Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0682

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva għan-negozju soċjaliIl-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

/* KUMM/2011/0682 finali */

52011DC0682

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva għan-negozju soċjaliIl-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni /* KUMM/2011/0682 finali */


Werrej

Werrej. 1

1..... Il-Kummissjoni għaliex qed tieħu din l-inizjattiva?. 2

2..... Negozji soċjali: Parteċipanti li jistgħu jiksbu benefiċċju ikbar mis-suq uniku   5

3..... Pjan ta’ azzjoni biex jappoġġa l-intraprenditorija soċjali fl-Ewropa   6

3.1.    Titjib tal-aċċess għall-fondi 7

3.1.1.     Faċilitar tal-aċċess għall-finanzjament privat 7

3.1.2.     Mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE. 8

3.2.    Żieda fil-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali 8

3.2.1.     Żvilupp ta’ għodod biex nifhmu aħjar is-settur u tiżdied il-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali 8

3.2.2.     Rinfurzar tal-kapaċitajiet maniġerjali, il-professjonaliżmu u n-netwerking tan-negozji soċjali 9

3.3.    Titjib tal-ambjent legali 10

3.3.1.     Żvilupp ta’ forom legali Ewropej li jixirqu li jistgħu jintużaw fl-intraprenditorija soċjali Ewropea  10

3.3.2.     Akkwist pubbliku. 10

3.3.3.     Għajnuna mill-Istat 11

4..... Lil hinn mill-pjan ta’ azzjoni: Ideat oħra għad-diskussjoni 11

5..... Konklużjoni 13

1. Il-Kummissjoni għaliex qed tieħu din l-inizjattiva?

Is-suq uniku jeħtieġ tkabbir ġdid u inklussiv, iffukat fuq l-impjiegi għal kulħadd, fejn tingħata attenzjoni biex tiġi ssodisfata x-xewqa li dejjem tikber tal-Ewropej biex xogħolhom, il-konsum, it-tfaddil u l-investimenti tagħhom ikunu armonizzati u allinjati aktar mill-qrib mal-prinċipji "etiċi" u "soċjali".

Il-Kummissjoni, sabiex tippromwovi "ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna", qiegħdet l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fiċ-ċentru tat-tħassib tagħha, kemm f’termini tal-koeżjoni territorjali kif ukoll fit-tfixxija għal soluzzjonijiet ġodda għall-problemi soċjali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, taħt l-Istrateġija Ewropea 2020[1], l-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”[2], il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali[3] u l-“Att dwar is-Suq Uniku”[4] (SMA – Single Market Act).

Il-konsultazzjoni pubblika għas-SMA[5] żvelat livelli għoljin ta’ interess fil-kapaċità tal-intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali inġenerali biex jipprovdu risposti innovattivi għall-isfidi attwali ekonomiċi, soċjali u, f’ċerti każijiet sfidi ambjentali billi jiżviluppaw impjiegi sostenibbli, fil-maġġoranza mhux esportabbli, inklużjoni soċjali, titjib tas-servizzi soċjali lokali, koeżjoni territorjali, eċċ.

Intrapriża soċjali hija operatur fl-ekonomija soċjali li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha. Din topera billi tipprovdi oġġetti u servizzi għas-suq b’mod intraprenditorjali u innovattiv u tuża l-profitti tagħha primarjament biex tikseb għanijiet soċjali. Hija mmaniġġjata b’manjiera miftuħa u responabbli u, b'mod partikolari, tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha[6].

Il-Kummissjoni tuża t-terminu "intrapriża soċjali" biex tkopri t-tipi ta' negozji li ġejjin:[7]

· dawk li għalihom l-għan soċjali jew tal-ġid komuni li jappartieni lis-soċjetà huwa r-raġuni għall-attività kummerjali, spiss fil-forma ta’ livell għoli ta' innovazzjoni soċjali,

· dawk fejn il-profitti huma primarjament investiti mill-ġdid bil-ħsieb li jinkiseb dan l-għan soċjali,

· u fejn il-metodu ta’ organizzazzjoni jew sistema ta’ sjieda jirriflettu l-missjoni tagħhom, bl-użu ta’ prinċipji demokratiċi jew parteċipattivi jew l-iffukar fuq il-ġustizzja soċjali[8].

Għalhekk:

· negozji li jipprovdu servizzi soċjali u/jew oġġetti u servizzi lil persuni vulnerabbli (aċċess għal djar, kura tas-saħħa, assistenza lill-anzjani jew persuni b’diżabbiltà, inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli, kura tat-tfal, aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ, ġestjoni għal dawk li għandhom għejxien dipendenti fuq ħaddieħor, eċċ); u/jew

· negozji b’metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi b'għan soċjali (integrazzjoni soċjali u professjonali permezz ta' aċċess għal impjiegi għal persuni żvantaġġati b'mod partikolari minħabba nuqqas ta’ kwalifiki jew problemi soċjali jew professjonali li jwasslu għal esklużjoni u marġinalizzazzjoni) iżda li l-attività tagħhom tista’ taqa' barra mill-iskop ta' provvediment ta' oġġetti jew servizzi soċjali.

