Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1391

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ajru Uniku Ewropew II” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 38–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/38


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ajru Uniku Ewropew II” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2011/C 376/07

    Relatur: is-Sur KRAWCZYK

    Nhar it-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    l-Ajru Uniku Ewropew II.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, u astensjoni waħda (1).

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Għal għexieren ta’ snin, is-sistema Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru batiet minn frammentazzjoni u dgħufijiet. Bil-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew (SES), tista’ tiżdied is-sigurtà u titjieb l-effiċjenza tat-titjiriet. Dan iġib miegħu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 għal kull titjira u jtaffi sew impatti ambjentali oħra (l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-avjazzjoni jistgħu jitnaqqsu bi 12 % għal kull titjira) filwaqt li jiġi ffrankat ammont konsiderevoli mill-infiq.

    1.2   Il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew huwa essenzjali wkoll sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE fis-suq globali. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni Ewropea tassumi rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew II. Hija biss tmexxija b’saħħitha u mingħajr dubji min-naħa tal-Kummissjoni li ser tippermetti li jingħelbu b’suċċess l-ostakli u l-problemi politiċi varji li kienu ffaċċjati fis-snin preċedenti.

    1.3   L-implimentazzjoni b’suċċess tal-iskema ta’ prestazzjoni bbażata fuq miri realistiċi iżda ambizzjużi għas-sigurtà, il-kosteffiċjenza, il-kapaċità/id-dewmien u l-effiċjenza tat-titjiriet hija fattur kruċjali biex jitwettaq l-Ajru Uniku Ewropew. Il-KESE huwa mħasseb li l-livell attwali ta’ impenn fost l-Istati Membri tal-UE b’rabta mal-Ajru Uniku Ewropew mhuwiex biżżejjed.

    1.4   Jeħtieġ li jiġu żviluppati blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs) ibbażati fuq il-ħtiġijiet operattivi filwaqt li jitqiesu s-sigurtà, il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru, l-objettivi li titjieb il-kosteffiċjenza u t-titjib ambjentali permezz ta’ effiċjenza miżjuda tat-titjiriet. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi u tissorvelja mill-qrib il-parametri tal-prestazzjoni li jridu jinkisbu mill-inizjattivi varji tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali billi jintuża l-qafas ta’ prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew II.

    1.5   Il-KESE jemmen li l-Eurocontrol jista’ jkollu rwol fit-tisħiħ tal-funzjonijiet tan-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bħalma huma d-disinn tan-netwerk tar-rotta, il-ġestjoni tal-fluss ċentrali u l-ġestjoni tar-riżorsi skarsi, iżda bil-kundizzjoni li dan isir fil-qafas tal-liġi tal-UE, li r-riforma tal-aġenzija Eurocontrol tiġi kompluta b’suċċess u li l-bażi tal-ispejjeż tal-Eurocontrol tiġi razzjonalizzata aktar. Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taħtar lill-Eurocontrol bħala “l-Amministratur tan-Netwerk” tal-Ewropa.

    1.6   Il-KESE jemmen li l-objettivi tas-sigurtà u tal-prestazzjoni, kif ukoll tal-interoperabbiltà mas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mhux tal-UE (bħalma hija l-inizjattiva NextGen tal-Istati Uniti) għandhom jibqgħu l-forza mexxejja għall-programm tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR). Għaldaqstant, il-KESE jħoss li għandhom jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-użu tas-SESAR li ġejjin:

    L-iżgurar ta’ użu sinkronizzat tat-titjib tal-infrastruttura tal-ajru u tal-art.

    L-iżgurar ta’ riżorsi finanzjarji adegwati u fil-ħin għall-użu tas-SESAR.

    L-istabbiliment ta’ governanza adegwata għall-użu tas-SESAR.

    1.7   Is-sigurtà tmur lil hinn mir-regolamenti tas-sigurtà. Din tinkludi wkoll: il-kapaċitajiet umani, kultura ta’ sigurtà, kompetenzi, taħriġ u ġestjoni tar-riżorsi tat-tim. F’dan il-kuntest huwa importanti li:

    tiġi rikonoxxuta l-prestazzjoni umana f’termini ta’ ġestjoni proattiva tar-riskji tas-sigurtà;

    jiġi żgurat livell adegwat ta’ kompetenza u ta’ taħriġ tal-professjonisti;

    jiġi promoss l-involviment tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew fil-livelli kollha; u

    tinbena kultura soda ta’ sigurtà li tintegra r-rappurtaġġ miftuħ u “kultura ġusta” bħala bażi għall-prestazzjoni tas-sigurtà.

