu 19(3) sa (6), l-Artikoli 22, 23 u 24, l-Artikolu 25(1) u (2), l-Artikolu 29, l-Artikolu 32(2), (3), (5) u (6), l-Artikolu 33(6) u l-Artikolu 43(4) għal perjodu ta’ ħames snin wara l-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti jew informazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-awdituri statutorji u lid-ditti tal-awditjar sabiex iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu itwal b’konformità mar-regoli tagħhom dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

Titolu III

Il-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar minn entitajiet ta’ interess pubbliku

Artikolu 31

Kumitat tal-awditjar

1.           Kull entità ta’ interess pubbliku jkollha kumitat tal-awditjar. Il-kumitat tal-awditjar ikun iffurmat minn membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ amministrazzjoni u/jew membri tal-korp superviżorju tal-entità awditjata u/jew membri maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità awditjata jew, għal entitajiet mingħajr azzjonisti, minn korp ekwivalenti.

Tal-inqas membru wieħed tal-kumitat tal-awditjar ikollu kompetenza fl-awditjar u membru ieħor fil-kontabilità u/jew fl-awditjar. Il-membri tal-kumitat f’daqqa jkollhom kompetenza rilevanti għas-settur li fih topera l-entità awditjata.

Il-maġġoranza tal-membri tal-kumitat tal-awditjar tkun indipendenti. Il-president tal-kumitat tal-awditjar jinħatar mill-membri tiegħu u jkun indipendenti.

2.           Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’entitajiet ta’ interess pubbliku li jilħqu l-kriterji stabiliti fil-punti (f) u (t) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[36], il-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar jistgħu jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju sħiħ, dejjem jekk tal-inqas fejn il-president ta’ dan il-korp ikun membru eżekuttiv, dan ma jkunx il-president tal-kumitat tal-awditjar.

3.           Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-entitajiet ta’ interess pubbliku li ġejjin jistgħu jiddeċiedu li ma jkollhomx kumitat tal-awditjar:

(a)     kwalunkwe entità ta’ interess pubbliku li hija impriża sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE jekk l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dak l-Artikolu fil-livell tal-grupp;

(b)     kwalunkwe entità ta’ interess pubbliku li hija impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE jew fond ta’ investiment alternattiv (AIF – “Alternative Investment Fund”) kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(c)     kwalunkwe entità ta’ interess pubbliku li l-uniku skop kummerċjali tagħha huwa li taġixxi bħala emittent ta’ titoli abbażi ta’ assi kif iddefiniti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004[37];

(d)     kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/48/KE li l-ishma tagħha mhumiex ammessi għan-negozjar f’suq regolat tal-ebda Stat Membru fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE u li, b’mod kontinwu jew ripetut, ħarġet biss titoli ta’ dejn ammessi għan-negozjar f’suq regolat, jekk l-ammont nominali totali ta’ dawn it-titoli ta’ dejn jibqa’ taħt il-EUR 100 000 000 u jekk hi ma ppubblikatx prospett taħt id- Direttiva 2003/71/KE.

L-entitajiet ta’ interess pubbliku msemmija fil-punti (b) u (c) jispjegaw lill-pubbliku r-raġunijiet għalfejn huma jqisu inadatt il-fatt li jkollok kumitat tal-awditjar jew inkella korp amministrattiv jew superviżorju fdati bit-twettiq tal-funzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar.

4.           Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, entità ta’ interess pubbliku li korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti għall-kumitat tal-awditjar, stabilit u funzjonanti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membri li fih tkun irreġistrata l-entità li se tiġi awditjata, tista’ tiddeċiedi li ma jkollhiex kumitat tal-awditjar. F’każ bħal dan, l-entità tiddivulga liema korp iwettaq dawn il-funzjonijiet u kif inhu ffurmat dak il-korp.

5.           Mingħajr ħsara għar-responsabilità tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji, jew ta’ membri oħra li huma maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità awditjata, il-kumitat tal-awditjar, fost l-oħrajn:

(a)     jimmonitorja l-proċess ta’ rapportar finanzjarju u jissottometti rakkomandazzjonijiet jew proposti sabiex jiżgura l-integrità tiegħu;

(b)     jimmonitorja l-effikaċja tal-kontroll intern, l-awditu intern fejn dan ikun applikabbli, u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tal-impriża;

(c)     jimmonitorja l-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati u jissupervizza l-kompletezza u l-integrità tal-abbozz tar-rapporti tal-awditjar b’konformità mal-Artikoli 22 sa 23;

(d)     jeżamina u jimmonitorja l-indipendenza tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar b’konformità mal-Artikoli 5 sa 11, u b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi addizzjonali lill-entità awditjata b’konformità mal-Artikolu 10;

(e)     ikun responsabbli għall-proċedura dwar l-għażla tal-awditur(i) statutorju/i jew tad-ditta/i tal-awditjar u jirrakkomanda l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar li jinħatru b’konformità mal-Artikolu 32;

(f)      jawtorizza, abbażi ta’ każ każ, il-forniment mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-investiment tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 10(3)(b)(i) u (ii) ta’ dan ir-Regolament lill-entità awditjata.

Artikolu 32

Ħatra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar

1.           Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2006/43/KE, għall-ħatra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar minn entitajiet ta’ interess pubbliku, japplikaw il-kundizzjonijiet stabiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn japplika l-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-entità ta’ interess pubbliku tinforma lill-awtorità kompetenti dwar l-użu tas-sistemi jew modalitajiet alternattivi msemmija f’dak l-Artikolu.

2.           Il-kumitat tal-awditjar jissottometti rakkomandazzjoni għall-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata għall-ħatra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar. Il-kumitat tal-awditjar jiġġustifika r-rakkomandazzjoni li saret.

Sakemm ma tikkonċernax it-tiġdid ta’ inkarigu tal-awditjar skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1), ir-rakkomandazzjoni jkun fiha tal-inqas żewġ għażliet għall-inkarigu tal-awditjar u l-kumitat tal-awditjar jesprimi preferenza ġustifikata kif xieraq għal waħda minnhom.

Fejn huwa kkonċernat it-tiġdid tal-inkarigu tal-awditjar skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 33(1), il-kumitat tal-awditjar, għat-tħejjija tar-rakkomandazzjoni tiegħu, jieħu f’kunsiderazzjoni kull sejba u konklużjoni dwar l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar rakkomandati msemmija fl-Artikolu 40(6) u ppubblikati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 44(d).

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-kumitat tal-awditjar jiddikkjara li r-rakkomandazzjoni tiegħu hija ħielsa minn kull influwenza minn parti terza u li ma ġiet imposta fuqu l-ebda klawżola kuntrattwali kif imsemmija fil-paragrafu 7.

3.           Sakemm ma tikkonċernax it-tiġdid ta’ inkarigu tal-awditjar skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1), ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, titħejja wara proċedura tas-selezzjoni organizzata mill-entità awditjata li tirrispetta l-kriterji li ġejjin:

(a)     l-entità awditjata tkun libera li tistieden kwalunkwe awditur statutorju jew ditta tal-awditjar sabiex jissottomettu proposti għall-forniment tas-servizz tal-awditu statutorju bil-kundizzjoni li jiġi rispettat l-Artikolu 33(2) u li tal-inqas wieħed mill-awdituri jew waħda mid-ditti mistiedna ma huwiex/hijiex wieħed/waħda li rċieva/rċiviet aktar minn 15% tat-tariffi tal-awditjar totali minn entitajiet kbar ta’ interess pubbliku fl-Istat Membru konċernat fis-sena kalendarja ta’ qabel;

(b)     l-entità awditjata tkun libera li tagħżel il-metodu sabiex tikkuntattja lill-awditur(i) statutorju/i jew lid-ditta/i tal-awditjar mistiedna u ma tkunx meħtieġa tippubblika sejħa għall-offerti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u/jew fil-gazzetti nazzjonali;

(c)     l-entità awditjata tħejji dokumenti tal-offerta għall-ħsieb tal-awditur(i) statutorju/i jew tad-ditta/i tal-awditjar mistiedna. Dawn id-dokumenti tal-offerti jippermettulhom jifhmu n-negozju tal-entità awditjata u t-tip ta’ awditu statutorju li jitwettaq. Id-dokumenti tal-offerta jkun fihom kriterji tal-għażla trasparenti u mhux diskriminatorji li jintużaw mill-entità awditjata sabiex jiġu evalwati l-proposti li jsiru mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar;

(d)     l-entità awditjata tkun libera li tiddefinixxi l-proċedura tas-selezzjoni u tista’ twettaq negozjati diretti mal-offerenti interessati matul il-proċedura;

(e)     fejn, skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35, jeħtieġu li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jikkonformaw ma’ ċerti standards tal-kwalità, dawn l-istandards jiddaħħlu fid-dokumenti tal-offerta;

(f)      l-entità awditjata tevalwa l-proposti li jsiru mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar skont il-kriterji tas-selezzjoni predefiniti fid-dokumenti tal-offerti. L-entità awditjata tħejji rapport dwar il-konklużjonijiet tal-proċedura tas-selezzjoni, li jiġu vvalidati mill-kumitat tal-awditjar. L-entità awditjata u l-kumitat tal-awditjar jieħu f’kunsiderazzjoni kwalunkwe rapport ta’ spezzjoni fuq l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li qed japplikaw imsemmi fl-Artikolu 40(6) u ppubblikat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 44(d);

(g)     l-entità awditjata tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35 li l-proċedura tas-selezzjoni twettqet b’mod ġust.

Il-kumitat tal-awditjar jkun responsabbli mill-proċedura tas-selezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) tippubblika lista tal-awdituri jew tad-ditti tal-awditjar konċernati li tiġi aġġornata fuq bażi annwali. L-awtorità kompetenti tuża l-informazzjoni pprovduta mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 28 sabiex tagħmel il-kalkoli rilevanti.

4.           Entitajiet ta’ interess pubbliku li jilħqu l-kriterji stabiliti fil-punti (f) u (t) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE ma jkunux meħtieġa japplikaw il-proċedura tas-selezzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

5.           Il-proposta tal-bord amministrattiv jew superviżorju għal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-membri tal-entità awditjata għall-ħatra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar tinkludi r-rakkomandazzjoni li tkun saret mill-kumitat tal-awditjar.

