This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0681
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A renewed EU strategy 2011-14 for Corporate Social Responsibility
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva
/* KUMM/2011/0681 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva /* KUMM/2011/0681 finali */
WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4 1.1........ L-indirizzar tar-responsabbiltà
soċjali korporattiva fl-interess tal-intrapriżi......................... 4 1.2........ ...u fl-interess tas-soċjetà
bħala tali.................................................................................. 4 1.3........ Għalfejn il-Kummissjoni qed
tippreżenta din l-istrateġija ġdida issa?................................. 5 2........... Valutazzjoni tal-impatt
tal-politika Ewropea dwar l-RSK................................................. 5 3........... Għarfien modern
tar-responsabbiltà soċjali korporattiva................................................... 7 3.1........ Definizzjoni ġdida............................................................................................................ 7 3.2........ Prinċipji u linji gwida
b'għarfien internazzjonali.................................................................. 7 3.3........ In-natura multidimensonali tal-RSK................................................................................. 8 3.4........ Ir-rwol tal-awtoritajiet
pubbliċi u partijiet interessati oħra................................................. 8 3.5........ RSK u l-Inizjattiva
tal-Intraprendenza Soċjali.................................................................. 9 3.6........ RSK u djalogu soċjali..................................................................................................... 9 4........... Aġenda għal azzjoni
2011-2014...................................................................................... 9 4.1........ It-titjib tal-viżibbiltà
tal-RSK u t-tixrid tal-prassi tajba...................................................... 9 4.2........ It-titjib u t-traċċar
tal-livelli tal-fiduċja fil-kummerċ......................................................... 10 4.3........ It-titjib ta' proċessi ta'
awtoregolamentazzjoni u ta' regolamentazzjoni konġunta.............. 11 4.4........ It-titjib tal-ippremjar tas-suq
għas-CSR......................................................................... 11 4.4.1..... Il-Konsum.................................................................................................................... 11 4.4.2..... L-akkwist pubbliku....................................................................................................... 12 4.4.3..... L-Investiment............................................................................................................... 12 4.5........ It-tiżjid tal-iżvelar
mill-kumpaniji ta' informazzjoni soċjali u ambjentali............................. 13 4.6........ L-integrazzjoni iżjed fil-fond
tas-CSR fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fir-riċerka..................... 13 4.7........ Enfażi fuq l-importanza ta'
politiki tas-CSR nazzjonali u sottonazzjonali........................... 14 4.8........ Allinjament aħjar
tal-approċċi Ewropej u globali għas-CSR........................................... 14 4.8.1..... Niffukaw fuq il-prinċipji u
l-linji gwida tas-CSR li huma rikonoxxuti internazzjonalment... 14 4.8.2..... L-implimentazzjoni tal-Prinċipji
Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet Umani.... 15 4.8.3..... L-enfażi fuq is-CSR
fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja.......................... 16 5........... Il-konklużjoni............................................................................................................... 17
1.
Introduzzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea ddefinit diġà
r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (RSK) bħala "kunċett
li bih il-kumpaniji, minn jeddhom, jintegraw l-aspetti soċjali u
ambjentali sew fl-operat kummerċjali jew industrijali tagħhom kif
ukoll fl-interazzjoni tagħhom mal-partijiet interessati"[1]. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva
tfisser azzjonijiet mill-kumpaniji lil hinn mill-obbligi legali tagħhom
lejn is-soċjetà u l-ambjent. Ċerti miżuri ta' regolamentazzjoni
joħolqu ambjent li jwassal biex l-intrapriżi minn jeddhom jaqdu aktar
ir-responsabbiltà soċjali tagħhom.
1.1.
L-indirizzar tar-responsabbiltà soċjali
korporattiva fl-interess tal-intrapriżi...
Approċċ strateġiku
għall-RSK huwa dejjem aktar importanti għall-kompetittività
tal-intrapriżi. Jista' jġib benefiċċji għal dak li
huwa ġestjoni tar-riskju, iffrankar ta' spejjeż, aċċess
għall-kapital, rapport mal-klijenti, ġestjoni ta' riżorsi umani,
u kapaċità ta' innovazzjoni[2].
Billi l-RSK teħtieġ impenn ma'
partijiet interessati interni u esterni, lill-intrapriżi
tpoġġihom f'qagħda li jantiċipaw aħjar u jiksbu
vantaġġ mill-istennijiet tas-soċjetà li dejjem jinbidlu u mill-kundizzjonijiet
operattivi. Għalhekk tista' tmexxi l-iżvilupp ta' swieq ġodda u
toħloq opportunitajiet għat-tkabbir. Bl-indirizzar tar-responsabbiltà soċjali
tagħhom l-intrapriżi jistgħu jibnu fiduċja fit-tul
mal-impjegati, il-konsumaturi u ċ-ċittadini bħala bażi
għal mudelli ta' negozju sostenibbli. Livelli ogħla ta' fiduċja
min-naħa l-oħra jgħinu biex jinbena ambjent li fih
l-intrapriżi jistgħu jinnovaw u jikbru.
1.2.
...u fl-interess tas-soċjetà bħala tali
Permezz tal-RSK, l-intrapriżi
jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-għanijiet
tat-trattat tal-Unjoni Ewropea ta' żvilupp sostenibbli u ekonomija tas-suq
soċjali kompetittiva ħafna. L-RSK tirfed l-għanijiet
tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklużiv, inkluża l-mira ta' impjieg ta' 75 %[3].
L-aġir imprenditorjali responsabbli huwa speċjalment importanti meta
l-operaturi fis-settur privat jipprovdu servizz pubbliku. Li jittaffew
l-effetti soċjali tal-kriżi ekonomika attwali, inkluż it-telf
tal-impjieg, huwa parti mir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi.
L-RSK toffri sett ta' valuri li fuqhom tinbena soċjetà aktar koeżiva
u li fuqha tissejjes it-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika sostenibbli.
1.3.
Għalfejn il-Kummissjoni qed tippreżenta
din l-istrateġija ġdida issa?
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew it-tnejn li
huma għamlu sejħa lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar
il-politika tagħha tal-RSK[4].
Fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha li
ġġedded l-istrateġija tal-UE biex tippromwovi r-Responsabbiltà
Soċjali Korporattiva. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-2010 dwar
il-politika industrijali l-Kummissjoni qalet li kienet se tressaq proposta
politika ġdida dwar l-RSK[5].
Fl-Att dwar is-Suq Uniku hija stqarriet li kienet se tadotta komunikazzjoni
ġdida dwar l-RSK sa tmiem l-2011[6]. Il-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi
soċjali tagħha dgħajfu b'mod konsiderevoli l-fiduċja
tal-konsumatur u l-livelli ta' fiduċja fin-negozju. Huma ġibdu
l-attenzjoni tal-pubbliku fuq ir-rendiment soċjali u etiku
tal-intrapriżi. Bit-tiġdid tal-isforzi għall-promozzjoni tal-RSK
issa, il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet
favorevoli għat-tkabbir sostenibbli, aġir imprenditorjali
responsabbli u tkattir ta' impjiegi fit-tul f'medda ta' żmien medja u
twila.