L-ekonomija soċjali timpjega 'l fuq minn 11-il miljun persuna fl-UE, li jammontaw għal 6 % tal-impjiegi totali[9]. Tkopri korpi bi status legali speċifiku (kooperattivi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, soċjetajiet reċiproċi), li ħafna minnhom huma wkoll intrapriżi soċjali skont it-termini tal-karatteristiċi msemmija hawn fuq, kif ukoll intrapriżi soċjali fil-forma ta' kumpanija ordinarja privata jew pubblika b’responsabbiltà limitata. L-istatus legali speċifiku tal-ekonomija soċjali huwa partikolarment adattat għall-intrapriżi soċjali minħabba li l-metodu amministrattiv tagħhom jiffavorixxi l-parteċipazzjoni u l-ftuħ.

Studju li sar fl-2009[10] vvaluta l-proporzjon tal-popolazzjoni involuta fl-intraprenditorija soċjali[11] bħala 4.1 % fil-Belġju, 7.5 % fil-Finlandja, 3.1 % fi Franza, 3.3 % fl-Italja, 5.4 % fis-Slovenja u 5.7 % fir-Renju Unit. Madwar negozju wieħed minn kull erbgħa li jinfetaħ fl-Ewropa għalhekk huwa intrapriża soċjali. Din iċ-ċifra tikber għal wieħed minn kull tlieta fil-Belġju, il-Finlandja u Franza.[12] Dawn il-kumpaniji spiss huma iktar produttivi u kompetittivi milli wieħed jaħseb. Dan huwa dovut għall-impenn personali għoli ħafna tal-impjegati u wkoll minħabba l-kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol li dawn jipprovdu[13].

L-intrapriżi soċjali jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti billi jagħtu tweġiba bl-innovazzjoni soċjali għall-bżonnijiet li għadhom ma ġewx issodisfati; joħolqu tkabbir sostenibbli billi jqisu l-impatt ambjentali tagħhom u bil-viżjoni tagħhom fit-tul; huma fil-qalba tat-tkabbir inklussiv minħabba l-enfasi tagħhom fuq in-nies u l-koeżjoni soċjali. Fi kliem ieħor, l-għan ewlieni tagħhom huwa li jaffettwaw it-trasformazzjoni soċjali u ekonomika li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din il-Komunikazzjoni hija parti mill-promozzjoni u l-iżvilupp tal-innovazzjoni soċjali mibdija mill-President Barroso fl-2009[14].

Il-karattersitiċi varji tal-intrapriżi soċjali jfissru li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn jesebixxu livell partikolarment għoli ta’ responsabbiltà soċjali u ambjentali. L-inizjattiva għan-negozju soċjali tissuplimenta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR - Corporate Social Responsibility) adottata fl-istess jum[15], u se tgħinhom ukoll jiddikjaraw il-valur soċjali miżjud tagħhom.

Xi eżempji ta’ negozji soċjali Ewropej:

Fl-Italja, ċentru mediku jipprovdi għajnuna speċjalizzata ta’ livell għoli, inkluż medjazzjoni kulturali, partikolarment fiż-żoni li għandhom nuqqas kbir ta’ servizzi pubbliċi, b’attenzjoni partikolari fuq persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi fraġli (bħall-immigranti).

Fir-Rumanija, kumpanija b’5 impjegati u 5 voluntiera ilha mill-1996 taħdem biex tipprovdi servizzi kulturali fil-lingwa Rumena lill-għomja billi tadatta l-midja (speċjalment kotba bl-awdjo u films adattati) lil madwar 90 000 persuna.

Fi Franza, fl-2004 negozju vara kunċett innovattiv ta’ servizzi ta’ ħasil ta’ karozzi mingħajr ilma, bi prodotti bijodegradabbli u jimpjega persuni mhux kwalifakti jew li huma marġinalizzati sabiex jerġa' jintegrahom lura fis-suq tax-xogħol.

Fl-Ungerija, fondazzjoni ħolqot ristorant li jimpjega persuni b’diżabbiltà (40 impjegat/a),u pprovdiet taħriġ u kura tat-tfal sabiex tiżgura t-tranżizzjoni lejn xogħol stabbli.

Fil-Pajjiżi l-Baxxi, kumpanija tgħallem il-qari permezz ta' għodod diġitali innovattivi u metodu bbażat fuq il-logħob. Dan il-metodu huwa partikolarment adattat għal tfal li huma iperattivi jew awtistiċi, iżda jista’ jintuża wkoll għal persuni illitterati u għall-immigranti.

Fil-Polonja, kooperattiva soċjali magħmula minn żewġ assoċjazzjonijiet timpjega persuni li ilhom diżokkupati għal żmien twil u persuni b’diżabbiltà u toffri varjetà ta’ servizzi: servizzi tal-forniment tal-ikel u alimentari, xogħol ħafif ta’ kostruzzjoni u artiġjanat, kif ukoll taħriġ professjonali lill-persuni żvantaġġati biex 'il quddiem jiġu impjegati.

Il-Kummissjoni, fl-approċċ tagħha lejn dan is-settur varjat, ma tippruvax tipprovdi definizzjoni standard li tkun tapplika għal kulħadd u twassal għal regolamentazzjoni stretta. Toffri deskrizzjoni bbażata fuq prinċipji kondiviżi bejn il-maġġoranza tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità tagħhom tal-għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali u l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni tal-imprendituri soċjali.

