EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0239

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; udwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti

/* KUMM/2011/0239 finali - 2011/0103 (NLE) */

52011PC0239

/* KUMM/2011/0239 finali - 2011/0103 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; udwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta |

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika (US), fuq naħa oħra, iffirmat fil-25 u 30 ta’ April 2007 (“il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US”), daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2008. L-Artikolu 18 (5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US jikkonferma l-għan taż-żewġ Partijiet li “jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, il-ħaddiema u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku billi jestendu dan il-Ftehim sabiex jinkludi partijiet terzi”. L-Artikolu 18 (5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US jitlob ukoll lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 (1) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US biex “jiżviluppa proposta dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri...li tkun meħtieġa għal pajjiżi terzi sabiex jaderixxu ma' dan il-Ftehim”. In-Norveġja u l-Islanda talbu formalment li jissieħbu fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US fl-2007. Skont l-Artikolu 18 (5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US, il-Kumitat Konġunt fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2010 żviluppa proposta għall-adeżjoni tal-Islanda u n-Norveġja fil-Ftehim dwar it-Trasport Pubbliku bejn l-UE u l-US, li tikkonsisti minn “Ftehim fil-forma ta' ittra ta’ akkumpanjament” bejn erba’ partijiet u Ftehim Anċillari għall-ftehimiet interni bejn l-Unjoni, in-Norveġja u l-Islanda. Billi n-Norveġja u l-Islanda huma parti integrali miż-Żona Ewropea Komuni ta’ Avjazzjoni, dawn il-Ftehimiet se jiżguraw qafas regolatorju konsistenti għat-titjiriet bejn l-US u s-suq waħdieni tal-avjazzjoni fl-UE – fosthom l-Islanda u n-Norveġja. Dan se joħloq vantaġġi kummerċjali għal-linji tal-ajru u l-konsumaturi fl-UE u b’mod partikolari se jiżgura l-konsistenza tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US mal-politika Skandinava komuni dwar it-trasport bl-ajru. Fl-istess ħin, il-proposta tiżgura li jinżamm il-karattru bilaterali tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. L-Islanda u n-Norveġja se jkunu inklużi fin-negozjati ta’ ftehim tat-tieni stadju dwar it-trasport bl-ajru mal-US. |

Kuntest ġenerali Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US neħħa l-ostakoli kummerċjali kollha għat-titjiriet bejn kwalunkwe punt fl-UE u kwalunkwe punt fl-US. Barra minn hekk, l-US tat l-hekk imsejħa (7) seba’ drittijiet ta’ libertà lil-linji tal-ajru tal-UE sabiex joperaw bejn l-US u pajjiżi taż-Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni (ECAA) li mhumiex fl-UE, bħan-Norveġja u l-Islanda. Madankollu, l-ECAA ma għandha l-ebda dimensjoni esterna. Għalhekk, il-linji tal-ajru tal-UE fil-preżent ma għandhomx id-dritt li joperaw titjiriet bejn in-Norveġja u l-Islanda u pajjiżi terzi. Bl-istess mod, il-linji tal-ajru Norveġiżi u Islandiżi fil-preżent ma għandhomx id-dritt li joperaw bejn l-UE u l-US. Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US ħoloq kundizzjonijiet uniformi ta’ aċċess għas-suq għal-linji tal-ajru kollha tal-Unjoni, u stabbilixxa arranġamenti ġodda għall-kooperazzjoni regolatorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-US f’oqsma essenzjali għat-tħaddim mingħajr periklu, sigur u effiċjenti ta’ servizzi tal-ajru transatlantiċi. In-Norveġja u l-Islanda adottaw l-acquis communautaire sħiħ fil-politika tal-avjazzjoni. Għalhekk, l-inklużjoni taż-żewġ pajjiżi fl-ambitu tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US għandha tiżgura li l-linji tal-ajru Ewropej kollha li japplikaw l-acquis communautaire joperaw is-servizzi tal-ajru transatlantiċi f’qafas armonizzat. L-adeżjoni tal-Islanda u n-Norveġja fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US tista’ tkun preċedent għall-adeżjoni tal-Islanda u n-Norveġja fi ftehimiet oħra tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni (eż. il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni mal-Marokk). |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fil-forma ta' ittra ta’ akkumpanjament jestendu l-ambitu tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US mutatis mutandis għan-Norveġja u l-Islanda. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Anċillari huma bbażati fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2007 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US (2007/339/KE). |

