This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0461
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Regulation (EC) No 1931/2006 as regards the inclusion of the Kaliningrad area and certain Polish administrative districts in the eligible border area
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta' Kaliningrad u ta' ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta' Kaliningrad u ta' ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera
/* KUMM/2011/0461 finali - 2011/0199 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta' Kaliningrad u ta' ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera /* KUMM/2011/0461 finali - 2011/0199 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea mkabbra li
tiżgura li l-fruntieri mal-ġirien tagħha ma jservux ta' ostakli
għall-kummerċ, għall-iskambji soċjali u kulturali jew
għall-kooperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi ġirien. Għal
dan il-għan, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fl-2006 adottaw Regolament
li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri
esterni fuq l-art tal-Istati Membri[1]
(Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera) li jippermetti li jsiru
derogi, għal persuni li joqogħdu f'żona ta' mal-fruntiera,
mir-regoli ġenerali dwar il-kontrolli tal-fruntiera ddikjarati
fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Ir-Regolament jawtorizza
lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi
ġirien li mhumiex parti mill-UE, dment li dawn il-ftehimiet ikunu konformi
għal kollox mal-parametri ffissati mir-Regolament. Fi Frar 2011 il-Kummissjoni kkonkludiet,
fit-tieni rapport tagħha[2], li
s-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera tagħmel il-ħajja
eħfef b'mod sinifikanti għal dawk li joqogħdu ħdejn
il-fruntieri esterni fuq l-art, filwaqt li fl-istess ħin ftit hemm x'juri
li s-sistema qed tiġi abbużata. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li minħabba
l-pożizzjoni speċifika ta' Kaliningrad – ir-reġjun ta'
Kaliningrad tal-Federazzjoni Russa b'popolazzjoni ta' kważi miljun
ruħ sar l-uniku territorju barrani mdawwar kollu kemm hu b'territorju
tal-UE b'konsegwenza tat-tkabbir li l-UE għamlet fl-2004 - jista' jkun
ġustifikat li jiġi emendat ir-Regolament dwar it-Traffiku Lokali
tal-Fruntiera. Tabilħaqq, it-territorju ta' Kaliningrad għandu
pożizzjoni ġeografika eċċezzjonali bħala erja
relattivament żgħira li hi mdawra kollha kemm hi minn żewġ
Stati Membri tal-UE; l-oblast kollu kemm hu għandu l-karatteristika ta'
żona tal-fruntiera. Fl-Ewropa m'hemm l-ebda art oħra li għandha
sitwazzjoni ġeografika simili li tikkostitwixxi art imdawra kollha kemm hi
b'territorju barrani. Sabiex jiġi evitat li Kaliningrad tiġi
iżolata mill-ġirien immedjati tagħha, hemm bżonn li
jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għall-abitanti
tagħha. Minkejja li l-ftehim bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa dwar
l-iffaċilitar tal-viża, li ilu fis-seħħ mill-2007 'l hawn,
huwa diġà pass sinifikanti 'l quddiem biex jitjiebu l-opportunitajiet għall-mobbiltà,
is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera toffri faċilitajiet
addizzjonali speċifikament għall-ħtiġijiet regolari, u
saħansitra ta' kuljum, għall-ivvjaġġar fiż-żona
lokali. Ngħidu aħna, mhux se jkun hemm bżonn li l-applikanti
jagħtu prova li għandhom biżżejjed mezzi biex jgħixu,
il-permess jista' jinħareġ mingħajr ma jintalab ħlas, jew
jistgħu jiġu rriservati jew isiru lejns separati u/jew punti
speċifiċi minn fejn wieħed jaqsam il-fruntiera
għat-traffiku lokali tal-fruntiera. Barra minn hekk, kieku r-residenti
kollha taż-żona ta' Kaliningrad igawdu minn dan l-iffaċilitar,
filwaqt li xi faċilitazzjonijiet fil-ftehim bejn l-UE u l-Federazzjoni
Russa dwar l-iffaċilitar tal-viża japplikaw għal ċerti kategoriji
ta' nies biss. Sabiex ma jkunx hemm qsim artifiċjali tal-oblast ta'
Kaliningrad, li jwassal biex xi abitanti jgawdu mill-iffaċilitar
għat-traffiku lokali tal-fruntiera filwaqt li l-maġġoranza
(inklużi l-abitanti tal-belt ta' Kaliningrad) ma jgawdux minnhom,
iż-żona ta' Kaliningrad kollha kemm hi għandha tkun
eliġibbli bħala żona tal-fruntiera fi ftehim bilaterali bejn
Stat Membru u l-Federazzjoni Russa. Għandu jiġi nnutat li din
iż-żona eliġibbli tal-fruntiera ma tistax tiġi estiża aktar. F'dan il-kuntest, u biex ir-Regolament ikollu effett reali
f'dak ir-reġjun, fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera
għandha tiġi inkluża wkoll żona speċifika
tal-fruntiera fuq in-naħa Pollakka, sabiex jiġi ffaċilitat u
mtejjeb l-iskambju ekonomiku u kulturali bejn l-oblast ta' kaliningrad fuq
in-naħa l-waħda u ċ-ċentri ewlenin fit-Tramuntana
tal-Polonja fuq in-naħa l-oħra. Issir enfasi li din l-estensjoni
eċċezzjonali taż-żona tal-fruntiera fiż-żona ta'
Kaliningrad ma taffettwax id-definizzjoni ġenerali taż-żona
eliġibbli tal-fruntiera (iż-żona ta' 30/50km). Barra minn dan,
ir-regoli u l-kundizzjonijiet kollha fir-Regolament dwar it-Traffiku Lokali
tal-Fruntiera li jiggarantixxu s-sigurtà taż-żona Schengen kollha
kemm hi jibqgħu japplikaw. B'mod partikulari, il-permessi tat-traffiku
lokali tal-fruntiera se jibqa' jkollhom il-karatteristiċi tas-sigurtà kif