2.
Valutazzjoni tal-impatt tal-politika Ewropea dwar
l-RSK
Il-Kummissjoni kellha rwol ta' pijuniera
fl-iżvilupp tal-politika pubblika għall-promozzjoni tal-RSK
miż-żmien tal-Green Paper tagħha tal-2001[7] u
t-twaqqif tal-Forum Plurilaterali Ewropew dwar l-RSK. Fl-2006 il-Kummissjoni
ppubblikat politika ġdida li l-qofol tagħha kien appoġġ
qawwi għal inizjattiva mmexxija mill-intrapriżi msejħa Alleanza
Ewropea għal-RSK[8].
Il-politika identifikat ukoll tmien oqsma ta' prijorità għal azzjoni
mill-UE: għarfien u skambju tal-aqwa prassi; appoġġ
għall-inizjattivi plurilaterali; kooperazzjoni mal-Istati Membri;
informazzjoni lill-konsumatur u trasparenza; riċerka; edukazzjoni;
intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; u d-dimensjoni
internazzjonali tal-RSK. Din il-politika kkontribwixxiet
għall-progress fil-qasam tal-RSK. Fost l-indikaturi ta' progress hemm: –
L-għadd ta' intrapriżi tal-UE li ffirmaw
l-g10 prinċipji tal-RSK tal-Patt Mondjali tan-Nazzjonijiet Uniti
żdied minn 600 fl-2006 għal aktar minn 1 900 fl-2011. –
L-għadd ta' organizzazzjonijiet b'siti
reġistrati taħt l-Iskema ta' Ġestjoni Ambjentali u ta' Verifika
(SĠAV) żdied minn 3 300 fl-2006 għal aktar minn 4 600
fl-2011[9]. –
L-għadd ta' kumpaniji tal-UE li ffirmaw
ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali ma' organizzazzjonijiet
tal-ħaddiema mondjali jew Ewropej, li jkopru kwistjonijiet bħal standards
tax-xogħol, żdied minn 79 fl-2006 għal aktar minn 140 fl-2011. –
Il-Business Social Compliance Initiative,
inizjattiva Ewropea mmexxija mill-impriżi biex il-kumpaniji jtejbu
l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-katini ta' provvista tagħhom,
żiedet il-membri tagħha minn 69 fl-2007 għal aktar minn 700
fl-2011. –
L-għadd ta' impriżi Ewropej li
jippubblikaw rapporti dwar is-sostenibbiltà skont il-linji gwida tal-Global
Reporting Initiative żdied minn 270 fl-2006 għal aktar minn 850
fl-2011. Permezz tal-Alleanza Ewropea dwar l-RSK,
impriżi ewlenin żviluppaw sensiela ta' għodod prattiċi dwar
kwistjonijiet ewlenin[10].
Madwar 180 impriża esprimew appoġġ għall-Alleanza.
L-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' dawk li joffru x-xogħol ukoll
appoġġaw l-Alleanza u daħlu għal għadd ta' azzjonijiet
biex jippromwovu l-RSK. Minkejja dan il-progress għad fadal sfidi
importanti. Ħafna kumpaniji fl-UE għadhom ma integrawx għal
kollox responsabbiltajiet soċjali u ambjentali fl-operazzjonijiet u
fl-istrateġija ewlenija tagħhom. Għad fadal akkużi
tal-involviment ta' minoranza żgħira ta' impriżi Ewropej li
joffendu d-drittijiet tal-bniedem u jonqsu milli jirrispettaw standards
tax-xogħol prinċipali. Ħmistax-il Stat Membru biss minn 27
tal-UE għandhom oqfsa ta' politika nazzjonali biex jippromwovu l-RSK[11]. Il-Kummissjoni identifikat għadd ta'
fatturi li se jgħinu biex jiżdied aktar l-impatt tal-politika
tagħha tal-RSK, u fosthom hemm: –
Il-ħtieġa għal approċċ
plurilaterali bbilanċjat li jqis il-fehmiet tal-impriżi, il-partijiet
interessati mhux fin-negozju u l-Istati Membri. –
Il-ħtieġa li jiġi ċċarat
aktar dak li huwa mistenni mill-impriżi u li d-definizzjoni tal-RSK tal-UE
tkun konsistenti ma' prinċipji u linji gwida internazzjonali ġodda u
aġġornati. –
Il-ħtieġa li jinġieb 'il quddiem dak
li s-suq jippremja għal aġir responsabbli tal-impriżi,
inkluż permezz tal-politika ta' investiment u l-kuntratti pubbliċi. –
Il-ħtieġa li jitqiesu skemi awto- u
ko-regolamentari, mezzi importanti li bihom l-impriżi jfittxu li jwettqu
r-responsabbiltà soċjali tagħhom. –
Il-ħtieġa li tkun indirizzata
t-trasparenza korporattiva dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali minn
kif jarawha l-partijiet interessati kollha, inklużi l-impriżi stess. –
Il-ħtieġa li tingħata aktar
attenzjoni lid-drittijiet tal-bniedem, aspett aktar prominenti tal-RSK b'mod
sinifikanti. –
Il-ħtieġa li jkun hemm għarfien
tar-rwol li għandha r-regolamentazzjoni komplementari fil-ħolqien ta'
ambjent li jwassal aktar lejn li l-impriżi b'mod volontarju jwettqu
r-responsabbiltà soċjali tagħhom. Il-bqija ta' din il-komunikazzjoni
tippreżenta għarfien modern tal-RSK, inkluża definizzjoni
aġġornata, u aġenda ta' azzjoni ġdida. B'dan il-mod hija
tkompli fuq il-politika tal-2006 filwaqt li tintroduċi wkoll elementi
ġodda li jistgħu jkomplu jestendu l-impatt tal-politika. Hija tfittex
li tafferma mill-ġdid l-influwenza mondjali tal-UE f'dan il-qasam, biex
b'hekk l-UE tkun tista' ġġib aktar 'il quddiem l-interessi u l-valuri
tagħha fil-konfront ta' reġjuni u pajjiżi oħra. Se
tgħin ukoll biex tmexxi u tikkoordina l-politiki tal-Istati Membri tal-UE
u biex tnaqqas ir-riskju ta' approċċi diverġenti li jistgħu
joħolqu spejjeż addizzjonali għall-impriżi li joperaw
f'aktar minn Stat Membru wieħed.
3.
Għarfien modern tar-responsabbiltà
soċjali korporattiva
3.1.
Definizzjoni ġdida
Il-Kummissjoni
tressaq definizzjoni ġdida tal-RSK bħala "ir-responsabbiltà
tal-impriżi għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà".
