This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0596
COMMISSION OPINION on the requests for the amendment of the Statute of the Court of Justice of the European Union, presented by the Court
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar it-talbiet ta' emendi għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati mill-Qorti
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar it-talbiet ta' emendi għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati mill-Qorti
/* KUMM/2011/0596 finali */
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar it-talbiet ta' emendi għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati mill-Qorti /* KUMM/2011/0596 finali */
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI ta’ 30.9.2011 dwar it-talbiet ta' emendi għall-Istatut
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati mill-Qorti Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu
tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu, 1.
B'żewġ talbiet fit-28 ta' Marzu 2011,
il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pproponiet diversi emendi
għall-Istatut tagħha, kif ukoll l-adozzjoni ta' Regolament dwar
l-Imħallfin ad interim tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, dawn
id-dispożizzjonijiet għandhom, għall-ewwel darba, jiġu
adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jiddeċiedu skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja. 2.
L-emendi proposti għandhom effett differenti
fuq it-tliet qrati li bħalissa jagħmlu l-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti
Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. 3.
Fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja nfisha,
l-emendi għandhom l-għan li joħolqu l-kariga ta' Viċi
President tal-Qorti u li jistabbilixxu l-kompiti tiegħu (l-Artikolu 9a
l-ġdid u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 39), li jbiddlu
il-kompożizzjoni tal-Awla Manja (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16), li
jiżdied il-kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja u tas-seduta
plenarja (it-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 17), kif ukoll li
titneħħa l-ħtieġa tal-qari tar-rapport ippreżentat
mill-Imħallef Relatur fis-seduta (ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 20) 4.
Għal dak li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali,
sabiex din tkun tista' tindirizza ż-żieda fil-volum ta' xogħol
tagħha u ż-żieda li tirriżulta fid-dewmien fit-trattament
tal-kawżi, qed jiġi propost li n-numru tal-imħallfin
jiżdied għal 39 (l-Artikolu 48). 5.
Rigward it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku,
il-Qorti qiegħda titlob li jiżdidulu tliet Imħallfin ad
interim li jkun jista' jirrikorri għalihom meta xi mħallef ma
jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tiegħu għal żmien twil (emenda
tal-Artikolu 62c u tal-Anness I tal-Istatut u l-adozzjoni ta' Regolament
speċifiku għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku). 6.
Fl-aħħar nett, qed tiġi proposta
emenda finali li jkollha l-istess effett fuq it-tliet qrati, jiġifieri
t-tneħħija tad-dispożizzjoni dwar il-perjodi ta' grazzja
għal raġunijiet ta' distanza (it-tħassir tal-ewwel paragrafu
tal-Artikolu 45), li konkretament iġġib magħha
t-tneħħija tat-terminu fiss ta' għaxart ijiem li bħalissa
jiżdied mat-termini proċedurali. 7.
Il-Qorti tipproponi li bosta minn dawn l-emendi
jidħlu fis-seħħ immedjatament, b'mod partikolari
ż-żieda fin-numru tal-Imħallfin fil-Qorti Ġenerali.
L-eċċezzjoni għal dan huma t-tliet bidliet li jirrigwardaw
il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-ħolqien tal-kariga ta'
Viċi President, il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja u l-adattament
fil-kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja, li m'għandhomx
jibdew japplikaw qabel l-ewwel tiġdid parzjali tal-Qorti. 8.
Il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattiva tal-Qorti li
tissottometti lil-leġiżlatur emendi għall-Istatut tagħha. Effettivament,
kemm in-natura kif ukoll il-volum tal-kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni
evolvew ħafna matul l-aħħar snin, partikolarment minħabba
l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni f'oqsma ġodda kif ukoll minħabba
ż-żieda fin-numru tal-Istati Membri tal-Unjoni. It-tkabbir tal-Unjoni
kellu wkoll effett kbir fuq l-istruttura interna tal-qrati, b'mod partikolari
minħabba ż-żieda fin-numru tal-Membri tagħhom kif ukoll
fin-numru tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-kawżi. Finalment,
hemm ukoll żviluppi oħra prevedibbli kemm fuq perjodu qasir u fuq
perjodu twil ta' żmien, b'mod partikolari wara d-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Dawn l-iżviluppi kollha
jeħtieġu adattament tal-organizzazzjoni, tal-mezzi u tal-modalitajiet
tat-tħaddim tal-qrati sabiex dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu
għalihom b'mod effettiv. 9.
Fid-dikjarazzjonijiet tal-motivi li jakkumpanjaw
it-talbiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel analiżi
fil-fond tas-sitwazzjoni attwali, tal-ħtiġijiet li hemm għal
riforma u tas-soluzzjonijiet li jistgħu jippermettu li dawn il-ħtiġijiet
jiġu sodisfatti. Il-Kummissjoni tikkondividi l-biċċa l-kbira ta'
din l-analiżi. 10.
Il-proposti tal-Qorti jappellaw madankollu
għal riflessjoni profonda minħabba li jista' jkollhom influwenza
dejjiema fuq il-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. L-emendi li jsiru
fl-istatut ta' qorti qatt ma huma insinifikanti għaliex dan l-istatut huwa
l-bażi li fuqha tistrieħ il-leġittimità
tad-deċiżjonijiet ta' tali qorti. L-Istatut irid iħares
l-indipendenza, l-imparzjalità u l-awtorità tal-qorti filwaqt li jippermetti
aċċess effettiv għall-ġustizzja billi jiggarantixxi
attività effettiva u diliġenti. 11.
Il-Kummissjoni aktar 'l isfel turi
lil-leġiżlatur fid-dettall il-motivi li jwassluha biex tagħti
l-appoġġ tagħha għall-proposti tal-Qorti filwaqt li
tissuġġerixxi xi adattamenti u żidiet fil-każ ta'
ċerti punti. 12.
Il-Kummissjoni hija konxja mill-konsegwenzi
baġitarji ta' dawn il-proposti tal-Qorti. Madankollu, hija tixtieq
tenfasizza, minn naħa, li l-għoti ta' protezzjoni effettiva
mill-qrati, inkluż permezz ta' ġustizzja li ssir f'perjodu
raġonevoli, jikkostitwixxi ħtieġa primarja u, min-naħa
l-oħra, li minkejja li l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi ta'
ġustizzja li ma tkunx effettiva mhumiex viżibbli daqs żieda
fil-baġit, dawn probabbilment jiswew aktar flus. Emendi li jirrigwardaw
il-Qorti tal-Ġustizzja 13.
Għal dak li jirrigwarda l-Qorti
tal-Ġustizzja nfisha, il-ħolqien tal-kariga ta' Viċi
President jidher li hu ġustifikat. Kif qed tindika l-Qorti, il-volum
tax-xogħol tal-President tagħha maż-żmien żdied
ħafna u jidher utli li dan ikun jista' jiġi ssostitwit jew
megħjun minn Viċi President fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. 14.