imniżżel fir-Regolament, u l-permessi tat-traffiku lokali
tal-fruntiera jistgħu jinħarġu biss lil applikanti li jkunu
jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ffissati fir-Regolament. Barra minn dan,
il-Polonja hija obbligata li tiżgura li kwalunkwe abbuż mis-sistema
tat-traffiku lokali tal-fruntiera jkun suġġett għal pwieni
effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom ikunu jinkludu
l-possibbiltà li l-permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera jitħassru
jew jiġu rrevokati. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Pollakki diġa
impenjaw irwieħhom li jvaraw kampanji informattivi mmirati u li jimmarkaw
b'mod ċar iż-żona tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Din il-proposta se tikkontribwixxi biex
tkompli tiġi promossa s-sħubija strateġika bejn l-UE u
l-Federazzjoni Russa, skont il-prijoritajiet iffissati fil-Pjan Direzzjonali
tal-Ispazju Komuni dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fir-rigward
tal-koperazzjoni transkonfinali u għandha titqies fil-kuntest tar-relazzjoni
ġenerali bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI Fuq il-bażi tat-tieni rapport
tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-sistema tat-Traffiku Lokali
tal-Fruntiera, l-Istati Membri ddiskutew l-opportunità li jindirizzaw
is-soluzzjoni speċifika tat-territorju ta' Kaliningrad fil-fora rilevanti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
huma favur soluzzjoni bħal din, bil-kundizzjoni li ma sseħħ
l-ebda diskussjoni ġdida dwar id-definizzjoni ġenerali
taż-żona tal-fruntiera, u li din l-eċċezzjoni tkun
tikkostitwixxi soluzzjoni speċifika u unika li tgħodd biss
għall-każ tat-territorju ta' Kaliningrad. 3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Il-proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 77 (2)
(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta temenda r-Regolament dwar
it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera, li kien ibbażat fuq
id-dispożizzjoni ekwivalenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità
Ewropea, i.e. l-Artikolu 62 (2) (a) (fruntieri esterni). 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq
il-baġit tal-UE. 2011/0199 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006
rigward l-inklużjoni taż-żona ta' Kaliningrad u ta' ċerti
distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli
tal-fruntiera IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77 (2) (b)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
Ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traffiku lokali
tal-fruntiera, stabbiliti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar
it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati
Membri u li jemenda d-dispożizjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen[3], li ilu fis-seħħ mill-2007 'l
hawn, evitaw li jinħoloq xkiel għall-iskambju kummerċjali,
soċjali u kulturali jew għall-koperazzjoni reġjonali
mal-pajjiżi ġirien, filwaqt li jħarsu s-sigurtà taż-żona
ta' Schengen kollha kemm hi. (2)
L-oblast ta' Kaliningrad għandu sitwazzjoni
ġeografika eċċezzjonali: bħala żona relattivament
żgħira mdawra minn żewġ Stati Membri, hija l-uniku każ
fl-UE ta' art barranija mdawra kollha kemm hi b'territorju tal-Unjoni; il-forma
tagħha u t-tqassim tal-popolazzjoni tagħha huma tali li jekk
jiġu applikati r-regoli standard dwar id-definizzjoni taż-żona
tal-fruntiera t-territorju tagħha jinqasam b'mod artifiċjali, u dan
iwassal biex xi abitanti jgawdu mill-iffaċilitar għat-traffiku lokali
tal-fruntiera filwaqt li l-maġġoranza, inklużi l-abitanti
tal-belt ta' Kaliningrad, ma jgawdux minnhom. Fid-dawl tan-natura omoġenja
tal-oblast ta' Kaliningrad, biex jissaħħu l-iskambji
kummerċjali, soċjali u kulturali kif ukoll il-koperazzjoni
reġjonali, jeħtieġ li fir-Regolament (KE) Nru 1931/2006
tiddaħħal eċċezzjoni speċifika li tippermetti li
l-oblast ta' Kaliningrad kollu kemm hu jitqies bħala żona
tal-fruntiera. (3)
Jeħtieġ li żona speċifika
tal-fruntiera fuq in-naħa Pollakka wkoll tiġi rrikonoxxuta bħala
żona eliġibbli tal-fruntiera, sabiex l-applikazzjoni tar-Regolament
(KE) Nru 1931/2006 f'dak ir-reġjun ikollha effett reali permezz ta' aktar
opportunitajiet għall-iskambju kummerċjali, soċjali u kulturali
kif ukoll għall-koperazzjoni reġjonali bejn l-oblast ta' Kaliningrad
fuq in-naħa l-waħda u ċ-ċentri ewlenin fit-Tramuntana
tal-Polonja fuq in-naħa l-oħra. (4)
Dan ir-Regolament huwa bla ħsara
għad-definizzjoni ġenerali taż-żona tal-fruntiera u
għar-rispett sħiħ tar-regoli u l-kundizzjonijiet stabbiliti
fir-Regolament (KE) Nru 1931/2006, inklużi l-pwieni li għandhom
jiġu imposti mill-Istati Membri fuq residenti li jabbużaw mis-sistema
tat-traffiku lokali tal-fruntiera. (5)
Dan ir-Regolament jikkontribwixxi biex tkompli
tiġi promossa s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Federazzjoni Russa, skont il-prijoritajiet iffissati fil-Pjan Direzzjonali
tal-Ispazju Komuni dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u jagħti
kas tar-relazzjoni ġenerali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa. (6)
Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament,
jiġifieri li jipprovdi għal emendi għar-regoli eżistenti
