Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0356

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Tabella ta' valutazzjoni dwar l-għajnuna mill-IstatRapport dwar il-kontribuzzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għall-Istrateġija Ewropa 2020 - Aġġornament Rebbiegħa 2011 -

/* KUMM/2011/0356 finali */

52011DC0356




WERREJ

1. Sommarju eżekuttiv 3

1.1. Ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni 3

1.2. Il-ħarsien ambjentali 4

1.3. L-iżvilupp reġjonali 5

1.4. Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) 5

1.5. Is-settur tal-broadband 6

1.6. L-impjiegi u t-taħriġ 7

2. Daħla 8

3. Għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni 11

3.1. Il-kuntest tal-politika 11

3.2. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I 13

3.3. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I u l-istudji tal-każijiet 15

3.4. In-nefqa fuq ir-R&Ż&I 18

3.5. L-għajnuna mill-Istat u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni 21

3.6. Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I 23

4. Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali 23

4.1. Il-kuntest tal-politika 23

4.2. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali 25

4.3. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-istudji tal-każijiet 26

4.4. In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali 28

4.5. Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-iffrankar tal-enerġija 31

5. Għajnuna mill-Istat għall-Iżvilupp reġjonali 31

5.1. Il-kuntest tal-politika 31

5.2. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali 33

5.3. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna reġjonali u l-istudji tal-każijiet 35

5.4. In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna reġjonali 38

5.5. Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali 39

6. Għajnuna mill-Istat għall-SMEs 40

6.1. Il-kuntest tal-politika 40

6.2. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-SMEs 41

6.3. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs u l-istudji tal-każijiet 43

6.4. In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-SMEs 45

6.5. Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs 47

7. Għajnuna mill-Istat lis-settur tal-broadband 48

7.1. Il-kuntest tal-politika 48

7.2. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-broadband 49

7.3. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-broadband u l-istudju tal-każ 50

7.4. In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat fuq is-settur tal-broadband 52

7.5. Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lis-settur tal-broadband 55

8. Għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ 55

8.1. Il-kuntest tal-politika 55

8.2. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ 58

8.3. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ u l-istudju tal-każijiet 59

8.4. In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ u l-impjiegi 61

8.5. Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ 63

9. Konklużjoni 63

SOMMARJU EżEKUTTIV

Din l-edizzjoni tar-Rebbiegħa tat-Tabella ta’ valutazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tipprovdi ħarsa ġenerali tal-għajnuna mill-Istat fl-oqsma li huma b’mod partikolari rilevanti għall-Istrateġija Ewropa 2020[1]. Dawn l-oqsma huma r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (R&Ż&I), il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp reġjonali, il-broadband, l-SMEs, l-impjiegi u t-taħriġ. Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma, it-Tabella ta’ valutazzjoni tistabbilixxi l-kuntest tal-politika, tiddeskrivi l-qafas legali li taħtu tista’ tingħata l-għajnuna, tipprovdi d-dejta dwar in-numru u t-tip ta’ miżuri deċiżi fil-perjodu 2004-2010 u dwar in-nefqa attwali (sal-2009 inkluża). Din it-Tabella ta’ valutazzjoni hija fuq quddiem dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020. Hija maħsuba li sservi bħala punt ta’ tluq għal aktar analiżi fis-snin li ġejjin, u li tkun ikkumplimentata, fejn hu possibbli, b’analiżi aktar kwalitattiva dwar l-effikaċja tal-miżuri tal-għajnuna.

Ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (R&Ż&I) huma elementi ewlenin fl-isforz biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli. Għalhekk, ir-R&Ż&I tqiegħdu fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Ir-rwol ewlieni tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I huwa li tipprovdi finanzjament, meta s-swieq infushom jonqsu milli jwasslu r-riżultat ottimali minħabba l-imperfezzjonijiet fil-funzjonament tagħhom (b’riżultat ta’ pereżempju esternalitajiet, beni pubbliċi, informazzjoni u koordinament imperfetti u asimettriċi jew fallimenti tan-netwerk). L-għajnuna mill-Istat tista’ tikkontribwixxi biex tiġġenera aktar R&Ż&I biss jekk tindirizza l-fallimenti fis-suq identifikati tajjeb li ma jħallux is-swieq jilħqu l-livelli ottimali ta’ R&Ż&I, u jekk tkun iddisinjata tajjeb biex timminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ u timmassimizza l-effiċjenza tal-infiq. Madankollu, huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-għajnuna mill-Istat hija biss wieħed mill-elementi kumplimentari fil-kaxxa tal-għodda ferm akbar, meħtieġa biex tagħti spinta lir-R&Ż&I, u li ma tistax tissostitwixxi r-riformi meħtieġa biex jiġu ttrattati d-dgħufijiet strutturali f’dan il-qasam speċifiku.

L-UE għad jonqosha tagħmel titjib sinifikanti biex tikseb il-mira tal-infiq tal-Ewropa 2020 ta’ 3% tal-PDG tal-UE fuq ir-R&Ż&I sal-2020. Fl-2009, din iċ-ċifra kienet ta’ 2.01% tal-PDG (madwar EUR 236.5 biljun), l-ogħla livell fl-istorja, iżda ferm anqas mill-mira ta’ 3%. Hemm differenzi kbar ħafna wkoll bejn l-Istati Membri. Is-settur pubbliku kien is-sors tal-fondi għal madwar terz tal-infiq totali fuq ir-R&Ż&I fl-UE (0.65% tal-PDG). L-għajnuna mill-Istat kienet tirrappreżenta sehem relattivament żgħir minn dan it-total (EUR 10.6 biljun, jiġifieri 0.09% tal-PDG fl-2009).

Bejn l-2004 u l-2010, il-Kummissjoni ħadet 426 deċiżjoni finali dwar il-miżuri tar-R&Ż&I li minnhom 413-il miżura kienu approvati bħala kompatibbli, 12-il miżura addizzjonali kienu ddikjarati li ma kellhomx għajnuna mill-Istat u miżura waħda kienet soġġetta għal deċiżjoni negattiva bl-irkupru. Bejn id-dħul fis-seħħ tal-Qafas tar-R&Ż&I[2] fl-1 ta’ Jannar 2007 u l-aħħar tal-2010, il-Kummissjoni approvat 195 skema ta’ għajnuna. Fl-istess perjodu, il-Kummissjoni approvat 44 miżura ta’ għajnuna fir-R&Ż&I addizzjonali individwali jew ad hoc , li minnhom 39 ġew approvati wara l-valutazzjoni ddettaljata.

Skont ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri, aktar minn nofs it-total ta’ EUR 46.5 biljun mogħtija fil-perjodu 2004-2009 għar-R&Ż&I ġew ipprovduti minn żewġ Stati Membri: il-Ġermanja (29%) u Franza (22%). Ħames Stati Membri oħra kienu responsabbli għal terz ieħor mit-total: l-Italja (11%), Spanja (9%), ir-Renju Unit (7%), il-Belġju (5%) u l-Olanda (4%).

L-Istati Membri li huma kkunsidrati li huma fuq quddiem fl-innovazzjoni mhumiex neċessarjament dawk fejn tingħata l-aktar għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I. Fil-fatt, l-evidenza turi li l-livell għoli tal-prestazzjoni f’dan il-qasam mhux marbut direttament mal-livell tal-għajnuna mill-Istat mogħti iżda aktar mal-ambjent xieraq u mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-investiment.

Il-ħarsien ambjentali

L-Istrateġija Ewropa 2020 issottomettiet it-tkabbir sostenibbli, il-promozzjoni ta’ ekonomija li tuża r-riżorsi b’aktar effiċjenza, ekoloġika u kompetittiva, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin għas-snin li ġejjin. B’mod partikolari hija ddefinixxiet dawn il-miri li ġejjin: tnaqqis b’20% tal-emissjonijiet tas-CO2, sehem ta’ 20% għall-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija fl-UE u 20% żieda fl-effiċjenza tal-enerġija.

L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ħarsien ambjentali huwa li jiġi żgurat li l-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jirriżultaw f’livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali milli kieku jseħħ mingħajr l-għajnuna u li jiġi żgurat li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha, notevolment id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-għajnuna mill-Istat tista’ tkun meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ambjentali tal-UE li ma jistgħux jinkisbu permezz tal-inċentivi bbażati fuq is-suq jew permezz tar-regolamentazzjoni.

L-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri taqa’ taħt żewġ kategoriji: (i) għajnuna diretta għall-miżuri ambjentali u (ii) tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali. Fil-perjodu 2004-2010, il-Kummissjoni ħadet 347 deċiżjoni finali dwar il-materja (approvat 320 miżura tal-għajnuna mill-Istat) u l-għadd tal-miżuri eżentati fuq il-bażi tal-eżenzjoni sħiħa kienu jlaħħqu l-219. L-akbar numru ta’ miżuri kien relatat mal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (120 miżura b’eżenzjoni sħiħa).

Fil-perjodu 2004-2009, l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ħarsien ambjentali kienet tlaħħaq EUR 79 biljun fl-UE. Il-Ġermanja u l-Isvezja (permezz tal-eżenzjonijiet mit-taxxa) kienu jammontaw għal 51% u 16%, rispettivament, ta’ dan it-total. Fl-2009, din l-għajnuna mill-Istat, mogħtija fl-UE, kienet tlaħħaq it-EUR 13.2 biljun

L-iżvilupp reġjonali

L-Istrateġija Ewropa 2020 tqiegħed il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-qalba tal-Istrateġija. Attwalment, l-għajnuna reġjonali mill-Istat hija l-għan orizzontali li jirrappreżenta l-akbar sehem mill-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi. Il-kontroll effettiv tal-għajnuna reġjonali mill-Istat hija prekundizzjoni għall-Istati Membri biex iwasslu politiki effiċjenti dwar l-għajnuna reġjonali u biex jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna reġjonali huwa li jippermetti li l-appoġġ nazzjonali jippromwovi l-iżvilupp taż-żoni żvantaġġati fl-UE b’mod li huwa kompatibbli mar-regoli tas-suq intern. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda, b’rikonoxximent tal-ispejjeż addizzjonali speċifiċi li jirriżultaw mil-limitazzjonijiet strutturali li jistgħu jirriżultaw mill-bogħod ġeografiku u d-diffikultajiet li għandhom biex jintegraw fis-suq intern.

Il-kontroll tal-għajnuna reġjonali mill-Istat għandu jkun distint mill-politika tal-Koeżjoni tal-UE. L-għajnuna reġjonali nazzjonali fil-fatt tiffoka aktar fuq iż-żoni żvantaġġati milli fuq il-politika reġjonali tal-UE, li attwalment għandha għanijiet tal-politika usa’ u kopertura spazjali usa’. Hija frazzjoni biss tal-finanzjament tal-politika tal-Koeżjoni li hija koperta mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi l-maġġoranza tal-infiq tal-fondi strutturali jirrelata ma’ attivitajiet li ma jikkwalifikawx taħt id-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, pereżempju l-infrastruttura ġenerali.

Fil-perjodu 2004-2010, il-Kummissjoni adottat 570 deċiżjoni finali dwar il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali. Fl-istess perjodu, l-Istati Membri implimentaw 778 miżura b’eżenzjoni sħiħa għall-iżvilupp reġjonali.

Fil-perjodu 2004-2009, l-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali kienet tlaħħaq EUR 67 biljun, li minnhom EUR 13 biljun ingħataw fl-2009. Kważi nofs (45%) l-għajnuna reġjonali fl-2009 ingħatat permezz ta’ biss ħames miżuri fil-Ġermanja u fi Franza.

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

L-Istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza r-rwol tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea bħala magni tal-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir. L-appoġġ għall-SMEs jikkostitwixxi element importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020. B’mod partikolari, flimkien ma’ dgħufijiet oħra relatati mal-ambjent tan-negozju, l-Istati Membri għandhom jittrattaw id-diffikultajiet speċjali tal-finanzjament ta’ dawn il-kumpaniji. Fejn il-forzi tas-suq waħedhom mhumiex biżżejjed, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jista’ jkollhom rwol supplimentari billi jipprovdu finanzjament pubbliku.

Madankollu, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha attivi fis-suq intern, irrispettivament mill-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tkun viġilanti biex il-miżuri jkunu mmirati sew; tiżgura li l-għajnuna ma tiskoraġġix lill-investituri, ma tiġix investita biex iżżomm kumpaniji ineffiċjenti milli jfallu u ma toħloqx distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Bejn l-2004 u l-2010, il-Kummissjoni ħadet 139 deċiżjoni finali dwar il-miżuri indirizzati esklussivament lejn l-SMEs, li minnhom 108 kienu jikkonċernaw il-kapital ta’ riskju. Tliet Stati Membri kienu responsabbli għal aktar minn nofs tal-miżuri approvati dwar il-kapital ta’ riskju: il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Italja. Il-miżuri l-oħra tal-għajnuna għall-SMEs kienu jikkonċernaw l-aktar il-Ġermanja, l-Awstrija u s-Slovakkja. Il-miżuri li ttieħdu skont ir-regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa[3] (GBER) kienu jlaħħqu madwar 1,500 fil-perjodu 2004–2010. Minn dan it-total, l-għajnuna għall-kapital ta’ riskju (li tista’ tingħata bħala miżuri eżentati fuq il-bażi tal-eżenzjoni sħiħa sa mid-dħul fis-seħħ tal-GBER), hija l-għan ta’ biss 28 miżura.

L-għajnuna totali mill-Istat iffukata fuq l-SMEs kienet tlaħħaq kważi EUR 33 biljun fil-perjodu 2004-2009 (EUR 4.6 biljun fl-2009), li minnhom il-kapital ta’ riskju jirrappreżenta madwar EUR 2.3 biljun. Erba’ Stati Membri kienu responsabbli għal tliet kwarti tal-għajnuna totali tal-SMEs fl-2009: l-Italja (24%), il-Ġermanja (20%), Franza (18%) u r-Renju Unit (14%).

Madankollu, iċ-ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs ma jirriflettux bis-sħiħ l-ammont tal-għajnuna totali attwalment żborżat lil dawn il-kumpaniji għaliex dawn iqisu biss dawk il-miżuri li l-għan primarju tagħhom huwa l-"SMEs" jew il-"kapital ta’ riskju". Għalhekk, kull konklużjonijiet li joħorġu minn din ix-xejra ’l isfel osservata fir-rigward tal-għajnuna totali għall-SMEs għandhom iqisu dik l-avvertenza.

Fir-rigward tal-kapital ta’ riskju, jidher li ħafna mill-għajnuna hija kkonċentrata fir-Renju Unit; l-użu ta’ din l-għażla mill-Istati Membri l-oħra kien kważi negliġibbli

Is-settur tal-broadband

L-Istrateġija Ewropa 2020 enfasizzat l-importanza li jintuża l-broadband biex jippromwovi l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-UE. Hija stabbilixxiet ukoll miri ambizzjużi għall-iżvilupp tal-broadband, kif stabbilit fl-Aġenda Diġitali, pereżempju li l-broadband bażiku jkun disponibbli għall-Ewropej kollha sal-2013 u li jiġi żgurat li, sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal servizz tal-internet ferm aktar veloċi. L-ispejjeż stmati ta’ kull wieħed minn dawk l-għanijiet huma sa EUR 60 biljun għall-ewwel stadju u EUR 270 biljun għat-tieni stadju.

L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-broadband huwa li tiġi promossa l-kompetizzjoni fost il-fornituri tas-servizzi billi jitjiebu l-iżviluppi fl-infrastruttura. Dan huwa maħsub biex jgħin biex jiġi mmassimizzat il-benesseri tal-konsumatur fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi u servizzi aħjar. Dawn l-investimenti se jiġu primarjament mill-operaturi kummerċjali. Madankollu, l-importanza tal-finanzjament pubbliku u l-għajnuna mill-Istat żdiedet b’mod sinifikanti sa mill-2008, meta t-tixrid tal-miżuri tal-għajnuna nazzjonali mill-Istat għall-broadband kien iddisinjat bħala parti integrali mill-istrateġiji komprensivi nazzjonali tal-broadband. Għalhekk l-ammont tal-għajnuna mill-Istat iddedikata għas-settur tal-broadband żdiedet bil-qawwi meta mqabbla mal-medja fil-perjodu 2004-2008.

Bejn l-2004 u l-2010 il-Kummissjoni approvat 64 miżura tal-għajnuna mill-Istat relatati mas-settur tal-broadband, li ħafna minnhom kienu jikkonċernaw ir-Renju Unit. Skont ir-rapporti annwali għall-perjodu 2004–2009, l-Istati Membri diġà implimentaw EUR 368 miljun tal-għajnuna mill-Istat għan-netwerks tal-broadband.

L-użu tal-finanzjament pubbliku jista’ jgħin biex l-aċċess għall-internet b’veloċità għolja jkun disponibbli għal kemm jista’ jkun Ewropej biex jgħinhom jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-soċjetà msejsa fuq l-għarfien. Madankollu, il-finanzjament pubbliku għandu jintuża bil-għaqal fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzati biex tiġi evitata l-eliminazzjoni tal-investimenti privati.

L-impjiegi u t-taħriġ

L-Istrateġija Ewropa 2020 timmira li trawwem ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi b’rata ta’ xogħol ta’ 75%.

L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat f’dan il-qasam huwa li jippermetti l-appoġġ nazzjonali għat-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari għall-ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità. Ir-rwol tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi u t-taħriġ huwa pjuttost limitat għaliex l-għajnuna diretta għall-impjiegi għandha fil-mira tagħha biss il-ħaddiema b’diżabilità u żvantaġġati, filwaqt li l-għajnuna fil-każ tal-għanijiet l-oħra għandha wkoll effetti fuq l-impjiegi, b’mod partikolari fil-każ tal-għajnuna reġjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tradizzjonalment adottat approċċ pożittiv lejn l-għajnuna għall-impjiegi, b’mod partikolari fejn hija intenzjonata li tintuża biex jiġu impjegati individwi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet partikolari biex isibu x-xogħol. Il-Kummissjoni hija ġeneralment pożittiva wkoll fir-rigward tal-għajnuna għat-taħriġ. L-Istati Membri għalhekk qed jiġu mħeġġa, fejn meħtieġ, biex jikkumplimentaw il-pjani nazzjonali tagħhom għall-impjiegi u t-taħriġ bil-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li jkunu mmirati sew.

Il-Kummissjoni approvat total ta’ 51 miżura tal-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ fil-perjodu 2004-2010. Iċ-ċifra kienet baxxa minħabba l-fatt li l-maġġoranza tal-miżuri għat-taħriġ u l-impjiegi kienu introdotti mill-Istati Membri skont ir-regolamenti b’eżenzjoni sħiħa. Matul l-istess perjodu kienu eżentati 1,005 miżuri b’eżenzjoni sħiħa. Kważi 70% tal-miżuri kollha dwar l-impjiegi introdotti skont ir-regolament b’eżenzjoni sħiħa ġew stabbiliti minn ħames Stati Membri: il-Polonja, l-Italja, Spanja, l-Ungerija u l-Ġermanja. Madwar 74% tal-miżuri dwar it-taħriġ skont ir-regolamenti b’eżenzjoni sħiħa ġew implimentati mill-Italja, il-Belġju, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Spanja.

In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ u l-impjiegi flimkien kien jammonta għal madwar EUR 22.3 biljun fil-perjodu 2004-2009, li minnu l-għajnuna għall-impjiegi kienet ta’ EUR 17.5 biljun. L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ u l-impjiegi flimkien kienet tammonta għal madwar EUR 3.4 biljun fl-2009. Id-Danimarka, il-Polonja u l-Italja kienu responsabbli għal 84% tal-għajnuna għall-impjiegi mogħtija fl-2009, filwaqt li l-Italja, il-Ġermanja u Spanja taw nofs it-total tal-għajnuna għat-taħriġ.

DAħLA

Din l-edizzjoni tar-Rebbiegħa tat-Tabella ta’ valutazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat timmira li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri fl-oqsma li huma b’mod partikolari rilevanti għall-Istrateġija Ewropa 2020[4], jiġifieri ir-R&Ż&I, il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp reġjonali, il-broadband, l-SMEs u l-impjiegi u t-taħriġ[5]. Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma, it-Tabella ta’ valutazzjoni tistabbilixxi l-kuntest tal-politika, tiddeskrivi l-qafas legali li taħtu tista’ tingħata l-għajnuna u tipprovdi d-dejta dwar in-numru u t-tip ta’ miżuri deċiżi fil-perjodu 2004-2010 u dwar in-nefqa attwali (sal-2009 inkluża).

Billi l-Istrateġija Ewropa 2020 ġiet imnedija biss fl-2010 u l-aħħar dejta disponibbli dwar in-nefqa tal-għajnuna mill-Istat kienet tirrelata għall-2009, għadu ovvjament kmieni wisq f’dan l-istadju biex jinġibdu konklużjonijiet dwar kif il-politika tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ikkontribwixxiet b’mod konkret għall-għanijiet tal-Ewropa 2020. Madankollu, din it-Tabella ta’ valutazzjoni hija maħsuba bħala l-ewwel edizzjoni li tqiegħed l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, u tista’ sservi bħala punt ta’ tluq għal aktar analiżi fis-snin li ġejjin, u tkun ikkumplimentata fejn possibbli b’analiżi aktar kwalitattiva dwar l-effikaċja tal-miżuri tal-għajnuna.

Meta fl-aħħar ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni, huwa kkonkluda li l-innovazzjoni u l-kompetittività huma fundamentali għall-Istrateġija Ewropa 2020, flimkien mal-ħarsien ambjentali u l-inklużjoni soċjali. Fil-fatt, il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, u l-politika tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat b’mod partikolari, huma elementi fundamentali fl-Istrateġija Ewropa 2020. Il-kompetizzjoni mhijiex it-tmiem fiha nnifisha, iżda aktar mezz kif tiżdied il-kompetittività tas-swieq Ewropej għall-benefiċċju tal-kumpaniji u l-konsumaturi, bir-riżultat ta’ aktar għażla, prodotti aqwa bi prezzijiet aħjar. Il-kompetizzjoni tagħti spinta lill-produttività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

L-għanijiet tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huma: i) li jillimita l-livelli ġenerali tal-għajnuna mill-Istat ("anqas għajnuna”); ii) li jiżgura li fejn tingħata l-għajnuna ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni iżda tindirizza l-fallimenti fis-suq għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha ("għajnuna aħjar"); iii) li b’mod effikaċi jipprevjeni jew jirkupra l-għajnuna mhux kompatibbli; u iv) li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern (l-ebda distorsjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri). Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għandu sinifikanza partikolari fil-kuntest tal-kriżi u tar-restrizzjonijiet baġitarji fl-Istati Membri. Matul il-kriżi, il-Kummissjoni wriet l-adattabbiltà tal-għodda tagħha tal-għajnuna mill-Istat, notevolment billi adottat diversi komunikazzjonijiet immirati lejn il-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi, filwaqt li jipprovdu ċertezza legali, fir-rigward kemm taż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll tal-ekonomija reali.[6]

L-Ewropa 2020 identifikat tliet temi ewlenin:

- Tkabbir intelliġenti: l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni.

- Tkabbir sostenibbli : il-promozzjoni ta’ ekonomija li tuża r-riżorsi b’aktar effiċjenza, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva.

- Tkabbir inklużiv : it-trawwim ta’ ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi li twassal għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Il-politika tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tista’ tikkontribwixxi b’mod importanti għall-kisbiet ta’ dawn it-tliet temi. L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi diversi prijoritajiet li għalihom l-istrumenti tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jintużaw f’taħlita tal-politika biex jikkontribwixxu għal dawn l-"inizjattivi ewlenin" li ġejjin:

1. l-Unjoni tal-innovazzjoni;

2. l-aġenda diġitali għall-Ewropa;

3. Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza;

4. il-politika industrijali li titratta l-globalizzazzjoni[7]; u

5. l-ħiliet u l-impjiegi l-ġodda.

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jimmira li jgħin lill-Istati Membri jimmiraw aħjar l-għajnuna billi jindirizzawha eqreb lejn it-titjib fil-kompetittività u/jew it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u soċjali. Fi kliem ieħor, jimmira li jiżgura li l-għajnuna tindirizza l-fallimenti fis-suq, u ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni mingħajr benefiċċju xieraq li jikkumpensa. Tipikament din l-għajnuna tirrelata mal-għanijiet orizzontali li jitqiesu permezz tal-oqfsa regolatorji speċifiċi u l-linji gwida, inkluż għar-R&Ż, l-innovazzjoni u l-kapital ta’ riskju, l-SMEs, il-ħarsien ambjentali u t-taħriġ. L-oqfsa speċifiċi u l-linji gwida f’dan ir-rigward jgħinu biex jiżguraw li meta l-Istati Membri jintervjenu fis-suq, il-fondi pubbliċi aktarx li jindirizzaw b’mod effettiv il-fallimenti identifikati tas-suq.

L-arkitettura attwali tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq "sistema bi tliet livelli": eżenzjoni ġenerali, valutazzjoni standard u valutazzjoni dettaljata. Il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa jinkludu dawk li huma eżentati min-notifika minn qabel lill-Kummissjoni u li għalhekk jistgħu jiġu implimentati mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Il-miżuri nnotifikati huma, fil-prinċipju, soġġetti għall-valutazzjoni standard. Huwa biss fl-istanzi fejn ma jistgħux jitneħħew id-dubji li titwettaq valutazzjoni dettaljata. Dan l-approċċ b’żewġ livelli jippermetti lill-Kummissjoni li tiffoka l-analiżi tagħha fuq il-miżuri tal-għajnuna li jfixklu l-aktar.

