Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0547

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Ir-raba' rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 1999

/* KUMM/2011/0547 finali */

52011DC0547

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Ir-raba' rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 1999 /* KUMM/2011/0547 finali */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Ir-raba' rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 1999

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. DAĦLA 2

2. IT-TIELET RAPPORT TA' APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 85/374/KEE: 2001-2005 4

3. L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 85/374/KEE: 2006 - 2010 4

3.1. Ġurisprudenza tal-Qorti 5

3.1.1. Talbiet għal deċiżjonijiet preliminari (l-artikolu 267 TFUE) 5

3.1.2. Rikorsi diretti (l-Artikoli 258 u 260 TFUE) 6

3.2. Tagħrif provdut mill-esperti nazzjonali u l-gruppi konsultattivi 7

3.3. Kwistjonijiet oħrajn dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva 10

4. KONKLUŻJONIJIET 11

DAĦLA

Id-Direttiva 85/374/KEE (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva")[1] għandha l-għan li tagħmel approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabilità tal-produttur għad-dannu kkawżat minn prodotti difettużi. Din id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipju tar-responsabilità bla tort tal-produttur, li bih kull produttur ta' beni mobbli difettużi jrid jikkumpensa lil persuna għad-danni kkawżati lill-integrità personali tagħha jew lill-proprjetà tagħha, irrispettivament minn jekk kienx hemm negliġenza min-naħa tal-persuna jew le.

Din id-Direttiva tapplika għall-prodotti kollha[2] kummerċjalizzati fiż-Żona Ekonomika Ewropea, jiġifieri fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Islanda. Hija tipprevedi li t-tiswija tad-danni materjali hija limitata għall-beni ta' użu u ta' konsum privat b'limitu massimu ta' EUR 500. Hija tistabbilixxi perjodi ta' limitazzjoni u tipprojbixxi l-klawżoli li jillimitaw jew jeskludu r-responsabilità tal-produttur. Din id-Direttiva tipprevedi eżenzjoni tal-produttur meta jagħti prova tal-eżistenza ta' ċerti fatti, bħal pereżempju li ma qiegħedx il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni, li d-difett huwa minħabba l-konformità tal-prodott ma' regoli imperattivi li ġejjin mill-awtoritajiet pubbliċi jew inkella li l-istat ta' għarfien xjentifiku u tekniku fil-ħin taċ-ċirkolazzjoni tal-prodott mill-produttur ma ppermettilux jiskopri l-eżistenza tad-difett.

Id-Direttiva 85/374/KEE ma għandhiex taffettwa d-drittijiet tal-vittma skont il-liġi tar-responsabilità kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jew skont sistema speċjali ta' responsabilità li kienet teżisti fil-ħin tal-avviż tad-Direttiva[3]. Barra minn hekk, din ma tippreġudikax it-tiswija ta' danni morali skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali.

B'konformità mal-Artikolu 21 tad-Direttiva, il-Kummissjoni tirrevedi fuq bażi regolari l-effettività tal-qafas legali tar-responsabilità għall-prodotti. Sa issa l-Kummissjoni diġà fasslet tliet rapporti dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva[4].

Dan id-dokument jikkostitwixxi r-raba' rapport ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Huwa jkopri l-perjodu ta' bejn l-2006 u l-2010 u janalizza l-applikazzjoni tad-Direttiva fis-27 Stat Membru. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni indirizzat kwestjonarju lill-Istati Membri u lill-membri tal-gruppi konsultattivi informali li jitolbu tagħrif, b'mod partikolari dwar il-punti mqajma fir-rapport ta' qabel.

IT-TIELET RAPPORT TA' APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 85/374/KEE: 2001-2005

It-tielet rapport ta' applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE kkonkluda li d-Direttiva rnexxiela tiżgura bilanċ bejn l-interessi tal-konsumaturi u l-politiki tas-suq intern. Bħala konklużjoni ġenerali, dan ir-rapport kkonferma li l-implimentazzjoni tad-Direttiva kien b'mod ġenerali sodisfaċenti u li ma ġiet imposta l-ebda emenda. Anki jekk l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kienu jwasslu xi drabi għal nuqqas ta' qbil, dawn ma affettwawx il-funzjonament tas-suq intern.

Il-Kummissjoni pproponiet li ssegwi l-analiżi tal-funzjonament tad-direttiva, b'mod partikolari tal-effetti tad-dispożizzjonijiet dwar il-piż tal-provi, il-mezzi ta' difiża jew ta' limitu massimu ta' EUR 500 għad-danni materjali li ġarrbu, sabiex tintervieni f'każ ta' sejba ta' differenzi nazzjonali li jeħtieġu azzjoni fuq livell tal-UE.

