This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0138
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS 2nd Report on Voluntary and Unpaid Donation of Blood and Blood Components
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Mingħajr Ħlas ta' Demm u ta' Komponenti tad-Demm
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Mingħajr Ħlas ta' Demm u ta' Komponenti tad-Demm
/* KUMM/2011/0138 finali */
/* KUMM/2011/0138 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Mingħajr Ħlas ta' Demm u ta' Komponenti tad-Demm
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 23.3.2011 KUMM(2011) 138 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Mingħajr Ħlas ta' Demm u ta' Komponenti tad-Demm WERREJ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Mingħajr Ħlas ta' Demm u ta' Komponenti tad-Demm 1 1. Introduzzjoni 3 2. Riżultati 4 2.1. Dispożizzjonijiet, linji gwida u linji politiċi leġiżlattivi 4 2.1.1. Donaturi ta' sostituzzjoni 5 2.1.2. Donazzjoni ta' demm bejn il-fruntieri 5 2.2. Inċentivi 5 2.2.1. Inċentivi għad-donaturi ta' demm sħiħ 5 2.2.2. Inċentivi għad-donaturi tal-aferesi 6 2.3. Promozzjoni 7 2.4. Il-ġbir u l-forniment 8 2.4.1. Il-Ġbir 8 2.4.2. Il-frazzjonament tal-plażma 9 2.4.3. Il-provvista tad-demm u tal-komponenti tad-demm 9 2.4.4. L-użu kliniku 10 2.4.5. L-awtosuffiċjenza 10 3. Taqsira u rimarki konklużivi 11 Introduzzjoni Il-prinċipji li jirregolaw id-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' demm u ta' komponenti tad-demm huma stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/98/KE[1]. Din tisqarr li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu donazzjonijiet tad-demm volontarji u mhux imħallsa bil-ħsieb li jiġi żgurat li demm u komponenti tad-demm huma safejn u sakemm ikun possibbli pprovduti minn donazzjonijiet bħal dawn Id-donaturi jistgħu jagħtu demm sħiħ jew xi ftit komponenti tiegħu biss, eżempju plażma. Matul id-donazzjonijiet ta' komponenti tad-demm, il-komponenti meħtieġa jiġu sseparati mid-demm u l-bqija jintbagħtu lura lid-donaturi bl-hekk imsejjaħ proċess aferesi. Donazzjonijiet ta' asferesi bħal dawn jieħdu aktar fit-tul iżda jistgħu jiġu organizzati aktar ta' spiss. Filwaqt li l-plażma tista' tiġi sseparata minn demm sħiħ wara d-donazzjoni, jista' jinkiseb ammont kbir ta' plażma permezz ta' aferesi (plażmaferesi) . Id-demm u l-komponenti tad-demm mingħand id-donaturi huma sisien essenzjali għat-terapiji, jew bħala trasfużjonijiet diretti pereżempju waqt operazzjoni, jew bħala materjal ta' bidu għall-prodotti mediċinali li ġejjin mill-plażma, eż biex wieħed jittratta l-pazjenti li għandhom l-emofilja minħabba n-nuqqas tal-fattur VIII. Skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iressqu rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar il-prattika tad-donazzjoni ta' demm volontarja u mingħajr ħlas. L-ewwel rapport dwar il-promozzjoni tad-donazzjonijiet ta' demm volontarji u mingħajr ħlas mill-Istati Membri ġie ppubblikat fl-2006[2]. Dan ir-rapport tal-Kummissjoni huwa msejjes fuq ir-risponsi tal-Istati Membri għal mudell ta' rapport dwar id-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' demm u ta' komponenti tad-demm, li ntbagħat lill-Awtoritajiet Kompetenti tad-demm u l-komponenti tad-demm matul ir-rebbiegħa 2010. L-Istati Membri kollha ressqu rapport lill-Kummissjoni. Barra dan, il-Kroazja u n-Norveġja wkoll ressqu rapport (b'kollox total ta' 29 pajjiżi li rrappurtaw). Is-sejbiet ewlenin ta' dan ir-rapport tressqu quddiem l-Awtoritajiet Kompetenti tad-demm u l-komponenti tad-demm[3]. L-għan ta' dan it-tieni rapport hu li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-prattika tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' demm u ta' komponenti tad-demm fl-UE, waqt li jiffoka fuq (1) id-dispożizzjonijiet/il-linji gwida u l-linji