Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52011DC0187

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2010

    /* KUMM/2011/0187 finali */

    52011DC0187

    /* KUMM/2011/0187 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2010


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 11.4.2011

    KUMM(2011) 187 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl- 2010

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl- 2010

    WERREJ

    1. L-Isfond 3

    1.1. Ir-regolament emendat 3

    2. Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rappurtar tal-2010 dwar il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-gvernijiet 4

    2.1. Informazzjoni f'waqtha u kompluta 4

    2.1.1. Ir-rappurtaġġ fil-ħin 4

    2.1.2. Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta' sostenn 4

    2.1.3. Tabelli supplimentari relatati mat-taqlib finanzjarju 5

    2.2. Il-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta tal-istatistika 5

    2.2.1. Skambju ta' informazzjoni u kjarifiki 5

    2.2.2. Żjarat ta' djalogu u metodoloġija 6

    2.2.3. Parir speċifiku mill-Eurostat 6

    2.2.4. Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti 7

    2.2.5. Konsistenza mal-kontijiet korrispondenti tal-gvern 7

    2.3. Pubblikazzjoni 7

    2.3.1. Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u t-tabelli dettaljati ta' rappurtar 7

    2.3.2. Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta 8

    2.3.3. Emendi fid-dejta rrappurtata 8

    2.3.4. Il-pubblikazzjoni ta' metadejta (inventorji) 8

    3. Konklużjonijiet 8

    L-ISFOND

    L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[1] jeħtieġ lill-Kummissjoni (Eurostat) (minn hawn 'il quddiem imsemmi bħala "Eurostat") li tirraporta b'mod regolari lil-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-dejta attwali rrappurtata mill-Istati Membri. Ir-rapport irid jipprovdi valutazzjoni globali tal-konformità mar-regoli tal-kontabilità, il-kompletezza, il-kredibilità, il-puntwalità, u l-konsistenza tad-dejta.

    L-Eurostat jevalwa regolarment il-kwalità tad-dejta reali rrappurtata mill-Istati Membri u tal-kontijiet fundamentali tas-setturi tal-amministrazzjoni pubblika miġbura skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ESA95).[2] Il-valutazzjoni hi prinċipalment ibbażata fuq dejta li tirrigwarda l-eżekuzzjoni baġitarja tal-amministrazzjoni pubblika u l-assi u r-responsabbilitajiet ġenerali tal-gvern. Dan ix-xogħol jikkonċentra fuq il-fatturi li jispjegaw id-defiċit/il-bilanċ pożittiv tal-amministrazzjoni pubblika u tal-bidla fid-dejn tal-gvern ġenerali. L-Istati Membri jibagħtu din l-informazzjoni lill-Eurostat darbtejn fis-sena. Dan jinkludi informazzjoni supplimentari bħalma huma l-"Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta' notifika tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv (PŻE)" u l-kjarifiki bilaterali mill-Istati Membri. L-Eurostat jagħmel ukoll bosta żjarat ta' djalogu tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv f'kull Stat Membru biex jinżamm djalogu kontinwu mal-Istati Membri.

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq is-sejbiet u r-riżultat ewlenin tal-PŻE rrapurtati fl-2010 li jiffokaw fuq l-aħħar eżerċizzju ta' rappurtar (Ottubru 2010). Fejn hu xieraq, it-tqabbil isir mar-rappurtar ta' April 2010 kif ukoll mar-rappurtar ta' April u Ottubru 2009.

    Ir-regolament emendat

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 kien emendat f'Lulju 2010 fir-rigward tal-kwalità tad-dejta tal-istatistika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv[3]

    Ir-regolament kif emendat jipprovdi b'mod partikulari l-bażi għaż-żjarat metodoloġiċi "f'każijiet eċċezzjonali fejn ir-riskji sinifikanti jew l-problemi fir-rigward tal-kwalità tad-dejta kienu identifikati b'mod ċar". L-Eurostat se jinforma lill-EFC u lil CMFB dwar din id-deċiżjoni biex iwettqu din iż-żjara. Il-frekwenza taż-żjarat tad-djalogu tal-PŻE se tiżdied ukoll.

