EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0607
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the European Social Fund and repealing Regulation (EC) No 1081/2006
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006
/* KUMM/2011/0607 finali - 2011/0268 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 /* KUMM/2011/0607 finali - 2011/0268 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-qgħad u r-rati għolja b'mod
persistenti ta’ faqar jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE u fil-livell
nazzjonali. Illum, kważi 23 miljun ruħ huma qiegħda u 'l
fuq minn 113-il miljun huma stmati li jgħixu fir-riskju tal-faqar jew
l-esklużjoni. Il-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi huma
tħassib primarju għaċ-ċittadini Ewropej u huwa qasam fejn
huwa mistenni aktar mill-Unjoni. Sfidi addizzjonali li tiffaċċja
l-Unjoni huma relatati ma': nuqqasijiet fil-livelli tal-ħiliet, rendiment
baxx fil-politika tas-suq tax-xogħol attiv u fis-sistemi edukattivi,
l-esklużjoni soċjali tal-gruppi marġinalizzati, u mobbiltà baxxa
tal-ħaddiema. Hemm ħtieġa għal inizjattivi ta' politika kif
ukoll għal azzjonijiet ta' appoġġ konkreti. Ħafna minn dawn il-problemi marru
għall-agħar bil-kriżi finanzjarja u ekonomika, ix-xejriet
demografiċi u migratorji u l-pass mgħaġġel tal-bidla
teknoloġika. Jekk dawn ma jiġux indirizzati b’mod effettiv,
jikkostitwixxu sfida sinifikanti għall-koeżjoni soċjali u
l-kompetittività. Għalhekk huwa essenzjali li l-investiment li jtejjeb
it-tkabbir fl-infrastruttura, fil-kompetittività reġjonali u
fl-iżvilupp tan-negozju jiġi akkumpanjat b’miżuri li jsostnu
l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fl-oqsma tal-politika tas-suq
tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni
soċjali, l-adattabbiltà tal-ħaddiema, l-intrapriżi u
l-intraprendituri, u l-kapaċità amministrattiva. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)
jappoġġa l-politiki u l-prijoritajiet li jimmiraw għall-kisba
ta' progress lejn livell massimu ta' impjiegi, it-tisħiħ tal-kwalità
u l-produttività fix-xogħol, iż-żieda tal-mobbiltà
ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema fl-Unjoni, it-titjib
tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-promozzjoni
tal-inklużjoni soċjali, u b'hekk ikunu qed jikkontribwixxu
għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Billi l-FSE għandu jkun allinjat
bis-sħiħ mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin
tagħha, dan għandu jappoġġa l-politiki segwiti mill-Istati
Membri skont il-Linji Gwida Integrati adottati skont l-Artikoli 121
u 148(4) tat-Trattat u r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Programmi
tar-Riforma Nazzjonali. L-istabbiliment ta' ishma u ammonti minimi
għall-FSE bħala wieħed mill-Fondi Strutturali se jiżgura li
l-prijoritajiet tal-Unjoni jiġu riflessi b'mod xieraq fil-volum
tal-investiment dirett lejn iċ-ċittadini Ewropej. L-FSE se jagħmel ukoll kontribuzzjoni
prezzjuża lil prijoritajiet importanti oħra tal-Istrateġija
Ewropa 2020, bħat-tisħiħ tal-investiment tagħna fir-riċerka
u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u l-użu
tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, iż-żieda
tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji, l-appoġġ
tal-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-promozzjoni
tal-użu sostenibbli tar-riżorsi. L-FSE se jaħdem
f'sinerġija mal-Programm integrat il-ġdid għall-Bidla
Soċjali u l-Innovazzjoni. Flimkien, dawn se jikkostitwixxu l-Inizjattiva
Ewropea komprensiva għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet
pubbliċi għall-ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni
Ekonomika, Soċjali u Territorjali[1],
ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE[2]
u l-proposti għall-qafas finanzjarju multiannwali[3], kollha
tqiesu għal din il-proposta. Il-konsultazzjoni pubblika dwar
il-konklużjonijiet tal-ħames Rapport dwar il-Koeżjoni saret bejn
it-12 ta' Novembru 2010 u l-31 ta' Jannar 2011 u
kkonludiet bil-Forum ta' Koeżjoni. Waslu total ta’
444 kontribuzzjoni. Il-konvenuti kienu jinkludu l-Istati Membri,
l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali,
organizzazzjonijiet ta' interess Ewoprew, organizzazzjonijiet non-governattivi,
ċittadini u partijiet interessati oħra. Il-konsultazzjoni
ppreżentat serje ta' mistoqsijiet dwar il-futur tal-politika ta'
koeżjoni. Ġiet ippubblikata taqsira tar-riżultati
fit-13 ta' Mejju 2011[4]. Barra minn hekk, ġew organizzati
konferenzi speċifiċi u seminars li jiffokaw fuq il-futur tal-FSE.
F'Ġunju 2010 il-konferenza "L-FSE u l-Ewropa 2020"
ġabret flimkien aktar minn 450 rappreżentant ta' livell
għoli mill-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u
s-soċjetà ċivili f'livell tal-UE u nazzjonali kif ukoll
mill-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, f'Diċembru 2010 sar seminar
mal-NGOs u l-imsieħba soċjali dwar il-futur tal-FSE. Apparti minn hekk,
fis-7 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew adotta
reżoluzzjoni dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni u l-FSE[5].
Il-Kummissjoni Ewropea talbet ukoll għal opinjonijiet esploratorji
mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[6]
u mill-Kumitat tar-Reġjuni[7]
u rċeviethom. Ġie provdut parir espert permezz
tal-grupp ad hoc tal-Kumitat tal-FSE dwar il-futur tal-Fond Soċjali
Ewropew, grupp informali ta' esperti mill-Istati Membri u l-imsieħba
soċjali. Il-grupp ad hoc iltaqa’ seba' darbiet bejn
Diċembru 2009 u Marzu 2011. Barra minn hekk, ġie stabbilit
grupp ta' ħidma bir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiġu
diskussi l-indikaturi komuni. Dan iltaqa' erba' darbiet u stabbilixxa
l-bażi għall-indikaturi proposti. Il-Kumitat tal-FSE innifsu
ħareġ opinjonijiet dwar il-futur tal-FSE fil-laqgħat tiegħu
tat-3 ta' Ġunju 2010 u l-10 ta' Marzu 2011.