L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 85/374/KEE: 2006 - 2010

Matul il-perjodu ta' referenza, il-Kummissjoni segwiet il-kontroll tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-direttiva ġeneralment huma applikati b'mod parallel ma' regolamenti oħra dwar ir-responsabilità kuntrattwali, mhux kuntrattwali jew oħra. Din il-koeżistenza ta' dispożizzjonijiet differenti, li hija awtorizzata skont l-Artikolu 13 tad-direttiva, titqies b'mod pożittiv għaliex din id-diversità ta' regoli tippermetti li jittejjeb il-ħarsien tal-konsumaturi.

Skont it-tagħrif miġbur għat-tfassil ta' dan ir-rapport, irriżulta li numru partikolari ta' Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja, u l-Polonja rreġistraw numru li dejjem jikber ta' azzjonijiet fir-rigward tar-responsabilità għall-prodotti skont il-liġijiet nazzjonali tat-traspożizzjoni tad-direttiva. F'parti minn dawn l-Istati Membri, wieħed josserva kemm żieda fin-numru assolut ta' azzjonijiet ibbażati fuq ir-responsabilità għall-prodotti matul l-aħħar snin kif ukoll tkabbir fl-użu fir-rigward tad-Direttiva għad-detriment ta' azzjonijiet oħrajn ibbażati fuq ir-responsabilità kuntrattwali jew ċivili.

Iż-żieda fin-numru ta' azzjonijiet rigward ir-responsabilità għall-prodotti introdotti f'dawn l-aħħar snin huwa prinċipalment ikkawżat minn fatturi esterni, bħall-infurzar tal-viġilanza tal-konsumaturi u l-aħjar organizzazzjoni tagħhom jew it-titjib tal-mezzi biex jaċċessaw it-tagħrif. Min-naħa l-oħra, jidher li l-ispiża inerenti għall-proċedura tiskoraġġixxi din it-tip ta' azzjoni f'ċerti Stati Membri bħal pereżempju, ir-Renju Unit.

Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-kwistjoni tar-riżoluzzjoni rapida tal-kwistjonijiet miġjuba quddiem it-tribunali nazzjonali turi diliġenza u effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tad-dritt ċivili. Fil-każ meta ma jkunx hemm dubju dwar ir-responsabilità (jiġifieri id-difett, id-dannu u r-rabta ta' kawżalità huma ċari), dawn l-ilmenti huma soġġetti għal regolament mhux ġudizzjarju li jikkontribwixxi sabiex jikkumpensa b'mod rapidu lill-vittmi għad-danni li ġarrbu[5].

Ġurisprudenza tal-Qorti

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-Qorti) kompliet tippreċiża l-parti operattiva tad-Direttiva 85/374/KEE, u b'hekk ikkontribwixxiet biex telimina d-diverġenzi ta' interpretazzjoni. Hija ddikjarat ruħha kemm-il darba dwar ir-rabta bejn din id-direttiva u d-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-traspożizzjoni. Hija ddeċidiet dwar il-kompletezza tal-livell ta' armonizzazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE, li tipprevieni pereżempju lill-Istati Membri li jipprevedu fil-qasam tal-perjodi ta' limitazzjoni, dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-konsumaturi. Hija kkonfermat ukoll li l-Istati Membri huma ħielsa li jżommu skemi ta' responsabilità differenti minn dik tar-responsabilità oġġettiva jew bla tort, li skont huma r-responsabilità tal-intermedjarji tista' tkun ekwivalenti għal dik tal-produttur f'każ ta' negliġenza jew żball.

Bejn l-2006 u l-2010, il-Qorti ddikjarat ruħha sitt darbiet dwar id-Direttiva 85/374/KEE. F'żewġ każijiet, dan kien jirragwardja sentenzi fil-qafas tal-proċedura ta' referenza tal-Qorti (l-Artikolu 260 TFUE, eks-Artikolu 228 TKE).

Talbiet għal deċiżjonijiet preliminari (l-Artikolu 267 TFUE)

Fil-kawża Skov vs Bilka Lavrishvareus[6], il-Qorti ġġudikat li d-Direttiva 85/374/KEE għandha tkun interpretata fis-sens li hija topponi għal regolamentazzjoni nazzjonali li skont din, il-fornitur ta' prodott difettuż iwieġeb, lil hinn mill-każijiet elenkati speċifikament fl-Artikolu 3(3) tar-responsabilità bla tort li d-Direttiva tistabbilixxi u timponi fuq il-produttur. Madankollu, il-Qorti ppreċiżat li d-Direttiva ma topponix għal regola nazzjonali skont liema l-fornitur huwa marbut li jwieġeb mingħajr restrizzjoni għar-responsabilità minħabba t-tort tal-produttur.

Fil-kawża Declan O'Byrne vs Sanofi[7], il-Qorti ddikjarat ruħha dwar il-kunċett "tat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni" tal-prodott previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva u li jikkostitwixxi l-punt ta' tluq tal-perjodu ta' limitazzjoni tal-azzjoni fir-responsabilità għall-prodotti difettużi. Hija ppreċiżat li prodott tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni meta jkun ħareġ minn proċess ta' fabrikazzjoni mwettaq mill-produttur u li huwa daħal fi proċess ta' kummerċjalizzazzjoni li fih jinsab fl-istat offrut lill-pubbliku sabiex jintuża jew jiġi kkunsmat.