    Ir-regolament jagħti s-saħħa lill-Eurostat u lill-NSIs biex jeżaminaw is-sorsi tad-dejta minn fejn tkun ġejja d-dejta tal-istatistika u l-proċess li bih dawn is-sorsi tad-dejta jinġabru[4]. Barra minn hekk, l-Eurostat jista' jeżamina l-kompletezza tal-gruppi tal-unitajiet koperti minn dawn is-sorsi ta' dejta. Dan jippermetti lill-Eurostat li jfassal konklużjonijiet dettaljati dwar il-kwalità tad-dejta rrapurtata, kif deskritt fl-Artikolu 8(1). Il-kumbinazzjoni tal-poteri estiżi kemm lill-Eurostat, kif ukoll lill-NSIs għandha l-iskop li tibni sistema preventiva regolari applikabbli lill-Istati Membri bl-għan trippliku li jkun hemm monitoraġġ, identifikazzjoni u valutazzjoni aħjar tar-riskji b'mod preventiv bil-ħsieb li jinbdew azzjonijiet korrettivi fl-aktar punt bikri possibbli.

    L-implimentazzjoni tal-poteri msaħħin deskritti hawn fuq, u l-azzjonijiet biex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet ġenerali tar-riskju sistematiku fis-sistemi nazzjonali tal-istatistika – kif identifikat mill-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika se tkun is-suġġett ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li se toħroġ dalwaqt.

    IS-SEJBIET EWLENIN DWAR IR-RAPPURTAR TAL-2010 DWAR IL-LIVELLI TAD-DEFIċIT U D-DEJN TAL-GVERNIJIET

    Informazzjoni f'waqtha u kompluta

    Ir-rappurtaġġ fil-ħin

    L-Istati Membri huma obbligati jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-baġit ippjanat u dak reali u dejta tal-karta tal-bilanċ tagħhom darbtejn fis-sena, qabel l-1 ta' April u l-1 ta' Ottubru[5]. Matul l-2010 r-rappurtar tal-PŻE kopra s-snin mill-2006 sal-2010. Iċ-ċifri għall-2010 huma dawk ippjanati mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ċ-ċifri mill-2006 sal-2009 huma dejta attwali (dan ifisser finali, semi finalizzati, proviżorji jew stmati).

    Il-konformità mad-dati ta' skadenzi tar-rappurtar hija normalment tajba ħafna. Fit-tieni rappurtar fl-2010 l-Istati Membri kollha rrapurtaw id-dejta tagħhom qabel id-data ta' skadenza legali tal-1 ta' Ottubru 2010. L-awtoritajiet Griegi bagħtu notifika oħra fl-10 ta' Novembru wara ż-żjara metodoloġika[6]. Fl-eżerċizzju ta' rappurtar ta' April, l-Istati Membri kollha rrapurtaw iċ-ċifri tagħhom qabel l-1 ta' April 2010, bl-eċċezzjoni tal-Greċja (fl-1 ta' April) u ta' Franza (li bagħtet id-dejta ppjanata tagħha għas-sena 2010 biss fit-12 ta' April 2010).

    Xi Stati Membri rrevedew ir-rappurtar tagħhom wara l-ewwel sottomissjoni tagħhom. F'Ottubru 2010, 29 sottomissjoni riveduta ntbagħtu minn 18-il pajjiż, filwaqt li f'April 2010 l-Eurostat irċieva 25 sottomissjoni riveduta minn 16-il pajjiż. Bl-eċċezzjoni tal-Greċja li wettqet reviżjonijiet kbar, l-Istati Membri bagħtu ħafna mis-sottomissjonijiet riveduti b'reazzjoni għal kummenti, mistoqsijiet tekniċi jew rimarki mill-Eurostat, u dawn kienu jikkonċernaw korrezzonijiet ta' żbalji minuri, inkonsistenzi interni jew reġistrar mhux xieraq fit-tabelli.

    Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta' sostenn

    Il-kompletezza tat-tabelli rappurtati hija obbligu legali u tinħtieġ sabiex l-Eurostat ikun jista' jimmonitorja b'mod xieraq il-kwalità tad-dejta. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat bl-informazzjoni statistika rilevanti, li

    “(…) b'mod partikolari (...) tfisser:

    (a) dejta minn kontijiet nazzjonali;

    (b) inventarji;

    (c) tabelli ta’ notifika tal-PŻE (proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv);

    (d) kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki.

    It-tabelli ta' notifika tal-PŻE huma magħmulin minn erba' (settijiet ta') tabelli ewlenin. Il-kompletezza tat-Tabelli 1 sa 3 tal-PŻE hija obbligu legali fil-waqt li r-rappurtar tat-tabella 4 tal-PŻE nqablet mill-Istati Membri[7]. It-Tabelli 1 u 2A (gvern ċentrali) ikopru s-snin mill-2006 sal-2010 filwaqt li t-tabelli l-oħrajn ikopru s-snin mill-2006 sal-2009[8].

