Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0121

    Il-flussi migratorji li joriġinaw mill-instabilità: ambitu u rwol tal-politika barranija tal-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ April 2011 dwar il-flussi migratorji li joriġinaw mill-instabilità: ambitu u rwol tal-politika barranija tal-UE (2010/2269(INI))

    ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 296/1


    It-Tlieta 5 ta’ April 2011
    Il-flussi migratorji li joriġinaw mill-instabilità: ambitu u rwol tal-politika barranija tal-UE

    P7_TA(2011)0121

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2011 dwar il-flussi migratorji li joriġinaw mill-instabilità: ambitu u rwol tal-politika barranija tal-UE (2010/2269(INI))

    2012/C 296 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali li jistabbilixxu Strument Ewropew tal-Viċinanzi u ta’ Sħubija (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ strument finanzjarju għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni fl-iżvilupp (4),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (5),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat fil-Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (6),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) (7),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familji tagħhom, adottata fit-18 ta’ Diċembru 1990,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

    wara li kkunsidra l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni adottat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta’ Diċembru 2005, li jiddefinixxi d-dimensjoni esterna tal-politika ta’ migrazzjoni u t-tliet prijoritajiet ewlenin tagħha, jiġifieri l-promozzjoni tal-migrazzjoni legali, it-taqbida għall-migrazzjoni irregolari u t-titjib tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp,

    wara li kkunsidra l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil adottat mill-Kunsill f'Ottubru 2008, l-Ewwel Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tal-2009 (COM(2010)0214) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-segwitu mogħti lill-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tat-3 ta’ Ġunju 2010,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta Afrika-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp iffirmata f'Sirte fit-23 ta’ Novembru 2006 li tenfasizza l-bżonn li l-Istati Afrikani u l-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom fi sħubija bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u destinazzjoni bil-għan li tiġi ġestita aħjar il-migrazzjoni, filwaqt li titqies ir-rabta tagħha mal-iżvilupp,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 dwar l-immigrazzjoni illegali,

    wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma għall-2010-2014, il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni – l-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma (COM(2010)0171),

    wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni dwar il-Bidla fil-klima u s-Sigurtà Internazzjonali tal-14 ta’ Marzu 2008, ir-rakkomandazzjonijiet relatati tat-18 ta’ Diċembru 2008 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2009,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Konferenza Ministerjali “Bini ta’ Sħubiji ta’ Migrazzjoni” organizzata fi Praga fis-27 u fit-28 ta’ April 2009,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali ta’ Diċembru 2000 u l-protokolli tagħha,

    wara li kkunsidra l-ftehim dwar aġenda ta’ koperazzjoni bejn l-UE u l-Libja dwar il-migrazzjoni, li kienet iffirmata fl-4 ta’ Ottubru 2010 fi Tripli mill-Kummissarju Malmström, il-Kummissarju Füle u, f'rappreżentanza tal-Libja, is-Sur Moussa Koussa, Segretarju tal-Kumitat Ġenerali tal-Poplu għar-Rabtiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali, u s-Sur Yunis Al-Obeidi, Segretarju tal-Kumitat Ġenerali tal-Poplu għas-Sigurtà Pubblika,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2011 lill-Kunsill dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta’ Qafas UE-Libja (8),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Tripli maħruġa fit-Tielet Samit Afrika-UE, li sar Tripli, il-Libja, fid-29 u t-30 ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidra d-diskors mogħti mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-4 ta’ Mejju 2010, li fih saħqet dwar il-ħtieġa ta’ approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet u għall-bini tal-paċi u aċċentwat ir-rabtiet evidenti bejn is-sigurtà, l-iżvilupp u l-jeddijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (Direttiva tal-Karta l-Blu) (9),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009 u inawgura s-Sħubija tal-Lvant,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: it-triq ’il quddiem (10), b’mod partikulari l-paragrafi 71, 72 and 73 tagħha,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Refuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi fis-Sinaj (11),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza mill-Konferenza “Lejn approċċ multidixxiplinari tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, tal-azzjonijiet penali kontra t-traffikanti u tal-protezzjoni tal-vittmi” tas-27 ta’ Jannar 2011,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma li l-politiki relatati mall-kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni huma regolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri u li jeħtieġ li l-atti tal-Unjoni adottati skont dan il-kapitolu għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0075/2011),

    A.

    billi l-instabilità politika, soċjali u ekonomika, in-nuqqas ta’ sigurta, ir-repressjoni politika u r-reġimi awtoritarji huma fost l-iprem kaġunijiet għall-migrazzjoni, l-aktar il-migrazzjoni irregolari, billi ċċaħħad lill-komunitajiet milqutin minn prospetti lokali fattibbli, u għalhekk mill-jedd tal-għażla dwar il-migrazzjoni, b'hekk ħajjithom tkun f'riskju kostanti u tħallilhom biss bħala l-unika opzjoni l-migrazzjoni, bosta drabi dik irregolari; iqis li l-bidliet klimatiċi u d-degrad tal-ambjent jirrappreżentaw kawża dejjem ikbar tal-migrazzjonijiet,

    B.

    billi l-migrazzjoni li tirriżulta mill-instabilità hija dovuta b’mod partikolari għall-gwerra u l-kunflitti armati jew ir-riskji li dawn iseħħu, mill-abbużi tal-jeddijiet tal-bniedem - inklużi l-persekuzzjoni tal-oppożituri politiċi, tal-minoranzi, inklużi l-minoranzi reliġjużi, etniċi, u LGBTT, u tal-gruppi żvantaġġati jew il-limitazzjoni ta’ jeddijiethom - mid-diżastri naturali u kkaġunati mill-bniedem, u n-nuqqas ta’ prospetti ekonomiċi fattibbli u ta’ struttura sostenibbli għall-garanzija tad-demokrazija u l-governanza tajba, u r-rispett għall-jeddijiet ċivili, politiċi, kulturali, ekonomiċi u soċjali u l-promozzjoni tagħhom,

    C.

    billi l-migrazzjoni, bħala fenomenu mxerred mad-dinja kollha, ikkontribwiet għall-iskambju ta’ ideat iżda ġabet ukoll sfidi f’termini ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet ospitanti, għaldaqstant ġabet magħha kemm arrikkiment kulturali u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea kif ukoll kwestjonijiet ta’ inklużjoni soċjali u adozzjoni; billi l-UE għandha bżonn immigrazzjoni sostanzjali iżda kkontrollata sabiex tiġi appoġġjata l-popolazzjoni li qed tixjieħ u jiġu indirizzati sfidi soċjali u ekonomiċi oħra,

    D.

    billi l-flussi migratorji bidlu r-rotot tagħhom fil-passat skont iż-żona li fiha ġiet applikata l-akbar pressjoni, iżda qatt ma waqqfu, u billi l-migrazzjoni ma tistax tiġi fi tmiemha iżda hemm il-probabilità li tiġi mibdula matul id-deċennji f’termini tal-iskala u l-kumplessità sabiex tiġi trattata biex nevitaw it-tbatija tal-bniedem,