Din l-edizzjoni tar-Rebbiegħa tat-Tabella ta’ valutazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-għajnuna rrappurtata mill-Istati Membri għal kull waħda mill-kategoriji rilevanti tal-għajnuna mill-Istat, billi tqiegħidhom fil-kuntest legali u tal-politika tagħhom. Dan jinkludi l-għajnuna għar-R&Ż&I (Taqsima 3), l-għajnuna ambjentali u għall-iffrankar tal-enerġija (Taqsima 4), l-għajnuna reġjonali u għall-iżvilupp (Taqsima 5), l-SMEs (Taqsima 6), in-netwerks tal-broadband (Taqsima 7) u l-għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ (Taqsima 8).

Iċ-ċifri f’dan ir-rapport huma bbażati fuq ir-rapporti annwali dwar l-iskemi eżistenti mressqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 794/2004[8] u l-Anness III A għal dak ir-Regolament, li jiddefinixxi l-ambitu u l-kontenut tad-dejta li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni[9]. Id-dejta hija bbażata fuq l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri fin-notifiki tagħhom skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 659/1999[10].

Iċ-ċifri dwar in-nefqa relatata mal-għajnuna mill-Istat ma jinkludux il-kontribuzzjonijiet mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Fil-perjodu 2007-2013, dawn il-fondi se jlaħħqu għal madwar 36% tal-baġit tal-UE. Dan jirrappreżenta nfiq ta’ kważi EUR 347 biljun matul il-perjodu kkonċernat, immirat lejn tliet għanijiet: Konverġenza; Kompetittività Reġjonali u l-Impjiegi u l-Kooperazzjoni Territorjali.

Hija frazzjoni biss tal-finanzjament tal-politika tal-Koeżjoni li hija koperta mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi l-maġġoranza tal-infiq jirrelata mal-infrastruttura ġenerali jew mal-attivitajiet mhux ekonomiċi[11]. F’kull każ, ir-rispett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huwa rekwiżit espliċitu biex jittieħed il-benefiċċju tal-Fondi Strutturali.

GħAJNUNA MILL-ISTAT GħAR-RIċERKA, L-IżVILUPP U L-INNOVAZZJONI

Il-kuntest tal-politika

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (R&Ż&I) hija waħda mill-elementi ewlenin fl-isforz biex tisaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli. Għalhekk, ir-R&Ż&I tqiegħdet fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020[12], bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin tagħha.

L-Istrateġija Ewropa 2020 stabbilixxiet il-mira tal-infiq ta’ 3% tal-PDG tal-UE fuq ir-R&Ż sal-2020. Madankollu, tirrikonoxxi wkoll li " mhux l-ammonti assoluti biss minfuqa fuq ir-R&Ż huma li jgħoddu – l-Ewropa għandha bżonn tiffoka fuq l-impatt u l-kompożizzjoni tal-infiq fuq ir-riċerka u ttejjeb il-kundizzjonijiet tar-R&Ż tas-settur privat fl-UE "[13] . Hija tagħmel referenza espliċita għar-rwol tal-politika tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat billi tikkunsidra li tista' " tikkontribwixxi b’mod attiv u pożittiv […] billi tippromwovi u tappoġġja l-inizjattivi għal teknoloġiji aktar innovattivi, effiċjenti u favur l-ambjent, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għall-appoġġ pubbliku għall-investiment, il-kapital ta’ riskju u l-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp "[14]. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat huma element wieħed biss mill-politiki tar-R&Ż&I u li l-għajnuna mill-Istat tikkonċerna biss parti min-nefqa ġenerali fuq ir-R&Ż. Pereżempju, filwaqt li kif innutat mill-analiżi ekonomika riċenti " it-trattament tat-taxxa tar-R&Ż li huwa aktar orjentat lejn l-inċentivi fiskali milli lejn is-sussidji diretti jidher li għandu effett pożittiv fuq il-livell tal-effiċjenza tal-infiq tar-R&Ż fl-Istati Membri kollha tal-UE "[15], l-inċentivi fiskali għar-R&Ż fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jaqgħux fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għaliex jikkostitwixxu miżuri li jaqgħu taħt l-ambitu ġenerali[16].

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "L-inizjattiva ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni"[17] il-Kummissjoni tiddeskrivi dak li fil-fehma tagħha hemm bżonn li jsir sabiex l-innovazzjoni tingħata spinta u l-politika tar-R&Ż&I terġa’ tkun iffukata fuq l-isfidi li taffronta s-soċjetà tagħna, bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, is-saħħa u l-bidla demografika. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 iffokat fuq l-enerġija u l-innovazzjoni u kien hemm qbil fuq għadd ta’ azzjonijiet ta’ prijorità li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tikkontribwixxi kemm lejn it-titjib fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll lejn il-promozzjoni tal-kompetittività tal-Ewropa[18].

L-"Unjoni tal-Innovazzjoni" se tiġi żviluppata flimkien mal-inizjattiva ewlenija dwar "Il-Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni", li tistabbilixxi l-qafas strateġiku għall-appoġġ ta’ bażi industrijali b’saħħitha, diversifikata u kompetittiva fl-Ewropa. Din l-inizjattiva tenfasizza l-importanza tas-swieq kompetittivi bħala l-forza ewlenija wara l-innovazzjoni u l-gwadann mill-effiċjenza u bħala inċentiv għall-kumpaniji biex iżidu l-produttività tagħhom u tenfasizza li r-rwol essenzjali tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li " jiġi evitat it-tgħawwiġ fis-Suq Uniku; barra dan, id-disinn tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kompetittività tal-industrija fl-Ewropa. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat jipprovdu l-qafas li jidderieġi l-investimenti tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fallimenti identifikati fis-suq ." [19] Il-kwistjoni ewlenija hija għalhekk dwar kif l-Istati Membri għandhom jintervjenu biex jilħqu dan l-għan, u dwar x’għandu jkun ir-rwol tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat f’dan ir-rispett.

Barra dan, taħt il-pressjoni tar-restrizzjonijiet baġitarji, l-Istati Membri jridu jżommu l-bilanċ diffiċli bejn l-aġġustament tal-infiq tal-gvern u l-protezzjoni tan-nefqa favur it-tkabbir[20]. Għalkemm l-aktar mod effettiv kif tiġi stimulata l-innovazzjoni huwa bit-trawwim tal-kompetizzjoni u l-miżuri ġenerali li joħolqu l-kundizzjonijiet tajba, l-għajnuna mill-Istat tista’ f’ċertu ċirkostanzi tkun l-għażla xierqa biex tipprovdi inċentivi għall-investiment addizzjonali privat fir-R&Ż&I u biex tindirizza l-fallimenti identifikati fis-suq.

Il-fallimenti tas-suq l-aktar rilevanti għar-R&Ż&I huma l-esternalitajiet pożittivi (fejn il-benefiċċji għas-soċjetà jaqbżu sew il-benefiċċji privati għal intrapriża partikolari li tinvesti fir-R&Ż&I), il-beni pubbliċi (meta r-riżultat ta’ attività partikolari ma jistax jiġi protett biex ikun jista’ jintuża mill-kompetituri tal-intrapriża li oriġinarjament investiet fir-R&Ż&I), l-informazzjoni u l-koordinament imperfetti u asimettriċi u l-fallimenti tan-netwerk. L-għajnuna mill-Istat tista’ tgħin biex tbiddel l-inċentivi tal-kumpaniji privati u tħeġġiġhom jinvestu fir-R&Ż&I.

Madankollu, li kieku l-għajnuna mill-Istat kellha tintuża biex tipproteġi l-intrapriżi nazzjonali, iżżomm il-kumpaniji ineffiċjenti milli jfallu, tgħawweġ il-kompetizzjoni u b’mod artifiċjali żżomm is-swieq frazzjonati dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-livell ġenerali tar-R&Ż&I u fit-tkabbir ekonomiku. Fil-fatt, meta l-kumpanija tirċievi l-għajnuna, il-pożizzjoni tagħha fis-suq ġeneralment tissaħħaħ u l-qligħ fuq l-investiment għall-kompetituri jista’ jitnaqqas. Barra dan, it-tnaqqis tal-inċentiv għall-innovazzjoni fil-livell tal-benefiċjarju jista’ jseħħ meta l-għajnuna tirriżulta f’restrizzjoni baġitarja ssussidjata għall-benefiċjarju. L-għajnuna tista’ twassal ukoll għall-appoġġ tal-kumpaniji ineffiċjenti jew biex tippermetti lill-benefiċjarju li jtejjeb il-prattiċi esklużjonarji jew is-saħħa fis-suq.

Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat tista’ tikkontribwixxi biex tiġġenera aktar R&Ż&I biss jekk tindirizza l-fallimenti tas-suq identifikati tajjeb li jipprevjenu lis-swieq milli jilħqu l-livelli ottimali tar-R&Ż&I, u jekk tkun iddisinjata tajjeb, tiżgura li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ jiġu mminimizzati u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku tiġi mmassimizzata (din hija illustrata mill-eżempju tal-Proġett Gaya, kif deskritt fil-kaxxa fil-paragrafu 3.3.).

Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-għajnuna mill-Istat hija biss waħda mill-elementi fil-kaxxa tal-għodda ferm akbar meħtieġa biex tingħata spinta lir-R&Ż&I. L-għajnuna mill-Istat ma tistax tieħu post ir-riformi meħtieġa biex jiġu ttrattati l-fallimenti strutturali f’dan il-qasam speċifiku.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I

Ir-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I ġew riveduti fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Lisbona, wara li ġie rikonoxxut li l-livell tar-R&Ż&I ma kienx ottimali għall-ekonomija. L-għan tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I huwa li tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell tal-investimenti privati f’dan il-qasam li jwasslu, fl-aħħar mill-aħħar, għal tkabbir akbar fl-Unjoni .

Il-Qafas dwar ir-R&Ż&I[21] tal-2006 u r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa[22] tal-2008 jiffurmaw il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I. Din is-sena l-Kummissjoni se twettaq reviżjoni tal-Qafas f’nofs il-perjodu, billi tqis l-esperjenza tal-każijiet riċenti u provviżorjament tidentifika l-aġġustamenti prattiċi li għandhom jiġu kkunsidrati għar-reviżjoni tal-Qafas fl-2013.

Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa

Ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER), f’konformità mal-Qafas, jinkludi r-R&Ż u l-miżuri tal-innovazzjoni.

Dawn il-miżuri li ġejjin huma inklużi fil-GBER: għajnuna għall-proġetti tar-R&Ż, għajnuna għall-istudji dwar il-fattibilità teknika, għajnuna biex tkopri l-ispejjeż tal-SMEs għad-drittijiet tal-propjetà industrijali, għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar innovattivi li għadhom fil-bidu, għajnuna għas-servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni u għas-servizzi li jagħtu appoġġ lill-innovazzjoni, għajnuna għas-self ta’ persunal bi kwalifiki għoljin u għajnuna għar-R&Ż fis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd.

Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I

Il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw meta jagħtu l-għajnuna biex jippromwovu r-R&Ż&I, iżda madankollu jippermetti lill-Istati Membri li jfasslu l-appoġġ tagħhom għar-R&Ż&I skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom. L-għan tal-Qafas tal-2006 huwa li jagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri li jimmiraw aħjar l-għajnuna għall-fallimenti rilevanti tas-suq. Jagħti attenzjoni kbira għall-bżonnijiet tal-SMEs, li huma l-aktar affettwati mill-fallimenti tas-suq iżda joffri wkoll ħafna possibbiltajiet għall-intrapriżi l-kbar li jirċievu l-appoġġ, meta tassew iġġustifikat. L-għajnuna mill-Istat għandha twassal lir-riċevitur tal-għajnuna li jbiddel l-imġiba tiegħu sabiex iżid il-livell tiegħu tal-attivitajiet tar-R&Ż&I.

Il-Qafas ikopri miżuri tal-għajnuna mill-Istat għal varjetà ta’ attivitajiet tar-R&Ż&I: għajnuna għall-proġetti tar-R&Ż, għajnuna għall-istudji dwar il-fattibilità teknika, għajnuna biex tkopri l-ispejjeż tal-SMEs għad-drittijiet tal-propjetà industrijali, għajnuna għall-intrapriżi innovattivi li għadhom fil-bidu, għajnuna għall-innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni tas-servizzi, għajnuna għas-servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni u għas-servizzi li jagħtu appoġġ lill-innovazzjoni, għajnuna għas-self ta’ persunal bi kwalifiki għoljin, u għajnuna għal raggruppamenti tal-innovazzjoni. Fih ukoll regoli speċifiċi għall-agrikoltura u s-sajd.

L-applikazzjoni tar-regoli hija bbażata fuq analiżi ekonomika raffinata. Il-miżuri li jinkludu livelli għoljin ta’ għajnuna, li għandhom l-akbar potenzjal li jgħawġu l-kompetizzjoni u l-kummerċ, huma soġġetti għall-valutazzjoni dettaljata filwaqt li l-miżuri li jinvolvu livelli aktar baxxi ta’ għajnuna huma soġġetti għall-valutazzjoni aktar ħafifa fuq il-bażi tar-regoli per se u jistgħu anke jiġu eżentati mill-obbligu tan-notifika minn qabel skont il-GBER.

Fil-każ tal-proġetti tar-R&Ż, il-Qafas jiddistingwi tliet kategoriji ta' għajnuna, b’dan jiddependi fuq jekk it-tip tar-riċerka hijiex aktar jew anqas remota mis-suq: riċerka fundamentali, riċerka industrijali u żvilupp sperimentali, fuq l-istess linja pprovduta fil-Manwal Frascati dwar il-Kejl tal-Attivitajiet Xjentifiċi u Teknoloġiċi[23]. Dan jippermetti intensitajiet differenti ta’ għajnuna skont l-importanza tan-nuqqasijiet tas-suq li l-proġetti tar-riċerka jiffaċċjaw.

Barra dan, tingħata gwida dwar jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex involuta fil-proġetti tar-R&Ż&I mwettqa kemm mill-kumpaniji kif ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka ffinanzjati pubblikament. Dan żied iċ-ċertezza legali għall-organizzazzjonijiet tar-riċerka u għall-attivitajiet tar-riċerka kuntrattwali jew kollaborattivi tagħhom, liema ċertezza għandha ttejjeb ir-rwol tal-entitajiet pubbliċi tar-riċerka, u tiffaċilita l-kollaborazzjoni pubblika-privata.

Il-kompatibbiltà tal-għajnuna soġġetta għall-valutazzjoni dettaljata

Minħabba r-riskju ogħla tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, meta l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skema tal-għajnuna għal benefiċjarju uniku tkun taqbeż limiti speċifiċi stabbiliti mill-Qafas, hija meħtieġa notifika individwali. Il-valutazzjoni tal-għajnuna titwettaq skont il-Qafas u timmira li tanalizza l-effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kontribuzzjoni tal-proġett tar-R&Ż għall-għanijiet tal-interess komuni.

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I u l-istudji tal-każijiet

Bejn l-2004 u l-2010, il-Kummissjoni Ewropea ħadet 426 deċiżjoni finali dwar il-miżuri tar-R&Ż&I, inkluż 12-il deċiżjoni li m’hemmx għajnuna u 413-il deċiżjoni ta’ kompatibbiltà. Il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni waħda parzjalment negattiva bl-irkupru (każ C31/2004 Schiefergruben Magog (Il-Ġermanja)). Fl-2004, in-numru ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat approvati kienu 38. Dan żdied għal madwar 70 fis-sena fis-sentejn ta’ wara l-aktar minħabba l-fatt li ġew inklużi Stati Membri ġodda fit-total u ż-żieda fin-numru tal-każijiet Ġermaniżi.

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Qafas tar-R&Ż&I fl-1 ta’ Jannar 2007 u sal-aħħar tal-2010, il-Kummissjoni approvat 195 skema ta’ għajnuna mill-Istat, li minnhom 143 kienu skemi ta’ R&Ż puri, 14 kienu skemi orjentati lejn l-innovazzjoni u 38 kienu miżuri mħallta, li jfittxu li jiksbu kemm għanijiet tar-R&Ż kif ukoll tal-innovazzjoni. Fl-istess żmien, il-Kummissjoni approvat 44 applikazzjoni għall-skema addizzjonali individwali jew miżuri tal-għajnuna għar-R&Ż ad hoc , li minnhom 39 ġew approvati wara valutazzjoni dettaljata (inkluż żewġ miżuri li fil-każ tagħhom twettqu proċeduri ta’ investigazzjoni formali)[24]. Barra dan, hija ssorveljat total ta’ 192 miżura individwali mogħtija fuq il-bażi ta’ skemi ta’ għajnuna approvati li jeċċedu EUR 3 miljun iżda mhumiex notifikabbli individwalment.

L-għadd ta’ miżuri approvati skont il-Qafas tar-R&Ż&I kienu inizjalment jammontaw għal 64 fl-2007, livell simili għal dak osservat fis-snin ta’ qabel, iżda dan żdied għal madwar 110 fl-2008, l-aktar minħabba l-għadd sinifikanti ta’ miżuri Ġermaniżi (26) u Spanjoli (24). Fl-aħħar sentejn, ġie osservat tnaqqis sinifikanti. Madwar 40 miżura ġew approvati fl-2009 u madwar 30 fl-2010. Dan il-fenomenu jista’ jiġi spjegat ukoll bl-introduzzjoni tal-GBER fit-tieni nofs tal-2008, li ppermetta li l-għajnuna għar-R&Ż&I tingħata mingħajr l-iskrutinju ex ante tal-Kummissjoni[25].

L-għadd ta’ miżuri tar-R&Ż&I b’eżenzjoni sħiħa introdotti mill-Istati Membri matul l-istess perjodu (2004-2010) kienu jlaħħqu l-559[26]. Kważi 60% ta’ dawn il-miżuri kollha ġew introdotti minn erba’ Stati Membri: l-Italja (109), il-Polonja (79), Spanja (73) u l-Ġermanja (67).

Ix-xejra tal-miżuri tar-R&Ż&I fil-perjodu 2004-2010 qed tintwera fil-grafika t’hawn taħt:

[pic]

Fir-rigward tat-tip tal-attivitajiet appoġġjati mill-miżuri tar-R&Ż&I b’eżenzjoni sħiħa mdaħħla fis-seħħ skont il-GBER, 100 kienu jipprovdu l-għajnuna għar-riċerka fundamentali, 299 għar-riċerka industrijali u 290 għall-iżvilupp sperimentali. Fir-rigward tal-għanijiet tal-GBER, 109 miżuri kienu jirreferu għad-drittijiet tal-propjetà industrijali għall-SMEs, 54 għall-intrapriżi innovattivi li għadhom jibdew, 115 għall-istudji tal-fattibilità teknika, 79 għall-konsulenza dwar l-innovazzjoni u servizzi ta’ appoġġ, 54 għar-R&Ż fis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd u 39 għas-self ta’ persunal bi kwalifiki għolja.

Il-kaxxa t’hawn taħt tipprovdi eżempji ta’ miżuri implimentati f’żewġ Stati Membri biex jagħtu spinta lill-investimenti tar-R&Ż&I. L-ewwel waħda hija miżura eżentata b’mod sħiħ implimentata minn Spanja u indirizzata lejn is-settur tal-karozzi u t-tieni waħda hija għajnuna individwali Franċiża li tikkonċerna t-teknoloġiji għall-bijokarburanti tal-magni li tinkludi ċertu miżuri ta’ kumpens biex jegħlbu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-pjan tal-kompetittività tas-settur tal-karozzi (X 59/2009, Spanja)

Fl-2009, Spanja kkomunikat lill-Kummissjoni miżura b’eżenzjoni sħiħa mmirata lejn titjib fil-kompetittività tas-settur tal-karozzi. Dan kien ikopri l-għajnuna għall-finijiet ambjentali, għar-R&Ż u għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni u għat-taħriġ. Il-baġit ġenerali kien ta’ EUR 800 miljun għall-finanzjament tal-investimenti li twettqu fl-2009.

Fir-rigward tar-R&Ż&I, l-għajnuna setgħet tingħata għall-iżvilupp sperimentali u għall-istudji tal-fattibilità teknika. Il-benefiċjarji jistgħu jkunu l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-GBER, l-SMEs ibbenefikaw minn bonus skont l-intensità tal-għajnuna. L-għajnuna ngħatat fil-forma ta’ għotjiet u self issussidjat.

Fl-2009, l-għajnuna taħt din l-iskema (EUR 194 miljun) kienet tirrappreżenta aktar minn żewġ terzi tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I mogħtija fi Spanja taħt il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa u madwar 20% tal-għajnuna totali għar-R&Ż&I mogħtija fl-UE skont il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa.

Il-Proġett Gaya (N 493/2009, Franza)

Fl-2009, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li timplimenta l-programm ta’ riċerka "GAYA" immirat li jiżviluppa t-teknoloġiji għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti għall-magni tat-tieni ġenerazzjoni. Il-grupp GDF SUEZ, il-mexxej tal-proġett, u s-sħab tiegħu ppjanaw li jiżviluppaw impjant ta’ dimostrazzjoni tar-R&Ż pre-industrijali biex jiġu ttestjati l-proċessi ta’ gassifikazzjoni/metanazzjoni tal-bijomassa tul il-katina tal-produzzjoni kollha. Dan l-impjant huwa intenzjonat li jintuża bħala parti mill-programm kollaborattiv tar-R&Ż għall-użu fi stadju industrijali sussegwenti. Il-baġit totali mistenni kien ta’ EUR 46.5 miljun għat-tul tas-7 snin tal-proġett.

Wara eżaminazzjoni profonda, fl-2010 il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna ta’ EUR 18.9 miljun għall-programm. Hija sabet li l-proġett tar-R&Ż kien se jiġġenera benefiċċji sostanzjali f’termini tad-disseminazzjoni tal-għarfien xjentifiku u l-ħarsien ambjentali, tal-ippjanar fl-użu tal-art, u tat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija. Madankollu, billi l-benefiċċji kummerċjali potenzjali tal-proġett GAYA ma kinux mistennija qabel l-2020-2030, il-proġett kien jeħtieġ il-finanzjament pubbliku. Il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari kkonċernata dwar jekk l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali fil-ġejjieni bejn il-GDF Suez u l-korpi tar-riċerka fi sħab miegħu kinitx se tgħawweġ il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq tal-bijometan fil-ġejjieni. GDF Suez qabel li jċedi d-drittijiet esklussivi li setgħu jingħataw lilu mis-sħab tiegħu fuq it-teknoloġiji tagħhom. Id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-għajnuna għalhekk se jibqgħu limitati, b’mod partikolari għaliex l-impjant tad-dimostrazzjoni tal-ġejjieni se jkun miftuħ għal partijiet interessati oħra fis-settur. Finalment, il-preżenza ta’ kompetituri ewlenin Ewropej u l-fatt li l-proġett kien differenti minn teknoloġiji mistennija oħra għamluha possibbli li tinżamm pressjoni kompetittiva fis-swieq tal-enerġija. L-għajnuna ngħatat taħt l-iskema tal-għajnuna tal-Aġenzija Franċiża tal-Ġestjoni tal-Ambjent u l-Enerġija li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni f’Marzu 2010.

In-nefqa fuq ir-R&Ż&I

Kif imsemmi hawn fuq, l-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tipprevedi mira mifruxa mal-UE ta’ 3% tal-PDG tal-UE (in-nefqa pubblika u privata, flimkien) li qed tiġi investita fir-R&Ż&I.

Fl-2009, in-nefqa għar-R&Ż fl-UE kienet f’livell rekord ta’ 2.01% tal-PDG (madwar EUR 236.5 biljun),[27] ftit ogħla minn dak tal-2008 (1.92%) iżda xorta ’l bogħod mil-livell ta’ mira stabbilit mill-Istrateġija Ewropa 2020[28].

Hemm differenzi kbar ħafna wkoll bejn l-Istati Membri. Filwaqt li tliet Stati Membri qabżu l-mira ta’ 3%[29], kienu biss tliet Stati Membri oħra li qabżu l-medja tal-UE[30] u disa’ Stati Membri[31] lanqas biss laħqu l-1% tal-PDG bin-nefqa pubblika u privata flimkien tagħhom fuq ir-R&Ż.

Is-settur tal-gvern kien is-sors tal-fondi għal madwar terz tan-nefqa totali fuq ir-R&Ż fl-UE (0.65% tal-PDG). L-għajnuna mill-Istat kienet tirrappreżenta sehem relattivament żgħir minn dan it-total (13%), li jammonta għal EUR 10.6 biljun jew 0.09% tal-PDG fl-2009 (il-medja tal-UE). Disa’ Stati Membri taw għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I ta’ aktar mill-medja tal-UE: il-Belġju (0.22%), is-Slovenja (0.19%), ir-Repubblika Ċeka (0.18%), il-Lussemburgu (0.16%), il-Finlandja (0.14%), Spanja (0.13%), Franza (0.11%), l-Awstrija (0.11%) u l-Ungerija (0.10%). Minn naħa l-oħra, sitt Stati Membri (Ċipru, is-Slovakkja, il-Greċja, il-Latvja, il-Polonja u l-Estonja) taw biss 0.01% jew anqas mill-PDG tagħhom bħala għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I.

Kważi 60% tat-total tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I fl-2009 ingħata minn tliet Stati Membri: il-Ġermanja (EUR 2.5 biljun, 24% tat-total tal-UE), Franza (EUR 2.2 biljun, 20%) u Spanja (EUR 1.4 biljun, 13%).

