Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0600

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

/* KUMM/2011/0600 finali - 2011/0262 (COD) */

52011PC0600

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù /* KUMM/2011/0600 finali - 2011/0262 (COD) */


Memorandum ta' Spjegazzjoni

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tikkonċerna t-tidħil fil-liġi Ewropea tal-klawsola ta' salvagwardja u tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni previsti fil-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù.

Il-Kuntest Ġenerali

Fid-19 ta' Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-pajjiżi membri tal-Komunità Andina li rriżultaw fi Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u mal-Perù. Il-Ftehim ġie inizjalat fit-23 ta' Marzu 2011.

Il-Ftehim jinkludi klawsola ta' salvagwardja bilaterali li tipprevedi l-possibbiltà li terġa' tiddaħħal ir-rata ta' dazju doganali għall-Iżjed Pajjiż Ippreferut meta, bħala riżultat tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, l-importazzjonijiet jiżdiedu tant, u f'kundizzjonijiet li jikkawżaw (jew ikun hemm il-periklu li jikkawżaw) dannu serju lill-Industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew prodott li jikkompeti direttament.

Barra minn hekk, il-ftehim jinkorpora wkoll Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li skontu, sal-1 ta' Jannar 2020, jistgħu jiġu sospiżi d-dazji doganali preferenzjali meta l-volum ta' importazzjoni jasal f'ċertu punt.

Biex dawn il-miżuri jkunu jistgħu jitħaddmu, il-klawsola ta' salvagwardja u l-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-liġi tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġ li jiġu speċifikati l-aspetti proċedurali tal-applikazzjoni tagħhom kif ukoll id-drittijiet tal-partijiet interessati.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMI TAL-IMPATT

Din il-proposta għal Regolament ta' implementazzjoni hija meħuda direttament mit-test tal-Ftehim innegozjat mal-Kolombja u mal-Perù. Għaldaqstant mhijiex meħtieġa ebda konsulta separata mal-partijiet interessati u lanqas stima tal-impatt. Il-proposta hija b'mod ġenerali bbażata fuq regolamenti ta' implimentazzjoni eżistenti.

3            L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża tikkostitwixxi strument ġuridiku għall-implimentazzjoni tal-klawsola ta' salvagwardja u tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù.

Il-Bażi Ġuridika

L-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2011/0262 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[1],

Billi:

(1) Fid-19 ta' Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar il-kummerċ multilaterali f'isem l-Unjoni Ewropea mal-Pajjiżi Membri tal-Komunità Andina li kellhom l-istess għan ta' ftehim ambizzjuż, komprensiv u bilanċjat.

(2) Dawn in-negozjati ntemmew u l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù (minn hawn 'il quddiem imsemmi "l-Ftehim") ġie inizjalat fit-23 ta' Marzu 2011 u, konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru .../2011/UE tal-...[2] il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea fil-..., soġġett għall-konklużjoni tiegħu 'il quddiem. Fil-(...), il-Ftehim kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Minn hemm 'il quddiem il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru .../2011 tal-...[3] malli ġie konkluż il-Ftehim.

(3) Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u għall-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li ġie miftiehem mal-Kolombja u mal-Perù.

(4) It-termini "dannu serju", "theddida ta' dannu serju" u "perjodu ta' tranżizzjoni" kif imsemmija fl-Artikolu 48 tal-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti.

(5) Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jitqiesu biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u f'kundizzjonijiet li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 48 tal-Ftehim.

(6) Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom ikunu minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 50 tal-Ftehim.

(7) Il-kompiti tat-twettiq tal-investigazzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(8) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ tal-proċedimenti. Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif li jinkludi l-evidenza disponibbli mill-Istati Membri dwar kull xejra fl-importazzjonijiet li tista’ teħtieġ l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(9) Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie biex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta' proċediment, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż kif previst fl-Artikolu 51 tal-Ftehim f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet, aċċess għat-tagħrif miġbur u spezzjonijiet imwettqa mill-partijiet interessati, seduti ta' smigħ għall-partijiet involuti u l-opportunità għal dawk il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 51 tal-Ftehim.