    E.

    billi l-migrazzjoni legali hija proċess aqwa għall-individwi li qed ifittxu li jimxu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom lejn il-pajjiż riċeventi,

    F.

    billi l-pressjoni tal-flussi migratorji kkawżati mill-instabilità u li jieħdu l-forma tal-migrazzjoni illegali, qed tinħass ħafna aktar mill-Istati Membri jinstabu fil-fruntieri esterni tal-UE,

    G.

    billi l-ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma rratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familji tagħhom; billi din tikkostitwixxi l-qafas ġuridiku internazzjonali l-aktar estiż għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiem migranti u tal-membri tal-familja tagħhom u billi din tiggwida lill-Istati fil-provvedimenti li għandhom jieħdu biex jirrispettaw il-jeddijiet tal-migranti huma u jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki relatati mal-migrazzjoni tal-ħaddiema,

    H.

    billi l-instabilità ekonomika għandha impatt partikolarment f’saħħtu fuq il-ġenerazzjonijiet żagħżugħa, in-nisa u l-minoranzi jew il-gruppi żvantaġġati li jisfaw mingħajr prospetti ta’ impjieg u jistgħu aktar faċilment jaqgħu vittma tal-vjolenza, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ mill-gruppi terroristiċi,

    I.

    billi l-bidliet klimatiċi huma marbuta mal-iskarsezza tal-ikel u tal-ilma, mad-deforestazzjoni u mad-degrad tal-art u kulma ma jmur qegħdin jiġu identifikati bħala theddida mill-ikbar għas-sigurtà u għall-istabilità internazzjonali,

    J.

    billi l-persuni mġiegħla iħallu djarhom minħabba diżastri fuq skala kbira kkaġunati mill-bidliet klimatiċi għandhom bżonn assistenza u protezzjoni; billi, iżda, il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tar-refuġjati ma tirrikonoxxix id-dritt għall-protezzjoni internazzjnali għar-rifuġjati minħabba l-klima,

    K.

    billi f’xi reġjuni li huma l-aktar milqutin mill-bidliet klimatiċi u mit-telfien riżultanti tal-biodiversità, bħalma huwa s-Saħel, il-migrazzjoni saret l-unika forma ta’ adattament għall-bidliet klimatiċi,

    L.

    billi wħud mill-migranti jafu jkunu wkoll applikanti għal asil u jistgħu potenzjalment isiru uffiċjalment rifuġjati rikonoxxuti,

    M.

    billi l-isfruttament tal-migrazzjoni irregolari tipperikola mhux biss ħajjet il-migranti imma ħafna drabi hija wkoll assoċjata mal-agħar abbużi tal-jeddijiet tal-bniedem, inklużi l-jasar, l-isfruttament sesswali, l-abbuż mill-minuri u l-vjolenza bejn is-sessi; billi l-azzjoni mill-UE għall-prevenzjoni ta’ tali abbużi u għall-protezzjoni tal-migranti, inklużi l-migranti irregolari, f’sitwazzjonijiet ta’ periklu għandha toktor ħalli tkun aktar effettiva,

    N.

    billi l-kuntrabandu ta’ migranti tolqot kważi kull pajjiż tad-dinja; billi l-isfruttament tal-migrazzjoni irregolari, li b’xorti ħażina hija attività kummerċjali li tħalli l-qligħ għal dak imdaħħlin fil-kriminalità organizzata, jista' jkun ikkombinat mal-kutrabandu tal-armi u t-traffikar tal-bnedmin u d-drogi; billi l-isfruttament tal-migrazzjoni irregolari jista' jkun wieħed mill-għejun għall-finanzjament tal-gruppi radikali u terroristi u lill-migranti jġibhom vulnerabbli li jsiru vittmi tal-gruppi tal-kriminalità organizzata u n-netwerks estremisti,

    O.

    billi l-poltiki tal-UE għandhom jagħtu attenzioni partikulari għall-aktar migranti vulnerabbli, partikularment minuri mhux akkumpanjati,

    P.

    billi l-migrazzjoni irregolari għandha impatt fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kapaċità ta’ integrazzjoni kemm tal-pajjiżi riċeventi kemm ta’ dawk ta’ tranżitu; billi f’xi każijiet, fejn jidħlu l-pajjiżi ta’ tranżitu, tista' tisfratta l-prospetti ta’ sostenibilità u żvilupp tas-swieq lokali tax-xogħol u tiffomenta aktar l-instabilità,

    Q.

    billi t-tkattir demografiku li hu mistenni li jseħħ kemm fil-pajjiżi tal-oriġini kemm f'dawk ta’ tranżitu, l-aktar fil-Magreb, fil-Maxreq u l-Afrika ta’ Fuq f'sens usa', jaf jolqot negattivament il-prospetti għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tax-xogħol, b'hekk jaggrava l-qagħda soċjali u ekonomika f'dawk il-pajjiżi jekk ma jittiħdux id-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi; billi dan, flimkien ma’ assenza ta’ prinċipji demografiċi se jikkawżaw tensjonijiet u instabilità interni, kif deher mid-dimostrazzjonijiet ta’ dan l-aħħar fit-Tuneżija, fl-Alġerija, fl-Eġittu u bosta pajjiżi oħrajn tad-dinja Għarbija, u b'riżultat ta’ dan se jwasslu f'żieda fil-flussi migratorji u jagħfsu aktar fuq il-kapaċità ta’ integrazzjoni tal-pajjiżi riċeventi,

    R.

    billi l-UE, fid-dawl tat-tendenzi demografiċi attwali, l-UE għandha tirrifletti dwar kemm trid tiftaħ il-fruntieri tagħha għall-flussi migratorji minn pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu biex ittaffilhom it-tensjonijiet demografiċi u soċjali interni, u b’hekk tgħinhom iżommu l-istabilità interna tagħhom, u dwar kemm jeħtiġilha tinvesti f’aġenda ekonomika mġedda għal dawn il-pajjiżi, inkluża aġenda li tkun tiffoka fuq l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi,

    S.

    billi għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu evitati mewġiet ġodda ta’ razziżmu u ksenofobija fil-pajjiżi li jirċievu u ta’ tranżitu,

    T.

    billi l-migrazzjoni lejn l-UE hija biss parti mill-fenomenu usa’ tal-migrazzjoni min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana u min-Nofsinhar lejn in-Nofsinhar; billi l-fatt li l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) huma ġeografikament qrib tal-UE u, fl-istess waqt, id-differenza ċara fl-istandards bejn il-liġijiet ta’ migrazzjoni ta’ xi pajjiżi tal-ENP u dawk tal-UE jistgħu joħolqu vantaġġ kompettiv għal dawk il-pajjiżi, billi jissaħħaħ l-istatus tagħhom ta’ pajjiżi ta’ tranżitu u jiġu limitati l-espożizzjoni u r-responsabilitajiet tagħhom bħala pajjiżi potenzjalment riċeventi,