Il-President tal-Qorti fil-fatt għandu diversi
kompiti, li t-twettiq tagħhom hu kruċjali biex il-qorti tiffunzjona
kif suppost. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq
l-importanza ta' twettiq diliġenti tal-proċeduri sommarji u
tal-appelli dwar proċeduri sommarji li huma fir-responsabbiltà ewlenija
tal-President tal-Qorti. Huwa ta' importanza kruċjali li t-talbiet
għal sospensjoni tal-proċedimenti jew għal miżuri
provviżorji oħrajn jiġu ttrattati fl-iqsar żmien possibbli
kemm jekk isiru fil-prim'istanza jew jekk isiru matul appell. Fin-nuqqas ta'
dan, hemm ir-riskju li kemm il-komportament tal-operaturi ekonomiċi kif
ukoll tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkun ostakolat. Xi
drabi ċerti appelli kontra digrieti dwar proċedura sommarja tal-Qorti
Ġenerali jiġu biss riżolti wara żmien twil, li xi drabi
jkun ta' iktar minn sena. Huwa diffiċli li dewmien bħal dan jiġi
kkonċiljat mal-prinċipju ta' protezzjoni provviżorja effettiva
mill-qrati. Il-ħolqien tal-kariga ta' Viċi President għandu
jikkontribwixxi biex is-sitwazzjoni titjieb minn dan il-lat. 15.
Il-kundizzjonijiet li taħthom il-President
tal-Qorti jista' jiġi sostitwit mill-Viċi President jagħtu lok
għal ċertu osservazzjonijiet Skont il-proposta tal-Qorti,
is-sostituzzjoni tal-President għandha sseħħ "fil-każ
ta’ impediment jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, jew fuq talba
tal-President." Dan il-kliem użat fl-Artikolu 9a jimplika li, minbarra
fil-każijiet ta' impediment, il-President se jkollu setgħa
diskrezzjonali biex jitlob li jiġi sostitwit skont il-każ, u dan
għal kull tip ta' kompitu – ġudizzjarju, protokollari jew
amministrattiv. Madankollu, għall-każ partikolari tal-proċedura
sommarja, it-tieni paragrafu l-ġdid tal-Artikolu 39, hekk kif propost
mill-Qorti, jipprevedi biss li ssir sostituzzjoni "[f]’każ ta’
impediment tal-President" u mhux fil-każ li l-President jitlob li dan
isir. Din id-dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 39 għandha
probabbilment tiġi interpretata bħala deroga mir-regola ġenerali
tal-Artikolu 9a li tippermetti li l-President jiġi sostitwit fuq talba
tiegħu. 16.
Il-Kummissjoni tqis li huwa ġustifikat li
l-għażla tal-imħallef li jkun responsabbli li jiggarantixxi
protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tkun waħda
oġġettiva, jiġifieri l-President, ħlief fil-każ ta'
impediment. Ma jkunx xieraq li l-President ikun jista' jiddeċiedi b'mod
diskrezzjonali u skont il-każ li jiġi ssostitwit fi proċeduri
sommarji. Madankollu l-Kummissjoni tqis li dan ir-raġunament japplika
wkoll għat-twettiq tal-attivitajiet ġudizzjarji kollha tal-President
(jiġifieri ma japplikax biss għall-kompetenza tiegħu li
jiddeċiedi fi proċeduri sommarji jew fuq appelli minn proċeduri
sommarji iżda wkoll għal dik li jippresjedi s-seduti u
d-deliberazzjonijiet tas-seduta plenarja u tal-Awla Manja). Bħala
garanzija addizzjonali kontra l-preġudizzju ġudizzjarju, jidher li
jkun preferibbli li l-assenjar tal-kawżi lill-President jew lill-Viċi
President isir fuq kriterji astratti u ġenerali li jiġu stabbiliti
minn qabel (il-prinċipju tad-"dritt għall-imħallef
legali") u ma jiġix deċiż skont x'ikun il-każ.
Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi li s-sostituzzjoni
tal-President issir biss "fuq talba [tiegħu]" fil-każ tal-kompiti
protokollari u amministrattivi tiegħu (inkluża l-Presidenza
tal-laqgħa ġenerali tal-Qorti). Għaldaqstant, hija tipproponi li
t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9a jkun ifformulat kif ġej: Il-Viċi President għandu
jassisti lill-President tal-Qorti. Huwa għandu jissostitwih fil-każ
ta’ impediment jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti. Huwa għandu
jissostitwih ukoll fuq talba tiegħu, ħlief fil-każ
tal-Presidenza tas-seduta plenarja u tal-Awla Manja u fil-każ tal-kompiti
msemmija fl-Artikolu 39. 17.
Fl-aħħar nett, għal dak li
jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-ħatra tal-Viċi President,
il-Kummissjoni taqbel mal-prinċipju ta' elezzjoni għal terminu ta'
tliet snin, b'mandat li jista' jiġġedded, kif propost mill-Qorti. Il-mandat
tal-Viċi President b'hekk ikun jikkonforma ma' dak tal-President
tal-Qorti. 18.
It-tieni proposta tal-Qorti tirrigwarda l-kompożizzjoni
tal-Awla Manja, li għandha tiġi estiża minn tlettax-il
imħallef għal ħmistax-il wieħed; barra minn dan,
il-presidenti tal-awli b'ħames imħallfin ma għandhomx jibqgħu
jipparteċipaw sistematikament fl-Awla Manja. 19.
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-eżistenza, fi
ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja, ta' Awla Manja li tisma' kawżi
kumplessi jew kawżi li jqajmu kwistjonijiet importanti ta' prinċipju,
hija essenzjali għall-iżvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza
tal-Qorti. Din mhux biss tiggarantixxi li titqies l-opinjoni ta' numru kbir ta'
imħallfin tal-Qorti iżda hija tikkontribwixxi wkoll
għall-kontinwità tal-ġurisprudenza fiż-żmien. Barra minn
dan, bħalissa, il-preżenza permanenti u simultajna tal-Presidenti
tal-awli b'ħames imħallfin fl-Awla Manja u fl-awli li jippresjedu
tikkontribwixxi sabiex tinżamm linja koerenti fil-ġurisprudenza fost
id-diversi kulleġġi ġudikanti. 20.
F'Qorti magħmula minn 27 membru, Awla Manja
magħmula minn ħmistax-il imħallef tista' tikseb aktar
faċilment l-għanijiet deskritti hawn fuq. L-istess jgħodd
għall-preżenza sistematika tal-Viċi President. Għaldaqstant
jeħtieġ li jingħata appoġġ għal dawn l-emendi. 21.