[pic]

L-għajnuna b’eżenzjoni sħiħa rrappurtata bħala għajnuna għar-R&Ż&I kienet tlaħħaq madwar EUR 1 biljun. Dan kien jirrappreżenta 9% tal-għajnuna totali mogħtija għall-istess għan. Spanja (EUR 282 miljun), l-Italja (EUR 267 miljun) u l-Belġju (kważi EUR 130 miljun) għamlu l-aktar użu minn dan l-istrument. L-Istati Membri ġeneralment użaw erba’ għanijiet (minn disgħa) tal-GBER f’dan il-qasam: l-iżvilupp sperimentali (Art. 31.2.c GBER, EUR 428 miljun), ir-riċerka industrijali (Art. 31.2.b GBER, EUR 312 miljun), l-istudji tal-fattibilità teknika (Art. 32 GBER, EUR 65 miljun) u l-għajnuna għall-ispejjeż tad-drittijiet tal-propjetà industrijali għall-SMEs (Art. 33 GBER, EUR 53 miljun).

Fl-2009, l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I ingħatat skont madwar 420 miżura (li minnhom 137 kienu b’eżenzjoni sħiħa) iżda l-akbar sitt skemi (kollha approvati mill-Kummissjoni) kienu jgħoddu kwart tan-nefqa totali. Dawn il-miżuri flimkien ma’ 13-il skema oħra (tnejn minnhom b’eżenzjoni sħiħa) kienu jammontaw għal kważi nofs it-total tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I mogħtija fl-UE. Fost dawn l-aqwa 19-il miżura, kien hemm 5 Franċiżi, 3 Ġermaniżi, 3 Spanjoli, 3 Taljani, 2 Brittaniċi, 1 Belġjana, 1 Finlandiża u skema 1 Awstrijaka.

Fuq perjodu fit-tul, ix-xejra turi żieda soda fl-għajnuna fir-R&Ż&I kemm f’termini relattivi kif ukoll nominali. Din żdiedet bejn l-2004 u l-2009 minn 0.05% (EUR 5.7 biljun) tal-PDG tal-UE għal 0.09% fl-2009. F’dan il-perjodu, aktar minn nofs it-total ta’ EUR 46.5 biljun ta’ għajnuna għar-R&Ż&I mogħtija ntefqet minn żewġ Stati Membri: il-Ġermanja (29%) u Franza (22%) filwaqt li ħames Stati Membri kienu jgħoddu għal terz ieħor mit-total: l-Italja (11%), Spanja (9%), ir-Renju Unit (7%), il-Belġju (5%) u l-Olanda (4%).

L-Istati Membri taw b’mod predominanti l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I skont l-iskemi aktar milli permezz tal-miżuri individwali ad hoc . Fl-2009, l-għajnuna mill-Istat mogħtija skont l-iskemi kienet tlaħħaq it-98% tat-total filwaqt li l-miżuri ad hoc kienu responsabbli għall-bqija ta’ 2%. Dawn il-proporzjonijiet baqgħu stabbli matul dawn l-aħħar sitt snin.

Fir-rigward tal-istrumenti tal-għajnuna, l-aktar użati b’mod frekwenti fl-2009 kienu l-għotjiet diretti (madwar 80% tat-total) segwiti mis-self issussidjat[32] (11%) u l-eżenzjonijiet fiskali (9%). L-istrumenti l-oħra, bħall-parteċipazzjonijiet f’ishma, id-diferimenti fiskali jew il-garanziji m’għandhom l-ebda rwol importanti. Spanja u Franza kienu responsabbli għal aktar minn 70% tal-għajnuna fil-forma ta’ self issussidjat filwaqt li l-Belġju u r-Renju Unit kienu jammontaw flimkien għal kważi 85% tal-eżenzjonijiet fiskali għar-R&Ż&I.

L-għajnuna mill-Istat u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni

Meta jiġu pparagunati l-livelli tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri[33] mal-prestazzjoni tagħhom fl-innovazzjoni[34], jiġi osservat li m’hemmx rabta diretta bejn iż-żewġ varjabbli. L-indikatur tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni huwa magħmul minn ħafna dimensjonijiet li jinkludu, flimkien mal-livell tan-nefqa fuq ir-R&Ż (pubblika u privata), pereżempju l-livell tal-kisba tal-edukazzjoni miż-żgħażagħ, l-aċċess mill-kumpaniji għall-broadband, it-trademarks komunitarji għal kull miljun tal-popolazzjoni. Dawn id-dimensjonijiet kollha jikkontribwixxu għall-prestazzjoni tal-innovazzjoni ta’ pajjiż. Dan juri l-għażliet differenti li għandhom l-Istati Membri biex jiskattaw ir-R&Ż&I; l-għajnuna mill-Istat hija biss waħda mill-għodda disponibbli.

L-Istati Membri bħall-Isvezja, il-Ġermanja jew id-Danimarka, li huma fil-grupp tal-mexxejja tal-innovazzjoni, taw l-għajnuna mill-Istat (f’termini relattivi, bħala perċentwali tal-PDG) daqs jew taħt il-medja tal-UE. Madankollu, il-Finlandja – mexxej tal-innovazzjoni wkoll – tat għajnuna mill-Istat aktar mill-medja tal-UE. F’dawn il-każijiet kollha, in-nefqa tal-gvern fuq ir-R&Ż&I kienet aktar mill-medja tal-UE[35].

[pic]

Fost il-grupp tal-pajjiżi li jsegwu l-innovazzjoni, f’ħafna mill-Istati Membri, il-livell tal-għajnuna mill-Istat huwa ogħla jew qrib il-medja tal-UE (0.09% tal-PDG fl-2009). Huma biss ir-Renju Unit, l-Estonja u Ċipru li wrew sehem baxx tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I (taħt nofs il-medja tal-UE). Minbarra l-Ungerija, Spanja u r-Repubblika Ċeka li taw l-għajnuna ’l fuq mill-medja tal-UE, il-bqija tal-pajjiżi fil-gruppi tal-innovaturi moderati jew modesti taw livelli baxxi ta’ għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I (taħt il-medja tal-UE).

Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I

L-Ewropa għad jonqosha tagħmel progress importanti biex tikseb il-mira Ewropea tal-infiq ta’ 3% tal-PDG tal-UE fuq ir-R&Ż&I sal-2020. Il-mira kwantitattiva għandha tkun akkompanjata wkoll minn riformi strutturali li jtejbu l-ambjent u l-kundizzjonijiet ġenerali għar-riċerka u l-iżvilupp tas-settur privat. Fl-"Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni", il-Kummissjoni tiddeskrivi dak li fil-fehma tagħha l-Ewropa għandha tagħmel biex ittejjeb il-kundizzjonijiet u l-aċċess għall-finanzi għar-R&Ż&I, biex tiffaċċja l-isfidi l-ġodda tas-soċjetà tagħna u biex tiżgura li l-ideat innovattivi jitbiddlu fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jipprovdu sett ta’ għodda addizzjonali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Ir-rwol ewlieni tal-għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I huwa li tipprovdi l-finanzjament meta s-swieq infushom ma jilħqux il-livelli ottimali tar-R&Ż&I minħabba l-imperfezzjonijiet fil-funzjonament tagħhom. L-Istati Membri li huma kkunsidrati li huma fuq quddiem fl-innovazzjoni mhumiex neċessarjament dawk fejn tingħata l-aktar għajnuna mill-Istat għar-R&Ż&I.

GħAJNUNA MILL-ISTAT GħALL-ħARSIEN AMBJENTALI

Il-kuntest tal-politika

Ir-riżorsi naturali jsostni l-funzjonament tal-ekonomija Ewropea u globali u l-kwalità tal-ħajja tagħna. L-użu intensiv tar-riżorsi tad-dinja jitfgħu pressjoni fuq il-pjaneta tagħna u jheddu s-sigurtà tal-provvista ta’ dawk ir-riżorsi. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ bidla fl-użu attwali tar-riżorsi favur l-ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi, b’karbonju baxx għall-kisba ta’ tkabbir sostenibbli.

F’dan l-isfond, l-Istrateġija Ewropa 2020 enfasizzat it-"tkabbir sostenibbli"[36] bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha għas-snin li ġejjin; ġew stabbiliti miri konkreti[37] u qafas għal azzjonijiet fuq żmien twil huwa provdut fl-inizjattiva ewlenija għal "Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza".

Il-qafas fuq żmien twil jipprevedi taħlita ta’ azzjonijiet koordinati f’għadd ta’ oqsma[38], li jappoġġja aġendi għal bidla fil-klima, l-enerġija[39], it-trasport, l-industrija, il-materja prima, l-agrikoltura, is-sajd, il-bijodiversità u l-iżvilupp reġjonali li għandhom jikkontribwixxu għal:

- Titjib fil-prestazzjoni ekonomika filwaqt li jitnaqqas l-użu tar-riżorsi;

- Identifikazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal tkabbir ekonomiku u iżjed innovazzjoni u titjib fil-kompetittività tal-UE;

- Żgurar tas-sigurtà tal-provvista ta’ riżorsi essenzjali;

- Ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-limitazzjoni tal-impatti ambjentali tal-użu tar-riżorsi.

Ħafna minn dawn l-għanijiet huma mmirati permezz ta’ miżuri regolatorji jew ġenerali li ma jirrikjedux għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 191 TFUE[40], l-azzjonijiet ambjentali tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni li d-danni ambjentali bħala prijorità għandhom jiġu kkoreġuti f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas, li jimplika l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż ambjentali minn min iniġġeż u għaldaqstant ma tinvolvix għajnuna mill-Istat.

Fil-fatt, kif tistqarr l-inizjattiva "Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza", " ir-riżorsi spiss jintużaw b’ineffiċjenza għax l-informazzjoni dwar l-ispejjeż veri għas-soċjetà tal-konsum tagħhom ma tkunx disponibbli bil-konsegwenza li n-negozji u l-individwi ma jkunux jistgħu jadattaw l-imġiba tagħhom b’dan il-mod ". F’ċertu każijiet, fin-nuqqas ta’ intervent governattiv, l-intrapriżi jistgħu jevitaw li jġorru l-ispiża sħiħa tad-dannu ambjentali li tirriżulta mill-attivitajiet tagħhom u b’konsegwenza ta’ dan, is-suq jonqos milli jalloka r-riżorsi b’mod effiċjenti, li jirriżulta f’kumpaniji li ma jbiddlux l-imġiba tagħhom lejn aktar ħarsien ambjentali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista’ sservi biex tirrispondi għan-nuqqas tas-suq konness mal-esternalitajiet ambjentali negattivi.

Inċentivi biex il-kumpaniji jżidu l-ħarsien ambjentali u jinternalizzaw l-ispejjeż tagħhom jistgħu jiġu introdotti pereżempju permezz ta’ strumenti bbażati fuq is-suq[41] (minn hawn ’il quddiem, MBI, pereżempju tassazzjoni) u/jew regolamentazzjoni (pereżempju standards obbligatorji tal-UE). L-appoġġ pubbliku, inkluża l-għajnuna mill-Istat, jista’ jkollu rwol meta n-nuqqasijiet tas-suq jipprekludu l-kumpaniji milli jiksbu iżjed ħarsien ambjentali u meta ma jistgħux jintużaw l-istrumenti l-oħra bbażati fuq is-suq[42].

L-għan ewlieni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ħarsien ambjentali[43] huwa li jiġi żgurat li l-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jirriżultaw f’livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali milli kieku jseħħ mingħajr l-għajnuna u li jiġi żgurat li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha, notevolment id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali

Il-Linji gwida attwali[44] li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali kienu parti mill-Pakkett dwar it-Tibdil fil-Klima 2008. Ġew abbozzati biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-politiki ambjentali u tal-enerġija tal-UE. Dawn ġew kumplimentati mill-GBER li inkluda għall-ewwel darba f’regolament b’eżenzjoni sħiħa, dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ħarsien ambjentali.

Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali

Taħt il-Linji gwida attwali dwar l-Għajnuna Ambjentali mill-Istat, li daħlu fis-seħħ f’April 2008, il-Kummissjoni telabora dwar ir-regoli tal-kompatibbiltà billi tikkunsidra xi miżuri tas-soltu ta’ għajnuna għall-ħarsien ambjentali. Tipi oħra ta’ miżuri tal-għajnuna jistgħu jiġu ddikjarati wkoll bħala kompatibbli iżda jiġu vvalutati direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107 TFUE (test ta’ bbilanċjar bejn l-effetti pożittivi u negattivi).

Pereżempju, il-linji gwida jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u koġenerazzjoni b’effiċjenza tal-enerġija billi jippermettulhom li jagħtu għajnuna operattiva lil kumpaniji li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli jew CHP (koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku), li tkopri d-differenza sħiħa bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq. Barra minn hekk, hemm dispożizzjonijiet għall-għajnuna għal adattament minn kmieni għal standards tal-UE, għajnuna għal studji ambjentali, għajnuna għal tisħin distrettwali, għajnuna għal ġestjoni tal-iskart u għajnuna nvoluta fi skemi ta’ permessi negozjabbli.

Fir-rigward tat-tnaqqis fit-taxxa, il-linji gwida jiddikjaraw it-tnaqqis fit-taxxa tal-enerġija kompatibbli sakemm wara t-tnaqqis, il-kumpaniji kkonċernati jħallsu mill-anqas il-livell tat-taxxa minimu tal-UE (u dan it-tnaqqis fit-taxxa għandu eżenzjoni ġenerali sħiħa, ara hawn taħt). Meta l-kumpaniji ma jħallsux tal-anqas il-minimu tal-UE, l-eżenzjonijiet mit-taxxa xorta jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern iżda l-Istat Membru jrid juri li dawn ma jimminawx l-għan tal-ħarsien ambjentali ġenerali tat-taxxa u li dawn id-derogi huma meħtieġa u proporzjonali.

Il-linji gwida jipprevedu valutazzjoni standard u valutazzjoni dettaljata. Miżuri li jinkludu l-għajnuna għall-investiment jammontaw għal iżjed minn EUR 7.5 miljun għal kull benefiċjarju, u miżuri tal-għajnuna operattivi b’limitu speċifiku, li għandhom l-akbar potenzjal li jgħawġu l-kompetizzjoni u n-negozju, huma suġġetti għal valutazzjoni dettaljata.

Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)

Il-GBER jinkludi għall-ewwel darba f’regolament b’eżenzjoni sħiħa dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-għajnuna għal ħarsien ambjentali u l-iffrankar tal-enerġija. Ir-regoli huma allinjati bil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal ħarsien ambjentali. Differenza notevoli bejn il-linji gwida u l-GBER hija madankollu li l-GBER b’mod ġenerali jipprevedi metodoloġija tal-kalkolu tal-ispejjeż simplifikata.

Ir-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet li jagħtu numru ta’ miżuri tal-għajnuna li jiffavorixxu l-ħarsien ambjentali jew li jikkombattu t-tibdil fil-klima taħt ċertu kundizzjonijiet. Dawn il-miżuri jinkludu, fost oħrajn, investimenti fl-iffrankar tal-enerġija, investimenti f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli u għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa ambjentali mit-tassazzjoni armonizzata fuq l-enerġija mingħajr l-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni.

Meta ċertu livelli ta’ notifiki individwali jinqabżu jew meta ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet tal-GBER, l-għajnuna xorta għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni b’mod individwali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tanalizza l-effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kontribuzzjoni għall-interess komuni.

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-istudji tal-każijiet

Fil-perjodu 2004-2010, il-Kummissjoni ħadet 347 deċiżjoni finali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali jiġifieri deċiżjonijiet dwar l-iffrankar tal-enerġija jew għanijiet oħra dwar il-ħarsien ambjentali. Dawn jinkludu 320 deċiżjoni dwar l-għajnuna kompatibbli, 21 deċiżjoni ta’ mingħajr għajnuna u 6 deċiżjonijiet negattivi.

Il-maġġoranza l-kbira tad-deċiżjonijiet meħuda (ftit iżjed minn 82%) kienu jikkonċernaw skemi, 6% kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni individwali ta’ skema u 11% kienu jirrelataw ma’ miżuri ad hoc . Ħames Stati Membri kienu jgħoddu għal nofs id-deċiżjonijiet meħuda: l-Italja (44), il-Ġermanja (38), l-Olanda (36), ir-Renju Unit (33) u r-Repubblika Ċeka (26).

Kważi 140 deċiżjoni ttieħdu fis-snin 2006-2007, qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida tal-għajnuna ambjentali u l-GBER. Il-valutazzjoni ekonomika ddettaljata ġiet introdotta f’April 2008 fil-linji gwida ambjentali, u 10 deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni ddettaljata pożittiva ttieħdu mill-Kummissjoni fil-perjodu sal-aħħar tal-2010.

L-Istati Membri introduċew 219-il miżura b’eżenzjoni sħiħa li minnhom 194 kienu skemi. L-ogħla numri ta’ skemi ġew introdotti mill-Ġermanja (40), l-Italja (39), Spanja (38) u r-Renju Unit (21).

Fir-rigward tal-iżjed għanijiet dettaljati ta’ dawn l-għajnuniet, l-iżjed wieħed popolari kien il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (Art. 21 tar-Regolament għal Eżenzjoni Sħiħa Ġenerali, li kien jeżisti (bħala għan wieħed jew wieħed mill-għanijiet) f’120 miżura ta’ eżenzjoni ġenerali. Kien segwit b’investimenti f’miżuri tal-iffrankar tal-enerġija (Art. 21 GBER, 101 miżura), għajnuna għall-investiment li jippermetti lill-intrapriżi li jmorru lil hinn mill-istandards tal-UE għall-ħarsien ambjentali (Art. 18 GBER, 71 miżura), għajnuna għal studji ambjentali (Art. 24, 61 miżura) u għajnuna għall-investiment għal koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja (Art. 22 GBER, 58 miżura). L-għanijiet l-oħra tal-GBER kellhom rwoli anqas importanti[45].

[pic]

Il-kaxxa t’hawn taħt turi eżempji ta’ miżuri partikolari implimentati f’żewġ Stati Membri bl-għan li jitjieb il-ħarsien ambjentali. L-ewwel waħda hija miżura Ġermaniża li tappoġġja proġett għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-proċess tal-produzzjoni tal-azzar. It-tieni eżempju jirrelata ma’ miżura tat-taxxa għall-industrija tas-siment implimentata fid-Danimarka.

Proġett Top Gas Recycling (TGR)– Għajnuna lil ArcelorMittal Eisenhüttenstadt GmbH (Il-Ġermanja, N 450/2009)

Fl-2009, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna lil ArcelorMittal Eisenhuettenstadt GmbH (aktar ‘il quddiem AMEH), biex tappoġġja l-iskjerament tal-proġett ta’ dimostrazzjoni Top Gas Recycling (TGR). TGR huwa proċess innovattiv u li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent li jippermetti s-separazzjoni tas-CO2 minn gassijiet tal-emissjoni oħra hekk kif joħorġu mill-forn u jirriċikla l-emissjonijiet mingħajr CO2 għall-produzzjoni tal-azzar, li jirriżulta fl-iffrankar tal-enerġija. TGR huwa teknoloġija li kienet għadha ma ġietx implimentata bħala prattika fuq skala industrijali. Peress li l-ammont tal-għajnuna ta’ EUR 30.18 miljun jaqbeż il-limitu ta’ EUR 7.5 miljun għal intrapriża waħda previst għall-għajnuna għall-investiment, twettqet valutazzjoni ddettaljata fuq il-bażi tal-elementi pożittivi u negattivi ta’ din l-għajnuna.

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proġett megħjun kellu benefiċċji ambjentali, u b’hekk ikkontribwixxa għall-kisba tal-miri tat-Tibdil fil-Klima. Il-proġett ma kienx mistenni li jwassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni u l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv. Barra minn hekk, il-miżura kienet tilħaq il-kriterji formali tal-proporzjonalità. L-intensità tal-għajnuna ta’ 55% kienet taħt l-intensità massima permessa tal-għajnuna ta’ 60% tal-ispejjeż eliġibbli (mingħajr ma ġie kkunsidrat it-tfaddil tal-ispejjeż tas-CO2 skont l-EAG). Il-Kummissjoni osservat li meta wieħed iqis ir-riskji relatati mal-proġett TGR, u l-impatt tal-għajnuna fis-swieq, il-Kummissjoni setgħet f’dan il-każ taċċetta l-ammont ta’ għajnuna proposta. Il-Kummissjoni approvat il-miżura fid-9 ta’ Marzu 2010.

Eżenzjonijiet mit-taxxa għal produtturi tas-siment (Id-Danimarka, N 327/2008 u C 30/2009)

F’Ġunju 2008, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni b’żewġ ħelsien mit-taxxa ambjentali għall-industrija tas-siment: waħda mit-taxxa li kienet għadha kemm ġiet introdotta fuq l-ossidu nitroġenu (NOx) u eżenzjoni sħiħa mit-taxxa eżistenti fuq l-iskart fuq ċertu skart mill-produzzjoni tas-siment.

Skont il-linji gwida ambjentali, l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali titqies kompatibbli mas-suq intern sakemm tikkontribwixxi mill-anqas b’mod indirett għal titjib fil-livell tal-ħarsien ambjentali u li t-tnaqqis fit-taxxa u l-eżenzjonijiet ma jagħmlux ħsara għall-għan ġenerali segwit. Fir-rigward tat-tnaqqis tat-taxxa fuq in-NOx, hemm benefiċċju ambjentali indirett li jirriżulta mill-fatt li l-livell tat-taxxa ġenerali jista’ jkun ogħla milli kien ikun mingħajr it-tnaqqis. Fir-rigward ir-riskju tal-ħsara għall-għan ġenerali segwit, id-Danimarka ppruvat iżżomm sa minimu billi tillimita n-numru ta’ benefiċjarji u billi tirrikjedi li l-benefiċjarju xorta jħallas 53% tat-taxxa sħiħa. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kienet meħtieġa u proporzjonali u approvat it-tnaqqis fit-taxxa tan-NOx tax fit-28 ta’ Ottubru 2009.

Madankollu, fir-rigward tal-eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq l-iskart, il-Kummissjoni kellha d-dubji dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-eżenzjoni mit-taxxa, b’mod partikolari peress li l-eżenzjoni sħiħa tħalli lill-kumpanija mingħajr inċentiv li tikkontribwixxi għall-għan ambjentali tat-taxxa fuq l-iskart. Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-28 t’Ottubru 2009 (issa Kawża C 30/2009) u talbet lil terzi partijiet biex jikkummentaw. Għadha ma ġietx adottata deċiżjoni finali.

In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali

L-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi ’l hekk imsejħa miri tal-ħarsien ambjentali '20/20/20' li jikkonċernaw: tnaqqis b’20% tal-emissjonijiet tas-CO2, sehem ta’ 20% għal enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija tal-UE u żieda ta’ 20% fl-effiċjenza tal-enerġija. L-għajnuna mill-Istat tista’ direttament jew indirettament tikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet, b’mod partikolari meta taffronta n-nuqqasijiet tas-suq jew tikkumplimenta l-inċentivi li mhumiex suffiċjenti għal iżjed ħarsien ambjentali (pereżempju miżuri regolatorji ġenerali).

Kif spjegat hawn fuq, mhux il-miżuri kollha ta’ appoġġ pubbliku jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, pereżempju l-miżuri ta’ tassazzjoni ġenerali mhumiex hekk għax mhumiex selettivi. Il-figuri t’hawn taħt jikkonċernaw biss il-miżuri tal-appoġġ li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

Fl-2009, l-għajnuna mill-Istat relatata mal-ħarsien ambjentali kienet tammonta għal EUR 13.2 biljun (li minnha, 93% jew EUR 12.2 biljun jikkorrispondu għall-ħarsien ambjentali minbarra l-iffrankar tal-enerġija u biss 7% jew EUR 0.97 biljun għall-iffrankar tal-enerġija). F’termini relattivi, l-għajnuna ambjentali kienet tirrappreżenta 22.6% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi jew 0.11% tal-PDG tal-UE-27.

Sitt Stati Membri biss taw iżjed mill-medja tal-UE: l-Isvezja (0.66% PDG), il-Ġermanja (0.23%), id-Danimarka (0.19%), il-Finlandja (0.19%), l-Olanda (0.19%) u l-Awstrija (0.13%). F’termini nominali, l-akbar konċessjonanti kienu l-Ġermanja (EUR 5.7 biljun, 43% tat-total tal-UE), l-Isvezja (EUR 1.9 biljun, 14%), ir-Renju Unit (EUR 1.2 biljun, 9%) u l-Olanda (EUR 1.1 biljun, 8%).

L-għajnuna ambjentali tkopri firxa wiesgħa ta’ għanijiet, inklużi miżuri ta’ appoġġ għal enerġija rinnovabbli, iffrankar tal-enerġija, ġestjoni tal-iskart u rimedjazzjoni ta’ siti kontaminati u titjib tal-proċessi ta’ produzzjoni. Għal dawn it-tipi ta’ miżuri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri ssegwi benefiċċju dirett għall-ambjent. In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat tista’ għaldaqstant titqies bħala prokura biex tindika l-benefiċċju ambjentali intiż. Dan jirrappreżenta 35.5% tal-għajnuna ambjentali fl-2009, ekwivalenti għal madwar EUR 4.7 biljun. L-akbar kontributuri għal dan l-ammont kienu: Spanja (EUR 828 miljun), ir-Renju Unit (EUR 746 miljun), l-Awstrija (EUR 358 miljun) u żewġ Stati Membri Skandinavi: id-Danimarka (EUR 362 miljun) u l-Isvezja (EUR 343 miljun).