Ir-rispett għal-leġiżlazzjoni applikabbli, u
għall-ftehimiet kollettivi bejn l-imsieħba soċjali, huwa
prerekwiżit biex titwettaq din ir-responsabbiltà. Biex iwettqu
bis-sħiħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-impriżi
għandu jkollhom proċess operattiv li jintegra r-responsabbiltajiet
soċjali, ambjentali, etiċi u dawk li jirrigwardaw id-drittijiet
tal-bniedem u tal-konsumatur fl-operazzjonijiet ta' negozju u
l-istrateġija ewlenija tagħhom b'kollaborazzjoni mill-qrib
mal-partijiet interessati, bl-għan li: –
jimmassimizzaw il-ħolqien ta' valur komuni
għas-sidien/azzjonisti u għall-partijiet interessati l-oħra
tagħhom u s-soċjetà inġenerali; –
jidentifikaw, jipprevjenu u jtaffu l-impatti
possibbli tagħhom ta' żvantaġġ. Il-komplessità ta'
dan il-proċess se tiddependi fuq fatturi bħad-daqs tal-impriża u
n-natura tal-operazzjonijiet tagħha. Għal bosta impriżi
żgħar u ta' daqs medju, speċjalment mikro-impriżi,
il-proċess RSK x'aktarx li jibqa' informali u intuwittiv. Biex jiġi
massimizzat il-ħolqien ta' valur komuni, l-impriżi huma
mħeġġa jadottaw approċċ strateġiku fuq medda
twila ta' żmien fir-rigward tal-RSK, u li jitkixxfu dwar l-opportunitajiet
għall-iżvilupp ta' prodotti, servizzi u mudelli ta' negozju
innovattivi li jikkontribwixxu għall-benessri tas-soċjetà u jwasslu
għal kwalità ogħla u impjiegi aktar produttivi. Biex jidentifikaw,
jipprevjenu u jtaffu l-impatti possibbli tagħhom ta' żvantaġġ,
l-impriżi l-kbar, u l-impriżi b'riskju partikolari li jkollhom dawn
l-impatti, huma mħeġġa li jwettqu diliġenza mistħoqqa
msejsa fuq ir-riskju, inkluż permezz tal-katini ta' provvista
tagħhom. Ċerti tipi
ta' impriża, bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi, u
impriżi familjari, għandhom strutturi ta' sjieda u governanza li
jistgħu speċjalment iwasslu lejn aġir imprenditorjali
responsabbli.
3.2.
Prinċipji u linji gwida b'għarfien
internazzjonali
Għall-kumpaniji li jfittxu
approċċ formali għall-RSK, speċjalment kumpaniji kbar, hemm
il-gwida awtorevoli tal-prinċipji u l-linji gwida magħrufa
internazzjonalment, b'mod partikolari l-Linji Gwida għall-Impriżi
Multinazzjonali li ġew aġġornati dan l-aħħar,
l-10 prinċipji tal-Patt Mondjali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard
ta' Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali ISO 26000, id-Dikjarazzjoni
Tripartitika tal-Prinċipji fir-rigward tal-Impriżi Multinazzjonali u
l-Politka Soċjali tal-ILO, u l-Prinċipji ta' Gwida fir-rigward
tal-Impriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan
il-grupp ewlieni ta' prinċipji u linji gwida magħrufa
internazzjonalment jirrappreżenta qafas mondjali dejjem jevolvi u li
ssaħħaħ dan l-aħħar għall-RSK. Il-politika
Ewropea għall-promozzjoni tal-RSK għandha tkun konsistenti
fis-sħiħ ma' dan il-qafas.
3.3.
In-natura multidimensonali tal-RSK.
Skont dawn il-prinċipji u l-linji gwida,
l-RSK tal-inqas tkopri d-drittijiet tal-bniedem, il-prassi tax-xogħol u
l-impjieg (bħal taħriġ, diversità, ugwaljanza bejn is-sessi u
s-saħħa u l-benessri tal-impjegat), kwistjonijiet ambjentali
(bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza
tar-riżorsi, il-valutazzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja u
l-prevenzjoni tat-tniġġis), u l-ġlieda kontra l-qerq u
l-korruzzjoni. L-involviment u l-iżvilupp tal-komunità, l-integrazzjoni
tal-persuni b'diżabbiltà, u l-interessi tal-konsumatur, inkluża
l-privatezza, huma wkoll parti mill-aġenda tal-RSK. Il-promozzjoni
tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali permezz tal-katina ta' provvista,
u l-iżvelar ta' informazzjoni mhux finanzjarja, huma magħrufa
bħala kwistjonijiet trasversali importanti. Il-Kummissjoni adottat
komunikazzjoni dwar il-politiki tal-UE u l-attività volontarja li fiha
tagħraf l-attività volontarja tal-impjegat bħala espressjoni tal-RSK[12]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippromwovi
t-tliet prinċipji ta' governanza fiskali tajba – jiġifieri
trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni fiskali ġusta –
fir-relazzjonijiet bejn l-istati. L-impriżi huma mħeġġa,
fejn huwa xieraq, jaħdmu wkoll għall-implimentazzjoni ta' dawn
il-prinċipji.
3.4.
Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi u partijiet
interessati oħra
L-iżvilupp
tal-RSK għandu jitmexxa mill-impriżi stess. L-awtoritajiet
pubbliċi għandu jkollhom rwol ta' appoġġ permezz ta'
taħlita xierqa ta' miżuri ta' politika volontarji u, fejn ikun
meħtieġ, regolamentazzjoni komplementari, pereżempju
għall-promozzjoni tat-trasparenza, il-ħolqien ta' inċentivi
tas-suq għall-aġir responsabbli tal-impriżi, u l-iżgurar
tal-kontabilità korporattiva. L-impriżi għandhom jingħataw
il-flessibbiltà li jinnovaw u jiżviluppaw approċċ għal-RSK
li jixraq għaċ-ċirkostanzi tagħhom. Bosta impriżi
madankollu jgħożżu l-eżistenza ta' prinċipji u linji
gwida li għandhom l-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi, biex
ikollhom kejl ta' tqabbil għall-politiki u r-rendiment tagħhom stess,
u biex jippromwovu kundizzjonijiet aktar ġusti. It-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili jidentifikaw problemi, iġibu pressjoni
għal titjib u jistgħu jaħdmu b'mod kostruttiv mal-impriżi
biex jibnu flimkien is-soluzzjonijiet. Il-konsumaturi u l-investituri jinsabu
f'qagħda li jtejbu dak li s-suq jippremja għall-kumpaniji
soċjalment responsabbli permezz tad-deċiżjonijiet ta' konsum u
ta' investiment li jieħdu. Il-midja jistgħu jqajmu għarfien kemm
tal-impatti pożittivi kif ukoll negattivi tal-impriżi. L-awtoritajiet
pubbliċi u dawn il-partijiet interessati l-oħra għandhom juru
responsabbiltà soċjali, inkluż fir-relazzjonijiet tagħhom
mal-impriżi.
3.5.