Kemm il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) kif ukoll il-Kumitat tal-Protezzjoni
Soċjali (SPC) ħarġu opinjonijiet speċifiċi wkoll,
f'Jannar u Marzu 2011, rispettivament. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex-post
li twettqu fil-programmi ta' bejn l-2000 u l-2006, u medda kbira ta' studji,
intużaw bħala input. Twettqet valutazzjoni tal-impatt b'mod
speċifiku għar-Regolament tal-FSE, bħala parti minn pakkett ta'
tliet valutazzjonijiet tal-impatt li jkopru wkoll r-Regolamenti tal-FEŻR u
l-Fond ta' Koeżjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt għar-Regolament
Ġenerali li jirregola l-FSE, l-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt
għar-Regolament tal-FSE indirizzat prinċipalment il-kamp ta'
applikazzjoni tal-istrument u aspett speċifiku wieħed
tas-simplifikazzjoni. Din iddiskutiet ukoll l-artikulazzjoni bejn u
l-komplimentarjetà mal-istrumenti finanzjarji disponibbli għad-Direttorat
Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u
l-Inklużjoni, jiġifieri l-FSE, il-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-programm PROGRESS,
il-EURES u l-Faċilità Mikrofinanzjarja PROGRESS. Dan huwa appoġġ wiesa' ħafna
għar-rwol tal-FSE. L-FSE jitqies li qed jipprovdi valur miżjud
Ewropew konsiderevoli minħabba li jippermetti lill-Istati Membri u
r-reġjuni jindirizzaw il-prijoritajiet ewlenin Ewropej permezz tal-finanzjament
Ewropew. Jitqies bħala element importanti fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin
li jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej u fil-progress lejn
il-miri stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020. L-iffokar fuq l-isfidi
ewlenin u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill jitqies bħala prekundizzjoni
importanti għall-effettività tal-appoġġ. It-tnaqqis
tal-komplessità tal-appoġġ u tal-piż tal-awditjar relatat,
l-aktar għall-benefiċjarji iżgħar, jitqies ukoll bħala
qasam importanti li għandu jiġi indirizzat. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa
stabbilit permezz tal-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (TFUE). It-termini ta' żmien għar-reviżjoni
tal-finanzjament tal-UE għall-promozzjoni tal-koeżjoni huma marbuta
mal-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid, kif imsemmi
fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni. Din il-proposta għal Regolament hija
bbażata fuq l-Artikolu 164 TFUE. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE)
Nru […] jistabbilixxi l-qafas għall-azzjoni mill-Fondi Strutturali u
mill-Fond ta' Koeżjoni u jistabbilixxi, b'mod partikolari,
l-għanijiet tematiċi, il-prinċipji u r-regoli dwar
l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u
l-kontroll. Fi ħdan dan il-qafas ġenerali, din
il-proposta tiddefinixxi l-missjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE,
flimkien mal-prijoritajiet ta' investiment assoċjati li jindirizzaw
l-għanijiet tematiċi, u tistabbilixxi dispożizzjonijiet
speċifiċi dwar il-programmi operattivi kofinanzjati mill-FSE u dwar
in-nefqa eliġibbli. L-FSE se jopera fi ħdan il-kuntest
tal-Artikolu 174 TFUE, li jsejjaħ għal azzjoni mill-Unjoni
Ewropea sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali
u territorjali tagħha u tippromwovi żvilupp armonjuż globali
permezz tat-tnaqqis tad-diverġenzi bejn il-livelli tal-iżvilupp
tar-reġjuni u l-promozzjoni tar-reġjuni l-inqas vantaġġati. Kif enfasizzat ir-Reviżjoni
tal-Baġit tal-UE, "il-baġit tal-UE għandu jintuża
sabiex jiffinanzja ġid pubbliku tal-UE, azzjonijiet li l-Istati Membri u
r-reġjuni ma jistgħux jiffinanzjawhom huma stess, jew fejn jista'
jikseb riżultati aħjar"[8].
Din il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà hekk kif inhuma
stabbiliti l-kompiti tal-FSE fit-Trattat u l-politika hija implimentata skont
il-prinċipju tal-ġestjoni konġunta u bir-rispett tal-kompetenzi
istituzzjonali tal-Istati Membri u tar-reġjuni. 4. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI Il-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas
Finanzjarju Multiannwali tinkludi EUR 376 biljun għall-politika
ta' koeżjoni għall-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020. Baġit propost 2014-2020 || EUR biljun || Sehem minimu tal-FSE || Ammont tal-FSE minimu li jirriżulta EUR biljun Reġjuni l-inqas żviluppati Reġjuni ta' tranżizzjoni Reġjuni aktar żviluppati Kooperazzjoni territorjali Fond ta' Koeżjoni Allokazzjoni addizzjonali għal reġjuni l-aktar imbiegħda b'poplazzjoni baxxa || 162.6 38.9 53.1 11.7 68.7 0.926 || 25 % 40 % 52 % - - - || 40.7 15.6 27.6 - - - Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, għat-trasport, l-enerġija u l-ICT || EUR 40 biljun (b'EUR 10 biljuni addizzjonali separati għal użu preċiż fil-Fond ta' Koeżjoni) || - || *Iċ-ċifri
kollha bil-prezzijiet kostanti tal-2011 Bl-għan li tissaħħaħ
l-abbiltà tal-Fondi li jwettqu l-miri ewlenin tal-istrateġija
Ewropa 2020, din il-proposta tistabbilixxi ishma minimi għall-FSE
għal kull kategorija ta' reġjuni definita fil-proposta għal
Regolament Ġenerali. Dan jirriżulta f'sehem minimu globali
għall-FSE ta' 25 % tal-baġit allokat lill-politika ta'
koeżjoni (eskluża l-allokazzjoni lill-Faċilità Nikkollegaw
l-Ewropa), jiġifieri EUR 84 biljun. L-allokazzjoni minima
tal-FSE indikata tinkludi l-baġit (EUR 2,5 biljun) għal
proposta tal-Kummissjoni li ser issir dwar l-appoġġ ta' ikel
għall-persuni l-aktar fil-bżonn. 5. TAQSIRA
TAL-KONTENUT TAR-REGOLAMENT F'termini tal-kamp ta' applikazzjoni, l-abbozz
tar-Regolament tal-FSE għall-2014-2020 jipproponi li l-FSE jimmira erba'
"għanijiet tematiċi" madwar l-Unjoni Ewropea kollha. (i)
il-promozzjoni tal-impjiegi u l-mobbiltà tax-xogħol; (ii) l-investiment
fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; (iii)
il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;
(iv) it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika
effiċjenti. Kull għan tematiku jissarraf f'kategoriji ta' intevent
jew "prijoritajiet ta' investiment". Barra minn hekk, l-FSE
għandu jikkontribwixxi wkoll għal għanijiet tematiċi
oħrajn bħal pereżempju l-appoġġ għall-bidla lejn
ekonomija baxxa fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima u li
tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi, it-tisħiħ
tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,
it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp tekonoliġiku u
l-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-impriżi
żgħar u medji. Hija meħtieġa l-konċentrazzjoni
tal-finanzjament sabiex jinkiseb impatt suffiċjenti u li jista' jintwera.