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni L-għan li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US jiġi estiż għal pajjiżi terzi huwa previst b’mod espliċitu fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. Il-Ftehim fil-forma ta' ittra ta’ akkumpanjament se jistabbilixxi r-rabta meħtieġa bejn il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US u l-Ftehim dwar Żona Ewropea Komuni ta’ Avjazzjoni. Dan mhux se jistabbilixxi dimensjoni esterna għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Huwa konsistenti mal-politika ġenerali tal-UE fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja. |

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi prinċipali fil-mira u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu L-adeżjoni tal-Islanda u n-Norveġja fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US ġiet diskussa f’diversi laqgħat tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US u f’laqgħat tekniċi informali mal-Istati Membri. Dawn il-laqgħat kollha ġew ippreparati f’laqgħat tal-Forum Konsultattiv dwar l-Industrija ma’ rappreżentanti tal-linji tal-ajru, l-ajruporti, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema. |

Sommarju tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati Il-kwistjoni tal-adeżjoni tal-Islanda u n-Norveġja fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US ġiet diskussa f’erba’ laqgħat tal-Forum Konsultattiv dwar l-Industrija, li matulhom ġew diskussi fid-dettall l-elementi kollha tal-approċċ. Il-kummenti kollha mill-Istati Membri u l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati b'mod xieraq fit-tħejjija tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-Kumitat Konġunt li sar fis-16 ta’ Novembru 2010. |

Ġbir u użu ta’ kompetenza esperta |

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esperta esterna. |

Valutazzjoni tal-impatt Il-Ftehim jestendi l-ambitu tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US għall-Islanda u n-Norveġja. Dan se jagħti l-opportunità lil-linji tal-ajru tal-UE li jużaw id-drittijiet mogħtija mill-US mit-30 ta’ Marzu 2008 biex joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-US u l-Islanda jew in-Norveġja. |

3. Elementi legali tal-proposta |

Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta tikkonsisti minn żewġ elementi: - Il-"Ftehim fil-forma ta' ittra ta’ akkumpanjament" bejn erba’ partijiet jestendi l-ambitu tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US mutatis mutandis għall-erba’ partijiet kollha. - Il-Ftehim Anċillari jiżgura li tinżamm in-natura bilaterali tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. In-Norveġja u l-Islanda se jkunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt mill-Kummissjoni għall-oqsma kollha li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri. Huma stabbiliti regoli għall-iskambju ta’ tagħrif, il-parteċipazzjoni fin-negozjati tat-tieni stadju, u r-rappreżentanza fil-proċeduri tal-arbitraġġ. |

Bażi legali L-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu. |

Prinċipju tas-sussidjaretà Il-prinċipju tas-sussidjaretà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għar-raġuni li ġejja: |

Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US stabbilixxa arranġamenti ġodda fil-livell tal-Unjoni li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi transatlantiċi tal-ajru li ħadu post l-arranġamenti preċedenti magħmula minn Stati Membri individwali. L-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US tista’ tinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni. |

Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjaretà. |

Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin: |

Il-proposta mhix se taffettwa l-qafas regolatorju fi ħdan iż-Żona Ewropea Komuni ta’ Avjazzjoni. Il-proposta mhix se timmodifika l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. Il-proposta hija limitata biex tiżgura l-konsistenza bejn is-suq komuni tal-avjazzjoni fl-Ewropa u l-qafas regolatorju għat-titjiriet transatlantiċi stabbilit mill-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. Il-proposta ma toħloqx obbligi ġodda għall-awtoritajiet tal-avjazzjoni tal-UE jew għall-industrija tal-UE. Hija toħloq drittijiet ġodda għal-linji tal-ajru tal-UE u tiżgura l-konsistenza sħiħa tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US mal-politika Skandinava komuni dwar it-trasport bl-ajru. Għażla tal-istrumenti |

