This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0052
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS On the Response to the Report of the Expert Group on the Interim Evaluation of the Seventh Framework Programme for Research, Technological Development and Demonstration Activities and to the Report of the Expert Group on the Interim Evaluation of the Risk-Sharing Finance Facility
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji
/* KUMM/2011/0052 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji /* KUMM/2011/0052 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 9.2.2011 KUMM(2011) 52 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-Rispons għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji 1. KUNTEST L-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (FP7)[1] jistipula l-bażi legali għal Evalwazzjoni Interim tal-FP7 imsejsa fuq l-evidenza li għandha titwettaq bl-għajnuna ta' esperti indipendenti sa mhux aktar tard mill-2010. Dan l-Artikolu jistipula li din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-kwalità tal-attivitajiet ta' riċerka li għaddejjin bħalissa, kif ukoll il-kwalità tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni, u l-progress li sar lejn il-kisba tal-miri stabbiliti. L-evalwazzjoni rnexxielha tifformula għadd ta' valutazzjonijiet komplimentari inkluż l-evalwazzjoni interim tas-sottotema Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) [2]. Abbażi ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni[3] li tispeċifika t-Termini ta' Referenza, inħatar grupp ta' 10 esperti sabiex iwettqu din l-Evalwazzjoni Interim. Il-grupp kien ippresedut minn Rolf Annerberg, Direttur Ġenerali tal-Kunsill Svediż tar-Riċerka dwar l-Ambjent, ir-Riċerka Agrikola u l-Ippjanar Spazjali. Ir-rapport kien sottomess fit-12 ta' Novembru 2010 u jinsab disponibbli fuq l-Internet[4]. Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[5] u dawk dwar il-Programmi Speċifiċi "Kooperazzjoni"[6] u "Kapaċitajiet"[7] jesiġu wkoll li sal-2010 għandha titwettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) minn grupp ta' esperti indipendenti. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim RSFF għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni fil-forma ta' rapport tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, li abbażi tagħhom jistgħu jiddeċiedu jirrilaxxaw it-tieni ammont tal-kontribut finanzjarju tal-UE allokat lill-RSFF (sa mhux iktar minn EUR 500 miljun) għall-perjodu 2011-2013+[8]. Ir-rapport tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti (IEG), magħmul minn 6 membri u ppresedut mis-Sinjura Erika Mann, eks-MEP, ġie sottomess fl-1 ta' Awwissu 2010 u jinsab disponibbli fuq l-Internet[9]. Din il-Komunikazzjoni tirreaġixxi għar-rakkomandazzjonijiet[10] f'dawn l-evalwazzjonijiet billi ssemmi l-azzjonijiet li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu jew li diġà ħadet, imma wkoll tindika fejn ma jkunx hemm soluzzjoni immedjata jew ovvja. Huwa ċar li għadd ta' kwistjonijiet li tqajmu, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfassil u l-kontenut tal-Programmi Kwadri (FPs) u r-regoli ta' finanzjament li, minħabba l-implimentazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Kummissjoni waħidha, imma jeħtieġ li jkun hemm l-involviment ta' grupp aktar wiesa' ta' atturi inklużi l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaħdmu flimkien. 