Sabiex tiġi żgurata din il-konċentrazzjoni, huwa propost li –
l-appoġġ għall-kapaċità
amministrattiva għandha tiġi llimitata għall-Istati Membri
b'reġjuni inqas żviluppati jew eliġibbli għall-Fond ta'
Koeżjoni; –
mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni tal-FSE
għandu jkun ddedikat għall-"promozzjoni tal-inklużjoni
soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar"; –
il-programmi operattivi għandhom jiffokaw
il-finanzjament fuq għadd limitat ta' "prijoritajiet ta'
investiment". Barra minn hekk, l-abbozz tar-Regolament
jiċċara u jsaħħaħ il-kontribuzzjoni tal-FSE
għall-impenn tal-Unjoni biex telimina l-inugwaljanzi bejn in-nisa u
l-irġiel u biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni. L-Istati Membri
għandhom jgħaqqdu approċċ b'saħħtu ta'
mainstreaming u azzjonijiet speċifiċi biex jippromwovu l-ugwaljanza
tas-sessi u n-nondiskriminazzjoni. B'mod simili, l-abbozz tar-Regolament
għandu l-għan li jsaħħaħ l-innovazzjoni soċjali u
l-kooperazzjoni transnazzjonali bl-FSE, permezz ta' inċentiv fil-forma ta'
rata ta' kofinanzjament ogħla għall-assi prijoritarji ddedikati
lilhom, programmar speċifiku u arranġamenti ta' monitoraġġ,
u rwol akbar għall-Kummissjoni fl-iskambju u t-tixrid tal-prassi tajba,
l-azzjonijiet konġunta u r-riżultati madwar l-Unjoni kollha. Fir-rigward tas-sistemi ta'
monitoraġġ u evalwazzjoni, l-abbozz tar-Regolament jipproponi
standards ta' kwalità minimi u grupp ta' indikaturi komuni obbligatorji. Dan
għandu jiżgura li l-monitoraġġ jipproduċi dejta
b'saħħitha u affidabbli li tista' faċilment tiġi aggregata
fil-livell tal-UE u li l-evalwazzjoni tiffoka fuq il-valutazzjoni
tal-effettività u l-impatt tal-appoġġ mill-FSE. L-abbozz tar-Regolament jagħti importanza
kbira lill-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet
mhux governattivi fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u
l-operazzjonijiet tal-FSE. Għal dan l-għan, għar-reġjuni u
l-pajjiżi inqas żviluppati, l-abbozz tar-Regolament jitlob li ammont
xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat għall-azzjonijiet
għall-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali u
l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. L-attivitajiet konġunti mwettqa
mill-imsieħba soċjali se jiġu appoġġati wkoll,
minħabba r-rwol essenzjali tagħhom fil-qasam tal-impjiegi,
l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Bl-istess mod, l-abbozz tar-Regolament
jipproponi għadd limitat ta' regoli speċifiċi ta'
eliġibbiltà biex jiġi ffaċilitat l-aċċess
għall-finanzjament tal-FSE għal benefiċjarji u operazzjonijiet
iżgħar u biex titqies in-natura differenti tal-operazzjonijiet
tal-FSE u t-tip differenti ta' benefiċjarji tal-FSE meta mqabbla ma' Fondi
oħrajn. Sabiex jiġi żgurat li s-simplifikazzjoni tasal
sal-benefiċjarji, l-abbozz tar-Regolament jipproponni li jiġi
estiż l-użu tal-għażliet tal-kosti ssimplifikati,
inkluż il-fatt li l-użu tagħhom isir obbligatorju għal
operazzjonijiet iżgħar. Dawn id-dispożizzjonijiet se jnaqqsu
l-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta'
ġestjoni, isaħħu l-orjentazzjoni tar-riżultati tal-FSE u
jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-rata ta' żbalji. Fl-aħħar nett, huma introdotti
dispożizzjonijiet speċifiċi għal strumenti finanzjarji
sabiex iħeġġu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jgħinu
lill-FSE u b'hekk iżidu l-kapaċità tiegħu biex jiffinanzja
l-azzjonijiet li jappoġġaw l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni
soċjali.
2011/0268 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li
jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 164
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea[9], Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[11], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
Ir-Regolament (UE) Nru […] jistabbilixxi
l-qafas ta' azzjoni mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni,
il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew
għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u jistipula, b'mod partikolari,
l-għanijiet tematiċi, il-prinċipji u r-regoli dwar
l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u
l-kontroll. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi speċifikata
l-missjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, flimkien
mal-prijoritajiet ta' investiment relatati li jindirizzaw l-għanijiet
tematiċi, u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi
dwar it-tip ta' attivitajiet li jistgħu jiġu finanzjati mill-FSE. (2)
L-FSE għandu jtejjeb l-opportunitajiet
tal-impjiegi, jippromwovi l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja u
jiżviluppa politiki ta' inklużjoni attiva skont il-kompiti
mogħtija lill-FSE permezz tal-Artikolu 162 tat-Trattat, u b'hekk
jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
skont l-Artikolu 174 tat-Trattat. Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat,
l-FSE għandu jieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta
mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, mal-garanzija ta’
protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni
soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ
u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. (3)
Il-Kunsill Ewropew
tas-17 ta' Ġunju 2010 talab li l-politiki komuni kollha,
inkluża l-politika ta' koeżjoni, jappoġġaw
l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklussiv"[12].
Sabiex jiġi żgurat l-allinjament sħiħ tal-FSE
mal-għanijiet ta' din l-istrateġija, b'mod partikolari fir-rigward
tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni
soċjali, l-FSE għandu jappoġġa lill-Istati Membri
fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fuq il-linji gwida
wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u
d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki
tal-impjiegi tal-Istati Membri li ġew adottati skont l-Artikoli 121
u 148(4) tat-Trattat. Dan għandu wkoll jikkontribwixxi
għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin, b'mod speċjali
fir-rigward tal-"Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u
l-Impjiegi"[13],
"Żgħażagħ Attivi"[14], u
l-"Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni
Soċjali"[15].
Se jappoġġa wkoll l-attivitajiet fl-inizjattivi "Aġenda
Diġitali"[16]
u l-"Unjoni tal-Innovazzjoni"[17]. (4)
L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi strutturali
li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni ekonomika, il-bidla teknoloġika
u forza tax-xogħol li dejjem qed tiżdied fl-età u nuqqas dejjem
jikber ta' ħiliet u xogħol f'xi setturi u reġjuni.