    1.8   Il-KESE jinnota li l-pakkett tal-Ajru Uniku Ewropew II estenda l-iskop tas-sistema tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għar-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-livell tal-UE, u b’hekk jiġi żgurat approċċ integrat għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-UE skont kunċett ta’ “gate to gate”.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Bil-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew, tista’ tiżdied is-sigurtà u titjieb l-effiċjenza tat-titjiriet. Dan iġib miegħu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 għal kull titjira u jtaffi sew impatti ambjentali oħra (l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-avjazzjoni jistgħu jitnaqqsu bi 12 % għal kull titjira) filwaqt li jiġi ffrankat ammont konsiderevoli mill-infiq.

    2.2   Il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew huwa essenzjali wkoll sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE fis-suq globali. Barra minn hekk, is-sistema attwali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mhux ser tkun kapaċi tittratta d-domanda tat-traffiku mbassra għall-perjodu minn issa sal-2030 (skont l-aħħar tbassir fit-tul li sar mill-Eurocontrol, it-traffiku ser jiżdied għal 16,9 miljun titjira sal-2030 (1,8 darbiet il-livelli attwali tat-traffiku).

    2.3   Pakkett inizjali tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE (SES I) daħal fis-seħħ fl-2004. Dak iż-żmien, l-akbar problema fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kienet il-konġestjoni fl-ajru u t-tardjar sussegwenti, u għalhekk din, flimkien mas-sigurtà, saret il-punt fokali ewlieni tal-SES I.

    2.4   Tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru nbidlet xi daqsxejn, u filwaqt li s-sigurtà u l-kapaċità għadhom l-aktar objettivi importanti, l-istampa saret aktar varjata, b’enfasi akbar fuq l-ambjent (l-effiċjenza tat-titjiriet) u l-kosteffiċjenza. Barra minn hekk, l-approċċ regolatorju tbiddel minħabba talbiet li saru mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati għal approċċ inqas preskrittiv (“regolamentazzjoni aħjar”).

    2.5   Għalkemm inkisbu xi wħud mill-objettivi tal-SES, id-diffikultajiet tal-Istati Membri biex jiksbu xi objettivi tal-SES I, flimkien ma’ objettivi aġġornati bħalma huma l-ambjent u l-prestazzjoni, wasslu għat-tnedija tal-pakkett tal-Ajru Uniku Ewropew II (SES II). Dan ġie adottat mil-leġislatur tal-UE fl-2009 u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-14 ta’ Novembru 2009. Hu jipprovdi l-għodod essenzjali, il-qafas legali u l-moduli biex jiġi implimentat Ajru Uniku Ewropew mill-2012 ’il quddiem.

    2.6   Barra minn hekk, il-programm SESAR tnieda bħala l-komponent tekniku u operattiv li jikkumplementa r-riformi istituzzjonali maħsuba permezz tal-SES II.

    2.7   Madankollu għad fadal sfidi sostanzjali. Sabiex jingħelbu dawn l-isfidi, jeħtieġ titjib operattiv kbir, flimkien ma’ azzjoni politika kontinwa sabiex tkun żgurata implimentazzjoni rapida tal-pakkett SES II ibbażata fuq miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni u bl-objettiv aħħari li jiġu eliminati d-differenzi fil-prestazzjoni bejn is-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE.

    2.8   Il-KESE enfasizza l-ħtieġa ta’ Ajru Uniku Ewropew f’opinjonijiet preċedenti, b’mod partikolari l-opinjoni TEN 354-355 dwar it-titjib tal-prestazzjoni tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni permezz tal-SES II. Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tipprovdi viżjoni ta’ livell għoli għall-implimentazzjoni tal-pakkett tal-SES II u għall-użu tas-SESAR, u tindirizza l-aspetti li ġejjin:

    l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni tal-SES II b’miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni;

    l-implimentazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali li huma bbażati fuq dawn il-miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni;

    it-tisħiħ tal-funzjonijiet tan-netwerk għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fuq il-bażi ta’ Eurocontrol riformat;

    ir-riforma tal-Eurocontrol bħala appoġġ għall-SES u b’bażi tal-ispejjeż imnaqqsa;

    is-SESAR bħala l-komponent tekniku u operattiv tal-SES b’finanzjament pubbliku sabiex tiġi appoġġjata l-fażi ta’ implimentazzjoni;

    l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bħala l-uniku regolatur tas-sigurtà b’regoli tas-sigurtà bbażati fuq il-prinċipji tas-sigurtà u li jibni fuq ir-regoli eżistenti.

    Il-prinċipju tal-fatturi umani u l-ħtieġa ta’ djalogu soċjali mal-persunal li qiegħed fuq quddiem u konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati kollha huma element ewlieni li fuqu għandhom jissejsu dawk l-aspetti kollha.