RSK u l-Inizjattiva tal-Intraprendenza Soċjali
Ir-responsabbiltà soċjali
korporattiva hija applikabbli għall-impriżi kollha. Din
il-komunikazzjoni hija adottata flimkien ma' inizjattiva komplementari
iżda distinta, dik tal-Inizjattiva tal-Intraprendenza Soċjali (Social
Business Initiative – SBI) li tagħti appoġġ ta' tip
speċifiku ta' impriża, jiġifieri dawk li l-għan ewlieni
tagħhom huwa espliċitament soċjali u/jew ambjentali, li jinvestu
mill-ġdid il-profitti għal dan l-għan, u li l-organizzazzjoni
interna tagħhom tirrifletti l-miri tas-soċjetà[13]. L-SBI
tittratta mal-ekosistema meħtieġa biex l-intraprendenza soċjali
u l-innovazzjoni soċjali jiffjorixxu u jikkontribwixxu
għall-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew.
3.6.
RSK u djalogu soċjali
F'dawn l-aħħar snin bosta kumitati
ta' djalogu soċjali settorjali mexxew 'il quddiem prassi tajba ta' RSK u
stabbilixxew linji gwida[14].
Il-Kummissjoni tiffaċilita inizjattivi bħal dawn u tagħraf li
l-RSK tikkontribwixxi u tissupplimenta d-djalogu soċjali. Ġew żviluppati politiki innovattivi u effettivi ta' RSK
permezz ta' ftehimiet korporattivi transnazzjonali (TCAs) konklużi bejn
l-impriżi u l-organizzazzjonijiet Ewropej jew mondjali tal-ħaddiema[15]. L-UE
tappoġġa b'mod attiv it-TCAs u se tniedi bażi ta' dejta ta' dawn
il-ftehimiet li wieħed ikun jista' jikkonsulta.
4.
Aġenda għal azzjoni 2011-2014
Din l-aġenda fiha impenji
mill-Kummissjoni nnifisha, kif ukoll suġġerimenti
għall-impriżi, l-Istati Membri, u gruppi oħra ta' partijiet
interessati. Fl-implimentazzjoni ta' din l-aġenda, il-Kummissjoni se tqis
f'kull ħin il-karatteristiċi partikolari tal-SMEs, speċjalment
ir-riżorsi limitati tagħhom, u se tevita li toħloq piżijiet
amministrattivi mhux meħtieġa.
4.1.
It-titjib tal-viżibbiltà tal-RSK u t-tixrid
tal-prassi tajba
Billi tagħti
rikonoxximent pubbliku għal dak li l-impriżi jagħmlu fil-qasam
tal-RSK, l-UE tista' tgħin fit-tixrid tal-prassi t-tajba, tkattar
it-tagħlim inter pares, u tħeġġeġ aktar
impriżi jiżviluppaw l-approċċi strateġiċi
tagħhom lejn l-RSK. Abbażi tat-tagħlimiet mill-inizjattivi
fl-Istati Membri differenti, il-Kummissjoni se tgħin fil-bini
tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs biex
ittejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà tal-RSK għall-impriżi
żgħar u ta' daqs medju. Il-Kummissjoni nidiet medda wiesgħa ta'
programmi biex taħdem ma' impriżi u partijiet interessati oħra fuq
kwistjonijiet soċjali u ambjentali kritiċi[16]. Aktar
impenji mal-impriżi se jkunu importanti għas-suċċess
tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni għalhekk se
ġġib 'il quddiem id-djalogu mal-impriżi u partijiet interessati
oħra dwar kwistjonijiet bħall-impjegabbiltà, il-bidla demografika u
l-anzjanità attiva[17],
u l-isfidi fuq il-post tax-xogħol (inklużi l-ġestjoni
tad-diversità, l-ugwaljanza tas-sessi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif
ukoll is-saħħa u l-benessri tal-impjegat). Hija se tikkonċentra
b'mod partikolari fuq l-approċċi settorjali u fuq it-tixrid
tal-aġir responsabbli tal-impriżi permezz tal-katina ta' provvista. L-inizjattiva Enterprise 2020 tas-CSR
Ewropa hija eżempju ta’ tmexxija tan-negozju fil-qasam tas-CSR li huwa
partikolarment relevanti għall-għanijiet tal-politika tal-UE.
Il-Kummissjoni se tgħin biex tirrevedi l-ewwel riżultati ta' din
l-inizjattiva sa tmiem l-2012, u biex tiddefinixxi l-passi li jmiss. Il-Kummissjoni biħsiebha: 1.
Fl-2013 toħloq il-pjattaformi tas-CSR
għal bosta partijiet interessati f'għadd ta' setturi industrijali
relevanti, biex l-impriżi, dawk li jaħdmu fihom, u partijiet
interessati oħra jagħmlu impenji pubbliċi dwar il-kwistjonijiet
tas-CSR li huma relevanti għal kull settur, u tissorvelja l-progress b'mod
konġunt. 2.
Mill-2012 'il quddiem se tillanċja skema ta'
ppremjar Ewropea ta' sħubiji CSR bejn l-impriżi u partijiet
interessati oħra.
4.2.
It-titjib u t-traċċar tal-livelli
tal-fiduċja fil-kummerċ
Bħal kull organizzazzjoni oħra,
inklużi l-gvernijiet u l-UE nnifisha, jeħtieġ li l-impriżi
jkunu fdati miċ-ċittadini. Il-komunità kummerċjali Ewropea
għandha taspira li tkun fost l-iżjed gruppi ta' organizzazzjonijiet
fdati fis-soċjetà. Ta' sikwit ikun hemm differenza bejn l-aspettattivi taċ-ċittadini
u dak li jipperċepixxu li tkun ir-realtà tal-imġieba
kummerċjali. Din id-differenza hija parzjalment ikkawżata minn
okkażjonijiet ta' mġieba irresponsabbli ta' xi impriżi, u minn
okkażjonijiet meta xi impriżi jeżaġeraw il-kredenzjali ambjentali
jew soċjali tagħhom. Xi drabi hija kkawżata minn nuqqas ta'
fehim min-naħa ta' ċerti impriżi tal-aspettattivi
tas-soċjetà li qegħdin jevolvu rwieħhom b'mod
mgħaġġel, kif ukoll minn nuqqas ta' għarfien min-naħa
taċ-ċittadini tal-kisbiet tal-impriżi u r-restrizzjonijiet li
bihom iridu jaħdmu. Il-Kummissjoni biħsiebha: 3.
Tittratta l-kwistjoni ta' kummerċjalizzazzjoni
qarrieqa marbuta mal-impatti ambjentali tal-prodotti (dak li hu msemmi
"green-washing") fil-kuntest tar-rapport dwar l-applikazzjoni
tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali fin-Negozju[18]
maħsub għall-2012, u tqis il-bżonn ta' miżuri
speċifiċi possibbli dwar din il-kwistjoni. 4.
Tibda dibattitu miftuħ
maċ-ċittadini, mal-impriżi u ma' partijiet interessati oħra
dwar ir-rwol u l-potenzjal tal-kummerċ fis-Seklu 21, bil-għan li
trawwem fehim u aspettattivi komuni, u perjodikament twettaq
l-istħarriġiet dwar il-fiduċja taċ-ċittadini fid-dinja
tal-kummerċ u dwar l-attitudnijiet lejn is-CSR.
4.3.
