Izberite preskusne funkcije, ki jih želite preveriti.

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 52011IP0022

    Is-sitwazzjoni fil-Belarus Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus

    ĠU C 136E, 11.5.2012, str. 57–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.5.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 136/57


    Il-Ħamis 20 ta’ Jannar 2011
    Is-sitwazzjoni fil-Belarus

    P7_TA(2011)0022

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus

    2012/C 136 E/12

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja (1),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (2), li testendi kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll is-sospensjoni tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2011,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta’ Ottubru 2010,

    wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta’ Diċembru 2010,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi d-Dikjarazzjoni ta’ Praga tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant ittenni l-impenji, inter alia tal-Bjelorussja, favur il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

    B.

    billi fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill “appella lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżguraw li l-elezzjonijiet (presidenzjali) isiru f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-impenji tal-Bjelorussja fl-OSKE u n-NU”,

    C.

    billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSKE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSKE,

    D.

    billi l-Kunsill tenna “d-disponibilità tiegħu li japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-Bjelorussja skont l-iżviluppi fil-Bjelorussja favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif ukoll id-disponibilità tiegħu li jgħin lill-pajjiż jilħaq dawn l-objettivi. Skont il-progress li jkun sar fil-Bjelorussja f'dawn l-oqsma, qal li huwa lest li jieħu l-passi meħtieġa biex jittejbu r-relazzjonijiet kuntrattwali mal-Bjelorussja”,

    E.

    billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi iżda li jissospendi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE, it-tnejn li huma sal-31 ta’ Ottubru 2011,

    F.

    billi skont “id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja” tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR sar xi titjib qabel l-elezzjonijiet iżda ma baqax evidenti minħabba l-irregolaritajiet serji fil-jum tal-votazzjoni u l-vjolenza li faqqgħet fil-lejl tad-19 ta’ Diċembru 2010,

    G.

    billi aktar minn 700 persuna ġew detenuti minħabba li ħadu sehem fid-dimostrazzjoni fid-19 ta’ Diċembru 2010 f'Minsk, li l-biċċa l-kbira minnhom inħelsu wara li għamlu żmien qasir il-ħabs filwaqt li 24 attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni, fosthom 6 kandidati presidenzjali, ġew akkużati bl-'organizzazzjoni ta’ diżordni tal-massa' kif ukoll b'attakki vjolenti u reżistenza armata, akkużi li jistgħu jwasslu għal sentenzi ta’ ħabs ta’ massimu ta’ 15-il sena; billi 14-il persuna oħra jistgħu jiġu akkużati dalwaqt,

    H.

    billi r-repressjoni mill-pulizija tad-dimostrazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2010 u iktar miżuri li ttieħdu mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili ġew ikkundannati mill-President tal-Parlament Ewropew, mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u mis-Segretarju Ġenerali tan-NU,

    I.

    billi l-avukati li jirrappreżentaw lid-dimostranti, lill-oppożizzjoni politika jew lill-familji tagħhom huma mhedda li titneħħielhom il-liċenzja jew li ma jitħallewx jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-qrati,

    1.

    Iqis, skont ir-riżultati tal-Konklużjonijiet Preliminari tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010 ma laħqux l-istandards internazzjonali ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti; iqis din il-votazzjoni bħala opportunità oħra li ma ġietx sfruttata għal tranżizzjoni demokratika fil-Bjelorussja u jitlob, fid-dawl tal-irregolaritajiet numerużi u serji rrappurtati mill-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet jerġgħu jsiru b'kundizzjonijiet ħielsa u demokratiċi skont l-istandards tal-OSKE;

    2.