It-tieni kategorija ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat koperti taħt il-linji gwida ambjentali huma tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali. In-nefqa taħt din il-kategorija ta’ skemi tal-għajnuna tindika l-ammont ta’ dħul mit-taxxa li ġie rinunzjat u għaldaqstant ma tistax isservi bħala miżura ta’ prokura tal-benefiċċju ambjentali li t-taxxi nfushom ikunu ġabu. Fl-2009, 56.1% tal-għajnuna ambjentali, ugwali għal madwar EUR 7.4 biljun, waqgħu taħt din il-kategorija. Fi ħdan dan it-total, il-Ġermanja tat l-iżjed (madwar EUR 5 biljun), segwita mill-Isvezja (EUR 1.6 biljun), ir-Renju Unit (EUR 0.4 biljun), il-Finlandja (EUR 0.2 biljun), id-Danimarka (EUR 58 miljun) u s-Slovakkja (EUR 31 miljun).

Peress li l-linji gwida ambjentali introduċew elementi ġodda għat-test tan-neċessità u l-proporzjonalità għal eżenzjonijiet mit-taxxa taħt il-livelli ta’ taxxa minimi tal-UE (taxxi armonizzati), il-Kummissjoni approvat każ wieħed biss ta’ eżenzjoni mit-taxxa li jikkonċerna d-Danimarka (Nru 327/2008, ara d-deskrizzjoni hawn fuq)[46]. L-Istati Membri madankollu għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex iġibu t-tnaqqis fit-taxxa eżistenti konformi mal-linji gwida ambjentali qabel il-31 ta’ Diċembru 2012, inkluż meta t-taxxi jkunu taħt il-livelli minimi tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tirċievi notifiki ta’ iżjed każijiet sal-aħħar tal-2012.

Għajnuna b’eżenzjoni sħiħa għall-ħarsien ambjentali li tista’ tiġi kollettivament klassifikata li għandha benefiċċju dirett għall-ambjent kienet tammonta għal EUR 732 miljun fl-2009, li tikkorrispondi għal madwar 6% tal-għajnuna totali għal għanijiet ambjentali (li hija relattivament baxxa, meta pparagunata mas-sehem tal-għanijiet orizzontali l-oħra). L-Istati Membri ġeneralment użaw tliet (minn tmien) għanijiet GBER f’dan il-qasam: il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Art. 23 GBER, EUR 341 miljun), investimenti li jippermettu li intrapriża tmur lil hinn mill-istandards tal-UE għall-ħarsien ambjentali (Art 18 GBER, EUR 188 miljun) u investimenti f’miżuri għall-iffrankar tal-enerġija (Art. 21 GBER, EUR 116 miljun).

Is-sehem tal-għajnuna b’eżenzjoni sħiħa fil-qasam ambjentali huwa partikolarment baxx l-aktar minħabba n-numru żgħir ta’ skemi tal-eċċezzjoni tat-taxxa approvati fil-passat li huma tant sinifikanti f’termini ta’ valur monetarju li jkomplu jammontaw għall-ħafna mill-għajnuna mill-Istat mogħtija f’dan il-qasam. Kważi nofs (47%) l-għajnuna b’eżenzjoni sħiħa mogħtija f’dan il-qasam ingħatat mill-Ġermanja, bi Spanja u l-Belġju flimkien jikkontribwixxu għal 44% oħra.

Jekk inħarsu lejn ix-xejra tan-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u nqabblu żewġ perjodi konsekuttivi li huma l-2004-2006 u l-2007-2009 jista’ jiġi nnutat li din naqset kemm f’termini relattivi (bħala perċentwali tal-PDG – minn 0.12% tal-PDG għal 0.11% tal-PDG) u f’termini nominali b’EUR 0.6 biljun kull sena, bħala medja. Anke s-sehem tagħha fl-għajnuna totali mill-Istat għall-industrija u s-servizzi naqas minn 25.5% għal 23.3%.

Diversi raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw it-tnaqqis. L-ewwel waħda hija l-effett tal-inċentivi bbażati fuq is-suq li diġà huma implimentati li permezz tagħhom l-operaturi jinternalizzaw l-ispejjeż ambjentali tagħhom u li l-ebda għajnuna mill-Istat ma hija meħtieġa. Element ieħor li jikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-għajnuna mill-Istat huwa l-istandards ambjentali ogħla tal-UE: l-adattament għal standards tal-UE huwa obbligatorju għall-operaturi u għandhom l-obbligu li jirrispettawhom mingħajr l-ebda appoġġ pubbliku. Finalment, il-limitazzjonijiet baġitarji minħabba l-kriżi seta’ kellhom impatt ukoll fuq in-nefqa pubblika ffukata fuq il-ħarsien ambjentali, għall-anqas fit-tieni perjodu identifikat hawn fuq.

Matul il-perjodu 2004-2009, meta ngħataw EUR 79 biljun bħala għajnuna ambjentali fl-UE, il-Ġermanja u l-Isvezja (u l-eżenzjonijiet tat-taxxa tagħhom) kienu jammontaw rispettivament għal 51% u 16% tat-total. Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-enerġija fuq l-elettriku għas-settur tal-manifattura kienet l-iżjed nefqa ta’ għajnuna sinifikanti għall-Isvezja mill-2005 ‘il quddiem u tirrappreżenta iżjed minn nofs l-għajnuna ambjentali fl-Isvezja[47]. Fil-Ġermanja, in-nefqa żdiedet b’mod kostanti sal-2006 wara l-approvazzjoni fl-2002 ta’ miżuri li tawlu diversi eżenzjonijiet ta’ taxxa mit-tassazzjoni tal-enerġija Ġermaniża fuq l-elettriku u ż-żjut minerali. Wara li saru modifiki għal dawn l-eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Ġermanja, l-għajnuna mogħtija taħt l-iskemi tal-eżenzjoni mit-taxxa ambjentali naqset b’mod sinifikanti, b’EUR 3.2 biljun bejn l-2006 u l-2009. Fl-2009, terz tal-għajnuna ambjentali kollha fil-Ġermanja ngħatat taħt miżura tat-taxxa indirizzata lil utenti li jużaw l-enerġija b’mod intensiv fis-settur tal-manifattura.

Kważi l-għajnuna kollha għall-ħarsien ambjentali tingħata taħt l-iskemi. Bejn l-2004 u l-2009, l-għajnuna individwali ad hoc għal dak il-għan kienet tammonta għal anqas minn 0.5% tat-total. Fir-rigward tal-istrumenti tal-għajnuna preferuti, l-eżenzjonijiet mit-taxxa ġew magħżula l-ewwel, u kienu jammontaw għal 77% tal-għajnuna totali mill-Istat mogħtija għal ħarsien ambjentali bejn l-2004 u l-2009, segwiti bl-għotjiet diretti (23%).

Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-iffrankar tal-enerġija

Fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ambjentali tal-UE li ma jistgħux jinkisbu permezz tal-inċentivi bbażati fuq is-suq jew permezz tar-regolamentazzjoni. Ir-rwol tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li jiżgura li l-għajnuna għal għan ambjentali ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni b’mod mhux dovut.

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jista’ jakkompanja iżjed l-armonizzazzjoni tal-iskemi tal-appoġġ fost l-Istati Membri lejn suq intern Ewropew għall-enerġija. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jista’ jkollu rwol b’mod partikolari biex iżid l-armonizzazzjoni tal-appoġġ għal oġġetti rinnovabbli prodotti fi Stati Membri differenti u biex jiġi evitat il-kumpens żejjed fis-snin li ġejjin.

GħAJNUNA MILL-ISTAT GħALL-IżVILUPP REġJONALI

Il-kuntest tal-politika

Billi jiġu indirizzati l-iżvantaġġi tar-reġjuni żvantaġġati, l-għajnuna reġjonali mill-Istat tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri u l-Unjoni b’mod ġenerali, u b’hekk tikkontribwixxi lejn il-miri tal-Ewropa 2020. F’dan is-sens, l-għajnuna reġjonali hi differenti minn tipi oħra ta’ għajnuna, għax hija intiża primarjament biex tindirizza n-nuqqas ta’ bilanċ tal-koeżjoni iżjed milli n-nuqqasijiet tas-suq biss.

Il-kontroll tal-għajnuna reġjonali mill-Istat għandu jiġi ddifferenzjat mill-politika tal-Koeżjoni tal-UE. Il-kontroll tal-għajnuna reġjonali mill-Istat għandu jkun differenti mill-politika ta’ Koeżjoni tal-UE. L-għajnuna mill-Istat reġjonali fil-fatt tiffoka iżjed fuq l-oqsma żvantaġġati milli fuq il-politika reġjonali tal-UE, li fil-preżent għandha għanijiet ta’ politika usa’ u kopertura spazjali usa’. L-għan ewlieni tal-għajnuna reġjonali mill-Istat huwa li tindirizza l-iżbilanċi territorjali f’termini ta’ ġid u impjieg (effett ta’ konċentrazzjoni) billi taġixxi bħala inċentiv biex jinstabu l-attivitajiet ekonomiċi f’żoni megħjuna (imnaqqsa kontra fatturi oħra bħal spejjeż tax-xogħol, aċċess għas-swieq, taxxa, produttività, eċċ.). L-għajnuna reġjonali tippermetti li l-Istat Membru jappoġġja l-investimenti ġodda li jikkontribwixxu għal ħolqien ta’ impjiegi lokali u spinoffs permezz ta’ stimulazzjoni indiretta ta’ attività ekonomika (effett ta’ lieva).

Il-politika tal-Koeżjoni tal-UE timmira biex tnaqqas l-inugwaljanza bejn il-livelli ta' żvilupp ta' diversi reġjuni u biex tgħin lil dawk ir-reġjuni żvantaġġati javvanzaw ’il quddiem. Tiffinanzja firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, mill-infrastruttura (tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija, soċjali) għal kapital uman. Il-kategorija tan-nefqa "Appoġġ għall-intrapriża u l-innovazzjoni", li hija l-aktar relatata b’mod dirett mal-appoġġ dirett għan-negozju u għalhekk tinkludi l-għajnuna mill-Istat, tirrappreżenta 20% tal-infiq totali tal-politika tal-Koeżjoni. Hija frazzjoni biss tal-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni li hija koperta mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi l-maġġoranza tal-infiq tal-fondi strutturali jirrelata ma’ attivitajiet li ma jikkwalifikawx taħt id-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, pereżempju l-infrastruttura ġenerali. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju dirett għal intrapriżi jista’ jieħu diversi forom (pereżempju għotjiet, kapital ta’ riskju, self) u skopijiet (pereżempju innovazzjoni, ambjent, taħriġ, eċċ.). Sehem sinifikanti mill-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-kuntest tal-politika ta’ Koeżjoni għaldaqstant mhuwiex relatat direttament mal-għajnuna għall-investiment reġjonali skont it-tifsira tar-RAG, iżda jaqa’ taħt regoli oħra tal-għajnuna mill-Istat (pereżempju R&D&I, ambjent, kapital ta’ riskju, eċċ.).

L-għajnuna reġjonali mill-Istat għandha spettru wiesa’ ta’ applikazzjoni li tvarja minn miżuri li jibbenefikaw l-ekonomija reġjonali kollha bħal miżuri ta’ appoġġ ġenerali għal intrapriżi f’żoni megħjuna (pereżempju għajnuna tal-bidu, għajnuna għall-investiment) għal għajnuna mill-Istat individwalizzata għal proġetti kbar ta’ investiment (LIP), li hi potenzjalment iżjed kapaċi li tgħawweġ il-kompetizzjoni u li għaliha l-intensitajiet tal-għajnuna huma awtomatikament imnaqqsa.

Madankollu, l-għajnuna reġjonali tista’ tilgħab biss rwol effettiv jekk twassal għal attivitajiet sostenibbli u tkun ikkonċentrata fuq l-iżjed reġjuni żvantaġġati tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-vantaġġi tal-għajnuna f’termini tal-iżvilupp reġjonali ta’ reġjun anqas favorit għandhom ikunu iżjed mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni riżultanti, jiġifieri l-livell ta’ riskju ta’ effett li jagħlaq barra il-kompetituri mis-suq ikkawżat mill-għajnuna mogħtija lil benefiċjarju partikolari jew grupp limitat ta’ benefiċjarji.

Bħala parti mir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat tal-UE, il-Kummissjoni għandha l-awtorità unika li tiddeċiedi dwar l-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq intern. B’kuntrast għal dan, il-fondi strutturali għandhom jintużaw b’mod konformi mal-Programmi Operattivi li huma proposti minn kull Stat Membru f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tagħhom hija żgurata mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li, skont ir-Regolament dwar il-Fondi Strutturali Ġenerali[48] huma responsabbli biex jiżguraw il-konformità mal-politiki kollha tal-UE inklużi r-regoli tal-għajnuna mill-Istat. In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat jikkostitwixxi irregolarità taħt dak ir-Regolament li tista’ twassal għall-irkupru tal-kofinanzjament tal-UE. Il-proġetti ewlenin, li jikkonċernaw proġetti bi spejjeż eliġibbli li jeċċedu EUR 50 miljun, għandhom jiġu sottomessi formalment lill-Kummissjoni[49]. Sussegwentement, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kofinanzjament billi tqis il-politiki kollha tal-Unjoni.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali

Il-Linji gwida għall-Għajnuna Reġjonali (RAG) jistabbilixxu l-kriterji applikati mill-Kummissjoni meta teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat reġjonali mas-suq intern. Ir-RAG jikkunsidraw is-serjetà relattiva tal-problemi li jolqtu l-iżvilupp tar-reġjuni kkonċernati billi jintroduċu limiti massimi tal-għajnuna reġjonali li jirriflettu, fil-prattika, l-eżerċizzju ta’ bilanċ li l-Kummissjoni għandha twettaq bejn l-effettivi pożittivi u dawk negattivi tal-għajnuna.

Kif imħabbar fir-RAG, fl-2009 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni profonda tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (LIP)[50], jiġifieri proġetti bl-ispejjeż tal-investiment eliġibbli ta’ mill-anqas EUR 50 miljun f’valur attwali. L-għajnuna reġjonali għal-LIPs li taqbeż ċertu limiti għandha tiġi notifikata individwalment lill-Kummissjoni għax tista’ ġġorr riskju akbar ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’ċertu ċirkostanzi, il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali u twettaq valutazzjoni profonda[51].

Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali għall-2007-2013

Ir-RAG jispeċifikaw ir-regoli għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat li tippromwovi l-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati tal-UE, pereżempju billi jappoġġja l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi.

Sabiex tiġi kkunsidrata s-serjetà relattiva tal-problemi li jolqtu l-iżvilupp tar-reġjuni kkonċernati, jiġu distinti żewġ kategoriji ta’ reġjuni:

- Reġjuni b’anqas minn 75% tal-medja fl-UE tal-PDG per capita u r-reġjuni l-aktar imbiegħda (l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE) jikkwalifikaw għall-ogħla rati ta’ għajnuna, kif ukoll għall-għajnuna operattiva (għajnuna reġjonali mmirata għat-tnaqqis tal-ispejjeż attwali tad-ditta). Ir-rati tal-għajnuna jvarjaw minn 30 sa 50% tal-ispejjeż eliġibbli.

- Reġjuni li l-Istati Membri jiddefinixxu huma stess skont politika ta’ żvilupp reġjonali nazzjonali, fuq il-bażi ta’ ċertu parametri marbuta l-aktar ma’ densità baxxa tal-popolazzjoni u/jew partikolarment PDG per capita baxx jew qgħad għoli (l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE). Għal dawn ir-reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jallokaw għajnuna reġjonali f’rati anqas (bħala prinċipju, bejn 10 u 15% tal-ispejjeż eliġibbli).

Ir-rati jistgħu jiġu miżjuda fir-reġjuni megħjuna kollha b’20 punt perċentwali meta l-għajnuna tingħata għal intrapriżi żgħar u b’10 punti perċentwali meta tingħata lil intrapriżi ta’ daqs medju.

Għalkemm l-għajnuna operattiva hija normalment projbita, tista’ tingħata taħt ċertu kundizzjonijiet. Sabiex jiġu nkoraġġiti l-iżvilupp tal-bidu u kmieni, l-għajnuna tista’ tingħata għall-fażijiet tat-twaqqif u l-espansjoni ta’ intrapriżi żgħar fl-ewwel ħames snin.

L-għajnuna operattiva hija permessa biex tiġi miġġielda n-nuqqas ta’ popolazzjoni fl-anqas żoni popolati u fir-reġjuni l-iżjed imbiegħda, sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali jirriżultaw fis-segwitu ta’ attività ekonomika minħabba l-limitazzjonijiet li jiffaċċjaw dawk ir-reġjuni bħad-distanza, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli u l-klima, u d-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti.

Finalment, ir-RAG jiddefinixxu r-regoli dwar "proġetti kbar ta’ investiment", inkluż 'mekkaniżmu ta’ trasparenza' għal ċertu tipi ta’ għajnuniet.

Gwida dwar valutazzjoni profonda tal-għajnuna reġjonali għal-LIP

Ir-RAG jipprevedu li f’ċertu każijiet il-LIPs għandhom jiġu nnotifikati individwalment lill-Kummissjoni għax jista’ jkollhom riskju akbar li jgħawġu l-kompetizzjoni. Il-valutazzjoni profonda ta’ dawn il-miżuri hija meħtieġa meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu sehem fis-suq ta’ iżjed minn 25% jew il-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-proġett teċċedi 5% tas-suq (filwaqt li r-rata tat-tkabbir tas-suq tal-prodott ikkonċernat hi taħt ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG taż-ŻEE).

Id-dokument ta’ gwida jistabbilixxi l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà dettaljata tal-għajnuna reġjonali għal-LIPs. Hu bbażat fuq it-test ta’ bilanċ li jiżen l-effetti pożittivi li ġġib l-għajnuna kontra l-impatt negattiv ta’ distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni li l-għajnuna tista’ ġġib. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni fuq l-effett pożittiv tal-għajnuna kif ukoll l-adattezza, il-proporzjonalità u l-effett ta’ inċentiv.

Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa

Il-GBER jeżenta min-notifika lill-Kummissjoni skemi ta’ għajnuna għall-investiment u l-impjieg reġjonali trasparenti li jirrispettaw ir-regoli dwar l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna massima definiti fil-mappa tal-għajnuna reġjonali għall-Istat Membru kkonċernat. Ir-regoli materjali għall-għajnuna għall-investiment huma ekwivalenti fil-GBER u fir-RAG, biex ma jkun hemm l-ebda vantaġġ x’jinkiseb fin-notifika ta’ miżura tal-għajnuna li hi eżenti. Il-GBER jeżenta wkoll l-għajnuna reġjonali lil intrapriżi żgħar li nħolqu ġodda, li tirrappreżenta forma ġdida ta’ għajnuna reġjonali introdotta mir-RAG.

Skont id-dispożizzjonijiet tar-RAG, il-GBER tipprevedi rati ta’ għajnuna miżjuda għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

L-għajnuna ad hoc mogħtija lil intrapriżi żgħar mhijiex koperta mill-GBER bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna trasparenti u sakemm tintuża biex iżżid ma’ għajnuna mogħtija taħt skemi u l-komponent ad hoc ma jeċċedix 50% tal-ammont totali tal-għajnuna.

In-notifika individwali tal-LIPs hi meħtieġa jekk jiġu ssodisfati ċertu kundizzjonijiet.

Jekk il-kundizzjonijiet tal-GBER ma jintlaħqux, l-għajnuna għandha tiġi notifikata u tiġi valutata fuq il-bażi tar-RAG.

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna reġjonali u l-istudji tal-każijiet

Fil-perjodu 2004-2010, il-Kummissjoni adottat 570 deċiżjoni finali dwar il-miżuri għall-iżvilupp reġjonali. Dawn jinkludu 523 deċiżjoni dwar l-għajnuna kompatibbli, 14-il deċiżjoni dwar nuqqas ta’ għajnuna u 33 deċiżjoni negattiva. Kienu biss ftit aktar minn nofs id-deċiżjonijiet meħuda li kienu jikkonċernaw l-iskemi (52%); il-bqija kienu jikkonċernaw miżuri individwali ad hoc (kważi 29%) u għajnuna individwali skont l-iskemi (19%). Sitta mill-għaxar deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw ħames Stati Membri: il-Polonja (96 deċiżjoni), il-Ġermanja (91), l-Italja (60), ir-Repubblika Ċeka (46) u Franza (18).

Fl-istess perjodu, il-Kummissjoni lestiet 59 valutazzjoni ddettaljata tal-LIPs u valutazzjoni waħda profonda bbażata fuq id-dokument ta’ gwida[52]. Is-sehem relattivament għoli tal-miżuri ad hoc huwa spjegat min-numru ta’ każijiet ad hoc Pollakki.

In-numru ta’ miżuri ta’ għajnuna reġjonali mill-Istat approvati kull sena varjaw bejn is-60 u l-100 fil-perjodu 2004-2009, bi tliet massimi: fl-2004 (92 miżura), 2006 (96) u 2009 (86). Fl-2010, kien hemm tnaqqis qawwi għal madwar 50 miżura approvati.

In-numru totali ta’ miżuri b’eżenzjoni sħiħa għall-iżvilupp reġjonali stabbiliti mill-Istati Membri kienu jammontaw għal 778, b’97% minnhom ikunu skemi. L-akbar għadd ta’ skemi ġew introdotti minn żewġ Stati Membri b’kompetenzi deċentralizzati għall-għajnuna mill-Istat fil-livell tal-amministrazzjonijiet reġjonali: l-Italja (120) u Spanja (112), segwiti mir-Repubblika Ċeka (76), il-Polonja (68) u l-Awstrija (57). Wara l-livell massimu tal-2009 meta ġie introdott total ta’ 266 miżura b’eżenzjoni sħiħa, iċ-ċifra waqgħet għal 145 fl-2010. Dan jista’ jiġi spjegat bl-introduzzjoni tal-GBER il-ġdida fl-2008 u bil-fatt li parti sinifikanti mill-għajnuna reġjonali tirrelata mal-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali li għalihom il-Programmi Operattivi għall-2007-2013 ġew approvati fis-snin ta’ qabel.

Madwar 60% tal-miżuri kollha b’eżenzjoni sħiħa għall-iżvilupp reġjonali ġew stabbiliti skont il-GBER (li daħal fis-seħħ fl-2008). F’dan il-grupp, l-iskemi kienu jammontaw għal 96%. Fir-rigward tal-għanijiet iddettaljati tal-GBER, 87% tal-miżuri approvati kienu definiti bħala skemi tal-għajnuna reġjonali (Art 13 tal-GBER). Il-parti l-oħra kienet maqsuma bejn miżuri tal-għajnuna għal intrapriżi żgħar li nħolqu ġodda (10%, Art 14 tal-GBER) u l-miżuri tal-għajnuna reġjonali ad hoc (anqas minn 4%, Art 13.1 tal-GBER).

[pic]

Il-kaxxa t’hawn taħt turi eżempji ta’ miżuri tal-għajnuna reġjonali implimentati f’erba’ Stati Membri. L-ewwel waħda hija miżura Ġermaniża li tappoġġja l-investimenti f’ċertu reġjuni assisti. It-tieni eżempju juri miżura Maltija mmirata biex tippromwovi l-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda, possibbiltà li ġiet introdotta l-ewwel darba fir-RAG tal-2007-2013. It-tielet eżempju jiddeskrivi miżuri Franċiżi li jegħlbu l-limitazzjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-aħħar wieħed huwa proġett ta’ investiment kbir implimentat fl-Ungerija.

‘Investitionszulagengesetz 2007’ (il-Ġermanja, N 357a/2006 u XR 6/2007)

F’Ġunju 2006, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni skema ta’ suċċessjoni għall-miżuri tal-għajnuna prevvisti fil-liġi dwar il-primjum tal-investiment, li tipprovdi appoġġ fiskali għall-proġetti ta’ investiment fil-Länder Ġermaniż il-ġdid f’Berlin. In-notifika inizjali kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-iskema għall-proġetti li nbdew kemm qabel kif ukoll wara l-31 ta’ Diċmebru 2006.

Bi ftehim mal-awtoritajiet Ġermaniżi, il-miżura nqasmet f’żewġ partijiet:

(a) l-għajnuna N 357a/2006 relatata mal-proġetti ta’ investiment inizjali mibdija qabel l-1 ta’ Jannar 2007;

(b) L-iskema b’eżenzjoni sħiħa XR 6/2006 li tikkonċerna l-proġetti mibdija wara l-31 ta’ Diċembru 2006. Din il-miżura kienet eżentata min-notifika u ma kellhiex bżonn tiġi approvata mill-Kummissjoni.

Il-baġit totali prevvist għaż-żewġ miżuri huwa ta’ madwar EUR 1.74 biljun.

Fl-2009, 20% tal-għajnuna totali mill-Istat iffukata għall-għajnuna reġjonali fl-UE ngħatat taħt dawn iż-żewġ miżuri: madwar 11% taħt l-iskema N 357a/2006 u l-bqija skont il-miżura b’eżenzjoni sħiħa. Din tirrappreżenta madwar tliet kwarti tal-għajnuna reġjonali totali fil-Ġermanja.

Skema tal-għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar maħluqa ġodda (Malta, N 622/2007)

F’Ottubru 2007, Malta nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tapplika skema mmirata lejn l-appoġġ tal-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda, b’valur miżjud għoli li juru potenzjal li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali, f’konformità mad-dispożizzjoni tal-għan għall-“Għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar maħluqa ġodda” tar-RAG. Din hija forma ġdida tal-għajnuna inkluża għall-ewwel darba fil-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali għall-perjodu 2007-2013.

L-iskema tapplika għat-territorju kollu ta’ Malta, li huwa stipulat skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali għall-Malta għall-perjodu 2007-2013 bħala żona assistita eliġibbli għall-għajnuna reġjonali nazzjonali mill-Istat skont id-deroga tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

L-għajnuna tista’ tingħata lill-intrapriżi ż-żgħar maħluqa anqas minn tliet snin qabel id-data tal-applikazzjoni skont l-iskema u mill-anqas bl-ekwivalenti ta’ tliet impjegati full-time. L-Istat Membru introduċa mekkaniżmu biex jevita l-possibbiltà tal-użu ħażin tal-għajnuna.