Jekk il-proposta tal-bord amministrattiv jew superviżorju titbiegħed mir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar, il-proposta tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn ma ġiet segwita r-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar.

6.           Fil-każ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew impriża tal-assigurazzjoni, il-bord amministrattiv jew superviżorju jissottometti l-abbozz tal-proposta tiegħu lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(2). L-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(2) ikollha d-dritt li timponi veto fuq l-għażla proposta fir-rakkomandazzjoni. Kull oppożizzjoni bħal din tiġi ġustifikata kif xieraq.

In-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtorità kompetenti fi żmien il-limitu tal-perjodu preskritt wara s-sottomissjoni tar-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar jitqies li jikkostitwixxi kunsens implikat għar-rakkomandazzjoni.

7.           Kwalunkwe klawżola kuntrattwali konluża bejn l-entità ta’ interess pubbliku u l-parti terza li tillimita l-għażla tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-memrbi ta’ dik l-entità skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2006/43/KE għal ċerti kategoriji jew listi ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar sabiex iwettqu l-awditu statutorju ta’ dik l-entità tkun nulla u bla effett.

L-entità ta’ interess pubbliku tinforma lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35 dwar kwalunkwe tentattiv minn parti terza sabiex timponi klawżola kuntrattwali bħal din jew sabiex tinfluwenza b’mod ieħor id-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti dwar l-għażla ta’ awditur statutorju jew ta’ ditta tal-awditjar.

8.           Fejn l-entità awditjata tkun eżenti mill-obbligu li jkollha kumitat tal-awditjar, l-entità awditjata tiddeċiedi liema korp jew dipartiment tal-entità jwettaq il-funzjonijiet tagħha għall-finijiet tal-obbligi stabiliti f’dan l-Artikolu.

9.           L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li numru minimu ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinħatar mill-entitajiet ta’ interess pubbliku f’ċerti ċirkostanzi u jistabilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-awdituri jew id-ditti maħtura.

Jekk Stat Membru jistabilixxi rekwiżit bħal dan, jinforma lill-Kummissjoni u lill-AETS dwaru.

10.         Sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-kompitu tal-entità awditjata fl-organizzar ta’ proċedura tas-selezzjoni għall-ħatra ta’ awditur statutorju jew ta’ ditta tal-awditjar, l-ABE, l-AEAPX u l-AETS joħorġu linji gwida indirizzati għall-entitajiet ta’ interess pubbliku dwar il-kriterji li jirregolaw il-proċedura tas-selezzjoni msemmija fil-paragrafu 3, b’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, rispettivament.

Artikolu 33

Durata tal-inkarigu tal-awditjar

1.           L-entità ta’ interess pubbliku taħtar awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għal inkarigu inizjali li ma jkunx iqsar minn sentejn.

L-entità ta’ interess pubbliku tista’ ġġedded dan l-inkarigu darba biss.

Id-durata massima taż-żewġ inkarigi f’daqqa ma taqbiżx is-sitt (6) snin.

Fejn matul inkarigu kontinwu ta’ 6 snin ikunu nħatru żewġ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, id-durata massima tal-inkarigu għal kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma taqbeż 9 snin.

2.           Wara l-iskadenza tad-durata massima tal-inkarigu msemmi fil-paragrafu 1, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jew kwalunkwe membru tan-netwerk tiegħu fl-Unjoni, fejn applikabbli, ma jidħolx għall-awditu statutorju tal-entità ta’ interess pubbliku konċernat sa ma jgħaddi perjodu tal-anqas ta’ erba' snin.

3.           Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, fuq bażi eċċezzjonali l-entità ta’ interess pubbliku għandha l-fakultà titlob lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) biex tingħata estensjoni għall-ħatra tal-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għal inkarigu addizzjonali. Fil-każ ta’ ħatra ta’ żewġ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, dan it-tielet inkarigu ma jaqbiżx it-tliet snin. Fil-każ ta’ ħatra ta’ żewġ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, dan it-tielet inkarigu ma jaqbiżx is-sentejn.

4.           Is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar responsabbli mit-twettiq ta’ awditu statutorju jtemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-awditu statutorju tal-entità awditjata wara perjodu ta’ seba’ snin mid-data tal-ħatra. Jistgħu jipparteċipaw mill-ġdid fl-awditu statutorju tal-entità awditjata wara li tal-inqas ikunu għaddew tliet snin.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistabilixxu mekkaniżmu ta’ rotazzjoni gradwali adatt fir-rigward tal-persunal l-aktar anzjan involut fl-awditu statutorju, inklużi, tal-inqas, il-persuni li huma rreġistrati bħala awdituri statutorji. Il-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni gradwali jintuża f’fażijiet fuq il-bażi tal-individwi milli fuq il-bażi tat-tim sħiħ. Jeħtieġ ikun proporzjonat fl-iskala u d-dimensjoni tal-attività tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti li mekkaniżmu bħal dan huwa effettivament applikat u adattat għall-iskala u d-daqs tal-attività tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

5.           Meta awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jittiħidlu postu minn awditur statutorju ieħor jew ditta tal-awditjar oħra, l-ex awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jipprovdu lill-awditur statutorju jew lid-ditta tal-awditjar ta’ warajhom b’fajl ta' trasferiment. Fajl bħal dan jinkludi l-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna lill-entità awditjata kif ikun raġonevolment neċessarju għall-fehim tan-negozju u l-organizzazzjoni interna tal-entità awditjata u sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-awditu statutorju u l-kumparabilità mal-awditjar li twettaq fis-snin ta’ qabel.

Barra minn hekk, l-ex awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jagħtu aċċess lill-awditur statutorju jew lid-ditta tal-awditjar ta’ warajhom għar-rapporti addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 23 tas-snin ta’ qabel u għal kull informazzjoni trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 25 u 27.

L-ex awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti li informazzjoni bħal din ġiet ipprovduta lill-awditur statutorju jew lid-ditta tal-awditjar ta’ warajhom.

6.           L-AETS teħtieġ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika r-rekwiżiti tekniċi tal-kontenut tal-fajl ta’ trażmissjoni msemmi fil-paragrafu 6.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 6 skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34

Tkeċċija u riżenja tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar

1.           Mingħajr ħsara għall-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-entità awditjata u l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jinformaw lill-awtorità kompetenti rigward it-tkeċċija jew ir-riżenja tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar matul il-perjodu tal-ħatra u jagħtu spjegazzjoni adegwata għar-raġunijiet li wasslu għal dan.

Fejn Stat Membru jkun ħatar awtoritajiet kompetenti oħra għall-finijiet tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 35(2), din l-awtorità kompetenti tgħaddi din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1).

2.           Il-kumitat tal-awditjar, azzjonist wieħed jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) jew 35(2) ikunu jistgħu jressqu talba quddiem qorti nazzjonali għat-tkeċċija tal-awditur(i) statutorju/i jew tad-ditta/i tal-awditjar fejn ikun hemm raġunijiet xierqa.

Fejn tapplika l-kundizzjoni stabilita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/36/KE, din tapplika wkoll għall-azzjonisti li jeżerċitaw is-setgħa deskritta fl-ewwel subparagrafu.

Fil-każ li l-entità awditjata hija eżenti mill-obbligu li jkollha kumitat tal-awditjar, l-entità awditjata tiddeċiedi liema korp jew dipartiment tal-entità jwettaq il-funzjonijiet tagħha għall-finijiet ta’ dan paragrafu.

Titolu IV

Sorveljar tal-attivitajiet tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

KAPITOLU I

AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 35

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

1.           Kull Stat Membru jaħtar awtorità kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-kompiti speċifikati f’dan ir-Regolament u li tiżgura li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-awtorità kompetenti tkun waħda milli ġejjin:

(a)     l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(b)     l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 24(4)(h) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(c)     l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE.

2.           Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-responsabilità mill-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha jew parti minnhom tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament tiġi fdata, kif inhu xieraq, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’:

(a)     l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(b)     l-Artikolu 24(4)(h) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(c)     l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(d)     l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(e)     l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(f)      l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110/KE;

(g)     l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE;

(h)     l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2009/110/KE;

(i)      l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2011/61/UE.

3.           Fejn tkun inħatret aktar minn awtorità kompetenti waħda skont il-paragrafi 1 u 2, dawk l-awtoritajiet jiġu organizzati b’tali mod li l-kompiti tagħhom huma allokati b’mod ċar.

4.           Il-paragrafi 1, 2 u 3 ikunu mingħajr ħsara għall-possibilità għal Stat Membru li jagħmel arranġamenti legali u amministrattivi separati għal territorji stra-Ewropej li r-relazzjonijiet esterni tagħhom huma r-responsabilità tal-Istat Membru.

5.           L-awtoritajiet kompetenti jkollhom numru adegwat ta’ persunal, fir-rigward tal-kapaċità u l-kompetenza, u jkollhom riżorsi adegwati sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom speċifikati f’dan ir-Regolament.

6.           L-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin, lill-ABE, lill-AEAPX u lill-AETS skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, u jinformaw lill-Kummissjoni bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-AETS tikkonsolida din l-informazzjoni u trendiha pubblika.

Artikolu 36

Kondizzjonijiet ta’ indipendenza

L-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe awtorità li l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) ddelegat kompiti lilha jkunu indipendenti mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar.

Persuna ma tkunx involuta fil-governanza ta’ dawn l-awtoritajiet jekk matul it-tliet snin tkun:

(a)          wettqet awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku;

(b)          kellha drittijiet tal-vot f’ditta tal-awditjar;

(c)          kienet membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ ditta tal-awditjar;

(d)          kienet impjegata jew assoċjata b’mod ieħor ma’ ditta tal-awditjar.

Il-finanzjament ta’ dawk l-awtoritajiet ikun sigur u ħieles minn kwalunkwe influwenza żejda possibbli minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar.

Artikolu 37

Segretezza professjonali

L-obbligu ta’ segretezza professjonali japplika għall-persuni kollha li huma jew li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti jew minn kwalunkwe awtorità li l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) ddelegat kompiti lilha, inklużi esperti kkuntattjati minn dawn l-awtoritajiet. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tista tiġi divulgata lill-ebda persuna jew awtorità oħra għajr minħabba l-obbligi ta’ dan ir-Regolament jew il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-proċeduri amministrattivi ta’ Stat Membru.