Min-naħa l-oħra, huwa aktar diffiċli
li wieħed japprezza l-benefiċċju globali ta' riforma
bħat-tneħħija tal-parteċipazzjoni sistematika
tal-Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin. Ċertament evoluzzjoni
bħal din tista' tnaqqas parzjalment il-volum kbir ta' xogħol li
joħloq piż fuq dawn tal-aħħar. Barra minn dan, hija riforma
li tippermetti lill-imħallfin l-oħrajn jipparteċipaw aktar
frekwentement fil-ħidma tal-Awla Manja, u dan jikkontribwixxi sabiex
jitqiesu aktar id-differenzi fost l-Istati Membri u l-varjetà tas-sistemi
legali nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din ir-riforma tista'
tintroduċi varjazzjoni akbar minn qabel fil-kompożizzjoni tal-Awla
Manja (żewġ membri permanenti biss minn ħmistax, minflok
ħames membri permanenti mit-tlettax li hemm bħalissa), bir-riskju li
dan iġib miegħu għall-koerenza u l-uniformità
tal-ġurisprudenza tal-Awla Manja. Barra minn dan, il-Presidenti tal-awli
b'ħames imħallfin ma jibqgħux ikunu aktar totalment infurmati
dwar id-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja fil-każijiet kollha meta ma
jipparteċipawx fihom. 22.
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li huwa
possibbli li l-proposta tal-Qorti tiġi mmodifikata xi ftit biex ikun hemm
l-aktar uniformità possibbli fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja filwaqt li
xorta jintlaħqu l-għanijiet tar-riforma. 23.
Dan l-adattament jikkonsisti fiż-żamma
tal-kompożizzjoni ssuġġerita mill-Qorti filwaqt li tiġi
prevista r-regola addizzjonali li tliet Presidenti tal-awli b'ħames
imħallfin ikollhom dejjem jagħmlu parti mill-Awla Manja. 24.
Fir-Regoli tal-Proċedura għandu jkun hemm
il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-imħallfin
f'kull kawża, probabbilment b'sistema ta' żewġ listi ta'
rotazzjoni (minflok il-lista waħda li hemm bħalissa), lista li
tinkludi l-Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin u lista oħra
bl-imħallfin l-oħra. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 għandu
jipprovdi li: L-Awla Manja tikkonsisti minn
ħmistax-il imħallef. Din tkun ippresjeduta mill-President tal-Qorti.
L-Awla Manja tinkludi wkoll il-Viċi President u tliet Presidenti tal-awli
b'ħames imħallfin, kif ukoll imħallfin oħra. Ir-regoli tal-ħatra
tat-tliet Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin u tal-imħallfin
l-oħra huma stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. 25.
Il-Kummissjoni taqbel maż-żieda
fil-kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja (ħdax-il
imħallef) u tas-seduta plenarja (sbatax-il imħallef) kif proposta
mill-Qorti. 26.
Fl-aħħar nett, l-emenda tal-Artikolu 20
biex jitneħħa l-qari tar-rapport ippreżentat mill-Imħallef
Relatur fis-seduta, qiegħda biss tħassar regola li hija diġà
obsoleta. M'hemmx oġġezzjoni għaliha. 27.
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni
tappoġġja l-proposti kollha magħmula fir-rigward tal-Qorti
tal-Ġustizzja filwaqt li tissuġġerixxi: · li għandu jiġi ċċarat f'liema każijiet
il-President jista' jiġi sostitwit mill-Viċi President; · li tinżamm aktar l-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Awla
Manja estiża. Emendi li jirrigwardaw
il-Qorti Ġenerali 28.
Il-Qorti hija konxja mill-ħtieġa li
tindirizza attivament it-trattament rapidu tan-numru tal-kawżi li
bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u li tnaqqas
id-dewmien fit-trattament tal-kawżi. Kif indikat fid-dikjarazzjonijiet
tal-motivi tagħha, il-Qorti kellha tagħżel bejn
iż-żewġ possibbiltajiet ta' riformi previsti mit-Trattati,
jiġifieri żieda fin-numru tal-imħallfin u l-ħolqien ta'
qorti speċjalizzata jew ta' diversi qrati speċjalizzati. Hija
tipproponi li n-numru tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jiżdied
għal disgħa u tletin imħallef. 29.
Bla ħsara għall-osservazzjonijiet
ifformulati aktar 'l isfel, il-Kummissjoni tingħaqad mal-għażla
tal-Qorti. Min-naħa l-waħda, in-numru konsiderevoli ta' kawżi li
bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali jirrikjedi
soluzzjoni urġenti. Iżda hija biss żieda immedjata fin-numru
tal-imħallfin, bl-appoġġ tal-istrutturi amministrattivi li
diġà jeżistu, li tista' tippermetti jiġi kkontrollat il-fluss tal-kawżi
ġodda filwaqt li jiġi ttrattat b'mod effettiv in-numru akkumulat
tal-kawżi pendenti. Il-ħolqien ta' qorti speċjalizzata
waħda jew ta' diversi qrati speċjalizzati jipproduċi biss
l-effetti tiegħu wara li jkun għadda intervall konsiderevoli ta'
żmien[1].
Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni flessibbli
biex jiġu indirizzati l-varjazzjonijiet fil-kontenzjuż trattat
mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-iżviluppi fid-dritt sussidjarju
jwasslu regolarment għal kategoriji ġodda ta' kawżi li
diffiċli jiġu previsti l-kobor u l-istabbiltà tagħhom tul
iż-żmien. B'hekk, għalkemm matul dawn l-aħħar snin
ir-Regolament REACH ġie regolarment iċċitat bħala sors
potenzjali ta' kontenzjuż konsiderevoli, dan l-aħħar kienu
r-rikorsi li saru kontra deċiżjonijiet ta' sanzjoni meħuda
fil-konfront ta' persuni jew entitajiet, ibbażati fuq mekkaniżmi
previsti fil-kuntest tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, li żdiedu
l-aktar. Bl-istess mod, huwa diffiċli li jiġu previsti l-effetti fuq terminu
medju ta' żmien li jista' jkollu l-ħolqien reċenti ta' diversi
aġenziji, b'mod partikolari fil-qasam finanzjarju. Fid-dawl ta' din
il-volatilità, ma jidhirx li l-ħolqien ta' qrati speċjalizzati tista'
tkun biżżejjed biex jiġu indirizzati dawn l-iżviluppi, minn
tal-anqas bħalissa. Il-ħolqien ta' awli speċjalizzati fi
ħdan l-istess Qorti Ġenerali, ikun jikkostitwixxi soluzzjoni aktar
flessibbli; dan is-suġġett huwa diskuss aktar 'l isfel f'din
l-opinjoni. Finalment, il-ħolqien ta' qrati speċjalizzati lanqas ma
jidher li jkun jikkostitwixxi soluzzjoni dejjiema għall-problema
tal-piż ta' xogħol żejjed tal-Qorti Ġenerali, problema li
ma tinħassx biss f'xi oqsma partikolari iżda li taffettwa wkoll u fuq
kollox il-kawżi kumplessi bħal dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni jew
tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. 30.
