Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0011

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi

/* KUMM/2011/0011 finali */


MT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 12.1.2011

KUMM(2011) 11 finali

 

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi 

Il-kuntest

Dan l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jimmarka l-bidu ta' ċiklu ġdid ta' governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew għall-kordinazzjoni tal-politika ekonomika. L-UE ħadet azzjoni deċiżiva biex titratta l-kriżi: b'riżultat ta' dan, id-deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi u ż-żieda fil-qgħad kellhom inqas impatt minn f'partijiet oħra tad-dinja. Il-livell għoli ta' protezzjoni soċjali tal-UE taffa l-agħar impatt tal-kriżi iżda minħabba t-tkabbir dgħajjef fil-produzzjoni, l-irkupru huwa iktar bil-mod fl-Ewropa.

Skont l-aħħar tbassir, hemm sinjali ta' rkupru ekonomiku minkejja li għadu żbilanċjat. Waqt li s-swieq finanzjarji għadhom volatili, l-ekonomija reali wriet sinjali ta' titjib f'ċerti oqsma, immexxija minn tkabbir fl-esportazzjoni wara li reġa' beda l-kummerċ globali. Madanakollu l-inċertezzi għadhom hemm. Perjodi ta' fiduċja mġedda fir-ritorn tat-tkabbir jalternaw ma' disfatti, anki minħabba r-riskji relatati mas-suq tad-dejn sovran. L-ekonomiji Ewropej qed jiffaċċjaw aġġustamenti kbar. Is-settur finanzjarju għadu ma rritornax għall-kundizzjonijiet normali u hemm sitwazzjonijiet ta' vulnerabilità għal stress u dipendenza fuq l-appoġġ statali. Il-kundizzjonijiet tal-kreditu għadhom ma ġewx għan-normal u f'numru ta' Stati Membri d-djun ta' unitajiet domestiċi u dawk korporattivi għadhom eċċessivi.

L-impatt tal-kriżi

Minkejja r-rispons fil-waqt mill-UE, il-konsegwenzi tal-kriżi għandhom firxa wiesgħa. Hija rriżultat f'telf kbir fl-attività ekonomika, f'żieda sostanzjali ta' qgħad, u fi tnaqqis kbir fil-produttività, u dgħajjfet ħafna l-finanzi pubbliċi. Sal-aħħar tal-2012, ħdax-il Stat Membru huma mistennija jibqgħu f'livelli ta' produzzjoni taħt dawk li ppreċedew il-kriżi. Fl-2010, id-dejn gross tal-gvern fl-UE għola, bejn wieħed u ieħor, għal madwar 85% tal-PDG fiż-żona tal-euro u għal 80% mal-UE kollha. L-impatt baġitarju tal-kriżi ser jiggrava l-effett tal-bidla demografika, li ser iżżid piż fiskali ta' madwar 4.5% tal-PDG fuq perjodu twil. Dgħufijiet strutturali li ma kinux ġestiti qabel il-kriżi saru iktar evidenti u urġenti.

Il-kriżi laqtet b'mod ħażin ħafna s-soċjetajiet Ewropej, minkejja t-titfija pprovduta mis-sistemi ta' għajnuna soċjali. Iż-żieda fil-qgħad hija problema ċentrali. Bejn wieħed u ieħor, 9.6% tal-popolazzjoni li tista' taħdem hija qiegħda. F'xi pajjiżi, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jista' jogħla sa 40%. Madwar 80 miljun persuna huma stmati li jgħixu taħt il-limitu tal-faqar fl-Ewropa.