 

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni se tadotta definizzjoni aktar speċifika biss, kif meħtieġ, jekk il-miżuri regolatorji jew l-inċentivi jirrikjedu l-kamp ta’ applikazzjoni biex ikunu spjegati b’mod preċiż, fejn ir-rappreżentanti ta’ kull settur ikunu involuti mill-qrib fil-proċess.

Il-Kummissjoni tfittex li tappoġġa l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali u li titgħallem mill-esperjenzi tagħhom b’appoġġ għall-ekonomija kollha. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed timmira għal żewġ għanijiet:

· Li tintroduċi pjan ta’ azzjoni għal perjodu ta' żmien qasir biex tappoġġa l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali.

· Li tqanqal dibattitu dwar il-mogħdiji li għandhom jiġu esplorati fit-terminu ta’ żmien medju/twil.

2. Negozji soċjali: Parteċipanti li jistgħu jiksbu benefiċċju ikbar mis-suq uniku

Il-potenzjal tat-tkabbir u d-distribuzzjoni tal-mudell tal-intrapriżi soċjali fis-suq intern għadu ma ġiex esplorat fl-intier tiegħu u qed jiltaqa’ ma' ostakli identifikati minn diversi rapporti[16], l-aktar wieħed riċenti r-rapport tal-BEPA,[17] f'nofs l-2010.

Spiss huma jaffaċċjaw l-istess sfidi li taffaċċja kwanlunkwe SME, u għalhekk jistgħu jibbenefikaw mill-inizjattivi tas-Small Business Act għall-Ewropa[18]. Madankollu, qed jaffaċċjaw ukoll il-problemi partikolari tagħhom.

L-intrapriżi soċjali għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-suq intern daqs negozji oħra. Dan japplika, ovvjament, għall-intrapriżi kbar li jistgħu jkunu kapaċi jespandu fil-livell kontinentali u anke transkonfinali ta’ pajjiżhom, iżda l-intrapriżi soċjali żgħar, li primarjament għandhom l-għeruq tagħhom biss fl-attivitajiet lokali, ukoll huma affettwati direttament mir-regoli tas-suq intern dwar ir-regolamentazzjoni tal-bank, l-aċċess għall-fondi strutturali jew l-akkwist pubbliku.

Fuq kollox, l-intrapriżi soċjali għandhom diffikulta jsibu l-fondi, li għalihom il-bżonnijiet tagħhom ivarjaw skont il-livell ta' żvilupp tagħhom (appoġġ kunċettwali, żvilupp tal-proġetti pilota jew prototipi, żvilupp fuq skala kbira). Il-limitazzjonijiet li jikkonċernaw id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-profitti jew l-impjieg ta’ impjegati vulnerabbli spiss jagħtu l-impressjoni lill-kredituri jew lill-investituri potenzjali li huma ta’ riskju ogħla u inqas profittabbli min-negozji oħra. Iktar min-negozji oħra, l-intrapriżi soċjali huma konfrontati minn imperfezzjonijiet fis-swieq finanzjarji (frammentazzjoni, nuqqas ta’ pjattaformi pan-Ewropej għas-self, eċċ.). L-investituri għalhekk ma għandhomx idea ċara biżżejjed dwar l-impatt reali soċjali ta’ wħud mill-fondi ta’ investiment ta’ solidarjetà. L-aċċess għall-fondi pubbliċi spiss huwa mxekkel minn sistemi li huma wisq riġidi jew wisq burokratiċi. Pereżempju, l-intrapriżi soċjali jistgħu jsibuha bi tqila biex jiksbu aċċess għal fondi strutturali jekk l-awtoritajiet amministrattivi jiffinanzjaw biss proġetti ta' terminu ta' żmien qasir. L-għadd kbir ta' programmi differenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew jagħmilha diffiċli biex organizzazzjonijiet żgħar ikollhom aċċess.

Dan il-fenomenu huwa rinfurzat mill-grad baxx ta’ rikonoxximent tal-intraprenditorija soċjali. In-nuqqas ta’ interkonnessjoni bejn il-partijiet interessati minn reġjuni jew pajjiżi differenti ma jippermettix id-disseminazzjoni tal-aħjar prassi, il-ħolqien ta’ sħubiji u l-iskoperta ta’ opportunitajiet ġodda. Fis-sistemi edukattivi Ewropej, l-intraprenditorija soċjali għadha mhix promossa biżżejjed, għalkemm l-integrazzjoni tagħha fit-taħriġ inizjali u mal-mogħdija taż-żmien huwa prerekwiżit għar-rinfurzar tal-kredibbiltà tagħha. Għadd li dejjem qed jikber ta’ żgħażagħ gradwati jagħżlu li jaħdmu f’intrapriżi soċjali, iżda n-negozji tradizzjonali ma jagħtux valur lil din l-esperjenza għaliex mhumiex familjari mas-settur. Dan il-fenomenu huwa aċċentwat bil-firxa ta' definizzjonijiet fl-Ewropa li tispjega l-varjetà tad-dejta disponibbli. L-intrapreditorija soċjali spiss ma tkunx definita u, jekk tkun, ma tkunx tfisser eżatt l-istess ħaġa minn pajjiż għall-ieħor. Id-dejta spiss tkun qadima, f’biċċiet u mhux armonizzata, u b'hekk ikun diffiċli li jiġu adattati u koordinati l-politiki pubbliċi.