(11) Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kolombja u lill-Perù bil-miktub bil-ftuħ ta' investigazzjoni u tikkonsulta mal-Kolombja u mal-Perù kif previst fl-Artikolu 49 tal-Ftehim.

(12) Huwa wkoll meħtieġ, skont l-Artikolu 51(4) tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet u għad-determinazzjoni dwar humiex xierqa jew le l-miżuri, bil-ħsieb li jiġi żgurat li d-determinazzjoni ssir malajr, biex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(13) Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta' kull miżura ta' salvagwardja, bir-riżerva li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri provviżorji f'ċirkostanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 53 tal-Ftehim.

(14) Miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien, kif jista' jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul ta’ żmien massimu tal-miżuri ta’ salvagwardja għandu jkun iddeterminat u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 52 tal-Ftehim.

(15) L-implimentazzjoni tal-klawsola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim teżiġi kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja provviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza preventivi, għat-tmiem ta' investigazzjoni mingħajr miżuri u għas-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali stabbilit skont il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li ġie miftiehem mal-Kolombja u mal-Perù. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[4].

(16) Huwa xieraq li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta' sorveljanza u dawk provviżorji minħabba l-effetti ta' dawn il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f'rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja definittivi. Meta dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa hu meħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tadotta minnufih il-miżuri provviżorji applikabbli.

(17) Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni u fil-Kolombja u l-Perù,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ta' salvagwardja

Artikolu 1 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "prodotti" tfisser oġġetti li joriġinaw fl-Unjoni jew fil-Kolombja jew fil-Perù. Prodott soġġett għal investigazzjoni jista' jkopri linja tariffarja waħda jew diversi linji tariffarji jew sottosegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b'mod komuni fl-industrija tal-Unjoni;

(b) "partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

(c) "industrija tal-Unjoni" tfisser il-produtturi tal-Unjoni kollha kemm hi ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta, li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produttività kollettiva tagħhom ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk il-prodotti. Fil-każi fejn prodott simili jew prodott f’kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin minn produtturi li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni, l-industrija għandha tkun definita bhala l-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

(d) "dannu serju" tfisser ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni;

(e) "theddida ta’ dannu serju" tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar. Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju għandha tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, fuq suppożizzjoni jew fuq possibbiltà remota. It-tbassir, l-istimi u l-analiżijiet magħmulin fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), għandhom, inter alia, jitqiesu sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju;

(f) "perjodu ta' tranżizzjoni" tfisser 10 snin mid-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim għal kull prodott li dwaru l-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tipprevedi perjodu ta' tneħħija tat-tariffi ta' inqas minn 10 snin. Għal dawk il-prodotti li dwarhom l-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tipprevedi tneħħija fuq perjodu ta' 10 snin jew iżjed, it-terminu "perjodu ta' trażmissjoni" ifisser il-perjodu ta' tneħħija għall-prodotti stabbilit fl-Iskeda u tliet snin miżjuda miegħu.

Artikolu 2 Prinċipji

1. Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi imposta b'konformità ma' dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina mill-Kolombja jew mill-Perù, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji fuqu, jiġi importat fl-Unjoni bi kwantitajiet tant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u f'kundizzjonijiet tali li jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew prodott li jikkompeti miegħu direttament.

2. Il-miżuri ta' salvagwardja jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

(a) sospensjoni ta' aktar tnaqqis fir-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat stipulat fl-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Unjoni Ewropea, stabbilita fl-Anness I tal-Ftehim;

(b) żieda tar-rata ta' dazju doganali fuq il-prodott sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

– ir-rata applikata ta' dazju doganali tan-nazzjon l-aktar iffavorit ("MFN") fuq il-prodott li tkun effettiva fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew

– ir-rata tal-bażi kif speċifikata fl-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Unjoni Ewropea, stabbilita fl-Anness I tal-Ftehim.