    Ħafna mill-Istati Membri lestew it-tabelli kollha tan-notifika tal-PŻE[9]. Madankollu fir-rappurtar ta' Ottubru 2010, għat-Tabella 2 tal-PŻE, tmien Stati Membri jew ma pprovdewx ir-rabta bejn il-working balance u l-bilanċ pożittiv/id-defiċit tal-PŻE għas-subsetturi kollha jew għas-snin kollha, jew irrappurtaw working balances ekwivalenti għall-bilanċ pożittiv/għad-defiċit tal-PŻE.

    Għat-Tabella 3tal-PŻE, mhux l-Istati Membri kollha pprovdew id-dettalji kollha. B'mod partikolari, ta spiss kien hemm nieqsa d-dettalji għat-temi "self" u "ekwità".

    L-Istati Membri kollha ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall- "Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta' notifika"[10]. Minkejja li l-kopertura u l-kwalità tat-tweġibiet tjiebu meta mqabbla mas-snin l-imgħoddija, xi pajjiżi ma rrappurtawx id-dettalji kollha mitluba fil-kwestjonarju.

    Tabelli supplimentari relatati mat-taqlib finanzjarju

    L-Eurostat ġabar sett ta' dejta dwar it-taqlib finanzjarju f'żewġ tabelli supplimentari sa mill-15 ta' Lulju 2009. Dawn it-tabelli juru l-interventi tal-gvern relatati direttament mas-sostenn tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-miżuri ta' sostenn għal istituzzjonijiet mhux finanzjarji jew miżuri ta' sostenn ekonomiku ġenerali mhumiex inklużi.

    Id-dejta miġbura fl-2010 tirreferi għall-2007, l-2008 u l-2009. Madankollu, ta' min jgħid li ħafna mill-interventi seħħu fl-2008. Pajjiż wieħed biss (ir-Renju Unit) irrapporta diġà r-responsabbiltajiet kontinġenti għall-2007.

    Il-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta tal-istatistika

    Skambju ta' informazzjoni u kjarifiki

    Matul il-perjodu ta' valutazzjoni bejn l-iskadenza għar-rappurtar tat-30 ta' Settembru 2010 u l-pubblikazzjoni tad-dejta fit-22 ta' Ottubru, l-Eurostat ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika f'kull Stat Membru biex jitlob iktar informazzjoni u jiċċara l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabilità fuq tranżazzjonijiet speċifiċi. Dan il-proċess jinvolvi bosta sensiliet ta' korrispondenza bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali. L-ewwel sensiela ta' talbiet għall-kjarifikazzjoni ntbagħtet qabel is-6 ta' Ottubru u t-tieni sensiela ta' talbiet intbagħtet lil 22 pajjiż. F'ċerti każijiet, l-Eurostat talab għal tabelli ta' notifika riveduti[11].

    Żjarat ta' djalogu u metodoloġija

    Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009(kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 679/2010), jipprevedi ż-żjarat ta' djalogu u ta' metodoloġija. Iż-żjarat ta' djalogu fl-Istati Membri jsiru regolarment bl-għan li tiġi riveduta d-dejta rrappurtata, biex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi, biex jiġu diskussi l-għejun u l-proċessi tal-istatistika deskritti fl-inventorji u għall-evalwazzjoni tal-konformità mar-regoli rilevanti ta' kontabilità, pereżempju dwar id-delimitazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-ħin tar-reġistrazzjoni u l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet u responsabbiltajiet tal-gvern.

    Iż-żjarat ta' metodoloġija jsiru biss f'każijiet fejn l-Eurostat jidentifika riskji jew problemi sinifikanti fil-kwalità tad-dejta, speċjalment fejn din tirrigwarda l-metodi, il-kunċetti jew il-klassifkazzjoni użati.

    Matul is-sena 2010, l-Eurostat wettaq dawn iż-żjajjar tal-PŻE li ġejjin: Il-Finlandja (25-26 ta' Jannar), il-Greċja (diversi żjarat tal-PŻE ta' metodoloġija), Il-Pajjiżi l-Baxxi (15 ta' Ġunju), Malta (6-7 ta' Lulju), l-Ungerija (6-7 ta' Lulju), ir-Rumanija (6-7 ta' Settembru), il-Bulgarija (16-17 ta' Settembru), l-Irlanda (16-17 ta' Novembru), il-Litwanja (22-23 ta' Novembru), il-Belġju (26 ta' Novembru), Franza (29 ta' Novembru) u Ċipru (13 ta' Diċembru).