It-titjib ta' proċessi ta'
awtoregolamentazzjoni u ta' regolamentazzjoni konġunta
L-impriżi ta' sikwit jieħdu sehem fi
proċessi ta' awtoregolamentazzjoni jew ta' regolamentazzjoni
konġunta, pereżempju permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta li
jkunu mifruxin ma' settur sħiħ dwar kwistjonijiet soċjali li
jkunu relevanti għas-settur inkwistjoni. Meta dawn il-proċessi jkunu
mfasslin b'mod xieraq jistgħu jiksbu l-appoġġ tal-partijiet
interessati u jkunu mezz effikaċi li jiżguraw kondotta
kummerċjali responsabbli. L-UE tirrikonoxxi l-awtoregolamentazzjoni u r-regolamentazzjoni
konġunta bħala parti mill-aġenda għal aħjar
regolamentazzjoni[19].
L-esperjenza turi li l-proċessi
tal-awtoregolamentazzjoni u tar-regolamentazzjoni konġunta jkunu
l-iżjed effikaċi meta jkunu: ikunu bbażati fuq analiżi
miftuħa inizjali tal-kwistjonijiet mal-partijiet interessati
kkonċernati kollha, fil-preżenza ta' awtoritajiet pubbliċi
bħall-Kummissjoni Ewropea, u jekk hemm bżonn imsejħa minn dawn
l-awtoritajiet; waqt fażi sussegwenti jirriżultaw f'impenji ċari
meħudin mill-partijiet kollha interessati kkonċernati, b'indikaturi
tal-prestazzjoni; jipprevedu mekkaniżmi ta' sorveljanza
oġġettiva, reviżjoni tal-prestazzjoni u l-possibbiltà ta' titjib
tal-impenji, skont il-bżonn; u jinkludu mekkaniżmu effikaċi ta'
responsabbiltà biex jieħu ħsieb l-ilmenti dwar nuqqas ta' konformità.
Il-Kummissjoni biħsiebha: 5.
Fl-2012 tillanċja proċess ma'
impriżi u partijiet interessati oħra biex jiġi żviluppat
kodiċi tal-prattika t-tajba għall-eżerċizzji ta'
awtoregolamentazzjoni u regolamentazzjoni konġunta, li għandu
jżid l-effikaċja tal-proċess tas-CSR.
4.4.
It-titjib tal-ippremjar tas-suq għas-CSR
L-impatti pożittivi tas-CSR fuq
il-kompetittività dejjem qed ikunu iżjed rikonoxxuti, iżda
l-impriżi għadhom jiffaċċjaw dilemma meta l-iżjed
azzjoni responsabbli mil-lat soċjali ma tkunx l-iżjed waħda
tajba finanzjarjament, għallinqas għal żmien qasir. L-UE
għandha ssaħħaħ il-politiki fl-oqsma tal-konsum,
tal-akkwist pubbliku u tal-investiment biex issaħħaħ
l-inċentivi għas-suq għas-CSR.
4.4.1.
Il-Konsum
L-attenzjoni tal-konsumaturi fuq kwistjonijiet
marbutin mas-CSR żdiedet f'dawn l-aħħar snin, iżda
għad fadal xi ostakoli sinifikanti, bħal nuqqas ta' għarfien,
il-ħtieġa li wieħed xi kultant iħallas primjum fuq
il-prezz, u nuqqas ta' aċċess faċli tal-informazzjoni
meħtieġa biex isiru għażliet infurmati. Xi impriżi
għandhom rwol ta' pijunieri bl-għajnuna li jagħtu
lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet iktar sostenibbli. Ir-reviżjoni
tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli tista'
tipprovdi opportunità biex jiġu identifikati miżuri ġodda
għall-iffaċilitar ta' konsum aktar responsabbli.
4.4.2.
L-akkwist pubbliku
Il-Kummissjoni ffissat mira indikattiva li
sal-2010 50 % tal-akkwist pubbliku kollu fl-UE għandu jikkonforma ma'
kriterji ambjentali li jkun intlaħaq qbil fuqhom. Fl-2011 il-Kummissjoni
ppubblikat gwida dwar l-Akkwist Pubbliku Responsabbli mil-lat Soċjali
(SRPP), li jispjega kif għandhom jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet
soċjali fl-akkwist pubbliku filwaqt li jiġi rrispettat il-qafas
legali attwali tal-UE[20].
L-SRPP jista' jinkludi l-azzjoni pożittiva min-naħa tal-awtoritajiet
pubbliċi biex jgħinu lin-negozji li mhumiex rappreżentati
tajjeb, bħall-SMEs li jiksbu aċċess għas-suq tal-akkwisti
pubbliċi. L-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi
ta' kull livell huma mistiedna li jagħmlu użu sħiħ tal-possibbiltajiet
kollha offruti mill-qafas legali attwali dwar l-akkwist pubbliku.
L-integrazzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fl-akkwist pubbliku
għandha ssir partikolarment b'mod li ma tiddiskriminax kontra l-SMEs, u
tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kontra d-diskriminazzjoni,
dwar it-trattament ugwali u t-trasparenza. Il-Kummissjoni biħsiebha: 6.
Tiffaċilita integrazzjoni aħjar ta'
kunsidrazzjonijiet soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku bħala
parti mir-reviżjoni tal-2011 tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku,
mingħajr ma ddaħħal piżijiet amministrattivi addizzjonali
għall-awtoritajiet kontraenti jew għall-impriżi, u mingħajr
ma ddgħajjef il-prinċipju li l-kuntratti jingħataw lil min
jagħmel l-iżjed offerta vantaġġuża ekonomikament.
4.4.3.
L-Investiment
B'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja,
il-Kummissjoni qed tagħmel għadd ta' proposti regolatorji biex
tiżgura sistema finanzjarja aktar responsabbli u trasparenti. Billi jqisu
biżżejjed l-informazzjoni mhux finanzjarja relevanti, l-investituri
jistgħu jikkontribwixxu lejn allokazzjoni aktar effiċjenti
tal-kapital u jkunu jistgħu jilħqu għanijiet ta' investiment fuq
terminu ta' żmien itwal. Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa
l-bini ta' kapaċità għall-investituri dwar kif għandhom
jintegraw l-informazzjoni mhux finanzjarja f'deċiżjonijiet dwar
l-investiment. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi
lill-impriżi biex jagħtu l-informazzjoni marbuta mal-implimentazzjoni
ta' standards ta' governanza tajba tat-taxxi. L-amministraturi u l-proprjetarji Ewropej
tal-assi, speċjalment tal-fondi tal-pensjonijiet, huma mistiedna li
jiffirmaw il-Prinċipji tan-NU għall-Investiment Responsabbli.
L-awtoritajiet pubbliċi għandhom responsabbiltà partikolari li
jippromwovu s-CSR fl-impriżi tagħhom jew f'dawk li huma jinvestu
fihom. Il-Kummissjoni biħsiebha: 7.