2. Rispons għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi fl-evalwazzjoni interim tal-FP7 2.1. Biex jiġu avvanzati ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u l-miri tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li jintegraw il-bażi tar-riċerka.... Il-ħtieġa li tingħeleb il-frammentazzjoni tar-riċerka u li tinbena massa kritika fir-riċerka, kemm dik pubblika kemm dik privata, għadhom kwistjonijiet ewlenin minkejja li saru bosta kisbiet bħall-ITK, l-ERA-NETS, l-attivitajiet li jissemmew fl-Artikolu 185, il-mekkaniżmu ta' kofinanzjament fl-attivitajiet ta' taħriġ tal-programm Marie Curie u issa l-ewwel passi lejn Programmar Konġunt. Il-programmi tal-ġejjieni tal-UE fil-qasam tar-riċerka għandhom jipprovdu enfasi aktar ċara fuq l-elementi ewlenin tar-riċerka għax-xjenza, il-ġestjoni teknoloġika u l-kompetittività industrijali u jiffukaw fuq l-isfidi kbar tas-soċjetà. Min-naħa l-oħra dan għandu jipprovdi benefiċċji multipli, inkluż l-iffissar tal-prijoritajiet b'mod iktar koerenti, kapaċità aħjar biex jiġu xprunati l-investimenti fis-settur privat, titjib tal-valur miżjud Ewropew u bażi iktar soda biex jitkejjel l-impatt. Approċċ ta' dan it-tip jeħtieġ jiġi żviluppat fil-qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, billi jiġu identifikati oqsma ta' interess komuni jew konverġenti, filwaqt li jkun żgurat li hemm allinjament aħjar ta' kapaċitajiet tar-riċerka. L-Unjoni tal-Innovazzjoni tiffissa kif jistgħu jinkisbu l-miri ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz ta' approċċ strateġiku u integrat lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Green Paper li għad trid toħroġ dwar Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka tal-UE u l-finanzjament tal-Innovazzjoni se tvara dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-kwistjonijiet prinċipali li għandhom jitqiesu fil-programmi tal-ġejjieni. 2.2. Biex jiġu żviluppati u implimentati infrastrutturi tar-riċerka ta' kwalità għolja.... Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-finanzjament tal-infrastruttura se jimxi 'l quddiem permezz ta' allinjament aħjar tal-FP, bil-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fondi Strutturali. Il-mira tal-appoġġ tal-FP7 għal infrastrutturi ġodda tar-riċerka hi l-fażi preparatorja għall-proġetti fil-Pjan ta' Direzzjoni ESFRI u għal xi wħud minn dawn il-proġetti tfasslu sinerġiji possibbli mal-Politika ta' Koeżjoni u tqassmet informazzjoni lill-konsorzji tal-proġett. Il-Kummissjoni hija kunfidenti li s-sinerġiji għandhom iħallu riżultati qabel jintemm l-FP7. Se jibqa' jingħata appoġġ lill-Attivajiet ta' Integrazzjoni (I3) għall-aħħar snin tal-FP7. Għandha titqies possibbiltà interessanti li jiġi rinfurzat it-taħriġ marbut mal-infrastrutturi tar-riċerka fil-programm Nies. Wara l-Istrateġija Ewropa 2020 jista' jiġi inkluż pakkett ta' ħidma dwar l-innovazzjoni fil-proġetti kollha ta' infrastruttura tar-riċerka biex b'hekk l-involviment ikbar tal-industrija jingħata vantaġġ. Il-programm ta' ħidma 2012 se jenfasizza aħjar il-possibbiltà għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess għall-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka. L-iżvilupp tal-infrastrutturi elettroniċi se jgħaqqad lir-riċerkaturi, l-istrumenti, id-dejta u r-riżorsi ta' komputazzjoni madwar l-Ewropa, billi tinħoloq "ERA onlajn" mingħajr xkiel. Bħala parti integrali tal-inizjattiva ewlenija Aġenda Diġitali, din il-ħidma se titkompla fit-tieni nofs tal-FP7 inkluż l-iżvilupp tas-servizzi onlajn għall-komputazzjoni u r-riċerka intensiva imsejsa fuq id-dejta, l-aġġornament tan-netwerk GÉANT u żvilupp ulterjuri tal-infrastruttura ta' superinformatika PRACE[11]. 2.3. Il-livell tal-finanzjament għandu, tal-anqas, jinżamm.... L-istrateġija Ewropa 2020 tirrikonoxxi b'mod ċar ħafna li r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-muturi ewlenin tal-progress tas-soċjetà u l-prosperità ekonomika. Sabiex jintlaħqu l-miri ta' din l-istrateġija, l-isfidi ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati fil-livell tal-UE u l-isfida stipulata mill-kompetituri tagħna li jippjanaw investimenti kbar u ambizzjużi għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RDI), għandu jkun hemm livell kredibbli ta' finanzjament għall-qafas tar-riċerka u l-innovazzjoni. Kif propost fl-Analiżi tal-Baġit, kwadru strateġiku komuni se jiżgura użu iktar effiċjenti tal-finanzjamanet tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-UE billi jsaħħaħ il-valur miżjud tal-UE, billi jkun orjentat iktar biex jagħti riżultati, u billi jixpruna sorsi oħra kemm pubbliċi kemm privati ta' finanzjament. 