Is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha aktar minħabba l-kriżi ekonomika
u finanzjarja reċenti, li rriżultat f'livelli ogħla ta'
qgħad, li affettwat b'mod partikolari ż-żgħażagħ
u gruppi vulnerabbli oħra, bħall-migranti. L-FSE għandu jimmira
li jippromwovi l-impjiegi u jappoġġa l-mobbiltà tax-xogħol,
jinvesti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja,
jippromwovi l-inklużjoni soċjali u jiġġieled kontra
l-faqar. Fil-promozzjoni tal-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol
permezz tat-tisħiħ tal-mobbiltà ġeografika transnazzjonali
tal-ħaddiema, l-FSE għandu b'mod partikolari, jappoġġa
s-Servizzi Ewropej tal-Impjiegi (l-attivitajiet tal-EURES) f'dak li għandu
x'jaqsam mar-reklutaġġ u l-informazzjoni relatata, il-pariri u
s-servizzi ta' gwida f'livell nazzjonali u transkonfinali. (5)
Minbarra dawn il-prijoritajiet, fir-reġjuni inqas
żviluppati u l-Istati Membri, u bl-għan li jiżdiedu t-tkabbir
ekonomiku u l-opportunitajiet tal-impjiegi, l-effiċjenza
tal-amministrazzjoni pubblika għandha tittejjeb u l-kapaċità
istituzzjonali tal-partijiet interessati fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni
u l-politiki soċjali għandha tissaħħaħ. (6)
Fl-istess ħin, huwa essenzjali li wieħed
jappoġġa l-iżvilupp u l-kompetittività tal-impriżi
żgħar u medji Ewropej u jiżgura li n-nies jistgħu jadattaw,
permezz tal-kisba tal-ħiliet xierqa u permezz ta' opportunitajiet ta'
tagħlim tul il-ħajja, għal sfidi ġodda bħall-bidla
għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien, l-aġenda
diġitali, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija baxxa fil-karbonju u aktar
effiċjenti fl-enerġija. L-FSE għandu jikkontribwixxi
għall-indirizzar ta' dawn l-isfidi billi jkompli jaħdem
għall-kisba tal-għanijiet tematiċi ewlenin tiegħu. F'dan
il-kuntest, l-FSE għandu jappoġġa t-tranżizzjoni tal-forza
tax-xogħol lejn ħiliet u impjiegi aktar ekoloġiċi, b'mod
partikolari fl-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinovabbli u
s-setturi tat-trasport sostenibbli, filwaqt li titqies l-intenzjoni tal-Unjoni
biex iżżid il-proporzjon tal-baġit tal-UE li huwa relatat
mal-mainstreaming tal-klima għal mill-inqas 20 % b'kontribuzzjonijiet
minn oqsma tal-politika differenti. (7)
L-FSE għandu jikkontribwixxi
għall-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiżgura
konċentrazzjoni akbar ta' appoġġ fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni
Ewropea. L-FSE għandu b'mod partikolari jżid l-appoġġ
tiegħu għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u
l-faqar, permezz ta' allokazzjoni minima separata għal użu
preċiż. Skont il-livell tal-iżvilupp tar-reġjuni
appoġġati, l-għażla u l-għadd ta' prijoritajiet ta'
investiment għall-appoġġ tal-FSE għandhom ukoll ikunu
limitati. (8)
Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ
aktar mill-qrib u valutazzjoni mtejba tar-riżultati miksuba fuq livell
Ewropew permezz ta' azzjonijiet appoġġati mill-FSE, għandu
jiġi stabbilit grupp komuni ta' indikaturi ta' produzzjoni u
riżultati. (9)
L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva
tal-azzjonijiet appoġġati mill-FSE tiddipendi fuq it-tmexxija tajba u
s-sħubija bejn l-atturi territorjali u soċjoekonomiċi relevanti
kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux
governattivi. Għalhekk huwa neċessarju li l-Istati Membri
jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u
l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-implimentazzjoni tal-FSE. (10)
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom
jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE
jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u
l-irġiel skont l-Artikolu 8 tat-Trattat. L-evalwazzjonijiet urew
l-importanza li jitqies l-aspett tas-sessi fid-dimensjonijiet kollha
tal-programmi, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet
speċifiċi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. (11)
Skont l-Artikolu 10 tat-Trattat,
l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE għandhom
jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata
fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew
it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. L-FSE
għandu jappoġġa t-twettiq tal-obbligu skont il-Konvenzjoni
tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet fir-rigward inter
alia tal-edukazzjoni, ix-xogħol u l-impjiegi u
l-aċċessibbiltà. L-FSE għandu wkoll jippromwovi
t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata
fil-komunità. (12)
L-appoġġ għall-innovazzjoni
soċjali huwa essenzjali għat-tfassil ta' politiki li huma aktar
adatti għall-bidla soċjali u biex jitħeġġu u jiġu
appoġġati l-impriżi soċjali innovattivi. B'mod
partikolari, l-ittestjar u l-evalwazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi qabel
l-applikazzjoni tagħhom fuq skala akbar huma essenzjali fit-titjib
tal-effiċjenza tal-politiki u għalhekk dan jiġġustifika
l-appoġġ speċifiku mill-FSE. (13)
Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha valur
miżjud sinifikanti u hija meħtieġa għat-tisħiħ
tar-rwol tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambji tal-esperjenza u
l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi rilevanti. (14)
Il-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati
reġjonali u lokali hija meħtieġa għat-twettiq
tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin tagħha. Il-patti
territorjali, l-inizjattivi lokali għall-impjiegi u l-inklużjoni
soċjali, l-istrateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità
u l-istrateġiji għall-iżvilupp urban sostenibbli jistgħu
jintużaw u jiġu appoġġati biex jinvolvu b'mod aktar attiv
l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-ibliet, l-imsieħba soċjali
u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-implimentazzjoni tal-programmi. (15)
Ir-Regolament (KE) Nru […] jistipula li
r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti
fuq livell nazzjonali, b’xi eċċezzjonijiet li għalihom ikun
meħtieġ li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet speċifiċi
fir-rigward tal-FSE. (16)
Bl-għan li jiġi ssimplifikat l-użu
tal-FSE u biex jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji, u fir-rigward
tal-ispeċifitajiet tal-operazzjonijiet appoġġati mill-FSE, huwa
xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkumplimentaw
l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) Nru […]. (17)
L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom
jitħeġġu sabiex jgħinu lill-FSE permezz ta' strumenti
finanzjarji sabiex jappoġġaw pereżempju l-istudenti,
il-ħolqien tal-impjiegi, il-mobbiltà tal-ħaddiema, l-inklużjoni
soċjali u l-intraprenditorija soċjali. (18)
Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont
l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni għall-istabbiliment
tad-definizzjoni ta' skali standard tal-kosti unitarji u somom f'daqqa u
l-ammonti massimi tagħhom skont tipi differenti ta' operazzjonijiet u
għad-definizzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi
tal-garanziji bbażati fuq il-politiki. Huwa ta’ importanza partikolari li
l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju
tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed
tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura
t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (19)
Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE)
Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li
jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999[18]. Dak
ir-Regolament għandu għalhekk jitħassar, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1
Suġġett Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-missjoni
tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-kamp ta' applikazzjoni
tal-għajnuna tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u
t-tipi ta' nefqa eliġibbli għall-għajnuna. Artikolu 2
Missjoni 1.
L-FSE għandu jippromwovi livelli għoljin
ta' kwalità ta' impjiegi u xogħol, jappoġġa l-mobbiltà
ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema, jiffaċilita
l-adattament tagħhom għall-bidla, iħeġġeġ livell
għoli ta' edukazzjoni u taħriġ, jippromwovi l-ugwaljanza bejn
is-sessi, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni,
isaħħaħ l-inklużjoni soċjali u jiġġieled
kontra l-faqar, u b'hekk ikun qed jikkontribwixxi għall-prijoritajiet
tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tisħiħ tal-koeżjoni
ekonomika, soċjali u territorjali. 2.
Għandu jagħmel dan billi
jappoġġa l-Istati Membri fil-ħidma għall-kisba
tal-prijoritajiet u l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020
għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. L-FSE għandu
jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet,
filwaqt li jqis il-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u
tal-impjiegi tal-Istati Membri[19]
u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programmi tar-Riforma Nazzjonali. 3.
L-FSE għandu jkun ta' benefiċċju
għan-nies, inklużi l-gruppi żvantaġġjati bħal
pereżempju n-nies li jkunu qiegħda fit-tul, in-nies
b'diżabbiltajiet, il-migranti, il-minoritajiet etniċi,
il-komunitajiet marġinalizzati u n-nies li qed jiffaċċjaw
l-esklużjoni soċjali. L-FSE għandu wkoll jipprovdi appoġġ
lill-impriżi, is-sistemi u l-istrutturi bl-għan li jiffaċilita
l-adattament tagħhom għal sfidi ġodda u biex jippromwovi
tmexxija tajba u l-implimentazzjoni tar-riformi, b'mod partikolari fl-oqsma
tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-politiki soċjali. Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
tal-għajnuna 1.