    U.

    billi l-ENP għandha tappoġġja aktar attivament il-kapaċità tal-Istati ġirien tal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni,

    V.

    billi l-avvenimenti drammatiċi reċenti fl-Eġittu u f'pajjiżi oħra tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani x'aktarx li jżidu l-fluss lejn l-Ewropa kemm tal-migranti legali kif ukoll ta’ dawk illegali,

    W.

    billi t-tensjonijiet bejn il-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu u bejn dawk li jirċievu u ta’ tranżitu dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji jistgħu jisfaw ta’ għajn ta’ kunflitt potenzjali u n-nuqqas ta’ ftehim fil-futur fl-assenza ta’ politka ta’ migrazzjoni aktar amornizzata, kordinata u effettiva, billi, madankollu, approċċ aktar koordinat u komprensiv lejn il-ġestjoni tal-migrazzjoni jista' jsaħħaħ ir-rispett għad-dinjità tal-migranti kollha li potenzjalment jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu issodisfati l-ħtiġijiet ta’ xogħol fil-pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni u jagħtu spinta lill-iżvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini; billi approċċ aktar ikkordinat u komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni għandu jiżgura rispett sħiħ għall-jeddijiet tal-bniedem tal-migranti li jkunu f’qagħdiet ta’ periklu,

    X.

    billi meta jintbagħtu l-flus b’mod legali u trasparenti lura lejn il-pajjiż tal-oriġini jista' jkun hemm rwol potenzjalment pożittiv x'jintlagħab fit-tisdiq tal-iżvilupp ekonomiku, għandu jkun hemm attenzjoni partikolari għalbiex ikun żgurat il-jedd tal-migranti li jappoġġjaw lill-familji tagħhom u jinvestu fil-pajjiżi tagħhom,

    Y.

    billi jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa politika effiċjenti u għaqlija dwar il-migrazzjoni li tkun tixbaħ lill-politiki implimentati fil-Kanada, fl-Awstralja jew fi New Zealand; billi l-instabilità fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE tipperikola l-ħolqien ta’ tali politika,

    Z.

    billi l-politika barranija tal-UE tista’ tikkomplementa pożittivament u ssaħħaħ il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, u għandha tindirizza l-għejun kollha tal-instabilità fil-pajjiżi tal-oriġini u tippersegwixxi djalogu attiv mal-pajjiżi ta’ tranżitu dwar standards uniformi u msejsin fuq il-jeddijiet tal-bniedem għal-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-migrazzjoni, u b’hekk jinħolqu kondizzjonijiet ugwali b'mod li kemm il-pajjiżi riċeventi kemm dawk ta’ tranżitu jsegwu l-istess regoli u joffru lill-migranti l-istess livell ta’ protezzjoni; billi l-livell differenti ta’ żvilupp fil-pajjiżi ta’ tranżitu jeħtieġ l-għoti ta’ assistenza finanzjara tal-UE biex jgħinhom jilħqu standards paragunabbli għal dawk tal-UE,

    AA.

    billi l-VP/RGħ saħqet dwar l-importanza ta’ approċċ komprensiv għall-kwestjonijiet ta’ sigurta u stabilità, li permezz tagħhom l-istrateġiji ta’ żvilupp u l-ħolqien ta’ prospetti ekonomiċi sostenibbli jistgħu jikkomplementaw lil xulxin u jsaħħu aktar l-operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi u ta’ bini tal-paċi, u b’hekk jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-istabilità u s-sigurtà fit-tul,

    AB.

    billi l-arkitettura ġdida tal-politika barranija mdaħħla bit-Trattat ta’ Lisbona u l-ħolqien tal-EEAS jagħtu opportunità għall-iżvilupp ta’ sinerġiji tabilħaqq siewja bejn il-politika barranija u l-politika tad-difiża, mill-banda l-waħda, u l-ENP u l-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp, mill-banda l-oħra, bħala dimensjonijiet u strateġiji viċendevolment rafforzanti u interkonnessi; billi l-istruttura l-ġdida tippermetti wkoll li d-diplomazija kulturali jkollha rwol fl-azzjonijiet esterni tal-UE; billi tali sinerġiji għandhom diġà jitqiesu fl-istadju tal-programmazzjoni,

    AC.

    billi jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-migranti u l-persuni li jitolbu l-asil u r-rifuġjati,

    1.

    Jilqa’ l-proposti riċenti tal-Kummissjoni dwar l-migrazzjoni legali għal dawk li mhux qed ifittxu l-asil u jħeġġiġha tiżviluppa aktar stumenti sabiex tiġi stabbilita poltika komuni ta’ immigrazzjoni, sabiex tiġi ġestita l-migrazzjoni ekonomika bil-għan li jiġi promoss il-progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi riċeventi, tat-tranżitu u ta’ oriġini, sabiex titjieb il-koeżjoni soċjali billi titjieb l-integrazzjoni tal-migranti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ informazzjoni xierqa dwar il-possibilitajiet għall-immigrazzjoni legali lejn l-UE, sabiex tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali, isir użu aħjar mill-iskemi tal-UE għall-immigrazzjoni legali, jiġu ċċarati l-perspettivi u l-opportunitajiet attwali fi ħdan l-UE u jitgiddbu l-wegħdiet foloz li jagħtu t-traffikanti, għaldaqstant jiġi limitat il-qligħ iġġenerat għall-kriminalità organizzata u t-traffikanti tal-bniedem minħabba l-ħtieġa tal-persuni li jiċċaqalqu; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri ta’ protezzjoni għall-gruppi vulnerabbli u persuni (partikularment nisa u tfal), li ta’ spiss jisfaw vittmi ta’ traffikar u sfruttament sesswali u jħeġġiġha tibni ċentri ta’ informazzjoni f’pajjiżi terzi dwar il-possibilitajiet ta’ migrazzjoni lejn l-UE; jitlob, madankollu, għall-approċċ ibbilanċjat bejn il-promozzjoni tal-migrazzjoni legai fl-UE u li jiġi żgurat li din għandha l-kapaċità li tirċievi u tintegra b’suċċess il-migranti li jaslu;

    2.

    Ifakkar li migrazzjoni legali ġestita sew tista' twassal għal benefiċċji għall-pajjiżi terzi permezz tal-fondi li l-immigranti jibgħatu lejn il-pajjiżi tal-oriġini; barra minn dan, jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi ta’ appoġġ maħsuba biex jippromwovu l-involviment ta’ migranti fi proġetti ta’ żvilupp u taħriġ fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu f'kollaborazzjoni ma’ pajjiżi mhux membri tal-UE sabiex jiżguraw li l-informazzjoni rigward il-migrazzjoni legali tinsab disponibbli u li l-migrazzjoni legali hija promossa b’mod attiv;

    4.