    3.   L-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni tal-SES II b’miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni

    3.1   L-implimentazzjoni b’suċċess tal-iskema ta’ prestazzjoni bbażata fuq miri ambizzjużi għas-sigurtà, il-kosteffiċjenza, il-kapaċità/id-dewmien u l-effiċjenza tat-titjiriet hija fattur kruċjali biex jitwettaq l-Ajru Uniku Ewropew. Ser ikun hemm bżonn impenn politiku sod biex jiġi żgurat li l-benefiċċji tiegħu jaslu malajr. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jonoraw l-impenn tagħhom li jħaffu l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, hekk kif ġie deċiż fil-Kunsill Trasport tal-UE f’Mejju 2010. Il-KESE huwa mħasseb li l-livell attwali ta’ impenn fost l-Istati Membri tal-UE għal Ajru Uniku Ewropew huwa baxx.

    3.2   Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-miri ta’ prestazzjoni madwar il-Komunità kollha u l-miri nazzjonali tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali. Dan ser ikun jeħtieġ l-iżvilupp ta’ sistema sabiex jiġu solvuti l-inkonsistenzi bejn dawn il-miri. Fil-prattika, dan ifisser li dawk li jagħtu l-agħar prestazzjoni ser ikunu jeħtieġu miri aktar ambizzjużi minn dawk li jagħtu prestazzjoni aħjar. Ir-rapporti tal-Kummissjoni tal-Eurocontrol għall-Analiżi tal-Prestazzjoni dwar il-benchmarking tal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ACE) għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti miri dettaljati għall-provvedituri individwali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Għandhom jiġu żviluppati u implimentati miri metriċi ta’ sigurtà sabiex ikun żgurat approċċ bilanċat flimkien mal-miri l-oħra ta’ prestazzjoni. F’dan il-kuntest m’għandu jkun hemm l-ebda kompromess tal-livelli tas-sigurtà, u s-sigurtà għandha tkompli tittejjeb.

    3.3   Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs) mill-Provvedituri ta’ Servizz ta’ Navigazzjoni bl-Ajru (ANSPs) kif ukoll mill-interferenza politika; dan huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b’suċċess. Għaldaqstant għandhom jiġu żgurati riżorsi adegwati għall-NSAs. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja mill-qrib il-konformità stretta ma’ dawk il-prinċipji billi tagħmel użu mill-għodod disponibbli fil-pakkett tal-SES II. Barra minn hekk, l-NSAs għandhom jikkoordinaw aħjar billi jagħmlu użu estensiv tal-pjattaforma stabbilita tal-NSA u, jekk jagħti l-każ, għandha tiġi maħsuba konsolidazzjoni fi ħdan il-kuntest tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali sabiex ikunu żgurati ekonomiji ta’ skala u għall-prevenzjoni ta’ żieda fl-ispejjeż ta’ superviżjoni. F’dan il-kuntest jista’ jikber ir-rwol tal-koordinatur tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali.

    3.4   L-iskema ta’ prestazzjoni għandha tindirizza kemm il-ħlasijiet en route kif ukoll dawk tat-terminals. Dan huwa essenzjali sabiex ikunu żgurati benefiċċji sinifikattivi għal-linji tal-ajru u għall-passiġġieri, fuq il-bażi tal-kunċett “gate to gate”. Jekk jiġi żviluppat pjan direzzjonali, dan iwassal biex jitnaqqsu l-ispejjeż diretti u indiretti tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-UE fuq medda twila ta’ żmien u b’hekk jitnaqqsu l-ħlasijiet għall-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru (ATC) li jintalbu jħallsu l-utenti tal-ispazju tal-ajru, u b’hekk jiġu affettwati l-passiġġieri u l-klijenti tal-merkanzija.

    3.5   Il-KESE huwa tal-fehma li l-iskema ta’ prestazzjoni tal-SES II għandha tintrabat ma’ skema ta’ inċentiv żviluppata sew. L-akbar inċentiv ser ikun l-abolizzjoni tas-sistema tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hekk kif diġà sar qbil dwarha permezz tal-pakkett SES II, u s-sostituzzjoni tagħha b’sistema bi spiża fissa.

    3.6   Il-funzjonijiet tan-netwerk, bħall-Unità Ċentrali għall-Ġestjoni tal-Flussi tat-Traffiku tal-Ajru (Central Flow Management Unit, CFMU) u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti fuq ir-Rotot (Central Route Charges Office, CRCO) tal-Eurocontrol, ukoll għandhom ikunu bbażati fuq miri ta’ prestazzjoni ċari, iżda għandhom jinkludu salvagwardji sabiex ikun żgurat li l-Korp għar-Reviżjoni ta’ Prestazzjoni (PRB) tal-UE huwa strettament indipendenti minn dawn il-funzjonijiet tan-netwerk.