Skont l-għanijiet tematiċi elenkati hawn
taħt, u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […], l-FSE
għandu jappoġġa l-prijoritajiet ta' investiment li ġejjin: (a)
Il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ
għall-mobbiltà fix-xogħol permezz ta': (i) L-aċċess għall-impjiegi
għal dawk li qed ifittxu xogħol u għan-nies li mhumiex attivi,
inkluzi inizjattivi għall-impjiegi lokali u appoġġ
għall-mobbiltà fix-xogħol; (ii) L-integrazzjoni sostenibbli
taż-żgħażagħ li mhumiex qegħdin f'impjieg,
fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ għas-suq tax-xogħol; (iii) L-impjiegi indipendenti,
l-intraprenditorija u l-ħolqien ta' negozji; (iv) L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
u r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; (v) L-adattament tal-ħaddiema,
l-impriżi u l-intraprendituri għall-bidla; (vi) It-tixjiħ attiv u fi stat tajjeb
ta' saħħa; (vii) Il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ
tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, inklużi l-azzjonijiet
għat-tisħiħ tal-mobbiltà transnazzjonali tax-xogħol; (b)
L-investiment fl-edukazzjoni, il-ħiliet u
t-tagħlim tul il-ħajja permezz ta': (i) It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u
l-promozzjoni ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta' kwalità
tajba fil-bidu tat-tfulija, l-edukazzjoni primarja u dik sekondarja; (ii) It-titjib tal-kwalità,
l-effiċjenza u l-ftuħ tal-edukazzjoni terzjarja u ekwivalenti
bl-għan li jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' kisba; (iii) It-tisħiħ
tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib
tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol u ż-żieda
tar-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u
t-taħriġ; (c)
Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u
l-ġlieda kontra l-faqar permezz ta': (i) L-inklużjoni attiva; (ii) L-integrazzjoni tal-komunitajiet
marġinalizzati bħar-Roma; (iii) Il-ġlieda kontra
d-diskriminazzjoni minħabba s-sess, l-oriġini razzjali jew etnika,
ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni
sesswali; (iv) It-tisħiħ tal-aċċess
għal servizzi bi prezz li jista' jintlaħaq, sostenibbli u ta' kwalità
għolja, inkluża l-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali
ta' interess ġenerali; (v) Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali
u l-impriżi soċjali; (vi) Strateġiji lokali
għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità; (d)
It-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u l-amministrazzjoni
pubblika effiċjenti permezz ta': (i) L-investiment fil-kapaċità
istituzzjonali u fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u
s-servizzi pubbliċi bl-għan li jkun hemm riformi, regolamentazzjoni
aħjar u tmexxija tajba;
Din il-prijorità ta' investiment tapplika biss madwar it-territorju tal-Istati
Membri li għandhom mill-inqas reġjun wieħed NUTS
tal-livell 2 kif definit fl-Artikolu 82(2)(a) tar-Regolament (UE)
Nru […] jew fl-Istati Membri li huma eliġibbli għal
appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni. (ii) Il-bini tal-kapaċitajiet
għall-partijiet interessati li joħorġu politiki dwar l-impjiegi,
l-edukazzjoni u soċjali u patti settorjali u territorjali
għall-mobilizzazzjoni tar-riforma f'livell nazzjonali, reġjonali u
lokali. 2.
Permezz tal-prijoritajiet ta' investiment elenkati
fil-paragrafu 1, l-FSE għandu wkoll jikkontribwixxi
għall-għanijiet tematiċi l-oħra elenkati fl-Artikolu 9
tar-Regolament (UE) Nru […], l-aktar billi: (e)
Jappoġġa l-bidla lejn ekonomija baxxa
fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima, li tagħmel
użu effiċjenti tar-riżorsi u ambjentalment sostenibbli, permezz
tar-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-adattament
tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-titjieb tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol,
u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi relatati mal-ambjent u
l-enerġija; (f)
It-titjib tal-aċċessibbiltà, l-użu u
l-kwalità tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, permezz
tal-iżvilupp tal-kompetenza diġitali, l-investiment
fl-inklużjoni diġitali, il-ħiliet diġitali u l-ħiliet
intraprenditorjali relatati; (g)
It-tisħiħ tar-riċerka,
l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoliġiċi, permezz
tal-iżvilupp tal-istudji post universitarji, it-taħriġ
tar-riċerkaturi, l-attivitajiet ta' netwerking u l-isħubiji bejn
istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, iċ-ċentri
tar-riċerka u teknoloġiċi u l-intrapriżi; (h)
It-tisħiħ tal-kompetittività
tal-impriżi żgħar u medji, permezz tal-promozzjoni
tal-adattabbiltà tal-impriżi u l-ħaddiema u aktar investiment
fil-kapital uman. Artikolu 4
Konsistenza u konċentrazzjoni
tematika 1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-istrateġija u l-azzjonijiet stabbiliti fl-Programmi Operattivi huma
konsistenti u jiffokaw fuq l-indirizzar tal-isfidi identifikati fil-Programmi
tar-Riforma Nazzonali u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill rilevanti li saru
skont l-Artikolu 148(4) tat-Trattat, sabiex jikkontribwixxu
għall-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar
l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar. 2.
Mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali
tal-FSE f'kull Stat Membru għandu jiġi allokat lill-għan
tematiku "il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda
kontra l-faqar" stabbilit fl-Artikolu 9(9) tar-Regolament (UE)
Nru […]. 3.
L-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu
l-konċentrazzjoni tematika skont il-modalitajiet li ġejjin: (a)
Għar-reġjuni aktar żviluppati,
l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw 80 % tal-allokazzjoni lil
kull programm operativ fuq sa erbgħa mill-prijoritajiet ta' investiment
stabbiliti fl-Artikolu 3(1). (b)
Għar-reġjuni tranżitorji, l-Istati
Membri għandhom jikkonċentraw 70 % tal-allokazzjoni lil kull
programm operativ fuq sa erbgħa mill-prijoritajiet ta' investiment
stabbiliti fl-Artikolu 3(1). (c)
Għar-reġjuni inqas żviluppati,
l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw 60 % tal-allokazzjoni lil
kull programm operativ fuq sa erbgħa mill-prijoritajiet ta' investiment
stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Artikolu 5
Indikaturi 1.
Għandhom jintużaw indikaturi komuni kif
stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament u indikaturi speċfiċi
għal kull programm skont l-Artikolu 24(3) u 87(2)(b)(ii)
tar-Regolament (UE) Nru […]. L-indikaturi kollha għandhom jiġu
espressi f'numri assoluti.
L-indikaturi tal-produzzjoni komuni u dawk speċifiċi għal kull
programm jirrigwardaw l-operazzjonijiet implimentati parzjalment jew
bis-sħiħ. Fejn ikunu rilevanti għan-natura tal-operazzjonijiet
appoġġati, il-valuri ta' mira kwantifikati kumulattivi għandhom
jiġu stabbiliti għall-2022. L-indikaturi ta' referenza għandhom
jiġu ffissati għal żero.