2.4. Jeħtieġ li jkun hemm strateġija ta' innovazzjoni artikolata sewwa.... Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni li hija konverġenti mal-orjentazzjonijiet mogħtija fil-Kommunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fl-aħħar snin, l-approċċ sabiex isir allinjament tal-prijoritajiet ta' finanzjament tal-FP mal-ħtiġijiet tat-teknoloġija tal-industrija, billi Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija u l-appoġġ għal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u Sħubiji Pubbliċi-Privati jiġu nkoraġġuti, mhux biss żied ir-rilevanza industrijali tar-riċerka tal-FP imma wkoll, b'mod iktar fundamentali, għen lis-setturi kollha tal-industrija sabiex jallinjaw ruħhom mal-istrateġiji tar-riċerka kondiviżi. Kif stipulat fl-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-programmi tal-UE tal-ġejjieni għandhom isaħħu dan, flimkien ma' mekkaniżmi iktar b'saħħithom ta' trasferiment ta' għarfien u l-varar ta' Sħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni sabiex jitqarrbu mal-miżuri li jittieħdu minħabba d-domanda (bħall-iffissar tal-istandards, l-akkwist u l-oqfsa regolatorji). Filwaqt li l-impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni mhux se jkunu implimentati bis-sħiħ qabel il-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' nfiq, il-Kummissjoni diġà qiegħda tinvesti sforz sinifikanti sabiex ittejjeb l-impatt tal-innovazzjoni tal-Programm Kwadru attwali. Dan se jinkiseb fil-programmi ta' ħidma FP7 li għad fadal, inkluż permezz ta' finanzjament għal proġetti li jqarrbu r-riżultati tar-riċerka lejn is-suq (eżempju proġetti ta' dimostrazzjoni) u enfasi ulterjuri fuq l-impatti tal-innovazzjoni fil-proposti ta' evalwazzjoni. Barra minn hekk, se jingħata finanzjament ieħor kemm għal proġetti speċifiċi tal-SMEs kemm għal suġġetti li huma attraenti għall-SMEs jew organizzazzjonijiet li għadhom "ġodda" f'dak li għandu x'jaqsam l-FP7. 2.5. Jeħtieġ qabża kbira fis-simplifikazzjoni.... Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jkun hemm iktar semplifikazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[12] dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka, li tippreżenta sett ta' alternattivi fuq perjodu ta' żmien qasir u fuq perjodu itwal, qajmet dibattitu intensiv interistituzzjonali. Filwaqt li hemm appell kbir għall-istabbiltà u l-kontinwità fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-FP7, joħroġ kunsens wiesa' dwar il-fatt li għandu jsir progress malajr fi tliet oqsma ta' suċċess potenzjali li diġà jinsabu fl-FP7: - Definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-metodoloġiji tal-kostijiet medji tal-persunal, li tneħħi l-kriterji għal devjazzjonijiet aċċettabbli bejn il-kostijiet medji f'kategorija tal-persunal u l-kostijiet attwali marbutin mal-persuni individwali li jaħdmu fuq il-proġetti. Dan jagħti lok għall-aċċettabbiltà tal-biċċa l-kbira tal-metodoloġija tal-kostijiet medji tal-persunal li jiġu applikati fil-verità bħala prattika normali tal-kontabbiltà mill-benefiċjarji, b'mod partikolari fl-industrija, inklużi l-metodi msejsa fuq iċ-ċentru tal-kostijiet; - Għoti ta' possibbiltà lis-sidien tal-SMEs u lill-persuni fiżiċi li ma jirċevux salarju reġistrat fil-kontijiet sabiex ikun rimburżat il-valur tal-ħidma tagħhom fuq il-proġetti FP7 permezz ta' rata fissa msejsa fuq il-konċessjonijiet għall-boroż ta' studju Marie Curie fil-programm speċifiku