Artikolu 38

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.           Mingħajr ħsara għall-Artikoli 40 u 41, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ Stat Membru ma jistgħux jinterferixxu mal-kontenut tar-rapporti tal-awditjar.

2.           B’konformità mad-dritt nazzjonali, sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Jeħtieġu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

(a)     direttament;

(b)     f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c)     taħt ir-responsabilità tagħhom permezz ta’ delega lil entitajiet li ġew iddelegati kompiti lilhom skont l-Artikolu 35(1);

(d)     permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

3.           B’konformità mad-dritt nazzjonali, sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa fil-kapaċità superviżorja tagħhom sabiex:

(a)     jaċċedu għal kull dokument ta’ kwalunkwe forma rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u sabiex jirċievu jew jieħdu kopja tagħhom;

(b)     jitolbu informazzjoni minn kwalunkwe persuna u jekk dan ikun neċessarju, li jsejħu lill-persuna sabiex jagħmlulha mistoqsijiet bil-għan li jiksbu informazzjoni;

(c)     iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b’avviż minn qabel jew mingħajr avviż;

(d)     jitolbu rekords tat-traffiku tat-telefonati u tad-dejta pproċessati mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar;

(e)     jirreferu kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali;

(f)      jitolbu lill-esperti sabiex iwettqu verifiki jew investigazzjonijiet;

(g)     jieħdu l-miżuri amministrattivi jew is-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 61.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu iżda biss fir-rigward ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, persuni involuti fl-attivitajiet tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, entitajiet awditjati, l-affiljati tagħhom u l-partijiet terzi relatati magħhom, partijiet terzi li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku esternalizzaw ċerti funzjonijiet jew attivitajiet lilhom, u persuni relatati jew marbutin b’xi mod ieħor mal-awdituri statutorji u mad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.

4. Talba għar-rekords tat-traffiku tat-telefonati jew tad-dejta msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja.

5.           Fejn koperattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2006/43/KE jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE tkun meħtieġa jew permessa skont id-dritt nazzjonali li tkun membru ta’ entità tal-awditjar mhux għall-profitti, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) ikollha l-fakultà tiddeċiedi li ċerti dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament ma japplikawx għall-awditu statutorju ta’ tali entità sakemm il-prinċipji ta’ indipendenza stipulati fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament ikunu tħarsu mill-awditur statutorju li jwettaq l-awditu statutorju u mill-persuni li jistgħu jkunu f'pożizzjoni li tinfluwenza l-awditu statutorju. Għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta' nonapplikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) tikkonsulta lill-awtorità superviżorja tal-koperattiva jew entità simili fejn xieraq.

              L-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1), tinforma lill-AETS b'tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta’ nonapplikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Hi tikkomunika l-AETS il-lista ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li ma jkunux ġew applikati għall-awditu statutorju tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 5 u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija għal tali nonapplikazzjoni.

6.           L-ipproċessar ta’ dejta personali proċessata fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigattivi skont dan l-Artikolu jitwettqu b’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 39

Kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra fil-livell nazzjonali

L-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 35(1) u, fejn dan ikun xieraq, kull awtorità li dik l-awtorità kompetenti ddelegat kompiti lilha tikkoopera fil-livell nazzjonali ma’:

(a)          l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar skont id-Direttiva 2006/43/KE;

(b)          l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 35(2), sija jekk inħatru jew le bħala awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament;

(c)          l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 21 u 37 tad-Direttiva 2005/60/KE.

KAPITOLU II

GARANZIJA TAL-KWALITÀ, INVESTIGAZZJONI, MONITORAĠĠ TAS-SUQ, IPPJANAR TA’ KONTINĠENZA U TRASPARENZA TAL-KOMPITI TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 40

Garanzija tal-kwalità

1.           Għall-finijiet ta’ dan Artikolu:

(a)     “spezzjonijiet” tfisser eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar, li huma mmexxija minn spettur u li ma jirrappreżentawx investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 41;

(b)     “spettur” tfisser eżaminatur li jissodisfa r-rekwiżiti stabiliti fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u huwa impjegat minn awtorità kompetenti;

(c)     “espert” tfisser pesuna fiżika, li jkollha kompetenza speċifika fis-swieq finanzjarji, fir-rapportar finanzjarju, fl-awditjar jew f’oqsma oħra rilevanti għall-ispezzjonijiet, inklużi awdituri statutorji li jipprattikaw.

2.           L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) jistabilixxu sistema effettiva ta’ garanzija tal-kwalità tal-awditjar.

L-awtorità kompetenti twettaq eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku tal-inqas kull tliet snin.

3.           L-awtorità kompetenti tkun responsabbli mis-sistema ta’ garanzija tal-kwalità u torganizzaha b’mod li huwa indipendenti mill-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar eżaminati.

L-awtorità kompetenti jkollha r-responsabilitajiet li ġejjin li ma jistgħux jiġu ddelegati lill-ebda assoċjazzjoni jew korp affiljati mal-professjoni tal-kontabilità jew tal-awditjar:

(a)     approvazzjoni u emendar tal-metodoloġiji ta’ spezzjoni, inklużi manwali ta’ spezzjoni u ta’ segwitu, metodoloġiji ta’ rapportar u programmi ta’ spezzjoni perjodika;

(b)     approvazzjoni u emendar ta’ rapporti ta’ spezzjonijiet u ta’ rapporti ta’ segwitu;

(c)     approvazzjoni u assenjar ta’ spetturi għal kull spezzjoni.

L-awtorità kompetenti talloka riżorsi adegwati għas-sistemi ta’ garanzija ta’ kwalità.

4.           L-awtorità kompetenti tiżgura li huma implimentati l-politiki u l-proċeduri xierqa relatati mal-indipendenza u l-oġġettività tal-persunal, inklużi spetturi, u mal-immaniġjar tas-sistema ta’ spezzjoni.

L-awtorità kompetenti tikkonformaw mal-kriterji li ġejjin meta taħtar spetturi:

(a)     l-ispetturi jkollhom l-edukazzjoni professjonali u l-esperjenza relevanti xierqa fl-awditu statutorju u r-rapportar finanzjarju flimkien ma’ taħriġ speċifiku dwar l-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità;

(b)     persuna li hija awditur statutorju li jipprattika jew li hija impjegata jew assoċjata b’mod ieħor ma’ awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma titħalliex taġixxi bħala spettur;

(c)     persuna ma titħalliex taġixxi bħala spettur fi spezzjoni tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar sakemm tal-inqas ikunu għaddew sentejn minn meta l-persuna waqfet tkun imsieħba jew impjegata ta’ dak l-awditur jew f’dik id-ditta tal-awditjar jew minn meta kienet assoċjata magħhom b’xi mod ieħor;

(d)     l-ispetturi jiddikkjaraw li mhemmx kunflitti ta’ interess bejniethom u bejn l-awditur statutorju u d-ditta tal-awditjar li se jiġu spezzjonati.

L-awtorità kompetenti tista’ tagħti kuntratti lil esperti għat-twettiq ta’ spezzjonijiet speċifiċi meta n-numru ta’ spetturi fi ħdan l-awtorità ma jkunx biżżejjed. L-awtorità kompetenti tista’ tiġi assistita wkoll minn esperti meta dan ikun essenzjali għat-twettiq korrett ta’ spezzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti u l-esperti jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu. L-esperti jkunu indipendenti mill-assoċjazzjonijiet jew mill-korpi professjonali.

5.           L-ambitu tal-ispezzjonijiet ikopri:

(a)     valutazzjoni tad-disinn tas-sistema ta’ kontroll tal-kwalità intern tad-ditta tal-awditjar jew tal-awditur statutorju;

(b)     ittestjar tal-konformità adegwat ta’ proċeduri u eżaminar tal-fajls tal-awditjar ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku sabiex tiġi vverifikata l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll tal-kwalità intern;

(c)     fid-dawl tas-sejbiet mill-ispezzjonijiet taħt il-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu, valutazzjoni tal-kontenuti tal-aktar rapport annwali ta’ trasparenza riċenti ppubblikati minn awditur statutorju jew ditta tal-awditjar skont l-Artikolu 27.

Tal-inqas, jiġu eżaminati l-politiki u l-proċeduri ta’ kontroll intern li ġejjin tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar:

(a)     konformità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar mal-istandards tal-awditjar u tal-kontroll tal-kwalità applikabbli, u r-rekwiżiti etiċi u ta’ indipendenza, inklużi dawk relatati mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2006/43/KE u l-Artikoli 5 sa 10 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti tal-Istat Membru konċernat;

(b)     il-kwantità u l-kwalità ta’ riżorsi użati, inkluża l-konformità mar-rekwiżiti ta’ edukazzjoni kontinwa kif stabilit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/43/KE;

(c)     konformità mar-rekwiżiti stabiliti fl-Artikolu 9 dwar it-tariffi tal-awditjar mitluba.

Għall-finijiet tal-ittestjar tal-konformità, tal-inqas parti sinifikanti tal-fajls tal-awditjar tintagħżel fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju ta’ twettiq inadegwat tal-awditu statutorju.

L-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw b’mod perjodiku l-metodoloġiji użati mill-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar ukoll sabiex iwettqu awditu statutorju.

L-ispezzjonijiet ikunu adattati u proporzjonati fir-rigward tal-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tad-ditta tal-awditjar jew tal-awditur statutorju eżaminati.

6.           Is-sejbiet u l-konklużjonijiet mill-ispezzjonijiet li fuqhom huma bbażati r-rakkomandazzjonijiet, inklużi s-sejbiet u l-konklużjonijiet relatati ma’ rapport tat-trasparenza, jiġu kkomunikati lill-awditur statutorji jew lid-ditta tal-awditjar spezzjonati u diskussi magħhom qabel ma jiġi finalizzat rapport dwar spezzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ spezzjonijiet jiġu segwiti mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar spezzjonati fi żmien perjodu raġonevoli mfassal mill-awtorità kompetenti. Perjodu bħal dan ma jaqbiżx it-12-il xahar fil-każ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema ta’ kontroll tal-kwalità intern tad-ditta tal-awditjar.