    4.   L-implimentazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali bbażati fuq dawn il-miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni

    4.1   Il-konverġenza lejn numru minimu ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali li jkunu bbażati prinċipalment fuq ir-rekwiżiti, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza tal-fluss tat-traffiku għadha objettiv li jrid jinkiseb. L-istess miżuri u proċeduri ta’ sigurtà għandhom japplikaw għall-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali kollha. Il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali huma għodda essenzjali li jippermettu lill-ANSPs individwali jilħqu l-miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni mill-2012 ’il quddiem.

    4.2   Jeħtieġ li jiġu żviluppati blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs) ibbażati fuq il-ħtiġijiet operattivi filwaqt li jitqiesu s-sigurtà, il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru, l-objettivi li titjieb il-kosteffiċjenza u t-titjib ambjentali permezz ta’ effiċjenza miżjuda tat-titjiriet. Il-ksib ta’ dan l-objettiv jeħtieġ impenn politiku u monitoraġġ tal-ogħla livell. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi u tissorvelja mill-qrib il-parametri tal-prestazzjoni li jridu jinkisbu mill-inizjattivi varji tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali billi jintuża l-qafas ta’ prestazzjoni tal-SES II.

    4.3   Jeħtieġ li l-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali jiżguraw l-integrazzjoni teknika gradwali tas-sistema Ewropea fframmentata tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fuq il-bażi ta’ pjan direzzjonali b’miri ċari. Sabiex tintlaħaq din il-mira, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni ċari bejn il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali.

    4.4   F’termini ta’ tibdil fil-prattiki ta’ ħidma, huwa essenzjali li jkun hemm relazzjonijiet industrijali tajbin. Dawn jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ konsultazzjoni adegwata u kontinwa fil-veru sens tal-kelma. Għall-quddiem, djalogu soċjali tajjeb huwa essenzjali jekk irridu nevitaw dawn il-problemi fil-futur. Il-ħaddiema fl-industrija huma assi ewlenin, u t-tibdil fil-prattika ta’ ħidma jista’ joħloq problemi industrijali jekk il-ħaddiema ma jiġux ittrattati b’rispett.

    4.5   Skont ir-Regolament tal-SES, jeħtieġ li l-ANSPs ikollhom pjani ta’ kontinġenza għas-servizzi kollha li jipprovdu sabiex jintużaw f’każ ta’ avvenimenti li jwasslu għal degradazzjoni sinifikanti jew interruzzjoni tas-servizzi tagħhom. L-ANSPs għandhom jiffukaw fuq soluzzjonijiet iżjed effiċjenti u kosteffiċjenti billi l-ewwel imorru lura għal possibbiltajiet li diġà jeżistu fl-infrastruttura nazzjonali (jiġifieri ċ-Ċentri ta’ Kontroll taż-Żona (ACCs) jew faċilitajiet militari oħrajn) u għandhom jantiċipaw id-dispożizzjonijiet marbuta mal-iżviluppi tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali għal dawn il-kontinġenzi.

    4.6   Il-kooperazzjoni bejn il-provvedituri tas-servizzi ċivili u militari hija kruċjali biex ikun żgurat aktar żvilupp tal-SES u l-eliminazzjoni tal-aktar ostakli importanti tal-kapaċità fil-qalba tal-Ewropa. L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiksbu kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar fil-kuntest tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali, li tirrikonċilja l-ħtiġijiet ċivili u militari b’mod prammatiku u mhux politiku. Fid-dawl tal-fatt li l-Istati mhux tal-UE u l-Istati Uniti huma involuti wkoll, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib man-NATO. Il-KESE jilqa’ l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ wħud miż-żoni għat-taħriġ militari, ’il bogħod mir-rotot ewlenin tat-traffiku ċivili, hekk kif maħsuba minn xi blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali, u għandha titkompla b’mod attiv bl-inizjattivi kollha tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bil-lejl, hekk kif maħsuba minn xi blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali, għandha tiġi segwita wkoll mill-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali kollha bħala mezz ta’ kif titjieb l-effiċjenza tat-titjiriet ta’ bil-lejl meta ma jkunux qed jintużaw iż-żoni ta’ taħriġ militari.

    4.7   Il-KESE jemmen ukoll li huwa essenzjali li l-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali u l-prinċipju tal-Ajru Uniku Ewropew jiġu estiżi lil hinn mill-fruntieri tal-UE, b’mod partikolari lejn pajjiżi li jmissu mal-Ewropa. Dan ser jirrikjedi aktar kooperazzjoni fil-livell internazzjonali.