Nies; - Twaqqif ta' kumitat ta' awtorizzazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali fil-Kummissjoni li jimplimenta l-programmi kwadri fil-qasam tar-riċerka, sabiex ikun hemm interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-għotjiet tar-riċerka; Fl-24 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa sabiex tiffissa l-miżuri ta' simplifikazzjoni li qed jitħaddmu li huma msemmijin iktar 'il fuq mingħajr iktar dewmien u b'effett retroattiv għall-għotjiet tal-FP7 li għadhom għaddejjin. Il-kwistjoni ta' interess dwar il-prefinanzjament hija indirizzata fil-proposta tal-Kummissjoni COM(2010)815 għar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju. Ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzarju, kif propost mill-Kummissjoni, hija essenzjali wkoll sabiex tinkiseb simplifikazzjoni iktar radikali ("qabża kbira") fil-programmi ta' finanzjament ta' riċerka u innovazzjoni tal-ġejjieni. 2.6. It-taħlita tal-miżuri ta' finanzjament fl-FP7 u l-programmi suċċessuri għandhom iżommu bilanċ differenti bejn l-approċċ li jimxi minn isfel għal fuq u l-approċċ li jimxi minn fuq għal isfel fir-riċerka.... Partijiet sinifikanti tal-FP7 diġà jipprovdu approċċi li jimxu minn isfel għal fuq fir-riċerka. Dawn jinkludu l-Azzjonijiet Marie Curie (MCA) għat-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) għal riċerka li tkun ispirata mill-kurżità. Wieħed għandu jinnota wkoll l-iskema ta' Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET) li, permezz ta' sejħiet tematiċi minn fuq għal isfel flimkien ma' sejħiet miftuħa minn isfel għal fuq qed tappoġġa riċerka esploratorja multidixxiplinari fl-ICT. Il-pass lejn iktar finanzjament minn isfel għal fuq għandu jibqa' għaddej, permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal iktar sejħiet miftuħa għal proposti, imqanqlin mill-isfidi fis-snin finali tal-FP7. Barra minn hekk, l-Unjoni tal-Innovazzjoni impenjat ruħha li ssaħħaħ ir-rwol tal-KER u l-kwistjoni li tħaddem approċċi li jimxu minn isfel għal fuq minflok minn fuq għal isfel se tidher sew fid-dibattitu ta' orjentazzjoni fl-FP li jmiss. Madankollu, l-iktar importanti għall-FP b'mod ġenerali hu li jiżgura bilanċ xieraq bejn l-approċċi li jimxu minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel. Barra l-kummenti msemmijin hawn fuq (il-punti 2.1 u 2.4) fir-rigward tal-attività tal-ġejjieni li hi ffukata sew fuq l-isfidi ewlenin, hu importanti li niftakru li din tirnexxi biss jekk tagħti lok għall-iżvilupp tal-kreattività u l-inġenjożità fil-livelli tal-proġetti u tar-riċerkaturi. Il-Kummissjoni tirriafferma l-appoġġ tagħha għall-kunċett imsejjes fuq trijangolu ta' għarfien u tħares lejn ix-xogħol li għaddej bħalissa taħt l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija kif ukoll tagħti spinta kbira lill-komponent tal-edukazzjoni. Se jkunu wkoll ta' importanza l-forum dwar "l-industrija tal-università" u l-"alleanzi ta' għarfien" imħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet xierqa għar-riċerkaturi sabiex jinnovaw kif ipprovdut mill-azzjonijiet ta' Marie Curie (MCA). 2.7. Għandu jitqies moratorju fuq strumenti ġodda.... Il-bqija tal-programm FP7 se jkompli jitħaddem bil-bażi legali attwali u permezz tas-sett eżistenti ta' strumenti. Madankollu, il-Kummissjoni se teżamina l-portafoll attwali tal-istrumenti sabiex tidentifika oqsma għas-semplifikazzjoni, affarijiet żejda possibbli u nuqqasijiet potenzjali. Approċċi ġodda bħal premjijiet jew skemi ta' akkwist innovattivi għandhom jitqiesu wkoll. Din il-ħidma se tkun appoġġata b'diversi modi li jinkludu diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER) u l-"Komunikazzjoni dwar is-Sħubijiet" li għad trid toħroġ. L-ideat li joħorġu se jkunu riflessi fil-proposti tal-Kummissjoni għall-FP li jmiss. Sabiex isir l-aqwa użu possibbli tal-baġit tal-UE se jkun meħtieġ finanzjament li jimmira lejn iktar valur miżjud Ewropew, impatt iktar qawwi u xprunar imtejjeb. Kwadru strateġiku komuni kif issemma qabel se jimmira biex jiżgura li l-finanzjament kollu għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE jitħaddem għal miri komuni u skont strateġija kondiviża. Dan fih innifsu jkun jeħtieġ żvilupp ta' portafoll koerenti u effiċjenti ta' strumenti. 