Il-miżura hija applikabbli biss għal ċertu setturi ekonomiċi. L-għajnuna tingħata fil-forma ta’ għotja diretta. Il-valur totali tal-għotja għal kull benefiċjarju huwa llimitat għal EUR 2 miljun u l-ammont annwali tal-għajnuna ma jistax jaqbeż it-33% ta’ EUR 2 miljun għal kull intrapriża.

Wara l-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali u kkunsidratha kompatibbli mas-suq intern.

Skemi tal-għajnuna għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropew (Franza, N 542/2006 u oħrajn)

Fl-2007, il-Kummissjoni approvat għaxar skemi tal-għajnuna għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropew. L-għaxar skemi tal-għajnuna jikkonċernaw l-eżenzjonijiet mit-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex jegħlbu l-limitazzjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Dawn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma eliġibbli taħt id-deroga tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE għall-perjodu 2007-2013. L-għaxar skemi tal-għajnuna kienu qabel ġew approvati mill-Kummissjoni skont il-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali għall-2000-2006.

Taħt ċertu kundizzjonijiet il-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għajnuna għall-investimenti sa 60% għall-intrapriżi l-kbar fil-Guyana Franċiża, u sa 50% għall-intrapriżi l-kbar fil-Martinique, il-Guadeloupe u l-La Réunion (flimkien mal-bonus tal-SMEs skont kif applikabbli).

Skont ir-RAG, l-għajnuna operattiva tista’ tingħata wkoll iżda jeħtieġ li tiġi ġġustifikata bil-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u l-livell tagħha jrid ikun proporzjonat għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 349 TFUE. Wara l-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna totali nnotifikata hija ekwivalenti għal madwar 6.5% tal-PDG tar-reġjuni kkonċernati, u li dan il-livell huwa proporzjonat għall-ispejjeż addizzjonali ġenerali li jġorru l-kumpaniji f’dawk ir-reġjuni.

Fl-2009, 22.7% tal-għajnuna reġjonali totali mogħtija fl-Ewropa ngħatat taħt dawn l-10 skemi li jirrappreżentaw madwar 77% tal-għajnuna reġjonali totali fi Franza.

N 671/2008 – HU – LIP – Għajnuna tal-investiment reġjonali lil Mercedes-Benz Manufacturing Hungary

F’Diċembru 2008, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw skont ir-RAG l-intenzjoni tagħhom li jagħtu l-għajnuna reġjonali għall-proġett kbir ta’ investiment favur Mercedes-Benz Manufacturing Hungary. L-Ungerija kellha l-intenzjoni li tippromwovi l-iżvilupp reġjonali billi tipprovdi l-għajnuna reġjonali lil Mercedes-Benz biex tistabbilixxi impjant ġdid għall-produzzjoni ta’ 180,000 karozza tal-passiġġiera. Ir-reġjun huwa żona żvantaġġata eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE bħala reġjun b’livell tal-għajxien anormalment baxx u qgħad għoli.

Il-proġett tal-investiment kien jinvolvi spejjeż eliġibbli ta’ EUR 548.4 miljun. Madwar EUR 400 miljun mill-ispejjeż totali tal-proġett se jkunu ffinanzjati permezz ta’ self mill-BEI mingħajr l-ebda garanzija mill-Istat, l-għajnuna mill-Istat tammonta għal EUR 111.5 miljun. L-investiment se joħloq 2,500 impjieg dirett kif ukoll bejn 10,000 sa 14,000 impjieg indirett. Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, il-proġett se jgħin biex titnaqqas ir-rata tal-qgħad reġjonali b’0.5%.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna reġjonali lil-LIPs timmira li tivverifika jekk is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju u l-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-investiment jibqgħux taħt il-limiti stabbiliti fir-RAG. Fil-każ li l-limiti stabbiliti ma jinqabżux, l-effett tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni jitqies li qed jingħeleb mill-kontribuzzjoni pożittiva tagħha għall-iżvilupp reġjonali.

Il-Kummissjoni sabet li s-sehem tas-suq tal-grupp Daimler, li l-impjant huwa parti minnu, jibqa’ b’mod sinifikanti taħt il-limitu ta’ 25% fis-swieq rilevanti kemm qabel kif ukoll wara l-investiment ippjanat u kkonkludiet li l-kapaċità tal-produzzjoni addizzjonali li nħolqot permezz tal-proġett kienet se tibqa’ taħt il-5% tal-konsum li jidher tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE. F’Novembru 2009 il-Kummissjoni approvat il-miżura tal-għajnuna mill-Istat.

In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna reġjonali

Fl-2009, l-għajnuna reġjonali mill-Istat kienet tammonta għal EUR 13.9 biljun. Dan l-ammont kien jirrappreżenta madwar 24% tal-għajnuna totali mill-Istat għall-industrija u s-servizzi jew 0.12% tal-PDG tal-UE-27. Madwar EUR 4.9 biljun (35%) ingħataw bl-użu tal-miżuri b’eżenzjoni sħiħa.

F’termini relattivi, bħala perċentwal tal-PDG, 12-il Stat Membru taw aktar mill-medja tal-UE: il-Greċja (0.57%), l-Ungerija (0.28%), is-Slovenja (0.27%), Malta (0.25%), ir-Repubblika Ċeka (0.23%), Franza (0.22%), l-Irlanda (0.18%), is-Slovakkja (0.17%), il-Polonja (0.17%), il-Ġermanja (0.15%), il-Litwanja (0.14%), u Spanja (0.12%).

F’relazzjoni mal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi, l-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali kienet b’mod partikolari importanti fil-pajjiżi tal-UE-12 fejn kienet tirrappreżenta madwar 30% tat-total, livell ogħla minn dak osservat għall-UE-15 (23%). Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dawn l-Istati Membri għandhom numru akbar ta’ reġjuni eliġibbli u għalhekk il-possibbiltà li jagħtu intensitajiet tal-għajnuna ogħla.

L-akbar sehem mill-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali fi proporzjon mal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi nstab fil-Greċja (76%), il-Bulgarija (59%), il-Litwanja (51%), is-Slovakkja (47%) u r-Repubblika Ċeka (46%) filwaqt li f’erba’ Stati Membri (id-Danimarka, l-Olanda, Ċipru u l-Finlandja) dan kien taħt it-2%.

F’termini nominali, l-akbar konċessjonanti kienu Franza (EUR 4.1 biljun, 30% tat-total tal-UE), il-Ġermanja (EUR 3.7 biljun, 27%), il-Greċja (EUR 1.4 biljun, 10%), Spanja (EUR 1.2 biljun, 9%) u l-Italja (EUR 1 biljun, 7%).

Fl-2009, kważi nofs (45%) l-għajnuna totali għall-iżvilupp reġjonali fl-UE ngħatat taħt biss ħames miżuri. Dawn huma tliet skemi Ġermaniżi (li tnejn minnhom huma b’eżenzjoni sħiħa) li jiffukaw fuq l-appoġġ għall-investimenti fl-ifqar reġjuni (l-aktar fil-Ġermanja tal-Lvant) u żewġ skemi Franċiżi li jipprovdu għajnuna operattiva fid-dipartimenti Franċiżi ekstra-Ewropej.

Billi jitqabblu ż-żewġ perjodi konsekuttivi 2004-2006 u 2007-2009, jidher li l-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali żdiedet kemm f’termini nominali (b’EUR 2.7 biljun) kif ukoll f’termini relattivi bħala perċentwal tal-PDG minn 0.08% għal 0.1% tal-PDG. Ukoll, is-sehem tagħha mill-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi żdied minn 19% għal 23%.

L-għajnuna reġjonali kienet inkluża f’regolament b’eżenzjoni sħiħa għall-ewwel darba fl-2007. Ir-regolament ġie adottat fl-2006 u daħal fis-seħħ fl-2007. Minn dak iż-żmien, total ta’ EUR 11.4 biljun ta’ għajnuna mill-Istat ingħatat mingħajr in-notifika minn qabel lill-Kummissjoni. Is-sehem tal-għajnuna reġjonali mogħtija b’miżuri b’eżenzjoni sħiħa żdied b’mod progressiv biex laħaq il-35% tal-għajnuna reġjonali totali mogħtija fl-2009. Il-miżuri tal-GBER kienu jammontaw għal biss 15% tan-nefqa totali b’eżenzjoni sħiħa għall-iżvilupp reġjonali.

Fil-perjodu 2004-2010, EUR 67 biljun ingħata bħala għajnuna fl-UE. Kważi din l-għajnuna kollha ngħatat taħt l-iskemi (96%) filwaqt li l-għajnuna individwali ad hoc kienet tammonta għal biss 4% tat-total. Fir-rigward tal-istrumenti tal-għajnuna, l-eżenzjonijiet mit-taxxa kienu użati għal 55% tal-għajnuna totali mogħtija mill-Istat (b’xejra ta’ żieda matul il-perjodu), segwiti mill-għotjiet diretti (42%).

Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali

L-għajnuna reġjonali mill-Istat se tkompli tikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea. L-importanza ta’ dan il-għan żdiedet fis-snin riċenti, b’mod partikolari sa mis-sħubija tal-2004 u tal-2007. Attwalment, l-għajnuna reġjonali mill-Istat hija l-għan orizzontali bl-akbar sehem mill-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi.

Qed tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda, minħabba l-ispejjeż addizzjonali speċifiċi li jirriżultaw mil-limitazzjonijiet strutturali imposti mid-distanza ġeografika u r-restrizzjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw biex jintegraw fis-suq intern.

GħAJNUNA MILL-ISTAT GħALL-SMES

Il-kuntest tal-politika

L-inizjattiva ewlenija "Il-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni"[53]tal-Istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza r-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-ekonomija tal-UE bħala magni tal-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir: " L-SMEs jagħmlu xi 2/3 mill-impjiegi tal-industrija u sehem kbir tal-potenzjal ta' tkabbir u ta' impjiegi jinsab fl-SMEs ħabrieka u dinamiċi tagħha. Il-promozzjoni tal-ħolqien, it-tkabbir u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs b'hekk irid ikun fil-qalba tal-politika industrijali integrata tal-UE ".

Hija tenfasizza wkoll li minkejja l-progress sostanzjali fis-snin riċenti[54], għad baqa’ sfidi serji u identifikabbli rigward ir-regolamentazzjoni intelliġenti u l-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs. B’mod partikolari, " l-aċċess għall-finanzi ġew identifikati mill-parti l-kbira tal-Istati Membri bħala problema importanti speċjalment għall-finanzjament tal-SMEs u l-innovazzjoni "[55]. Fil-fatt, fil-kuntest attwali tat-tnaqqis fil-pass ekonomiku u tal-kriżi finanzjarja, l-SMEs spiss ikollhom diffikultajiet biex jiksbu l-kapital, il-kapital ta’ riskju jew is-self, minħabba n-natura ta’ riskju avvers ta’ ċertu swieq finanzjarji u l-kollateral limitat li huma jkunu jistgħu joffru. Barra dan, ir-riżorsi limitati tagħhom jistgħu jirrestrinġu wkoll l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, notevolment rigward teknoloġija ġdida u swieq potenzjali. Biex jitnaqqsu dawn id-diffikultajiet, l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex japplikaw il-prinċipju ta’ "l-ewwel aħseb fiż-żgħir" u biex jissimplifikaw l-iskemi tal-appoġġ.

Biex jiġu appoġġjati l-SMEs, il-gvernijiet jistgħu jintervjenu b’numru ta’ modi li mhumiex ikkunsidrati li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, bħall-miżuri ta’ appoġġ ġenerali, li jistgħu jinkludu t-tnaqqis ġenerali fit-tassazzjoni tax-xogħol u l-ispejjeż soċjali, it-tnaqqis tad-dewmien fil-ħlasijiet biex titjieb il-likwidità tal-SME, is-simplifikazzjoni tar-regoli biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, eċċ. Fejn il-forzi tas-suq waħedhom mhumiex biżżejjed, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jista’ jkollhom rwol komplimentari billi jipprovdu finanzjament pubbliku. Fil-fatt, l-inizjattiva ewlenija "Il-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni" tirrikonoxxi dan billi tgħid li " it-tfassil ta' regoli ta' għajnuna tal-Istat jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kompetittività tal-industrija fl-Ewropa. Ir-regoli tal-Għajnuna Statali jipprovdu qafas li jidderieġi l-investimenti tal-Istati Membri biex jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq identifikati ".

Madankollu, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha attivi fis-suq intern, irrispettivament mill-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tkun viġilanti li l-miżuri jkunu mmirati sew; biex tiżgura li l-għajnuna ma tiskoraġġix lill-investituri, ma tiġix investita biex iżżomm kumpaniji ineffiċjenti milli jfallu u ma toħloqx distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-SMEs

Fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, il-Kummissjoni mmodernizzat ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u rrinfurzat il-miżuri speċifikament indirizzati lejn l-SMEs. Attwalment, l-SMEs huma eliġibbli għall-kategoriji kollha tal-għajnuna permessi skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn intensitajiet ogħla tal-għajnuna għal ċertu miżuri[56].

Barra dan, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġew issimplifikati b’mod sinifikanti fil-GBER u issa joffru lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu panopolju wiesa’ ta’ miżuri tal-għajnuna għall-SMEs bil-piż amministrattiv minimali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn dawn il-possibbiltajiet biex jiffukaw il-baġits eżistenti tal-għajnuna lejn għajnuna "immirata aħjar".

Madankollu, minħabba r-riskju ogħla tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ammonti kbar ta’ għajnuna huma vvalutati mill-Kummissjoni fuq bażi individwali biex jiġu analizzati l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kontribuzzjoni għall-interess komuni. Il-GBER għalhekk tistabbilixxi limiti ta’ notifika differenti bbażati fuq il-kategorija tal-għajnuna u l-effetti probabbli tagħha fuq il-kompetizzjoni.

Fl-2006, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida dwar il-Kapital ta' Riskju (RCG)[57] li jikkostitwixxu strument importanti għall-finanzjament tal-SMEs. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kapital ta’ Riskju kien diġà approvat fl-1998, u l-kapital ta’ riskju deher bħala element importanti fl-Istrateġija ta’ Lisbona u jibqa’ aspett ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-RCG huma applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013, iżda huma pprevedew reviżjoni f’nofs il-perjodu. F’dan ir-rispett, il-Kummissjoni ħabbret fil-komunikazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni li se " tivvaluta l-effikaċja tal-miżuri temporanji tal-għajnuna tal-Istat […], inkluża ż-'żona sikura' miżjuda għall-investimenti ta' kapital ta' riskju, u fuq din il-bażi tagħmel il-proposti meħtieġa ". Dik ir-reviżjoni f’nofs il-perjodu twettqet fl-2010[58] u wasslet għat-trasformazzjoni taż-żieda provviżorja tal-livell taż-żona sikura introdott mill-Qafas Temporanju f’dispożizzjoni permanenti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien tal-RCG (jiġifieri sal-aħħar tal-2013).

Il-kaxxa t’hawn taħt tagħti sommarju tal-karatteristiċi ewlenin tar-regoli fil-GBER għall-SMEs u l-Linji gwida dwar il-Kapital ta’ Riskju.

Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)

Il-GBER jistabbilixxi qafas li jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu l-għajnuna mmirata lejn il-ħolqien tal-impjiegi, spinta lill-kompetittività u t-titjib tal-ambjent mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha tinvolvi ruħha xejn. Il-miżuri li huma elenkati fil-GBER u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet u l-kriterji stipulati fih jibbenefikaw minn eżenzjoni għar-rekwiżit tan-notifika.

Il-GBER huwa b’mod partikolari rilevanti għall-SMEs għaliex is-26 miżura kollha koperti minnu jistgħu jingħataw għall-SMEs (b’addizzjonijiet speċjali għall-intensitajiet tal-għajnuna permissibbli), u xi wħud huma ddisinjati biex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-suq speċifiċi li jiffaċċjaw. L-SMEs jistgħu jirċievu l-għajnuna matul l-istadji differenti tal-iżvilupp tagħhom. Dawn il-kategoriji tal-għajnuna li ġejjin huma speċjalment u esklussivament iddisinjati għall-SMEs: l-għajnuna għall-investiment u l-impjiegi tal-SMEs; l-għajnuna fil-konsulenza favur l-SMEs; l-għajnuna għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-fieri; l-għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju; l-għajnuna li tikkontribwixxi għall-ispejjeż tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali; l-għajnuna għall-adattament għall-istandards ambjentali tal-UE ġodda jew l-għajnuna għall-istudji ambjentali; l-għajnuna għall-innovazzjoni; l-għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar li nħolqu ġodda f’reġjuni assistiti u l-għajnuna għall-promozzjoni tal-intraprenditorjat fost in-nisa.

Il-miżuri tal-għajnuna li jaqbżu l-limiti għal notifika individwali xorta jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni individwalment sabiex il-Kummissjoni tanalizza l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kontribuzzjoni għall-interess komuni.

Linji gwida dwar il-Kapital ta’ Riskju

L-RCG għandhom għan doppju: li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-Istati Membri biex jiksbu kapital ta’ riskju addizzjonali għall-SMEs fl-istadji bikrin tal-iżvilupp fejn jista’ jiġi identifikat distakk fl-ekwità, u li jippromwovu l-iżvilupp tal-industrija tal-kapital ta’ riskju b’mod li jippreserva l-kompetizzjoni ġusta.

L-għajnuna fil-miżuri tal-kapital ta’ riskju tista’ tkun preżenti f’livelli diversi: fil-livell tal-koinvestituri privati, jekk jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aktar favorevoli mill-Istat; fil-livell tal-fond ta’ investiment u/jew il-maniġer tiegħu jekk pereżempju l-ħlas tal-maniġer huwa ’l fuq mil-livelli tas-suq; u fil-livell tal-intrapriżi li jiġi investit fihom, meta l-għajnuna tinsab fil-livelli l-oħra jew meta l-SMEs benefiċjarji jirċievu injezzjoni ta’ kapital li kieku s-suq ma jipprovdix.

L-RCG jkopru diversi tipi ta’ miżuri (il-kostituzzjoni tal-fondi tal-investiment u/jew is-swieq alternattivi tal-istokks, il-garanziji u strumenti finanzjarji oħra għall-investituri tal-kapital ta’ riskju jew għall-fondi, l-ispejjeż tal- iscouting ) kif ukoll inċentivi fiskali għall-fondi u/jew il-maniġers tagħhom, jew għall-investituri biex jinvestu l-kapital ta’ riskju. Madankollu, l-injezzjonijiet tal-kapital individwali mill-Istat jaqgħu lil hinn mill-ambitu tal-RCG, li japplikaw biss għall-iskemi.

Għall-kuntrarju tar-regoli l-oħra dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Linji gwida tal-Kapital ta’ Riskju ma jinkludu l-ebda lista ta’ spejjeż eliġibbli jew kalkolu tal-intensitajiet tal-għajnuna iżda aktar jikkunsidraw li l-ammont kollu tal-kontribuzzjoni għall-ekwità, inkluż il-parteċipazzjoni tal-investituri privati, għandu jiġi vvalutat għall-kompatibbiltà.

L-RCG jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà rigward il-livell tas-segmenti tal-investiment, ir-restrizzjoni għall-fażijiet inizjali, tal-bidu u tal-espansjoni, il-prevalenza tal-ekwità u l-kważi-ekwità, il-parteċipazzjoni mill-investituri privati, il-karattru ffukat fuq il-profitti tad-deċiżjonijiet tal-investiment u l-ġestjoni kummerċjali. Meta l-miżura tieħu l-forma tal-parteċipazzjoni f’fond tal-investiment tal-ekwità privata u l-kundizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq jiġu ssodisfati, l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-GBER biex jagħtu l-għajnuna.

L-RCG jipprevedu analiżi f’żewġ livelli li tiffoka l-kontroll fuq l-iskemi li jfixklu l-aktar. Jekk l-iskemi tal-kapital ta’ riskju jirrispettaw il-kundizzjonijiet bażiċi tal-kompatibbiltà (żona sikura), il-valutazzjoni hija eħfef u tista’ tkun ukoll b’eżenzjoni sħiħa.

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs u l-istudji tal-każijiet

Bejn l-2004 u l-2010, il-Kummissjoni ħadet 139 deċiżjoni finali dwar il-miżuri esklussivament indirizzati lejn l-SMEs (li minnhom, 108 kienu jikkonċernaw il-kapital ta’ riskju). Dawn id-deċiżjonijiet iddikjaraw 99 miżura tal-kapital ta’ riskju (l-iskemi kollha) u 30 miżura oħra tal-għajnuna għall-SMEs (23 skema, 4 għajnuniet individwali ad hoc u 3 applikazzjonijiet individwali tal-iskemi) kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni ħadet ukoll 7 deċiżjonijiet dwar nuqqas ta’ għajnuna relatati mal-miżuri tal-kapital ta’ riskju u 3 deċiżjonijiet negattivi (2 dwar il-miżuri tal-kapital ta’ riskju u 1 li tikkonċerna l-għajnuna għall-SMEs).

Aktar minn nofs il-miżuri tal-kapital ta’ riskju approvati kienu jikkonċernaw tliet Stati Membri: il-Ġermanja (28), ir-Renju Unit (16) u l-Italja (12), filwaqt li l-miżuri tal-għajnuna għall-SMEs kienu b’mod predominanti jikkonċernaw: il-Ġermanja (7), l-Awstrija (5) u s-Slovakkja (6 – kollha fl-2004).

In-numru tal-miżuri tal-kapital ta’ riskju approvati varja bejn l-10 u d-19 kull sena fil-perjodu mill-2004 sal-2009 iżda waqa’ għal 7 fl-2010. 10 miżuri tal-għajnuna għall-SMEs ġew approvati fl-2004 imbagħad iċ-ċifra waqgħet għal bejn 2 u 5 approvazzjonijiet kull sena.

Il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa għall-kapital ta’ riskju u għall-għajnuna għall-SMEs kienu jlaħħqu madwar 1500 fil-perjodu 2004–2010. Minn dan it-total, l-għajnuna tal-kapital ta’ riskju (li tista’ tingħata bħala miżuri b’eżenzjoni sħiħa sa mid-dħul fis-seħħ tal-GBER) kienet tikkonċerna 28 miżura biss.

Sitt Stati Membri kienu jammontaw flimkien għal aktar minn tliet kwarti tal-miżuri b’eżenzjoni sħiħa: l-Italja (322), Spanja (220), il-Ġermanja (186), ir-Renju Unit (184), il-Polonja (121) u l-Awstrija (113).

Bejn 130 sa 160 miżura b’eżenzjoni sħiħa ġew introdotti fil-perjodu 2004–2006. Bid-dħul fis-seħħ tal-GBER, din iċ-ċifra telgħet għal 269 fl-2007, 303 fl-2008 u 346 fl-2009. Fl-2010, ġie osservat tnaqqis sinifikanti għal biss 144 miżura, li jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-miżuri introdotti fis-snin ta’ qabel ikunu għadhom ġeneralment qed jiġu użati mill-Istati Membri. Fir-rigward tal-kategoriji tal-għajnuna, l-akbar numru ta’ miżuri ġodda (360) iffukaw fuq l-investiment tal-SMEs u l-għajnuna għall-impjiegi (Art 15 GBER) segwiti mill-għajnuna għall-konsulenza favur l-SMEs (Art. 26; 308 miżuri), l-għajnuna għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-fieri (Art. 27; 99 miżura), l-għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju (Art. 28 – 29; 28 miżura) u l-għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar maħluqa ġodda mill-intraprendituri nisa (Art. 18; 18-il miżura).

[pic]

Il-kaxxa t’hawn taħt turi eżempji ta’ miżuri partikolari implimentati f’żewġ Stati Membri indirizzati lejn l-SMEs. L-ewwel waħda hija miżura implimentata fir-Renju Unit ibbażata fuq il-Linji gwida tal-Kapital ta’ Riskju li ttrattat ċertu distakki identifikati fis-suq għall-investimenti. It-tieni hija miżura b’eżenzjoni sħiħa bbażata fuq ir-regoli speċifiċi għall-SMEs li jinsabu fil-GBER.

Skema tal-Investiment tal-Intrapriża u Skema tal-Kapital ta’ Riskju tal-Kumpaniji (Ir-Renju Unit, NN42a/2007)

Fl-2007 ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar miżura ddisinjata biex tħeġġeġ lill-individwi u l-kumpaniji privati biex jinvestu f’kumpaniji iżgħar, mhux ikkwotati, b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir fir-Renju Unit sabiex ikabbru n-negozji tagħhom f’intrapriżi sostenibbli u profitabbli. Il-miżura kien fiha tliet skemi differenti: l-Iskema ta’ Investiment tal-Intrapriża (EIS), Fondi tal-Kapital ta’ Riskju (VCTs) u l-Iskema tal-Kapital ta’ Riskju tal-Kumpaniji (CVS).

Taħt l-Iskema ta’ Investiment tal-Intrapriża (EIS), l-individwi privati jirċievu inċentivi tat-taxxa meta jagħmlu investimenti diretti fl-SMEs li jikkwalifikaw. L-iskema tal-Fond tal-Kapital ta’ Riskju (VCT) toffri inċentivi tat-taxxa għall-individwi privati għall-investimenti kollettivi permezz tal-VCTs imħaddma minn kumpaniji tal-immaniġġjar tal-fondi professjonali. L-Iskema tal-Kapital ta’ Riskju tal-Kumpaniji (CVS) tipprovdi l-ħelsien mit-taxxa lill-kumpaniji li jagħmlu investimenti diretti fl-SMEs li jikkwalifikaw. Il-limitu massimu ta’ investiment annwali għal kull kumpanija li tikkwalifika li tiġbor il-kapital taħt it-tliet skemi huwa GBP 2 miljun.