7.           L-ispezzjoni tkun is-suġġett ta’ rapport li jinkludi l-konklużjonijiet ewlenin tal-eżami tal-garanzija tal-kwalità.

Artikolu 41

Investigazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) jistabilixxu sistemi effettivi ta’ investigazzjoni bil-għan li jidentifikaw, jikkoreġu u jipprevjenu twettiq inadegwat tal-awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.

Meta awtorità kompetenti tagħti kuntratt lil esperti għat-twettiq ta’ kompiti speċifiċi, l-awtorità tiżgura li ma hemm l-ebda kunflitt ta’ interess bejn dawn l-esperti u bejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar taħt investigazzjoni.

Artikolu 42

Monitoraġġ tas-suq

1.           L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) jimmonitorjaw b’mod regolari l-iżviluppi fis-suq għall-forniment ta’ servizzi awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw dan li ġej:

(a)     ir-riskji li jirriżultaw minn konċentrazzjoni għolja, inkluż l-għeluq ta’ ditti tal-awditjar b’sehem sinifikanti mis-suq, l-interruzzjoni fil-forniment ta’ servizzi tal-awditu statutorju kemm jekk f’settur speċifiku kif ukoll jekk dan iseħħ fuq firxa ta’ setturi, akkumulazzjoni ulterjuri ta’ riskji fis-suq u l-impatt fuq l-istabilità ġenerali tas-settur finanzjarju;

(b)     il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri sabiex dawn ir-riskji jiġu mitigati.

2.           Minn X X 20XX [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament], u tal-inqas fuq bażi biannwali wara dik id-data, kull awtorità kompetenti tfassal rapport dwar din il-kwistjoni u tissottomettih lill-AETS, lill-ABE u lill-AEAPX.

L-AETS, l-ABE u l-AEAPX jużaw dawk ir-rapporti sabiex ifasslu rapport konġunt dwar is-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Ir-rapport jiġi sottomess lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

Artikolu 43

Ippjanar ta’ kontinġenza

1.           Mingħajr ħsara għall-Artikolu 52, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 35(1) jeħtieġu li tal-inqas l-akbar sitt ditti tal-awditjar f’termini ta’ awditu statutorju ta’ entitajiet kbar ta’ interess pubbliku f’kull Stat Membru sabiex jistabilixxu pjan ta’ kontinġenza li jindirizza avveniment possibbli li jhedded it-tkomplija tal-operazzjonijiet tad-ditta konċernata.

L-awtorità kompetenti tippubblika lista tad-ditti konċernati mill-ewwel subparagrafu u taġġornaha fuq bażi annwali. L-awtorità kompetenti tuża l-informazzjoni pprovduta mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 28 sabiex tikkalkola liema huma l-akbar sitt ditti tal-awditjar.

2.           Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jidentifikaw il-miżuri sabiex jevitaw l-interruzzjoni fil-forniment ta’ servizzi tal-awditu statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku, jipprevjenu l-effett ta’ tteħid minn ditti tal-awditjar oħrajn, kemm jekk jappartjenu kif ukoll jekk ma jappartjenux għall-istess netwerk, jew minħabba riskji tar-responsabilità jew inkella tar-reputazzjoni u jipprjevjenu akkumulazzjoni strutturali ulterjuri tar-riskju fis-suq.

Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jindikaw:

(a)     il-livell ta’ responsabilità li kull sieħeb huwa soġġett għalih fi ħdan id-ditta tal-awditjar;

(b)     sa fejn tista’ tinfirex ir-responsabilità ġuridika għal ditti tal-awditjar oħra li jappartjenu għall-istess netwerk, kemm f’livell nazzjonali, tal-Unjoni kif ukoll internazzjonali.

3.           Mingħajr ħsara għal-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar l-insolvenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu b’mod speċifiku li l-pjanijiet ta’ kontinġenza jidentifikaw miżuri għat-tħejjija ta’ falliment b’mod ordinat tad-ditta konċernata.

4.           Id-ditti tal-awditjar konċernati jissottomettu l-pjanijiet ta’ kontinġenza rispettivi tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien perjodu stabilit mill-awtoritajiet kompetenti. Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jiġu aġġornati kif inhu xieraq.

L-awtoritajiet kompetenti ma japprovawx il-pjanijiet ta’ kontinġenza b’mod formali. Madanakollu, jistgħu jipprovdu opinjoni dwar il-pjanijiet ta’ kontinġenza jew dwar l-abbozz tal-pjanijiet ta’ kontinġenza, jekk id-ditti tal-awditjar jikkonsultawhom minn qabel.

Artikolu 44

Trasparenza tal-Awtoritajiet Kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti ikunu trasparenti u tal-inqas, jippubblikaw:

(a)          rapporti annwali tal-attività rigward il-kompiti speċifikati f’dan ir-Regolament;

(b)          programmi annwali ta’ ħidma rigward il-kompiti speċifikati f’dan ir-Regolament;

(c)          rapport dwar ir-riżultati globali tas-sistema ta’ garanzija tal-kwalità fuq bażi annwali. Dan ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa, segwitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet, miżuri superviżorji meħuda u l-penali imposti. Jinkludi wkoll informazzjoni kwantitattiva u informazzjoni ewlenija oħra fuq il-prestazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji u l-persunal, u l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema ta’ garanzija tal-kwalità;

(d)          is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 40(6).

KAPITOLU III

KOOPERAZZJONI BEJN L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U R-RELAZZJONIJIET MAL-AWTORITAJIET SUPERVIŻORJI EWROPEJ

Artikolu 45

Obbligu ta’ kooperazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkooperaw flimkien fejn dan ikun neċessarju għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, anki f’każi fejn il-kondotta taħt investigazzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat.

Artikolu 46

AETS

1.           Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tiġi organizzata fi ħdan il-qafas tal-AETS.

Għal dan il-għan, l-AETS toħloq kumitat intern permanenti b’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Tal-inqas, dan il-kumitat intern ikun kompost mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat ta’ dan il-kumitat intern rigward kwistjonijiet relatati mal-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi sa fejn dan ikun rilevanti għall-awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.

L-AETS tikkoopera mal-ABE u l-AEAPX fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt ta’ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabilit fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS tieħu f’idejha, kif ikun xieraq, il-kompiti eżistenti u kurrenti kollha mill-Grupp Ewropew ta’ Korpi ta’ Sorveljanza tal-Awditjar (EGAOB – “European Group of Audit Oversight Bodies”) maħluq mid-Deċiżjoni 2005/909/KE.

2.           L-AETS jagħtu parir lill-awtoritajiet kompetenti fil-każijiet speċifikati f’dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti jieħdu dak il-parir f’kunsiderazzjoni qabel ma jieħdu kwalunkwe deċiżjoni finali taħt dan ir-Regolament.

3.           Sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tal-kompiti speċifikati f’dan ir-Regolament, l-AETS toħroġ linji gwida, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif xieraq, dwar:

(a)     standards komuni dwar il-kontenut u l-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 22;

(b)     standards komuni dwar il-kontenut u l-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 23;

(c)     standards komuni dwar l-attività ta’ sorveljanza tal-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 24;

(d)     standards komuni u l-aħjar prattiki dwar il-kontenut u l-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 27, inkluża d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 28;

(e)     standards komuni u l-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni gradwali msemmi fl-Artikolu 33;

(f)      standards komuni u l-aħjar prattiki rigward it-tkeċċija ta’ awdituri, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet validi għal dan, kif imsemmi fl-Artikolu 34;

(g)     prattiki u attivitajiet ta’ infurzar li jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti taħt dan ir-Regolament;

(i)      standards komuni u l-aħjar prattiki għat-twettiq ta’ eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità speċifikati fl-Artikolu 40, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari:

(i)      l-iskala u d-daqs differenti tal-attività tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar u tal-politiki;

(ii)      l-uniformità tal-istandards tal-kwalità, il-politiki u l-proċeduri li l-membri tan-netwerks tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar jaderixxu magħhom;

(i)      standards komuni u l-aħjar prattiki għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 41;

(j)      proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni speċifikat fl-Artikolu 48;

(k)     proċeduri u modalitajiet għall-kooperazzjoni fir-rigward ta’ eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità speċifikata fl-Artikolu 49;

(l)      proċeduri u modalitajiet għall-investigazzjonijiet u spezzjonijiet konġunti speċifikati fl-Artikolu 51;

(m)    il-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi speċifikati fl-Artikolu 53, anki dwar il-modalitajiet għad-determinazzjoni tas-sħubija fil-kulleġġi, l-għażla tal-faċilitaturi, l-arranġamenti bil-miktub għall-operazzjoni tal-kulleġġi u l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bejn il-kulleġġi.

L-AETS tikkonsulta lill-ABE u lill-AEAPX qabel ma toħroġ il-linji gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.           Minn X X 20XX [erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament], u tal-inqas fuq bażi biannwali wara dik id-data, l-AETS tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-AETS tikkonsulta lill-ABE u lill-AEAPX qabel ma tippubblika r-rapport tagħha.

F'rapport li jitħejja sa X X 20XX [sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament], l-AETS twettaq evalwazzjoni tal-istruttura tas-suq tal-awditjar.

Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, l-AETS teżamina l-influwenza

tas-sistema ta’ obbligazzjoni ċivili tal-Istati Membri għall-awdituri statutorji fuq l-istruttura tas-suq tal-awditjar.

F'rapport li jitħejja mill-AETS sa X X 20XX [erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament], jeżamina jekk l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(1) ikollhomx setgħa suffiċjenti u riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom.

F'rapport li jitħejja mill-AETS sa X X 20XX [sitt snin wara tmiem il-perjodu tranżizzjonali], jiġu eżaminati l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)     il-bidliet fl-istruttura tas-suq tal-awditjar;

(b)     il-bidliet fit-tendenzi tal-attività transfruntiera, anki dawk minħabba l-bidliet imdaħħla fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2006/43/KE mid-Direttiva xxxx/xx/UE;

(c)     valutazzjoni interim tat-titjib fil-kwalità tal-awditjar u l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq impriżi żgħar u medji li huma entitajiet ta’ interess pubbliku.

F'rapport, li jitħejja sa X X 20XX [tnax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament], l-AETS twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta’ dan ir-Regolament.