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġunijiet li ġejjin: Il-Ftehim fil-forma ta' ittra ta’ akkumpanjament bejn erba’ partijiet u Ftehim Anċillari huma l-iżjed strumenti effettivi sabiex jiżguraw kemm l-estensjoni sħiħa tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US għall-Islanda u n-Norveġja kif ukoll il-karattru bilaterali tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US. Ftehim multilaterali li jissostitwixxi l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-US jirriduċi lill-UE għal parti waħda fi Ftehim bejn erba’ partijiet filwaqt li l-Ftehimiet proposti jżommu r-relazzjoni bilaterali bejn l-US, fuq naħa, u l-Ewropa, fuq naħa oħra. Ftehimiet bilaterali paralleli bejn (1) l-Islanda u l-US, (2) in-Norveġja u l-US, (3) l-Islanda u l-Unjoni Ewropea, u (4) in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea jżidu kumplessità mhux meħtieġa u ma jiggarantux il-konsistenza sħiħa tal-qafas regolatorju għat-titjiriet transatlantiċi. |

4. Implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

2011/0103 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

1. Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-25 u 30 ta’ April 2007 (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”), kif emendat mill-Protokoll sabiex jiġi emendat il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika fl-24 ta’ Ġunju 2010 (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”) jipprevedi b’mod espliċitu l-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru.

2. Skont l-Artikolu 18(5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, il-Kumitat Konġunt li ġie stabbilit taħtu żviluppa proposta għall-adeżjoni tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru.

3. Fis-16 ta’ Novembru 2010 il-Kumitat Konġunt ippropona Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”).

4. Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim Anċillari”).

5. Il-Ftehim u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu ffirmati u applikati b'mod provviżorju, soġġetti għall-konklużjoni tagħhom f'data aktar tard.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar persuna (persuni) bis-setgħa li tiffirma (jiffirmaw) il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, u l-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti.

Artikolu 2

It-test tal-Ftehim u tal-Ftehim Anċillari huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju mid-data tal-iffirmar sakemm jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Post],

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

APPENDIĊI 1

FTEHIM DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA (minn hawn ’il quddiem, l-”Istati Uniti”),

bħala l-ewwel parti;

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

billi huma partijiet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u billi huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, l-"Istati Membri"),

u

L-UNJONI EWROPEA,

bħala t-tieni parti;

L-ISLANDA,

bħala t-tielet parti; u

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn ’il quddiem, “in-Norveġja”),

bħala r-raba’ parti;

XEWQANA li jippromwovu sistema tal-avjazzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru fis-suq b’interferenza u regolazzjoni minima mill-gvern;

XEWQANA li jiffaċilitaw l-espansjoni tal-opportunitajiet għat-trasport internazzjonali bl-ajru , fosthom permezz tal-iżvilupp ta’ netwerks ta’ trasport bl-ajru li jaqdu l-ħtiġijiet tal-passiġġieri u t-trasportaturi għal servizzi komdi ta’ trasport bl-ajru;

XEWQANA li jagħmluha possibbli għal-linji tal-ajru li joffru lill-pubbliku li jivvjaġġa u li jibgħat merkanzija prezzijiet u servizzi kompetittivi fis-swieq miftuħa;

XEWQANA li s-setturi kollha tal-industrija tat-trasport bl-ajru, inklużi l-ħaddiema tal-linji tal-ajru, jibbenefikaw fi ftehim liberalizzat;

XEWQANA li jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza u sigurtà fit-trasport internazzjonali bl-ajru u filwaqt li jaffermaw mill-ġdid it-tħassib gravi tagħhom dwar l-atti jew it-theddidiet kontra s-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, li jipperikolaw is-sigurtà tal-persuni jew tal-proprjetà, jaffettwaw ħażin l-operat tat-trasport bl-ajru, u jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fis-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili;