Il-kriżi ekonomika kienet kriżi glabali, iżda l-impatt tagħha huwa differenti ħafna madwar id-dinja. Waqt li l-qgħad u l-iżbilanċi pubbliċi żdiedu b'rata iktar qawwija fl-Istati Uniti milli fl-UE, il-kriżi aggravat id-distakk fil-produttività tax-xogħol bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-kompetittività fil-prezzijiet u l-kost għadha problematika. Ekonomiji emerġenti qed jirritornaw għat-tkabbir b'pass iktar mgħaġġel għalkemm xi wħud minnhom qed jiffaċċjaw ukoll sfidi ekonomiċi kbar. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE tuża din il-kriżi biex tindirizza b'mod deċisiv il-kwistjoni tal-kompetittività globali tagħha.

Prospettiva

Il-kriżi jista' jkollha effetti dejjiema fuq it-tkabbir potenzjali. It-tkabbir potenzjali fuq żmien medju għall-Ewropa huwa pproġettat li jibqa' baxx u stmat għal madwar 1.5% sal-2020 jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni strutturali prinċipalment biex issolvi d-distakk fil-produttività tax-xogħol mal-kompetituri prinċipali tagħna. Minħabba fin-natura ċiklika tiegħu, l-irkupru waħdu ma jistax jipprovdi l-impetu biex iwassal l-Ewropa lura fis-sitwazzjoni ekonomika ta' qabel il-kriżi u biex jassorbi l-iżbilanċi akkumulati.

Biex ikunu evitati staġnar, xejriet ta' dejn mhux sostenibbli u żbilanċi akkumulati, u tiżgura l-kompetittività tagħha, jeħtieġ li l-Ewropa taċċellera l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u r-riforma tas-settur finanzjarju tagħha u tiżgura t-twettiq bikri tar-riformi strutturali issa.

Huwa għalhekk li l-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija "Ewropa 2020" b'miri ambizzjużi għal pjan ġdid għat-tkabbir 1 . L-indikazzjonijiet preliminari tal-Istati Membri dwar il-miri nazzjonali tagħhom fil-ħames oqsma miftiehma skont l-istrateġija "Ewropa 2020" juru b'mod ċar it-triq li l-UE trid tieħu biex tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha stess.

Jekk implimentata bis-sħiħ, din l-istrateġija ser tgħin lill-UE toħroġ iktar b'saħħitha mill-kriżi u tbiddel l-UE f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività, tal-kompetittività u tal-koeżjoni soċjali. Din ser twassal għall-ekonomija soċjali tas-suq li tkun kompetittiva għas-seklu wieħed u għoxrin, se tagħti spinta lill-kunfidenza tal-atturi fis-suq, kif ukoll lill-kumpaniji u liċ-ċittadini.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir iniedi s-semestru Ewropew

F'dan il-kuntest, l-UE ddeċidiet ukoll biex tbiddel il-governanza ekonomika tagħha. Jannar 2011 jindika l-bidu tal-ewwel Semestru Ewropew ta' kordinazzjoni tal-politika ex-ante li jibda b'dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li huwa ankrat fl-istrateġija "Ewropa 2020".

Dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jaqqgħad l-azzjonijiet differenti li huma essenzjali biex insaħħu l-irkupru fuq perjodu qasir, biex inlaħħqu mal-kompetituri tagħna u nippreparaw lill-UE biex toqrob lejn l-għanijiet tagħha tal-Ewropa 2020.

Minħabba l-urġenza, il-Kummissjoni għażlet li tippreżenta 10 azzjonijiet ta' prijorità. Il-Kummissjoni ser tkompli ħidmitha fuq firxa wiesgħa ta' oqsma oħrajn ta' politika, inkluż il-kummerċ u għadd ta' politiki interni. Dawn mhumiex żviluppati hawn. F'din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tiffoka fuq aproċċ integrat għall-irkupru li jikkonċentra fuq miżuri ewlenin fil-kuntest tal-Ewropa 2020 u li jinkorpora tliet oqsma prinċipali:

Il-bżonn għal konsolidazzjoni fiskali rigoruża biex issaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika

Riformi fis-suq tax-xogħol għal żieda fl-impjiegi

U miżuri li jsaħħu t-tkabbir

L-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa ddiżinjat biex japplika għall-UE kollha kemm hi iżda jeħtieġ li jkun mirqum għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru. L-azzjoni proposta hija partikolarment rilevanti għaż-żona tal-euro li hija preżentament affettwata bil-kriżi tad-dejn sovran. Il-konsolidazzjoni fiskali, ir-riformi strutturali u l-miżuri li jsaħħu t-tkabbir huma komponenti neċessarji għar-rispons komprensiv li ż-żona tal-euro trid tagħti għall-kriżi.