Il-Qorti reġgħet ippreċiżat l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 11 tad-Direttiva fis-sentenza Aventis Pasteur SA c/ OB[8], u b'hekk hija ddikjarat li dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jopponi li regolament nazzjonali li jawtorizza is-sostituzzjoni ta' parti li qed tiddefendi b'oħra matul il-proċedura ġudizzjarja jkun applikat b'mod li jippermetti li jakkuża, wara l-iskadenza tal-perjodu li huwa jistabbilixxi, "produttur", fis-sens tal-Artikolu 3 ta' din id-direttiva, bħala l-parti tad-difiża għal proċedura ġudizzjarja maħsuba f'dan il-perjodu kontra persuna oħra li mhux hu. Il-Qorti wara ppreċiżat li l-Artikolu 11 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jopponix għal dak li l-ġurisdizzjoni nazzjonali tqis li, fil-proċedura ġudizzjarja mressqa, fil-perjodu li stabbiliet, kontra l-kumpanija sussidjarja għal 100% tal-"produttur" skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttuva 85/374, l-imsemmi produttur jista' jkun sostitwit b'din il-kumpanija sussidjarja jekk il-ġurisdizzjoni ssib li t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-prodott ikkonċernat kien sar fil-fatt minn dan il-produttur.

Fl-aħħar, il-Qorti tat ukoll dettalji dwar ir-responsabilità tal-fornitur. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li, meta l-vittma ta' prodott allegat difettuż ma setax jidentifika b'mod raġonevoli l-produttur tal-imsemmi prodott qabel jiġu eżerċitati d-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-fornitur ta' dan tal-aħħar, l-imsemmi fornitur għandu jkun ikkunsidrat bħala "produttur", għall-finijiet, b'mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva imsemmija, jekk ma kkomunikax lill-vittma, mill-inizjattiva tiegħu stess u b'mod diliġenti, l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess, u dan għandu jiġi vverifikat mill-ġurisdizzjoni nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ.

Fil-kawża Moteurs Leroy Somer vs Dalkia France[9], il-Qorti tal-ġustizzja ġġudikat li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma topponix l-interpretazzjoni ta' liġi nazzjonali jew tal-applikazzjoni ta' ġurisprudenza interna stabbilita li skont huma l-vittma tista' titlob bħala kumpens tad-dannu kkawżat għal ħaġa li għandha l-għan li tintuża b'mod professjonali u użata għal dan l-użu, minn meta l-vittma tirrapporta biss il-prova tad-dannu, tal-ħsara ta' prodott u tar-rabta ta' kawżalità bejn id-difett u d-dannu.

Rikorsi diretti (l-Artikoli 258 u 260 TFUE)

Fis-sentenza tal-25 ta' April 2002 fil-kawża il-Kummissjoni vs ir-Repubblika Franċiża [10] , il-Qorti kienet ippreċiżat in-nuqqas ta' Franza biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva 85/374/KEE. Filwaqt li ġie kkunsidrat li din id-deċiżjoni tal-Qorti kienet ġiet eżerċitata b'mod parzjali, il-Kummissjoni użat proċedura ta' referenza skont l-Artikolu 260 TFUE (eks-Artikolu 228 TKE).

Fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta' Marzu 2006 fil-każ il-Kummissjoni vs ir-Repubblika Franċiża [11] , il-Qorti ġġudikat li billi tkompli tqis lill-fornitur tal-prodott difettuż bħala responsabbli daqs il-produttur meta dan tal-aħħar ma jistax jiġi identifikat, filwaqt li l-fornitur indika lill-vittma, f'perjodu raġonevoli, l-identità ta' dak li forna lilu bil-prodott, ir-Repubblika Franċiża ma kinitx wettqet il-miżuri tal-infurzar kompluti tas-sentenza tal-25 ta' April 2002 f'dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374/KEE. Il-Qorti kkundannat lir-Repubblika Franċiża biex tkun konformi mad-Direttiva u biex tħallas ħlas perjodiku ta' penali ta' EUR 31,650 kuljum għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-infurzar sħiħ u komplut tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, li tgħodd minn meta tinqata' s-sentenza l-ġdida. Franza li kellha tħallas ħlas perjodiku ta' penali għal somma totali ta' EUR 795,600 hija konformi għalkollox mas-sentenza l-ġdida.

Permezz ta' sentenza tal-5 ta' Lulju 2007 fil-każ il-Kummissjoni vs ir-Renju tad-Danimarka [12] , il-Qorti ġġudikat li r-Renju tad-Danimarka kien naqas mill-obbligi imposti lilu fir-rigward tat-transpożizzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE billi adotta u żamm dispożizzjonijiet li jagħmlu lill-fornituri intermedjarji li jintervienu fil-katina ta' distribuzzjoni responsabbli taħt l-istess kondizzjonijiet bħal tal-produttur, bi ksur tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva. Wara din id-deċiżjoni, id-Danimarka ħadet il-miżuri meħtieġa biex iġġib il-leġiżlazzjoni tagħha konformi mad-Direttiva.