L-istabbiliment tan-numru ta' mħallfin
addizzjonali li hu meqjus bħala adegwat jinvolvi neċessarjament
element ta' inċertezza. Iż-żieda proposta ta' tnax-il
imħallef, li tippermetti l-ħolqien ta' erba' awli addizzjonali,
għandha madankollu tkun biżżejjed biex iżżid b'mod
sostanzjali l-kapaċità tal-Qorti Ġenerali biex tittratta
l-kawżi. 31.
Barra minn dan, l-emenda proposta tal-Artikolu 48
tal-Istatut teħtieġ adattament korrispondenti tal-Artikolu 47.
Fil-fatt, bħalissa, l-Artikolu 47 jagħmel diversi
dispożizzjonijiet tal-Istatut dwar il-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli
għall-Qorti Ġenerali, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu
tal-Artikolu 9, li jipprevedi li "Meta, kull tliet snin, ikun hemm
sostituzzjoni parzjali tal-imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti
alternattivament erbatax-il imħallef u tlettax-il imħallef."
Ladarba n-numru tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali ma jibqax l-istess
bħal tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma tistax
tibqa' tiġi applikata kif inhi għall-Qorti Ġenerali.
Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li l-proposta tal-Qorti
tiġi emendata kif ġej: –
jiżdied punt 6a li għandu jitfassal kif
ġej: L-ewwel paragrafu tal-Artikolu
47 huwa sostitwit b’dan li ġej: "L-Artikolu 9a[2],
l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, ir-raba' u l-ħames paragrafi
tal-Artikolu 17, u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Qorti
Ġenerali u għall-membri tagħha." –
il-punt 7 għandu jerġa' jitfassal kif
ġej: L-Artikolu 48 huwa sostitwit
b'dan li ġej: "Il-Qorti Ġenerali
għandha tikkonsisti minn disgħa u tletin imħallef. Meta, kull tliet snin, ikun hemm
sostituzzjoni parzjali tal-imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti
alternattivament għoxrin u dsatax-il imħallef." 32.
Barra minn dan l-adattament tekniku,
iż-żieda ta' tnax-il imħallef addizzjonali tagħti lok
għal żewġ kwistjonijiet importanti, jiġifieri,
l-organizzazzjoni ta' Qorti Ġenerali estiża għal disgħa u
tletin imħallef, min-naħa l-waħda, u s-sistema tal-ħatra
tal-imħallfin, min-naħa l-oħra. Dawn iż-żewġ
kwistjonijiet, li huma parzjalment marbuta waħda mal-oħra, se
jiġu indirizzati hawn isfel. 33.
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-organizzazzjoni
interna tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tqis li hija
neċessarja l-adozzjoni tal-emendi komplementari tal-Istatut bil-għan
li jiżdied l-impatt taż-żieda fin-numru tal-imħallfin fuq
l-effiċjenza tal-funzjonament tal-Qorti Ġenerali. Barra minn dan,
dawn l-emendi għandhom iwasslu għal adattamenti xierqa
għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. 34.
Bħalissa l-Qorti Ġenerali tiffunzjona fuq
il-bażi ta' ugwaljanza stretta bejn l-awli differenti, fejn kull
waħda minnhom tittratta l-kategoriji kollha tal-kawżi skont sistema
ta' rotazzjoni awtomatika. Il-President tal-Qorti Ġenerali jista' biss
jidderoga minn din is-sistema ta' rotazzjoni f'każijiet eċċezzjonali.
Dan il-metodu ta' organizzazzjoni jobbliga lill-imħallfin kollha jiksbu
konnoxxenza profonda f'diversi oqsma tal-liġi bħad-dritt
tal-kompetizzjoni, id-dritt tal-proprjetà intellettwali, il-kontenzjuż
dwar l-agrikoltura eċċ. Il-kompożizzjoni tal-Awla tal-Appell hija
bbażata fuq sistema ta' rotazzjoni. 35.
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn
il-karatteristiċi ma jistgħux jinżammu f'qorti magħmula
minn 39 imħallef. Iż-żieda fl-awli twassal għal tqassim
saħansitra aktar frammentat tal-kategoriji differenti tal-kawżi. Fuq
il-bażi ta' aktar minn 600 kawża ġdida kull sena, kull
Imħallef Relatur għandu jiġi assenjat madwar ħmistax-il
kawża li jkopru oqsma differenti ħafna minn xulxin. 36.
Għaldaqstant jidher li tkun neċessarja xi
speċjalizzazzjoni skont il-qasam ta' bosta mill-awli tal-Qorti
Ġenerali sabiex il-kawżi jkunu jistgħu jiġu trattati b'mod
aktar effiċjenti u rapidu, filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà
neċessarja biex ikun hemm adattament għal tipi ta' kontenzjuż
emerġenti. 37.
Għalkemm hija l-Qorti Ġenerali li
għandha tiddeċiedi dwar id-dettalji ta' din l-ispeċjalizzazzjoni
fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-prinċipju għandu
jidħol fl-Istatut innifsu sabiex jiġi żgurat li jkun ta' natura
permanenti. Fil-verità, jista' jiġi previst li l-Qorti Ġenerali
toħloq numru xieraq ta' awli speċjalizzati u f'kull każ minn
tal-anqas tnejn. Biex dan isir, l-Artikolu 50 tal-Istatut jista' jinkludi
paragrafu addizzjonali li jiddaħħal bejn l-ewwel u t-tieni paragrafi
u li għandu jipprovdi dan li ġej: "Fil-każ ta' suġġetti
li jattiraw numru kbir ta' kawżi, il-Qorti Ġenerali għandu
jkollha numru xieraq ta' awli speċjalizzati li għandhom jiġu
assenjati l-kawżi li jkunu jirrigwardaw is-suġġetti
kkonċernati. Irid ikun hemm minn tal-anqas żewġ awli
speċjalizzati." 38.
Għal dak li jirrigwarda l-President tal-Qorti
Ġenerali, is-sistema attwali hija mfassla b'tali mod li l-biċċa
l-kbira tal-ħin tiegħu huwa okkupat bit-trattament tat-talbiet
għal miżuri provviżorji u b'hekk ma għandux ħin
biżżejjed x'jiddedika għall-ġestjoni globali
tal-kawżi. Barra minn dan, huwa ftit għandu kompetenzi biex iwettaq
ġestjoni ta' dan it-tip. 39.
Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li, kif
qed jiġi propost fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ
tal-Qorti Ġenerali jkun hemm ukoll il-kariga ta' Viċi President.
Għal dan l-iskop jista' jkun biżżejjed li l-Artikolu 9a
l-ġdid ikun japplika wkoll għall-Qorti Ġenerali.