    4.8   L-impenn politiku huwa essenzjali sabiex ikun żgurat li l-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali joffru benefiċċji reali lill-utenti aħħarin. Il-Kummissjoni tal-UE u l-Koordinatur tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali tal-UE għandhom ikomplu jfakkru lill-Istati Membri dwar id-dmir tagħhom li jwettqu l-implimentazzjoni tal-SES u tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali.

    5.   L-istabbiliment ta’ Maniġer tan-Netwerk Ewropew biex iwettaq il-funzjonijiet tan-netwerk Ewropew relatati mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

    5.1   Il-KESE jaqbel li t-tisħiħ tal-funzjonijiet tan-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bħalma huwa t-tfassil ta’ netwerk tar-rotot, il-ġestjoni ċentrali tal-flussi u l-ġestjoni tar-riżorsi skarsi (frekwenzi u kodiċi tat-trasponder) huma element essenzjali tal-pakkett tal-SES II.

    5.2   Il-KESE jemmen li l-Eurocontrol jista’ jaqdi rwol f’dawn il-funzjonijiet, iżda bil-kundizzjoni li dan isir fil-qafas tal-liġi tal-UE, li r-riforma tal-aġenzija Eurocontrol titlesta b’suċċess u li l-bażi tal-ispejjeż tal-Eurocontrol tiġi razzjonalizzata aktar. Dan ser jirrikjedi l-impenn politiku sħiħ tal-Istati Membri tal-Eurocontrol biex jagħtu spinta lill-istrutturazzjoni mill-ġdid tal-aġenzija. Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taħtar lill-Eurocontrol bħala “l-Amministratur tan-Netwerk” tal-Ewropa.

    5.3   Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-konformità stretta ma’ dan l-element essenzjali meta tkun qed tagħti l-mandat lill-Eurocontrol.

    5.4   Il-KESE jesprimi tħassib dwar iż-żieda prevista fit-tardjar tal-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru waqt is-sajf tal-2011. Il-KESE jħeġġeġ lill-Eurocontrol biex, bħala l-maniġer tan-netwerk tal-SES, u f’kooperazzjoni mal-ANSPs u l-utenti tal-ispazju tal-ajru, isib soluzzjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien għall-mitigazzjoni tal-impatt fuq it-traffiku tal-ajru u l-pubbliku li qed jivvjaġġa.

    5.5   Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq ifakkar li l-eruzzjonijiet tal-vulkan Eyjafjallajökull fl-Islanda fl-2010 rriżultaw fl-għeluq tal-ispazju tal-ajru li wassal għal taqlib kbir għall-industrija tal-linji tal-ajru u l-pubbliku li qed jivvjaġġa. Dan kellu impatt enormi mil-lat ta’ spejjeż għall-industrija tal-avjazzjoni u għall-ekonomija tal-UE inġenerali. Wara dawn l-avvenimenti, intlaħaq ftehim li jeħtieġ li l-Ewropa tirrevedi l-proċeduri tagħha. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa tallinja l-proċeduri tagħha mal-aħjar prattiki li qegħdin fis-seħħ f’partijiet oħra tad-dinja, pereżempju fl-Istati Uniti. B’mod speċifiku, l-Ewropa hija l-uniku reġjun fid-dinja fejn ir-responsabbiltà biex jiġu indirizzati l-perikli potenzjali tal-irmied vulkaniku mhijiex f’idejn il-linji tal-ajru. L-eżerċizzju reċenti dwar l-irmied volkaniku (April 2011) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) enfasizza li minkejja li sar xi progress, teħtieġ gwida aktar solida biex jiġi evitat approċċ frammentat ieħor. Il-KESE jħeġġeġ lill-EASA biex tipprovdi gwida ċara lill-Istati Membri kollha tal-UE meta jadottaw politika riveduta.

    6.   Ir-riforma tal-Eurocontrol bħala appoġġ għall-SES u b’bażi tal-ispejjeż imnaqqsa

    6.1   Il-KESE ifaħħar il-progress sinifikanti li sar mill-Eurocontrol, taħt it-tmexxija tad-Direttur Ġenerali tagħha, fl-istrutturar mill-ġdid tal-aġenzija bħala organizzazzjoni aktar effiċjenti li tappoġġja l-SES. Dan il-proċess kontinwu għandu jiġi aċċellerat u ser jirrikjedi l-impenn sħiħ tal-Istati Membri kollha tal-Eurocontrol.