FILWAQT LI JINNOTAW il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li nfetħet għall-iffirmar f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li s-sussidji tal-gvern jistgħu jaffettwaw ħażin il-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru u jistgħu jipperikolaw l-għanijiet bażiċi ta’ dan il-Ftehim;

FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar l-avjazzjoni internazzjonali;

FILWAQT LI JINNOTAW l-importanza li jiġu mħarsa l-konsumaturi, inklużi l-protezzjonijiet mogħtija mill-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, li saret f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999;

BIL-ĦSIEB li jibnu fuq il-qafas tal-ftehimiet eżistenti bil-għan li jiftħu l-aċċess għas-swieq u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, il-ħaddiema, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li jittejjeb l-aċċess tal-linji tal-ajru tagħhom għas-swieq kapitali globali bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġu promossi l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

BIL-ĦSIEB li jistabbilixxu preċedent ta’ importanza globali sabiex jippromwovu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni f’dan is-settur ekonomiku kruċjali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Unjoni Ewropea ħadet post u ssuċċediet il-Komunità Ewropea bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u li minn dik id-data, id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea u r-referenzi kollha għalija fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-25 u 30 ta’ April 2007, japplikaw għall-Unjoni Ewropea;

FTIEHMU LI ġEJ:

Artikolu 1

Definizzjoni

“Parti” tfisser l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Islanda, jew in-Norveġja.

ARTIKOLU 2

Applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll

u l-Anness għal dan il-Ftehim

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-25 u 30 ta’ April 2007 (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”), kif emendat mill-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru li ġie ffirmat mill-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Ġunju 2010 (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”), li qed jiġu inkorporati b’referenza, għandhom japplikaw għall-Partijiet kollha f’dan il-Ftehim, suġġetti għall-Anness għal dan il-Ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandhom japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja daqs li kieku kienu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, sabiex l-Islanda u n-Norveġja għandhom ikollhom id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Istati Membri skont dak il-ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Anness għal dan il-Ftehim jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 3

Terminazzjoni

1. L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħtu avviż bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi lit-tliet Partijiet l-oħra, tad-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jwaqqfu l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan l-Ftehim skont l-Artikolu 5.

Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). Dan il-Ftehim għandu jintemm, jew l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tieqaf, f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jkun fis-seħħ sena wara d-data tan-notifika bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn il-Partijiet kollha.

2. L-Islanda jew in-Norveġja jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta’ kanali diplomatiċi, tad-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw minn dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni provviżorja tiegħu skont l-Artikolu 5. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Tali rtirar jew waqfien tal-applikazzjoni provviżorja għandu jkun effettiv f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-IATA li jkun fis-seħħ sena wara d-data tan-notifika bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn il-Parti li tagħti l-avviż bil-miktub, l-Istati Uniti, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

3. L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħtu avviż bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi, lill-Islanda jew in-Norveġja, tad-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jwaqqfu l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, fir-rigward tal-Islanda jew in-Norveġja. Kopji tal-avviż għandhom jintbagħtu fl-istess ħin liż-żewġ Partijiet l-oħra għal dan il-Ftehim u lill-ICAO. It-tmiem jew il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja fir-rigward tal-Islanda jew in-Norveġja għandu jkun effettiv f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-IATA li jkun fis-seħħ sena wara d-data tan-notifika bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Parti li tirċievi l-avviż.

4. Għall-finijiet tan-noti diplomatiċi kkontemplati minn dan l-Artikolu, in-noti diplomatiċi lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jew mingħandhom għandhom jintbagħtu lill-Unjoni Ewropea jew minnha skont kif ikun il-każ.

5. Minkejja kull dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, jiġi tterminat, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.