Tagħrif provdut mill-esperti nazzjonali u l-gruppi konsultattivi

Filwaqt li jsegwu l-istess prassi bħal dik tat-tielet rapport, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet interessati li huma membri ta' gruppi konsultattivi informali sabiex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-applikazzjoni u l-effiċjenza tad-Direttiva matul il-perjodu ta' referenza. L-għan kien li ssir evalwazzjoni tal-impatt prattiku tad-Direttva u tal-kwistjonijiet imqajma fir-rapport preċedenti u li d-diverġenzi ta' interpretazzjoni tagħhom mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali xi drabi kienu setgħu jwasslu għal differenzi bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-direttiva.

Dan ir-rapport jiġbor f'daqqa it-tagħrif miġbur mill-Kummissjoni b'mod partikolari dwar il-piż tal-provi, il-mezz ta' difiża bbażat fuq il-konformità mar-regolamentazzjoni, il-mezz ta' difiża dwar ir-riskju tal-iżvilupp u l-kwistjoni tal-limitu massimu ta' EUR 500 għad-danni materjali.

- Il-piż tal-provi (l-Artikolu 4)

Id-Direttiva 85/374/KEE stabbiliet li l-piż tal-provi tad-dannu, tad-difett u tar-rabta ta' kawżalità bejn it-tnejn huwa f'idejn il-vittma. Din id-Direttiva ma għandhiex l-intenzjoni li tarmonizza r-regoli nazzjonali tal-proċedura tal-Istati Membri li jvarjaw kemm fil-liġi materjali kif ukoll f'termini ta' livell ta' prova.

L-istudju ta' Lowells dwar ir-responsabilità għall-prodotti fl-Unjoni Ewropea[13] u t-tielet rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva diġà kienu semmew li l-ġurisprudenza dwar din il-kwistjoni kienet differenti; kienu jeżistu differenzi bejn id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri differenti kif ukoll fost id-deċiżjonijiet tal-ġurisdizzjonijiet fi Stat Membru.

Fid-dawl tat-tagħrif disponibbli, wieħed josserva differenzi f'dak li jirrigwarda l-elementi meħtieġa biex jiġi pruvat li hemm difett. Għal ċerti ġurisdizzjonijiet, pereżempju, fi Franza, il-Belġju, l-Italja jew fi Spanja huwa biżżejjed li l-kwerelant jagħti prova li l-prodott ma kienx jissodisfa l-funzjoni li għaliha kien maħsub. Għal oħrajn, bħal pereżempju l-Ġermanja jew ir-Renju Unit[14], il-kwerelant għandu jagħti prova tan-natura eżatta tad-difett tal-prodott b'mod aktar preċiż. Skont dan l-istess tagħrif, il-Qorti Suprema Awstrijaka kienet żviluppat ġurisprudenza konsistenti li kienet tlaqqa' dawn iż-żewġ pożizzjonijiet.

Madankollu ċerti awtoritajiet nazzjonali (fosthom il-Bulgarija, l-Italja, Malta, is-Slovakkja, l-Isvezja jew il-Litwanja) huma tal-opinjoni li l-vittmi jsibu diffikultajiet kbar biex jagħtu prova li d-dannu ġie kkawżat mid-difett tal-prodott. Dawn id-diffikultajiet huma b'mod partikolari minħabba l-ispiża biex tinġieb opinjoni esperta. Sabiex jegħlbu din id-diffikultà, uħud minn dawn l-Istati Membri jqisu li jeħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva biex tiġi introdotta preżunzjoni ta' responsabilità tal-produttur jew ta' mekkaniżmu ta' treġġigħ lura tal-piż tal-provi.

Din id-dispożizzjoni tibqa' kontroversjali wkoll bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati (konsumaturi, produtturi, fornituri, assiguraturi jew dawk li jipprattikaw il-liġi). Il-konsumaturi jinsistu dwar id-diffikultà, b'mod partikolari minħabba l-ispiża ekonomika, biex jipproduċu l-prova tad-difett ta' ċerti prodotti tekniċi ħafna kif ukoll biex jagħtu prova tar-rabta tal-kawżalità bejn id-difett u d-dannu meta n-natura tad-dannu msemmi hija kumplessa. Sabiex tiggarantixxi b'mod aktar effiċjenti l-ħarsien tal-konsumaturi, huma jqisu li hu meħtieġ li jinqaleb il-piż tal-provi.