    Seħħet serje ta' żjarat ta' metodoloġija għall-Greċja fl-2010. Dawn iż-żjarat ta' metodoloġija ġew bħala segwitu tar-riżervi li l-Eurostat kellu għaċ-ċifri Griegi tad-defiċit u d-dejn irrappurtati f'Ottubru 2009, u r-rapport sussegwenti tal-Kummissjoni dwar l-istatistika tal-Greċja, maħruġ f'Jannar 2010[12].

    Temi rikorrenti li ġew diskussi matul iż-żjarat kienu jinkludu, b'mod partikolari, il-klassifikazzjoni ta' unitajiet ġo jew barra mis-settur tal-amministrazzjoni pubblika (pereżempju dawk li jikkonċernaw it-trasport pubbliku, televiżjoni u radju, sptarijiet u universitajiet), injezzjonijiet ta-kapital, Sħubijiet Pubbliċi Privati, flussi tal-UE, u r-reġistrazzjoni tal-garanziji.

    Parir speċifiku mill-Eurostat

    L-Istati Membri regolarment jikkonsultaw lill-Eurostat biex jiċċaraw il-kwistjonijiet ta' kontabilità f'relazzjoni mal-operazzjonijiet li kienu ppjanati jew li diġà twettqu. L-Eurostat jagħti parir skont il-linji gwida eżistenti. Biex jikkonforma mad-dispożizzjoni ta' trasparenza fir-Regolament (KE) 479/2009, l-Eurostat jippubblika l-parir tiegħu[13], ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat iqajjem oġġezzjoni. Fl-2010 l-Eurostat ippubblika l-parir li ġej: Il-Belġju (Sector Classification of Antwerp Masterplan Projects and Recording in National Accounts EDP of government bonds´ collaterals in derivative contracts) , l-Irlanda (Preliminary view on the ESA95 accounting treatment of time of recording of interest payments on promissory notes payable to Anglo Irish Bank) , il - Pajjiżi l-Baxxi (Recording of the illiquid assets back-up facility for ING Bank ), l-Ungerija (Time of recording of transactions for return of certain groups of people to the social security system) , il-Ġermanja (Sector classification of the Erste Abwicklungsanstalt) u Spanja (Classification of a road network project run by the Autonomous Community of Aragon) . L-Eurostat ta parir fl-2010 dwar kwistjonijiet diversi marbuta mal-metodoloġija li ma kinux ippubblikati fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati.

    Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti

    Bħas-soltu, l-Eurostat ta attenzjoni partikolari lill-applikazzjoni tar-regoli ESA95 u, b'mod partikolari, lill-aħħar deċiżjonijiet tiegħu. Dawn id-deċiżjonijiet kienu inklużi fil- Manual on Government Deficit and Debt , li l-aħħar edizzjoni tiegħu kienet ippubblikata f'Ottubru 2010.

    Konsistenza mal-kontijiet korrispondenti tal-gvern

    L-iskadenzi l-ġodda għan-notifika tal-1 ta' April u l-1 ta' Ottubru stipulati bir-Regolament (KE) Nru 479/2009 ġew introdotti sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-kontijiet korrispondenti annwali u ta' kull tliet xhur tas-setturi tal-gvern, kif irrappurtat f'bosta tabelli ta' trażmissjoni ESA95. L-Eurostat janalizza sistematikament il-konsistenza tan-notifiki tal-PŻE mal-kontijiet korrispondenti settorjali tal-gvern li ġew trażmessi. Pereżempju, it-totali tal-infiq u d-dħul għandhom ikunu konsistenti maċ-ċifri rrappurtati tad-defiċit.

    Il-konsistenza ġenerali tad-dejta tal-PŻE mal-kontijiet tal-gvern tal-ESA95 irrappurtati qiegħda dejjem aktar tkun kompluta fis-snin reċenti, għalkemm hija aħjar għad-dejta mhux finanzjarja milli għad-dejta finanzjarja..

    Pubblikazzjoni

    Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u t-tabelli dettaljati ta' rappurtar

    L-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) 479/2009 jistqarr: "Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi d-dejta attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tar-rappurtar (...). Il-provvediment tad-dejta għandu jkun imwettaq permezz tal- pubblikazzjoni."