2.8. Għandhom jittieħdu passi oħra sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-FP7 fis-snin li ġejjin.... Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil din il-kwistjoni għalkemm tinnota, li minħabba li l-FP hu biss parti żgħira mill-attività kollha tar-riċerka Ewropea, il-limiti safejn tista' tasal waħidha. Progress reali jeħtieġ approċċ komuni li jkun appoġġat b'mod attiv mill-aġenziji tal-finanzjament u r-riċerkaturi madwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni taċċetta l-isfida li tieħu rwol prinċipali. Minbarra l-attivitajiet attwali – speċjalment il-mira ta' 40%; attivitajiet ta' monitoraġġ, għarfien u promozzjoni; u suċċessi skont l-Azzjonijiet Marie Curie - qed tiġi proposta sensiela ta' attivitajiet ulterjuri. Il-Kummissjoni sejra: - timplimenta bis-sħiħ il-mira li tintlaħaq parteċipazzjoni tan-nisa li tlaħħaq 40% fil-kumitati kollha ta' evalwazzjoni u ta' konsulenza – se tfittex ukoll l-appoġġ tal-Istati Membri biex tintlaħaq din il-mira għall-Kumitati tal-Programmi; - tvara analiżi ġdida bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tar-riċerka sabiex tidentifika, sal-aħħar tal-2011, il-fatturi kulturali u sitwazzjonali li jgħinu fl-iffissar tal-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi nisa, kif ukoll miżuri li jegħlbu dawn; - tirrinforza l-monitoraġġ fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett; - skont l-Azzjonijiet Marie Curie, tirrinforza r-rwol ta' Panil (Career Restart Panel) li l-għan tiegħu hu li jgħin lil dawk li jkunu jridu jerġgħu jaqbdu l-karriera fir-riċerka wara li jkunu waqfu għal xi perjodu, pereżempju minħabba liv ta' wara t-tqala. 2.9. Li titwitta t-triq għal iktar parteċipazzjoni minn Stati Membri li ma jkunux irrappreżentati biżżejjed (permezz ta') konnessjonijiet imtejba bejn il-Fondi Strutturali u l-FP.... Eżempju speċifiku tal-progress li diġà qed isir huwa l-Grupp ta' Esperti dwar is-Sinerġiji (SEG), imwaqqfa biex isibu sinerġiji bejn l-FP7, il-Fondi Strutturali u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Minħabba li l-membri ġejjin minn oqsma akkademiċi, politiċi u prattiċi, kif ukoll mill-angolu tal-edukazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien dan se jagħti pariri dwar il-perjodu attwali ta' pprogrammar (2011-2013) u l-perjodu ta' pprogrammar li jmiss, kif ukoll dwar l-azzjonijet reġjonali tal-FP7. Is-SEG se jibbenefika minn analiżi riċenti ta' sinerġiji mwettqa mill-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER). L-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Aġenda Diġitali għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-ksib ta' allinjament aħjar tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE, inkluż ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-finanzjament tal-koeżjoni. Il-Fondi Strutturali għandhom japoġġaw il-bini tal-kapaċità, bħal pereżempju għall-infrastrutturi tar-riċerka u l-azzjonijiet sabiex ikun hemm aċċess għal internet b'veloċità għolja madwar l-Ewropa, jiġifieri t-twessigħ tal-bażi tar-riċerka tal-UE u l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet għal soċjetà msejsa fuq l-għarfien. 