5.           Qabel X X 20XX [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament] il-Kummissjoni tippreżenta rapport, abbażi tar-rapporti tal-AETS u evidenza xierqa, fuq l-impatt tar-regoli nazzjonali tal-obbligazzjoni għall-awdituri statutorji fuq l-istruttura tas-suq tal-awditjar. Fid-dawl ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tieħu l-passi li tqis xierqa b'riżultat tas-sejbiet tagħha.

Artikolu 47

Il-prinċipji tal-Istat Membru domiċiljari

1.           L-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ regolamentazzjoni u sorveljanza tal-Istat Membru domiċiljari mill-Istat Membru li fih l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikunu approvati u li fih l-entità awditjata għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

2.           Fil-każ ta’ awditu statutorju ta’ rapporti finanzjarji konsolidati, l-Istat Membru li jeħtieġ l-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji konsolidati jista’ ma jimponix rekwiżiti addizzjonali relatati mal-awditu statutorju rigward ir-reġistrazzjoni, l-eżami tal-garanzija tal-kwalità, l-istandards tal-awditjar, l-etika professjonali u l-indipendenza fuq awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ sussidjarja stabilita fi Stat Membru ieħor.

3.           Fil-każ ta’ impriża li t-titoli tagħha huma negozjati f’suq regolat fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih l-impriża għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha, l-Istat Membru li fih huma negozjati t-titoli jista’ ma jimponi l-ebda rekwiżiti addizzjonali relatati mal-awditu statutorju rigward ir-reġistrazzjoni, l-eżami tal-garanzija tal-kwalità, l-istandards tal-awditjar, l-etika professjonali u l-indipendenza fuq awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati ta’ dik l-impriża.

Artikolu 48

Skambju ta’ informazzjoni

1.           Mingħajr dewmien żejjed, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 35 jipprovdu lil xulxin u lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament.

2.           Meta tirċievi talba għal informazzjoni minn awtorità kompetenti oħra jew Awtorità Superviżorja Ewropea, l-awtorità kompetenti li tirċievi din it-talba, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa. Jekk l-awtorità kompetenti mitluba ma tistax tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien żejjed, din tinnotifika lill-awtorità kompetenti li għamlet it-talba bir-raġunijiet għal dan.

3.           L-awtoritajiet kompetenti tista’ tiċħad milli taġixxi fuq talba għal informazzjoni fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)     il-forniment ta’ informazzjoni jista’ jaffettwa b’mod negattiv is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istati Membri mitluba l-informazzjoni jew inkella jikkostitwixxi ksur tar-regoli tas-sigurtà nazzjonali;

(b)     diġà nfetħu proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub l-informazzjoni;

(c)     diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward tal-istess azzjonijiet u dwar l-istess awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru mitlub l-informazzjoni.

Mingħajr ħsara għall-obbligi li huma soġġetti għalihom fil-proċeduri ġudizzjarji, l-awtoritajiet kompetenti jew l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jirċievu l-informazzjoni skont il-paragrafu 1 jistgħu jużaw dik l-informazzjoni biss għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom fi ħdan l-ambitu ta’ dan ir-Regolament u fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji relatati b’mod speċifiku mal-eżerċizzju ta’ dawk il-kompiti.

4.           L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, banek ċentrali, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, u l-informazzjoni kunfidenzjali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku maħsuba għat-twettuq tal-kompiti tagħhom. Dawn l-awtoritajiet jew korpi ma jinżammux milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu jeħtieġu sabiex iwettqu d-doveri tagħhom taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 49

Kooperazzjoni fir-rigward ta’ eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità

1.           L-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri sabiex jiżguraw kooperazzjoni effettiva fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità.

2.           L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed tista’ titlob l-assistenza tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar li jappartjenu għal netwerk li jeżerċita attivitajiet sinifikanti f’dak l-Istat Membru.

L-awtorità kompetenti li tagħmel talba bħal din tinforma lill-AETS b’dan. Fil-każ ta’ investigazzjoni jew spezzjoni b’effett transfruntier, l-awtoritajiet kompetenti tista’ titlob lill-AETS sabiex tikkoordina l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni.

3.           Meta awtorità kompetenti tirċievi talba minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor sabiex tipparteċipa fl-eżami tal-garanzija tal-kwalità ta’ awdituri statutorji jew ditta tal-awditjar li jappartjenu għal netwerk li jeżerċita attivitajiet sinifikanti f’dak l-Istat Membru, tippermetti lill-awtorità kompetenti li għamlet it-talba sabiex tieħu sehem f’dan l-eżami tal-garanzija tal-kwalità.

L-awtorità kompetenti li għamlet it-talba ma jkollhiex id-dritt li taċċedi għal informazzjoni li jista’ jkollha effett negattiv fuq is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubblika tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jew ksur tar-regoli nazzjonali tas-sigurtà.

Artikolu 50

Ċertifikat Ewropew tal-Kwalità

1.           L-AETS tistabilixxi ċertifikat Ewropew tal-kwalità għal awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.

Iċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)     iċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità jingħata mill-AETS u jkun validu madwar l-Unjoni;

(b)     l-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Unjoni li jilħqu r-rekwiżiti relevanti jkunu intitolati li japplikaw għaċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità;

(c)     l-AETS tippubblika r-rekwiżiti għall-kisba taċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità. Dawn ir-rekwiżiti jkunu bbażati fuq il-kwalità tal-awditjar u l-esperjenza tas-sistemi ta’ garanzija tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/43/KE u l-Artikolu 40 ta’ dan ir-Regolament;

(d)     l-AETS titlob tariffi lill-awdituri statutorji u lid-ditti tal-awditjar applikanti għall-għoti taċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità b’konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi jkopru bis-sħiħ in-nefqa neċessarja tal-AETS relatata mal-għoti taċ-ċertifikat u r-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li jistgħu jġarrbu l-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-ħidma skont dan l-Artikolu;

(e)     l-AETS jiddikkjaraw ir-raġunijiet għall-għoti taċ-ċertifikat jew għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni;

(f)      fil-ħin kollu, awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-għoti inizjali taċ-ċertifikat;

(g)     l-AETS tkun intitolata teżamina mill-ġdid kwalunkwe ċertifikat mogħti lil kwalunkwe awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti jew fuq inizjattiva proprja tagħha. Ir-riżultati tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jittieħdu f’kunsiderazzjoni;

(i)      l-AETS tkun intitolata tirtira ċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ma jibqgħux jilħqu l-kundizzjonijiet għall-kisba tiegħu;

(i)      l-AETS iżżomm reġistru ta’ awdituri statutorji u ditti li kisbu ċ-ċertifikat;

(j)      iċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità jkun ta’ tip volontarju u ma jkunx kundizzjoni għal awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar sabiex ikunu jistgħu jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, li jiġu approvati f’Membru ieħor skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/43/KE jew li jiġu rikonoxxuti f’Membru ieħor skont l-Artikolu 3a ta’ dik id-Direttiva.

2.           L-AETS tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-proċedura għall-kisba taċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità għal awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

(a)     l-applikazzjonijiet jiġu sottomessi lill-AETS jew fil-lingwa aċċettata fl-Istat Membru fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar hija approvata jew f’lingwa abitwali fl-isfera tas-settur finanzjarju internazzjonali.

Meta grupp ta’ ditti tal-awditjar japplika għaċ-ċertifikat Ewropew tal-kwalità, il-membri tal-grupp jistgħu jawtorizzaw lil wieħed mill-membri tagħhom sabiex jissottometti l-applikazzjonijiet kollha f’isem il-grupp;

(b)     l-AETS tittrażmetti kopja tal-applikazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati mill-applikazzjoni;

(c)     l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati mill-applikazzjoni jeżaminaw b’mod konġunt l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat fi ħdan il-kulleġġ ta’ awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 53. Eżami bħal dan ikopri jekk l-applikazzjoni hijiex lesta jew tilħaqx il-kundizzjonijiet għall-għoti taċ-ċertifikat. L-informazzjoni miksuba fl-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità dwar applikant partikolari tintuża f’dan l-eżami;

(d)     l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernat mill-applikazzjoni jipprovdi parir lill-AETS dwar jekk l-applikant ikunx intitolat jikseb iċ-ċertifikat;

(e)     l-AETS tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni;

(f)      l-AETS tistabilixxi passi proċedurali dettaljati u limiti taż-żmien;

Għall-finijiet tal-punt (ii), tal-inqas, dawk l-Istati Membri jkunu:

– jekk l-applikant huwa awditur statutorju, l-Istat(i) Membru/i fejn l-awditur statutorju huwa approvat skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/43/KE u, jekk ikun applikabbli, l-Istat(i) Membru/i fejn l-awditur statutorju huwa approvat skont l-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva u/jew l-Istat(i) Membru/i fejn l-awditur statutorju għaddej minn perjodu ta’ adattament skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/43/KE;

– jekk l-applikant huwa ditta tal-awditjar, l-Istat(i) Membru/i fejn id-ditta tal-awditjar hija approvata skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/43/KE u, jekk dan ikun applikabbli, l-Istat(i) Membru/i fejn id-ditta tal-awditjar hija rikonoxxuta skont l-Artikolu 3a ta’ dik id-Direttiva u/jew l-Istat(i) Membru/i fejn id-ditta tal-awditjar għandha ditti kkontrollati, ditti affiljati jew ditta prinċipali.

3.           L-AETS tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni sa [3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Setgħat huma ddelegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.           Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 għall-finijiet ta’ determinazzjoni tat-tariffi msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

B’mod partikolari, l-atti delegati jiddeterminaw it-tipi ta’ tariffi u għalfejn huma dovuti t-tariffi, l-ammont ta’ tariffi, il-mod li jitħallsu u l-mod li bih l-AETS tirrimborża lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ kwalunkwe spiża li jistgħu jġarrbu fit-twettiq tal-ħidma tagħhom b’konformità ma’ dan l-Artikolu.

L-ammont tat-tariffa mitluba lil awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jkopri l-kost amministrattiv kollu.