    Id-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern ġiet ippubblikata fit-22 ta' April u t-22 ta' Ottubru flimkien mat-tabelli ta' rappurtar, kif notifikat fl-aħħar sottomissjoni tal-Istati Membri lill-Eurostat. Il-pubblikazzoni ta' Ottubru kkonċernat biss id-dejta ta' 26 Stat Membru, bl-esklużjoni tad-dejta mill-Greċja u l-aggregati tal-UE. L-aggregati (it-total tal-UE u ż-żona tal-Euro) u d-dejta tal-Greċja kienu ppubblikati fil-15 ta' Novembru 2010[14] flimkien mad-dejta dwar is-26 Stat Membru l-oħrajn li ma nbidlux meta mqabbla mal-istqarrija għall-istampa tat-22 ta' Ottubru 2010.

    L-Eurostat jippubblika wkoll fil-websajt tiegħu l-istatistika annwali u dik ta' kull tliet xhur tal-finanzi tal-gvern li jsostnu d-dejta tal-PŻE, flimkien ma' informazzjoni dwar l-aġġustament tal-fluss tal-istokk[15]. L-Eurostat jippubblika wkoll l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri li tikkonċerna l-interventi tal-gvern fil-kuntest tat-taqlib finanzjarju[16].

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblika d-dejta attwali tagħhom dwar id-defiċit u d-dejn. Ħafna mill-Istati Membri rrapurtaw lill-Eurostat li huma jippubblikaw it-tabelli ta' rappurtar kollha tagħhom.

    Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta

    L-Eurostat esprima riżerva dwar il-kwalità tad-dejta notifikata mill-Greċja fin-notifika ta' April 2010. Din ir-riżerva kienet irtirata fl-istqarrija għall-istampa ta' Novembru 2010.

    Emendi fid-dejta rrappurtata

    L-Istqarrijiet għall-Istampa tal-Eurostat għall-PŻE fl-2009 u fl-2010 taw spjegazzjonijiet li jikkonċernaw l-emendi fid-dejta tan-notifika tar-Renju Unit għan-notifiki kollha fl-2009 u l-2010[17].

    "L-Eurostat emenda d-dejta nnotifikata tad-defiċit mir-Renju Unit għas-snin 2006 sa l-2009 għall-konsistenza tar-reġistrazzjoni tar-rikavat mil-liċenzji UMTS fis-sena 2000. Dan iwassal għal żieda fid-defiċit tal-gvern fl-2007 u l-2008 (kif ukoll għas-snin finanzjarji 2007/2008 u 2008/2009) ta' GBP 1,044 miljun (0,1 % tal-PGD) u għall-2006 u l-2009 (is-snin finanzjarji 2006/2007 u 2009/2010) ta' GBP 1,045 miljun (0,1 % tal-PGD). M'hemmx bidla fiċ-ċifri rrappurtati tad-dejn".

    Il-pubblikazzjoni ta' metadejta (inventorji[18])

    Ir-Regolament (KE) 479/2009 jispeċifika li l-inventarji tal-PŻE huma fost l-informazzjoni tal-istatistika li għandha tingħata mill-Istati Membri biex tippermetti lill-Eurostat jivverifika l-konformità mar-regoli tal-ESA95. Barra minn dan, jistipula li l-pubblikazzjoni nazzjonali ta' dawn l-inventarji hija mandatorja. L-Eurostat ippubblika l-inventajri tal-Istati Membri kollha. L-Istati Membri kollha rrapportaw li huma ppubblikaw l-inventarji tal-PŻE tagħhom b'mod nazzjonali jew biħsiebhom jagħmlu dan dalwaqt.

    KONKLUżJONIJIET

    L-Eurostat ikkonkluda li l-progress fuq il-kwalità tad-dejta fiskali kompla fl-2010. B'mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew informazzjoni aħjar, kemm fit-tabelli tan-notifika tal-PŻE kif ukoll fis-sottomissjonijiet statistiċi relevanti l-oħra. B'mod globali, il-konsistenza tad-dejta tal-PŻE mal-kontijiet ESA95 tal-gvern irrappurtati hija sodisfaċenti u qed titjieb, partikolarment fl-aspett finanzjarju, meta mqabbla mas-sitwazzjoni fis-snin preċedenti.