Iżda tali rispons komprensiv ser ikollu jinkludi elementi oħrajn, pereżempju l-analiżi tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Fir-rigward ta' din tal-aħħar il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kapaċità effettiva ta' finanzjament tal-EFSF trid tkun rinfurzata u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-attività tagħha ikun aktar estiż. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jikkostittwixxi wkoll kontribuzzjoni għar-rispons komprensiv taż-żona tal-euro għall-kriżi tad-dejn sovran.

Barra minn dan, hu meħtieġ li jsir progress fl-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti biex ikunu riżolti kriżijiet sovrani bil-għan li jiġu pprovduti ċertezza u stabbiltà fis-swieq. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ġdid għandu jikkumplimenta, fl-2013, il-qafas il-ġdid għall-governanza ekonomika rinfurzata, bil-għan li tintlaħaq sorveljanza ekonomika effikaċi u rigoruża, inkluż l-analiżi tal-effikaċja tas-salvagwardji finanzjarji attwali.

Analiżi iktar iddettaljata li ssostni l-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija spjegata fit-tliet rapporti li qed jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni u tinkludi valutazzjoni tat-twaqqif inizjali tal-istrateġija "Ewropa 2020" fuq livell nazzjonali.

I.PREREKWIŻITI MAKROEKONOMIĊI GĦAT-TKABBIR

1.L-implimentazzjoni ta' konsolidazzjoni fiskali rigoruża

L-iktar kompitu urġenti għall-UE huwa li terġa' tibni fiduċja billi tipprevjeni ċiklu vizzjuż ta' dejn mhux sostenibbli, tfixkil tas-swieq finanzjarji u tkabbir ekonomiku baxx. In-nefqa pubblika trid titpoġġa fi triq sostenibbli bħala prerekwiżit għat-tkabbir futur. L-aġġustamenti annwali tal-bilanċ tal-baġit strutturali ta' madwar 0.5% tal-PDG ser ikunu ċarament insuffiċjenti biex iqarrbu l-indiċi tad-dejn/PDG lejn ir-rekwiżit ta' 60%. Għalhekk, konsolidazzjoni iktar b'saħħitha hija meħtieġa u għandha tkun implimentata abbażi tar-regoli fiskali rinfurzati proposti mill-Kummissjoni.

L-Istati Membri kollha, speċjalment dawk li għaddejjin minn proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, għandhom iżommu t-tkabbir tan-nefqa pubblika ferm taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG fuq perjodu medju, waqt li jiprijoritizzaw nefqa favorevoli għal tkabbir sostenibbli f'oqsam bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-enerġija. L-Istati Membri kollha għandhom juru li l-Programmi ta' Stabbiltà jew Konverġenza tagħhom huma bbażati fuq tkabbir prudenti u tbassir ta' introjtu.

L-Istati Membri fi proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandhom jispjegaw il-pjan tan-nefqa u l-miżuri wiesgħa li għandhom l-intenzjoni jieħdu sabiex jeliminaw l-iżbilanċi eċċessivi tagħhom.

L-Istati Membri li qed jiffaċċjaw żbilanċi baġitarji strutturali kbar ħafna, livelli għoljin ħafna ta' dejn pubbliku jew livelli għoljin ta' diffikultà finanzjarja jeħtieġ li jantiċipaw l-isforzi tagħhom fl-2011. Fejn it-tkabbir ekonomiku jew l-introjtu jirriżultaw ogħla minn dak mistenni, il-konsolidazzjoni fiskali għandha tkun aċċellerata.