Artikolu 51

Kooperazzjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet fuq il-post

1.           Meta awtorità kompetenti tikkonkludi li l-attivitajiet li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament qed jitwettqu jew twettqu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor b’dik il-konklużjoni bl-aktar mod speċifiku possibbli. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tieħu l-azzjoni xierqa. Tinforma lill-awtorità kompetenti li tinnotifika bir-riżultat u, sa fejn dan ikun possibbli, bl-iżviluppi interim importanti.

2.           Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed tista’ titlob li titwettaq investigazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

Tista’ titlob ukoll li uħud mill-persunal proprju tagħha jitħallew jakkumpanjaw lill-persunal tal-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru matul l-investigazzjoni, anki fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post.

L-awtorità kompetenti li tagħmel talba bħal din tinforma lill-AETS bi kwalunkwe talba msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi.

Fil-ħin kollu, l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni tkun soġġetta għall-kontroll ġenerali tal-Istat Membru li titwettaq fuq it-territorju tiegħu. Madanakollu, fil-każ ta’ investigazzjoni jew spezzjoni b’effett transfruntier, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-AETS sabiex tikkoordina l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni.

3.           L-awtorità kompetenti mitluba tista’ tiċħad li taġixxi fuq talba ta’ twettiq għal investigazzjoni kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, jew fuq talba li l-persunal tagħha jkun akkumpanjat minn persunal ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kif speċifikat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, fil-każijiet li ġejjin:

(a)     investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post bħal din jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubblika tal-Istat Membru mitlub;

(b)     diġà nfetħu proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub;

(c)     diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward tal-istess azzjonijiet dwar dawn il-persuni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru mitlub.

Artikolu 52

Kooperazzjoni fir-rigward tal-ippjanar ta’ kontinġenza

Meta d-ditti tal-awditjar konċernati mir-rekwiżit fl-Artikolu 43 jappartjenu għal netwerks li tal-inqas huma ta’ dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw fi ħdan l-AETS bil-għan li jiġi żgurat li r-rekwiżiti nazzjonali differenti jqisu d-dimensjoni tan-netwerk.

L-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-AETS u tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra l-pjanijiet ta’ kontinġenza rċivuti skont l-Artikolu 43(4).

L-AETS ma tapprovax l-pjanijiet ta’ kontinġenza b’mod formali, iżda tista’ tagħti opinjoni dwarhom.

Artikolu 53

Kulleġġi ta’ awtoritajiet kompetenti

1.           Kulleġġi ta’ awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu stabiliti sabiex jiġi faċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 40, 41, 50, 51, 52 u 61 fir-rigward tal-awdituri statutorji, d-ditti tal-awditjar speċifiċi jew in-netwerks tagħhom.

2.           Fir-rigward ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar speċifiċi, jiġu stabiliti kulleġġi tal-awtoritajiet kompetenti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari.

Il-kulleġġ jinvolvi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u kwalunkwe awtorità kompetenti oħra ta’ Stati Membri oħra jekk:

(a)     l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar qed jipprovdu servizzi ta’ awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku ġewwa l-ġuriżdizzjoni tagħhom; jew

(b)     fergħa li hija parti mid-ditta tal-awditjar hija stabilita ġewwa l-ġuriżdizzjoni tagħhom.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari taġixxi bħala faċilitatur.

3.           Fir-rigward ta’ netwerks speċifiċi, jiġu stabiliti kulleġġi ta’ awtoritajiet kompetenti mill-AETS fuq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew aktar.

Il-kulleġġ jinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn in-netwerk jeżerċita attivitajiet importanti.

4.           Fi żmien ħmistax-il (15) ġurnata mit-twaqqif tal-kulleġġ tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ netwerk speċifiku, il-membri tiegħu jagħżlu faċilitatur. F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, l-AETS taħtar faċilitatur.

Membri tal-kulleġġ jirrieżaminaw l-għażla tagħhom tal-faċilitatur tal-inqas kull ħames snin sabiex jiżguraw li l-faċilitatur magħżul jibqa’ l-aktar wieħed xieraq.

5.           Il-faċilitatur jippresjedi l-laqgħat tal-kulleġġ, jikkoordina l-azzjonijiet tal-kulleġġ u jiżgura skambju ta’ informazzjoni effiċjenti bejn il-membri tal-kulleġġ.

6.           Il-faċilitatur, fi żmien għaxart ijiem (10) ta’ xogħol mill-għażla tiegħu, jistabilixxi arranġamenti ta’ koordinazzjoni bil-miktub fi ħdan il-qafas tal-kulleġġ rigward is-suġġetti li ġejjin:

(a)     l-informazzjoni li tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(b)     il-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jridu jikkonsultaw lil xulxin;

(c)     il-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw kompiti superviżorji skont l-Artikolu 54.

7.           Fin-nuqqas ta’ ftehim li jikkonċerna l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bil-miktub taħt il-paragrafu 6, kull membru tal-kulleġġ jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-AETS. Il-faċilitatur jieħu f’kunsiderazzjoni b’mod xieraq kwalunkwe parir mogħti mill-AETS rigward l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bil-miktub qabel ma jsir qbil dwar it-test finali tagħhom. L-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bil-miktub ikunu stabiliti f’dokument wieħed li jkun fih ir-raġunijiet sħaħ għal kull tbegħid sinifikattiv mill-parir tal-AETS. Il-faċilitatur jittrażmetti l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bil-miktub lill-membri tal-kulleġġ u lill-AETS.

Artikolu 54

Delega tal-kompiti

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tista’ tiddelega kwalunkwe wieħed mill-kompiti tagħha lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor soġġetta għall-qbil ta’ dik l-awtorità. Id-delega tal-kompiti ma taffettwax ir-responsabilità tal-awtorità kompetenti li tiddelega.

Artikolu 55

Kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-AETS

1.           L-obbligu ta’ segretezza professjonali japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-AETS, jew għal kwalunkwe persuna oħra li l-AETS iddelegat kompiti lilha, inklużi esperti mogħtija kuntratti mill-AETS. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tiġix iddivulgata lil persuni jew awtoritajiet oħra għajr fejn divulgazzjoni bħal din tkun meħtieġa għall-proċeduri ġuridiċi.

2.           Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 37 ma jipprevjenix lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali. Għaldaqstant, l-informazzjoni skambjata tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali, li għaliha huma soġġetti l-persuni impjegati jew dawk li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti.

3.           L-informazzjoni kollha skambjata taħt dan ir-Regolament bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet u korpi oħra titqies kunfidenzjali, għajr fejn l-AETS jew l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp oħrajn konċernati jiddikkjaraw fil-ħin tal-komunikazzjoni li din l-informazzjoni tista’ tiġi divulgata jew fejn din id-divulgazzjoni hija neċessarja għall-proċeduri ġuridiċi.

Artikolu 56

Protezzjoni ta’ dejta personali

1.           L-Istati Membri japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri skont dan ir-Regolament.

2.           Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 japplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali mwettaq mill-AETS, mill-ABE u mill-AEAPX fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

KOOPERAZZJONI MA’ AWTORITAJIET TA’ PAJJIŻI TERZI U MA’ ORGANIZZAZZJONIJIET U KORPI INTERNAZZJONALI

Artikolu 57

Ftehim dwar l-iskambju ta’ informazzjoni

1.           L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi iżda biss jekk fil-pajjiżi terzi konċernati, l-informazzjoni divulgata hija soġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali li tal-inqas huma ekwivalenti għal dawk stabiliti fl-Artikoli 37 u 55.

Dan l-iskambju ta’ informazzjoni jkun maħsub għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

Fejn dan l-iskambju ta’ informazzjoni jinvolvi t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz, l-Istati Membri jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE u l-AETS tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.           L-awtoritajiet kompetenti tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti jew ma’ korpi rilevanti oħra ta’ pajjiżi terzi rigward l-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. L-AETS tikkontribwixxi għal din il-kooperazzjoni.

L-AETS tikkontribwixxi għall-istabiliment ta’ konverġenza ta’ sorveljanza ma’ pajjiżi terzi.

3.           Fejn il-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni jkun relatat ma’ dokumentazzjoni tal-awditjar jew ma’ dokumenti oħra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar, japplika l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

Artikolu 58

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni rċivuta minn pajjiżi terzi

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew l-AETS tista’ tiddivulga l-informazzjoni rċivuta minn awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi iżda biss jekk din kisbet il-kunsens espress tal-awtorità kompetenti li ttrażmettiet l-informazzjoni u, fejn dan ikun applikabbli, jekk l-informazzjoni tkun divulgata biss għall-finijiet li għalihom l-awtorità kompetenti tat il-kunsens tagħha, jew fejn din id-divulgazzjoni tkun meħtieġa għall-proċeduri ġuridiċi.

Artikolu 59

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni trasferita lejn pajjiżi terzi

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew l-AETS tetħieġ li l-informazzjoni komunikata minnhom lil awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tista’ tiġi divulgata minn dik l-awtorità kompetenti lil partijiet jew awtoritajiet terzi iżda biss bil-kunsens espress minn qabel tal-awtorità kompetenti li ttrażmettiet l-informazzjoni, b’konformità mad-dritt nazzjonali tagħha u jekk l-informazzjoni tkun divulgata biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew l-AETS tat il-kunsens tagħha, jew fejn din id-divulgazzjoni tkun neċessarja għall-proċeduri ġuridiċi.

Artikolu 60

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali

L-AETS tikkoopera mal-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali li jelaboraw l-istandards internazzjonali tal-awditjar.

Titolu V

Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

Artikolu 61

Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

1.           L-Istati Membri jistabilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi applikabbli fil-każijiet ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament identifikati fl-Anness għall-persuni responsabbli għal dak il-ksur u jieħdu l-miżuri neċessarji kolha sabiex jiżguraw li dawn jiġi implimentati. Is-sanzjonijiet u l-miżuri speċifikati jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.           Sa [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-AETS. Jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS minnufih bi kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.

3.           Dan l-Artikolu u l-Artikoli 62 sa 66 huma mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali nazzjonali.