Artikolu 3 Il-ftuħ tal-proċedimenti

1. Għandha tinfetaħ investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), li tiġġustifika tali ftuħ.

2. It-talba biex tinbeda investigazzjoni għandu jkollha evidenza li l-kundizzjonijiet biex tkun imposta l-miżura ta’ salvagwardja indikata fl-Artikolu 2(1) ikunu sodisfatti. Normalment it-talba jrid ikun fiha t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda, u l-bidliet fil-livell ta' bejgħ, ta' produzzjoni, ta' produttività, ta' użu tal-kapaċità, ta' qligħ u telf, u tal-impjiegi.

3. Tista’ tinbeda wkoll investigazzjoni fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

4. Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet mill-Kolombja jew mill-Perù jkunu jidhru li jirrikjedu miżuri ta' salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jinkludi l-provi disponibbli kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5). Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha.

5. Meta jkun jidher li hemm biżżejjed provi prima facie kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5) li jiġġustifikaw ftuħ ta' proċediment il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ għandu jseħħ fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba skont il-paragrafu 1.

6. L-avviż imsemmi fil-paragrafu 5 għandu:

(a) jagħti sommarju tat-tagħrif li jasal, u jeżiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(b) jiddikjara l-perjodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul l-investigazzjoni;

(c) jiddikjara l-perjodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 4(9).

Artikolu 4 L-investigazzjoni

1. Wara l-ftuħ tal-proċediment, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni. Il-perjodu kif stipulat fil-paragrafu 3 għandu jibda dakinhar li tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Il-Kummissjoni tista' titlob li l-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jissodisfaw din it-talba. Jekk dan it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11, għandu jiżdied mal-fajls mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8.

3. L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tagħha. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta' numru aktar għoli mis-soltu ta' partijiet jew ta' sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kull estensjoni ta’ dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għal din l-estensjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li hu meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1), u, fejn jidhrilha li jkun xieraq, tfittex li tivverifika dan it-tagħrif.

5. Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-fatturi kollha rilevanti ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet żejda, it-tibdil fil-livell tal-bejgħ, il-produzzjoni, il-produttività, l-użu tal-kapaċità, il-qligħ u t-telf, u l-impjieg. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista’ tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħalma huma l-istokkijiet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew li diġà jkunu kkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

6. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw irwieħhom skont l-Artikolu 3(6)(b) u r-rappreżentanti tal-Kolombja jew tal-Perù jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tqiegħed għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw irwieħhom jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif lill-Kummissjoni. Dawk il-fehmiet għandhom jiġu meqjusa meta jkunu mirfuda b’biżżejjed provi prima facie.

7. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dejta u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu disponibbli, jinftiehmu, u jkunu trasparenti u verifikabbli.

8. Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku meħtieġ, għandha tiżgura l-aċċess bl-internet protett b'password għall-fajl mhux kunfidenzjali ("pjattaforma onlajn"), li hija għandha tiġġestixxi u li permezz tiegħu għandu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11. Il-partijiet interessati fl-investigazzjoni, kif ukoll l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw aċċess għal din il-pjattaforma onlajn.

9. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati, b'mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu ta' żmien stipulat fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li fil-verità x’aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment.

          Il-Kummissjoni għandha tisma’ lil dawn il-partijiet f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex dawn jerġgħu jinstemgħu.

10. Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, jistgħu jinsiltu riżultati abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, ma għandhiex tagħti kas ta’ dan it-tagħrif u tista’ tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

11. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Kolombja jew lill-Perù bil-miktub dwar bidu ta' investigazzjoni u dwar l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji jew definittivi.

Artikolu 5

Miżuri ta’ sorveljanza preventivi

1. Fejn it-tendenza fl-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina fil-Kolombja jew fil-Perù tkun tali li tkun tista' twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 u 3, l-importazzjonijiet ta' dak il-prodott jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta' sorveljanza preventiva.