    Jikkundanna l-użu ta’ forza brutali mill-pulizija u s-servizzi tal-KGB kontra dawk id-dimostranti fil-Jum tal-Elezzjoni, u b'mod partikolari jesprimi l-għadab tiegħu dwar attakk brutali fuq is-Sur Niakliayeu, billi ż-żewġ każijiet huma eżempji ta’ ksur serju tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, bħal-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem, u jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar it-tentattivi tal-awtoritajiet Bjelorussi li jieħdu fil-kustodja tal-istat lil Danil Sannikov, it-tifel ta’ tliet snin tal-kandidat presidenzajli Andrei Sannikov, u lil Irina Khalip, ġurnalista investigattiva, li t-tnejn li huma ilhom arrestati mill-elezzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2010; huwa partikolarment mħasseb dwar l-istat ta’ saħħa ta’ Mikalay Statkevich, li ilu 31 jum fuq strike tal-ġuħ.

    3.

    Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni ta’ dimostranti paċifiċi u tal-biċċa l-kbira tal-kandidati presidenzjali (e.g. Uladzimir Niakliayeu, Andrei Sannikov, Mikalay Statkevich and Aleksey Michalevich); il-kapijiet tal-oppożizzjoni demokratika (e.g. Pavel Sevyarynets, Anatoly Lebedko), kif ukoll ta’ għadd kbir ta’ attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, għalliema u studenti li qed jaffaċċjaw sentenzi ta’ massimu ta’ 15-il sena ħabs; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u imparzjali dwar l-avvenimenti taħt il-patroċinju tal-OSKE; jitlob li l-akkużi għal raġunijiet politiċi jiġu rtirati minnufih;

    4.

    Jikkundanna r-repressjonijiet u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iwaqqfu minnufih kull forma ta’ fastidju, intimidazzjoni jew theddid kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili inklużi razziji, tfittxijiet u konfiska ta’ materjal f'appartamenti privati, binjiet ta’ midja indipendenti u uffiċċji ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll tkeċċijiet mill-universitajiet u minn postijiet tax-xogħol;

    5.

    Jitlob b'insistenza li jinħeles minnufih u inkundizzjonatament kull min ġie detenut matul Jum l-Elezzjoni u warajh, fosthom il-priġunieri tal-kuxjenza rikonoxxuti minn Amnesty International; jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jagħtu aċċess bla xkiel lid-detenuti għall-qraba, l-assistenza legali u l-kura medika;

    6.

    Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li jwaqqfu l-missjoni tal-Uffiċċju tal-OSKE fil-Bjelorussja u jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirtiraw din id-deċiżjoni;

    7.

    Jikkundanna l-imblukkar ta’ għadd ta’ websajts ewlenin tal-Internet, inklużi kanali ta’ netwerking u websajts tal-oppożizzjoni, f'Jum l-Elezzjoni fil-Bjelorussja; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-midja fil-Bjelorussja ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirreveduha u jemendawha;

    8.

    Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jeżaminaw mill-ġdid il-politika tal-UE dwar il-Bjelorussja u biex jikkunsidraw sanzjonijiet ekonomiċi mmirati u l-iffriżar tal-għajnuna makrofinanzjarja kollha mogħtija permezz ta’ self mill-FMI kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ self minn programmi tal-BEI u tal-BERŻ; jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV u l-għajnuna nazzjonali għall-Bjelorussja jiġu orjentati mill-ġdid biex ikun żgurat appoġġ xieraq għas-soċjetà ċivili; itenni l-importanza tal-użu effikaċi tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, il-midja indipendenti (fosthom TV Belsat, ir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja, Radio Racja u oħrajn) u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Bjelorussja biex jippromwovu d-demokrazija u jopponu r-reġim; jara l-ħtieġa li jittejbu u jiġu ffaċilitati r-relazzjonijiet tal-NGOs Bjelorussi mal-komunità internazzjonali tal-NGOs; fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-kooperazzjoni attwali u biex tirtira l-għajnuna tagħha għall-midja tal-istat fil-Bjelorussja; fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tiffinanzja l-istampar mill-ġdid u d-distribuzzjoni ta’ kotba tal-poeżija minn Uladzimir Niakliayeu, li reċentement ġew konfiskati u maħruqa mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni tal-NGOs li tinċaħdilhom ir-reġistrazzjoni fil-Bjelorussja għal raġunijiet politiċi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi tal-UE;