    Jemmen li l-migrazzjoni sfurzata hija, fost ħwejjeġ oħra, riżultat tal-falliment tal-ekonomiji, it-tfaqqir tal-popolazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-degradazzjoni tal-ambjent, id-distakk dejjem jikber bejn il-pajjiżi sinjuri u dawk foqra, il-gwerer ċivili, il-gwerer għall-kontroll tar-riżorsi naturali u l-persekuzzjoni politika;

    5.

    Jappoġġja l-analiżi u l-linja politika tal-VP/RGħ li jaċċentwaw il-ħtieġa għal approċċ komprensiv u koeżiv imsejjes fuq strateġiji speċifiċi ta’ żvilupp u ta’ jeddijiet tal-bniedem bħala strument vitali addizzjonali tal-politika barranija tal-UE fit-trattament tal-problemi ta’ stabilità u sigurtà u fit-titjib tal-effikaċja tal-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi u tal-bini tal-paċi; f’dak il-kuntest, jitlob li jkun hemm rwol il-FRONTEX jissaħħaħ ħalli jkun jista' jikkontrolla aħjar il-flussi migratorji; jemmen li, fil-kuntest tal-arkitettura l-ġdida tal-politika barranija mdaħħla bit-Trattat ta’ Liżbona u l-ħolqien tas-SEAE, għandu jkun siewi li jiġu kkonsolidati aktar id-djalogu interistituzzjonali u r-riflessjoni fuq is-sisien u l-objettivi ta’ tali approċċ komprensiv, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-programmazzjoni u s-sħubijiet speċifiċi ma’ pajjiżi benefiċjarji li jistgħu jagħtu lok għal proċess sostenibbli ta’ demokratizzazzjoni, governanza tajba, rispett għall-jeddijiet tal-bniedem u tkabbir ekonomiku u b’hekk isaħħu s-sigurta u l-istabilità;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta’ monitoraġġ permanenti għall-attivitajiet kollha tal-FRONTEX li huma marbuta mal-ġestjoni tal-flussi migratorji; iqis li d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-operazzjonijiet tal-FRONTEX għandhom jiġu riflessi b’mod ċar permezz ta’ test tal-verżjoni emendata tar-Regolament FRONTEX, partikularment id-dritt tal-persuna li titlaq minn pajjiżha, il-projbizzjoni tar-refoulement u d-dritt li jfittxu asil. jilqa’ l-attivitajiet ta’ suċċess imwettqin mill-FRONTEX u ta’ kooperazzjoni tagħha ma’ Stati Membri sabiex jimplimentaw is-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Asil u jilqa’ bl-istess mod it-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil; iqis li l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-FRONTEX u l-EASO jeħtieġu li jkunu stabbli u permanenti, sabiex jingħataw l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri affettwati b’mod partikularment ħażin; jenfasizza l-ħtieġa ta’ solidarjetà akbar fost l-UE u l-Istati Membri kollha, partikularment dawk li huma l-aktar vulnerabbli, għall-koordinazzjoni ta’ politika l-aktar effiċjenti u qsim ġust;

    7.

    Jinnota li fuq l-isfond tal-multilateraliżmu li kulma jmur qed jikber b’bosta atturi internazzjonali u donaturi kbar, bħalma huma l-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u potenzjalment, f’prospettiva aktar fit-tul, pajjiżi BRIC oħrajn, bħalma huma l-Brażil u l-Indja, l-istabilità u s-sigurtà huma objettiv komuni u prekondizzjoni essenzjali għat-tkabbir ekonomiku globali; jinnota, barra minn hekk, li l-isfidi tal-istabilità u s-sigurtà huma tali li jeħtieġu mhux biss riżorsi relevanti, fi żmien ta’ sikkaturi baġitarji, imma wkoll ekonomiji ta’ skala u sforzi kordinati; jemmen li għandu jinbeda proċess ta’ riflessjoni fuq djalogu attiv bejn l-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali dwar strateġiji ġeografiċi u tematiċi kordinati dwar is-sigurtà, l-istabilità u l-assistenza, li jistgħu jwasslu għall-eżerċitar akbar ta’ pressjoni b'mod kollettiv u għal allokazzjoni aktar bilanċjata, speċifika u effikaċi tar-riżorsi filwaqt li jiġi żgurat il-qsim ġust tal-piżijiet; jemmen, ukoll fid-dawl tar-rieżami ta’ dan l-aħħar min-naħa tal-White House tal-assistenza barranija, li evidenzjat il-valur tal-kordinament tal-assistenza ma’ donaturi maġġuri oħrajn, li l-ewwel pass importanti fit-triq lejn tali riflessjoni jista' jkun samit UE-Stati Uniti dwar il-koperazzjoni mtejba fl-għajnuna umanitarja u ta’ żvilupp, minn prospettiva transatlantika, dwar oqsma ta’ interess komuni u dwar is-sisien tal-kordinazzjoni tal-politika;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kull ftehim ta’ riammissjoni ffirmat mill-UE u l-Istati Membri tagħha jirrispetta għalkollox id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tan-'non-refoulement' u ma jqiegħed fl-ebda riskju lil kwalunkwe persuna li teħtieġ il-protezzjoni internazzjonali;

    9.

    Jinnota li l-għoti ta’ kenn lil refuġjati fil-pajjiżi tal-viċinat, joffri benefiċċji sinifikati, u jitlob lill-UE biex tqis din il-kwistjoni bħala prijorità;

    10.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li bħalissa fid-dinja kollha hemm madwar 38 stat fraġli (Indiċi tal-Istati li Fallew 2010; Fond għall-Paċi) li fihom hemm milquta biljun ruħ (Bank Dinji) milqutin mill-problemi marbutin mal-instabilità; jinnota li l-istati fraġli huma l-aktar vulnerabbli għal xokkijiet interni u esterni, kemm politiċi u kemm ekonomiċi, u li l-instabilità tal-istati tikkontribwixxi għall-proċess tal-migrazzjoni;

    11.

    Iqis li l-appoġġ għall-istati politikament u ekonomikament fraġli, bħala għajn ta’ migrazzjoni irregolari u tensjonijiet ta’ sigurtà u stabilità, għandu dejjem jinkludi - barra mill-għajnuna u l-appoġġ baġitarji, u strateġiji li jistabbilixxu jew jikkonsolidaw l-istabilità - l-investiment dirett u l-istrateġiji ta’ aċċess għas-swieq tal-UE, l-iżvilupp rurali u l-istrateġiji għas-sigurtà tal-ikel, appoġġ għall-MDG, il-politiki għall-ħolqien tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-infrastruttura, appoġġ għall-SMEs, faċilitajiet ta’ mikrokreditu u strateġiji mfasslin għall-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni u l-governanza tajba, l-inklużjoni soċjali, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lil gruppi ta’ minoranzi jew gruppi żvantaġġjati u t-tolleranza etnika u reliġjuża, biex b’hekk jiġu massimizzati l-prospetti lokali u l-alternattivi għall-migranti potenzjali; jemmen fermament li tali strateġiji għandhom ikunu msejsin fuq il-partenarjati attivi li jitnebbħu mill-prinċipji tas-sjieda u l-għoti ta’ importanza tal-pajjiżi benefiċjarji, imma wkoll mill-objettivi, pjanijiet direzzjonali u kondizzjonijiet ċari għall-ksib tagħhom kodefiniti mal-pajjiżi donaturi, u mill-benchmarks u l-istandards ta’ responsabilità politika stretta; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-programmi li jingħataw tali finanzjament irid ikollhom bħala l-kriterju bażiku tagħhom il-kisba tal-valur miżjud kemm f'livell reġjonali kif ukoll f'dak lokali, biex b'hekk jiġi żgurat li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali;

    12.