politiċi leġiżlattivi, (2) l-inċentivi. (3) il-promozzjoni, u (4) il-ġbir u l-forniment. Madankollu, għandha tinġibed l-attenzjoni li għalkemm dan ir-rapport imiss oqsma relatati mal-farmaċewtiċi, il-punt fokali tiegħu huwa d-demm u l-komponenti tad-demm[4]. RIżULTATI Dispożizzjonijiet, linji gwida u linji politiċi leġiżlattivi Il-pajjiżi kollha ħlief wieħed li rrappurtaw għandhom xi forma ta' dispożizzjonijiet (li jorbtu jew li ma jorbtux) li jirregolaw il-prinċipju tad-donazzjoni volontarja jew mingħajr ħlas ta' demm u ta' komponenti tad-demm (Dijagramma I). Dijagramma I [pic] Kif jidher fid-dijagramma I, 24 pajjiż għandhom regoli li jorbtu dwar id-donazzjoni ta' demm volontarja u mingħajr ħlas, stipulati fir-regolamenti nazzjonali (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Isvezja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, in-Norveġja u l-Kroazja). L-Ungerija u r-Renju Unit għandhom sistema doppja b'regoli li jorbtu stipulati mir-regolamenti u r-regoli nazzjonali stabbiliti mis-settur (awto-regolatorju), u f'Malta, ir-regoli li jorbtu rigward id-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas huma stipulati mis-settur (awto-regolatorju). Ir-Repubblika Ċeka għandha dikjarazzjoni li ma torbotx fil-liġi tagħha nazzjonali (f'konformità mad-Direttiva 2002/98/KE), filwaqt li l-Irlanda ma għandhiex dispożizzjonijiet jew linji gwida leġiżlattivi li jirregolaw il-prinċipju tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' demm u ta' komponenti tad-demm. Dawn id-dispożizzjonijiet u linji gwida legali jidhru li baqgħu relattivament stabbli matul iż-żmien. Mill-2006 'l hawn, meta ħareġ l-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni dwar il-promozzjoni mill-Istati Membri ta' donazzjonijiet ta' demm volontarji u mingħajr ħlas, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja u l-Isvezja biddlu d-dispożizzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' dan il-qasam. Madankollu, żewġ pajjiżi (l-Estonja u r-Repubblika Ċeka) stqarrew li qed jippjanaw li jbiddlu d-dispożizzjonijiet jew il-linji gwida legali eżistenti tagħhom. L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, l-Isvezja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, Spanja u l-Kroazja ddefinixxew pieni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet legali dwar id-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' demm u ta' komponenti tad-demm. L-ebda minn dawn il-pajjiżi ma imponew pieni bħal dawn. Donaturi ta' sostituzzjoni Donatur ta' sostituzzjoni tad-demm jista' jiġi deskritt bħala persuna li jagħti unità ta' sostituzzjoni tad-demm fil-każ biss meta membru tal-familja jew ħabib ikun jeħtieġ trasfużjoni. Sitt Stati Membri biss għandhom linji politiċi speċifiċi li jikkonċernaw il-prattika ta' donaturi ta' sostituzzjoni (Franza, l-Isvezja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, u l-Ungerija). F'dawn il-pajjiżi, il-prattika ta' donaturi ta' sostituzzjoni hija ġeneralment skoraġġuta. Donazzjoni ta' demm bejn il-fruntieri F'ċerti partijiet tal-UE, donnu jidher li teżisti prattika ta' individwi li jagħtu d-demm u l-komponenti tad-demm barra l-pajjiż tagħhom ta' residenza, eż. fi Stat Membru ieħor. Sitt pajjiżi (l-Estonja, l-Isvezja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u n-Norveġja) irrappurtaw li għandhom xi forma ta' politika jew linji gwida li jikkonċernaw il-prattika ta' donazzjoni ta' demm bejn il-fruntieri. Inċentivi Il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, Spanja, u s-Slovakkja kif ukoll in-Norveġja u l-Kroazja (18-il pajjiż) rrappurtaw xi forma ta' prinċipji ta' gwida dwar il-possibbiltà li jingħataw inċentivi lid-donaturi tad-demm u tal-komponenti tad-demm. Inċentivi għad-donaturi ta' demm sħiħ Il-pajjiżi li ġejjin jipprovdu xi forma ta' inċentivi lid-donaturi ta' demm