Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0602

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

/* KUMM/2011/0602 finali - 2011/0256 (NLE) */

52011PC0602

/* KUMM/2011/0602 finali - 2011/0256 (NLE) */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Abbażi tal-mandat mogħti lilha mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw tas-17 ta’ Marzu 2008. Wara dawn in-negozjati, fil-15 ta’ Ġunju 2011, ġie inizjalat protokoll ġdid, li jkopri perjodu ta’ sena li jibda mis-16 ta’ Ġunju 2011, filwaqt li l-Protokoll fis-seħħ skada fil-15 ta’ Ġunju 2011.

Il-protokoll il-ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija ntbagħat lill-Kunsill sabiex dan japprova l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu. Intbagħat ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament għall-finijiet tal-konklużjoni tiegħu.

Il-protokoll jipprovdi għal opportunitajiet tas-sajd fil-kategoriji tas-sajd li ġejjin:

- 4 400 tunnellaġġ gross reġistrat (TGR) għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-gambli

- 4 400 TGR għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir tal-ħut u ċ-ċefalopodi

- 23 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni/bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

- 14-il bastiment tas-sajd għat-tonn bix-xlief u l-qasab.

Għandu jiġi ddefinit il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

2011/0256 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw[2] (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-ftehim ta’ sħubija”).

(2) Fil-15 ta’ Ġunju 2011 ġie inizjalat protokoll ġdid għall-ftehim ta’ sħubija (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-protokoll il-ġdid”). Dan il-protokoll jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet li fuqhom il-Ginea Bissaw għandha s-sovranità jew li fihom tapplika l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tas-sajd.

(3) Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru .../2011/UE[3][4] dwar l-iffirmar tal-protokoll il-ġdid u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(4) Il-mod li bih jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-protokoll il-ġdid.

(5) Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[5], f’każ li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-protokoll il-ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ li ma tintbagħatx risposta, fi żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jużaw għal kollox l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul il-perjodu kkonċernat. Jeħtieġ li din l-iskadenza tiġi stabbilita.

(6) Minħabba li l-protokoll li kien hemm fis-seħħ skada fil-15 ta’ Ġunju 2011, dan ir-Regolament għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2011,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti mill-protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(a) is-sajd għall-gambli:

Spanja | 1 421 TGR |

L-Italja | 1 776 TGR |

Il-Ġreċja | 137 TGR |

Il-Portugall | 1 066 TGR |

(b) is-sajd għall-ħut u ċ-ċefalopodi:

Spanja | 3 143 TGR |

L-Italja | 786 TGR |

Il-Ġreċja | 471 TGR |

(c) il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja | 10 bastimenti |

Franza | 9 bastimenti |

Il-Portugall | 4 bastimenti |

(d) il-bastimenti tas-sajd bix-xlief u l-qasab:

Spanja | 10 bastimenti |

Franza | 4 bastimenti |

2. Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr ħsara għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw.

3. Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-protokoll, il-Kummissjoni tqis it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

4. L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lilhom skont il-Ftehim, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta’ għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Għandu jibda japplika mis-16 ta’ Ġunju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Adottat fis-27 ta’ Settembru 2010 mill-Kunsill għall-Agrikoltura u s-Sajd.

[2] ĠU L 75, 18.3.2008, p. 49.

[3] ĠU C … * .

[4] ĠU: referenzi tad-dokument numru 9791/11.

[5] ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

Top