Tikkunsidra li tirrikjedi mingħand il-fondi
tal-investiment kollha u mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji li
jinfurmaw lill-klijenti tagħhom (ċittadini, impriżi,
awtoritajiet pubbliċi eċċ.) dwar kull kriterju tal-investiment
etiku jew responsabbli li japplikaw jew kull standard u kodiċi li jimxu
miegħu.
4.5.
It-tiżjid tal-iżvelar mill-kumpaniji ta'
informazzjoni soċjali u ambjentali
L-iżvelar ta' informazzjoni soċjali
u ambjentali, inkluża l-informazzjoni marbuta mal-klima, jista'
jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-partijiet interessati, u
l-identifikazzjoni tar-riskji materjali tas-sostenibbiltà. Huwa element
importanti ukoll tar-responsabbiltà u jista' jikkontribwixxi biex tiżdied
il-fiduċja tal-pubbliku fl-impriżi. Biex jintlaħqu
l-ħtiġijiet tal-impriżi u ta' partijiet interessati oħra,
l-informazzjoni trid tkun materjali, u trid tkun li tinġabar b'mod
kosteffikaċi. Xi wħud mill-Istati Membri
introduċew rekwiżiti għall-iżvelar ta' informazzjoni mhux
finanzjarja li jmorru lil hinn mil-leġiżlazzjoni tal-UE[21]. Jista'
jkun li rekwiżiti nazzjonali differenti joħolqu spejjeż
addizzjonali għall-impriżi li joperaw f'iżjed minn Stat Membru
wieħed. Għadd dejjem jiżdied ta' kumpaniji
jiżvelaw l-informazzjoni soċjali u ambjentali. L-SMEs ta' sikwit
jgħaddu din l-informazzjoni b'mod informali u fuq bażi volontarja.
Sors wieħed jistma li madwar 2 500 kumpanija Ewropea jippubblikaw
ir-rapporti tas-CSR jew rapporti tas-sostenibbiltà, u dan iqiegħed l-UE
f'pożizzjoni ewlenija dinjija[22].
Iżda din għadha biss frazzjoni żgħira tal-42 000
kumpaniji kbar li joperaw fl-UE. Jeżisti numru ta' oqfsa internazzjonali
għall-iżvelar ta' informazzjoni soċjali u ambjentali,
inkluża l-Inizjattiva tar-Rappurtaġġ Dinji.
Ir-rappurtaġġ integrat, finanzjarju u mhux finanzjarju
jirrappreżenta għan importanti għal żmien medju u għal
żmien twil, u l-Kummissjoni ssegwi b'interess ix-xogħol tal-Kumitat
Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Integrat. Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi,
kif ġie mħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni se
tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza
tal-informazzjoni soċjali u ambjentali mogħtija minn kumpaniji
fis-setturi kollha. Bħalissa għaddejja valutazzjoni tal-impatt
tal-għażliet possibbli għal din il-proposta li se tinkludi provi
ta' kompetittività u test tal-SMEs. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll
politika li tinkoraġġixxi lill-kumpaniji biex ikejlu u
jpoġġu valur referenzjarju fuq il-prestazzjoni ambjentali tagħhom
permezz ta' metodoloġija bbażata fuq iċ-ċiklu
tal-ħajja li jista' jintuża wkoll għall-iżvelar. L-organizzazzjonijiet kollha, inklużi
dawk tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi, huma
mħeġġa li jieħdu l-passi biex itejbu l-iżvelar
tal-prestazzjoni soċjali u ambjentali tagħhom.
4.6.
L-integrazzjoni iżjed fil-fond tas-CSR
fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fir-riċerka
Biex is-CSR jiżviluppa iżjed
jeħtieġ il-ħiliet ġodda kif ukoll bidliet ta' valuri u ta'
mġieba. L-Istati Membri jista' jkollhom ir-rwol importanti li
jħeġġu lill-istabbilimenti edukattivi biex jintegraw is-CSR,
l-iżvilupp sostenibbli u ċ-ċittadinanza responsabbli
fil-kurrikuli edukattivi relevanti, dan jinkludi fis-sekondarja u fil-livell
universitarju. L-iskejjel tal-kummerċ Ewropej huma mħeġġin
li jiffirmaw il-Prinċipji tan-NU għal Edukazzjoni Amministrattiva
Responsabbli. Ir-riċerka akkademika ta' kwalità
għolja tappoġġa l-iżvilupp tal-prattika kummerċjali u
tal-politika pubblika fil-qasam tas-CSR. Riċerka iżjed fil-fond
għandha tkompli tibni fuq ir-riżultati tal-proġetti ffinanzjati
skont is-sitt u s-seba' Programmi ta' Qafas tal-UE. Il-Kummissjoni se tesplora
l-opportunitajiet biex tiffinanzja iżjed riċerka u innovazzjoni dwar
is-CSR, u biex tappoġġa l-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR
fir-riċerka li għadha qed tiġi ffinanzjata skont is-seba'
Programm ta' Qafas, kif ukoll skont is-suċċessur tiegħu,
Horizon 2020, u biex tibni l-Qasam Ewropew tar-Riċerka. Il-Kummissjoni biħsiebha: 8.
Tipprovdi iktar appoġġ finanzjarju
għal proġetti ta' edukazzjoni u taħriġ dwar is-CSR skont
il-Programmi għat-Tagħlim tul il-Ħajja u
Żgħażagħ Attivi, u tillanċja azzjoni fl-2012 biex
tqajjem l-għarfien ta' professjonisti fl-edukazzjoni u tal-impriżi
dwar l-importanza tal-kooperazzjoni dwar is-CSR.
4.7.
Enfażi fuq l-importanza ta' politiki tas-CSR
nazzjonali u sottonazzjonali
Tkun l-aħjar ħaġa jekk
ħafna mill-miżuri ta' politika pubblika li jappoġġaw is-CSR
jitwettqu f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-awtoritajiet lokali
u reġjonali huma mħeġġin li jagħmlu użu
intelliġenti tal-fondi strutturali tal-UE biex jappoġġaw
l-iżvilupp tas-CSR, speċjalment fost l-SMEs, u biex jissieħbu
ma' kumpaniji biex jittrattaw b'mod aħjar problemi bħall-faqar u
l-inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni biħsiebha: 9.
Toħloq mekkaniżmu ta' reviżjoni
tal-pari flimkien mal-Istati Membri, fl-2012, għall-politiki nazzjonali
dwar is-CSR. Il-Kummissjoni tistieden: A L-Istati Membri biex jiżviluppaw jew
jaġġornaw, sa nofs l-2012, il-pjanijiet tagħhom jew il-listi
nazzjonali tagħhom ta' azzjonijiet prijoritarji biex jippromwovu s-CSR
b'appoġġ tal-istrateġija Ewropa 2020, b'referenza
għall-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR rikonoxxuti
internazzjonalment u b'kooperazzjoni ma' impriżi u partijiet interessati
oħra, filwaqt li jqisu l-kwistjonijiet imsemmija f'din il-komunikazzjoni.
4.8.