    Jenfasizza li kull riċerka u analiżi dwar it-tendenzi futuri tal-migrazzjoni u l-forom ta’ migrazzjoni bħall-migrazzjoni għal żmien qasir, il-migrazzjoni ċirkolari u l-migrazzjoni staġonali għandha tqis kaġunijiet possibbli tal-migrazzjoni bħall-kriżi politika u ekonomika jew it-tibdil fil-klima fil-pajjiżi tal-oriġini;

    13.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kemm internament u fil-livell internazzjonali sabiex jinkoraġġixxu l-pajjizi ta’ oriġini tal-migranti jadottaw u jimplimentaw miżuri u politiki li jgħinuhom jiżviluppaw soċjalment, ekonomikament u demografikament u ma jġiegħlux lin-nazzjonali jimigraw;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jagħmlu aktar sforzi fir-rigward tal-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni tal-pajjiżi ta’ oriġini u biex jiġi promos l-istat tad-dritt, sabiex jiġu indirizzati l-problemi fundamentalment assoċjati mal-migrazzjoni;

    15.

    Iħeġġeġ it-twaqqif ta’ ċentri ta’ informazzjoni u ġestjoni tal-migrazzjoni lil hinn mill-UE sabiex jgħinu lill-pajjiż terzi ta’ oriġini jew tranżitu biex jiddefinixxu politika ta’ migrazzjoni b’reazzjoni għat-tħassib ta’ migranti potenzjali u migranti li jmorru lura, joffru gwida dwar l-immigrazzjoni legali, kif ukoll fuq opportunitajiet ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet ta’ ħajja fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni, u jgħinu bit-taħriġ għax-xogħol għall-migranti prospettivi, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza ta’ proġett pilota f’Bamako, Mali (CIGEM). jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-kumitat responsabbli tagħha rapporti regolari dwar inizjattivi ġodda għalbiex jiġu stabbiliti ċentri bħal dawn;

    16.

    Ifakkar li fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: it-triq ’il quddiem enfasizza li l-UE ma għandhiex toqgħod teżita li tapplika s-sanzjonijiet meta pajjiżi li qed jiżviluppaw ma josservawx l-obbligi ta’ governanza u rigward id-drittijiet tal-bniedem skont it-trattati ta’ kummerċ, talab lill-awtoritajiet tal-UE jiżguraw l-osservanza skrupluża tal-prinċipju tal-kondizzjonalità, kif jingħad fil-Ftehim ta’ Cotonou, u saħaq li l-istess kriterji ta’ kondizzjonalità għandhom japplikaw ukoll għall-għoti ta’ għajnuna kemm skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) kemm skont l-Istrument ta’ Finanzjament tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI); jisħaq li kriterji bħal dawn ta’ kondizzjonalità għandhom japplikaw ukoll għall-assistenza tal-UE li ma tkunx assistenza għall-iżvilupp jew għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna makrofinanzjarja mogħtija permezz tas-self tal-FMI, kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ self tal-programmi tal-BEI u l-BERŻ, u li tali assistenza tkun imsejsa fuq sħubija, objettivi, valuri u fedeltà kondiviżi u għandhom ikunu jistgħu jissodisfaw l-istennijiet kemm tad-donatur kemm tal-benefiċjarju; jisħaq, barra minn hekk, li l-appoġġ attiv mill-UE għall-pajjiżi benefiċjarji għandu jkun effettiv u orjentat lejn ir-riżultati u li l-valuri essenzjali tal-UE għandhom ikunu rrispettati; jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jippersegwixxu l-objettiv tal-lealtà lejn l-UE u lejn il-valuri essenzjali tagħha huma u jsawru l-arkitettura tal-assistenza finanzjarja tal-UE u fir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi li huma benefiċjarji ta’ tali assistenza; jemmen li għandha tinbeda riflessjoni f'livell ta’ UE dwar il-bażijiet tal-applikazzjoni, u l-ambitu tagħha, tal-kriterji ta’ kondizzjonalità għall-assistenza finanzjarja tal-UE;

    17.

    Jilqa’ l-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha bilaterali tal-UE u jappoġġja l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-kundizzjonalità fil-ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi żviluppati permezz tas-Sistema Ġenerali ta’ Preferenzi; jagħraf li dan il-prinċipju ta’ kundizzjonalità mhux dejjem huwa applikat, billi l-Kummissjoni wriet li toqgħod lura milli tapplika sanzjonijiet għal pajjiżi li qed jiżviluppaw li jonqsu li jonoraw l-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u demokratizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra sanzjonijiet fejn dawn ikunu meħtieġa, iżda jitlobha sabiex qabel tagħmel dan, teżamina bir-reqqa l-konsegwenzi ta’ dawn is-sanzjonijiet fuq il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi benefiċjarji;

    18.

    Iqis li politiki simili għal dawk tal-pajjiżi tal-oriġini għandhom jiġu applikati wkoll għall-pajjiżi ta’ tranżitu, pereżempju fir-rigward tal-istrateġiji għar-riduzzjoni tal-faqar, tal-investiment dirett u għall-aċċess għas-swieq u enfasi fuq aġenda għall-impjiegi li tkun tista’ tiżgura prospetti fit-tul għall-inklużjoni soċjali, tistabilizza s-suq intern tal-impjiegi u ttejjeb il-potenzjal fit-tul tal-pajjiżi ta’ tranżitu;

    19.

    Iqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha, fil-ġestjoni tagħhom tal-flussi ta’ migrazzjoni irregolari, għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta’ dawk li jfittxu ażil u ma jieħdu ebda azzjoni li tista’ timpedixxi lil refuġjati potenzjali milli jitolbu protezzjoni;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu biex tiddetermina min ikollu r-responsabilità biex jilqa’ ’l dawk li jfittxu ażil u biex jeżamina t-talbiet tagħhom, kif ukoll biex jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali, li huma żewġ oqsma fejn qed jinġarr piż sproporzjonat minn ċerti Stati Membri minħabba l-pożizzjoniji ġeografika jew it-taħlita demografika tagħhom;

    21.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ sabiex tivverifika r-rispett għad-drittijiet tar-rifuġjati u dawk li qed ifittxu asil fil-kontrolli tal-prestazzjoni tad-dħul (u qabel id-dħul) skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, biex insiru konxji fil-pront dwar nuqqasijiet possibbli;

    22.