tal-Unjoni dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera, ma jistax jintlaħaq
tajjeb mill-Istati Membri u jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell
tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju
tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, ukoll kif stabbilit f'dak
l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa
meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan. (7)
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar
il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u
mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed
tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih u lanqas
soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li dan
ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont
l-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi fi żmien
sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk
hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. (8)
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq
id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit
ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE
tat-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja
u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu parti f’xi wħud
mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[4]; għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed
jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew
soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. (9)
Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq
id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fih l-Irlanda mhix
tipparteċipa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE
tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu
sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[5]. Għalhekk l-Irlanda mhix qiegħda
tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih u lanqas hija
soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. (10)
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-Islanda u
n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq l-acquis ta' Schengen
fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
mar-Repubblika tal-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja dwar
l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni,
l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[6], li jaqgħu fil-qasam li għalih
hemm referenza fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti
għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[7]. (11)
Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament huwa
żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont
it-tifsira kif previst fil-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea,
il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni
tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u
l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[8], li
jaqgħu fil-qasam indikat fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni
1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2008/146/KE[9]. (12)
Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament
huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen,
skont it-tifsira tal-Protokoll konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità
Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar
l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni
Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar
l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni,
l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’
fl-ambitu imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill
1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 li jinqara flimkien
mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE[10]. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) 1931/2006 huwa emendat kif
ġej: (1) Fi tmiem l-Artikolu 3,
il-punt 2, għandu jiżdied dan li ġej: "L-inħawi elenkati fl-anness ta' ma'
dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala żoni
tal-fruntiera." (2) Jiżdied Anness kif
ippreżentat fl-Anness ma' dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan
ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika
direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS 'Anness: 1. L-Oblast ta' Kaliningrad 2. Id-distretti amministrattivi Pollakki (powiaty)
ta' województwo pomorskie: pucki, m. Gdynia, m. Sopot, m. Gdańsk,
gdański, nowodworski, malborski 3. Id-distretti amministrattivi Pollakki (powiaty)
ta' województwo warmińsko-mazurskie: m. Elbląg, elbląski,
braniewski, lidzbarski, bartoszycki, m. Olsztyn, olsztyński,
kętrzyński, mrągowski, węgorzewski, giżycki,
gołdapski, olecki. ’ [1] Ir-Regolament Nru 1931/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006, ĠU
L 405, 30.12.2006, p1 [2] COM(2011) 47 tad-9 ta’ Frar 2011. [3] ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1. [4] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43. [5] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20. [6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [7] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [8] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [9] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [10] ĠU L 160, 18.6.2011, p 19.
.