Il-produtturi u l-assiguranti jqisu, li l-eżiġenża tal-prova tar-rabta ta' kawżalità bejn id-dannu u d-difett tal-prodott hija element fundamentali għall-bilanċ żgurat mid-direttiva bejn l-interessi tal-produtturi u dawk tal-konsumaturi. Huma jqisu wkoll li s-simplifikazzjoni tar-regoli dwar il-piż tal-provi tinkoraġġixxi l-azzjonijiet ġudizzjarji tal-konsumaturi dwar danni minuri. Skont dawk li jipprattikaw il-liġi, il-kwerelanti huma f'qagħda li jistabbilixxu r-rabta ta' kawżalità bejn id-difett u d-dannu fuq il-bażi tar-regoli ta' prova fl-Istati Membri differenti. In-numru li dejjem jikber ta' talbiet biex jirċievu kumpens għad-danni kkawżati minn prodott difettuż huwa l-prova ta' dan.

- Mezz ta' difiża bbażat fuq il-konformità mar-regolamentazzjoni (l-Artikolu 7 d)

Id-Direttiva 85/374/KEE tistabbilixxi li l-produttur ma jkollux responsabilità jekk jagħti prova li d-difett huwa minħabba l-konformità tal-prodott mar-regoli mandatorji maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi.

Fuq bażi ta' tagħrif disponibbli, il-Kummissjoni tistqarr li ma hemmx ħafna ġurisprudenza dwar dan il-mezz ta' difiża. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ungeriżi indikaw li l-kwistjonijiet ta' dan it-tip jikkonċernaw l-aktar il-vetturi u l-prodotti tal-mediċina. Fl-ewwel każ, il-ġurisprudenza Ungeriża rari tistabbilixxi r-responsabilità tal-produttur fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-direttiva, iżda fil-każ tal-mediċini u tal-prodotti oħra tal-mediċina (b'mod partikolari l-prodotti tad-demm), ir-responsabilità tal-produtturi tkun stabbilita bħala regola ġenerali mill-ġurisdizzjonijiet. Skont l-awtoritajiet Slovakki, il-konsumaturi rari jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal kumpens f'dan il-kuntest. Huma pjuttost jitolbu l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra, bħal pereżempju, il-liġi ta' rtirar, l-applikazzjoni ta' roħs fuq il-prezz tal-bejgħ jew it-tiswija tad-difett.

Rappreżentanti tal-industriji farmaċewtiċi fl-Ewropa huma tal-opinjoni li s-sistema tar-responsabilità stabbilita mid-Direttiva ma tikkunsidrax biżżejjed il-fatt li s-settur tal-mediċini huwa regolat ħafna. Fl-opinjoni tagħhom, il-fatt li l-użu tal-mediċini huwa ġeneralment soġġett għall-evalwazzjoni esterna tal-professjonijisti tas-saħħa (bħal, pereżempju t-tobba, l-infermiera jew l-ispiżjara) u li l-produttur ma għandux kontroll fuq il-mod kif tinkiteb ir-riċetta għall-mediċini u kif dawn jingħataw għandu jiġi kkunsidrat waqt l-analiżi tad-difett tal-prodott u tar-responsabilità tal-produttur.

- Mezz ibbażat fuq ir-riskju tal-iżvilupp (l-Artikolu 7 e)

Id-direttiva 85/374/KEE tipprevedi li r-responsabilità tal-produttur mhijiex affetwata meta l-għarfien tekniku fil-ħin tat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-prodott jkun insuffiċjenti biex jġi identifikat id-difett. Dwar dan il-punt, l-Istati Membri huma awtorizzati li jieħdu l-miżuri ta' deroga[15].

Skont it-tagħrif disponibbli, il-Kummissjoni tistqarr li l-ġurisdizzjonijiet nazzjonali ma ftehmux dwar il-kwistjoni biex ikunu jafu jekk il-mezz ta' difiża japplikax għat-tipi kollha ta' difetti. Pereżempju, il-Qorti Suprema Ġermaniża ġġudikat li l-Artikolu 7(e) qatt ma japplika għad-difetti tal-fabbrika. Ġurisdizzjonijiet oħra, pereżempju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, ma jaqablux ma' din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, minkejja s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kwistjoni l-Kummissjoni vs ir-Renju Unit[16] , jidher li għadhom jeżistu xi dubji fir-rigward tal-mod ta' kif it-tribunalitajiet għandhom jinterpretaw it-termini " l-istat ta' għarfien xjentifiku u l-għarfien tekniku fil-ħin tat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni tal-prodott ma ppermettix li tiġi identifikata l-eżistenza tad-difett ".

Fuq il-bażi ta' dan l-istess tagħrif, jidher li l-Qorti Suprema Awstrijaka ġġudikat li l-klawżola ta' eżenżjoni tista' tapplika f'sitwazzjoni meta ċertu riskju jkun ġie identifikat mill-espert imsemmi mit-tribunal biss permezz ta' serje ta' testijiet li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura u ma kienx magħruf mill-esperti qabel il-bidu tal-proċedura u t-tqegħid fis-suq tal-prodott.