Għaldaqstant għandha tiżdied referenza għal din
l-aħħar dispożizzjoni fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47.
Fl-istess ħin, għandhom jiġu emendati r-Regoli
tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali biex jissaħħu
s-setgħat tal-President f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni
tal-kawżi u, b'mod partikolari, dwar il-mod kif jiġu assenjati
l-kawżi lill-imħallfin, 40.
Sabiex din il-bidla tkun aktar effettiva,
il-Viċi President ikun jista' jaqsam mal-President il-kompitu li
jiġġestixxi t-talbiet għal miżuri provviżorji. F'dan
il-każ, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 għandu biss jirreferi
għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9a u għandu jiġi introdott
Artikolu 48a ġdid li jipprovdi dan li ġej: "Il-Viċi
President għandu jassisti lill-President tal-Qorti Ġenerali. Huwa
għandu jissostitwih fil-każ ta’ impediment jew fil-każ li
l-presidenza tkun vakanti. Huwa għandu jissostitwih ukoll fil-każ ta'
dawk id-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 39 taħt il-kundizzjonijiet
previsti fir-Regoli tal-Proċedura." 41.
Fl-aħħar nett, mil-lat prattiku,
il-Kummissjoni tqis li, ladarba jkun intlaħaq ftehim fil-prinċipju
dwar iż-żieda fin-numru tal-imħallfin, il-Qorti Ġenerali
għandha tingħata r-riżorsi baġitarji li jippermettulha tirrekluta
numru sinifikanti ta' référendaires addizzjonali, mingħajr ma
jkollha tistenna l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi
lill-Istatut. Dawn ir-référendaires il-ġodda għandhom
jiġu assenjati lill-imħallfin attwali biex dawn tal-aħħar
ikun jistgħu jibdew jittrattaw il-kawżi pendenti sakemm
l-imħallfin il-ġodda jidħlu fil-kariga; meta dan jiġri,
dawn ir-référendaires jistgħu jiġu trasferiti lil dawn
l-imħallfin. 42.
Ladarba jiżdied in-numru tal-imħallfin
tal-Qorti Ġenerali, tqum it-tieni kwistjoni li tikkonċerna s-sistema
ta' ħatra tal-imħallfin. Ir-regoli tal-ħatra
tal-imħallfin fil-Qorti Ġenerali huma stabbiliti direttament
mit-Trattati. Bħal fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja,
l-imħallfin huma maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet tal-Istati
Mebri għal sitt snin (l-Artikolu 19(2) tat-TUE u l-Artikolu 254(2)
tat-TFUE). L-Artikolu 254 jipprevedi wkoll il-prinċipju tas-sostituzzjoni
parzjali kull tliet snin. L-uniku element li jista' jiġi stabbilit
mill-Istatut huwa n-numru tal-imħallfin (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu
254 tat-TFUE), bil-kundizzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun komposta minn
mill-inqas imħallef għal kull Stat Membru (l-Artikolu 19(2) tat-TUE). 43.
Peress li l-leġiżlatur ma għandux
il-kompetenza biex jissupplimenta dawn ir-regoli, huma l-Istati Membri li
għandhom jiftiehmu informalment dwar sistema ta' ħatra. Minħabba
li n-numru tal-imħallfin li għandhom jinħatru la jikkorrispondi
man-numru tal-Istati Membri u lanqas ma' multiplu ta' dan in-numru, jidher li
sistema bħal din hija indispensabbli, fil-prattika, biex jiġi
żgurat li jkun hemm ħatriet rapidi u li ma jagħtux lok għal
kunflitti. 44.
Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Istati
Membri biex, meta jiġu adottati l-emendi għall-Istatut
mil-leġiżlatur, jadottaw dikjarazzjoni komuni li tistabbilixxi s-sistema
ta' ħatra li jkunu qablu dwarha. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi
ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 45.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li biex
tintgħażel sistema ta' ħatra l-Istati Membri għandhom
jiżguraw li jitqiesu diversi għanijiet fundamentali. Qabel kollox,
jeħtieġ li jiġi żgurat li jinħatru l-aktar persuni
adatti u kkwalifikati biex iwettqu l-kariga. Dan il-għan huwa diġà
parzjalment milħuq permezz tal-opinjonijiet mogħtija mill-kumitatat
stabbilit bl-Artikolu 255 tat-TFUE. Imbagħad, jeħtieġ li
jiġi ggarantit li tinżamm ċerta stabbiltà fil-kompożizzjoni
tal-Qorti Ġenerali, billi jinżammu, sa fejn hu possibbli,
il-possibbiltajiet tat-tiġdid tal-mandati tal-imħallfin. Fid-dawl
tan-natura teknika tas-suġġetti ttrattati mill-Qorti Ġenerali u
l-bżonn akbar ta' speċjalizzazzjoni fi ħdanha, huwa importanti
li l-mandati tal-imħallfin li jkunu ħadmu b'mod effiċjenti jkunu
jistgħu jiġġeddu. Jekk il-bidla minn 27 għal 39
imħallef tista' timmina dil-possibbiltà, ikun tajjeb li terġa'
tiġi kkunsidrata bis-serjetà l-possibbiltà ta' din ir-riforma. Fl-istess
ħin, il-Kummissjoni taf li l-Istati Membri jixtiequ sistema li
tiggarantixxi, sa fejn hu possibbli, rappreżentanza tajba tas-sistemi
legali nazzjonali kollha fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali. 46.
M'hemmx dubju li l-bidla minn 27 għal 39
imħallef, b'sostituzzjoni parzjali ta' 20 u ta' 19-il imħallef kull
tliet snin, se tagħmilha aktar diffiċli li jintlaħqu dawn
l-għanijiet b'mod simultanju. 47.
Il-Kummissjoni tqis madankollu li jistgħu
jinstabu soluzzjonijiet ibbilanċjati u, għal din il-fini, hija qed
tissottometti għall-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri
ż-żewġ sistemi alternattivi segwenti. 48.