Xi Stati Membri jistgħu jkollhom bżonn iżidu t-taxxi. It-taxxi indiretti jiffavorixxu iktar it-tkabbir minn taxxi diretti u l-estenzjoni tal-bażijiet tat-taxxa hija ppreferuta meta mqabbla maż-żieda fir-rati tat-taxxa. Is-sussidji mhux ġustifikati, pereżempju sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali, għandhom ikunu eliminati.

2.Il-Korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Żbilanċi makroekonomiċi kbar u persistenti huma sors maġġuri ta' vulnerabbiltà, speċjalment fi ħdan iż-żona tal-euro. Ħafna Stati Membri jeħtieġ li jieħdu ħsieb in-nuqqas ta' kompetittività tagħhom b'urġenza kbira.

L-Istati Membri bi żbilanċi kbar fil-kont kurrenti u livelli għolja ta' dejn għandhom iressqu miżuri korrettivi konkreti (dawn jistgħu jinkludu moderazzjoni stretta u kontinwa tal-pagi, inkluża r-reviżjoni tal-klawżoli ta' indiċjar fis-sistemi ta' negozjar).

L-Istati Membri li għandhom surplus kbir fuq il-kont kurrenti għandhom jidentifikaw u jittrattaw is-sorsi ta' domanda interna persistentement dgħajfa (inkluża iktar liberalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi u t-titjib fil-kundizzjonijiet għall-investiment). Madanakollu, fejn id-domanda interna tibqa' xorta baxxa minħabba falliment politiku jew tas-suq, għandhom jiddaħħlu politiki xierqa.

3.L-iżgurar ta' stabbiltà fis-settur finanzjarju

Fuq il-livell tal-UE, il-qafas regolatorju irid ikun rinfurzat iktar, waqt li l-kwalità tas-superviżjoni għandha tittejjeb mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistematiku (ESRB) u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, li saru operazzjonali fil-bidu tal-2011. Ir-ristrutturar tal-banek irid ikun aċċellerat biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u biex jiġi sostnut il-provvediment tal-kreditu għall-ekonomija reali.

Ir-ristrutturar tal-banek, u partikolarment ta' dawk li rċevew ammonti sinifikanti ta' għajnuna mill-istat, huwa essenzjali għar-ritorn tal-vijabbiltà tagħhom fuq perjodu twil u biex ikun żgurat funzjonament xieraq tal-kanal tal-kreditu. L-appoġġ finanzjarju pubbliku għas-settur bankarju inġenerali għandu jkun irtirat gradwalment, b'kunsiderazzjoni tal-bżonn li tkun issalvagwardata l-istabbiltà finanzjarja.

Skont il-qafas Basel III li ġie ffirmat reċentament, il-banek ser ikunu mitluba biex isaħħu progressivament il-bażi kapitali tagħhom sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jifilħu għal impatti negattivi. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq qafas komprensiv ta' riżoluzzjoni bankarja. Barra minn dan, test tal-istress ieħor iktar ambizzjuż u strett ser isir mal-UE kollha fl-2011.

II.L-IMMOBILIZZAR TAS-SWIEQ TAX-XOGĦOL, IL-ĦOLQIEN TA' OPPORTUNITAJIET TAX-XOGĦOL

Hemm ir-riskju ta' ritorn għat-tkabbir mingħajr ma jkun hemm ħolqien dinamiku biżżejjed ta' impjiegi. It-trattament tal-qgħad u l-prevenzjoni mill-esklużjoni mis-suq tax-xogħol għal żmien twil huma essenzjali. Wieħed mill-ħames miri tal-UE fl-istrateġija "Ewropa 2020" huwa li r-rata ta' impjiegi togħla għal 75% sal-2020. L-indikazzjonijiet attwali huma li l-UE mhux ser tilħaq din il-mira għal 2-2.4% - nuqqas li jista' jitpatta permezz tal-adozzjoni ta' miżuri biex jinħolqu l-impjiegi u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Minħabba l-popolazzjoni tal-UE li qiegħda tixjieħ u l-użu relattivament baxx ta' ħaddiema meta mqabbel ma' partijiet oħra tad-dinja, huma meħtieġa riformi biex jippromwovu l-ħiliet u biex joħolqu inċentivi biex wieħed jaħdem.