Artikolu 62

Setgħat ta’ sanzjonar

1.           Dan l-Artikolu japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament identifikati fl-Anness.

2.           Mingħajr ħsara għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 38, fil-każ ta’ ksur imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mad-dritt nazzjonali, ikollhom is-setgħa li tal-inqas jimponu l-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin:

(a)     ordni ta’ waqfien ta’ dik il-kondotta u ta’ ebda tkomplija ta’ dik il-kondotta lill-persuna responsabbli mill-ksur;

(b)     dikjarazzjoni pubblika li tindika li l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur, ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-awtoritajiet kompetenti;

(c)     projbizzjoni temporanja għall-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar jew għas-sieħeb ewlieni tal-awditjar milli jwettqu awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u/jew milli jiffirmaw rapporti tal-awditjar fis-sens tal-Artikolu 22 b’effett madwar l-Unjoni kollha, sakemm jintemm il-ksur;

(d)     jiddikkjaraw li r-rapport tal-awditjar ma jilħaqx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22, sakemm jintemm il-ksur;

(e)     projbizzjoni temporanja kontra membru ta’ ditta tal-awditjar jew ta’ korp amministrattiv jew maniġerjali ta’ entità ta’ interess pubbliku milli jeżerċitaw funzjonijiet f’ditti tal-awditjar jew entitajiet ta’ interess pubbliku;

(f)      sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jammontaw sad-doppju tal-ammont ta’ qligħ iggwadanjat jew telf evitat minħabba ksur, fejn dawn jistgħu jiġu determinati;

(g)     fir-rigward ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jammontaw sa EUR 5 000 000 jew, fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

(h)     fir-rigward ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jammontaw sa 10 % tal-fatturat annwali totali tagħha fis-sena kummerċjali preċedenti tagħha; fejn il-persuna ġuridika hija sussidjarja ta’ impriża prinċipali kif iddefinita fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE, il-fatturat annwali totali rilevanti jkun il-fatturat annwali totali li jirriżulta mill-kont konsolidat tal-impriża prinċipali finali fis-sena kummerċjali preċedenti.

3.           L-Istati Membri jistgħu jagtħu setgħat ta’ sanzjonar oħra lill-awtoritajiet kompetenti minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 u jistgħu jipprovdu għal livelli ogħla ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi minn dawk stabiliti f’dak il-paragrafu.

Artikolu 63

Applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet

1.           Meta jiddeterminaw it-tip ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi:

(a)     l-gravità u d-durata tal-vjolazzjoni;

(b)     il-grad ta’ responsabilità tal-persuna responsabbli;

(c)     is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli, kif indikat mill-fatturat totali tal-impriża responsabbli jew id-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)     l-importanza tal-qligħ iggwadanjat jew tat-telf evitat mill-persuna responsabbli, sa fejn dawn jistgħu jiġu determinati;

(e)     il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli mal-awtorità kompetenti, mingħajr ħsara għall-ħtieġa li jiġu żgurati r-restituzzjonijiet ta’ qligħ iggwadanjat jew telf evitat minn dik il-persuna;

(f)      vjolazzjonijiet preċedenti mill-pesuna responsabbli.

Jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni fatturi addizzjonali mill-awtoritajiet kompetenti, jekk dawn il-fatturi huma speċifikati fid-dritt nazzjonali.

2.           L-ABE, l-AEAPX u l-AETS joħorġu b’mod konġunt linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru (UE) 1093/2010, ir-Regolament (UE) 1094/2010 u r-Regolament Nru (UE) 1095/2010 dwar it-tipi ta’ miżuri u sanzjonijiet amministrattivi u l-livell ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jiġu applikati f’każijiet individwali fi ħdan il-qafas legali nazzjonali.

Artikolu 64

Pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri

Kull miżura jew sanzjoni amministrattiva imposta għal ksur ta’ dan ir-Regolament tiġi ppubblikata minnufih, u tal-inqas tinkludi l-informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għaliha, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tqiegħedx f’riskju serju l-istabilità tas-swieq finanzjarji. Fejn il-pubblikazzjoni tkun tikkawża ħsara sproporzjonata għall-partijiet involuti, l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw il-miżuri u s-sanzjonijiet fuq bażi anonima.

Minnufih, l-awtoritajiet kompetenti jinformaw lill-AETS bi kwalunkwe sanzjoni jew miżura adottata għal ksur ta’ dan ir-Regolament.

Il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif stabiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Artikolu 65

Appell

L-Istati Membri jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti b’konformità ma’ dan ir-Regolament ikunu soġġetti għad-dritt ta’ appell.

Artikolu 66

Rapportar ta’ ksur

1.           L-Istati Membri jistabilixxu mekkaniżmu effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rapportar ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti.

2.           Tal-inqas, il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu:

(a)     proċeduri speċifiċi għar-riċevuta ta’ rapporti ta’ ksur u s-segwitu tagħhom;

(b)     protezzjoni xierqa għall-persuni li jirrapportaw ksur potenzjali u ksur ikkonfermat;

(c)     protezzjoni ta’ dejta personali li jkun fiha kemm il-persuna li rrapportat il-ksur potenzjali jew ikkonfermat kif ukoll il-persuna akkużata b’konformità mal-prinċipji stabiliti fid-Direttiva 95/46/KE;

(d)     proċeduri xierqa sabiex jiżguraw id-dritt tal-persuna akkużata li tiddefendi ruħha u li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha u d-dritt li tfittex rimedju effettiv quddiem tribunal kontra kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li tikkonċernaha.

3.           Id-ditti tal-awditjar u l-entitajiet ta’ interess pubbliku jistabilixxu l-proċeduri xierqa għall-impjegati tagħhom sabiex dawn jirrapportaw ksur potenzjali jew ikkonfermat ta’ dan ir-Regolament b’mod intern permezz ta’ kanal speċifiku.

Artikolu 67

Skambju ta’ informazzjoni mal-AETS

1.           Fuq bażi annwali, l-awtoritajiet kompetenti u ġudizzjarji jipprovdu lill-AETS b’informazzjoni aggregata rigward il-miżuri, is-sanzjonijiet u l-multi amministrattivi kollha imposti b’konformità mal-Artikoli 61, 62, 63, 64, 65 u 66. L-AETS tippubblika din l-informazzjoni f’rapport annwali.

2.           Fejn l-awtorità kompetenti ddivulgaw miżuri, sanzjonijiet u multi amministrattivi lill-pubbliku, din tirrapporta dan il-fatt lill-AETS b’mod simultanju.

Titolu VI

Atti delegati, rapportar u dispożizzjonijiet transitorji u finali

Artikolu 68

Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 10(6) u 50(4) tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat minn [data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 10(6) u 50(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din tieħu effett fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Din ma taffettwax l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.           Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikaha fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikoli 10(6) u 50(4) jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill matul perijodu ta’ [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 69

Rapport

Sa X X 20XX [ħames snin wara tmiem il-perjodu transitorju] il-Kummissjoni tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport jieħu f’kunsiderazzjoni r-rapport imħejji mill-AETS imsemmi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 46(4).

Artikolu 70

Dispożizzjoni tranżizzjonali

1.           Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 32 u 33, japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin għal kuntratti għall-forniment ta’ awditu statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku li jkunu fis-seħħ fi [data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]:

(a)     kull kuntratt tal-awditjar konkluż qabel XX/XX/XXXX [id-data ta’ adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni] li għadha fis-seħħ fi [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] jibqa’ applikabbli għal perjodu massimu ta’ erba’ snin fiskali wara [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament];

(b)     kull kuntratt tal-awditjar konkluż wara XX/XX/XXX [l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni] iżda qabel XX/XX/XXXX [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u li jkun għadu fis-seħħ jibqa’ applikabbli għal perjodu massimu ta’ ħames snin fiskali wara XX/XX/XXXX [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament];

(c)     meta kuntratt tal-awditjar imsemmi fil-punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu jiskadi jew jiġi tterminat, l-entità ta’ interess pubbliku tista’ ġġedded dan il-kuntratt għal darba mal-istess awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, mingħajr ma jkunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(3). Kuntratt imġedded bħal dan ikun soġġett għad-durata massima li ġejja:

(i)      sena (1): jekk l-awditur ilu jipprovdi servizzi lill-entità awditjata għal perjodu konsekuttiv li jaqbeż il-100 sena;

(ii)      2 snin: jekk l-awditur ilu jipprovdi servizzi lill-entità awditjata għal perjodu konsekuttiv ta’ bejn 51 u 100 sena;

(iv)     3 snin: jekk l-awditur ilu jipprovdi servizzi lill-entità awditjata għal perjodu konsekuttiv ta’ bejn 21 u 50 sena;

(v)     4 snin: jekk l-awditur ilu jipprovdi servizzi lill-entità awditjata għal perjodu konsekuttiv ta’ bejn 11 u 20 sena;

(vi)     5 snin: jekk l-awditur ilu jipprovdi servizzi lill-entità awditjata għal perjodu konsekuttiv li ma jaqbiżx l-10 snin.

Permezz ta’ deroga mill-kriterji stabiliti fil-punt (c), il-kuntratt tal-awditjar jista’ jibqa’ applikabbli sa tmiem l-ewwel sena finanzjarja wara [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Permezz ta’ deroga mill-punti (a) sa (c), meta r-regoli nazzjonali jistabilixxu durata massima ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u l-entità awditjata li ma jaqbiżx id-disa' (9) snin u jeħtieġu li l-entità awditjata tagħżel awditur statutorju jew ditta tal-awditjar differenti meta jintlaħaq din id-durata massima, il-kuntratt tal-awditjar jista’ jibqa’ applikabbi sa tmiem dak il-perjodu ta’ durata massima.

2.           L-Artikolu 33 japplika għal kull kuntratt tal-awditjar konkluż wara […] [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] iżda qabel […] [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

L-Artikolu 32(3) japplika biss għal dawn il-kuntratti wara l-iskadenza jew tmiem l-ewwel tiġdid ta’ dan il-kuntratti.

Artikolu 71

Dispożizzjonijiet nazzjonali

L-Istati Membri jagħmlu dispożizzjoni ta’ dan it-tip kif ikun xieraq sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 72

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika minn [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ].

Madanakollu, l-Artikolu 32(7) japplika minn […] [id-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament] u l-Artikolu 10(5) japplika minn […] [tliet (3) snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament].

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

I.          Ksur minn awdituri statutorji, ditti tal-awditjar jew sħab ewlenin tal-awditjar

A. Ksur relatat ma’ kunflitti ta’ interess, rekwiżiti organizzazzjonali u operazzjonali

1.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 6(1) billi ma jistabilixxux politiki u proċeduri adegwati sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti organizzazzjonali minimi, kif stabilit fil-paragrafu 1(a) sa (k).