Għal din ir-raġuni, mhux daqshekk sorprendenti li l-ambjent regolatorju fil-livell Ewropew u nazzjonali mhux dejjem iqis suffiċjentament il-karatteristiċi speċifiċi tal-intrapriżi soċjali b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku jew l-istatuti eżistenti. Dan jikkomplika l-mobilizzazzjoni tal-investituri u l-aċċess għall-għotjiet jew il-kuntratti pubbliċi u xi drabi jisfurzhom jużaw arranġamenti legali kumplessi. Għalhekk, ċerti drabi l-intrapriżi soċjali li mhumiex assoċjazzjonijiet ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ tal-faċilitajiet offruti mill-awtoritajiet lokali lill-assoċjazzjonijiet.

3. Pjan ta’ azzjoni biex jappoġġa l-intraprenditorija soċjali fl-Ewropa

Biex tlaħħaq ma' dawn l-isfidi, l-Unjoni Ewoprea u l-organizzazzjonijiet internazzjonali diġà qegħdin jiżviluppaw politiki orizzontali fil-kuntest tal-ekonomija soċjali u programmi mmirati biex jappoġġaw l-intrapriżi soċjali u l-innovazzjoni soċjali. Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, ippublikat fl-istess mument ta' din il-Komunikazzjoni, fih sommarju tal-miżuri eżistenti kollha kif ukoll xi esperjenzi ta' pajjiżi oħra li jistgħu jinspiraw lill-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi pjan ta’ azzjoni ta' appoġġ ġenerali għall-innovazzjoni soċjali biex tgħin biex tinħoloq klima favorevoli, bi sħubija mill-qrib mal-partijiet interessati fis-settur u l-Istati Membri, biex l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jużaw il-potenzjal kollu tagħhom.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi ħdax-il azzjoni ewlenija biex jiġu varati qabel l-aħħar tal-2012.

3.1. Titjib tal-aċċess għall-fondi 3.1.1. Faċilitar tal-aċċess għall-finanzjament privat

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema tal-finanzjament għall-intrapriżi soċjali mhijiex żviluppata biżżejjed meta mqabbla ma’ dik użata għal negozji oħra.

Għadd li dejjem qed jikber ta’ investituri qed ifittxu li jikkumbinaw ir-riżultati soċjali jew ambjentali mat-tħassib leġittimu tagħhom li jiksbu redittu finanzjarju fuq l-investiment, filwaqt li jmexxu l-għanijiet ta’ perjodu ta' żmien twil fl-interess ġenerali.

Barra mill-investiment b’responsabbiltà soċjali, li huwa s-suġġett tal-proposti fil-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva tan-Negozju Responsabbli[19], strument Ewropew li jappoġġa l-finanzjament tal-intrapriżi soċjali jkun jipprovdi impetus lill-partijiet interessati tas-settur privat u dak pubbliku biex jinvestu iktar f’dawn l-intrapriżi, permezz ta’ investiment f'kapital jew self.

Jaf ikun mixtieq qafas regolatorju mfassal biex joħloq tali vetturi tal-investiment fil-livell Ewropew.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilqa' l-azzjoni tal-Fond Ewropew tal-Investiment[20], fl-esplorazzjoni tal-possibbiltà li tiġi stabbilita opportunità tal-ekwità (ESIEF[21]) iddedikata għall-investiment f’fondi bil-għan li jiġġeneraw impatt soċjali. Din l-azzjoni pilota tkun qed twitti t-triq għall-istrument finanzjarju l-ġdid Ewropew propost mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2011 (Azzjoni ewlenija Nru 3).

Għal ħafna intrapriżi soċjali, it-tnedija u l-iżvilupp jiddependu mill-aċċess għall-kreditu. Madankollu, peress li ma humiex magħrufa sew jew li huma meqjusa iżjed riskjużi, għandhom iktar diffikultà mill-SMEs biex isibu l-finanzjament neċessarju.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ż-żewġ pilastri regolatorji tal-Komunikazzjoni tal-2007 dwar l-inizjattiva tal-mikrokreditu[22] (titjib tal-ambjent legali u istituzzjonali u l-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapreditorija) ma ġewx żviluppati biżżejjed fil-livell nazzjonali.

Azzjoni ewlenija Nru 1.

· Kif ġie stabbilit fis-SMA, jiġi propost qafas regolatorju Ewropew qabel l-aħħar tal-2011 għal fondi ta’ investiment soċjali biex jiffaċilita l-aċċess għas-swieq finanzjarji għall-intrapriżi soċjali, filwaqt li jqis il-konsultazzjoni pubblika li saret u l-valutazzjoni tal-impatt. L-għan se jkun l-istimulazzjoni għall-ħolqien ta’ fondi dedikati, li jippermettulhom ikunu attivi fis-suq uniku kollu.

Azzjoni ewlenija Nru 2.

· Barra milli jitkompla l-iffaċilitar tal-aċċess għall-mikrokrediti permezz tal-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress u l-iżvilupp ta’ dan l-istrument billi jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali taħt il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali għall-2014-2020[23], biex jitjiebu l-analiżi, il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ambjent legali u istituzzjonali għall-mikrokrediti.

3.1.2. Mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE

L-esperjenza prattika tal-fondi strutturali għandha tiġi mqassra, ivvalutata u diskussa mal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw appoġġ ikbar u iktar effettiv għall-intrapriżi soċjali fil-perjodu ta’ programmar li jmiss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni speċifika biex tiffinanzja l-intrapriżi soċjali.