4.Nagħmlu x-xogħol iktar attraenti

Ir-rati għolja ta' qgħad flimkien mal-parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol u inqas sigħat maħduma meta mqabbla ma' partijiet oħra tad-dinja jfixklu l-prestazzjoni ekonomika tal-UE. Ir-rata ta' parteċipazzjoni ta' dawk li jaqalgħu introjtu baxx, żgħażagħ u dawk li jaqalgħu t-tieni paga hija baxxa b'mod inkwetanti. Dawk li huma l-iktar vulnerabbli jiffaċċjaw ir-riskju li jkunu esklużi mill-impjieg għal tul ta' żmien. B'rispons għal dan, t-taħriġ u t-tfittxija għax-xogħol għandhom ikunu marbuta iktar mill-qrib mal-benefiċċji.

It-tneħħija tat-taxxi lil hinn mix-xogħol għandha tkun prijorità għall-Istati Membri kollha sabiex jistimulaw id-domanda għax-xogħol u joħolqu t-tkabbir.

Is-sistemi ta' benefiċċji fiskali, l-arranġamenti ta' xogħol flessibbli u l-faċilitajiet fejn jieħdu ħsieb it-tfal għandhom ikunu maħsuba biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' dawk li jaqalgħu t-tieni paga fid-dinja tax-xogħol. Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jitnaqqas ix-xogħol mhux iddikjarat kemm billi jissaħħaħ l-infurzar ta' regoli eżistenti kif ukoll billi jiġu rriveduti s-sistemi tal-benefiċċji fiskali.

5.Ir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet

Il-konsolidazzjoni fiskali għandha tkun sostnuta mir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet, biex isiru iktar sostenibbli.

L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan għandhom iżidu l-età tal-irtirar u jorbtuha mal-istennija tal-għomor.

Bħala prijorità l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-iskemi għall-irtirar bikri, u jużaw inċentivi immirati biex jimpjegaw ħaddiema ikbar fl-età u jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp ta' tfaddil privat kumplimentari biex jittejjeb l-introjtu tal-irtirar.

Fid-dawl tal-bidla demografika, l-Istati Membri għandhom jevitaw li jadottaw miżuri relatati mas-sistemi tal-pensjoni tagħhom li jfixklu s-sostenibbiltà u s-suffiċjenza tal-finanzi pubbliċi tagħhom fuq perjodu twil.

Il-Kummissjoni ser tanalizza d-Direttiva dwar il-fondi tal-pensjonijiet 2 u se tippreżenta miżuri bħala segwitu għall-Green Paper dwar il-Pensjonijiet li tnediet fl-2010.

6.Ir-riabilitizzazzjoni tal-qiegħda fis-suq tax-xogħol

Is-sistemi soċjali Ewropej ħadmu biex jipproteġu lin-nies waqt il-kriżi. Madanakollu, ladarba l-irkupru qabad ir-ritmu, il-benefiċċji għall-qiegħda għandhom ikunu riveduti biex ikun żgurat li dawn jipprovdu inċentivi biex wieħed jaħdem, jevitaw dipendenza fuq il-benefiċċji u jappoġġjaw adattabbiltà għaċ-ċikli tan-negozju.