Billi l-miżura qabżet il-livelli massimi tas-segmenti tal-investiment prevvisti fl-RCG, din ġiet soġġetta għall-valutazzjoni ddettaljata fejn il-Kummissjoni talbet evidenza addizzjonali dwar in-nuqqas tas-suq li qed jiġi ttrattat f’kull livell fejn tista’ tkun preżenti l-għajnuna. Bħala riżultat tal-valutazzjoni ddettaljata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura ssodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RCG u li l-bilanċ ġenerali tal-miżura kien pożittiv.

Aktar minn 50% tal-għajnuna tal-kapital ta’ riskju fir-Renju Unit matul l-aħħar tliet snin ingħatat taħt dawn l-iskemi u tirrappreżenta madwar 30% tal-għajnuna totali għall-kapital ta’ riskju fl-UE.

L-investiment tal-SMEs u l-għajnuna għall-impjiegi (Franza, X 65/2008)

Fl-2008, Franza implimentat miżura b’eżenzjoni sħiħa speċjalment iddisinjata biex tegħleb id-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzi li jiffaċċjaw l-SMEs. Skont l-Artikolu 15 tal-GBER, l-għajnuna setgħet tingħata għall-"investiment tal-SMEs u l-impjiegi". Il-miżura kienet indirizzata lejn is-setturi kollha u l-għajnuna setgħet tieħu l-forma ta’ self, sussidju fuq ir-rata tal-interessi, garanzija, għotja jew pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura. Il-baġit annwali totali kien madwar EUR 160 miljun.

In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-SMEs

Kif innutat hawn fuq, l-Ewropa 2020, permezz tal-inizjattiva ewlenija tagħha ‘Il-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni’, tenfasizza l-potenzjal tal-SMEs bħala magni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir. F’dan il-kuntest, l-għajnuna mill-Istat tidher bħala għodda importanti biex tipprovdi l-finanzjament għall-SMEs meta dan ma jkunx jista’ jagħmlu disponibbli s-suq waħdu. Il-punt sa fejn l-Istati Membri jużaw din il-possibbiltà jvarja u jiddependi fuq it-taħlita tal-politiki differenti magħżula mill-gvernijiet.

L-għajnuna totali mill-Istat iffukata fuq l-SMEs (li hija differenti mill-għajnuna totali mill-Istat attwalment imqassma lill-SMEs) kienet tlaħħaq madwar EUR 4.6 biljun[59] fl-2009 (0.04% tal-PDG tal-UE-27), li minnhom il-kapital ta’ riskju jirrappreżenta madwar EUR 0.6 biljun. F’termini relattivi, madwar 7% tal-għajnuna għall-industrija u s-servizzi kienet esklussivament iffukata fuq l-SMEs. Il-kapital ta’ riskju kien jammonta għal 1% addizzjonali tal-għajnuna totali. 70% tal-kapital ta’ riskju ngħata mir-Renju Unit (madwar EUR 0.4 biljun).

L-akbar sehem tal-għajnuna għall-SMEs (inkluż il-kapital ta’ riskju) f’relazzjoni mal-industrija u s-servizzi kien osservat: fl-Estonja (30%), fl-Italja (24%) u fir-Renju Unit (20%). Ħames Stati Membri (l-Isvezja, il-Polonja, Malta, id-Danimarka u l-Bulgarija) taw anqas minn 1% tal-għajnuna totali bħala għajnuna għall-SME.

Erba’ Stati Membri biss kienu jammontaw għal tliet kwarti tal-għajnuna kollha għall-SME: l-Italja (24%), il-Ġermanja (20%), Franza (18%) u r-Renju Unit (14%).

Fl-2009, għall-ewwel darba aktar minn nofs l-għajnuna għall-SMEs (53%; EUR 2.4 biljun) ngħatat taħt il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa. Minn dan it-total, il-miżuri tal-GBER kienu jammontaw għal madwar EUR 1.5 biljun, inkluż l-għajnuna għall-konsulenza favur l-SMEs (EUR 714 miljun; Art. 26 GBER), l-investiment għall-SMEs u l-għajnuna għall-impjiegi (EUR 710 miljun; Art. 15 GBER), l-għajnuna għall-kapital ta’ riskju (EUR 39 miljun; Art. 23-24 GBER) u l-għajnuna għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-fieri (EUR 25 miljun; Art. 27 GBER).

Nofs it-total tal-għajnuna mill-Istat għall-SMEs fl-2009 ingħatat taħt biss 11-il skema (erbgħa Franċiżi, tlieta Brittaniċi, tnejn Ġermaniżi, waħda Taljana u waħda Belġjana). Fosthom, tliet miżuri, (waħda fl-Italja u tnejn fi Franza) kellhom jappoġġjaw l-investiment fl-SMEs f’żoni assistiti, żewġ skemi Brittaniċi pprovdew inċentivi tat-taxxa għall-investimenti tal-kapital ta’ riskju, skema waħda Ġermaniża appoġġjat lill-SMEs fis-settur tal-ipproċessar tal-ikel filwaqt li t-tieni waħda għenet lill-SMEs fil-Bavarja, żewġ skemi Franċiżi u waħda Belġjana offrew appoġġ ġenerali lill-SMEs filwaqt li t-tielet miżura Brittanika ħalliet l-għażliet tal-ishma b’vantaġġi tat-taxxa għall-impjegar u ż-żamma tal-impjegati kkwalifikati mal-kumpaniji iżgħar, b’riskju ogħla li qed jikbru.

Jekk inqabblu l-perjodi konsekuttivi 2004-2006 u 2007-2009 tista’ tiġi osservata xejra ’l isfel fl-għajnuna għall-SME, kemm f’termini relattivi (bħala perċentwali tal-PDG – minn 0.05% tal-PDG għal 0.04%) kif ukoll f’termini nominali b’EUR 0.6 biljun kull sena. Anke s-sehem tagħha fl-għajnuna totali mill-Istat għall-industrija u s-servizzi naqas minn 11.4% għal 7.8%.

Kważi l-għajnuna kollha għall-SMEs mogħtija fl-UE tingħata permezz ta’ skemi. Bejn l-2004 u l-2009 (meta t-total ta’ EUR 33.1 biljun ingħata bħala għajnuna għall-kapital ta’ riskju u għajnuna għall-SMEs), l-għajnuna individwali ad hoc kienet tammonta għal anqas minn 0.5% tat-total. Fir-rigward tal-istrumenti tal-għajnuna, l-Istati Membri użaw l-aktar: l-għotjiet diretti (64% tal-għajnuna totali), l-eżenzjonijiet mit-taxxa (24%) u s-self issussidjat (8%). Jekk l-għajnuna għall-kapital ta’ riskju titqies separatament, l-eżenzjonijiet mit-taxxa u l-parteċipazzjonijiet fl-ishma kienu l-istrumenti ppreferiti.

Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs

Bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, l-appoġġ għall-SMEs jikkostitwixxi sfida importanti. B’mod partikolari, flimkien ma’ dgħufijiet oħra relatati mal-ambjent tan-negozju, l-Istati Membri għandhom jittrattaw id-diffikultajiet speċifiċi tal-finanzjament ta’ dawn il-kumpaniji.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat attwalment joffru lill-Istati Membri firxa wiesgħa ta’ għażliet iddisinjati biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-SMEs. B’mod partikolari, il-GBER tikkostitwixxi qafas xieraq għall-għoti tal-għajnuna b’minimu ta’ spejjeż amministrattivi u mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni filwaqt li fl-istess ħin li tiggarantixxi li l-miżuri jkunu mmirati sew u ma joħolqux distorsjonijiet kbar tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest tan-nuqqasijiet tas-suq li jaffettwaw lill-SMEs, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ minn dan l-istrument.

Kif spjegat hawn fuq, iċ-ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs ma jirriflettux bis-sħiħ l-ammont totali tal-għajnuna attwalment imqassam lil dawn il-kumpaniji għaliex iqisu biss dawk il-miżuri li l-għan primarju tagħhom huwa l-"SMEs" jew il-"kapital ta’ riskju". Għalhekk, kwalunkwe konklużjonijiet li joħorġu mix-xejra ’l isfel osservata fir-rigward tat-total tal-għajnuna għall-SMEs għandha tqis dik l-avvertenza. F’kull każ, l-importanza tal-miżuri b’eżenzjoni sħiħa għall-SMEs hija evidenti, hekk kif aktar minn nofs it-total tal-għajnuna għall-SMEs mogħtija fl-2009 saret taħt dawn il-miżuri.

Fir-rigward tal-kapital ta’ riskju, jidher li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna hija kkonċentrata fir-Renju Unit; l-użu ta’ din l-għażla mill-Istati Membri l-oħra kien kważi negliġibbli. Ir-riforma riċenti tal-RCG, biex jiġu adattati għall-kundizzjonijiet attwali tas-suq, tippermetti anqas parteċipazzjoni mill-investituri privati u aktar segmenti tal-investimenti. Dawn it-tibdiliet għandhom jippromwovu l-investimenti tal-kapital ta’ riskju fl-SMEs.

GħAJNUNA MILL-ISTAT LIS-SETTUR TAL-BROADBAND

Il-kuntest tal-politika

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet għanijiet ambizzjużi ħafna għall-iżvilupp tal-broadband, għaliex l-investimenti intelliġenti fl-infrastrutturi tal-broadband b’veloċità għolja u għolja ħafna huma kruċjali għall-ħolqien tal-impjiegi, biex itejbu l-prestazzjoni ekonomika u biex jirrilaxxaw il-potenzjal kompetittiv tal-UE fit-tul.

L-Istrateġija Ewropa 2020 enfasizzat l-importanza li jintuża l-broadband biex jippromwovi l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-UE u anke stabbiliet miri ambizzjużi għall-iżvilupp tal-broadband. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea nidiet waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-"Aġenda Diġitali"[60], li tenniet l-għan li l-broadband bażiku jingħata lill-Ewropej kollha sal-2013 u fittxet li tiżgura li, sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom l-aċċess għall-veloċitajiet tal-internet ta’ aktar minn 30 Mbps u 50% jew aktar tad-djar Ewropej jabbonaw għall-konnessjonijiet tal-internet ta’ ’l fuq minn 100 Mbps.

Huwa stmat li se jkunu meħtieġa investimenti sa EUR 60 biljun biex jinkiseb l-ewwel għan, filwaqt li t-tieni se jkun jeħtieġ EUR 270 biljun oħra[61]. Dawn l-investimenti se jiġu primarjament mill-operaturi kummerċjali. Madankollu, dawn l-għanijiet ambizzjużi ma jistgħux jintlaħqu mingħajr l-użu intelliġenti tal-fondi pubbliċi. L-Istati Membri qegħdin jintalbu " jużaw finanzjament pubbliku f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat "[62] sabiex jissodisfaw il-kopertura, il-veloċità u l-miri tal-użu ddefiniti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-Kummissjoni Ewropea tippjana li tiffoka diversi mill-istrumenti finanzjarji tagħha, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, in-Netwerks Trans-Ewropej u l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, biex jgħinuha tikseb l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali possibbilment bl-inklużjoni tat-tisħiħ tal-kreditu (appoġġjat mill-BEI u l-fondi tal-UE).

Il-finanzjament pubbliku u l-għajnuna mill-Istat għandhom rwol importanti biex jikkumplimentaw l-investimenti privati u biex jestendu l-broadband u l-kopertura tan-netwerk tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) b’veloċità għolja ħafna f’żoni fejn l-operaturi tas-suq aktarx li ma jinvestux b’termini kummerċjali fil-ġejjieni viċin. Madankollu, il-finanzjament pubbliku għandu jintuża bil-għaqal fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzati biex tiġi evitata l-eliminazzjoni tal-investimenti privati.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-broadband

Il-Linji gwida dwar il-Broadband[63] tal-2009 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom il-finanzjament pubbliku jista’ jingħata għall-iżvilupp tal-broadband f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat: dawn jikkodifikaw il-prattika tal-każijiet stabbilita sew tal-Kummissjoni (żviluppata sa mill-2003) li jikkonċernaw in-netwerks tal-broadband bażiku, jestrapolaw in-normi fundamentali u japplikawhom fil-qasam il-ġdid tan-netwerks tal-NGA b’veloċità għolja ħafna u bbażati fuq il-fibra.

Il-Linji gwida jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jiddisinjaw il-miżuri tal-għajnuna biex jimmiraw fuq l-investiment pubbliku fiż-żoni ġeografiċi fejn l-investimenti kummerċjali aktarx li ma jsirux. Barra dan, l-operaturi privati jiggwadanjaw ċertezza u ċarezza addizzjonali dwar ir-rwol u l-ambitu tal-intervent pubbliku f’dan is-settur u jkunu f’qagħda aħjar li jippjanaw l-investimenti tagħhom stess f’netwerks ġodda u mtejba. Il-kaxxa t’hawn taħt tiġbor fil-qosor il-karatteristiċi ewlenin tal-Linji gwida tal-Broadband.

Linji gwida dwar in-netwerks tal-broadband

Il-Linji gwida joffru għodda komprensiva u trasparenti biex jiżguraw li kwalunkwe finanzjament pubbliku tal-broadband jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi ffaċilitat l-użu mifrux tan-netwerks tal-broadband b’veloċità għolja u b’veloċità għolja ħafna, titjieb il-kompetittività Ewropea u jiġi mgħejjun il-bini ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa.

B’mod partikolari, il-Linji gwida jispjegaw kif il-fondi pubbliċi jistgħu jintużaw għall-użu tan-netwerks tal-broadband bażiku kif ukoll għan-netwerks tal-NGA f’żoni fejn l-operaturi privati ma jinvestux.

Biex jiġu identifikati l-oqsma eliġibbli għall-intervent pubbliku, il-Linji gwida jiddistingwu bejn żoni "bojod", "griżi" u "suwed", skont jekk hemmx diġà infrastrutturi adegwati tal-broadband implimentati. Il-finanzjament pubbliku għat-tixrid tan-netwerks tal-broadband f’żoni bojod (l-aktar rurali), fejn ma teżistix infrastruttura adegwata huwa ġeneralment meqjus bħala bla problemi. Bil-maqlub, l-għajnuna mill-Istat f’żoni (b’popolazzjoni densa) fejn diġà jeżistu infrastrutturi tal-broadband li jikkompetu ma’ xulxin (żoni suwed) huwa pprojbit, filwaqt li proġett tal-għajnuna mill-Istat għaż-żoni l-griżi jeħtieġ analiżi aktar profonda. Approċċ simili jiġi applikat għall-għajnuna għan-netwerks tal-NGA, li tiddistingwi bejn żoni tal-"NGA bojod", tal-"NGA griżi", u tal-"NGA suwed".

Numru ta’ salvagwardji kruċjali (bħall-immappjar dettaljat, l-offerti miftuħa, l-obbligi tal-aċċess bl-ingrossa jew in-newtralità teknoloġika u l-mekkaniżmi tat-treġġiegħ lura) ġew stabbiliti fil-Linji gwida sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni u jevitaw l-eliminazzjoni tal-investiment privat.

Fil-każ tal-għajnuna għan-netwerks tal-NGA, billi r-riskju tat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jista’ jkun akbar (minħabba, pereżempju, li l-infrastrutturi tal-broadband bażiku jistgħu diġà jkunu ġew implimentati fiż-żoni mmirati), iridu jiġu ssodisfati kundizzjonijiet addizzjonali tal-kompatibbiltà.

F’xi każijiet, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li l-għoti tan-netwerk tal-broadband għandu jitqies bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI). Skont il-każistika tal-Qorti, jekk il-kriterji tal- Altmark jiġu ssodisfati, il-finanzjament tal-Istat għall-għoti ta’ SGEI jista’ jkun lil hinn mill-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Linji gwida jipprovdu wkoll deskrizzjoni ddettaljata tal-kundizzjonijiet jekk l-awtoritajiet pubbliċi jiddeċiedu li jinvestu f’netwerk tal-broadband bl-istess kundizzjonijiet ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq (f’konformità mal-Prinċipju tal-Investiment tal-Ekonomija tas-Suq).

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-broadband u l-istudju tal-każ

Bejn l-2004 u l-2010 il-Kummissjoni adottat 72 deċiżjoni finali dwar il-miżuri li jikkonċernaw in-netwerks tal-broadband inkluż 65 deċiżjoni dwar l-għajnuna kompatibbli, 6 deċiżjonijiet li ma kellhomx għajnuna u deċiżjoni waħda negattiva. Kif muri fil-grafika t’hawn taħt, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Linji gwida tal-Broadband f’Settembru 2009, kien hemm żieda qawwija fl-għadd tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna kompatibbli.[64]L-adozzjoni tal-Linji gwida tal-Broadband wasslet għal miżuri tal-għajnuna ddisinjati aħjar u għat-trattament aċċellerat tal-każijiet tal-broadband.

[pic]

Id-deċiżjonijiet skont il-Linji gwida tal-Broadband kienu primarjament jikkonċernaw iż-"żoni bojod" jew iż-"żoni bojod tal-NGA" fejn ma kienx hemm disponibbli broadband adegwat jew infrastrutturi tal-NGA (56 mill-miżuri approvati u 6 deċiżjonijiet li ma kellhomx l-għajnuna), iżda kienu jikkonċernaw ukoll iż-"żoni griżi" fejn l-operatur eżistenti ma kellux biżżejjed inċentivi tas-suq biex itejjeb in-netwerk tiegħu u ma kienet teżisti l-ebda kompetizzjoni effettiva (8 mill-miżuri approvati). Fil-każ taż-"żoni suwed" fejn tal-anqas żewġ fornituri jew aktar tan-netwerk tal-broadband huma preżenti, il-Kummissjoni qatt ma approvat xi miżura tal-għajnuna.

Fil-perjodu 2004-2010, ħafna mill-miżuri tal-għajnuna approvati kienu jikkonċernaw lir-Renju Unit, iżda diversi inizjattivi (reġjonali) ġew approvati għall-Ġermanja u għall-Italja. Dawn huma l-akbar Stati Membri li kellhom jiffaċċjaw ir-riskju tal-"qasma diġitali" fil-pajjiżi tagħhom.

[pic]

Madwar 80% tad-deċiżjonijiet kienu deċiżjonijiet biex ma jiġux imqajma oġġezzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi nnutat li f’diversi każi dan ir-riżultat inkiseb wara skambji mal-Kummissjoni, bl-Istati Membri jagħmlu tibdil fin-notifiki sabiex jiżguraw li l-iskemi tagħhom ikunu konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

Il-kaxxa t’hawn taħt turi eżempju ta’ miżura Finlandiża indirizzata lejn l-appoġġ għall-iżvilupp tal-broadband f’żoni ta’ popolazzjoni baxxa:

Għajnuna għall-Kostruzzjoni tal-Broadband b’Veloċità Għolja f’Żoni ta’ Popolazzjoni Baxxa fil-Finlandja (Finlandja, N 62/2010)

Fl-2010 il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżura mmirata biex tappoġġja l-iżvilupp tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika li joffru servizzi tal-broadband b’veloċità għolja ħafna (NGA) f’żoni ta’ popolazzjoni baxxa fil-Finlandja li ma kinux servuti u fejn ma kienx hemm pjani għal din il-kopertura fil-ġejjieni viċin.

Skont il-pjan ta’ azzjoni nazzjonali Finlandiż għat-titjib tal-infrastruttura tas-soċjetà tal-informazzjoni, sal-aħħar tal-2015, kważi ċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha Finlandiżi għandu jkollhom aċċess għas-servizzi NGA b’rata minima ta’ downstream ta’ 100 Mbps. Minħabba l-ekonomiji tan-netwerks tal-broadband, l-operaturi kummerċjali ma jkunu lesti li jinvestu f’żoni ta’ popolazzjoni baxxa, għalkemm il-kopertura tan-netwerk tal-broadband tista’ twassal għal benefiċċji proporzjonalment akbar għaċ-ċittadini u n-negozji milli f’żoni urbani.

Il-Finlandja għalhekk iddisinjat skema tal-għajnuna mill-Istat biex testendi l-kopertura tal-NGA ukoll f’dawn iż-żoni rurali ta’ popolazzjoni baxxa. Il-proġett huwa ffinanzjat b’fondi privati u pubbliċi, bil-fondi Ewropej inklużi. L-għajnuna tieħu l-forma ta’ għotjiet diretti u l-intensitajiet tal-għajnuna (b’massimu ta’ 66%) jkunu jiddependu mir-riżultat tal-proċedura tal-offerti.

B’riżultat ta’ dan il-proġett, il-Finlandja se tkun waħda mill-ewwel Stati Membri li kważi tilħaq il-kopertura tal-NGA ta’ 100% fl-Ewropa sal-2015 – li minnhom 95% se jkun użu kummerċjali, 5% bl-għajnuna tal-għajnuna mill-Istat – u għalhekk tissodisfa l-għan tal-UE dwar l-użu tal-broadband.

Wara l-analiżi tal-miżura fid-dawl tal-Linji gwida dwar il-broadband, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern.

In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat fuq is-settur tal-broadband

Fil-passat, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li jappoġġjaw is-settur tal-broadband kienu tipikament proġetti żgħar lokalizzati minn biss ftit Stati Membri (eż. ir-Renju Unit jew l-Italja).

Sa mill-2008, kien hemm żieda kostanti fl-importanza tal-finanzjament pubbliku, u l-miżuri tal-għajnuna nazzjonali mill-Istat għat-tixrid tal-broadband issa huma ddisinjati biex jiffurmaw parti integrali mill-istrateġiji komprensivi nazzjonali tal-broadband. F’konformità ma’ dawn l-iżviluppi, l-ammont tal-għajnuna mill-Istat użat għall-iżvilupp tal-broadband żdied bil-qawwi meta mqabbel mal-medja fil-perjodu 2004-2008. L-ammont tal-finanzjament pubbliku ffukat għall-iżvilupp tal-broadband huwa mistenni jiżdied aktar[65].

Hemm żewġ raġunijiet ewlenin għall-importanza dejjem tikber tal-għajnuna mill-Istat u l-fondi pubbliċi fis-settur tal-broadband. L-ewwel , aktar u aktar Stati Membri jirrikonoxxu l-importanza tad-disponibbiltà tal-broadband mifrux għall-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom. It-tieni , qed iseħħ ċaqliq teknoloġiku minħabba l-użu ta’ netwerks tal-NGA. Dawn in-netwerks jeħtieġu investimenti qawwija mill-operaturi, għalhekk in-numru taż-żoni fejn dawn l-investimenti ma jsirux fuq termini kummerċjali huwa ogħla milli kien il-każ għall-broadband bażiku. Għalhekk, iż-żoni fejn ikun meħtieġ l-intervent pubbliku huma akbar u l-ammont tal-finanzjament meħtieġ biex ikopri żona b’netwerk tal-NGA huwa mistenni li jkun ogħla b’mod sinifikanti meta pparagunat mal-broadband bażiku.

Fil-perjodu 2004-2010, il-Ġermanja u Spanja kellhom l-akbar volum ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata għall-iżvilupp tal-broadband[66].

[pic]

Il-Kummissjoni approvat aktar minn minn EUR 4 biljun ta’ għajnuna skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, primarjament biex testendi l-kopertura tal-broadband f’żoni bojod jew żoni bojod tal-NGA (madwar 69%), fejn l-ebda operatur ma kellu inċentiv tas-suq biżżejjed biex iwettaq dawn l-investimenti. Billi l-intensitajiet tal-għajnuna huma tipikament madwar il-50%, huwa raġonevoli li jiġi assunt li l-għajnuna approvata ġġenerat investimenti totali ta’ madwar EUR 8 biljun fin-netwerks tal-broadband.

[pic]

Aktar minn nofs l-iskemi approvati kienu jinvolvu għajnuna ta’ anqas minn EUR 20 miljun. Madankollu, bl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-qafas nazzjonali u biċ-ċaqliq lejn l-iżvilupp tal-NGA, aktar u aktar skemi tal-għajnuna mill-Istat qed ikollhom baġit ta’ aktar minn EUR 100 miljun[67].Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddisinjaw u jinnotifikaw l-iskemi tal-qafas nazzjonali sabiex iħaffu l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-broadband.

Skont ir-rapporti annwali għall-perjodu 2004–2009, l-Istati Membri diġà implimentaw EUR 368 miljun mill-volum approvat tal-għajnuna mill-Istat għan-netwerks tal-broadband. Madwar 60 % ta’ dan l-ammont (EUR 226 miljun) ingħata fl-2008 u fl-2009. Tliet kwarti tal-għajnuna totali ngħatat mir-Renju Unit (EUR 159 miljun) u mill-Irlanda (EUR 125 miljun). Id-differenza l-kbira bejn il-volum approvat (EUR 4 biljun) u l-għajnuna rrappurtata mill-Istati Membri hija minħabba l-fatt li l-maġġoranza tal-għajnuna mill-Istat kienet prevvista għall-2010 u għas-snin ta’ wara.

Minbarra l-għajnuna mill-Istat u l-investimenti privati, l-iżvilupp tan-netwerks tal-broadband huwa appoġġjat ukoll permezz ta’ strumenti oħra. Pereżempju, għall-perjodu tal-finanzjament ta’ bejn l-2007–2013 tal-Fondi Strutturali, total ta’ EUR 2.3 biljun ġie allokat għall-investimenti fl-infrastruttura tal-broadband u EUR 12.9 biljun għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. EUR 360 miljun oħra ntużaw għall-finanzjament tal-broadband permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali filwaqt li fl-2009 il-BEI investa EUR 2.4 biljun fl-infrastrutturi tal-broadband u total ta’ EUR 12 biljun sa mill-2000.

Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lis-settur tal-broadband

L-Istrateġija Ewropa 2020 enfasizzat l-importanza li jiġi użat il-broadband biex jippromwovi l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-UE. L-Istati Membri attwalment jinsabu fil-proċess li jiddefinixxu l-pjani tagħhom biex jiksbu l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda Diġitali. L-użu effettiv tal-finanzjament pubbliku jidher li huwa meħtieġ biex l-aċċess għall-internet b’veloċità għolja u b’veloċità għolja ħafna jkun disponibbli għal kemm jista’ jkun ċittadini tal-UE biex jgħinhom jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-soċjetà msejsa fuq l-għarfien. Minn naħa l-oħra, il-finanzjament pubbliku għandu jintuża bil-għaqal fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzati biex tiġi evitata l-'eliminazzjoni' tal-investimenti privati.

Il-Linji gwida tal-Broadband ipprovdew qafas ċar u prevedibbli għall-għajnuna mill-Istat f’dan is-settur. Sa mill-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni approvat numru sinifikanti ta’ deċiżjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri li jappoġġjaw l-investimenti f’żoni fejn l-operaturi tas-suq aktarx li ma jinvestux fuq termini kummerċjali (eż. żoni rurali jew remoti).

Minbarra li jistabbilixxu l-qafas legali għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat, il-Linji gwida għandhom l-għan mhux biss li jippromwovu l-investimenti fl-infrastruttura tal-broadband iżda wkoll li jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni effettiva, biex b’hekk jgħinu biex jiġi massimizzat il-benesseri tal-konsumatur, fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi u servizzi aktar u aħjar.

GħAJNUNA MILL-ISTAT GħALL-IMPJIEGI U T-TAħRIġ

Il-kuntest tal-politika

Il-livell għoli tal-impjiegi huwa identifikat bħala ewlieni għas-sostenibbiltà tal-mudell soċjali tal-Ewropa u tas-sistemi tal-għajnuna soċjali u biex jiġu ppreservati l-finanzi pubbliċi filwaqt li jinżamm it-tkabbir ekonomiku. Dik hija r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea ppreżentat bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 it-trawwim ta’ ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi u stabbilixxiet mira ambizzjuża għall-impjiegi ta’ 75% għall-grupp tal-etajiet ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020 . L-inizjattiva ewlenija "L-aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi"[68] tidentifika erba’ prijoritajiet ewlenin biex tilħaq din l-isfida: funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol; forza tax-xogħol b’aktar ħiliet, kapaċi li tikkontribwixxi u taġġusta għall-bidla teknoloġika b'modi ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol; kwalità aħjar tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; u politiki aktar sodi biex jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi u d-domanda għax-xogħol. Għalkemm l-Istati Membri huma l-atturi ewlenin, it-tlaqqigħ flimkien tal-isforzi u l-istrumenti kollha huwa essenzjali biex jinkiseb dan l-għan. L-inizjattiva tipproponi 13-il azzjoni konkreta, b'miżuri akkumpanjanti u preparatorji, biex jiġu kkoordinati l-politiki ffukati fuq dawk l-erba’ prijoritajiet.

Billi l- forza tax-xogħol ta' ħila hija vantaġġ importanti għall-iżvilupp ta' ekonomija kompetittiva, sostenibbli u innovattiva skont il-miri ta' Ewropa 2020 [69], l-Istrateġija Ewropa 2020 tagħti attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol[70]. L-inizjattiva ewlenija "Żgħażagħ Mobbli" tfittex li ttejjeb l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, il-mobbiltà u l-prospetti tax-xogħol. L-inizjattiva tinkludi azzjonijiet li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-immodernizzar tal-edukazzjoni tagħhom u tas-sistemi tat-taħriġ biex jipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu fis-swieq tax-xogħol ta’ llum u taħseb għal qafas politiku Ewropew għall-impjiegi taż-żgħażagħ.

Id-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki għall-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, fuq il-bażi tal-linji gwida dwar l-impjiegi adottati mill-Kunsill[71].

Komponent wieħed fl-istrateġiji tagħhom huwa l-appoġġ pubbliku fil-formati differenti tiegħu. In-nefqa pubblika totali fuq il-miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol kienu jammontaw għal madwar EUR 57 biljun fl-2008[72]. Minn dan it-total, madwar EUR 22 biljun servew biex jappoġġjaw il-miżuri tat-taħriġ. EUR 24 biljun oħra ntefqu fuq is-servizzi tas-suq tax-xogħol[73], biex jiffinanzjaw is-sistemi u l-istrutturi li joffru servizzi lill-persuni qiegħda.

Ħafna minn dawk il-miżuri pubbliċi huma indirizzati lejn individwi jew japplikaw għall-ħaddiema kollha, eż., tnaqqis ġenerali fit-tassazzjoni tax-xogħol u l-ispejjeż soċjali[74], miżuri li jipprovdu gwida u konsulenza, assistenza ġenerali u taħriġ għall-persuni qiegħda jew programmi ta’ taħriġ li japplikaw mingħajr distinzjoni għall-impjegaturi kollha fi Stat Membru partikolari. Dawk it-tip ta’ miżuri ma jagħtux vantaġġ lil ċertu intrapriżi u għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

Madankollu, minħabba l-funzjonament mhux perfett tas-swieq tax-xogħol, l-għajnuna mill-Istat tista’, f’ċertu każijiet, tikkostitwixxi strument xieraq, pereżempju, biex jappoġġja r-reklutaġġ ta’ ħaddiema b’diżabbiltajiet jew kategoriji oħra ta’ ħaddiema li jiffaċċjaw ostakoli għall-impjieg tagħhom bir-rati tal-pagi attwali. L-impjegaturi għandhom it-tendenza li jkollhom perċezzjoni li ċertu karatteristiċi bħad-diżabbiltà, il-qgħad fit-tul jew in-nuqqas ta’ edukazzjoni bażika jkunu sinjali ta’ produttività aktar baxxa. L-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi tista’ tgħin lil dawn il-ħaddiema biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew biex jibqgħu fil-post tagħhom billi tkopri l-ispejjeż żejda li jkunu ġejjin minħabba l-perċezzjoni jew ir-realtà tal-produttività aktar baxxa tagħhom.

Minkejja l-effetti pożittivi tagħha, l-għajnuna għall-impjiegi ġġorr ir-riskju tat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Mingħajr kontrolli rigorużi u limiti xierqa fuq l-għajnuna, l-għajnuna għall-impjiegi jista’ jkollha effetti ta’ ħsara li jikkanċellaw kompletament l-effetti immedjati tagħha fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Jekk l-għajnuna tintuża biex tipproteġi l-kumpaniji esposti għall-kompetizzjoni transkonfinali, jista’ jkollha l-effett li ddewwem l-aġġustamenti meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Fir-rigward tat-taħriġ, mingħajr l-azzjoni pubblika, jingħataw ferm anqas edukazzjoni u taħriġ minn kemm hu mixtieq soċjalment. In-nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ jista’ jseħħ minħabba numru ta’ raġunijiet: approċċ ta’ natura ta’ riskju avvers mill-kumpaniji, il-limitazzjonijiet finanzjarji, il-biża’ li l-impjegati jitilqu qabel ma l-kumpanija tkun irkuprat l-investiment tagħha, eċċ. L-għarfien imtejjeb u l-ħiliet jiġġeneraw benefiċċji għas-soċjetà lil hinn minn dawk ikklassifikati bħala dħul ogħla għall-individwi li huma mħarrġa aħjar (jew għall-impjegaturi); il-benefiċċju soċjali totali jaqbeż ir-redditu privat. It-taħriġ jikkontribwixxi wkoll għall-koeżjoni soċjali billi jnaqqas l-inugwaljanza ex-ante u d-distanza soċjali bejn l-individwi, b’impatt favorevoli fuq il-prestazzjoni ekonomika. It-trattament tan-nuqqasijiet tas-suq relatati mat-taħriġ jeħtieġ appoġġ finanzjarju, flimkien ma’ sforzi pubbliċi oħra.

Bl-għoti tal-għajnuna għat-taħriġ lil ċertu kumpaniji, l-awtoritajiet pubbliċi qed jassumu parti mill-ispejjeż tat-taħriġ ta’ dawk il-kumpaniji u jgħaddu vantaġġ finanzjarju li jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ għandhom, għalhekk, ikunu ddisinjati tajjeb sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-suq li jirriżultaw min-nuqqas tal-investiment fit-taħriġ u jiggarantixxu li, f’dawk il-limiti, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjonijiet jiġu mminimizzati.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ

Ħafna mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat dwar l-impjiegi u t-taħriġ jinsabu fil-GBER. Fil-każ tal-miżuri tal-għajnuna individwali li jinvolvu ammonti kbar ta’ għajnuna, in-notifika minn qabel tibqa’ meħtieġa. Fl-2009, il-Kummissjoni ħarġet żewġ dokumenti ta’ gwida[75] li jistabbilixxu l-kriterji li se ssegwi biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna nnotifikati għall-ħaddiema żvantaġġati u b’diżabbiltajiet u għall-għajnuna għat-taħriġ.

Il-kaxxa t’hawn taħt tagħti sommarju tal-possibbiltajiet ewlenin tal-għoti tal-għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ skont id-dispożizzjonijiet attwali dwar l-għajnuna mill-Istat.

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Impjiegi

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi jipprovdu pakkett ta’ miżuri li jista’ jintuża mill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi u r-reklutaġġ ta’ impjegati żvantaġġati jew b’diżabbiltajiet.

Il-GBER tkopri l-għajnuna mogħtija għar-reklutaġġ tal-ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi; l-għajnuna għall-impjiegi ta’ persuni b’diżabbiltajiet fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi; u l-għajnuna li tkopri l-ispiża addizzjonali biex jiġu impjegati persuni b’diżabbiltajiet. Madankollu, il-miżuri tal-għajnuna individwali li jaqbżu l-limitu tan-notifika jeħtieġu notifika individwali. Dan il-limitu huwa stabbilit fil-livell ta’ EUR 5 miljun għal kull kumpanija kull sena biex jiġu impjegati l-ħaddiema żvantaġġati u fil-livell ta’ EUR 10 miljun għal kull kumpanija kull sena biex jiġu impjegati l-ħaddiema b’diżabbiltajiet.

It-tipi l-oħra tal-għajnuna għall-impjiegi mhumiex ipprojbiti, iżda għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni bil-quddiem.

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ

Ir-regoli tal-UE jkopru l-appoġġ pubbliku kollu għat-taħriġ li jiffavorixxi xi kumpanija waħda jew aktar jew setturi tal-industrija billi jnaqqas l-ispejjeż li normalment kien ikollhom iġorru meta jkunu jridu li l-impjegati tagħhom jakkwistaw ħiliet ġodda. Dan japplika għall-għajnuna għat-taħriġ kemm jekk it-taħriġ jiġi pprovdut mill-kumpaniji nnifishom kif ukoll jekk jiġi pprovdut miċ-ċentri tat-taħriġ pubbliċi jew privati.

It-taħriġ ikkunsidrat fil-GBER jista’ jkun ta’ żewġ tipi: it- taħriġ speċifiku huwa applikabbli prinċipalment għall-pożizzjoni preżenti jew futura tal-impjegat u t- taħriġ ġenerali jipprovdi kwalifiki li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom trasferibbli għall-kumpaniji oħra jew f’oqsma oħra tax-xogħol. Ir-riskji tal-effetti tat-tgħawwiġ fuq il-kompetizzjoni huma akbar fl-ewwel każ milli fit-tieni.

Minħabba l-limitazzjonijiet partikolari u l-ispejjeż relattivament ogħla li l-SMEs ikollhom iġorru meta jinvestu fit-taħriġ, l-intensitajiet tal-għajnuna permessi skont il-GBER huma aktar qawwija għal dik it-tip ta’ intrapriża.

Madankollu, il-miżuri tal-għajnuna individwali li jinvolvu ammonti kbar tal-għajnuna jistgħu jġorru riskju ogħla li jgħawwġu l-kompetizzjoni. Dawn il-miżuri huma soġġetti għan-notifika minn qabel sabiex jiġi vvalutat jekk l-effetti pożittivi jegħlbux l-effetti negattivi. Il-GBER jistabbilixxi l-limitu għan-notifika fil-livell ta’ EUR 2 miljun għall-proġetti tal-għajnuna għat-taħriġ.

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ u l-istudju tal-każijiet

Fil-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2010, il-Kummissjoni ħadet 32 deċiżjoni finali dwar il-miżuri marbuta mal-impjiegi, u ddikjarat 25 miżura bħala kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u ddikjarat li ħames miżuri ma kellhomx għajnuna mill-Istat[76]. Il-maġġoranza l-kbira tad-deċiżjonijiet (94%) kienu jirrelataw mal-iskemi. Kważi żewġ terzi tal-miżuri kollha dwar l-għajnuna mill-Istat ġew implimentati minn Franza (5), il-Ġermanja (4), id-Danimarka (3), l-Italja (3), Spanja (3) u l-Isvezja (2).

Matul l-istess perjodu n-numru tad-deċiżjonijiet dwar il-miżuri tat-taħriġ kien jammonta għal 34 (26 miżura dwar l-għajnuna mill-Istat ġew approvati, erba’ deċiżjonijiet mingħajr l-għajnuna u erba’ deċiżjonijiet negattivi). Mill-miżuri approvati dwar l-għajnuna mill-Istat, sitta jirrelataw mal-iskemi, 12 mal-każijiet ad hoc u tmienja għall-applikazzjonijiet individwali tal-iskemi.

In-numru tal-miżuri approvati mill-Kummissjoni għat-taħriġ u l-impjiegi kien baxx ħafna minħabba l-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-miżuri dwar it-taħriġ u l-impjiegi introdotti mill-Istati Membri kienu skont ir-regolamenti tal-eżenzjoni sħiħa.[77].

In-numru tal-miżuri eżentati b’mod sħiħ introdotti mill-Istati Membri matul il-perjodu 2004-2010 kien ta’ 1005[78]. Minn dan it-total, 147 jikkorrispondu għall-miżuri stabbiliti skont ir-regolament b’eżenzjoni sħiħa dwar l-impjiegi[79], 420 għall-miżuri stabbiliti skont ir-regolament b’eżenzjoni sħiħa dwar it-taħriġ[80] u 438 għall-miżuri stabbiliti skont il-GBER.

Kważi 70% tal-miżuri kollha introdotti skont ir-regolament b’eżenzjoni sħiħa dwar l-impjiegi kienu stabbiliti minn ħames Stati Membri: il-Polonja (31), l-Italja u Spanja (20 miżura kull wieħed), l-Ungerija (19) u l-Ġermanja (13). Fir-rigward tal-miżuri tat-taħriġ, l-Italja (96), il-Belġju (69), ir-Renju Unit (62), il-Ġermanja (56) u Spanja (29) implimentaw madwar 74% tal-miżuri adottati skont ir-regolament b’eżenzjoni sħiħa dwar it-taħriġ. Finalment, kważi nofs il-miżuri adottati skont il-GBER ġew introdotti mill-Italja (120) u l-Ġermanja (105).

Fost l-għanijiet tal-GBER, l-akbar numru ta’ miżuri ffukaw fuq it-taħriġ speċifiku (art. 38(1) GBER; 342 miżura) u/jew fuq it-taħriġ ġenerali (Art. 38(2); 229). Fir-rigward tal-għajnuna għall-impjiegi, id-distribuzzjoni tal-miżuri kienet kif ġej: għajnuna għar-reklutaġġ tal-ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi (art. 40 GBER; 75), għajnuna għall-impjiegi ta’ ħaddiema b’diżabbiltajiet fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi (art. 41 GBER; 66) u l-għajnuna għall-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali minħabba l-impjiegi ta’ ħaddiema b’diżabbiltajiet (art. 42 GBER; 50).

[pic]

Il-kaxxa t’hawn taħt turi żewġ eżempji ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat implimentati fil-Belġju u fi Franza li jimmiraw biex jappoġġjaw l-impjiegi u t-taħriġ. Fiż-żewġ każi, il-miżuri kienu ddisinjati skont id-dispożizzjonijiet tal-GBER u għalhekk ma kinux jeħtieġu notifika minn qabel lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni.

L-għajnuna b’eżenzjoni sħiħa għall-integrazzjoni professjonali tal-persuni b’diżabbiltajiet (il-Belġju, X 29/2008)

Fl-2008, il-gvern reġjonali Fjamming implimenta miżura mmirata lejn il-promozzjoni tal-impjiegi tal-ħaddiema b’diżabbiltajiet skont l-Artikoli 41 u 42 tal-GBER. Skont l-iskema, l-għajnuna tingħata lill-impjegaturi li jirreklutaw persuni b’diżabbiltà kif ukoll lill-persuni b’diżabbiltajiet li jaħdmu għal rashom.

L-għajnuna tieħu l-forma ta’ sussidji diretti mmirati lejn il-kumpens tal-ispiża tas-salarju tal-impjegati b’diżabbiltajiet (inkluż il-kontribuzzjonijiet soċjali). L-għajnuna tibda minn 40% tal-ispiża totali tas-salarju u titnaqqas maż-żmien biex tinżel għal 20% mill-ħames sena mir-reklutaġġ. Barra dan, l-iskema tippermetti lill-Istat Membru li jikkumpensa għall-ispejjeż żejda ġġenerati mill-impjieg tal-persuni b’diżabbiltajiet bħall-ispejjeż addizzjonali tat-trasport, l-adattament tal-post tax-xogħol, ix-xiri tal-għodda u tal-ħwejjeġ tax-xogħol, il-ħtiġijiet speċjali tat-taħriġ. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi huma prevvisti għall-impjieg tal-persuni neqsin mid-dawl u/jew mis-smigħ.

Skont l-awtoritajiet Fjammingi, il-baġit annwali tal-iskema huwa stabbilit fil-livell ta’ EUR 59.3 miljun.

Skema tal-għajnuna dwar l-għajnuna għat-taħriġ (Franza, X 64/2008)

Fl-2008, Franza implimentat skema tat-taħriġ li ssegwi d-dispożizzjonijiet tal-GBER. Il-miżura timmira li tipprovdi taħriġ ġenerali u speċifiku lill-impjegati fis-setturi kollha. Skont ir-regoli stabbiliti fil-GBER, l-intensità massima tal-għajnuna għat-taħriġ ġenerali hija 60% tal-ispejjeż eliġibbli u 25% għat-taħriġ speċifiku. Sabiex jiġu kkumpensati għad-diffikultajiet finanzjarji akbar iffaċċjati mill-SMEs, il-GBER tipprevedi intensitajiet akbar tal-għajnuna għal dawn l-intrapriżi (20% żieda għaż-żewġ tipi ta’ taħriġ).

L-għajnuna tista’ tingħata permezz ta’ għotjiet, self, garanziji, interessi sussidjati jew pagamenti bil-quddiem li jitħallsu lura. Il-baġit annwali hija madwar EUR 60 miljun u EUR 3 miljun għall-garanziji. Il-finanzjament addizzjonali (ta’ madwar EUR 25 miljun) qed jiġi pprovdut mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013.

Fl-2009, aktar minn 40% tat-total tal-għajnuna għat-taħriġ fi Franza ngħata skont din l-iskema.

In-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ u l-impjiegi

Kif innutat hawn fuq, l-Istrateġija Ewropa 2020 timmira li trawwem ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi li jlaħħaq il-75%. L-għajnuna mill-Istat hija waħda mill-għodda disponibbli biex jinkiseb dan l-għan. Ġeneralment, tintuża fejn miżuri oħra ma jistgħux jikkoreġu bis-sħiħ il-funzjonament imperfett tas-suq tax-xogħol. Fil-prattika, għandha rwol partikolarment importanti fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema li suppost huma anqas produttivi (iż-żgħażagħ u dawk b’nuqqas ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabbiltajiet eċċ.).

L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ u l-impjiegi kienet tammonta flimkien għal madwar EUR 3.4 biljun fl-2009 (0.03% tal-PDG tal-UE-27) li minnhom l-għajnuna għall-impjiegi kienet ta’ EUR 2.4 biljun (0.02% tal-PDG). F’termini relattivi, madwar 6% tal-għajnuna għall-industrija u s-servizzi ngħatat għall-impjiegi u t-taħriġ.

L-akbar sehem mill-għajnuna għat-taħriġ u l-impjiegi f’relazzjoni mat-total tal-għajnuna għall-industrija u s-servizzi kien osservat fid-Danimarka u l-Polonja. Sitt Stati Membri (il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Olanda, ir-Rumanija u l-Isvezja) taw anqas minn 1% għal dawn l-għanijiet filwaqt li l-Lussemburgu ma użax l-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ u l-impjiegi.

Tliet Stati Membri kienu jammontaw għal 84% tal-għajnuna għall-impjiegi mogħtija fl-2009: id-Danimarka (EUR 1.2 biljun, 51%), il-Polonja (EUR 0.6 biljun, 26%) u l-Italja (EUR 0.2 biljun, 8.7%). L-Italja kienet waħda mit-tliet Stati Membri li flimkien taw nofs l-għajnuna kollha għat-taħriġ (l-Italja: 21%, il-Ġermanja: 16% u Spanja: 13%).

Aktar minn nofs l-għajnuna kollha għat-taħriġ u l-impjiegi (55%, EUR 1.8 biljun) ngħatat taħt il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa. Is-sehem tal-miżuri b’eżenzjoni sħiħa kien ogħla b’mod sinifikanti għall-għajnuna għat-taħriġ (88%) milli għall-għajnuna għall-impjiegi (41%). Il-miżuri tal-GBER kienu jammontaw għal madwar EUR 1.2 biljun, li minnhom l-għajnuna għall-impjiegi ta’ ħaddiema b’diżabbiltajiet fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi kienet tammonta għal EUR 625 miljun (Art. 41 GBER), l-għajnuna li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati persuni b’diżabbiltajiet għal EUR 28 miljun (Art. 42 GBER), u l-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi għal EUR 52 miljun (Art. 40 GBER). Fir-rigward tal-għajnuna għat-taħriġ, l-ammonti kienu kif ġej: EUR 438 miljun għall-għajnuna għat-taħriġ ġenerali (Art. 38(2) GBER) u EUR 99 miljun għall-għajnuna għat-taħriġ speċifiku (Art. 38(1) GBER).

Meta jiġu analizzati ċ-ċifri tal-għajnuna għall-impjiegi, għandu jiġi osservat li madwar 80% tat-total ingħata taħt tliet skemi biss: l-iskema Daniża li tappoġġja l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li jsofru minn problemi fiżiċi u mentali severi[81] u l-iskemi Pollakki u Taljani li jipprovdu l-għajnuna għall-impjiegi għall-persuni b’diżabbiltajiet[82] . L-għajnuna għat-taħriġ kienet anqas ikkonċentrata. L-akbar tliet skemi (waħda Pollakka, waħda Taljana u waħda Franċiża) kienu jammontaw għal madwar 20% tal-għajnuna totali għat-taħriġ[83]. Jekk nipparagunaw iż-żewġ perjodi konsekuttivi 2004-2006 u 2007-2009, jista’ jiġi osservat li l-għajnuna għat-taħriġ kienet ġeneralment fl-istess livelli kemm f’termini nominali (madwar EUR 0.8 biljun kull sena) kif ukoll f’termini relattivi (1.5% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi). Minn naħa l-oħra, l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi naqset minn EUR 3.1 biljun kull sena fl-ewwel perjodu għal EUR 2.7 biljun fit-tieni wieħed. Is-sehem tal-għajnuna għall-impjiegi fit-total tal-għajnuna għall-industrija u s-servizzi wkoll naqas b’0.9% (minn 5.9% għal 5.0%).

Kważi l-għajnuna kollha għall-impjiegi u t-taħriġ tingħata fl-Ewropa taħt l-iskemi tal-għajnuna. Bejn l-2004 u l-2009 (meta EUR 17.5 biljun ingħataw bħala għajnuna għat-taħriġ u EUR 4.8 biljun bħala għajnuna għall-impjiegi), l-għajnuna individwali ad hoc kienet tammonta għal madwar 1% tat-total. Fir-rigward tal-istrumenti tal-għajnuna, l-Istati Membri użaw l-għotjiet diretti (83% tal-għajnuna totali) u l-eżenzjonijiet mit-taxxa (17%).

Konklużjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ

Ir-rwol tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat fil-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u l-ħaddiema b’ħiliet huwa kemmxejn limitat. Ħafna mill-miżuri pubbliċi tal-appoġġ ma jaqgħux fl-ambitu tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, iżda jikkostitwixxu miżuri ġenerali għaliex huma miftuħa għall-intrapriżi kollha fis-setturi kollha u huma mingħajr setgħa diskrezzjonarja għall-awtoritajiet li japplikaw il-miżura. Madankollu, meta jkunu qed jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ġustifikazzjoni għall-interventi tal-għajnuna mill-Istat.

Ħafna regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi u t-taħriġ jinsabu fil-GBER, u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni veloċi u bi spiża amministrattiva baxxa tal-miżuri. Fil-fatt, aktar minn nofs l-għajnuna kollha għal dawn l-għanijiet ingħatat skont il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa. Madankollu, hemm differenzi importanti: filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-għajnuna għat-taħriġ ingħatat skont il-miżuri b’eżenzjoni sħiħa (88%), għall-impjiegi kienet tirrappreżenta anqas min-nofs it-total tal-għajnuna (41%).