L-indikaturi tar-riżultati komuni u dawk speċifiċi għal
kull programm jirrigwardaw l-assi prijoritarju jew is-subprijoritajiet
stabbiliti skont assi prijoritarju. L-indikaturi ta' referenza għandhom
jużaw id-dejta l-aktar reċenti disponibbli. Il-valuri ta' mira
kwantifikati kumulattivi għandhom jiġu stabbiliti għall-2022. 2.
Fl-istess żmien tar-rapporti
tal-implimentazzjoni annwali, l-awtorità ta' ġestjoni għandha
titrażmetti dejta strutturata b'mod elettroniku għal kull prijorità
ta' investiment. Id-dejta għandha tkopri l-kategorizzazzjoni u l-indikaturi
tal-produzzjoni u tar-riżultati. Kapitolu II
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ipprogrammar u
l-implimentazzjoni Artikolu 6
Involviment tal-imsieħba 1.
L-involviment tal-imsieħba soċjali u
partijiet interessati oħra, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux
governattivi, fl-implimentazzjoni ta' programmi operattivi, kif imsemmi
fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru […], jista' jieħu l-forma
ta' għotjiet globali kif definit fl-Artikolu 112(7) tar-Regolament
(UE) Nru […]. F'tali każ, il-progamm operativ għandu jidentifika
l-parti tal-programm ikkonċernat mill-għotja globali, inkluża
allokazzjoni finanzjarja indikattiva minn kull assi prijoritarju lilu. 2.
Sabiex titħeġġeġ
parteċipazzjoni xierqa tal-imsieħba soċjali f'azzjonijiet
appoġġati mill-FSE, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm
operattiv f'reġjun kif definit fl-Artikolu 82(2)(a) tar-Regolament
(UE) Nru […] jew fi Stati Membri li huma eliġibbli
għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom
jiżguraw li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat
għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet, fil-forma ta'
taħriġ, miżuri ta' netwerking, u t-tisħiħ tad-djalogu
soċjali, u lil attivitajiet li jitwettqu b'mod konġunt
mill-imsieħba soċjali. 3.
Sabiex titħeġġeġ
parteċipazzjoni xierqa u l-aċċess mill-organizzazzjonijiet mhux
governattivi għal azzjonijiet appoġġati mill-FSE, l-aktar
fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u
l-opportunitajiet indaqs, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm
operattiv f'reġjun kif definit fl-Artikolu 82(2)(a) tar-Regolament
(UE) Nru […] jew fi Stati Membri li huma eliġibbli
għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom
jiżguraw li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat
għall-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet mhux
governattivi. Artikolu 7
Promozzjoni tal-ugwaljanza
bejn l-irġiel u n-nisa L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom
jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-mainstreaming
kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru […] u azzjonijiet
b'mira speċifika kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a)(iv), b'mod
partikolari bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni sostenibbli
u l-progress tan-nisa fl-impjiegi, titnaqqas is-segregazzjoni bbażata fuq
is-sessi fis-suq tax-xogħol, jiġġieldu kontra l-isterjotipi
skont is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jippromwovu
r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja personali
għall-irġiel u n-nisa. Artikolu 8
Promozzjoni
tal-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom
jippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inkluża l-aċċessibbiltà
għall-persuni b'diżabbiltà permezz tal-mainstreaming
tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 7
tar-Regolament (UE) Nru […], u permezz ta' azzjonijiet speċifiċi
fi ħdan il-prijoritajiet ta' investiment kif definit fl-Artikolu 3, u
b'mod partikolari l-Artikolu 3(1)(c)(iii). Tali azzjonijiet għandhom
jimmiraw in-nies li għandhom riskju ta' diskriminazzjoni u nies
b'diżabbiltà, bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni
tagħhom fis-suq tax-xogħol, tissaħħaħ
l-inklużjoni soċjali tagħhom, jitnaqqsu l-inugwaljanzi f'termini
ta' kisba edukattiva u l-istat tas-saħħa u tiġi faċilitata
t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għal dik ibbażata fuq
il-komunità. Artikolu 9
Innovazzjoni soċjali 1.
L-FSE għandu jippromwovi l-innovazzjoni
soċjali fi ħdan l-oqsma kollha li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni
tal-FSE, kif definit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, b'mod
partikolari bl-għan li jiġu ttestjati u mtejba s-soluzzjonijiet
innovattivi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali. 2.
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw temi
għall-innovazzjoni soċjali, li jikkorrispondu
għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fil-programmi
operattivi tagħhom. 3.
Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-bini
tal-kapaċitajiet għall-innovazzjoni soċjali, b'mod partikolari
permezz tal-appoġġ tat-tagħlim reċiproku, l-istabbiliment
ta' netwerks, u t-tixrid tal-prassi tajba u tal-metodoloġiji. Artikolu 10
Koperazzjoni transnazzjonali 1.
L-Istati Membri għandhom jappoġġaw
il-kooperazzjoni transnazzjonali bl-għan li jippromwovu t-tagħlim
reċiproku u b'hekk iżidu l-effettività tal-politiki
appoġġati mill-FSE. Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha
tinvolvi l-imsieħba minn mill-inqas żewġ Stati Membri. 2.
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu temi
għall-kooperazzjoni transnazzjonali minn lista proposta mill-Kummissjoni u
approvata mill-Kumitat tal-FSE. 3.
Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita
l-kooperazzjoni transnazzjonali fit-temi msemmija fil-paragrafu 2 permezz
tat-tagħlim reċiproku u l-azzjoni koordinata jew konġunta. B'mod
partikolari, il-Kummissjoni għandha tħaddem pjattaforma fuq livell
tal-UE biex tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza, il-bini
tal-kapaċitajiet u n-netwerking kif ukoll it-tixrid tar-riżultati
rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas
ta' implimentazzjoni koordinat, inklużi kriterji ta' eliġibbiltà
komuni, tipi u għażla ta' żmien tal-azzjonijiet, u
approċċi metodoloġiċi komuni
għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, bl-għan li tiġi ffaċilitata
l-kooperazzjoni transnazzjonali. Artikolu 11
Dispożizzjonijiet
speċifiċi għall-fondi għall-programmi operattivi 1.