L-Istati Membri għandhom ifasslu benefiċċji biex bihom jippremjaw lill-qiegħda li jirritornaw għax-xogħol jew inċentivi biex dawn jibdew jaħdmu għal rashom permezz ta' appoġġ għal żmien limitat, u l-kondizzjonalità li torbot aktar mill-qrib it-taħriġ u t-tfittxija għax-xogħol mal-benefiċċji.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li x-xogħol irendi permezz ta' iktar koerenza bejn il-livell ta' taxxi fuq l-introjtu (speċjalment fuq introjtu baxx) u l-benefiċċji għall-qiegħda.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom tal-assigurazzjoni għall-qgħad għaċ-ċiklu ekonomiku, sabiex il-protezzjoni tkun rinfurzata fi żminijiet meta l-ekonomija tmur għall-agħar.

7.L-Ibbilanċjar tas-sikurezza u l-flessibbiltà

F'xi Stati Membri l-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi toħloq riġiditŕ fis-suq tax-xogħol, u toħnoq żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Tali leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi għandha tkun riformata biex tnaqqas il-protezzjoni żejda tal-ħaddiema b'kuntratti permanenti, u biex tipprovdi protezzjoni lil dawk li jitħallew barra jew fuq il-marġini tas-suq tax-xogħol. Fl-istess waqt, it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib tal-kisbiet edukattivi huma essenzjali biex jgħinu liż-żgħażagħ ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu iktar kuntratti miftuħa 3 minflok il-kuntratti temporanji jew prekarji eżistenti sabiex itejbu l-perspettivi tax-xogħol għal rekruti ġodda.

L-Istati Membri għandhom jissimplifikaw ir-reġimi tagħhom għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali biex jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa taċ-ċittadini, ħaddiema u riċerkaturi.

III.MIŻURI BIKRIJA LI JSAĦĦU T-TKABBIR

L-UE se tilħaq biss il-miri ambizzjużi tagħha tal-Ewropa 2020 għal tkabbir sostenibbli u inklussiv jekk ir-riformi strutturali urġenti jkunu antiċipati fis-swieq tas-servizzi u tal-prodotti biex itejbu l-ambjent tan-negozji. Biex jibqgħu kompetittivi f'ekonomija globalizzata l-Istati Membri jridu jibdew b'urġenza r-riformi strutturali sostanzjali meħtieġa biex itejbu l-eċċellenza tar-riċerka tagħna u l-kapaċità tagħna ta' innovazzjoni u l-bidla ta' ideat fi prodotti u servizzi li jissodisfaw id-domanda tas-swieq bi tkabbir għoli, javvantaġġaw ruħhom mill-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-industrija tagħna u l-għajnuna lill-SMEs biex jikbru u jsiru internazzjonali. L-aġenda tar-riforma tal-UE ser ikollha wkoll tagħmel użu minn sorsi ġodda ta' tkabbir billi tbiddel il-limiti tal-iżvilupp tradizzjonali bbażat fuq ir-riżorsi, f'opportunitajiet ekonomiċi ġodda permezz ta' iktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Trid ukoll tagħmel użu mill-vantaġġ tal-innovatur li għandha l-UE fuq prodotti u servizzi ambjentali kompetittivi.

Is-Suq Uniku jista' jkun sors importanti ta' tkabbir – kif diġà spjegat fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku - sakemm jittieħdu deċiżjonijiet malajr biex jitneħħew l-ostakoli li baqa'. Biex issaħħaħ is-Suq Uniku, fl-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni sejra għalhekk tagħti prijorità lill-miżuri li jsaħħu t-tkabbir fl-2011-2012 kif spjegat hawn taħt.

8.L-isfruttar tal-potenzjal tas-Suq Uniku

L-ostakoli għad-dħul fis-suq u għall-intraprendenza għadhom akuti fis-suq uniku. Is-servizzi transkonfinali jirrapreżentaw biss 5% tal-PDG, inqas minn terz tal-kummerċ f'merkanzija u 7% biss tal-konsumaturi jixtru onlajn minħabba r-restrizzjonijiet numerużi li jfixklu l-iżvilupp ta' bejgħ transkonfinali onlajn.