    6.2   Il-KESE jifraħ lill-Eurocontrol dwar it-twaqqif tal-pilastru tal-SES fi ħdan l-aġenzija sabiex jipprovdi appoġġ tekniku għall-SES. Hemm bżonn ta’ trasparenza sħiħa fir-rigward tal-funzjonijiet differenti tal-Eurocontrol, il-provvediment tar-riżorsi meħtieġa u l-mod kif dawn għandhom jiġu ffinanzjati. Naturalment, il-linji tal-ajru m’għandhomx iħallsu għall-funzjonijiet governattivi bħalma huwa l-pilastru tal-SES. Dan ser jirrikjedi aktar ħidma sabiex jiġu stabbiliti l-prinċipji ta’ governanza adegwati għall-Eurocontrol, li jagħmlu l-konformità sħiħa mal-objettivi tal-SES possibbli.

    6.3   Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza taż-żamma ta’ approċċ pan-Ewropew li jmur lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea għandha testendi l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni għall-pajjiżi kollha li huma ġirien tal-Unjoni Ewropea.

    7.   Is-SESAR bħala l-komponent tekniku u operattiv tal-SES b’finanzjament pubbliku sabiex tiġi appoġġjata l-fażi ta’ implimentazzjoni

    7.1   Il-programm SESAR ġie stabbilit bħala l-komponent tekniku u operattiv li jikkumplementa l-SES II. Il-Kummissjoni Ewropea tistenna li s-SESAR jiżviluppa sistema Ewropea futura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għall-2020 u lil hinn li, meta mqabbla mal-prestazzjoni tal-lum, tkun tista’:

    tippermetti li l-movimenti tat-traffiku tal-ajru jiżdiedu bi tliet darbiet filwaqt li tnaqqas it-tardjar;

    ittejjeb il-prestazzjoni tas-sigurtà b’għaxar darbiet;

    tippermetti tnaqqis ta’ 10 % fl-effetti li l-inġenji tal-ajru għandhom fuq l-ambjent, u

    tipprovdi servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bi spiża għall-utenti tal-ispazju tal-ajru li tkun minn tal-inqas 50 % inqas.

    7.2   Il-KESE jemmen li dawn l-objettivi kif ukoll l-interoperabbiltà mas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mhux tal-UE (bħalma hija l-inizjattiva NextGen tal-Istati Uniti) għandhom jibqgħu l-forza mexxejja għall-programm SESAR. Il-KESE jilqa’ l-memorandum ta’ kooperazzjoni li ġie ffirmat bejn is-SESAR u n-NextGen f’Budapest fit-3 ta’ Marzu 2011 bħala pass ’il quddiem lejn sinkronizzazzjoni aħjar tal-aktar żewġ proġetti ta’ żvilupp importanti fis-sistemi globali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

    7.3   Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jkompli jiġi involut il-persunal li qiegħed fuq quddiem fl-iżvilupp tas-SESAR. F’dan il-kuntest, il-ħtieġa ta’ taħriġ tal-persunal għall-użu tat-teknoloġija ġdida u kunċetti operattivi ġodda hija essezjali.

    7.4   Il-KESE jenfasizza li minkejja l-benefiċċji fuq medda twila ta’ żmien għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, iċ-ċittadini tal-UE u l-ambjent, is-SESAR jiffaċċja ħafna sfidi kumplessi b’rabta mal-applikazzjoni tiegħu. L-implimentazzjoni fil-ħin u effettiva tas-SESAR hija kruċjali. Flimkien ma’ impenn qawwi min-naħa tal-industrija, ser ikun meħtieġ appoġġ politiku u finanzjarju estensiv fi sħubija pubblika privata. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tas-SESAR għandha tkun parti integrali mill-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiġi żgurata governanza ekonomika b’saħħitha bbażata fuq mudell ta’ negozju ċar kif ukoll fuq il-kooperazzjoni reċiproka u l-armonizzazzjoni mas-sistema NextGen tal-Istati Uniti.

    7.5   Għaldaqstant, il-KESE jħoss li għandhom jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-applikazzjoni tas-SESAR li ġejjin:

    7.5.1   L-iżgurar ta’ użu sinkronizzat tat-titjib tal-infrastruttura tal-ajru u tal-art.

    Għandu jiġi aġġornat il-pjan direttur li jiddefinixxi pjan direzzjonali ċar fejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ANSPs u l-utenti tal-ispazju tal-ajru jintrabtu li jiżguraw konsistenza akbar mal-qafas tal-SES, inklużi l-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali. Bħala kwistjoni ta’ urġenza, l-Impriża Konġunta SESAR għandha tagħti prijorità lir-reviżjoni tal-ħidma li twettqet s’issa u tidentifika kif kull parteċipant ewlieni tal-SES ser jikkontribwixxi għall-miri ta’ prestazzjoni tal-UE, tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali u dawk nazzjonali.