B'deroga mill-Artikolu 87(1) tar-Regolament
(UE) Nru […], il-programmi operattivi jistgħu jistabbilixxu assi
prijoritarju għall-implimentazzjoni tal-innovazzjoni soċjali u
l-kooperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10. 2. B'deroga
mill-Artikolu 109(3) tar-Regolament (UE) Nru […], ir-rata ta'
kofinanzjament massima għal assi prijoritarju għandha tiżdied
b'għaxar punti perċentwali, iżda ma taqbiżx 100 %,
fejn l-assi prijoritarju sħiħ ikun dedikat għall-innovazzjoni
soċjali jew għall-kooperazzjoni transnazzjonali, jew taħlita
tat-tnejn. 3. Minbarra d-dispożizzjoni
magħmula fl-Artikolu 87(3) tar-Regolament (UE) Nru […],
il-programmi operattivi għandhom ukoll jistabbilixxu l-kontribut
tal-azzjonijiet ippjanati appoġġati mill-FSE: (i)
lill-għanijiet tematiċi elenkati
fl-Artikolu 9(1) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru […] għal kull
assi prijoritarju, kif xieraq; (j)
lill-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni
transnazzjonali, kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10, fejn dawn ma jkunux
koperti minn assi prijoritarju dedikat. Artikolu 12
Disposizzjonijiet
speċifiċi fuq it-trattament ta’ karatterisitiċi territorjali
speċjali 1. L-FSE jista'
jappoġġa strateġiji tal-iżvilupp lokali mmexxija
mill-komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE)
Nru […], patti territorajli u inizjattivi lokali għall-impjiegi,
l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll Investimenti
Territorjali Integrati (ITI) kif imsemmi fl-Artikolu 99 tar-Regolamen (UE)
Nru […]. 2. Bħala għajnuna
għall-interventi tal-FEŻR kif imsemmi fl-Artikolu 7
tar-Regolament (UE) Nru [FEŻR], l-FSE jista' jappoġġa
l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistabbilixxu
azzjonijiet integrati sabiex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u
soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani tal-ibliet li huma elenkati
fil-kuntratt ta' sħubija. Kapitolu III
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni finanzjarja Artikolu 13
Eliġibbiltà tan-nefqa 1.
L-FSE għandu jipprovdi appoġġ
għan-nefqa eliġibbli li, minkejja l-Artikolu 109(2)(b)
tar-Regolament (UE) Nru […], jista' jinkludi kwalunkwe riżorsi
finanzjarji kollettivament kostitwiti minn min iħaddem u minn
ħaddiema. 2.
B'deroga għall-Artikolu 60(2)
tar-Regolament (UE) Nru […], l-FSE jista' jipprovdi appoġġ
għan-nefqa li ġġarrbet għall-operazzjonijiet li jsiru 'l
barra miż-żona tal-programm, iżda ġewwa l-Unjoni, sakemm
jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: (k)
l-operazzjoni hija għall-benefiċċju
taż-żona tal-programm; (l)
l-obbligi tal-awtoritajiet għall-programm
relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward
tal-operazzjoni jkunu ssodisfati mill-awtoritajiet responsabbli
għall-programm li taħtu tiġi appoġġata l-operazzjoni
jew jidħlu fi ftehim mal-awtoritajiet fl-Istati Membri li fihom qed
tiġi implimentata l-operazzjoni sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti
fil-paragrafu 2(a) u l-obbligi relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u
l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni jkunu ssodisfati. 3.
Minbarra n-nefqa msemmija fl-Artikolu 59(3)
tar-Regolament (UE) Nru […], ix-xiri tal-infrastruttura, l-art u
l-proprjetà ma għandux ikun eliġibbli għal kontribut mill-FSE. 4.
Il-kontributi materjali fil-forma ta' għotjiet
jew salarji maħruġa minn parti terza għall-benefiċċju
tal-parteċipanti f'operazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal
kontribut mill-FSE sakemm il-valur tagħhom ma jaqbiżx il-kost
mġarrab mill-parti terza u li jkun mġarrab skont ir-regoli
nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabbiltà. Artikolu 14
Għażliet tal-kosti
simplifikati 1.
Minbarra l-metodi msemmija fl-Artikolu 57
tar-Regolament (UE) Nru […], il-Kummissjoni tista' tħallas lura
n-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskali standard
tal-kosti unitarji u s-somom f'daqqa definiti mill-Kummissjoni. L-ammonti
kkalkulati fuq din il-bażi għandhom jitqiesu bħala
appoġġ pubbliku mħallas lill-benefiċjarji u bħala
nefqa eliġibbli għall-iskop li jiġi applikat ir-Regolament (UE)
Nru […]. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni għandu
jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 dwar
it-tip ta' operazzjonijiet koperati, id-definizzjonijiet tal-iskali standard
tal-kosti unitarji u s-somom f'daqqa u l-ammonti massimi tagħhom, li
jistgħu jiġu aġġustati skont il-metodi normalment miftiehma
applikabbli. L-awditjar finanzjarju għandu jimmira
esklussivament li jivverifika li l-kundizzjonijiet għall-ħlas lura
mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-iskali standard tal-kosti unitarji u
s-somom f'daqqa jkunu ġew ssodisfati. Meta jintużaw dawn il-forom ta' finanzjament,
l-Istat Membru jista' japplika l-prattiki tal-kontabbiltà tiegħu
għall-appoġġ tal-operazzjonijiet. Għall-iskop ta' dan
ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru […] dawn il-prattiki tal-kontabbiltà
u l-ammonti li jirriżultaw ma għandhomx ikunu soġġetti
għall-awditjar mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni. 2.
Skont l-Artikolu 57(1)(d) u (4)(d)
tar-Regolament (UE) Nru […], tista' tintuża rata fissa sa 40 %
tal-kosti tal-persunal diretti eliġibbli sabiex tkopri l-kosti
eliġibbli ta' operazzjoni li jifdal. 3.
L-għotjiet li jitħallsu lura fuq
il-bażi tal-kost eliġibbli tal-operazzjonijiet, determinati permezz
ta' finanzjament b'rata fissa, skali standard ta' kosti unitarji u somom
f'daqqa kif imsemmi fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) Nru […]
jistgħu jiġu kkalkulati fuq bażi ta' kull każ b'referenza
għal abbozz ta' baġit miftiehem ex ante mill-Awtorità ta'
Tmexxija, fejn l-appoġġ pubbliku ma jaqbiżx
l-EUR 100 000. 4.
L-għotjiet li għalihom l-appoġġ
pubbliku ma jaqbiżx l-EUR 50 000 għandhom jieħdu
l-forma ta' somom f'daqqa jew skali standard ta' kosti unitarji, għajr
għall-operazzjonijiet li jirċievu appoġġ fi ħdan
il-qafas ta' skema ta' għajnuna mill-istat.
Artikolu 15
Strumenti finanzjarji 1.
Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE)
Nru […], l-FSE jista' jappoġġa azzjonijiet u politiki li jaqaw
fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu permezz ta' strumenti finanzjarji,
bħall-iskemi tal-qsim tar-riskju, l-ekwità u d-dejn, fondi ta' garanzija,
fondi ta' investiment u fondi ta' self. 2.
L-FSE jista' jintuża
għat-tisħiħ tal-aċċess għas-swieq tal-kapital
għal korpi pubbliċi u privati fuq livelli nazzjonali u reġjonali
li jimplimentaw azzjonijiet u politiki li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni
tal-FSE u l-programm operattiv permezz ta' "garanziji tal-FSE bbażati
fuq il-politiki" sakemm il-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa
li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 sabiex tiddefinixxi r-regoli
u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjonijiet tal-Istati
Membri, inklużi l-limiti, għall-garanziji bbażati fuq
il-politiki, filwaqt li tiżgura b'mod partikolari li l-użu
tagħhom ma jwassalx għal livelli eċċessivi ta' dejn
tal-korpi pubbliċi. Kull applikazzjoni għandha tiġi
vvalutata mill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tapprova kull
"garanzija tal-FSE bbażata fuq il-politiki" sakemm din taqa'
fil-qasam ta' attività tal-Programm Operattiv imsemmi fl-Artikolu 87
tar-Regolament (UE) Nru […] u sakemm tkun konformi mar-regoli u
l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti.