ARTIKOLU 4

Reġistrazzjoni mal-ICAO

Dan il-Ftehim u l-emendi kollha li jsiru fih għandhom jiġu rreġistrati mal-ICAO mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

ARTIKOLU 5

Applikazzjoni Provviżorja

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju, safejn permess skont il-liġi domestika applikabbli, mid-data tal-firma. Jekk il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, jiġi tterminat skont l-Artikolu 23 tiegħu, jew l-applikazzjoni provviżorja tiegħu titwaqqaf skont l-Artikolu 25 ta’ dak il-Ftehim, jew l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll titwaqqaf skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tieqaf fl-istess ħin.

ARTIKOLU 6

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-aktar waħda tard minn dawn li ġejjin:

1. id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru,

2. id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, u

3. xahar wara d-data tal-aħħar nota tal-iskambji ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet li jikkonfermaw li tlestew il-proċeduri neċessarji kollha għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Għall-finijiet ta’ dan l-iskambju ta’ noti diplomatiċi, in-noti diplomatiċi lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jew mingħandhom għandhom jintbagħtu lill-Unjoni Ewropea jew minnha, skont kif ikun il-każ. In-nota jew noti diplomatiċi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jinkludu komunikazzjonijiet minn kull Stat Membru li jikkonferma li jkunu tlestew il-proċeduri neċessarji tiegħu għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

B’XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL fi ………., f’erba’ kopji, illum ………. jum ta’ ……………., 2011.

GĦALL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA GĦAR-RENJU TAL-BELĠJU

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA

GĦAR-REPUBBLIKA ĊEKA

GĦAR-RENJU TAD-DANIMARKA

GĦAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA

GĦALL-IRLANDA

GĦAR-REPUBBLIKA ELLENIKA

GĦAR-RENJU TA’ SPANJA

GĦAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA

GĦAR-REPUBBLIKA TALJANA

GĦAR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA

GĦALL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA

GĦAR-REPUBBLIKA TA’ MALTA

GĦAR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA

GĦAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA

GĦAR-RUMANIJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA

GĦAR-REPUBBLIKA SLOVAKKA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA

GĦAR-RENJU TAL-ISVEZJA

GĦAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ

GĦALL-UNJONI EWROPEA

GĦALL-ISLANDA

GĦAR-RENJU TAN-NORVEĠJA

ANNESS

Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Rigward tal-Islanda u n-Norveġja

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, u mmodifikati kif ġej, għandhom japplikaw għall-Partijiet kollha f’dan il-Ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandhom japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja daqs li kieku kienu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, sabiex l-Islanda u n-Norveġja ikollhom id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Istati Membri skont dak il-ftehim:

1. Paragrafu 9 tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu jaqra kif ġej:

“Territorju” jfisser, għall-Istati Uniti, iż-żoni tal-art (art prinċipali u l-gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, u, għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iż-żoni tal-art (art prinċipali u l-gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali li fihom jiġi applikat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dak il-ftehim u kwalunkwe strument suċċessur, bl-eċċezzjoni taż-żoni tal-art u l-ilmijiet interni taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein; l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għall-ajruport ta’ Ġibiltà hija mifhuma li tkun mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit fir-rigward tat-tilwima dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport, u għat-tkomplija tas-sospensjoni tal-Ajruport ta’ Ġibiltà mill-miżuri tal-avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea li jeżistu mit-18 ta’ Settembru 2006 bejn l-Istati Membri, skont l-istqarrija Ministerjali dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà li ġiet miftiehma f’Córdoba fit-18 ta’ Settembru 2006; u

2. L-Artikoli 23 sa 26 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, ma għandhomx japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja.

3. L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll ma għandhomx japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja.

4. Dan li ġej għandu jiġi miżjud mat-Taqsima 1 tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll:

w. L-Islanda: Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat f’Washington fl-14 ta’ Ġunju, 1995; emendat fl-1 ta’ Marzu 2002 bi skambju ta’ noti; emendat fl-14 ta’ Awwissu 2006 u d-9 ta’ Marzu 2007 bi skambju ta’ noti.

x. Ir-Renju tan-Norveġja: Ftehim dwar is-Servizzi tat-Trasport bl-Ajru affettwati bl-iskambji ta’ noti f’Washington, fis-6 ta’ Ottubru 1945; emendat fis-6 ta’ Awwissu 1954 bi skambju ta’ noti; emendat fis-16 ta’ Ġunju 1995 bi skambju ta’ noti.