Illum, ċerti Stati Membri jżommu lill-produttur responsabbli wkoll għar-riskji tal-iżvilupp. Pereżempju din ir-responsabilità tapplika għat-tipi kollha ta' prodotti fil-Finlandja u l-Lussemburgu. Fi Spanja, dan il-mezz ta' difiża ma japplikax fl-azzjonijiet li jirrigwardaw prodotti farmaċewtiċi u oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem. F'pajjiżi oħra, din il-klawżola ma tapplikax għal ċerti prodotti u f'ċirkostanzi partikolari (pereżempju, fi Franza).

Ċerti awtoritajiet nazzjonali (fosthom dawk tal-Bulgarija u ta' Malta, pereżempju) iqisu li hemm lok fejn tiġi riveduta d-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 7, punt e) tad-Direttiva sabiex tħassar dan il-mezz ta' esklużjoni tar-responsabilità. Fl-opinjoni tagħhom, tali eliminazzjoni tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern. Awtoritajiet oħrajn (fosthom dawk tal-Greċja, l-Italja, il-Litwanja jew ir-Renju Unit), jikkalkulaw li din il-klawżola tikkontribwixxi biex iżżomm bilanċ bejn il-ħtieġa li tinkoraġġixxi t-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti innovattivi u l-ħarsien tal-konsumaturi, sakemm tnaqqas l-ispiża tal-assigurazzjonijiet għall-intrapriżi. Dan il-mezz iħeġġeġ l-innovazzjoni teknika u xjentifika mingħajr ma jkabbar in-nefqa finali tal-prodotti.

Ir-rappreżentati tal-industrija u tal-assigurazzjonijiet huma tal-opinjoni li l-esklużjoni ta' dan il-mezz ta' difens se twaqqaf l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta' prodotti ġodda u tkabbar in-nefqa tal-assigurazzjonijiet. Fl-opinjoni tagħhom, il-fatt li din l-esklużjoni ma kelliex effetti importanti la fil-Lussemburgu, u lanqas fil-Finlandja, hija minħabba d-daqs ta' dawn is-swieq. Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi huma favur li jħassru din l-eżenzjoni tar-responsabilità. Huma jinsistu dwar il-fatt li r-responsabilità stretta hija bbażata fuq il-prinċipju li skontu l-persuna li għandha l-benefiċċji ta' attività ġenerali għandha tikkumpensa d-danni kkawżati. Il-produttur għalhekk għandu jinżamm responsabbli anki meta d-danni mġarrba jkunu minħabba riskju li impossibbli jiġi identifikat.

Ċerti rappreżentanti tal-intrapriżi farmaċewtiċi jikkritikaw l-qagħda tal-ġurisprudenza Franċiża li tipprojbixxi li tinvoka r-riskju ta' żvilupp għal prodotti identiċi mpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni bejn l-1988 u l-1998 (data tal-liġi tat-traspożizzjoni). Fl-opinjoni tagħhom, din il-pożizzjoni mhijiex konformi mad-Direttiva minħabba li l-kawża ta' eżenzjoni ma tistax tiġi aċċettata jew rifjutata skont id-data tat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni ta' prodott li madankollu huwa identiku.

- Limitu massimu ta' EUR 500 (l-Artikolu 9)

Id-Direttiva 85/374/KEE tapplika għad-danni kkawżati fuq oġġett ta' użu jew ta' konsum privat apparti l-prodott difettuż innifsu u taħt tnaqqis ta' limitu massimu ta' EUR 500. It-tielet rapport kien stqarr li dan il-limitu massimu kien soġġett għal interpretazzjoni differenti mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali.

Bħalissa, ċerti awtoritajiet nazzjonali esprimew ċerta preferenza għal tnaqqis, jew saħansitra t-tneħħija tal-limitu sabiex jiżguraw ħarsien aktar effiċjenti tal-konsumaturi. B'mod aktar preċiż, l-awtoritajiet Rumeni jissuġġerixxu li jipprevedu limitu massimu bejn EUR 200 u EUR 500 u li jħallu lill-Istati Membri jistabbilixxu l-ammont l-aktar adatt għall-prezzijiet li jintużaw fit-territorji rispettivi tagħhom.

F'dak li jirrigwarda l-partijiet interessati, ir-rappreżentati tal-industrija jqisu li hemm bżonn minn tal-inqas, li jżommu l-livell attwali biex jipprevedu l-kumpens għar-responsabilità stretta biss minn ċertu livell ta' dannu u ma joħonqux it-talbiet dwar danni materjali ta' importanza dgħajfa, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Barra minn hekk, huma jqisu li pjuttost hemm bżonn li jżidu dan il-limitu massimu biex jadattaw għall-inflazzjoni. Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi jitolbu min-naħa l-oħra eliminiazzjoni tal-limitu massimu biex jippermettu l-kumpens tad-danni materjali kollha mġarrba.

3.3. Kwistjonijiet oħrajn dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva

- L-aċċess għall-ġustizzja

Id-Direttiva 85/374/KEE ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja. Il-vittmi għandhom jirrikorru għal soluzzjonijiet ġuridiċi nazzjonali.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-iżvilupp tas-suq intern jeħtieġ aċċess faċli tal-konsumaturi għall-ġustizzja fil-każijiet ta' daqs transkonfinali.