Kapitolu IV
Delega tas-setgħa u dispożizzjonijiet finali Artikolu 16
Eżerċizzju
tad-delega 1.
Is-setgħa sabiex jiġu adottati atti
ddelegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti
f’dan l-Artikolu. 2.
Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikoli 14(1) u 15(2) għandha tingħata għal perjodu ta'
żmien indeterminat mill-1 ta' Jannar 2014. 3.
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-ewwel
subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u fit-tieni subparagrafu
tal-Artikolu 15(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka
għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik
id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva mill-jum wara
l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma
għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà
fis-seħħ. 4.
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni
għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5.
Att delegat adottat skont l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 14(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2)
għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm
oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta’
xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew
jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak
il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva
tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill. Artikolu 17
Revoka Ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1081/2006 huwa b’dan irrevokat b’effett
mill-1 ta’ Jannar 2014. Ir-referenzi għar-Regolament
imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan
ir-Regolament. Artikolu 18
Klawżola ta’
reviżjoni Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom
jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020 skont
l-Artikolu 164 tat-Trattat. Artikolu 19
Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS
Indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati komuni għall-investimenti
tal-FSE (1)
Indikaturi tal-produzzjoni komuni dwar
il-parteċipanti Il-parteċipanti[20]
jirreferu għal persuni li jibbenefikaw direttament minn investiment
tal-FSE u li jistgħu jiġu identifikati u jintalbu
l-karatteristiċi tagħhom, u li għalihom tiġi mwarrba nefqa
speċifika. Benefiċjarji oħra ma għandhomx jitqiesu
bħala parteċipanti. · persuni qiegħda, inklużi dawk qiegħda għal perjodu
ta' żmien twil* · il-persuni qiegћda gћal żmien twil* · inattivi* · inattivi, mhux li qed jedukaw irwieħhom jew qed
jitħarrġu* · impjegati, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom* · ta' taħt il-25 sena* · 'il fuq minn 54 sena* · b'edukazzjoni primarja (ISCED 1) jew sekondarja baxxa (ISCED 2)* · b'edukazzjoni sekondarja għolja (ISCED 3) jew edukazzjoni post
sekondarja (ISCED 4)* · b'edukazzjoni terzjarja (ISCED 5 to 8)* · migranti, persuni bi sfond barrani, minoritajiet (inklużi
l-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma)** · il-persuni b’diżabbiltà** · persuni żvantaġġjati oћra** L-għadd totali tal-parteċipanti huwa
kkalkulat awtomatikament fuq il-bażi tal-indikaturi tal-produzzjoni. Din id-dejta dwar il-parteċipanti li
jidħlu f'operazzjoni appoġġata mill-FSE għandha tiġi
pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat
fl-Artikolu 44(1) u (2) u l-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE)
Nru […]. Id-dejta kollha għandha titqassam skont is-sess.
(2)
L-indikaturi tal-produzzjoni komuni
għall-entitajiet · għadd ta' proġetti implimentati bis-sħiħ jew
parzjalment mill-imsieħba soċjali jew l-organizzazzjonijiet mhux
governattivi · għadd ta' proġetti li jimmiraw l-amministrazzjonijiet
pubbliċi jew is-servizzi pubbliċi · għadd ta' mikroimpriżi u impriżi żgħar u medji
appoġġati Din id-dejta għandha tiġi pprovduta
fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat
fl-Artikolu 44(1) u (2) u l-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE)
Nru […].
(3)
Indikaturi tar-riżultati immedjati komuni dwar
il-parteċipanti · parteċipanti inattivi li meta telqu kienu bdew ifittxu impjieg · parteċipanti li meta telqu kienu fl-edukazzjoni/taħriġ · parteċipanti li meta telqu kisbu kwalifika · parteċipanti li meta telqu sabu impjieg Din id-dejta għandha tiġi pprovduta
fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat
fl-Artikolu 44(1) u (2) u l-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE)
Nru […]. Id-dejta kollha għandha titqassam skont is-sess.
(4)
Indikaturi tar-riżultati fuq żmien itwal
komuni dwar il-parteċipanti · parteċipanti li sabu impjieg sitt xhur wara li telqu · parteċipanti li sabu impjieg għal rashom sitt xhur wara li
telqu · parteċipanti b'sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol imtejba sitt
xhur wara li telqu Din id-dejta għandha tiġi pprovduta
fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 44(4)
tar-Regolament (UE) Nru […]. Għandha tinġabar fuq il-bażi
ta' kampjun rappreżentattiv ta' parteċipanti f'kull assi prijoritarju
jew subprijoritarju. Il-validità interna tal-kampjun għandu jiġi żgurat
b'tali mod li d-dejta tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell tal-assi
prijoritarju jew subprijoritarju. Id-dejta kollha għandha titqassam skont
is-sess. [1] Il-ħames
Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali,
Novembru 2010. [2] il-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-parlamenti
nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, COM(2010) 700,
19.10.2010. [3] il-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit
għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500, 29.6.2011. [4] Dokument
ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Ir-riżultati
tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport
dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, SEC(2011) 590
finali, 13.5.2011 [5] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali
Ewropew, P7_TA(2010)0357
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010
dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara
l-2013, P7_TA(2010)0356. [6] ĠU C 132/8, 3/05/2011. [7] ĠU
C 166/08, 7/06/2011. [8] COM(2010)
700, 19.10.2010. [9] ĠU C
, , p. . [10] ĠU C
, , p. . [11] ĠU C
, , p. . [12] COM(2010)
2020 finali, 3.3.2010 [13] COM (2010) 682 finali, 23.11.2010 [14] COM(2010) 477 finali, 15.09.2010 [15] COM(2010) 758 finali, tat-16.12.2010 [16] COM(2010) 245 finali/2, 26.8.2010. [17] COM(2010)
546 finali, 6.10.2010 [18] ĠU
L 210, 31.7.2006, p. 12. [19] Ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali
għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (ĠU
L 191, 23.7.2010, p. 28–34) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill
tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika
tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010,
p. 46–51). [20] L-arranġamenti
tal-ipproċessar tad-dejta stabbiliti mill-Istati Membri għandhom
ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Direttiva 95/46 tal-24 ta' Ottubru 1995
dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta
personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, b'mod partikolari
l-Artikoli 7 u 8 tagħha.
Id-dejta rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'* hija dejta personali skont
l-Artikolu 7 tad-Direttiva msemmija hawn fuq. L-ipproċessar
tagħha ikun meħtieġ għall-konformità mal-obbligazzjoni
legali li għaliha l-kontrollur huwa soġġett
(l-Artikolu 7(c)). Għad-definizzjoni ta' kontrollu, ara
l-Artikolu 2 tad-Direttiva msemmija hawn fuq.
Id-dejta rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'** hija dejta ta' kategorija
speċjali skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva msemmija hawn fuq.
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa,
l-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ interess pubbliku
sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żjieda ma dawk stabbiliti
fl-Artikolu 8(2), permezz tal-liġi nazzjonali jew
b’deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni
(l-Artikolu 8(4)).