Allinjament aħjar tal-approċċi
Ewropej u globali għas-CSR
L-UE għandha tippromwovi l-interessi
Ewropej fl-iżviluppi tal-politiki internazzjonali dwar is-CSR, filwaqt li
fl-istess ħin tiżgura l-integrazzjoni mal-politiki tagħha dwar
is-CSR ta' prinċipji u linji gwida li huma rikonoxxuti internazzjonalment.
4.8.1.
Niffukaw fuq il-prinċipji u l-linji gwida
tas-CSR li huma rikonoxxuti internazzjonalment
Biex jiġi avvanzat ambjent globali
iżjed ekwu, il-Kummissjoni se żżid il-kooperazzjoni mal-Istati
Membri, mal-pajjiżi msieħba u ma' forums relevanti internazzjonali
biex tippromwovi r-rispett għall-prinċipji u l-linji gwida
rikonoxxuti internazzjonalment, u biex trawwem fosthom il-konsistenza. Dan
l-approċċ jirrekjedi wkoll li l-impriżi tal-UE jġeddu
l-isforzi tagħhom biex jirrispettaw dawn il-prinċipji u l-linji
gwida. Il-linji gwida tal-OECD huma
rakkomandazzjonijiet ittrattati mill-gvernijiet lil impriżi
multinazzjonali. Il-Kummissjoni tilqa' l-adeżjoni mal-linji gwida ta'
pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-OECD. Barra mill-appoġġ
mill-gvernijiet, il-linji gwida għandhom mekkaniżmu ta'
implimentazzjoni u ta' ilmentar distintiv, in-netwerk ta' Punti ta' Kuntatt
Nazzjonali stabbilit mill-pajjiżi kollha segwaċi, li jista'
jgħin lill-impriżi u l-partijiet interessati tagħhom biex jirriżolvu
l-kwistjonijiet prattiċi, fost oħrajn permezz tal-medjazzjoni u
l-konċiljazzjoni. Il-Kummissjoni biħsiebha: 10.
Tissorvelja l-impenji li għamlu l-impriżi
Ewropej li jħaddmu 'l fuq minn 1 000 ruħ biex iqisu
l-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR li huma rikonoxxuti
internazzjonalment, u fl-operazzjonijiet tagħha tqis l-Istandard Gwida
ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali. Il-Kummissjoni tistieden: B L-impriżi Ewropej il-kbar kollha biex jimpenjaw
rwieħhom li sal-2014 iqisu mill-inqas wieħed minn dawn is-settijiet
ta' prinċipji u linji gwida li ġejjin waqt li jkunu qegħdin
jiżviluppaw l-approċċ tagħhom għas-CSR. il-Patt
Globali tal-NU, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi
Multinazzjonali, jew l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà
Soċjali. C Lill-impriżi multinazzjonali kollha bbażati
fl-Ewropa biex sal-2014 jimpenjaw rwieħhom biex jirrispettaw
id-Dikjarazzjoni Tripartit tal-ILO tal-Prinċipji li jikkonċernaw
l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.
4.8.2.
L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU
dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet Umani[23]
It-titjib tal-koerenza tal-politiki tal-UE li
huma relevanti għall-kummerċ u għad-drittijiet umani hija sfida
kritika. Implimentazzjoni aħjar tal-Prinċipji Gwida tan-NU
għandha tikkontribwixxi għall-miri tal-UE dwar kwistjonijiet
speċifiċi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u standards
tax-xogħol ewlenin, inklużi t-tħaddim tat-tfal, it-tħaddim
sfurzat tal-ħabsin, it-traffikar tal-bnedmin, l-ugwaljanza tas-sessi, in-nuqqas
ta' diskriminazzjoni, il-ħelsien tal-assoċjazzjoni u d-dritt
għan-negozjar kollettiv. Proċess li jinvolvi l-impriżi,
lid-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi msieħba, u atturi
mis-soċjetà ċivili lokali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet u
difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżid l-għarfien tal-isfidi li
jiffaċċjaw il-kumpaniji meta jkunu qed jaħdmu f'pajjiżi
fejn l-istat jonqos mid-dmir tiegħu li jiddefendi d-drittijiet umani. Il-Kummissjoni biħsiebha: 11.
Fl-2012 taħdem flimkien ma' impriżi u
partijiet interessati biex tiżviluppa linji gwida tad-drittijiet
tal-bniedem għal għadd limitat ta' setturi industrijali relevanti,
kif ukoll gwida għall-impriżi żgħar u medji, ibbażata
fuq il-Prinċipji Gwida tan-NU. 12.
Sal-aħħar tal-2012 tippubblika rapport
dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida
tan-NU, u wara toħroġ rapporti regolari dwar il-progress[24]. Il-Kummissjoni wkoll: D Tistenna li l-impriżi Ewropej kollha jżommu
mar-responsabbiltà korporattiva li jirrispettaw lid-drittijiet tal-bniedem kif
inhu ddefinit fil-Prinċipji Gwida tan-NU. E Tistieden l-Istati Membri tal-UE li sal-aħħar
tal-2012 jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni
tal-Prinċipji Gwida tan-NU.
4.8.3.
L-enfażi fuq is-CSR fir-relazzjonijiet ma'
pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja
Il-linji gwida u l-prinċipji tas-CSR li
huma rikonoxxuti internazzjonalment jirrappreżentaw valuri li
għandhom jitħaddnu mill-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu
fl-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni għaldaqstant se tkompli tittratta din
il-kwistjoni waqt il-proċess ta' adeżjoni. Il-Kummissjoni tippromwovi s-CSR permezz
tal-politiki barranin tagħha. Hija se tkompli, permezz ta' għaqda ta'
avukatura u leġiżlazzjoni komplementari, timmira li xxerred
iżjed il-linji gwida u l-prinċipji li huma rikonoxxuti
internazzjonalment u li tgħin lin-negozji tal-UE biex jiżguraw li
jkollhom impatt pożittiv fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet barranin.
Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti relevanti fil-qasam tal-kummerċ
u l-iżvilupp. Barra minn hekk, fejn ikun xieraq, hi se tipproponi li
tindirizza s-CSR fi djalogi stabbiliti ma' pajjiżi u reġjuni
msieħba. Il-politika
tal-iżvilupp tal-UE tirrikonoxxi l-ħtieġa li tappoġġa
s-CSR[25].
Billi jippromwovu r-rispett għall-istandards soċjali u ambjentali,
l-impriżi tal-UE jistgħu jrawmu tmexxija aħjar u tkabbir inklużiv
fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-mudelli kummerċjali
li għandhom il-foqra fil-mira bħala konsumaturi, produtturi u
distributuri jgħinu biex ikabbru kemm jista' jkun l-impatt
tal-iżvilupp. It-tfittxija ta' sinerġiji mas-settur privat se ssir kwistjoni
dejjem iżjed importanti fil-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp u
fir-reazzjonijiet tal-UE għad-diżastri naturali u dawk magħmulin
mill-bniedem. L-impriżi jistgħu jkollhom rwol importanti f'dan
ir-rispett permezz tal-volontarjat tal-impjegati. Il-Korp ta' Għajnuna
Umanitarja Volontarja Ewropew tal-futur jista' jipprovdi mezz ta' sfruttament
aħjar tas-sinerġiji mas-settur privat. Il-Kummissjoni biħsiebha: 13.