2.10. Il-ftuħ tal-FP7 għal kooperazzjoni internazzjonali.... L-FP7 diġà hu miftuħ ħafna għall-kollaborazzjoni internazzjonali u jinvolvi parteċipanti minn iktar minn 160 pajjiż. Madankollu, f'termini ta' finanzi u l-għadd totali ta' parteċipanti, l-iskala ta' din il-kollaborazzjoni hija relattivament żgħira, b'mod partikolari meta dan jitqabbel man-nazzjonijiet emerġenti u li jinsabu minn ta' quddiem fil-qasam tar-riċerka. Din hija opportunità serja li qed tintilef u li għandha tiġi indirizzata. Meta wieħed jibni fuq l-esperjenza tal-inizjattivi eżistenti bħalma huma l-ftehimiet bilaterali tal-UE dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija u s-sejħiet ikkoordinati, jidher li hemm ħtieġa urġenti għal approċċ iktar strateġiku. Għalhekk il-Kummissjoni se twettaq analiżi ewlenija – sabiex tħejji rapport sal-aħħar tal-2011 – dwar l-istrateġija tagħha għall-kollaborazzjoni internazzjonali. Din se teżamina kif għandha tinbena l-massa kritika u l-ispeċjalizzazzjoni, f'oqsma fejn hemm ħtiġijiet Ewropej u vantaġġ komparattiv, filwaqt li titqies il-proposta msemmija hawn fuq (il-punt 2.1) biex fil-ġejjieni wieħed jiffoka fuq sfidi ewlenin. F'dan il-kuntest, ikun essenzjali wkoll sabiex ikunu ddefiniti aħjar ir-rwoli komuni u rispettivi tal-Istati Membri u tal-Programm Kwadru kif ukoll il-mezzi, bħal pereżempju permezz tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija, sabiex ikunu identifikati oqsma ta' interess u approċċi komuni. 3. PROSPETTI Fl-aħħar kapitolu ta' dan ir-rapport, il-Grupp ta' Esperti għall-evalwazzjoni Interim tal-FP7 jiddiskuti l-implikazzjonijiet tas-sejbiet u l-evidenza tiegħu, għall-miri u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament fil-ġejjieni. Jenfasizza li dan jeħtieġ jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, inkluż il-miri ambizzjużi fl-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-inizjattivi ewlenin relatati. Il-Grupp ta' Esperti jressaq it-tliet kwistjonijiet ta' eċċellenza, kompetittività u miri marbuta mas-soċjetà bħala essenzjali għall-aġenda tar-riċerka u l-prijoritajiet tal-FP li jmiss. Dawn jikkoinċidu sew mal-orjentazzjonijiet wesgħin imressqa mill-Unjoni tal-Innovazzjoni. Ir-riżultati li joħorġu minn din l-evalwazzjoni se jkollhom impatt dirett fuq il-politika tar-riċerka tal-ġejjieni, b'mod partikolari fil-Green Paper li għad trid toħroġ il-Kummissjoni, skedata għall-adozzjoni fil-bidu tal-2011, sabiex tvara dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-kwistjonijiet ewlenin għar-riċerka tal-ġejjieni u l-programmi ta' finanzjament għall-innovazzjoni. 4. FAċILITÀ TA' FINANZJAMENT GħALL-KONDIVIżJONI TAR-RISKJI (RSFF) 4.1. Introduzzjoni għall-RSFF u l-kuntest tal-Evalwazzjoni Interim tiegħu L-RSFF ġiet żviluppata fuq talba tal-Kunsill tal-UE f'Diċembru 2005 meta dan talab lill-Kummissjoni Ewropea (KE) u lill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) jipproponu faċilità ta' finanzjament b'elementi ta' kondiviżjoni tar-riskji għall-appoġġ ta' investimenti ulterjuri fl-RDI għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Billi jiġbru flimkien massimu ta' EUR 2 biljun (massimu ta' EUR 1 biljun mill-FP7; massimu ta' EUR 1 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI) sabiex ikopru telf potenzjali u self ipprovdut mill-BEI u/jew l-intermedjarji finanzjarji tiegħu, il-mira tal-RSFF hi li jiġu allokati madwar EUR 10 biljun f'self għall-attivitajiet tal-RDI implimentati minn kumpaniji privati jew istituzzjonijiet pubbliċi li jkollhom profil ta' riskju finanzjarju ogħla. Skont l-Anness II tal-FP7, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE hija maqsuma f'żewġ partijiet: l-ewwel parti tammonta għal EUR 500 miljun għall-perjodu bejn l-2007 u l-2010; u l-possibbiltà ta' parti oħra li tammonta għal EUR 500 miljun għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013, soġġetta għal Evalwazzjoni Interim. 