    11.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u żżid l-għajnuna finanzjarja lill-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU) ibbażata f’Vilnjus, il-Litwanja, biex iżżid l-għadd ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti Bjelorussi, li ġew repressi minħabba l-attivitajiet ċiviċi tagħhom u li tkeċċew mill-universitajiet u biex tikkontribwixxi għall-konferenza tad-donaturi tal-organizzazzjoni “Solidarjetà mal-Bjelorussja” li se ssir f'Varsavja fit-2 ta’ Frar 2011 u l-konferenza sussegwenti f'Vilnjus mit-3 sal-4 ta’ Frar 2011;

    12.

    Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jerġgħu japplikaw minnufih il-projbizzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għall-awtoritajiet Bjelorussi ewlenin filwaqt li jestenduha għall-uffiċjali tal-istat, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali tas-sigurtà li jistgħu jitqiesu responsabbli għat-tbagħbis tal-votazzjoni u għar-repressjonijiet brutali u l-arresti postelettorali ta’ membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll biex jiffriżawlhom l-assi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ tal-anqas sakemm il-priġunieri u d-detenuti politiċi kollha jinħelsu u jiġu rtirati l-akkużi kontrihom; jilqa' l-eżempju tajjeb tal-Gvern Pollakk, li imponew ir-restrizzjoni tagħhom stess fuq l-ivvjaġġar għar-rappreżentanti tar-reġim ta’ Minsk u li fl-istess ħin issimplifikaw l-aċċess għall-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini Bjelorussi;

    13.

    Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibbiltà li jissospendi l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-attivitajiet tas-Sħubija tal-Lvant mhux aktar tard minn matul is-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Budapest jekk ma tingħatax spjegazzjoni aċċettabbli u jekk is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja ma titjiebx b'mod sinifikanti; din is-sospensjoni m'għandhiex tapplika għall-NGOs u s-soċjetà ċivili;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintensifikaw il-ħidma fuq id-direttivi tan-negozjati għall-ftehim ta’ riammissjoni u għall-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi, li jinkludu ħlasijiet raġonevoli għall-viżi sabiex jittejbu l-kuntatti interpersonali;

    15.

    Jistenna li l-Istati Membri tal-UE ma jdgħajfux l-azzjoni tal-UE b'inizjattivi bilaterali mar-reġim Bjelorussu li jikkompromettu l-kredibilità u l-effikaċja tal-politika barranija Ewropea;

    16.

    Huwa tal-fehma li avvenimenti sportivi, bħall-Kampjonati Dinjija tal-Hockey fuq is-Silġ fl-2014, m'għandhomx isiru fil-Bjelorussja waqt li jkun għad hemm priġunieri politiċi f'dak il-pajjiż;

    17.

    Jiddispjaċih rigward id-deċiżjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi l-elezzjonijiet kif ukoll li tiddeskrivi r-repressjoni bħala “kwistjoni interna”; jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi djalogu, konsultazzjonijiet u koordinazzjoni politika mal-ġirien tal-Bjelorussja li mhumiex fl-UE, li tradizzjonalment għandhom relazzjonijiet speċjali ma’ dak il-pajjiż u huma wkoll sħab tal-UE, partikolarment ir-Russja u l-Ukraina, sabiex timmassimizza l-effiċjenza tal-politika tal-UE għall-Bjelorussja u biex tikkoopera fil-bilanċ xieraq għar-reazzjoni kontra d-defiċit demokratiku u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja bil-ħtieġa li tiġi evitata l-iżolazzjoni internazzjonali tal-Bjelorussja;

    18.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bjelorussja u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.


    (1)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 16.

    (2)  ĠU L 280, 26.10.2010, p. 18.


    Na vrh