    Jisħaq dwar il-valur tal-missjonijiet osservatriċi tal-UE (EOM) għall-elezzjonijiet bħala l-ewwel pass importanti f’kull proċess ta’ demokratizzazzjoni u governanza tajba, u jemmen li tali missjonijiet għandhom ikunu parti mill-qafas usa’ ta’ appoġġ fil-proċess ta’ demokratizzazzjoni fit-tul; iħeġġeġ lill-VP/RGħ ssaħħaħ il-proċeduri u l-missjonijiet ta’ segwitu għall-verifika ta’ jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-EOM ġewx implimentati, u jisħaq, f'dan is-sens, li huwa kruċjali li jkun żgurat segwitu adegwat għall-implimentazzjoni ta’ tali rakkomandazzjonijiet; jaċċentwa l-importanza tal-medjazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni u tal-bini tal-istituzzjonijiet u tal-kapaċità għall-organizzazzjoni reġjonali, bħalma hija l-Unjoni Afrikana (UA), li għandha rwol importanti fl-operazzjoni ta’ żamma tal-paċi u ta’ bini tal-paċi; jemmen li l-appoġġ għall-UA għandu jinkludi l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ kontroll fuq il-konfini u li tissokkorri lill-migranti kollha f'sitwazzjonijiet ta’ saram; iqis li t-tisħiħ effettiv tal-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-UA, l-Unjoni għall-Mediterran jew is-Sħubija tal-Lvant, bħala multiplikaturi tal-paċi u l-istabilità reġjonali għandu jseddaq l-integrazzjoni reġjonali u jwassal li jfiġġu zoni ekonomiċi bejn il-fruntieri;

    23.

    Jinnota li twettaq progress fl-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni li għandu l-għan li jippromwovi sħubijiet komprensivi ma’ pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu u jħeġġeġ sinerġiji bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb aktar l-użu tal-għodod ewlenin tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni (sħubijiet għall-mobilità, missjonijiet dwar il-migrazzjoni, profili migratorji, pjattaformi ta’ kooperazzjoni); jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li l-għanijiet tal-politika ta’ migrazzjoni jitpoġġew fiċ-ċentru tad-djalogu politiku mal-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu, kif ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza politika f’dan ir-rigward, b’mod partikulari bil-politika ta’ żvilupp; huwa tal-opinjoni li d-diversi proċessi ta’ djalogu għandhom ikunu razzjonalizzati, filwaqt li għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; jemmen li għandhom jissaħħu l-isforzi biex ikunu ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ żvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu li jgħollu l-istandard tal-għajxien tagħhom u jkabbru l-kapaċitajiet regolatorji u istituzzjonali tagħhom, kif ukoll l-infrastruttura tagħhom sabiex jimmaniġġjaw b’mod effettiv il-flussi migratorji, filwaqt li jiżguraw li jkun hemm rispett tal-istandards internazzjonali tal-protezzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-“non-refoulement”;

    24.

    Jenfasizza r-rwol importanti li għandu l-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp, li jipprovdi qafas strutturali għall-promozzjoni ta’ djalogu u kooperazzjoni mtejba bejn kemm atturi governattivi u kemm dawk mhux governattivi, inkluża s-soċjetà ċivili;

    25.

    Jiddeplora l-fatt li fiċ-ċirkostanzi kurrenti l-unika opzjoni disponibbli kienet is-sospensjoni tal-ftehim dwar il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Libja u huwa tal-fehma li s-sospensjoni għandha tkun revokata appena jkun hemm gvern tranżitorju ġdid lest jippromwovi l-implimentazzjoni demokratika u msejsa fuq il-jeddijiet tal-bniedem ta’ tali ftehim, bl-objettiv li jingħata sostenn finanzjarju lill-pajjiżi Afrikani ħalli jinħolqu alternattivi fattibbli għall-migrazzjoni u għall-iżvilupp fil-Libja ta’ sistema aktar effiċjenti għall-ġestjoni ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema, bil-massimizzar tal-ħiliet tal-migranti ġa preżenti fil-pajjiż, bit-titjib tal-kapaċità tal-Libja li tiġbed u tintegra soċjali u ekonomikament lill-migranti, b’mod partikolari minn pajjiżi mal-fruntieri tagħha tan-nofsinhar, u l-ħolqien tas-sisien għal sistema effettiva tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Libja; jisħaq, f’dan il-kuntest, dwar il-ħtieġa għall-UE li tuża l-influwenza tagħha ħalli tipperswadi lil-Libja tippermetti lill-UNHCR tirritorna fil-pajjiż; jemmen li l-ftehimiet dwar aġenda ta’ koperazzjoni dwar il-migrazzjoni għandhom jiġu konklużi ma’ pajjiżi oħrajn li huma ġeografikament qrib tal-UE li jistgħu jkunu sħab siewja fl-għoti ta’ appoġġ, skont il-ftehimiet internazzjonali, lil Stati fraġli fil-viċinat tagħhom;

    26.

    Hu u jindirizza l-kriżi umanitarja kurrenti fl-Afrika ta’ Fuq, jinnota li l-Frontex ma tistax tkun l-għodda ewlenija biex tittratta l-flussi migratorji riżultanti li joriġinaw mir-reġjun, u jitlob lill-UE tfassal rispons immedjat u kkordinat bħala parti minn strateġija koerenti fit-tul, ħalli tittratta mat-tranżizzjonijiet politiċi u l-Istati fraġli, u b'hekk tindirizza l-kawża li jinsabu fl-għerq tal-flussi migratorji; iħeġġeġ lill-Kunsill iniedi pjan ta’ azzjoni ta’ qsim tal-piż ħalli jgħin lir-refuġjati mir-reġjun isibu fejn jgħammru, fuq il-bażi tal-klawsola tas-solidarjetà delineata fl-Artikolu 80 tat-TFUE, u li jagħti appoġġ għall-persuni li m’għandhomx fejn joqogħdu skont id-dispożizzjonijiet delineati fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn; jistieden lill-Kunsill jipproċedi b’urġenza bl-adozzjoni ta’ Sistema Komuni tal-Asil tal-UE u li jikkompleta l-proċeduri ta’ kodeċiżjoni marbutin mat-twaqqif ta’ Programm konġunt tal-UE dwar is-Sistemazzjoni mill-ġdid u Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu 2008-2013, kif rakkomandat mill-Parlament f’Mejju 2010; ifakkar li l-Istati Membri hu rikjest minnhom li josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement;

    27.

    Jisħaq dwar l-importanza essenzjali tal-Parlament Ewropew fit-titjib tal-libertà u d-demokrazija fil-viċinat tagħna; f’dan il-kuntest, jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jimmonitorja mill-qrib il-proċess ta’ demokratizzazzjoni fil-Mediterran tan-Nofsinhar, u għalhekk jissuġġerixxi djalogu strutturat ad hoc mal-VP/RGħ għall-valutazzjoni tal-iżviluppi f’dan ir-reġjun u għall-identifikazzjoni tal-objettivi fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil u l-miżuri ta’ appoġġ relevanti rikjesti;

    28.

    Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni ġenwina għad-djalogi dwar il-jeddijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-ENP rieżaminat; jemmen li l-movimenti u d-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija u r-respressjoni brutali tagħhom mill-awtoritajiet f’pajjiżi bħat-Tuneżija u l-Eġittu juru li d-djalogi tal-ENP dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma kinux effettivi;

    29.

    Jilqa’ t-tlestija tan-negozjati għall-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija u jappella biex jitlestew b’suċċess il-fażijiet kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Ftehim ikun implimentat bis-sħiħ mill-aktar fis mill-partijiet kollha;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ tranżitu u tal-oriġini tal-immigranti illegali skont il-ftehimiet konklużi – jew li se jiġu konklużi – mill-UE u bi ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, sabiex titrażżan l-immigrazzjoni illegali u jitħeġġeġ ir-rispett tal-liġi għall-benefiċċju tal-migranti u tal-abitanti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-oriġini;

    31.

    Iqis li l-armonizzazzjoni - b’kooperazzjoni mal-Istati Membri - tal-istatistiċi li jikkonċernaw il-migrazzjoni hija essenzjali għall-ippjanar, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika tal-migrazzjoni; jenfasizza l-importanza tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni li jista’ jkollu kontribut sostanzjali f’dan il-qasam;

    32.

    Jenfasizza l-bżonn urġenti ta’ data consistenti, komprensiva u komparabbli dwar il-popolazzjoni tal-migranti minħabba li l-bidla kostanti f’dik il-popolazzjoni u n-natura tal-fluss attwali tal-migrazzjoni jippreżentaw sfida reali għal dawk li jfasslu l-politika li għandhom bżonn data u informazzjoni affidabbli li fuqhom tiġi bbażata d-deċiżjonijiet tagħhom;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis bħala parti mir-rieżami tagħha li għaddej bħalissa tal-ENP, il-għoti ta’ finanzjament speċifiku għall-iżvilupp ta’ aġenda ekonomika f'saħħitha u rinnovata fil-pajjiżi tal-ENP, inkluża aġenda għax-xogħol; jemmen li għandu jiġi diskuss pjan direzzjonali mal-pajjiżi tal-ENP dwar l-allinjament tal-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-migrazzjoni mal-istandards tal-UE, inklużi l-istandards tal-jeddijiet tal-bniedem, bħalma hu l-jedd għall-ażil, sistema ta’ protezzjoni għall-migranti irregolari, u jeddijiet indaqs għall-migranti kollha; iħeġġeġ il-konklużjoni ta’ aktar ftehimiet ta’ sħubija fil-mobilità mal-pajjiżi tal-ENP oltre għal dawk ġa eżistenti mal-Moldova u l-Ġeorġja;

    34.

    Jitlob li tiġi stabbilita politika tal-migrazzjoni komprensiva marbuta mal-istrateġiji u l-istrumenti kollha tal-iżvilupp ibbażata fuq livell għoli ta’ solidarjetà politika u operazzjonali, fiduċja reċiproka, trasparenza, sħubija, responsabilità kondiviża u sforzi konġunti permezz ta’ prinċipji komuni u azzjonijiet konkreti, kif ukoll fuq il-valuri mnaqqxa fit-Trattat ta’ Lisbona;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ komprensiv għall-migrazzjoni legali, billi tqis il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol Ewropew għal forza tax-xogħol kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ kull Stat Membru li jilqa’ u jintegra lill-migranti; jemmen li politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali tista’ tkun ta’ stimolu kemm għall-ekonomija Ewropea kif ukoll għall-ekonomiji tal-pajjiżi tal-oriġini;

    36.

    Huwa tal-opinjoni li l-ftehimiet mal-pajjiżi terzi li jikkonċernaw diversi Stati Membri tal-UE għandhom jiġu nnegozjati fil-livell Ewropew b’konsiderazzjoni sħiħa tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    37.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw aħjar l-għajnuna tad-donaturi sabiex jiġi ggarantit approċċ aktar komprensiv u sostenibbli għall-ġestjoni tal-flussi migratorji;

    38.

    Iħeġġeġ li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun diżassoċjata mill-ġestjoni tal-flussi migratorji u li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tkun kundizzjonali fuq il-migrazzjoni lura; jenfasizza li l-għajnuna għall-iżvilupp min-naħa tal-UE għandu jkolha l-mira li telimina r-raġunijiet għall-migrazzjoni, bħalma huma l-faqar, it-tibdil fil-klima u l-ġuħ;

    39.

    Jenfasizza l-valur miżjud li l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u l-inizzjativa Sħubija tal-Lvant (EaP) jistgħu jġibu fil-mod kif tiġi ttrattata l-kwestjoni tal-migrazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha; jistieden lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi sabiex l-Unjoni għall-Mediterran tibda titħaddem bis-sħiħ; jemmen li l-kwestjoni tal-flussi migratorji għandha tkun prijoritarja għall-azzjoni fil-qafas tal-UgħM u l-EaP;

    40.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea tikkunsidra passi biex taġġusta l-Istrumenti ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp u l-Istrument għall-Għajnuna Umanitarja ħalli jissaħħu l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni f’dik li hi l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem u d-demokrazija fi stati fraġli;

    41.

    Jitlob li jsiru sforzi addizzjonali biex tiġi promossa l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fi ħdan il-politika tal-migrazzjoni tal-UE u li noqogħdu lura milli nużaw l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għall-politiki li huma mmirati biex jiskuraġġixxu u jikkontrollaw il-migrazzjoni b'modi li jinvolvu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; iqis illi l-ODA għandha tintuża, madankollu, biex iġġib 'il quddiem l-iżvilupp effikaċi, u b’hekk tnaqqas il-migrazzjoni kkawżata mill-faqar, l-instabilità politika u l-oppressjoni politika;

    42.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni ta’ Tripli maħruġa fi tmiem it-Tielet Samit bejn l-Afrika u l-UE, li tafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-isforzi konġunti biex jiġu indirizzati r-realtajiet u l-isfidi tal-migrazzjoni u r-rabtied tagħha mal-iżvilupp;

    43.

    Jitlob għal aktar sħubijiet effikaċi ma’ istituzzjonijiet li jippromwovu l-integrazzjoni reġjonali u ekonomika, li jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema u fit-tul għar-realtajiet tal-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar;

    44.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tagħmel aktar riċerka dwar il-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar ikkawżata mill-klima inkluż il-għadd ta’ nies milquta, ir-reġjuni vulnerabbli, il-movimenti tal-migrazzjoni u kemm jifilħu jilqgħu nies il-pajjiżi ospitanti; jitlob ukoll li titrawwem il-kapaċità ta’ riċerka tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    45.