L-ewwel mudell huwa maħsub biex jirrispetta
ugwaljanza stretta bejn l-Istati Membri permezz ta' sistema ta' rotazzjoni fuq
bażi ta' ugwaljanza filwaqt li jinżammu sa fejn jista' jkun
il-possibbiltajiet ta' tiġdid. Iż-żewġ prinċipji
bażiċi huma li l-Qorti Ġenerali għandha tinkludi minn
tal-anqas imħallef wieħed u mhux aktar minn żewġ
imħallfin li jkollhom in-nazzjonalità ta' kull Stat Membru u li, meta jkun
hemm żewġ imħallfin bl-istess nazzjonalità, il-ħatriet
tagħhom għandhom ikunu jalternaw fuq perjodu ta' tliet snin
(fil-fatt, kieku l-perjodu ta' dawn il-mandati kellu jkun jikkorrispondi, dan
jippreġudika l-indipendenza ta' dawn l-imħallfin, li jkunu
f'sitwazzjoni ta' kompetizzjoni għal ħatra sussegwenti). Fid-dawl ta'
dawn iż-żewġ prinċipji, il-ħatra tal-imħallfin
għandha ssir kif ġej: · Titfassal lista ta' rotazzjoni li tkun tinkludi is-sebgħa u
għoxrin Stati Membri. Din il-lista tiġi stabbilita bix-xorti jew
tista' ssegwi l-ordni stabbilit fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36
tat-Trattati. · F'kull sostituzzjoni parzjali għandhom l-ewwel jiġu
identifikati l-Istati Membri li ma jkollhomx ċittadin tagħhom fost
l-għoxrin imħallef (jew id-dsatax-il imħallef) li jkunu f'nofs
it-terminu tal-mandat tagħhom u kemm ikun hemm imħallfin li jkollhom
iċ-ċittadinanza ta' dawk l-Istati Membri għandhom jiġu
nnominati fuq bażi prijoritarja. Dan jista' jinvolvi mħallfin li
l-mandat tagħhom ikun għadu kemm skada (sakemm dan jinkludi
mħallfin bin-nazzjonalitajiet identifikati) jew imħallfin ġodda.
· Imbagħad, sabiex tiġi ddeterminata n-nazzjonalità
tal-imħallfin li jkun għad iridu jiġu nnominati, għandha
tiġi segwita l-lista ta' rotazzjoni stabbilita minn qabel, sakemm
jiġi rrispettat r-rekwiżit li ma jkunx hemm iktar minn żewġ
imħallfin għal kull Stat Membru. Dan jista' jerġa' jinvolvi
mħallfin li l-mandat tagħhom ikun għadu kemm skada (sakemm dan
jinkludi mħallfin bin-nazzjonalitajiet identifikati) jew imħallfin
ġodda. · Meta sseħħ is-sostituzzjoni parzjali sussegwenti,
għandha tintuża l-istess proċedura, billi tkompli tiġi
segwita l-lista ta' rotazzjoni (jiġifieri billi din id-darba wieħed
jibda mill-Istat Membru li jinsab eżatt wara dak tan-nazzjonalità
tal-aħħar imħallef li jkun inħatar id-darba
preċedenti). · Il-kandidati kollha identifikati b'dan il-mod jiġu eżaminati
mill-kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-TFUE. Irrispettivament mill-kontenut
tal-opinjonijiet tal-kumitat, ma jistax ikun hemm deroga mis-sistema ta'
ħatra. Fi kliem ieħor, jekk ikun hemm dubju dwar nomina partikolari,
huwa permissibbli għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta
kandidat ieħor. 49.
It-tieni mudell propost mill-Kummissjoni huwa
mfassal biex jirrifletti bilanċ bejn l-għan li jiġi żgurat
li jkun hemm l-aqwa rappreżentanza possibbli tas-sistemi legali nazzjonali
kollha u l-bżonn li jiġu sodisfatti l-eżiġenzi ta' Qorti
strutturata aktar f'awli speċjalizzati skont is-suġġett. Biex
dan isir, nofs l-imħallfin il-ġodda (jiġifieri sitta)
għandhom jinħatru skont proċedura li tissodisfa din
il-ħtieġa ta' speċjalizzazzjoni. 50.
Bħal fil-każ tal-ewwel mudell,
il-prinċipju bażiku jkun li l-Qorti Ġenerali tinkludi minn
tal-anqas imħallef wieħed u mhux aktar minn żewġ
imħallfin li jkollhom in-nazzjonalità ta' kull Stat Membru. Il-ħatra
tal-imħallfin għandha ssir kif ġej: ·
Ma' kull sostituzzjoni parzjali, għandhom
jintgħażlu tliet Imħallfin fuq il-bażi tal-kwalifiki legali
meħtieġa biex Imħallef ikun membru ta' waħda mill-awli
speċjalizzati li għandhom jinħolqu mill-Qorti Ġenerali.
Għal din il-fini, kull Stat Membru jista' jippreżenta kandidat.
Is-selezzjoni fost dawn il-kandidati ssir mill-Istati Membri, fuq il-bażi
ta' opinjoni preliminari tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 255 tat-TFUE L-Istati
Membri għandhom jitolbu lill-kumitat biex iqis, fl-opinjoni tiegħu,
il-kwalifiki fil-qasam tal-awla speċjalizzata inkwistjoni u biex
ipoġġi lil dawk il-kandidati li jiġu kkonfermati bħala
idoneji f'ordni skont il-mertu tagħhom. Sabiex il-ħatriet ma
jiġux ibblukkati jew mdewma, l-Istati Membri għandhom jiftiehmu minn
qabel dwar il-pożizzjoni li għandhom jadottaw wara li l-kumitat
jagħti l-opinjoni tiegħu. ·
Is-sittax-il imħallef jew is-sbatax-il
imħallef l-oħra għandhom jinħatru skont is-sistema ta'
rotazzjoni prevista fl-ewwel mudell b'bidla żgħira: meta, wara
selezzjoni li tkun ħadet inkonsiderazzjoni speċjalizzazzjoni
partikolari, ikun ġie maħtur ċittadin ta' Stat Membru
għas-sostituzzjoni parzjali kkonċernata, dak l-Istat Membru ma jkunx
jista' jeżerċita d-dritt li jaħtar imħallef li kien ikollu
skont il-lista ta' rotazzjoni matul l-istess eżerċizzju ta'
sostituzzjoni parzjali. 51.
Għandhom ukoll jiġu ppreċiżati
l-kundizzjonijiet għall-ħatra tat-tnax-il imħallef
supplementari. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni attwali, ma jkunx
għaqli li wieħed jistenna biex isiru s-sostituzzjonijiet parzjali li
jmiss fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fl-2013 u fl-2016 biex
jiġu miżjuda magħha żewġ gruppi suċċessivi
ta' sitt imħallfin. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li t-tnax-il
imħallef il-ġdid jiġu maħtura mill-aktar fis wara
d-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Istatut. Fl-istess ħin,
il-mandati ta' dawn l-imħallfin il-ġodda jridu jiġu allinjati
ma' dawk tal-imħallfin preżenti, biex jiġu rrispettati
r-rekwiżiti tal-Artikolu 254 tat-TFUE, li jipprovdi għal
sostituzzjoni parzjali kull tliet snin. Biex dan isir, il-Kummissjoni
tissuġġerixxi li l-perjodu tal-mandat tal-imħallfin
il-ġodda jiġi allinjat mal-frekwenza tas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti
Ġenerali, billi jiġi estiż il-perjodu tal-mandat tagħhom
għaż-żmien kollu li jkun meħtieġ. Il-konformità
simultanja ma' dawn ir-rekwiżiti kollha timplika neċessarjament li
l-ewwel imħallfin il-ġodda se jkunu fil-kariga tagħhom għal
perjodu li ma jkunx jikkorrispondi mal-mandat ta' sitt snin previst
mit-Trattati. 52.