2. Il-miżuri ta' sorveljanza preventiva għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2).

3. Il-miżuri ta’ sorveljanza preventiva għandu jkollhom perjodu limitat ta’ validità. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta' sitt xhur ta' wara l-ewwel sitt xhur mill-introduzzjoni tal-miżuri.

Artikolu 6

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji

1. Għandhom jiġu applikati miżuri ta' salvagwardja provviżorji f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jista' jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5) li hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina mill-Kolombja jew mill-Perù jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew tal-eliminazzjoni ta' dazju doganali skont l-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Unjoni Ewropea stabbilita fl-Anness I tal-Ftehim, u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta' dan, lill-industrija tal-Unjoni.

Il-miżuri provviżorji għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'mod konformi mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2). F’każi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, inkluż fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja provviżorji applikabbli minnufih b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(4).

2. Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

3. Il-miżuri provviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum.

4. Jekk il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1), kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta' dawn il-miżuri provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

5. Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara li jidħlu fis-seħħ. Madakollu, dawn il-miżuri ma għandhomx jipprevjenu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li diġà jinsabu fi triqthom lejn l-Unjoni bil-kundizzjoni li d-destinazzjoni tagħhom ma tkunx tista’ tinbidel.

Artikolu 7 Terminazzjoni tal-investigazzjoni u proċedura mingħajr miżuri

1. Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ma jkunux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jintemmu l-investigazzjoni u l-proċediment b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(3).

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11, rapport fejn tippreżenta s-sejbiet tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar kull konsiderazzjoni rilevanti ta' fatti u ta' liġi.

Artikolu 8 Impożizzjoni ta' miżuri definittivi

1. Fejn il-fatti kif jiġu stabbiliti fl-aħħar nett juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtoritajiet tal-Kolombja jew tal-Perù għall-konsulti skont l-Artikolu 49 tal-Ftehim. Fejn ma tinsabx soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 45 jum, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni li timponi miżuri ta' salvagwardja definittivi skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3).

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11, rapport li jkun fih sommarju tal-fatti materjali u l-konsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni.

Artikolu 9 Tul ta’ żmien u reviżjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja

1. Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jitranġa dannu serju u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġġedded skont il-paragrafu 3.

2. Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni skont il-paragrafu 3, tul kull perjodu ta' estensjoni.

3. Il-perjodu inizjali tat-tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja jista' jiġġedded b'mod eċċezzjonali sa mhux iktar minn sentejn, kemm-il darba jiġi ddeterminat li l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew biex jitranġa dannu serju u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament; u li hemm biżżejjed evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta.

4. Qabel kull estensjoni skont il-paragrafu 3, għandha tinfetaħ investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed provi prima facie, li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

5. Il-bidu ta' investigazzjoni għandu jkun ippubblikat skont l-Artikolu 3(5) u 3(6). L-investigazzjoni u kull deċiżjoni dwar estensjoni skont il-paragrafu 3 għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 7 u 8.

6. Iż-żmien sħiħ ta' miżura ta' salvagwardja, inkluża xi miżura provviżorja, ma jistax jaqbeż l-erba' snin.

7. Ebda miżura ta' salvagwardja ma għandha tiġi applikata wara l-għeluq tal-perjodu tranżizzjonali.

8. L-ebda miżura ta’ salvagwardja ma għandha tiġi applikata għall-importazzjoni ta’ prodott li qabel kien soġġett għal miżura ta’ din ix-xorta, ħlief darba għal perjodu ta’ żmien ekwivalenti għal nofs dak li matulu kienet ġiet applikata din il-miżura, sakemm il-perjodu ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni jkun, tal-inqas, sena.

Artikolu 10

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea

Fejn xi prodott li jkun joriġina mill-Kolombja jew mill-Perù jkun qed jiġi impurtat fi kwantitajiet tant miżjuda u f'kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw deterjorazzjoni serja fil-qagħda ekonomika ta' xi wieħed jew ta' għadd tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea msemmijin fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tista' tiġi imposta miżura ta' salvagwardja skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan il-kapitolu.