sħiħ: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Isvezja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, in-Norveġja u l-Korazja (Dijagramma II). Dijagramma II [pic] Kif jidher mid-dijagramma ta' hawn fuq, l-inċentivi li jintużaw l-aktar f'dawn is-26 pajjiż jinkludu xarbiet, tifkiriet żgħar, bħal tazzi u T-shirts, ħin liberu mix-xogħol (fis-settur pubbliku), u r-rimborż tal-ispejjeż tat-trasport. Inċentivi għad-donaturi tal-aferesi Rigward l-aferesi (il-plażma, il-platelets...), il-pajjiżi li ġejjin jipprovdu xi tipi ta' inċentivi lid-donaturi: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Isvezja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, in-Norveġja u l-Kroazja (Dijagramma III). Dijagramma III [pic] Id-dijagramma III ta' hawn fuq turi li l-inċentivi li jintużaw l-aktar f'dawn l-24 pajjiż jinkludu xarbiet, tifkiriet żgħar, bħal tazzi u T-shirts, ir-rimborż tal-ispejjeż tat-trasport u l-ħin liberu mix-xogħol (fis-settur pubbliku). Ġeneralment, l-istudju li sar jindika li ma hemm l-ebda differenzi kbar fl-inċentivi għad-donaturi tad-demm sħiħ u d-donaturi tal-aferesi fl-UE, fin-Norveġja u fil-Kroazja. Il-valuri ta' dawn l-inċentivi huma ddeterminati mill-gvernijiet u/jew mill-operaturi fil-pajjiżi li rrappurtaw. Rigward id-demm sħiħ, f'10 pajjiżi dan il-valur huwa stabbilit mill-gvernijiet nazzjonali jew lokali, f'10 pajjiżi oħra huwa stabbilit minn operaturi/stabbilimenti tad-demm, u f'ħames pajjiżi oħra minn taħlita tat-tnejn jew minn entità oħra. B'mod simili, għall-aferesi, il-valur tal-inċentivi huwa definit mill-gvernijiet nazzjonali jew lokali f'10 pajjiżi, f'disa' pajjiżi oħra huwa stabbilit minn operaturi/stabbilimenti tad-demm jew tal-aferesi, u f'erba' pajjiżi oħra minn taħlita tat-tnejn jew minn entità oħra. L-Irlanda ma ressqet l-ebda dejta dwar dan il-punt. Promozzjoni Il-pajjiżi li ġejjin ħadu xi forma ta' miżuri biex jippromwovu d-donazzjoni tad-demm volontarja u mingħajr ħlas: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Isvezja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija, in-Norveġja u l-Kroazja. Dijagramma IV [pic] Kif jidher mid-dijagramma ta' hawn fuq, il-miżuri l-aktar komuni li jintużaw għall-promozzjoni tad-donazzjoni tad-demm volontarja u mingħajr ħlas fl-UE, fil-Kroazja u fin-Norveġja huma avvenimenti li jiffokaw fuq id-donazzjoni, it-tkattir tal-għarfien u l-kampanji ta' informazzjoni. B'mod aktar speċifiku, il-miżuri elenkati jinkludu: (1) ir-reklamar pubbliku, (2) telefonati personali, posta elettronika, ittri u messaġġi fuq il-mowbajl lid-donaturi, (3) kunċerti u spettakli oħra, (4) avvenimenti tal-midja, (5) kampanji u avvenimenti soċjali oħra (nazzjonali, reġjonali u lokali) eż. fil-Jum Dinji tad-Donaturi, (6) informazzjoni u kampanji onlajn, kotba żgħar u fuljetti,(7) seminars u lezzjonijiet fl-iskejjel, fl-universitajiet u fil-knejjes, (8) żjajjar għall-istudenti fi stabbilimenti tad-demm, u (9) miżuri oħra f'kooperazzjoni mal-istabbilimenti tad-demm, ma' assoċjazzjonijiet u ma' organizzazzjonijiet oħra. 21 mill-pajjiżi li rrappurtaw iddefenixxew gruppi ta' mira għall-attivitajiet tagħhom ta' promozzjoni. Il-gruppi ewlenin ta' mira identifikati huma ż-żgħażagħ, l-istudenti, il-persunal tal-korp militari u d-donaturi li jagħtu d-demm għall-ewwel darba. Il-ġbir u l-forniment Il-Ġbir Il-kolletturi/fornituri tad-demm sħiħ u l-plażma huma fil-biċċa l-kbira tagħhom pubbliċi fid-29 pajjiż li qed jieħdu sehem f'dan l-istħarriġ. 