Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0296

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    /* KUMM/2011/0296 finali - NLE 2011/0128 */

    52011PC0296

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni /* KUMM/2011/0296 finali - NLE 2011/0128 */


    2011/0128 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EUROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 128(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

    Billi:

    (1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2009/23/KE tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni[1], approvata bil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2009, tiddefinixxi l-prinċipji komuni għad-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u għall-informazzjoni u l-approvazzjoni reċiproka ta' dawk id-disinji.

    (2) Waqt li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona tal-euro, il-karatteristiċi tad-disinn nazzjonali tagħhom huma ta’ interess komuni. Sabiex titħalla ssir ċirkolazzjoni mingħajr xkiel u fl-interess taċ-ċertezza u t-trasparenza legali, hu xieraq li jitqiesu r-regoli tar-Rakkomandazzjoni Nru 2009/23/KE li jikkonċernaw d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li dawn jingħataw forma legali vinkolanti billi jiġu integrati fir-Regolament tal-Kunsill eżistenti (KE) Nru 975/98 dwar id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni[2].

    (3) Il-muniti tal-euro għandhom naħa Ewropea u naħa nazzjonali distintiva. In-naħat komuni Ewropej tal-muniti tal-euro fihom kemm l-isem tal-munita unika kif ukoll id-denominazzjoni tal-munita. In-naħa nazzjonali ma għandhiex tirrepeti l-isem tal-munita unika u lanqas tad-denominazzjoni tal-munita.

    (4) Għandu jkun hemm indikazzjoni ċara tal-pajjiż tal-ħruġ fuq in-naħa nazzjonali tal-munita tal-euro biex tippermetti lill-utenti interessati fil-muniti jidentifikaw malajr l-Istat Membru ta’ ħruġ.

    (5) Id-disinji fuq in-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro jiġu deċiża minn kull Stat Membru parteċipanti fil-limiti ffissati mir-Regolament preżenti u billi jitqies il-fatt li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona kollha tal-euro u mhux biss fl-Istat Membru tal-ħruġ. Sabiex ikun żgurat li n-naħa nazzjonali wkoll tista' tingħaraf immedjatament bħala munita tal-euro, id-disinn għandu jkun kompletament imdawwar bit-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

    (6) Sabiex ikun iffaċilitat ir-rikonoxximent tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u sabiex tkun żgurata kontinwità xierqa fiz-zekka, id-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro regolari fiċ-ċirkolazzjoni ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu mmodifikati, ħlief jekk ikun hemm bidla tal-Kap tal-Istat imsemmi fuq il-munita.

    (7) Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jitħallew joħorġu muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni sabiex jiċċelebraw avvenimenti ta' rilevanza ewlenija nazzjonali jew Ewropea, billi l-muniti kommemorattivi li jinħarġu b'mod kollettiv mill-Istati Membri parteċipanti kollha jkunu riżervati għall-avvenimenti tal-ogħla rilevanza Ewropea. Il-munita taż-żewġ euro hija l-aktar denominazzjoni adattata għal dan il-għan, prinċipalment minħabba d-dijametru kbir tal-munita u l-karatteristiċi tekniċi tagħha li joffru ħarsien xieraq kontra l-iffalsifikar.

    (8) L-Istati Membri li joħorġu l-muniti għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar in-naħat ġodda nazzjonali ħafna qabel id-data ppjanata tal-ħruġ. Għal dan il-għan, l-Istati Membri li joħorġu l-muniti għandhom iressqu l-abbozz tagħhom tad-disinji tal-muniti tal-euro lill-Kummissjoni, li tivverifika l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (9) Ir-Regolament (KE) Nru 975/98 għandu għalhekk ikun emendat skont dan.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikoli Nri 1a sa 1h li ġejjin jiddaħħlu fir-Regolament (KE) Nru 975/98.

    'Artikolu 1a

    Tipi ta' muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni

    1. Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom ikunu regolari jew kommemorattivi.

    2. Il-muniti tal-euro għandu jkollhom naħa komuni Ewropea u naħa nazzjonali distintiva.

    Artikolu 1b

    Assenza tal-isem tal-munita u d-denominazzjoni tan-naħa nazzjonali

    1. In-naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni ma għandhiex tirrepeti xi indikazzjoni tad-denominazzjoni, jew xi partijiet minnha, tal-munita. Ma għandhiex tirrepeti l-isem tal-munita unika jew xi sottodiviżjoni tagħha, sakemm din l-indikazzjoni ma toħroġx mill-użu ta' alfabett differenti.

    2. L-ittri fit-truf tal-munita taż-żewġ euro jistgħu, madankollu, jinkludu indikazzjoni tad-denominazzjoni, sakemm tintuża biss iċ-ċifra '2' jew it-terminu 'euro' jew it-tnejn.

    Artikolu 1c

    Identifikazzjoni tal-Istat Membru tal-ħruġ fuq in-naħa nazzjonali

    In-naħa nazzjonali tad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkulazzjoni għandu jkollhom indikazzjoni tal-Istat Membru li jkun ħariġhom billi jitpoġġa l-isem tal-Istat Membru sħiħ jew fil-qosor.