2.           L-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju f’isem ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 8(1)(a) billi jinkarigaw ruħhom f’pożizzjoni ewlenija tal-maniġment fl-entità awditjata qabel ma jkun għadda perjodu ta’ tal-inqas sentejn minn meta rriżenjaw bħala awditur statutorju jew sieħeb ewlieni tal-awditjar mill-inkarigu tal-awditjar.

3.           L-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju f’isem ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 8(1)(b) billi jsiru membru tal-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata jew ta’ korp ekwivalenti, qabel ma jkun għadda perjodu ta’ tal-inqas sentejn minn meta rriżenjaw bħala awditur statutorju jew sieħeb ewlieni tal-awditjar mill-inkarigu tal-awditjar.

4.           L-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju f’isem ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 8(1)(c) billi jsiru membru mhux eżekuttiv tal-korp ta’ amministrazzjoni jew membru tal-korp superviżorju tal-entità awditjata, qabel ma jkun għadda perjodu ta’ tal-inqas sentejn minn meta rreżenjaw bħala awditur statutorju jew sieħeb ewlieni tal-awditjar mill-inkarigu tal-awditjar.

5.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 9(2) billi ma jiżgurawx li s-servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati pprovduti lill-entità awditjata ma jaqbżux l-10 % tat-tariffi mħallsa mill-entità awditjata għall-awditu statutorju.

6.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 10 billi jipprovdu servizzi għajr is-servizzi tal-awditu statutorju jew servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati lill-entità awditjata.

B. Ksur relatat mat-twettiq tal-awditu statutorju

7.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 16(3) billi ma jżommux rekords tal-każijiet meta l-impjegati tagħhom ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet li jinstabu f’dan ir-Regolament jew billi ma jħejjux rapport annwali tal-miżuri meħuda sabiex jiżguraw konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

8.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 16(4) billi ma jżommux rekord ta’ kont tal-klijent li jinkludi d-dejta msemmija fil-punt (a), (b) u (c) tal-istess paragrafu.

9.           L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 16(5) billi ma joħolqux fajl tal-awditjar għal kull awditu statutorju mwettaq li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (j) tal-istess paragrafu.

10.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 17(1)(c) billi ma jinformawx lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 36 b’inċident li kellu jew li jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-integrità tal-attività tagħhom.

11.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 17(2) billi ma jinformawx lill-awtorità kompetenti li jissupervizzaw lill-entitajiet ta’ interess pubbliku bi kwalunkwe frodi jew tentattiv ta’ dan fir-rigward tar-rapporti finanzjarji tal-entità awditjata.

12.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 19 billi ma jiżgurawx li jsir eżami tal-kontroll tal-kwalità intern skont ir-rekwiżiti stabiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dak l-Artikolu.

C. Ksur relatat mar-rapportar tal-awditjar

13.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 22 billi ma jipprovdux opinjoni tal-awditjar imħejjija skont ir-rekwiżiti stabiliti fil-paragrafi 2, 3, 4, 5 u 7 ta’ dak l-Artikolu.

14.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 23 billi ma jissottomettux rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata li huwa mħejji skont with ir-rekwiżiti stabiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dak l-Artikolu.

15.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 25 billi ma jirrapportawx minnufih lill-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw l-entitajiet ta’ interess pubbliku bi kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li jikkonċernaw dik l-entità ta’ interess pubbliku li saru konxji bihom waqt li kienu qed iwettqu dak l-awditu statutorju u li jistgħu jkunu marbutin ma’ kwalunkwe wieħed mill-ksur imsemmi fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25.

D. Ksur relatat mad-dispożizzjonijiet dwar id-divulgazzjoni

16.         Id-ditta tal-awditjar tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) b’rabta mal-Artikolu 26(4) billi ma tippubblikax fuq is-sit elettroniku tagħha r-rapport finanzjarju annwali tagħha fis-sens tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara tmiem kull sena finanzjarja u tħallih għad-dispożizzjoni għal tal-inqas ħames snin.

17.         L-awditur statutorju jikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(2) b’rabta mal-Artikolu 27(1) billi ma jippubblikax fuq is-sit elettroniku tiegħu r-rapport tal-introjtu annwali tiegħu u ma jħallihx għad-dispożizzjoni għal tal-inqas ħames snin.

18.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 26(2) billi ma jurux fir-rapport tal-introjtu annwali tagħhom jew fir-rapport finanzjarju annwali tagħhom, it-tariffi rċivuti mill-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u entitajiet li jappartjenu għal grupp ta’ kumpaniji li l-impriża prinċipali tagħhom hija entità ta’ interess pubbliku b’mod separat mit-tariffi rċivuti mill-awditu statutorju ta’ rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta’ entitajiet oħra u t-tariffi mitluba għas-servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati kif iddefiniti fl-Artikolu 10.

19.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jappartjenu għal netwerk jiksru l-Artikolu 26(3) billi ma jipprovdux bħala anness għar-rapport tal-introjtu jew għar-rapport finanzjarju annwali dik l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) sa (d) tal-Artikolu 26(3), sakemm ma tapplikax id-deroga tat-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu.

20.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 27 billi ma jippubblikawx jew inkella billi ma jippubblikawx b’mod tempestiv rapport tat-trasparenza li jinkludi l-informazzjoni stabilita fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu u, fejn applikabbli, l-informazzjoni stabilita fl-Artikolu 28.

21.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 29 billi ma jipprovdux b’mod annwali lista ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku awditjati flimkien mad-dħul iġġenerat minnhom lill-awtorità kompetenti tagħhom imsemmija fl-Artikolu 35(1).

22.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 30(1) billi ma jżommux id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1).

E. Ksur relatat mal-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar minn entitajiet ta’ interess pubbliku

23.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 33(2) billi jwettqu l-awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku wara l-iskadenza taż-żewġ inkarigi konsekuttivi msemmija fl-Artikolu 33(1) qabel ma jkun għadda l-perjodu ta’ erba’ snin.

24.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 33(6) billi ma jippreżentawx fajl ta’ trażizzjoni komplet fi tmiem l-inkarigu tal-awditjar għall-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ta’ warajhom.

F. Ksur relatat mal-garanzija tal-kwalità

25.         L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jiksru l-Artikolu 40(6) billi ma jiħdux segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-ispezzjonijiet fil-perjodu stabilit mill-awtorità kompetenti.

II.        Ksur minn entitajiet ta’ interess pubbliku

A.        Ksur relatat mal-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar

1.           Mingħajr ħsara għall-Artikolu 31(2), (3) u (4), entità ta’ interess pubbliku tikser l-Artikolu 31(1) billi ma twaqqafx kumitat tal-awditjar u/jew billi ma taħtarx in-numru meħtieġ ta’ membri indipendenti u/jew billi ma taħtarx in-nurmu meħtieġ ta’ membri li għandhom kompetenza speċifika fil-kontabilità u/jew fl-awditjar.

2.           Entità ta’ interess pubbliku tikser l-Artikolu 32(1) billi ma taħtarx l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar b’konformità mal-kundizzjonijiet stabiliti fl-Artikolu 32(2) sa (6).

3.           Entità ta’ interess pubbliku tikser l-Artikolu 33 billi timpjega l-istess awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għal perjodu itwal minn dak imsemmij fl-Artikolu 33.

4.           Entità ta’ interess pubbliku tikser l-Artikolu 34 billi tagħti s-sensja lil awditur statutorju jew ditta tal-awditjar fin-nuqqas ta’ raġunijiet validi.

[1]               L-ammonti kbar ta’ appoġġ approvati taħt l-iskemi jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li xi Stati Membri adottaw skemi ta’ garanzija totali li jkopru d-dejn kollu tal-banek. L-Istati Membri ddipendew l-aktar fuq miżuri ta’ garanzija. €546.08 biljun (4.5% tal-PGD) ġew approvati bħala miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri użaw madwar €141.5 biljun fl-2009. Fil-perjodu ta’ bejn Ottubru 2008 u Ottubru 2010, il-Kummissjoni awtorizzat miżuri għal kontra l-kriżi finanzjarja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fi 22 Stat Membru: jiġifieri l-Istati Membri kollha minbarra l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Malta u r-Rumanija.

[2]               Il-Kummissjoni Ewropea, KTIBA ĦADRA Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi, COM (2010)561, 13.10.2010.

[3]               http://ec.europa.eu/internal_market/accounting/conferenc_20110209_en.htm

[4]               http://www.europarl.europa.eu/oeil/FindByProcnum.do?lang=en&procnum=INI/2011/2037

[5]               COM(2010)561 finali, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 92.

[6]               Ara t-taqsima 4.3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta għal emenda tad-Direttiva 2006/43/KE għal informazzjoni aktar dettaljata dwar l-ambitu ta' kull proposta.

[7]               Soġġett, fejn xieraq, għal arranġamenti tranżizzjonali adegwati.

[8]               COM(2010)716 finali.

[9]               COM(2009) 501 finali, COM(2009) 502 finali, COM (2009) 503 finali.

[10]             ĠU C , , p. .

[11]             Data tal-opinjoni tal-KEPD.

[12]             ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.

[13]             ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7.

[14]             ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

[15]             ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

[16]             ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

[17]             ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7.

[18]             ĠU L 174, 1.7.2011, p.1.

[19]             ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

[20]             ĠU L 222, 14.8.1978, p.11.

[21]             ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

[22]             ĠU L 157, 9.6.2006, p.87.

[23]             COM(2010)561 finali.

[24]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[25]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[26]             ĠU L 52, 25.2.2005, p. 51.

[27]             ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

[28]             ĠU L 120, 7.5.2008, p.20.

[29]             ĠU L 331, 15.12.2010, p.84.

[30]             ĠU L 331, 15.12.2010, p.12.

[31]             ĠU L 331, 15.12.2010, p.48.

[32]             COM(2010)716 finali.

[33]             ĠU L 162, 30.4.2004, p.70.

[34]             ĠU L 177, 30.6.2006, p.1.

[35]             ĠU L 335, 17.12.2009, p.1.

[36]             ĠU L 345, 31.12.2003 p.64.

[37]             ĠU L 149, 30.04.2004, p. 1.

Top