5. It-test tat-Taqsima 2 tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu jinqara kif ġej:

Minkejja t-Taqsima 1 ta’ dan l-Anness, għaż-żoni li mhumiex inkorporati fid-definizzjoni ta’ “territorju” fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, il-ftehimiet fil-paragrafi (e) (Danimarka-Stati Uniti), (g) (Franza-Stati Uniti), (v) (Renju Unit-Stati Uniti), u (x) (Norveġja-Stati Uniti) ta’ dik it-taqsima għandhom ikomplu japplikaw, skont it-termini tagħhom.

6. It-test tat-Taqsima 3 tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu jinqara kif ġej:

Minkejja l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim, il-linji tal-ajru tal-US mhux se jkollhom id-dritt li jipprovdu servizzi ta’ merkanzija biss, li ma jkunux parti minn servizz li jaqdi lill-Istati Uniti, lejn jew minn punti fl-Istati Membri, ħlief lejn jew minn punti fir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Slovakka, l-Islanda, u r-Renju tan-Norveġja.

7. Is-sentenza li ġejja għandha tiġi miżjuda fit-tmiem tal-Artikolu 3 tal-Anness 2 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll:

Għall-Islanda u n-Norveġja, dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, l-Artikoli 53, 54, u 55 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u r-Regolamenti tal-UE li jimplimentaw l-Artikoli 101, 102 u 105 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll kwalunkwe emendi li jsiru fihom.

8. Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll għandu japplika għall-Islanda u n-Norveġja safejn il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Unjoni Ewropea jiġu inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod konformi ma’ kwalunkwe addattament li jkun stipulat fih.

Dikjarazzjoni Konġunta

Ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Islanda, u r-Renju tan-Norveġja kkonfermaw li t-test tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (il-”Ftehim”), għandu jiġi awtentikat f’lingwi oħra, kif previst, jew qabel l-iffirmar tal-Ftehim, bi Skambji ta’ Ittri bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Islanda, u r-Renju tan-Norveġja jew, wara l-iffirmar tal-Ftehim, b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali tal-Ftehim.

Għall-Istati Uniti tal-Amerika: | Għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha: |

XXX | XXX |

Għall-Islanda: | Għar-Renju tan-Norveġja: |

XXX | XXX |

APPENDIĊI 2

FTEHIM ANĊILLARI

BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-iSTATI MEMBRI TAGĦHA,BĦALA L-EWWEL PARTI,

L-ISLANDA, BĦALA T-TIENI PARTI,

U R-RENJU TAN-NORVEĠJA, BĦALA T-TIELET PARTI,

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM DWAR IT-TRASPORT BL-AJRUbeJNL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA, BĦALA L-EWWEL PARTI, L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, BĦALA T-TIENI PARTI,L-ISLANDA, BĦALA T-TIELET PARTI,

U R-RENJU TAN-NORVEĠJA, BĦALA R-RABA’ PARTI

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

billi huma partijiet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u billi huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, l-”Istati Membri”),

u

L-UNJONI EWROPEA,

bħala l-ewwel parti;

L-ISLANDA,

bħala t-tieni parti;

u

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn ’il quddiem, “in-Norveġja”),

bħala t-tielet parti;

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Kummissjoni Ewropea nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru mal-Istati Uniti tal-Amerika skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati,

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”) ġie inizjalat fit-2 ta’ Marzu 2007, iffirmat fi Brussell fil-25 ta’ April 2007 u f’Washington, D.C. fit-30 ta’ April 2007 u applikat provviżorjament mit-30 ta’ Marzu 2008,

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ġie emendat mill-Protokoll sabiex jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”), inizjalat fit-2 ta’ Marzu 2010, u ffirmat fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ġunju 2010,