F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni
tqis li, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, għandha
tiġi miżjuda dispożizzjoni tranżitorja mal-proposta
tal-Qorti. Minn naħa, din għandha tipprevedi li l-imħallfin
il-ġodda jkollhom jidħlu immedjatament fil-kariga tagħhom qabel
ma l-ewwel mandat tagħhom ta' sitt snin ma jkun formalment inbeda.
Min-naħa l-oħra, din għandha tiddetermina t-terminu rispettiv
tal-kariga tal-imħallfin il-ġodda. Din ir-regola tista' tiġi
inserita bħala l-Artikolu 3(3) il-ġdid: 3. It-tnax-il imħallef innominati
wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom
jidħlu fil-kariga immedjatament wara li jieħdu l-ġurament. Sitta
minn fosthom għandhom jintgħażlu bix-xorti u l-mandat
tagħhom għandu jintemm wara li jgħaddu sitt snin mill-ewwel
sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali li ssegwi d-dħul
fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-mandat tas-sitt imħallfin
l-oħrajn għandu jintemm sitt snin wara t-tieni sostituzzjoni parzjali
tal-Qorti Ġenerali li ssegwi d-dħul fis-seħħ ta' dan
ir-Regolament. 53.
Rigward in-nazzjonalità tal-ewwel tnax-il
imħallef supplementari, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li din
għandha tiġi determinata bix-xorti jew skont l-ordni stabbilit
fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 tat-Trattati. Emendi li jirrigwardaw
it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 54.
Il-Qorti tipproponi li fl-Istatut tiġi
prevista l-possibbiltà li jiżdiedu mħallfin ad interim
mal-qrati speċjalizzati biex jissostitwixxu mħallfin assenti li jkunu
suġġetti għal xi impediment għal tul ta' żmien.
Attwalment din il-possibbiltà tapplika biss fil-konfront tat-Tribunal
għas-Servizz Pubbliku u qed jiġi propost regolament speċifiku
għalih. Skont dan it-test, il-Kunsill għandu jaħtar tliet
Imħallfin ad interim minn fost ex Membri tal-Qorti
tal-Ġustizzja. Wieħed minnhom jiġi mitlub jipparteċipa
fit-trattament tal-kawżi fil-każ ta' impediment effettiv jew
prevedibbli ta' Mħallef tat-Tribunal għal minn tal-anqas tliet xhur. 55.
Il-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li, f'qorti li
tkun tinkludi numru żgħir ta' mħallfin, l-assenza fit-tul ta'
membru wieħed jew ta' diversi membri tista' tagħti lok għal
diffikultajiet prattiċi kbar. Is-soluzzjoni proposta bħala rimedju
għal dan tidher xierqa. 56.
Ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal
għas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu emendati wara li dan
ir-Regolament jiġi adottat, b'mod partikolari biex ir-regoli dwar
il-kompożizzjoni tal-awli u l-assenjar tal-kawżi jiġu adattati.
L-imħallfin ad interim għandhom biss jeżerċitaw
il-prerogattivi tagħhom fil-kuntest tat-trattament tal-kawżi li
s-soluzzjoni tagħhom tkun ġiet assenjata lilhom u dan jimplika li
huma ma għandhomx jipparteċipaw fis-sistema ta' rotazzjoni prevista
mir-Regoli tal-Proċedura. 57.
Dan l-abbozz ta' Regolament jagħti lok
għal xi kummenti fir-rigward tal-Artikoli 2 u 5 tiegħu. 58.
Fil-każ tal-Artikolu 2, jeħtieġ li
jkun ippreċiżat l-ordni li fih it-tliet imħallfin ad interim
għandhom jiġu mitluba biex iwettqu dmirijiet ġudizzjarji meta
jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet fejn jitqies li hemm impediment ta'
wieħed mill-imħallfin permanenti Il-Kummissjoni tirrakkomanda li dan
l-ordni jiġi ppreċiżat fid-deċiżjoni tal-Kunsill li
tistabbilixxi l-lista tal-Imħallfin ad interim. Dan jista' jsir
biż-żieda tas-sentenza li ġejja fl-aħħar tal-ewwel
subparagrafu tal-Artikolu 2(1): Din il-lista tiddetermina l-ordni li fih
l-Imħallfin ad interim għandhom jissejħu fil-kariga skont
it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2). 59.
Barra minn dan, għandhom jiddaħħlu
l-kliem "skont l-ordni stabbilit" wara l-kliem "il-President
tat-Tribunal għandu jsejjaħ fil-kariga lill-Imħallef ad
interim" fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2). 60.
Fil-każ tal-Artikolu 5, tintuża l-istess
terminoloġija ("Il-kariga tal-Imħallfin ad interim
għandha tintemm") għal żewġ tipi ta' ċirkustanzi
differenti ħafna bejniethom: l-ewwel u t-tielet subparagrafi jirrigwardaw
it-tħassir definit mil-lista ta' isem Imħallef ad interim,
filwaqt li t-tieni subparagrafu jirregola t-tmiem effettiv mill-kariga ta'
Imħallef ad interim, li jibqa' maħtur bħala Imħallef
ad interim u li ismu jibqa' fuq il-lista, iżda li
jispiċċa mill-kariga minħabba li l-imħallef li jkun
ġie sostitwit ma jibqax suġġett għal impediment.
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ssir distinzjoni aħjar bejn dawn
iż-żewġ sitwazzjonijiet billi jiġu indirizzati
f'żewġ artikoli differenti. 61.
Barra minn dan, fil-każ tar-ritorn
tal-imħallef li kien suġġett għal impediment, huwa previst
li t-Tribunal (l-imħallfin permanenti kollha tat-Tribunal jew dawk li
jagħmlu parti mill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat?)