F'dan il-kuntest, sar progress sostanzjali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-modi alternattivi ta' soluzzjoni tal-kunflitt u tal-proċeduri għal talbiet żgħar.

- Il-ġbir u l-iskambju ta' tagħrif

Mill-2001, il-Kummissjoni għandha netwerk ta' esperti nazzjonali (il-"Grupp ta' esperti dwar ir-responsabilità għall-prodotti difettużi") li jgħinha biex tiġbor tagħrif utli u/jew meħtieġ biex tivverifika jekk id-Direttiva taħdimx b'mod sodisfaċenti u, fejn xieraq biex teżamina l-problemi identifikati. Dan in-netwerk ilu ma jiltaqa mill-2004. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-Istati Membri jaħsbu li mhuwiex meħtieġ li jsiru laqgħat perjodiċi biex ikun hemm skambju ta' tagħrif iżda pjuttost li l-grupp jiltaqa' f'każ ta' bżonn għal diskussjoni speċifika. Madankollu, l-Istati Membri l-ġodda huma b'mod ġenerali favur laqgħat regolari sabiex jaqsmu t-tagħrif.

Rigward il-ġabra tat-tagħrif, il- Product Liability Forum of the British Institute of International and Comparative Law għandu bażi ta' dejta dwar ir-responsabilità għall-prodotti difettużi. Din il-bażi hija disponibbli onlajn u tinkludi tagħrif dwar il-leġiżlazzjonijiet u dwar id-deċiżjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tad-Direttiva 85/374/KEE fl-Istati Membru kollha[17].

KONKLUżJONIJIET

Id-Direttiva 85/374/KEE ma għandhiex l-għan li tarmonizza b'mod komplet l-aspetti kollha tal-liġi tar-responsabilità għall-prodotti difettużi fl-UE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni permezz tal-ġurisprudenza tagħha, tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għad-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-implimentazzjoni korretta u uniformi ta' din id-Direttiva.

Fid-dawl tat-tagħrif disponibbli, il-qagħda dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE hija simili għal dik li wieħed kien osserva fir-rapport preċedenti. Madankollu jidher li n-numru ta' rikorsi għal responsabilità fuq il-bażi tad-Direttiva żdied f'ċerti Stati Membri, kif ukoll l-arranġamenti mhux ġudizzjarji konklużi bejn il-vittmi u l-persuna li kkawżat id-dannu bil-għan li tikseb kumpens.

B'mod ġenerali, id-Direttiva tidher bħala żgurar tal-bilanċ bejn il-ħarsien tal-konsumaturi u l-interessi tal-produtturi. Il-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet għal dan ir-rapport jikkonfermaw li d-Direttiva 85/374/KEE hija strument li jagħti possibiltajiet reali ta' rikors għad-danni u kumpens xieraq għall-ħsara kkawżata minn podotti difettużi.

B'kollox, l-esperti nazzjonali u l-partijiet interessati jagħrfu l-importanza li jkun hemm qafas ta' responsabilità bilanċjat li jmexxi r-rapporti bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi u jqisu li d-direttiva tinkludi kompromess li jgħaqqad l-interessi msemmija. Madankollu, id-Direttiva tqajjem opinjonijiet differenti bejn l-atturi kkonċernati f'dak li jirrigwarda l-effiċjenza ta' ċerti dispożizzjonijiet, b'mod partikolari, dawk marbuta mal-piż tal-provi, dwar il-mezz ta' difiża bbażat fuq il-konformità mar-regolamentazzjoni jew dak dwar ir-riskju tal-iżvilupp kif ukoll dwar il-limitu massimu ta' EUR 500. Għall-maġġoranza, dawn id-differenzi diġà kienu ġew żvelati fir-rapport ta' qabel.

B'mod ġenerali, il-konsumaturi jixtiequ ħarsien akbar bl-anqas nefqa, li jimplika pereżempju tħassir tal-limitu massimu. Madankollu, il-produtturi u l-assiguraturi jirreferu għar-riskju li jimmultiplikaw r-rikorsi għal danni ta' ftit importanza u għalhekk iqiegħdu lilhom infushom favur żieda ta' dan. Din id-differenza ta' pożizzjoni tirrifletti wkoll fl-opinjonijiet tal-esperti nazzjonali.

Jidher li filwaqt li d-Direttiva 85/374/KEE tikkontribwixxi għaż-żamma ta' bilanċ bejn l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi fil-każijiet ta' responsabilità għall-prodotti difettużi. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li d-differenzi eventwali ma jipprovokawx ostakli importanti fil-qasam kummerċjali jew tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. B'mod aktar preċiż, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-vittmi jistgħu jistabbilixxu r-rabta tal-kawżalità fil-każijiet meta prodott difettuż joħloq dannu indipendentament mid-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali tal-proċedura. F'dan l-istess sens, hija tqis ukoll li t-tagħrif disponibbli dwar l-effett tad-dispożizzjonijiet dwar il-mezzi ta' difiża jew tal-limitu massimu ta' EUR 500 jippermetti li jiġi konkluż li d-Direttiva toffri livell komuni ta' ħarsien tal-konsumaturi u bażi komuni għar-responsabilità għall-prodotti difettużi.