Ħafna mill-għajnuna għall-impjiegi hija kkonċentrata fi tliet Stati Membri u hija indirizzata l-aktar lejn il-ħaddiema b’diżabbiltajiet. L-għajnuna għat-taħriġ hija aktar mifruxa u tikkonċerna l-aktar it-taħriġ ġenerali.

Minkejja l-ambitu limitat tagħha skont ir-regoli attwali tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tradizzjonalment adottat approċċ kemxejn favorevoli lejn l-għajnuna għall-impjiegi, b’mod partikolari fejn hija intenzjonata li tgħin il-ħaddiema żvantaġġati u dawk b’diżabbiltajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol billi tkopri l-ispejjeż żejda li jirriżultaw minħabba l-perċezzjoni jew ir-realtà tal-produttività aktar baxxa tagħhom. Il-Kummissjoni wkoll ġeneralment tat kunsiderazzjoni favorevoli għall-għajnuna għat-taħriġ. Meta n-nuqqasijiet tas-suq iwasslu għal livell tat-taħriġ anqas ottimali, l-Istati Membri għalhekk qed jiġu mħeġġa biex jikkumplimentaw il-pjani nazzjonali tagħhom għall-impjiegi u t-taħriġ bil-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li jkunu mmirati sew. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat se jkompli jiżgura li l-effetti tat-tgħawwiġ fuq il-kompetizzjoni minħabba dan l-intervent jiġu mminimizzati.

KONKLUżJONI

Il-politika dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija għodda importanti li tista’ tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 bl-appoġġ tal-inizjattivi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi ta’ interess ġenerali komuni. Il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jikkoreġu l-fallimenti tas-suq, u b’hekk itejbu l-funzjonament tas-swieq u l-kompetittività Ewropea. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat sar pilastru essenzjali tas-suq intern, li jiżgura li l-kumpaniji huma kapaċi jikkompetu fuq termini ugwali u li jipprovdi s-salvagwardji kontra l-Istati Membri li jinvolvu ruħhom fi tlielaq għas-sussidji.

L-Istati Membri huma msejħa jużaw firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jiksbu l-miri tal- Ewropa 2020, inkluż l-oqfsa regolatorji u l-miżuri ġenerali, pereżempju dawk relatati mat-taxxa. L-għajnuna mill-Istat hija biss għodda komplimentari u, b’mod kruċjali, għandha tkun immirata sew lejn il-bżonnijiet jew il-prijoritajiet speċifiċi. Konsegwentement, il-Kummissjoni timmira li tiżgura li l-għajnuna mill-Istat tissodisfa l-għanijiet iddefiniti b’mod ċar ta’ interess komuni u ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni jew ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri sal-punt li jmorru kontra l-interess komuni.

Barra dan, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ammont ta’ għajnuna mhuwiex miżura tal-effiċjenza tagħha. Fil-kuntest tal-kriżi u meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet baġitarji fl-Istati Membri, l-għan li jkun hemm anqas għajnuna iżda mmirata aħjar jibqa’ ta’ importanza primarja. Ukoll, sabiex tiġi promossa l-kompetittività, l-għan huwa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq u mhux li tiġi sostitwita n-nefqa pubblika għall-forzi tas-suq.

B’mod partikolari, l-għajnuna mill-Istat immirata lejn ir-R&Ż&I tista’ tkun effettiva biex tipprovdi l-inċentivi għal investimenti privati fir-R&Ż&I bil-għan li tinkiseb il-mira tal-UE tal-infiq ta’ 3% tal-PDG tal-UE fuq ir-R&Ż&I sal-2020.

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali jistgħu jagħtu lill-Istati Membri possibbiltajiet estensivi biex iħeġġu industriji nodfa u ekonomiji favur l-ambjent li jikkontribwixxu għal "Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti ".

Barra dan, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat immirati sew jistgħu jgħinu biex jimmitigaw id-diffikultajiet speċjali tal-finanzjament li jiffaċċjaw l-SMEs, billi jikkontribwixxu għall-ħolqien, it-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom. F’dan is-sens, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti skont il-GBER għall-SMEs, li jippermettilhom li jħaffu l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat u li jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi.

Bl-istess mod, il-firxa tal-għażliet biex tiżdied l-impjegabbiltà ta’ ċertu kategoriji ta’ ħaddiema billi tingħata għajnuna għat-taħriġ, jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u/jew jiġi promoss l-aċċess għall-ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità għas-suq tax-xogħol. Għalkemm l-għajnuna mill-Istat hija relattivament limitata f’dan il-qasam, l-użu tagħha, fejn jiġu identifikati l-fallimenti tas-suq, jista’ jgħin biex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-"Aġenda għall-ħiliet u l-impjiegi l-ġodda".

L-għajnuna mill-Istat għandha rwol ewlieni wkoll fl-iżvilupp tas-settur tal-broadband. L-użu effiċjenti tal-finanzjament pubbliku jista’ jgħin biex l-aċċess għall-internet b’veloċità għolja jkun disponibbli għal kemm jista’ jkun ċittadini tal-UE biex jippermettilhom jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-soċjetà msejsa fuq l-għarfien. Madankollu, l-għajnuna għandha tintuża bil-għaqal fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzati biex tiġi evitata l-'eliminazzjoni' tal-investiment privat.

Finalment, bil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni, l-għajnuna reġjonali mill-Istat tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ewropa 2020. F’dan is-sens, l-għajnuna reġjonali mill-Istat hija differenti mit-tipi l-oħra tal-għajnuna, għaliex hija intenzjonata l-aktar biex tindirizza n-nuqqas ta’ bilanċ fil-koeżjoni aktar milli l-fallimenti tas-suq biss. L-importanza ta’ dan il-għan hija evidenti, kif rifless mill-volumi tal-għajnuna minfuqa fuq l-iżvilupp reġjonali, li tammonta għall-akbar sehem tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi.

Billi ħafna mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat ġew riveduti fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi, huma ġeneralment adattati u orjentati biex iservu l-isfidi l-ġodda skont l-Istrateġija Ewropa 2020. Fir-reviżjonijiet li ġejjin ta’ ċertu linji gwida u oqfsa, jistgħu jkunu meħtieġa aktar aġġustamenti. Fil-każ tal-linji gwida dwar il-kapital ta’ riskju, xi tibdil diġà ġie implimentat.

Id-disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri juru approċċi differenti lejn il-politika, madankollu l-għan ta’ "anqas għajnuna u għajnuna mmirata aħjar" għadu validu għall-pajjiżi kollha. Fil-kuntest tal-kriżi attwali u tar-restrizzjonijiet baġitarji hemm bżonn li n-nefqa pubblika tinżamm taħt kontroll, filwaqt li jiġu żgurati l-effikaċja tal-miżuri u l-kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi.

[1] "Ewropa 2020: l-istrateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv", COM (2010) 2020, p. 21.

[2] Il-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, ĠU C 323 tat-30.12.2006, p. 1 .

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat. ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3 (dħul fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2008).

[4] "Ewropa 2020: l-istrateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv", COM (2010) 2020, p. 21.

[5] Din l-edizzjoni tar-Rebbiegħa tat-Tabella ta’ valutazzjoni ma timmirax li tkun eżawrjenti. Ma tikkunsidrax l-oqsma kollha li jistgħu jkunu rilevanti għall-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-kultura u l-midja, li jistgħu jiġu vvalutati fl-edizzjonijiet futuri tat-Tabella ta’ valutazzjoni.

[6] L-informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija fi tweġiba għall-kriżi tista’ tinstab fil-Kapitolu 3 tar-Rapport tat-Tabella ta’ valutazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE – Aġġornament Ħarifa 2010 (COM(2010)701). It-Tabella ta’ valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-Ħarifa li jmiss se taġġorna din l-informazzjoni.

[7] F’konformità mal-impenji tal-G20, l-UE kompliet tirreżisti l-protezzjoniżmu fil-forom kollha tiegħu u timminimizza kull impatt negattiv fuq il-kummerċ u l-investiment tal-azzjonijiet tal-politika domestika tal-UE.

[8] ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

[9] Id-dejta dwar l-infiq tal-għajnuna mill-Istat ippreżentata f’din it-Tabella ta’ valutazzjoni tkopri l-miżuri kollha tal-għajnuna mill-Istat kif definiti skont l-Artikolu 107 TFUE (l-eks Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE) li l-Istati Membri taw lill-industrija u lis-servizzi. L-agrikoltura, is-sajd u s-settur tat-trasport huma esklużi kif ukoll l-għajnuna mill-Istat mogħtija fi tweġiba għall-kriżi (għajnuna lis-settur finanzjarju u lill-ekonomija reali). Biex jidhru t-tendenzi sottostanti, u f’konformità mat-Tabella ta’ valutazzjoni tal-Ħarifa 2010, id-dejta tkopri l-perjodu 2004-2010 (numru ta’ deċiżjonijiet u ammonti approvati). Fil-każ tan-nefqa, l-aktar dejta riċenti disponibbli tirrelata għall-2009.

[10] ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

[11] L-akbar ammont tal-infiq reġjonali huwa riżervat għar-reġjuni ta’ Konverġenza (essenzjalment dawk ir-reġjuni bil-PDG per capita taħt il-75% tal-medja tal-Unjoni) biex jgħin fit-titjib tal-infrastrutturi tagħhom u biex jiżviluppa l-potenzjal ekonomiku u uman tagħhom. Barra dan, l-Istati Membri kollha huma eliġibbli għall-finanzjament biex jappoġġja l-innovazzjoni u r-riċerka, l-iżvilupp sostenibbli, u t-taħriġ għall-impjiegi fir-reġjuni anqas avvanzati tagħhom. Ammont iżgħar imur għall-proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali u inter-reġjonali.

[12] "Ewropa 2020: l-istrateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv", COM (2010) 2020, p. 12.

[13] Ara paġna 10 tal-Inizjattiva Ewlenija tal-Ewropa 2020, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, COM (2010) 546 finali . It-Tabella tal-valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2010 tidentifika l-akbar distakk mill-kompetituri ewlenin fil-kategorija tal-"attivitajiet tal-kumpanija" li tinkludi n-nefqa fuq ir-R&Ż tan-negozju.

[14] "Ewropa 2020: l-istrateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv", COM (2010) 2020, p. 21.

[15] Conte, Dierx, Ilzkovitz u Schweizer, 'L-analiżi tal-effiċjenza tal-infiq pubbliku u l-politiki nazzjonali fil-qasam tar-R&Ż', Dokumenti okkażjonali, DĠ ECFIN, Settembru 2009.

[16] Ara bħala eżempji tal-miżuri fiskali ġenerali l-iskema Spanjola "Tnaqqis tat-taxxa fuq l-assi intanġibbli" (każ Nru 480/2007 ) u l-miżura Taljana "Kreditu tat-taxxa għar-R&Ż" (każ Nru 507/2007 ). Bħala eżempji ta’ miżuri ġenerali oħra ara l-każ Daniż "Istituti għat-trasferiment tat-teknoloġija" (każ Nru 617/2008 ) u l-miżura Irlandiża "Il-pjan tal-iżvilupp nazzjonali 2007-2013" (każ Nru 374/2009 ).

[17] Il-Komunikazzjoni dwar "L-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni", COM(2010) 546 finali.

[18] Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-laqgħa tal-4 ta’ Frar 2011.

[19] Il-Komunikazzjoni dwar "Il-Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni" COM(2010) 614, p. 10.

[20] In-nefqa fuq l-innovazzjoni hija espliċitament imsemmija bħala waħda mill-kategoriji tan-nefqa favur l-ambjent fl-Istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, Anness 2: Ir-Rapport MakroEkonomiku. Fil-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011, ġie maqbul li "bit-twettiq tal-konsolidazzjoni fiskali, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lin-nefqa sostenibbli favur l-ambjent fl-oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-enerġija".

[21] Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, ĠU C 323 tat-30.12.2006, p. 1. (dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007).

[22] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat. ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3 (dħul fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2008).

[23] Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, 2002.

[24] Żewġ miżuri oħra ġew rifjutati, waħda matul l-eżaminazzjoni preliminari u l-oħra wara l-ftuħ tal-proċedura tal-investigazzjoni formali. Id-39 każ li kienu soġġetti għal valutazzjoni ddettaljata (li minnhom 24 ġew innotifikati minn Franza) jinvolvu total ta’ aktar minn EUR2 biljun ta’ għajnuna mill-Istat u jirreferu għal dominji diversi bħal nanosubstrati avvanzati, komponenti tal-magni u materjali komposti ġodda għall-istrutturi tal-ajruplani, il-ġestjoni intelliġenti tal-enerġija, l-ipproċessar awtomatiku tad-dejta tal-multimedja, it-teħid ta’ immaġni b’reżonanza manjetika f’kampijiet għolja, il-proċessi derivattivi tas-CMOS għat-teknoloġiji b’sistemi fuq iċ-ċipp, il-moduli tal-enerġija biċ-ċelloli tal-karburant, metodi ġodda għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, u qlub artifiċjali.

[25] Qabel dan, l-għajnuna għar-R&Ż kienet eżentata mill-obbligu tan-notifika minn qabel biss jekk kienet indirizzata lejn l-SMEs.

[26] Li minnhom 256 ġew introdotti fl-2009 u 142 fl-2010.

[27] Sors: Eurostat.

[28] L-Istati Uniti tonfoq 2.6% u l-Ġappun 3.4%. F’paragun ma’ xi ekonomiji emerġenti, l-UE għandha vantaġġ b’saħħtu iżda l-pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Brażil qed inaqqsu d-distakk li hemm bejniethom u l-UE. Ara l-kapitolu 4 tat-Tabella ta’ valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2010.

[29] Il-Finlandja, l-Isvezja u d-Danimarka qabżu l-għan tal-UE li 3% tal-PDG jgħaddi fir-R&Ż, bi 3.96%, 3.6% u 3.02% rispettivament. Dejta għall-2009; sors: Eurostat.

[30] Il-Ġermanja (2.82%), l-Awstrija (2.75%) u Franza (2.21%).

[31] Il-Litwanja (0.84%), il-Polonja (0.68%), il-Greċja (0.58%), Malta (0.54%), il-Bulgarija (0.53%), is-Slovakkja (0.48%), ir-Rumanija (0.47%), il-Latvja (0.46%) u Ċipru (0.46%).

[32] Għall-finijiet tar-rappurtaġġ annwali dwar l-għajnuna mill-Istat, is-self issussidjat jinkludi wkoll il-ħlasijiet bil-quddiem li jitħallsu lura.

[33] Il-paragun huwa statiku u jqis biss il-livelli tal-għajnuna mill-Istat mogħtija fl-2009.

[34] It-tabella ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni għar-Riċerka u l-Iżvilupp (l-1 ta’ Frar 2011) tikklassifika l-Istati Membri f’erba’ kategoriji: il-mexxejja tal-innovazzjoni (id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Isvezja), is-segwaċi tal-innovazzjoni (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Olanda, is-Slovenja u r-Renju Unit), l-innovaturi moderati (ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Polonja, il-Portugal, is-Slovakkja u Spanja), u l-innovaturi modesti (il-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija).

[35] Bħala perċentwali tal-PDG

[36] Il-Komunikazzjoni dwar "Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020", COM(2011) 21 finali.

[37] Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mill-anqas 20% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 jew bi 30% jekk jintlaħqu ċertu kundizzjonijiet (notevolment ftehim internazzjonali dwar miri ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet li jorbtu); iż-żieda fis-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija finali tagħna għal 20%; u żieda ta’ 20% fl-effiċjenza tal-enerġija.

[38] L-iżvilupp ta’ pjanijiet koordinati hija prevista fl-inizjattiva ewlenija "Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza ".

[39] Ara l-konklużjonijiet dwar l-enerġija tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-4/2/2011.

[40] Art. 191 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 83 tat-30.03.2010.

[41] Bħal skemi ta’ permessi negozjabbli eċċ. Fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni ħabbret l-impenn tagħha biex ittejjeb l-użu tal-MBI.

[42] Bħal ċertu eżenzjonijiet mid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

[43] Hu importanti li wieħed jinnota li l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi, fi ħdan l-inizjattiva ewlenija tagħha “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza”, talba biex l-Istati Membri “gradwalment ineħħu s-sussidji ambjentali li huma dannużi, b'eċċezzjonijiet għal persuni bi ħtiġijiet speċjali”. Sussidji ambjentali li huma dannużi jikkonċernaw ukoll miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, u d-diskussjoni attwali dwar it-tneħħija gradwali ta' tali sussidji mhijiex limitata għal kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat.

[44] Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali ĠU C 82 tal-01.04.2008, p. 1

[45] Art. 19 – 42 miżura, Art. 20 – 25 v, Art. 25 – 7 miżura.

[46] Barra dan, kien hemm deċiżjoni waħda negattiva mingħajr irkupru li tikkonċerna każ Olandiż: Eżenzjoni mit-taxxi ambjentali għall-produtturi taċ-ċeramika (C 5/2009).

[47] "Taxxa fuq l-enerġija għas-settur tal-manifattura" (każijiet, Nru 156/2004 u Nru 596/2005).

[48] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1). Ara l-Artikoli 9 u 60.

[49] L-Artikolu 41 ibid.

[50] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tikkonċerna l-kriterji għal valutazzjoni profonda tal-Għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar tal-investiment ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3.

[51] Il-każ Dell il-Polonja (C 46/2008) kien l-ewwel każ li fih il-Kummissjoni wettqet it-tip ta’ valutazzjoni ddettaljata fid-dokument ta’ gwida.

[52] LIP Il-Polonja - Għajuna lil Dell, Il-Polonja (C 46/2008).

[53] Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Il-Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni li Tqiegħed il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali", COM(2010)614.

[54] Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni mmirata lejn il-mitigazzjoni tad-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċjaw l-SMEs. Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" "L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa, COM(2008) 394 finali. Il-Pjan tal-Irkupru tal-Ekonomija Ewropea flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment, għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs. Hija tfakkar ukoll li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-regoli rriformati riċentament għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat għall-SMEs.

[55] Ara t-taqsima 3.2 tal-inizjattiva ewlenija "Il-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni".

[56] Ara t-Taqsimiet 3, 4, 5 u 8.

[57] Il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-investimenti tal-kapital ta’ riskju fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, ĠU C 194, 18.8.2006, paġni 2-22.

[58] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat li tippromwovi l-investimenti tal-kapital ta’ riskju fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ĠU C 329, 7.12.2010, p. 4.

[59] F’dan ir-rigward huwa importanti li wieħed jinnota li d-dispożizzjonijiet tar-rappurtaġġ attwali, kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, ma jħallux lis-servizzi tal-Kummissjoni li jiksbu l-informazzjoni dwar it-tip tal-benefiċjarju (SMEs jew intrapriżi kbar) tal-għajnuna għall-għanijiet kollha. Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jipproduċu biss informazzjoni dwar kemm għajnuna hija esklussivament iffukata għall-SMEs taħt l-iskemi tal-SMEs iddedikati. Il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat huma kklassifikati skont l-għan primarju tagħhom fiż-żmien meta l-għajnuna ġiet approvata u mhux skont ir-riċevituri finali tal-għajnuna. Dan ifisser li miżura li hija, pereżempju, immirata lejn il-proġetti tal-innovazzjoni għal kull daqs tal-intrapriżi, tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni u n-nefqa tkun tgħodd għal dak il-għan anke jekk il-maġġoranza tal-għajnuna tkun ingħatat lill-SMEs. Għalhekk, l-għajnuna għall-SMEs ppreżentata hawnhekk mhix vvalutata biżżejjed u tirrappreżenta biss l-għajnuna mogħtija taħt il-miżuri indirizzati esklussivament lejn l-SMEs (bl-għajnuna għall-SMEs tkun l-għan primarju). Barra dan, iċ-ċifri jinkludu l-għajnuna għall-kapital ta’ riskju li skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jingħataw biss lill-SMEs.

[60] Aġenda Diġitali għall-Ewropa. COM/2010/0245.

[61] Ara l-Komunikazzjoni dwar il-Broadband, disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/broadband/docs/bb_communication.pdf.

[62] Ara l-Azzjoni ewlenija 8.

[63] Linji gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-varar rapidu tan-netwerks tal-broadband ĠU C 235, 30.9.2009, p. 7.

[64] Ara l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-MEMO/10/31 u IP/11/54.

[65] Pereżempju, skont l-avviżi tal-Istati Membri, fl-aħħar tal-2010, Franza se tonfoq EUR2 biljun, il-Ġermanja mill-anqas EUR1 biljun, l-Italja EUR1.5 biljun u r-Renju Unit madwar EUR1 biljun, eċċ. ta’ fondi pubbliċi biex jitrawwem l-iżvilupp tal-broadband fil-pajjiżi tagħhom.

[66] Franza tappoġġja l-iżvilupp tal-broadband bħala miżuri tas-SGEI, li ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat u għalhekk mhumiex magħduda fl-istatistika t’hawn fuq. Fl-Istati Membri tal-UE12, l-għajnuna mill-Istat tingħata tipikament skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna Reġjonali, dawk l-ammonti wkoll mhumiex riflessi fil-grafika.

[67] Ara pereżempju N 284/2005 – Il-Programm tal-Broadband tan-Netwerk fiż-Żona Metropolitan, l-Irlanda: EUR170 miljun; N 201/2006 – L-iżvilupp tal-aċċess għall-broadband f’territorji anqas milħuqa, il-Greċja: EUR160 miljun; N 157/2006 – Il-Proġett tal-Broadband tar-Reġjun Diġitali ta’ South Yorkshire, ir-Renju Unit: EUR120 miljun; N 73/2008 – L-appoġġ pubbliku għall-broadband, it-TV diġitali, il-mowbajl u l-infrastrutturi f’żoni rurali, Spanja: EUR180 miljun; N 115/2008 – Il-broadband f’żoni rurali fil-Ġermanja: EUR141 miljun, .N 646/2009 – Il-pjan nazzjonali tal-broadband għaż-żoni rurali fl-Italja: EUR155 miljun, N 62/2010 – Il-broadband b’veloċità għolja fil-Finlandja: EUR131 miljun, N 53/2010 – Il-programm qafas federali dwar l-appoġġ tat-tip duct , il-Ġermanja: EUR600 miljun, N 407/2009 – Katalunja fibrottika (Xarxa Oberta), Spanja: EUR354 miljun jew N 304/2010 - Programa Avanza Nuevas Infraestructuras de Telecomunicaciones, Spanja: EUR150 miljun.

[68] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "L-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi", COM(2010)682 finali.

[69] Ara paġna 2 tal-inizjattiva "L-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi".

[70] L-istrateġija Ewropa 2020 stabbilixxiet mira fuq il-kisba tal-edukazzjoni li timmira li titratta l-problema ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola billi tnaqqas ir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni għal 10% minn dik attwali ta’ 15%, filwaqt li żżid is-sehem tal-popolazzjoni b’età ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jtemmu l-edukazzjoni terzjarja minn 31% għal tal-anqas 40% sal-2020.

[71] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46–51.

[72] Sors: Eurostat. Il-miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol ikopru l-miżuri tal-attivazzjoni għall-persuni qiegħda u gruppi oħra fil-mira inkluż il-kategoriji tat-taħriġ, ir-rotazzjoni tax-xogħol u l-qsim tal-impjieg, l-inċentivi tal-impjiegi, l-impjiegi appoġġjati u r-riabilitazzjoni, il-ħolqien dirett tal-impjiegi, u l-inċentivi tal-bidu. L-ammont baqa’ stabbli matul is-snin riċenti.

[73] Is-servizzi tal-politiki tas-suq tax-xogħol ikopru s-servizzi kollha u l-attivitajiet tas-servizz tal-impjiegi pubbliċi flimkien ma’ kwalunkwe servizzi oħra ffinanzjati pubblikament għal dawk li qed ifittxu x-xogħol.

[74] Ara bħala eżempji l-każ Franċiż "Għajnuna għall-appoġġ tal-impjiegi taż-żgħażagħ fl-intrapriżi" (N 454/2002) dwar l-għotjiet li jkopru parzjalment l-ispiża tal-impjiegi jew il-miżura Spanjola "Inċentivi għall-ingaġġar ta’ ħaddiema qiegħda mis-settur tal-ġugarelli" (N 53/2009) dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali.

[75] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għall-ħaddiema żvantaġġati u b’diżabbiltajiet li huma soġġetti għan-notifika individwali, ĠU C 188, 11.8.2009, p. 6 u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fil-każijiet tat-taħriġ soġġetti għan-notifika individwali, ĠU C 188, 11.8.2009, p. 1.

[76] Barra dawn, hemm żewġ deċiżjonijiet negattivi.

[77] Il-GBER u r-regolamenti dwar l-eżenzjoni sħiħa li kien hemm qabel għall-impjiegi u għat-taħriġ.

[78] Li minnhom, 288 ġew introdotti fl-2009 u 124 fl-2010.

[79] Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2204/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol, ĠU L 337, 13.12.2002, paġni 3-14 (fis-seħħ qabel l-introduzzjoni tal-GBER).

[80] Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat ta’ l-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ, ĠU L 10, 13.01.2001, paġni 20-29 (fis-seħħ qabel l-introduzzjoni tal-GBER).

[81] Mesures sociales dans le secteur du travail (NN 10/2002).

[82] "Miesieczne dofinansowanie do wynagrodzen pracowników niepelnosprawnych" (X 306/2009) and "Credito d’imposta per le nuove assunzioni nelle aree svantaggiate" (XE 12/2008).

[83] "Refundacja wynagrodzeń młodocianych pracowników" (X 134/2010), "Aide aux entreprises pour la réalisation d'un programme de formation" (XT 1/2002) u "Engagements de développement de la Formation (EDDF)" (N 753/1999).

Top