ikollu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi li jżomm Imħallef ad
interim fil-kariga sakemm jiġu konklużi l-kawżi (kollha jew
parti minnhom?) li jkun ipparteċipa fihom. Il-Kummissjoni tikkritika dan
l-approċċ għaliex dan jista' jdgħajjef l-indipendenza
tal-Imħallfin ad interim minħabba li l-imħallfin permanenti
li jkunu jaħdmu magħhom ikunu dawk li jiddeċiedu jekk
għandhomx jibqgħu fil-kariga. Għal din ir-raġuni,
il-Kummissjoni tqis li jkun aktar xieraq li jiġi stabbilit kriterju
oġġettiv biex jiġu determinati l-kawżi li fihom
l-Imħallef ad interim għandu jibqa' fil-kariga
sal-konklużjoni tagħhom anki wara li jkun spiċċa
l-impediment tal-Imħallef li jkun qed jissostitwixxi. Pereżempju,
hija tissuġġerixxi li għandu jiġi previst li
l-Imħallef ad interim jibqa' fil-kariga sakemm jiġu
konklużi l-kawżi kollha li jkunu ġew assenjati lilu. Dan
jiggarantixxi li jkun hemm stabbiltà akbar fil-kompożizzjoni
tal-kulleġġi ġudikanti. Il-Kummissjoni għaldaqstant
tirrakkomanda li l-Artikolu 5 tar-Regoli jiġi riformulat kif ġej: Artikolu 5 Isem imħallef ad interim għandu jitħassar mil-lista msemmija fl-ewwel
subparagrafu tal-Artikolu 2(1), meta jmut, meta jirreżenja jew meta
jiġi deċiż li jitneħħa mill-kariga tiegħu
fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 6
tal-Istatut. Kull Imħallef ad interim li jkun tħassarlu ismu mil-lista msemmija fl-ewwel
subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandu jiġi sostitwit, skont
il-proċedura prevista f'dik id-dispożizzjoni, għall-bqija
tal-perjodu ta' validità tal-lista msemmija. Artikolu 5a Il-kariga ta' Imħallef ad interim
tintemm meta l-imħallef li jkun ġie sostitwit ma jibqax
suġġett għal impediment. Madankollu, l-imħallef ad
interim jibqa' fil-kariga sakemm jiġu konklużi l-kawżi li
jkunu ġew assenjati lilu. Emendi li jirrigwardaw lil dawn it-tliet
qrati 62.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tipproponi li
jitneħħa l-perjodu ta' grazzja għal raġunijiet ta' distanza
ta' għaxart ijiem, minħabba li ma għadux ġustifikat f'dan
iż-żmien ta' teknoloġiji ġodda. 63.
Huwa minnu li llum il-ġurnata l-perjodu ta'
grazzja ta' għaxart ijiem għal raġunijiet ta' distanza ma
għadux jaqdi l-iskop li għalih kien inħoloq, jiġifieri
bħala kumpens għaż-żmien neċessarju biex
tintbagħat korrispondenza lill-qrati. Madankollu, dan il-perjodu
addizzjonali xorta xi drabi għadu importanti biex jippermetti lill-partijiet
u lill-persuni interessati jippreżentaw is-sottomissjonijiet u
l-osservazzjonijiet tagħhom fil-ħin. 64.
Il-Kummissjoni tqis li din l-emenda mhijiex
prijorità u, min-naħa tagħha, hija xorta tista' tkun sodisfatta jekk
tinżamm is-sistema attwali. Min-naħa l-oħra, hija tkun tista'
tadatta ruħha jekk il-perjodu ta' grazzja għal raġunijiet ta'
distanza jitneħħa. 65.
Jekk il-perjodu addizzjonali ta' għaxart ijiem
jitneħħa, il-Kummissjoni tirrakkomanda madankollu li xi termini
speċifiċi previsti fl-Istatut jiġu estiżi[3]: ·
It-terminu ta' xahrejn biex jiġu
ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rinviji ta'
deċiżjonijiet preliminari (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23
tal-Istatut) għandu jiżdied għal għaxar ġimgħat,
fid-dawl tal-preparazzjoni kumplessa li ta' spiss ikunu jeħtieġu dawn
l-osservazzjonijiet, b'mod partikolari fil-każ tal-Istati Membri u
l-istituzzjonijiet. ·
It-terminu ta' xahrejn biex jiġi
ppreżentat appell minn ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti
Ġenerali (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56) jew tat-Tribunal
għas-Servizz Pubbliku (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I)
għandu wkoll jiżdied għal għaxar ġimgħat,
minħabba li, f'dan it-terminu, il-partijiet kkonċernati l-ewwel iridu
jadottaw id-deċiżjoni fil-prinċipju li jressqu appell (liema
deċiżjoni tista' tieħu ftit taż-żmien minħabba
proċedura interna) u mbagħad iridu jfasslu l-imsemmi appell. ·
It-terminu ta' ġimagħtejn biex jiġi
ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew
tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tiċħad talba għal
intervent (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu
10 tal-Anness I) għandu jiżdied għal tliet ġimgħat. 66.
Għandhom jiġu wkoll estiżi termini
oħra stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati: ·
It-terminu ta' sebat ijiem biex tiġi
ppreżentata talba biex jiġu ppreżentati replika jew
sottomissjonijiet komplementari wara replika f'appell inċidentali
(l-Artikolu 117(1) u (2), l-aħħar sentenza, tar-Regoli
tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 143(1) u (2),
l-aħħar sentenza, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti
Ġenerali); ·
It-terminu ta' xahar biex jiġu
ppreżentati osservazzjonijiet dwar eżami mill-ġdid (it-tieni
paragrafu tal-Artikolu 123e tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti
tal-Ġustizzja); ·
It-terminu ta' xahrejn biex jiġu
ppreżentati osservazzjonijiet dwar rinviju għal deċiżjoni
preliminari tal-EFTA (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 123g tar-Regoli
tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja). 67.
Fl-aħħar nett, ikun xieraq jekk,
bħala korrispettiv għat-tneħħija tal-perjodu ta' grazzja
għal raġunijiet ta' distanza, it-termini proċedurali jiġu
sospiżi matul l-ewwel ġimagħtejn ta' Awwissu kif ukoll bejn l-20
ta' Diċembru u t-3 ta' Jannar. Matul dawn il-perjodi ta' ferjat ikun
partikolarment diffiċli li dawn it-termini mqassra ta' għaxart ijiem
jiġu rispettati. Konklużjoni L-opinjoni
tal-Kummissjoni dwar l-emendi għall-Istatut proposti mill-Qorti
tal-Ġustizzja hija favorevoli, soġġetta għall-modifiki
indikati fil-punti 16, 23 u 24, 31, 37, 40, 52, 58, 59, 61 u 65 ta' din
l-Opinjoni u sakemm is-sistema ta' ħatra għall-imħallfin
tat-Tribunal tiġi adottata mill-Istati Membri fl-istess żmien. Din l-Opinjoni se tintbagħat
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. [1] Bħala
eżempju, għaddew aktar minn sentejn bejn il-proposta
għall-ħolqien tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (COM(2003)705
tad-19 ta' Ottubru 2003) u l-bidu effettiv tal-funzjonament tiegħu
(id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja li
tikkonstata li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea
ġie kkostitwit skont il-liġi, ĠUUE L 325, 12 ta' Diċembru
2005). [2] Għaż-żieda
tar-riferiment għall-Artikolu 9a, ara l-punt 39 ta' din l-opinjoni. [3] It-termini
stabbiliti direttament fit-Trattati, bħat-terminu ta' xahrejn
għall-introduzzjoni ta' rikors għal annullament (l-Artikolu 263 TFUE)
jew it-terminu ta' xahar previst fl-Artikolu 269 TFUE, ma jistgħux
jiġu emendati.