Artikolu 11 Kunfidenzjalità

1. It-tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.

2. L-ebda tagħrif ta' natura kunfidenzjali jew xi tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-permess speċifiku ta' min jipprovdi dan it-tagħrif.

3. Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif huwa kunfidenzjali. Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif ma jixtieqx la li jagħmlu pubbliku u lanqas li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f’termini ġenerali jew f’għamla ta’ taqsira, u jekk ikun jidher li t-talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata, dan it-tagħrif jista’ ma jitqiesx.

4. It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx ikollu effett negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 12 Proċedura ta' kumitat

1. The Commission shall be assisted by the Committee established by Article 4(1) of Council Regulation (EC) No 260/2009 of 26 February 2009 on the common rules for imports[5]. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, b’rabta mal-Artikolu 4 tiegħu.

Kapitolu II – Il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana

Artikolu 13

Il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana

1. Għall-banana li toriġina mill-Kolombja jew mill-Perù taħt l-intestatura 0803.00.19 tan-Nomenklatura Magħquda (Banana friska, minbarra pjantaġġini) u elenkata taħt il-kategorija tal-istadju "BA" fl-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Unjoni Ewropea stipulata fl-Anness I tal-Ftehim, għandu japplika mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni sal-1 ta' Jannar 2020.

2. Volum ta' importazzjoni annwali ta' skattament huwa stabbilit għall-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, kif indikat fit-tielet u r-raba' kolonni tat-tabella fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Ladarba l-volum ta' skattament jew għall-Kolombja jew għall-Perù jintlaħaq matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni tista' skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(3), tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali li jiġi applikat għall-prodotti ta' oriġini korrispondenti matul l-istess sena għal mhux aktar minn tliet xhur u li ma jaqbiżx tmiem is-sena kalendarja.

3. Fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tissospendi d-dazju doganali preferenzjali applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika l-inqas rata tar-rata ta' bażi tad-dazju doganali jew ir-rata ta' dazju doganali tal-pajjiż l-aktar preferut (MFN) li tkun qed tintuża dak iż-żmien li tittieħed l-azzjoni.

4. Fil-każ li l-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, għandha minnufih tibda l-konsulti mal-pajjiż affettwat (jew il-Kolombja, jew il-Perù, jew it-tnejn li huma) biex issir analiżi u valutazzjoni tal-qagħda abbażi tad-dejta attwali disponibbli.

5. Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jkunu applikabbli biss waqt il-perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2019.

Kapitolu III Id-dispożizzjonijiet finali

Artikolu 14 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kif previst fl-Artikolu 330 tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

Anness

Tabella li turi l-volumi ta' importazzjoni ta' skattament għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-banana stipulat fit-Taqsima B tal-Appendiċi I tal-Anness I: għall-Kolombja, is-Sottotaqsima 1A, punt 1(n) u għall-Perù s-Sottotaqsima 2A, punt 1(i).

Sena || Volum ta' importazzjoni ta' skattament għall-Kolombja || Volum ta' importazzjoni ta' skattament għall-Perù

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2010 || 1 350 000 t. || 67 500 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2011 || 1 417 500 t. || 71 250 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012 || 1 485 000 t. || 75 000 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2013 || 1 552 500 t. || 78 750 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014 || 1 620 000 t. || 82 500 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2015 || 1 687 500 t. || 86 250 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2016 || 1 755 000 t. || 90 000 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2017 || 1 822 500 t. || 93 750 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2018 || 1 890 000 t. || 97 500 t.

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2019 || 1 957 500 t. || 101 250 t.

Mill-1 ta' Jannar 2020 || Mhux applikabbli || Mhux applikabbli

 

[1]               Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 (għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-....

[2]              

[3]              

[4]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[5]               ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1.

Top