Azzjoni ewlenija Nru 3.

· Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit strument finanzjarju Ewropew ta’ EUR 90 miljun biex jiffaċilita l-aċċess għall-fondi għat-tnedija, l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ intrapriżi soċjali permezz ta’ investiment f’fondi ta’ investiment ta’ solidarjetà, li jipprovdu l-kapital proprju u strumenti ta’ finanzjament tad-dejn, taħt il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali.

Azzjoni ewlenija Nru 4.

· Il-Kummissjoni pproponiet li għandha tiġi introdotta malajr prijorità għall-investiment "f’intrapriżi soċjali" fir-regolamenti tal-FEŻR u ESF mill-2014[24] sabiex tiġi pprovduta bażi legali ċara u l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jinkludu attivitajiet mmirati fil-programmi tagħhom tal-FEŻR u l-FSE għall-2014-2020.

3.2. Żieda fil-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali 3.2.1. Żvilupp ta’ għodod biex nifhmu aħjar is-settur u tiżdied il-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali

Waħda mill-affarijiet li jgħidu li għandhom bżonn il-partijiet interessati kollha hija l-aċċess faċli u bikri għall-informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-intrapriżi soċjali, li tgħin id-diskussjoni sabiex jikkondividu l-aħjar prassi. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-bżonn li jkun hemm modi ta’ valutazzjoni u evalwazzjoni tal-impatt u prestazzjoni soċjali ta’ dawn l-attivitajiet (eż. bl-użu tal-esperjenza tal-Istati Membri li stabbilixxew kontijiet satellita biex jiġbru l-istatistika dwar l-intrapriżi soċjali, b’mod partikolari l-kooperattivi u s-soċjetajiet reċiproċi). It-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni huma għodod li potenzjalment jistgħu jintużaw biex ilaħħqu ma’ dawn l-isfidi. Huwa importanti wkoll li tiġi promossa l-intrapriża soċjali fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

Azzjoni ewlenija Nru 5.

· Jiġu identifikati l-aħjar prassi u mudelli replikabbli billi tiġi żviluppata mappa komprensiva tal-intrapriżi soċjali fl-Ewropa, li tispeċifika l-karatteristiċi tagħhom, il-mudell tan-negozju tagħhom, il-piż ekonomiku, il-potenzjal ta’ tkabbir transkonfinali, ir-regoli applikabbli u l-kriterji għall-istatus legali u għall-amministrazzjoni speċifika tat-taxxa, kif ukoll is-sistemi eżistenti tat-tikkettar.

Azzjoni ewlenija Nru 6.

· Tinħoloq bażi tad-dejta pubblika ta’ tikketti u ċertifikazzjonijiet applikabbli għall-intrapriżi soċjali fl-Ewropa biex titjieb il-viżibbiltà u t-tqabbil.

Azzjoni ewlenija Nru 7.

· Jiġi promoss it-tagħlim reċiproku u l-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali fit-tqegħid fis-seħħ ta’ strateġiji komprensivi għal appoġġ, promozzjoni u finanzjament ta’ intrapriżi soċjali, speċjalment permezz tal-fondi strutturali, permezz tal-analiżi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prassi, is-sensibilizzazzjoni, in-netwerking u d-disseminizzazzjoni.

3.2.2. Rinfurzar tal-kapaċitajiet maniġerjali, il-professjonaliżmu u n-netwerking tan-negozji soċjali

Kemm l-imprendituri soċjali żgħażagħ kif ukoll dawk stabbiliti jeħtieġu li jibnu l-ħiliet neċessarji biex jiżguraw li n-negozju tagħhom qed jiġi amministrat sew u jista’ jikber. Għalhekk, il-Kummissjoni tixtieq tippromwovi t-transfertilizzazzjoni ma’ imprendituri innovattivi u oqsma akkademiċi u tar-riċerka. Dan jista’ jseħħ b’mod partikolari fil-kuntest tal-inkubaturi tan-negozju (għat-tnedija ta’ negozji soċjali). Il-ftit eżempji eżistenti f’dawn l-oqsma jistħoqqilhom appoġġ u espansjoni. L-imprendituri soċjali għandhom ukoll ikunu jistgħu jirċievu pariri u appoġġ minn mexxejja oħra tan-negozju jew bankiera.

Azzjoni ewlenija Nru 8.

· Tinħoloq pjattaforma unika ta’ dejta u skambju elettroniku multilingwi, assoċjata fejn jixraq, mal-Pjattaforma Ewropea tal-Innovazzjoni Soċjali[25] u n-"Netwerk Ewropew tal-Intrapriża" għall-imprendituri soċjali, l-inkubaturi u r-raggruppamenti, l-investituri soċjali u n-nies li jaħdmu magħhom.

· Tiġi promossa u tiżdied l-aċċessibbiltà tal-programmi tal-Komunità li jappoġġaw l-imprendituri soċjali, bħall-ERASMUS, ERASMUS għall-Imprendituri Żagħżagħ, TEMPO, "Żgħażagħ fl-Azzjoni" 2007-2013 (b’mod partikolari l-attivitajiet "Inizjattivi taż-Żgħażagħ") u ORIZZONT 2020.