    Jenfasizza kemm hu importanti li l-migrazzjoni tiġi integrata fl-istrateġiji tal-iżvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab bil-għan li jitnaqqas il-faqar u jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

    46.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tal-Osservatorju tal-AKP dwar il-Migrazzjoni bħala strument utli biex dawk li jfasslu l-politiki fil-pajjiżi tal-AKP jingħataw id-data u l-mezzi biex itejbu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom rigward il-migrazzjoni, kif ukoll il-proposta għall-ħolqien ta’ Osservatorju tal-Migrazzjoni responsabbli għal-monitoraġġ permanenti u mill-qrib tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-flussi migratorji fl-Amerika Latina, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-Fondazzjoni Ewropa–Amerika Latina u l-Karibew;

    47.

    Jirrakkomanda li r-riżorsi finanzjarji għat-tisħiħ tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-żvilupp għandhom jiġu allokati b’mod aktar effiċjenti; jagħraf il-ħtieġa li jitejbu l-arranġamenti għall-mobilitizzazzjoni kumplementarja u f’waqtha tad-diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE għall-azzjoni esterna tagħha;

    48.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-istrateġiji LRRD (li għandhom il-mira li joħolqu rbit bejn l-għajnuna ta’ emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp) bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-persuni spustati u r-rifuġjati; jagħraf l-importanza ta’ rispons umanitarju kkoordinat bħala prekursur ta’ politika vijabbli tal-iżvilupp fil-pajjiżi li jkunu għadhom kif għaddew minn konflitt;

    49.

    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tinvesti fl-għarfien espert u tistabbilixxi mandat ċar għall-persunal kemm fil-livell ta’ kwartieri ġenerali u kemm fil-livell tad-delegazzjonijiet bil-għan li tintlaħaq koordinazzjoni aħjar bejn il-Programm Tematiku dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u l-programmi ġeografiċi tal-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

    50.

    Jitlob li jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tas-SEAE u d-DEVCO, u li jkun hemm koordinazzjoni bejniethom; iħeġġeġ lid-DEVCO twettaq rwol ewlieni fil-fażi tal-ipprogrammar fir-rigward tal-politika tal-migrazzjoni;

    51.

    Jisħaq fuq kemm hu importanti li nisiltu t-tagħlimiet mill-Programm Tematiku dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil f'dak li hu djalogu dwar il-politiki fil-livell ta’ pajjiż bil-għan li jkun żgurat ipprogrammar aktar koerenti u effettiv fil-kuntest tad-dokumenti ta’ strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni.

    52.

    Iħeġġeġ li jiġu intensifikati l-isforzi mmirati biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-ħrib tal-imħuħ u tal-eżodu tal-professjonisti li jolqot b’mod partikolari setturi ewlenin bħalma huma s-saħħa u l-edukazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tat-tkattir tal-imħuħ, il-programmi tar-ritorn megħjun u l-migrazzjoni ċirkulari, ir-regolazzjoni ta’ prattiki tar-reklutaġġ u l-appoġġ tal-bini tal-kapaċità permezz ta’ prattiki bħalma huwa l-iżvilupp tat-taħriġ vokazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tistudja jekk l-iskemi tal-migrazzjoni ċirkulari humiex strument utli u liema tipi ta’ ċirkularità (ta’ darba/rikorrenti; għal żmien qasir/għal żmien twil; spontanja/ġestita) jistgħu jipproduċu l-aħjar riżultati kemm għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll għall-pajjiżi żviluppati;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni, meta tipprepara l-istrumenti l-ġodda għall-azzjoni esterna għall-perijodu wara l-2013, tiżgura li l-arkitettura proposta tippermetti li jkun hemm is-sinerġiji u t-tisħiħ reċiproku bejn il-pilastru tal-iżvilupp u l-pilastru tas-sigurtà u l-istabilità u li tipprevedi l-allokazzjoni ta’ fondi ta’ emerġenza u ta’ rkupru, rispons rapidu għas-sokkors u għall-għajnuna lill-migranti f'sitwazzjoni ta’ saram - speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli bħan-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati - programmi speċifiċi għall-għoti ta’ appoġġ attiv għall-minoranzi, inklużi komunitajiet reliġjużi, etniċi u LGBTT, li jistgħu jkunu mheddin, kenn fl-UE għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjoni ta’ saram u miżuri ta’ appoġġ għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, d-diforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni u t-telf tal-bijodiversità u għall-preservazzjoni tal-ambjent ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet milquta;

    54.

    Jitlob li jiġu żviluppati politiki li jqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ gruppi vulnerabbli bħalma huma n-nisa, it-tfal u l-persuni b’diżabilità, u għalhekk l-istabbiliment ta’ infrastrutturi rilevanti bħalma huma sptarijiet, skejjel u tagħmir edukattiv, flimkien mal-appoġġ soċjali, psikoloġiku u amministrattiv meħtieġ;

    55.

    Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rwol importanti li kellhom iċ-ċentri ta’ riabilitazzjoni għall-vittmi tat-tortura li integraw b’suċċess lill-migranti, inklużi r-refuġjati u dawk li qed ifittxu l-asil, fl-UE; jinnota bi tħassib id-deċiżjoni li l-iffinanzjar għal dawn iċ-ċentri fl-UE taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem se jiġu eliminati gradwalment; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-iffinanzjar għal dawn iċ-ċentri ma jitnaqqsux u ma jitħallewx sempliċiment f'idejn l-Isati Membri;

    56.

    Jitlob lill-Kummissjoni tippublika l-evalwazzjoni esterna tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali (RPPs) u sabiex jingħata bidu għal dibattitu dwar jekk dan il-programm għandux jitkompla;

    57.

    Jemmen, fir-rigward tal-missjonijiet PESK/PSDK, u kif enfasizzat ukoll mir-RGħ/VP, li l-istrateġiji ta’ sigurtà u stabilità għandhom ikunu kkumplimentati bi strateġiji ad hoc li jappoġġjaw l-għajnuna għall-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem, b’mod li tiġi żgurata l-eliminazzjoni fuq żmien fit-tul tal-kawżi primarji tal-insigurtà u l-instabilità. f’dan il-kuntest jirrimarka dwar il-fatt li approċċ komprensiv bħal dan jeħtieġ mhux biss koordinazzjoni aħjar, permezz tas-SEAE, iżda wkoll approprjazzjonijiet baġitarji ad hoc ulterjuri għal dawn l-istrateġiji ta’ appoġġ; Mozzjoni għal riżoluzzjoni;

    58.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, lill-Bank Dinji, lill-IMF, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali għall-Migrazzjoni. 11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Unjoni Ewropea, lill-Presidenza tal-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi kandidati għall-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi membri tal-EURONEST u tal-EUROMED, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali għall-Migrazzjoni u lill-UNHCR.


    (1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (5)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

    (6)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (7)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0020.

    (9)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.

    (10)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0327.

    (11)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0496.


    Top