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Islanda u n-Norveġja, billi huma membri kompletament integrati tas-Suq uniku Ewropew tal-Avjazzjoni permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, aderew mal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll permezz ta’ Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, tal-istess data, (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”), li jinkorpora l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali sabiex jiġi deċiż, jekk ikun xieraq, kif għandhom jittieħdu miżuri skont l-Artikolu 21 paragrafu 5 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li huwa neċessarju wkoll li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Islanda u n-Norveġja fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll u fil-proċeduri tal-arbitraġġ stipulati fl-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Dawn l-arranġamenti proċedurali għandhom jiżguraw l-kooperazzjoni, il-fluss tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni meħtieġa qabel il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, inklużi dawk dwar is-sikurezza, is-sigurtà, l-għoti u r-revoka tad-drittijiet tat-traffiku u l-appoġġ mill-gvern,

FTIEHMU LI ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Notifika

F’każ li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiddeċiedu li jtemmu l-Ftehim skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim jew li ma jkomplux japplikawh b’mod provviżorju, jew li jirtiraw avviżi dwar dan, il-Kummissjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja dwar dan qabel ma tinforma lill-Istati Uniti tal-Amerika permezz ta’ kanali diplomatiċi. Bl-istess mod, l-Islanda u/jew in-Norveġja għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip.

ARTIKOLU 2

Sospensjoni tad-Drittijiet tat-Traffiku

Deċiżjoni sabiex linji tal-ajru tal-Parti l-oħra ma jitħallewx joperaw frekwenzi addizzjonali jew jidħlu fi swieq ġodda taħt il-Ftehim u jiġu nnotifikati l-Istati Uniti tal-Amerika dwar dan, jew biex, bi qbil, titneħħa kwalunkwe deċiżjoni simili, meħuda skont l-Artikolu 21 paragrafu 5 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, għandha tiġi adottata mill-Kunsill, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, billi jaġixxi b’mod unanimu skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, u mill-Islanda u n-Norveġja. Il-president tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja għandu mbagħad jinfurma lill-Istati Uniti tal-Amerika bi kwalunkwe deċiżjoni bħal din.

ARTIKOLU 3

Kumitat Konġunt

1. L-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja.

2. Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tkun ippreżentata mill-Kummissjoni, għajr f’oqsma li fi ħdan l-UE jaqgħu esklussivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, f’liema każ hija għandha tiġi ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni, l-Islanda u n-Norveġja kif ikun xieraq.

3. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Islanda u n-Norveġja fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 14 jew 20 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll jew kwistjonijiet li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jkollha effetti legali għandha tiġi adottata mill-Islanda u n-Norveġja bi qbil mal-Kummissjoni.

4. Għal deċiżjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt regolamenti u direttivi li huma inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni bi ftehim mal-Islanda u n-Norveġja.

5. Għal deċiżjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt regolamenti u direttivi li huma inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Islanda u n-Norveġja, għandha tiġi adottata mill-Islanda u n-Norveġja bi ftehim mal-Kummissjoni.

6. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Islanda u n-Norveġja fi kwalunkwe laqgħat ta’ koordinazzjoni, konsultazzjoni jew teħid tad-deċiżjonijiet mal-Istati Membri u aċċess għall-informazzjoni rilevanti bi preparazzjoni għal-laqgħat li jkunu se jsiru tal-Kumitat Konġunt.

ARTIKOLU 4

Arbitraġġ

1. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja fi proċeduri tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.

2. Il-Kummissjoni għandha, kif ikun xieraq, tieħu miżuri sabiex tiżgura l-involviment tal-Islanda u n-Norveġja fil-preparazzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-arbitraġġ.

3. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jissospendi benefiċċji skont l-Artikolu 19 paragrafu 7 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, dik id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Islanda u n-Norveġja. Bl-istess mod, l-Islanda u/jew in-Norveġja għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni/deċiżjonijiet simili li jkunu ħadu.

4. Kwalunkwe azzjoni xierqa oħra li għandha tittieħed skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll dwar kwistjonijiet li fi ħdan l-UE jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni, bil-għajnuna ta’ Kumitat Speċjali ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri maħtura mill-Kunsill, tal-Islanda u tan-Norveġja.