4.2. Evalwazzjoni Interim RSFF Billi jimplimenta l-ħidma tiegħu fl-ewwel nofs tas-sena 2010, il-Grupp ta' Esperti Indipendenti (IEG) maħtur sabiex iwettaq Evalwazzjoni Interim jikkonkludi fir-rapport tiegħu[13] li l-RSFF tidher bħala strument finanzjarju innovattiv, antiċikliku, immexxi mid-domanda li ġie introdott b'suċċess fl-iskema ta' finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni Ewropea li għenet drastikament l-espansjoni tal-finanzjament għall-RDI. Filwaqt li jenfasizza li nkisbu riżultati konsiderevoli ħafna fuq skala tal-UE minn meta ġiet varata, saħansitra aqwa minn dak li kien mistenni inizjalment[14], l-IEG enfasizzat ukoll li l-implimentazzjoni tal-RSFF twettqet b'mod effiċjenti u effettiv ħafna, minħabba li bniet għarfien enormi fil-BEI u fil-KE fil-ġestjoni ta' strument finanzjarju ġdid u vvalutat b'mod konġunt, u jservi ta' lezzjoni liema bħalha u ta' inkoraġġiment għal dak li jista' jinkiseb mill-kombinazzjoni ġudizzjarja tal-kapital imsejjes fuq ir-riskji mill-baġit tal-UE u tar-riżorsi finanzjarji u l-esperti tal-BEI. Abbażi tal-fatt li l-RSFF titqies bħala eżempju mudell biex ikun żviluppat iktar u intensifikat, l-IEG għamel 10 rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu raggruppati mill-ġdid kif ġej: - Għall-perjodu attwali ta’ programmazzjoni 2011-2013. - Rilaxx immedjat tal-kontribuzzjoni tal-UE sa massimu ta' EUR 500 miljun għall-RSFF skont il-kundizzjonijiet kif previst fil-bażi legali tal- FP7 tal-KE - ( Rakkomandazzjoni 1 ); - Kontribuzzjoni addizzjonali tal-UE sa mhux iktar minn EUR 500 miljun għall-RSFF għall-2011-2013 li jiġi mill-Programm Speċifiku FP7 tal-KE "Kooperazzjoni" u/jew riżorsi li ma jaqgħux taħt l-FP7 ( Rakkomandazzjoni 5 ); - Natura rinnovabbli tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE sabiex jintlaħaq il-livell tad-domanda sal-aħħar tal-2013 – ( Rakkomandazzjoni 7 ); - Titjib possibbli li jiġi implimentat għal xi gruppi fil-mira diġà appoġġati (b'mod partikolari SMEs, Infrastrutturi tar-Riċerka) permezz tal-introduzzjoni tal-approċċi speċifiċi u bdil fil-kondiviżjoni tar-riskji - ( Rakkomandazzjonijiet 2, 3 u 4 ). - Il-perjodu li jmiss ta' programmazzjoni wara l-2013: - Kontinwazzjoni u espansjoni tal-iskala u l-ambitu tal-RSFF ("RSFF imġedda") b'kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE rinnovabbli ta' mhux inqas minn EUR 5 biljun – ( Rakkomandazzjonijiet 7, 9 u 10 ); - Ċertu grad ta' razzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE eżistenti/tal-ġejjieni għandhom ikunu mmirati (billi tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu żgurati s-sinerġiji) – ( Rakkomandazzjoni 6 ); - Monitoraġġ regolari li għandu jiġi żgurat – ( Rakkomandazzjoni 8 ). 4.3. Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni Il-Kummissjoni tilqa' l-analiżi dettaljata u bir-reqqa tal-IEG. Minħabba li evalwazzjoni interim pożittiva tal-RSFF hija prerekwiżit għar-rilaxx tat-tieni parti ta' EUR 500 miljun tal-finanzjament FP7 lill-RSFF għall-perjodu 2011-2013, il-Kummissjoni tinnota li dan ir-rilaxx hu rrakkomandat sew kemm mill-RSFF u kemm mill-IEG (rakkomandazzjoni 1) u l-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim FP7. Bil-votazzjoni għall-baġit tal-UE għall-2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew diġà qablu mal-prinċipju dwar ir-rilaxx tat-tieni parti (baġit ta' EUR 250 miljun għall-2011). Il-Kummissjoni madankollu tistedinhom jagħtu tweġiba iktar formali iktar tard matul l-2011, dwar il-perjodu kollu (2011-2013). jekk ikun jidhrilhom xieraq. Il-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet 2, 3 u 4 tal-IEG sabiex tindirizza l-ħtiġijiet tal-gruppi li bħalissa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fl-RSFF (jiġifieri SMEs, universitajiet/organizzazzjonijiet tar-riċerka u infrastrutturi tar-riċerka). Diġà qed isiru negozjati tekniċi bejn il-Kummissjoni u l-BEI dwar is-sejbien ta' soluzzjonijiet konkreti u approċċi ġodda dwar kif jinkisbu dawn il-miri, inkluż b'mod partikolari tibdil fil-kondiviżjoni