    L-użu tat-teknoloġiji SESAR għandu jkun soġġett għal mudell ekonomiku pożittiv stabbilit sew li jinkludi argument kredibbli ta’ sigurtà u analiżi pożittiva u kredibbli tal-kosteffettività. Fuq il-bażi ta’ dawn għandu jintlaħaq qbil dwar il-ħtiġijiet ta’ titjib fil-prestazzjoni u dawn jiġu stabbiliti. Fejn ma jkunx hemm prova li t-teknoloġiji jikkontribwixxu għall-miri madwar l-UE kollha (inklużi dawk li jirrigwardaw is-sigurtà), jew li jippermettu tranżizzjoni sigura u fil-ħin, il-ħidma għandha titwaqqaf.

    It-twettiq tal-pjan direttur tas-SESAR jeħtieġ l-impenn sħiħ tal-Istati Membri kollha tal-UE.

    7.5.2   L-iżgurar ta’ riżorsi finanzjarji adegwati u fil-ħin għall-użu tas-SESAR.

    7.5.2.1   L-implimentazzjoni tas-SESAR ser tiġġenera valur ekonomiku, ambjentali u strateġiku sinifikanti għall-Ewropa kollha. Dewmien ta’ 10 snin fl-implimentazzjoni tas-SESAR jirrappreżenta impatt negattiv dirett tal-PDG ta’ aktar minn EUR 150 biljun għall-UE-27 u telf fl-użu effiċjenti tal-enerġija ta’ aktar minn 150 miljun tunnellata ta’ CO2.

    7.5.2.2   Madankollu, l-użu tas-SESAR jirrikjedi investimenti totali li jaqbżu t-EUR 30 biljun u l-finanzjament bikri u l-ekwipaġġ tat-tagħmir tas-SESAR (tal-ajru u tal-art) huma sfida kbira biex titwettaq il-prestazzjoni mistennija mill-implimentazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda kemm jista’ jkun malajr.

    7.5.2.3   Id-diffikultajiet fil-finanzjament tal-użu tas-SESAR ġejjin mid-diskonnessjoni parzjali bejn l-investimenti u l-benefiċċji tul il-fażi ta’ tranżizzjoni: linja tal-ajru li tinvesti f’ekwipaġġ ġdid tal-ajru mhu ser tara l-ebda benefiċċju qabel ma l-ANSPs ikunu għamlu l-investiment korrispondenti. Mill-banda l-oħra, għal ANSP (li ser ikollu jinvesti f’ambjent li jillimita l-prestazzjoni sabiex iwassal il-benefiċċji), il-mudell ekonomiku jista’ ma jkunx pożittiv sakemm ma jkunux ekwipaġġjati għadd sinifikanti ta’ inġenji tal-ajru. Fl-aħħar nett, jista’ jkun hemm xi tibdiliet b’benefiċċji ġenerali tan-netwerk u mudell ekonomiku pożittiv li jirrikjedu, madankollu, li wħud mill-partijiet interessati jinvestu waqt li dan jibqa’ kost nett għalihom. F’dan il-każ, il-finanzjament għandu jsir disponibbli.

    7.5.2.4   B’hekk, il-fondi li jsiru disponibbli mill-UE sabiex jappoġġjaw l-applikazzjoni ser jintużaw sabiex ikun hemm adozzjoni sinkronizzata u rapida tat-teknoloġija SESAR mill-operaturi (ANSP, utenti tal-ispazju tal-ajru, ajruporti). Barra minn hekk, sabiex ikunu żgurati l-investimenti kontinwi fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, ser jinħtieġu fondi addizzjonali konformi ma’ dawk disponibbli għall-fażi attwali tar-riċerka u l-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

    7.5.2.5   Sabiex jintlaħaq il-pass meħtieġ biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, huwa maħsub li l-użu tas-SESAR ser jirrikjedi fondi tal-UE ta’ madwar EUR 3 biljun, ammont li jinsab billi jiġu kombinati faċilitajiet finanzjarji differenti li bħalissa qed jiġu diskussi, bħalma huma (iżda mhux biss) ir-riżorsi mill-industrija, il-bonds tal-proġetti tal-UE, il-garanziji, is-self mill-BEI, eċċ. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 nistgħu nikkonkludu li:

    huwa diffiċli li l-programm jiġi implimentat fil-ħin mingħajr allokazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-UE biex tappoġġja s-SESAR.

    7.5.3   L-istabbiliment ta’ governanza adegwata għall-użu tas-SESAR.

    It-twaqqif ta’ entità indipendenti għall-applikazzjoni tas-SESAR, bl-integrazzjoni tal-finanzjament u l-applikazzjoni f’qafas ta’ ġestjoni wieħed u uniku.