25 pajjiż jirrappurtaw li l-kolletturi/fornituri ewlenin għad-demm sħiħ huma pubbliċi jew mingħajr skop ta' qligħ, filwaqt li pajjiż wieħed għandu fornituri/kolletturi privati u tliet pajjiżi oħra għandhom taħlita ta' kolletturi/fornituri pubbliċi-privati u/jew fornituri u kolletturi oħra. Il-pajjiżi li ġejjin irrappurtaw li għandhom kolletturi/fornituri pubbliċi jew mingħajr skop ta' qligħ: il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Isvezja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija, in-Norveġja u l-Kroazja. Flimkien ma' dawn, l-Awstrija tirrapporta li għandha fornituri/kolletturi privati waqt li l-Finlandja, il-Ġermanja u l-Litwanja għandhom taħlita ta' kolletturi/fornituri pubbliċi-privati u/jew kolletturi/fornituri oħra. Bl-istess mod għall-plażma, 23 pajjiż għandhom kolletturi/fornituri pubbliċi jew mingħajr skop ta' qligħ, waqt li sitt Stati Membri oħra għandhom kolletturi/fornituri privati jew taħlita ta' kolletturi/fornituri oħra. Il-pajjiżi li ġejjin jirrappurtaw li għandhom kolletturi/fornituri pubbliċi jew mingħajr skop ta' qligħ: il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Isvezja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija, in-Norveġja u l-Kroazja. Flimkien ma' dawn, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom kolletturi/fornituri privati jew taħlita ta' kolletturi/fornituri pubbliċi-privati u/jew kolletturi/fornituri oħra. Barra minn hekk, il-parteċipanti f'dan l-istudju ġew mistoqsija jekk jipprovdux inċentivi finanzjarji jew inċentivi oħra għall-ġbir ta' demm u ta' komponenti ta' demm, eż. għall-istabbilimenti tad-demm, għall-isptarijiet u l-persunal tal-kura tas-saħħa. Madwar 10 % tal-pajjiżi jirrappurtaw li jagħtu xi forma ta' inċentivi lill-kolletturi/fornituri tad-demm u tal-komponenti tad-demm. Il-frazzjonament tal-plażma Il-frazzjonament tal-plażma jirreferi għall-proċessi ta' separazzjoni tal-frazzjonijiet varji mill-plażma tad-demm. Dan jinkludi stadji ta' manifattura li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni farmaċewtika u jirriżulta fi prodotti mediċinali li jiġu mill-plażma. Mid-29 pajjiż li rrappurtaw, madwar nofshom għandhom il-kapaċità (l-impjanti farmaċewtiċi) għall-frazzjonament tal-plażma bħal dan (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Isvezja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, Spanja, l-Ungerija u l-Kroazja). F'dawn il-pajjiżi, madwar 71 % tal-atturi huma privati u d-29 % li jibqa' huma pubbliċi. Il-provvista tad-demm u tal-komponenti tad-demm Fl-istudju li twettaq, il-pajjiżi li ħadu sehem ġew mistoqsija jekk qatt esperjenzawx in-nuqqas regolari ta' demm u ta' komponenti tad-demm, u b'mod partikolari fir-rigward ta' demm sħiħ, ta' plażma friska ffriżata (għat-trasfużjoni), ta' ċelloli ħomor tad-demm, ta' ċelloli bojod tad-demm, ta' platelets, u tal-frazzjonijiet tal-plażma, bħalma huma l-immunoglobulina, il-fattur VIII, il-fattur IX, l-albumina, il-lipoproteina, il-fibrinoġen u l-antitrombina III (Dijagramma V). Dijagramma V [pic] Skont din id-dijagramma, jidher li xi ftit pajjiżi esperjenzaw nuqqas regolari ta' demm u ta' komponenti tad-demm, minn medda ta' madwar 14 % (għad-demm sħiħ) sa 0 % għaċ-ċelloli bojod tad-demm. L-użu kliniku Madwar 75 % tal-pajjiżi li rrispondew għandhom linji politiċi stabbiliti biex iżommu jew jiggarantixxu l-użu kliniku effettiv tad-demm u tal-komponenti tad-demm (l-Awstrija, l-Belġju, il-Bugarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Isvezja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, Spanja, l-Ungerija u n-Norveġja). L-awtosuffiċjenza Il-pajjiżi li ġejjin għandhom linji politiċi stabbiliti biex jippruvaw jippromwovu l-awtosuffiċjenza tad-demm u tal-komponenti tad-demm: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Isvezja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija, in-Norveġja u l-Kroazja. Dawn il-linji politiċi jidhru li baqgħu ftit jew wisq stabbli maż-żmien. Mill-2006, Franza, il-Litwanja u l-Polonja biddlu l-politika tagħhom f'dan il-qasam. Madankollu, tliet pajjiżi (Franza, il-Greċja u l-Irlanda) jistqarru li qed jippjanaw li jbiddlu l-linji politiċi eżistenti tagħhom. Għalkemm 22 pajjiż