    Artikolu 1d

    Disinn tan-naħat nazzjonali

    1. In-naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandha turi 12-il stilla li għandhom jiċċirkondaw totalment id-disinn nazzjonali, inkluża l-marka tas-sena u l-indikazzjoni tal-isem tal-Istat Membru li joħroġ il-munita. It-12-il stilla għandhom jiġu stampati kif jidhru fuq il-bandiera Ewropea.

    2. Id-disinn għandu jintgħażel meta wieħed iqis li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fl-Istati Membri parteċipanti kollha kif imfisser fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 974/98[3].

    Artikolu 1e

    Bidliet fin-naħat nazzjonali tal-muniti regolari tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni

    1. Bla ħsara għall-Artikolu 1f, id-disinji użati fuq in-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni f’denominazzjonijiet ta’ euro jew ta’ ċenteżmi ma għandhomx jiġu mmodifikati, għajr f’każijiet fejn il-Kap tal-Istat stampat fuq munita jinbidel. L-Istati Membri li joħorġu l-munita, madankollu, għandhom jitħallew jaġġornaw id-disinn tal-muniti tal-euro li juru l-Kap tal-Istat kull ħmistax-il sena biex titqies xi bidla li tkun saret fid-dehra tal-Kap tal-Istat. L-Istati Membri li joħorġu l-muniti għandhom jaġġornaw in-naħat nazzjonali tagħhom tal-muniti tal-euro sabiex ikunu konformi għal kollox mar-Regolament qabel tmiem il-perjodu tranżitorju stipulat fl-Artikolu 1h.

    2. Kariga temporanja vakanti jew kariga provviżorja tal-funzjoni ta' Kap ta' Stat ma għandhomx jagħtu d-dritt li jinbidlu n-naħat nazzjonali tal-muniti regolari tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni.

    Artikolu 1f

    Muniti tal-euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni

    1. Il-muniti kommemorattivi tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom juru disinn nazzjonali differenti minn dak li jidher fuq il-muniti regolari tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni u għandhom biss jikkommemoraw avvenimenti ta’ rilevanza ewlenija nazzjonali jew Ewropea. Il-muniti kommemorattivi tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni maħruġa b’mod kollettiv mill-Istati Membri kollha parteċipanti għandhom jikkomemoraw biss avvenimenti tal-ogħla rilevanza Ewropea.

    2. L-ittri fit-truf tal-muniti kommemorattivi tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk fuq il-muniti tal-euro regolari għaċ-ċirkolazzjoni.

    3. Il-muniti kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni jista' jkollhom valur nominali ta' 2 euro biss.

    Artikolu 1g

    Proċedura ta' informazzjoni u pubblikazzjoni tal-bidliet tan-naħat nazzjonali

    1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-abbozz tad-disinji tan-naħat nazzjonali l-ġodda, inklużi l-ittri tat-truf, u tal-volum ta’ ħruġ qabel ma jkunu approvaw formalment dawn id-disinji.

    2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, abbozzi ġodda ta' disinji ta' muniti tal-euro għandhom jitressqu mill-Istat Membri li joħroġhom quddiem il-Kummissjoni, mill-inqas sitt xhur qabel id-data ppjanata tal-ħruġ. Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament mingħajr dewmien u f'mhux iktar tard minn għaxart'ijiem tax-xogħol.

    3. Jekk u meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu onorati, għandha tibgħat din il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Istat Membru li joħroġ il-muniti. Għandha tibgħat ukoll valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien permezz tas-sottokumitat rilevanti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Jekk Stat Membru jqis li d-disinn mhuwiex adattat, meta jitqies il-fatt li l-muniti tal-euro jiġu ċċirkolati fl-Istati Membri parteċipanti kollha, għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta' ħidma. Il-Kummissjoni għandha sussegwentament tieħu d-deċiżjoni finali dwar l-approvazzjoni jew it-tiċħid tad-disinn mingħajr dewmien.

    4. Jekk u meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament preżenti mhumiex onorati, għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istat Membru li joħroġ il-muniti, li min-naħa tiegħu għandu jressaq disinn ġdid.

    5. L-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-disinji ġodda tal-muniti nazzjonali għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 1h

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    L-Artikoli 1b, 1c u 1d kif ukoll l-Artikolu 1f(2):

    a) ma għandhomx japplikaw għall-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru ... [in-numru tar-Regolament emendatorju preżenti li għandu jiddaħħal meta jiġi adottat],

    b) matul il-perjodu tranżitorju li jintemm 10 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru ... [in-numru tar-Regolament emendatorju preżenti li għandu jiddaħħal meta jiġi adottat], ma għandhomx japplikaw għad-disinji li diġà qed jintużaw b'mod legali għall-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni meta jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament'.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52.

    [2]               ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.

    [3]               ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.

    Top