Tidentifika l-modi biex tippromwovi mġieba
kummerċjali responsabbli fl-inizjattivi politiċi li ġejjin, lejn
irkupru u tkabbir f'pajjiżi terzi li huma iżjed inklużivi u
sostenibbli.
5.
Il-konklużjoni
Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati
Membri, mal-impriżi u ma' partijiet interessati oħra biex tissorvelja
l-progress regolarment u tħejji b'mod konġunt laqgħa ta'
reviżjoni li se ssir sa nofs l-2014. Bi tħejjija għal dik
il-laqgħa, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni
tal-aġenda għall-azzjoni stabbilita f'din il-komunikazzjoni. Dan se
jitlob metodi ta' ħidma iżjed ikkoordinati bejn il-Forum
Multilaterali Ewropew dwar is-CSR u l-Grupp ta' Livell Għoli ta'
rappreżentanti tas-CSR mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se
tippreżenta proposta ta' ħidma dwar dan sal-aħħar tal-2011. Abbażi ta' din il-komunikazzjoni,
il-Kummissjoni lesta li tilqa' diskussjoni mal-Kunsill, mal-Parlament Ewropew,
mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, mal-Kumitat tar-Reġjuni,
mal-impriżi u partijiet interessati oħra, u tilqa' wkoll l-impenn
tagħhom. Il-Kummissjoni titlob lill-kummerċjanti
ewlenin Ewropej, inklużi dawk fis-settur finanzjarju, biex qabel nofs
l-2012 iressqu impenn miftuħ u responsabbli biex jippromwovu,
b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi u partijiet
interessati oħra, l-adozzjoni ta' mġieba kummerċjali
responsabbli mingħand għadd ħafna ikbar ta' impriżi
Ewropej, b'miri ċari għall-2015 u l-2020. [1] COM(2001) 366. [2] Rapport
dwar il-Kompetittività Ewropea 2008 (COM(2008) 774), u d-Dokument ta'
Ħidma tal-Persunal SEC(2008) 2853 mehmuż. [3] Għadd
ta' inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 jirreferu għall-RSK:
il-Politika Integrata Industrijali għall-Era tal-Globablizzazzjoni
COM(2010) 614, il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni
Soċjali COM(2010) 758, l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi
Ġodda COM(2010) 682, Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni
COM(2010) 477 u l-Att dwar is-Suq Uniku (2011) 206. Barra minn dan,
l-Unjoni għall-Innovazzjoni COM(2010) 546 għandha l-għan li
ttejjeb il-kapaċità tal-intrapriżi li jindirizzaw l-isfidi
tas-soċjetà permezz tal-innovazzjoni, u l-kontribut tal-intrapriżi
huwa ċentrali biex jinkisbu l-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija
"Ewropa ta' Riżorsi Effiċjenti" COM(2011) 21 u
COM(2011) 571. [4] Il-Kunsill
għall-Ambjent tal-5 ta' Diċembru 2008, Il-Kunsill
għall-Ambjent tal-20 ta' Diċembru 2010, Il-Kunsill
għall-Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ġunju 2010,
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropej tat-13 ta' Marzu 2007
(P6_TA(2007)0062), Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tat-8 ta' Ġunju 2011, P7_TA(2011)0260 [5] Politika
Industrijali Integrata għall-Era tal-Globablizzazzjoni COM(2010) 614 [6] COM(2011) 206. [7] COM(2001) 366. [8] COM(2006) 136. [9] Fost dawn
l-organizzazzjoni huwa stmat li madwar 80 % huma intrapriżi. [10] Pereżempju:
l-ugwaljanza bejn is-sessi, ġestjoni responsabbli tal-katina ta'
provvista, u titjib tad-djalogu mal-investituri dwar ir-rendiment mhux
finanzjarju tal-kumpaniji. Ara www.csreurope.org/pages/en/toolbox.html
[11] "Responsabbiltà
Soċjali Korporattiva: Politiki Pubbliċi Nazzjonali fl-UE",
Il-Kummissjoni Ewropea, 2011 [12] "Komunikazzjoni
dwar il-Politiki u l-Attività Volontarja: L-għarfien u l-Promozzjoni ta'
Attivitajiet Volontarji Transfruntiera fl-UE" COM(2011) 568. [13] COM(2011) 682. [14] "Relazzjonijiet
industrijali fl-Ewropa 2010", il-Kapitolu 6.3.4. il-Kummissjoni Ewropea,
DĠ l-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, 2011 [15] "Ir-rwol tal-ftehimiet korporattivi transnazzjonali
fil-kuntest tal-integrazzjoni internazzjonali li dejjem tiżdied"
COM(2008) 419 finali [16] Pereżempju:
il-Forum tal-Kummerċ bl-Imnut għas-Sostenibbiltà; il-Pjattaforma
tal-UE għad-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa; il-Kampanja
dwar l-Impriżi u l-Bijodiversità; il-proċess dwar ir-responsabbiltà
korporattiva fl-industrija farmaċewtika; il-Konferenza Ewropea dwar l-Ikel
u l-Produzzjoni Sostenibbli; il-Forum Università-Impriżi; il-Konferenza
dwar ir-Reklamar; u l-Patt Ewropew għas-Saħħa Mentali u
l-Benessri. [17] 2012 hija
s-Sena Ewropea tal-Anzjanità Attiva. [18] Id-Direttiva
2005/29/KE [19] Ara
l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar ta' Liġijiet
2003/C 321/01, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Regolamentazzjoni
aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea"
COM(2005) 97. [20] “Buying
Social: a guide to taking account of social considerations in public
procurement”, Il-Kummissjoni Ewropea, 2011 [21] Ir-Raba'
Direttiva dwar il-kontijiet annwali 2003/51/KE titlob li fir-rapporti annwali
tagħhom, l-impriżi jiżvelaw biżżejjed informazzjoni
ambjentali u marbuta mal-impjegati biex tagħti idea ċara
tal-iżvilupp, il-prestazzjoni jew il-pożizzjoni tal-kumpanija. L-Istati Membri kollha għażlu li
jeżentaw lill-SMEs minn dan ir-rekwiżit. [22] CorporateRegister.com [23] Il-Prinċipji
Gwida tan-NU jistrieħu fuq tliet pilastri: id-dmir tal-istat li
jirrispetta d-drittijiet umani; id-dmir korporattiv li jirrispetta d-drittijiet
tal-bniedem; u l-ħtieġa għall-aċċess għal rimedju
effikaċi. [24] Ir-rapporti
ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas legali għad-drittijiet
tal-bniedem u l-ambjent applikabbli għall-impriżi tal-UE meta
jaħdmu barra l-UE (2010), u dwar l-amministrazzjoni responsabbli
tal-katina ta' provvista (2011), se jitqiesu f'dan il-kuntest. [25] Il-Kunsens
Ewropew dwar l-Iżvilupp, 2005.