L-Istati Membri kollha għandhom jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kummissjoni qed tevalwa l-implimentazzjoni tagħha, u l-potenzjal għall-iktar miżuri li jsaħħu t-tkabbir permezz ta' ftuħ ulterjuri fis-settur tas-servizzi.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jneħħu restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq is-servizzi professjonali bħall-kwoti u sħubiji obbligatorji ("closed shops"), flimkien ma' restrizzjonijiet fuq l-industrija bl-imnut, bħal-limitazzjonijiet sproporzjonati dwar il-ħinijiet tal-ftuħ u taqsim f'żoni.

Fl-2011 il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri biex jeliminaw differenzjar fuq bażi ġeografika fil-kummerċ elettroniku fis-Suq Uniku. Hija ser tipproponi wkoll qafas Ewropew għall-proprjetà intellettwali, minħabba li dan huwa fattur ewlieni għall-iżvilupp kemm tal-kummerċ elettroniku kif ukoll tal-industriji diġitali.

Minbarra li se tibqa' tagħmel pressjoni sabiex tintlaħaq il-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha , il-Kummissjoni ser tavvanza n-negozjati dwar il-Ftehimiet għall-kummerċ ħieles ma' msieħba bħall-Indja, il-Kanada u Mercosur, u tintensifika x-xogħol fuq il-konverġenza regolatorja ma' msieħba maġġuri u żżid is-simetrija fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku fil-pajjiżi żviluppati u ekonomiji kbar tas-swieq emerġenti. 

Fl-2011, ser tkun proposta leġiżlazzjoni li tippermetti l-iffissar ta' standards b'mod rapidu u interoperabbli inkluż fl-ICT.

Minkejja li hu sensittiv, ix-xogħol dwar it-tassazzjoni għandu jimxi 'l quddiem. Dan għandu potenzjal ekonomiku importanti biex jistimula t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi, inaqqas il-piż amministrattiv u jneħħi l-ostakoli fis-Suq Uniku. It-trattament tat-taxxa li hu ta' żvantaġġ għall-kummerċ jew l-investiment transkonfinali għandu jkun eliminat. B'mod partikolari, fl-2011, il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri biex timmodernizza is-sistema tal-VAT, tintroduċi Bażi tat-Taxxa Korporattiva Komuni u Konsolidata, u tiżviluppa approċċ Ewropew ikkoordinat għat-tassazzjoni tas-settur finanzjarju. Il-progress dwar it-tassazzjoni jimplika wkoll it-tnaqqis ta' taxxi fuq ix-xogħol għal minimu neċessarju u l-adattament tal-qafas Ewropew dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija f'konformità mal-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima.

9.L-attrazzjoni ta' kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir

Soluzzjonijiet innovattivi huma meħtieġa biex jimmobilizzaw b'mod urġenti parti ikbar tat-tfaddil privat tal-UE u dak barrani.

Il-Kummissjoni ser tagħmel proposti għall-bonds ta' proġetti tal-UE maħsuba biex jgħaqqdu l-finanzjament pubbliku u dak privat għal investimenti ta' prijorità partikolarment fl-enerġija, it-trasport u l-ICT u ser tinkludi wkoll dawn l-istrumenti finanzjarji innovattivi fil-proposti li jmiss tagħha għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li ġej.

Biex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs u ta’ negozji żgħar innovattivi għall-finanzjament, il-Kummissjoni ser tagħmel proposti li jippermettu fondi ta' kapital tar-riskju stabbiliti fi Stat Membru li joperaw liberament fi kwalunkwe pajjiż fl-UE u li jeliminaw l-ostakoli fiskali li baqa' għall-attivitajiet transkonfinali.