3.3. Titjib tal-ambjent legali 3.3.1. Żvilupp ta’ forom legali Ewropej li jixirqu li jistgħu jintużaw fl-intraprenditorija soċjali Ewropea

L-istudju dwar l-implimentazzjoni tal-Istatut għal Soċjetà Ewropea tal-Kooperattivi[26] aċċenna l-kumplessità tat-test u rrakkomanda diversi għażliet sabiex din is-sistema ssir iktar sempliċi u attraenti u biex ikun possibbli li jintlaħqu l-bżonnijiet tal-imprendituri soċjali. Il-fondazzjonijiet spiss jikkunsidraw li huwa diffiċli għalihom biex joperaw fis-suq intern għaliex id-differenzi regolatori jwasslu għal rekwiżiti u proċeduri li xi drabi huma kumplessi (speċjalment f’dak li jikkonċerna t-taxxa). Finalment, is-settur reċiproku regolarment jiddikjara li jrid ikun jista’ jiddependi minn statut Ewropew filwaqt li oħrajn ma jarawx il-ħtieġa għal dan.

Azzjoni ewlenija Nru 9.

· Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tiġi ppreżentata proposta għal simplifikazzjoni tar-regolament dwar l-Istatut għal Soċjetà Ewropea tal-Kooperattivi sabiex tirrinforza l-indipendenza tagħha f’rabta mal-liġijiet nazzjonali u biex ikun iżjed faċli biex jinħolqu kooperattivi soċjali.

· Jiġi propost regolament għal Statut Ewropew għall-Fondazzjonijiet, sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitatjiet transkonfinali tal-fondazzjonijiet. Dan ikun jeżisti flimkien mal-forom legali nazzjonali u jkun fakultattiv.

· Jinbeda studju dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetajiet reċiproċi fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu eżaminati b’mod partikolari l-attivitajiet transkonfinali tagħhom.

3.3.2. Akkwist pubbliku

Minkejja l-firxa ta’ għażliet ipprovduti minn regolamenti dwar is-suġġett, l-intrapriżi soċjali spiss jemmnu li huma qed jaffaċċjaw diffikultajiet sproporzjonati fir-rigward tal-aċċess għall-kuntratti pubbliċi. Din is-sitwazzjoni tirriżulta minn regoli Ewropej dwar is-suġġett u wkoll mir-regoli nazzjonali, li jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri fejn il-prassi taż-żieda ta’ rekwiżiti mhux neċessarji (goldplating) mhux dejjem għamlitha possibbli li jittieħed vantaġġ komplut tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Madankollu, ċerti entitajiet pubbliċi mhux dejjem jagħmlu l-aħjar użu tal-potenzjal eżistenti għall-innovazzjoni f’servizzi soċjali. Ħafna mir-risposti li rċeviet il-Kummissjoni fuq il-Green Paper tagħha dwar il-futur tal-akkwist pubbliku jikkunsidraw li l-użu potenzjali tal-kriterji soċjali jew ambjentali fl-akkwist pubbliku għandhom jingħataw iktar attenzjoni fid-Direttivi.

Azzjoni ewlenija Nru 10.

· Ikompli jitjieb l-element tal-kwalità fl-għoti tal-kuntratti fil-kuntest tar-riforma tal-akkwist pubbliku speċjalment fil-każ ta’ servizzi soċjali u tas-saħħa, u jiġu studjati modi fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies involuti fil-produzzjoni tal-oġġetti u s-servizzi bil-kuntratt jiġu kkunsidrati, sakemm ikun hemm konformità kompluta mal-prinċipji tat-Trattat kontra d-diskriminazzjoni, it-trattament ekwu u t-trasparenza.

3.3.3. Għajnuna mill-Istat

Fit-23 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat applikabbli għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali[27], li tista’ tkun rilevanti għall-intrapriżi soċjali li jipprovdu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-Kummissjoni speċifikat li għandha l-intenzjoni li tadotta aktar regoli varji skont l-effetti tal-għajnuna fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku dwar is-suq intra-Komunitarju. Irrikonoxxiet ukoll li ċerti tipi ta’ servizzi soċjali juru karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-istruttura finanzjarja tagħhom u l-għanijiet tagħhom.

Azzjoni ewlenija Nru 11.

· Simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għal servizzi soċjali u lokali. Simplifikazzjoni bħal din tista’ wkoll tibbenefika lill-intrapriżi soċjali, meta jipprovdu servizzi soċjali jew servizzi li ma għandhomx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-proposti għal riforma tar-regoli li jikkonċernaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI), li saru pubbliċi f’Settembru 2011, il-Kummissjoni timmira li twieġeb għal dan l-għan ta’ simplifikazzjoni għal servizzi soċjali u lokali b’mod partikolari billi tipproponi Regolament de minimis għas-SGEIs lokali u Deċiżjoni ġdida li teżenta s-servizzi soċjali taħt ċerti kundizzjonijiet mill-obbligu li jipprovdu notifika minn qabel. Huwa mistenni li r-regoli l-ġodda se jiġu adottati mill-Kummissjoni qabel l-aħħar tal-2011.