ARTIKOLU 5

Skambju tat-Tagħrif

1. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu jew jillimitaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ linja tal-ajru tal-Istati Uniti tal-Amerika li jkunu adottaw skont l-Artikolu 4 u 5 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip li jkunu ħadu l-Istati Membri.

2. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew l-Istati Membri.

3. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew l-Istati Membri.

ARTIKOLU 6

Sussidji u appoġġ mill-gvern

1. Jekk l-Islanda jew in-Norveġja huma tal-fehma li sussidju jew appoġġ li jkun qed jiġi kkunsidrat jew mogħti minn entità governattiva fit-territorju tal-Istati Uniti tal-Amerika jkun se jkollu l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 14 paragrafu 2 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-ajru kif emendat mill-Protokoll, huma għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni. Jekk Stat Membru jkun ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal kwistjoni simili, il-Kummissjoni għandha, bl-istess mod, tiġbed l-attenzjoni tal-Islanda u n-Norveġja dwar din il-kwistjoni.

2. Il-Kummissjoni, l-Islanda u n-Norveġja jistgħu javviċinaw lil dik l-entità jew jitolbu laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.

3. Il-Kummissjoni, l-Islanda u n-Norveġja għandhom jinfurmaw immedjatament lil xulxin meta jiġu kkuntattjati mill-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu 14 paragrafu 3 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.

ARTIKOLU 7

Terminazzjoni

1. Parti tista’, fi kwalunkwe ħin, tagħti avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta’ kanali diplomatiċi, bid-deċiżjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim Anċillari jew l-applikazzjoni provviżorja tiegħu. Dan il-Ftehim Anċillari għandu jintemm jew ma għandux jibqa’ japplika b’mod provviżorju f’nofsillejl GMT sitt xhur wara d-data tan-notifika bil-miktub tat-tmiem jew tal-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn il-Partijiet.

2. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk il-Ftehim jiġi tterminat jew ma jibqax jiġi applikat b’mod provviżorju, dan il-Ftehim Anċillari għandu jintemm jew ma jibqax jiġi applikat b’mod provviżorju fl-istess ħin.

ARTIKOLU 8

Applikazzjoni provviżorja

Sakemm jidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 9, il-Partijiet ftiehmu li japplikaw dan il-Ftehim Anċillari b’mod provviżorju skont il-liġijiet nazzjonali tal-Partijiet mid-data li tkun l-aktar tard mid-data li fiha jiġi ffirmat dan il-Ftehim Anċillari jew id-data tal-applikazzjoni provviżorja speċifikata fl-Artikolu 5 tal-Ftehim.

ARTIKOLU 9

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim Anċillari għandu jidħol fis-seħħ jew (a) xahar wara d-data tal-aħħar nota fi skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet li jikkonfermaw li jkunu tlestew il-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim Anċillari, jew (b) id-data tad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji ta’ hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim Anċillari.

MAGĦMUL fi ……… fi tliet kopji, illum ………. jum ta’ ……………., 2011 bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Islandiża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Norveġiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, it-testi kollha jkunu awtentiċi.

GĦAR-RENJU TAL-BELĠJU

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA

GĦAR-REPUBBLIKA ĊEKA

GĦAR-RENJU TAD-DANIMARKA

GĦAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA

GĦALL-IRLANDA

GĦAR-REPUBBLIKA ELLENIKA

GĦAR-RENJU TA’ SPANJA

GĦAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA

GĦAR-REPUBBLIKA TALJANA

GĦAR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA

GĦALL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA

GĦAR-REPUBBLIKA TA’ MALTA

GĦAR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA

GĦAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA

GĦAR-RUMANIJA

GĦAR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA

GĦAR-REPUBBLIKA SLOVAKKA

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA

GĦAR-RENJU TAL-ISVEZJA

GĦAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ

GĦALL-UNJONI EWROPEA

GĦALL-ISLANDA

GĦAR-RENJU TAN-NORVEĠJA

Top