    L-ebda riżervi dwar il-kwalità tad-dejta rrapurtata ma kienu espressi fl-2010 barra r-riżerva tal-kwalità tad-dejta rrappurtati mill-Greċja fin-notifika ta' April 2010. Din ir-riżerva tneħħiet f'Novembru 2010. Fl-għeluq ta' proċess twil u kritiku minn Ottubru 2009, l-Eurostat ikkonkluda fit-22 ta' Novembru li l-aħħar dejta riveduta għall-2006-2009 għall-Greċja kienu suffuċjentement affidabbli għall-iskop tal-PŻE, f'konformità mal-kwalità tad-dejta ta' Stati Membri tal-UE l-oħra. Nota speċifika ta' informazzjoni dwar id-dejta fiskali tal-Greċja tidher fuq il-websajt tal-Eurostat.

    Minkejja t-titjib rikonoxxut, fadal xi problemi marbuta mal-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-kompletezza u l-kwalità ta' ċerta informazzjoni tal-istatistika pprovduta. Għalhekk l-Eurostat stieden lill-Istati Membri biex ikomplu jinvestu fil-kwalità tal-istatistika finanzjarja tal-gvern bil-ħsieb li jiksbu l-livell mixtieq ta' kwalità f'dik li hi konformità mar-regoli relevanti ta' kontabilità, il-kompletezza, l-affidabilità, il-puntwalità u l-konsistenza tad-dejta tal-gvern.

    Barra minn hekk, abbażi tal-esperjenza fil-każ tal-Greċja u fuq osservazzjonijiet tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni li tindirizza l-kwistjonijiet ta' riskju sistemiku fis-sistemi tal-istatistika nazzjonali u tat-tħaddim tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għal dejta dwar il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv, l-aktar għal dejta ta' sors ewlieni biex ikunu implimentati l-poteri msaħħin tal-Eurostat skont ir-Regolament (KE) 479/2009, kif emendat.

    [1] ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

    [2] ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

    [3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 679/2010 (ĠU L 199, 30.7.2010, p. 1).

    [4] Qed ikun żviluppat approċċ ibbażat fuq ir-riskju f'dan ir-rispett.

    [5] L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 479/2009.

    [6] Dettalji dwar id-dejta fiskali Griegi huma inklużi fir-rapport tal-Eurostat "Information note on Greek fiscal data" tal-15 ta' Novembru 2010 li huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Eurostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/introduction.

    [7] Ara l-istqarrijiet mal-minuti tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 1993.

    [8] Il-proviżjoni tad-dejta ppjanata fit-tabelli tal-PŻE barra mit-tabelli 1 u 2A mhux espliċitament mitluba fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009, kif emendat.

    [9] Deskrizzjoni dettaljata tal-kontenut ta' dawn it-tabelli tinsab fil-websajt tal-Eurostat Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2373,58110711&_dad=portal&_schema=PORTAL.

    [10] Dan il-kwestjonarju jinkludi 13-il taqsima li jirrikjedu informazzjoni kwantitattiva u kultant kwalitattiva f'bosta oqsma bħalma huma t-tranżazzjonijiet fit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mal-UE, ix-xiri ta' tagħmir militari, il-garanziji tal-gvern, il-kanċellazzjonijiet tad-dejn, l-injezzjonijiet ta' kapital li jagħmel il-gvern f'korporazzjonijiet pubbliċi, Sħubijiet Pubbliċi Privati eċċ.

    [11] Ara t-Taqsima 2.1.

    [12] Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/procedure/eurostat_edp_visits_member_states.

    [13] Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/methodology/advice_member_states.

    [14] L-isqarrijiet għall-istampa tal-Eurostat 55/2010, 157/2010 u 170/2010.

    [15] It-taqsima Finanzi tal-Gvern fil-websajt tal-Eurostat tipprovdi aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar statistika għall-Proċedura taż-Żbilanċ Eċċessiv u l-kontijiet korrispondenti tas-setturi tal-gvern, inkluża d-dejta, id-deċiżjonijiet u l-manwali metodoloġiċi, flimkien mas-sejbiet taż-żjarat ta' djalogu PŻE: (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/introduction.

    [16] Ara: (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/procedure/supplementary_tables_financial_turmoil).

    [17] Skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009, il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista' temenda d-dejta attwali rrapportata mill-Istati Membri u tipprovdi dejta emendata u ġustifikazzjoni għall-emenda fejn ikun hemm evidenza li d-dejta reali rrapportata mill-Istati Membri ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1).

    [18] Inventorji tal-metodi, il-proċeduri u l-għejun użati għall-ġbir tad-dejta reali dwar id-defiċit u d-dejn u l-kontijiet korrispondenti tal-gvern.

    Op