4. Lil hinn mill-pjan ta’ azzjoni: Ideat oħra għad-diskussjoni

Barra mill-azzjonijiet ta’ prijorità elenkati hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi s-suġġetti li ġejjin għal diskussjoni fejn wieħed jeħtieġ li jħares lejn id-dettalji u l-metodi involuti aktar mill-qrib, b'mod partikolari:

· Il-ħolqien ta’ netwerk u l-possibbiltà li l-esperjenza tal-banek, spiss pubbliċi jew semipubbliċi u ddedikati parzjalment jew kompletament biex jiffinanzjaw l-intraprenditorija soċjali, jiġi kondiviż[28], b'hekk jiġu restawrati l-fondi inattivi fl-ekonomija (eż. kontijiet tal-bank ta' persuni mejta li ma ngħalqux);

· Żvilupp ta’ aċċess għal kapital ta’ riskju għal intrapriżi soċjali, skont il-proposti tagħha li jikkonċernaw il-qafas Ewropew għall-fondi tal-kapital ta’ riskju;

· Promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali fost persuni iktar avvanzati fl-eta’, fil-kuntest tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv fl-2012 (bidla ta’ karriera jew żvilupp ta’ volontorjat fost il-persuni irtirati);

· Promozzjoni tar-riċerka dwar il-karatteristiċi u l-impatt soċjoekonomiku tal-intraprenditorija soċjali u, b'mod partikolari, finanzjament ta' proġetti nazzjonali biex jiġu stabbiliti kontijiet satellita[29] sabiex l-intrapriżi soċjali jidhru fis-sistemi ta’ kontabbiltà nazzjonali.

· Eżaminazzjoni tal-possibbiltà li jiżdiedu u jiġu inklużi kategoriji ġodda tal-għajnuna matul ir-reviżjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, li huwa applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013;

· Żvilupp ta’ kondiviżjoni tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri dwar l-adattament tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa għall-benefiċċju tal-intrapriżi soċjali u l-investiment etiku.

· Żvilupp ta’ kondiviżjoni tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-użu tal-kapital akkumulat fl-intrapriżi soċjali u b'mod partikolari l-imblukkar tal-assi (asset locks) sabiex dan il-kapital ikun jista' jibqa' fin-negozju jew jiġi rilaxxat għal investiment f’intrapriżi soċjali oħra.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li tingħata iktar konsiderazzjoni għal:

· Strateġiji ġodda biex jitjieb l-aċċess għal finanzjament, il-promozzjoni ta’ djalogu bejn l-intrapriżi soċjali u l-istituzzjonijiet finanzjarji, eż. fil-Forum tal-Finanzjament tal-SME;

· Wara l-adozzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u t-talba tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 biex tiġi stabbilita għodda ta’ promozzjoni tal-proprjetà intellettwali madwar l-Ewropa kollha, il-Kummissjoni tikkommetti ruħha li tirriċerka sa fejn l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jaċċessaw privattivi inattivi biex tgħin l-iżvilupp tagħhom;

· Żvilupp u netwerking tal-pjattaformi tal-kummerċ (boroż[30]) dedikati għall-intrapriżi soċjali;

· Il-possibbiltà għall-intrapriżi soċjali li jiġġeneraw il-profitti biex jagħmlu użu mill-voluntiera u jirċievu d-donazjonijiet mingħajr impatt negattiv tat-taxxa.

· Il-bżonn ta’ possibbilment statut Ewropew għal forom oħra ta’ intrapriża soċjali bħal assoċjazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u/jew possibbilment statut komuni Ewropew għall-intrapriżi soċjali. (Biex tikseb dan, il-Kummissjoni, ladarba tkun ġiet adottata l-proposta dwar l-Istatut Ewropew tal-Fondazzjonijiet, se torganizza laqgħa ta’ livell għoli bejn il-partijiet interessati ewlenin mis-setturi kollha involuti fl-intraprenditorija soċjali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex tikkunsidra l-inizjattivi li għandhom jittieħdu biex jittejjeb il-qafas legali għall-intrapriżi soċjali fil-livell Ewropew.)

5. Konklużjoni

Il-Kummissjoni għandha:

- tissottometti l-analiżi u l-miżuri proposti f’din il-Komunikazzjoni lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex tkompli d-djalogu li nfirex ħafna mal-partijiet interessati Ewropej u tistieden lil dawk kollha kkonċernati biex jipparteċipaw fil-konferenza dwar l-intrapreditorija soċjali u l-ekonomija soċjali fi Brussell fit-18 ta' Novembru 2011. Din il-konferenza se tkun opportunità għal kulħadd biex jesprimu l-opinjoni tiegħu dwar din il-Komunikazzjoni;

- titlob lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġaw u jħeġġu l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali fi ħdan l-isfera ta' kompetenza tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' strutturi ekonomiċi tal-iżvilupp u l-kmamar tal-kummerċ, fejn jiġi kkunsidrat l-aspett transkonfinali tas-sħubiji u l-inizjattivi li huma jappoġġaw;

- titlobhom ukoll biex jiżviluppaw strateġija komprensiva biex jappoġġaw l-bini tal-kapaċità, in-netwerking u l-mobilizzazzjoni tal-fondi privati u pubbliċi u biex jintegraw l-intrapriżi soċjali f'patti ta' impjieg u inizjattivi ta' inklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha:

– timplimenta l-inizjattivi tagħha fi sħubija mal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u tqis il-kwistjonijiet dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

– tistabbilixxi grupp konsultattiv tad-diversi partijiet interessati dwar in-negozju soċjali biex jeżamina l-progress tal-miżuri mbassra f’din il-Komunikazzjoni. Billi jibni fuq l-esperjenza tal-Grupp Konsultattiv tas-SBA[31], dan il-grupp jista’ jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tal-imprendituri soċjali, is-settur bankarju u finanzjarju u s-settur akkademiku u tal-università.