għandhom linji politiċi nazzjonali għall-awtosuffiċjenza tad-demm u tal-komponenti tad-demm, 13 biss minnhom jidhru li fil-fatt iddefinixxew il-kunċett ta' awtosuffiċjenza (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, Franza, l-Isvezja, l-Italja, Malta, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, Spanja, l-Ungerija u l-Kroazja). Barra dan, Franza, il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovakkja u n-Norveġja jirrappurtaw li għandhom ftehimiet/strutturi ta' kollaborazzjoni bilaterali jew forom oħra ta' dawn biex jiżguraw forniment xieraq tad-demm u tal-komponenti tad-demm f'livell nazzjonali. TAQSIRA U RIMARKI KONKLUżIVI Dan ir-rapport juri li l-Istati Membri ġeneralment jikkonformaw mal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/98/KE, li jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu d-donazzjonijiet ta' demm volontarji u mingħajr ħlas bl-għan li jkun żgurat li d-demm u l-komponenti tad-demm ikunu kemm jista' jkun possibbli pprovduti minn donazzjonijiet bħal dawn. Dan ir-rapport, li huwa fil-biċċa l-kbira konformi mas-sejbiet tal-ewwel rapport dwar donazzjonijiet tad-demm volontarji u mingħajr ħlas (maħruġ fl-2006), juri li d-dispożizzjonijiet u l-linji gwida leġiżlattivi dwar id-donazzjoni tad-demm volontarja u mingħajr ħlas huma stabbiliti sew madwar l-UE. Kollha għajr pajjiż wieħed mid-29 pajjiż li rrappurtaw għandhom dispożizzjonijiet bħal dawn stabbiliti. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi li rrappurtaw għandhom xi forma ta' strutturi ta' inċentiva għad-donaturi tad-demm, bħal xarbiet, tifkiriet żgħar u rimborż tal-ispejjeż tat-trasport. Bosta pajjiżi joffru wkoll ħin liberu mix-xogħol lid-donaturi tad-demm impjegati fis-settur pubbliku. L-istudju jindika li ma hemmx differenzi prinċipali fl-inċentivi għad-donaturi tad-demm sħiħ u għad-donaturi tal-aferesi (plażma, platelets...). 27 minn 29 pajjiż li rrappurtaw ħadu xi forma ta' miżuri biex jippromwovu d-donazzjoni tad-demm volontarja u mingħajr ħlas, bħat-tkattir tal-għarfien u kampanji ta' informazzjoni. Rigward il-ġbir u l-forniment tad-demm u tal-komponenti tad-demm, ir-rapport juri li l-kolletturi/fornituri tad-demm sħiħ u tal-plażma huma fil-biċċa l-kbira tagħhom pubbliċi fl-UE, fin-Norveġja u fil-Kroazja. Madwar nofs il-pajjiżi li rrappurtaw għandhom il-kapaċità għall-frazzjonament tal-plażma. F'dawn il-pajjiżi, l-atturi fil-qasam tal-frazzjonament tal-plażma huma prinċipalment privati (71 %). Rigward il-forniment, l-Awtoritajiet Kompetenti tad-demm u tal-komponenti tad-demm jirrapportaw skarsezzi relattivament limitati ta' demm u tal-komponenti tad-demm, li jibdew minn 14 % (għad-demm sħiħ) sa 0% għaċ-ċelloli bojod tad-demm. Madwar 75 % tal-pajjiżi għandhom linji politiċi stabbiliti biex iżommu jew jiggarantixxu l-użu kliniku effettiv tad-demm, kif ukoll biex jippromwovu l-awtosuffiċjenza tad-demm u tal-komponenti tad-demm. Permezz tas-sejbiet ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tirrifletti fuq il-ħtieġa potenzjali ta' aktar miżuri, waqt li jitqies li l-mandat tal-Kummissjoni huwa limitat għall-kwalità u għas-sigurtà tad-demm u tal-komponenti tad-demm. [1] Id-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta’ demm tal-bniedem u komponenti tad-demm u li temenda d-Direttiva 2001/83/KE. [2] COM(2006)217 finali, Rapport dwar il-promozzjoni ta' donazzjonijiet ta' demm volontarji u mingħajr ħlas mill-Istati Membri. [3] http://ec.europa.eu/health/blood_tissues_organs/docs/blood_mi_20101027_en.pdf. [4] Id-Direttiva 2002/98/KE tiddefinixxi d-demm bħala "demm sħiħ miġbur minn donatur u pproċessat jew għat-trasfużjoni jew għal aktar fabbrikazzjoni" u l-komponenti tad-demm bħala "kostitwent terapewtiku tad-demm (ċelloli ħomor, ċelloli bojod, platelets, plasma) li jista’ jiġi mħejji permezz ta’ metodi varji".