tar-riskji, l-approċċi tal-portafolli, iż-żieda fil-livelli tar-riskji u l-introduzzjoni ta' finanzjament ta' ekwità. Din il-ħidma għandha twassal għal emenda tal-ftehim KE/BEI dwar l-implimentazzjoni tal-RSFF saħansitra fl-ewwel nofs tal-2011. ll-Kummissjoni tilqa' l-miri tar-rakkomandazzjonijiet tal-IEG fir-rigward tal-perjodu li jmiss ta' pprogrammar (wara l-2013). Tinnota li huma konformi mal-miri tal-Komunikazzjoni[15] dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi; jattiraw żieda kbira fil-finanzjament privat; u jagħmlu użu iktar estensiv tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja b'appoġġ favur l-innovazzjoni[16]. L-analiżi dwar kif għandha tkun iffinanzjata konkretament espansjoni tal-ambitu tal-RSFF sabiex tagħti lok għal żieda fil-kondiviżjoni tar-riskji għadha għaddejja kemm għar-Riċerka u l-Iżvilupp kemm għall-proġetti ta' innovazzjoni u wkoll dwar kif l-UE għandha tkun tista' tiffinanzja u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-miri l-ġodda ambizzjużi (bħall-Pjan SET), inkluż l-Inizjattivi Ewlenin Ewropa 2020 bħal Aġenda Diġitali jew Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza. Bħalissa, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI qed jaħdmu dwar id-disinn ta' użu effikaċi, effiċjenti u razzjonali tal-istrumenti finanzjarji, b'mod partikolari fil-qasam tal-RDI, flimkien ma' perspettiva ta' politiki trasversali. Finalment, il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-IEG dwar monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-RSFF u timpenja ruħha li twettaq azzjoni konkreta fl-2011. [1] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1. [2] "L-ixprunar tal-Kompetittività f'Dinja Globalizzata" [titlu mhux uffiċjali] – Rapport tal-Panil tal-evalwazzjoni interim tal-FP7 ICT; evalwazzjonijiet rilevanti oħra fid-dominju tal-ICT jinkludu l-valutazzjonijiet interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK) ARTEMIS u ENIAC u l-evalwazzjoni interim tal-Programm Konġunt Għajxien Megħjun Kuntestwalment (AAL). http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/rtd/index_en.htm [3] C/2009/8412-1 [4] http://ec.europa.eu/research/evaluations [5] Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - 18 ta’ Diċembru 2006 – Anness II [6] Id-Deċiżjoni Nru 2006/971/KE tal-Kunsill – 19 ta' Diċembru 2006 – Anness III [7] Id-Deċiżjoni Nru 2006/974/KE tal-Kunsill – 19 ta' Diċembru 2006 – Anness III [8] Anness II għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, p 38. [9] http://ec.europa.eu/research/evaluations [10] L-intestatura ta' kull rakkomandazzjoni tinsab hawn, għalkemm it-test kollu jista' jiġi kkonsultat fir-rapporti ta' evalwazzjoni rilevanti. [11] http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm [12] COM(2010) 187, 29.4.2010. [13] Ir-rapport tal-IEG ġie ppreżentat mis-Sinjura Erika MANN (President tal-IEG) u s-Sur Luc SOETE (Rapporteur tal-IEG) lill-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew, lill-Grupp ta' Ħidma fil-qasam tar-Riċerka tal-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitati tal-Programm FP7 rilevanti. [14] Sa tmiem l-2009, ġie approvat is-self tal-RSFF li kien jammonta għal EUR 6.3 biljun u l-investimenti kollha fl-RTDI li ammontaw għal EUR 16.2 biljun ġew appoġġati, għalhekk inkiseb effett ta' ingranaġġ sinifikanti ta' 15 (sorsi tal-baġit tal-UE/BEI vs investimenti totali fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni appoġġati); Il-proġetti tal-RSFF jinsabu fit-18-il Stat Membru u 2 Pajjiżi Assoċjati. Iċ-ċifri għall-RSSF sa Settembru 2010 huma: EUR 8.1 biljun ta' self approvat għal 82 proġett; EUR 5.3 biljun ta' self iffirmat għal 54 proġett; [15] COM (2010) 546, 6.10.2010. [16] Kif inhu enfasizzat ukoll fil-Komunikazzjoni "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" COM (2010)553, 6.10.2010.