[1]       Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010)2020.

[2]       Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni COM(2010) 546 finali, is-6 ta’ Ottubru 2010.

[3]       Komunikazzjoni dwar il-"Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali", COM(2010) 758 finali, is-16 ta’ Diċembru 2010.

[4]       "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja", COM(2011) 206 finali, it-13 ta’ April 2011.

[5]       http://ec.europa.eu/internal_market/smact/consultations/2011/debate/index_en.htm.

[6]       Għall-iskopijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, it-termini "negozju soċjali" u "intrapriża soċjali" huma ekwivalenti.

[7]       Skont ir-regoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

[8]       Pereżempju, b’firxa ta' tnaqqis ta’ pagament.

[9]     CIRIEC "The Social economy in the European Union" (L-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea), p. 48.

[10]     Terjesen, S., Lepoutre, J., Justo, R. u Bosma, N. 2011. Global Entrepreneurship Monitor Report on Social Entrepreneurship (Rapport tal-Monitoraġġ dwar l-Intraprenditorija Globali fuq l-Intraprenditorija Soċjali). http://www.gemconsortium.org/about.aspx?page=pub_gem_special_topic_reports.

[11]     Hawnhekk definita bħala "attività li għandha għan soċjali, ambjentali jew ta’ interess ġenerali. Din tista’ tinkludi l-provvediment ta’ servizzi jew taħriġ lil persuni soċjalment żvantaġġati jew b’diżabbiltà, l-użu ta’ profitti għal skopijiet soċjali, l-organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ assistenza reċiproka għal azzjoni ta’ interess ġenerali", eċċ. ibid. p. 44.

[12]     Terjesen, S., Lepoutre, J. , Justo, R. u Bosma, N. 2011. Global Entrepreneurship Monitor Report on Social Entrepreneurship. http://www.gemconsortium.org/about.aspx?page=pub_gem_special_topic_reports

[13]        Pereżempju, fi Franza, l-assenza mix-xogħol minħabba l-mard hija sinifikament inqas milli fil-kumpaniji inġenerali: 5,5 % għall-kuntrarju ta' 22 % "Absence from work for health reasons in the social economy" (Assenza mix-xogħol għal raġunijiet ta' saħħa fl-ekonomija soċjali), Chorum, April 2011, http://www.cides.chorum.fr.

[14]     Empowering people, driving change: Social innovation in the European Union, Bureau of Policy Advisers (BEPA) (Nagħtu l-poter lin-nies u mmexxu l-bidla: l-Innovazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea) (BEPA – Bureau ta’ Konsulenti dwar il-Politika Ewropea), il-Kummissjoni Ewropea, Lulju 2010, paġni 11 u 109.

[15]     COM(2011) 681 finali

[16]     Study on Practices and Policies in the Social Enterprise Sector in Europe, (Studju dwar il-Prassi u l-Politiki fis-Settur tal-Intrapriżi Soċjali fl-Ewropa) Austrian Institute for SME Research u TSE Entre, Turku School of Economics, Finland, Vjenna, Ġunju 2007, rapport imħejji għall-Kummissjoni Ewropea.

[17]     Empowering people, driving change: Social innovation in the European Union, Bureau of Policy Advisers (BEPA), il-Kummissjoni Ewropea, Lulju 2010.

[18]     Eżaminazzjoni mill-ġdid tas-“Small Business Act” għall-Ewropa, COM(2011)78 finali.

[19]     COM(2011)681 finali

[20]     Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

[21]     Fond Ewropew għall-Investiment Soċjali u l-Intraprenditorija (ESIEF - European Social Investment and Entrepreneurship Fund) li jkun qed jinvesti f’10 sa 15-il vettura madwar l-Istati Membri.

[22]     Inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi, COM(2007)708.

[23]    COM(2011) 609 finali, 6.10.2011.

[24] http://ec.europa.eu/regional_policy/what/future/proposals_2014_2020_fr.cfm

[25]        http://www.socialinnovationeurope.eu/.

[26]     Studju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Ewropea tal-Kooperattivi (SCE), 5 ta’ Ottubru 2010, http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/sce_final_study_part_i.pdf.

[27]     COM(2011)146 finali

[28]     Eżempji rilevanti jinkludu l-Caisse des dépôts et consignations (Franza), il-KfW Entwicklungsbank (il-Ġermanja), il-proġett Big Society Bank (ir-Renju Unit) jew it-Triodos Bank (il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi).

[29]     http://www.socialeconomy.eu.org/spip.php?article705&lang=en.

[30]     Wara l-Brażil (Bovespa - 2004) u l-Afrika t’Isfel (SASIX - 2006), l-ewwel borża Ewropea soċjali ġiet stabbilita fil-Portugall fl-2008 (Bolsa de Valores Sociais) taħt il-Euronext Lisbon. Proġett tal-London Social Stock Exchange jista’ jitlesta fix-xhur li ġejjin.

[31]     Eżaminazzjoni mill-ġdid tas-“Small Business Act” għall-Ewropa, COM(2011)78 finali, p. 20.

Top