    Din l-entità tal-applikazzjoni għandha tkun immexxija mill-industrija u għandu jkollha struttura ta’ governanza magħmula mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ajruporti u l-ANSPs, bħala dawk li jieħdu l-aktar riskji ta’ investiment. Għandhom jiġu kkonsultati kif xieraq partijiet interessati tal-avjazzjoni oħra.

    Tul il-fażi ta’ implimentazzjoni tas-SESAR għandhom jiġu kkonsultati kif xieraq ir-rappreżentanti tal-impjegati fis-settur tat-trasport bl-ajru.

    Ir-rwol tal-manifatturi (tat-tagħmir) fil-fażi tal-applikazzjoni huwa primarjament li jbigħu tagħmir li jikkonforma mas-SESAR lil-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-ANSPs. Għaldaqstant, bil-kontra tal-governanza attwali tal-Impriża Konġunta SESAR, il-manifatturi m’għandhomx ikunu involuti fil-governanza tal-użu tas-SESAR sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess.

    Għandha tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell Ewropew għall-użu sinkronizzat tat-teknoloġiji SES b’konformità mal-miri vinkolanti tan-netwerk. Fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kompitu, din tkun tista’ tressaq rakkomandazzjonijiet għall-finijiet ta’ finanzjament.

    7.6   Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jenfasizza li s-SESAR ser ikun jista’ jagħti riżultati biss jekk il-problemi politiċi u istituzzjonali msemmija fil-paragrafi preċedenti jiġu solvuti mingħajr aktar dewmien u jekk il-finanzjament pubbliku meħtieġ isir disponibbli għall-implimentazzjoni.

    8.   Regolatur uniku tas-sigurtà fl-UE fuq il-bażi tas-sistema tal-EASA

    8.1   Il-KESE jinnota li l-pakkett tal-SES II estenda l-iskop tas-sistema tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għar-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-livell tal-UE, u b’hekk jiġi żgurat approċċ integrat għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-UE skont kunċett ta’ “gate to gate”.

    8.2   Il-funzjonijiet superviżorji b’saħħtihom tal-EASA, bil-għan pereżempju li jispezzjonaw il-prestazzjoni tal-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sigurtà biex jiżguraw li l-ANSPs jikkonformaw mar-rekwiżiti komuni, ser jgħinu biex jinkiseb l-Ajru Uniku Ewropew.

    8.3   Filwaqt li jappoġġja dan il-kunċett, il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi ssorveljata mill-qrib l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-kompetenzi l-ġodda tal-EASA. Huwa importanti li r-regoli tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-EASA jinbnew fuq ir-regoli eżistenti tal-SES minflok ma l-EASA tipprova tivvinta r-rota mill-ġdid permezz ta’ regoli li jkunu ta’ tfixkil u li ma jkollhomx ġustifikazzjoni ta’ sigurtà.

    8.4   Il-KESE jemmen li fuq medda qasira ta’ żmien, ir-riżorsi u l-għarfien espert tal-Eurocontrol għandhom jintużaw bħala appoġġ tekniku għall-attivitajiet regolatorji tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-EASA.

    8.5   Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq itenni l-importanza ta’ “kultura ġusta”, kif diġà spjega fl-opinjoni tiegħu TEN/416 dwar ir-regolament dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili. Fl-interessi tas-sigurtà tal-avjazzjoni, huwa essenzjali li jiġi pprovdut qafas legali li fih il-partijiet kollha involuti f’aċċidenti jew inċidenti jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni u jitkellmu liberament u b’mod kunfidenzjali. Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn aktar azzjonijiet fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistemi tal-liġi kriminali nazzjonali tagħhom biex jiżguraw kultura ġusta. B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata Karta tal-UE dwar il-“kultura ġusta”.

    9.   Is-sigurtà u l-fatturi umani

    Is-sigurtà tmur lil hinn mir-regolamenti tas-sigurtà. Din tinkludi wkoll: il-kapaċitajiet umani, kultura ta’ sigurtà, kompetenzi, taħriġ u ġestjoni tar-riżorsi tat-tim.

    F’dan il-kuntest huwa importanti li:

    tiġi rikonoxxuta l-prestazzjoni umana, speċjalment l-effetti tal-għeja, f’termini ta’ ġestjoni proattiva tar-riskji tas-sigurtà;

    jiġi żgurat livell adegwat ta’ kompetenza u ta’ taħriġ tal-professjonisti;

    jiġi promoss l-involviment tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew fil-livelli kollha; u

    tinbena kultura soda ta’ sigurtà li tintegra r-rappurtaġġ miftuħ u “kultura ġusta” bħala bażi għall-prestazzjoni tas-sigurtà.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top