Filwaqt li wieħed jiftakar li t-tagħrif disponibbli mhuwiex iġġustifikat biżżejjed minn fatti oġġettivi u li l-modifikazzjonijiet kollha ta' dispożizzjoni waħda jew aktar jaffettwaw il-bilanċ ġenerali ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li għadu kmieni li tipproponi, f'dan l-istadju, reviżjoni ta' din id-Direttiva.

Minn issa sar-rapport li jmiss, il-Kummissjoni se ssegwi l-iżvilupp suxxettibbli li jaffettwa dan il-bilanċ, fejn xieraq, permezz ta' evalwazzjoni fid-dettall tal-esperti nazzjonali u tal-partijiet interessati sabiex tidentifika l-problemi u tfittex soluzzjonijiet aċċettabbli għal maġġoranza kbira ta' atturi kkonċernati.

xxx

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jieħdu nota ta' dan ir-rapport.

[1] Id-Direttiva 85/374/KEE tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 21 tas-7.8.1985, p. 29), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 1999, (ĠU L 141 tal-4.6.1999, p. 20) u l-emenda (ĠU L 283 tas-6.11.1999, p. 20).

[2] Id-Direttiva 99/34/KE kienet kabbret il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 84/374/KEE għall-beni li ġejjin mill-agrikoltura u mis-sajd. Min-naħa l-oħra, l-enerġija nukleari hija eskluża b'mod espliċitu mid-direttiva bażika.

[3] Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni kkonfermat bosta drabi li s-sistema prevista fid-Direttiva 85/374/KEE ma teskludix l-applikazzjoni ta' sistemi oħra ta' responsabilità kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, sakemm dawn ikunu bbażati fuq elementi differenti (ara, pereżempju, CJCE, l-10 ta' Jannar 2006, kawża C-402/03, Rett. 2006, p. I-199).

[4] COM(1995) 617) tat-13 ta’ Diċembru 1995; COM(2000) 893 tal-31 ta' Jannar 2001 u COM(2006) 496 tal-14 ta' Settembru 2006.(http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/liability/index_en.htm)

[5] L-Awstrija u l-Latvja infurmaw, pereżempju, fuq numru ta' ftehimiet mhux ġudizzjarji, fosthom il-waqgħa ta' tarbija minn fuq mejda li tbiddel fuqha li ngħalqet (EUR 1 500); il-ħruq tas-saqajn wara l-ksur ta' maqbad tal-idejn ta' apparat biex tagħmel il-fondue (EUR 2 500); l-uġigħ u s-sintomi ta' intossikazzjoni wara l-konsum ta' platt millieġ ikkontaminat minn żerriegħa ta' patata bix-xewk (EUR 1 000) jew ferita gravi wara waqgħa minn siġġu difettuż (EUR 5 000).

[6] QĠUE- Sentenza tal-10 ta' Jannar 2006, kawża C-402/03. Rett. 2006, p. I-199

[7] QĠUE- Sentenza tad-9 ta' Frar 2006, kawża C-127/04. Rett. 2006, p. I -1313

[8] QĠUE- Sentenza tat-2 ta' Diċembru 2009, kawża C-358/08. Rett. 2009, p. I-11305

[9] QĠUE- Sentenza tal-4 ta' Ġunju 2009, kawża C-285/08. Rett. 2009, p. I- 4733

[10] QĠUE- Sentenza tal-25 ta' April 2002, kawża C-52/00. Rett. 2002, p. I-3827

[11] QĠUE- Sentenza tal-14 ta' Marzu 2006, kawża C-177/04. Rett. 2006, p. I-2461

[12] QĠUE- Sentenza tal-5 ta' Lulju 2007, kawża C-327/05. Rett. 2007, p. I-93

[13] Lowells. Product liability in the European Union- A report for the European Commission- (The Lovells Report) 2003.(http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/liability/index_en.htm).

[14] Madankollu, l-Qorti Ingliża tal-Appell kienet iddeċidiet li r-rikorrent ma għandux jagħti prova tal-mekkaniżmu eżatt tad-difett tal-prodott biex jistabbilixxi r-responsabilità tal-produttur fil-każ Ide v.ATB sales (2008, WECA Civ 424)

[15] Fondazione Rosselli. Analysis of the Economic Impact of the Developpement risk Clause as provided by Directive 85/374/EEC on Liability for Defective products. 2004 . Skont dan ir-rapport, il-Finlandja u l-Lussemburgu biss eskludew dan it-tip ta' mezz ta' difiża tal-leġiżlazzjoni tagħhom.(http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/liability/index_en.htm).

[16] QĠUE- Sentenza tad-29 ta' Mejju 1997, kawża C-300/95, Rec.1997,p .I-2649.

[17] www.biicl.org/plf

Top