10.Il-Ħolqien ta' aċċesss kosteffikaċi għall-enerġija

L-enerġija hija varjant ewlieni għat-tkabbir. Għan-negozju, il-prezzijiet tal-enerġija huma element ewlieni tal-kost. Għall-konsumaturi, il-kontijiet tal-enerġija jirrapreżentaw element importanti tal-baġit domestiku u sfida partikolari għall-familji b'introjtu baxx. Il-pjanijiet attwali tal-Istati Membri qed jirriskjaw li jkunu 'l-bogħod wisq mill-mira ġenerali għall-effiċjenza fl-enerġija ta' 20% stabbilita fl-istrateġija "Ewropa 2020". Dan iwassal għall-opportunitajiet mitlufa għat-tkabbir f'bosta setturi u reġjuni u telf ta' possibbiltajiet għall-ħolqien ta' impjiegi.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw malajr u bis-sħiħ it-tielet pakkett dwar l-enerġija fis-suq intern.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-effiċjenza fil-politiki tagħhom dwar l-enerġija. Dan iwassal għal tfaddil sinifikanti u joħloq impjiegi fis-setturi tal-kostruzzjoni u s-servizzi.

Fl-2011, il-Kummissjoni ser tipproponi inizjattivi biex tmexxi 'l quddiem l-infrastruttura tat-trasport, l-enerġija jew it-telekomunikazzjoni meħtieġa għal suq uniku verament integrat.

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa standards għall-UE kollha għall-prodotti li huma effiċjenti fl-enerġija biex tgħin l-espansjoni tas-swieq għall-prodotti u t-teknoloġiji innovattivi.

L-iżgurar ta' riżultati konkreti

L-iktar kompitu urġenti fl-2011/2012 hu li jiġi evitat ċiklu vizzjuż ta' dejn mhux sostenibbli, tfixkil tas-swieq finanzjarji u tkabbir ekonomiku baxx. L-ewwel prijorità tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir hija li jiġu stabbiliti politiki baġitarji fuq bażi soda permezz ta' konsolidazzjoni fiskali rigoruża, u li jitreġġa' lura s-settur finanzjarju għal funzjonament normali. It-tieni prijorità hija t-tnaqqis malajr tal-qgħad permezz ta' riformi fis-suq tax-xogħol. Iżda li wieħed jittratta dawn iż-żewġ prijoritajiet ikun ineffettiv jekk ma jsirx sforz kbir biex fl-istess waqt ikun antiċipat it-tkabbir.

Tali politiki jkollhom impatt pożittiv ukoll fuq il-konsolidazzjoni baġitarja, billi jiġġeneraw introjtu ikbar mit-taxxi u nefqa pubblika aktar baxxa fuq it-trasferimenti soċjali, u se jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju ta' żbilanċi makroekonomiċi futuri. Ir-riformi strutturali ser jiġġeneraw qligħ saħansitra fuq perjodu qasir. Il-produzzjoni kif ukoll il-gwadanji ta' impjiegi għandhom jitmexxew 'il quddiem permezz tar-riformi fis-suq tal-prodotti u dak tax-xogħol.

Il-kummerċ huwa fattur b'saħħtu tat-tkabbir. Hemm potenzjal enormi mhux sfruttat għall-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tal-UE, iżda l-esportazzjoni tal-UE kienet milquta ħażin ħafna bil-kollass tal-kummerċ globali. Il-prestazzjoni pożittiva tal-esportazzjoni ta' xi Stati Membri turi li s-suċċess fis-swieq globali jistrieħ mhux biss fuq il-kompetittività fil-prezz iżda wkoll fuq fatturi usa' bħall-ispeċjalizzazzjoni fis-settur, l-innovazzjoni, u l-livelli ta' ħiliet li jsaħħu l-kompetittività vera.

F' dan l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir il-Kummissjoni stabbilit 10 azzjonijiet għall-UE fl-2011/2012, ankrati fl-istrateġija "Ewropa 2020". Hija tipproponi li dawn jifformaw il-bażi għal ftehim mill-Kunsill Ewropew li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta' dawn l-10 azzjonijiet. Minħabba l-interdipendenzi tal-Istati Membri, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, il-kordinazzjoni ex-ante fil-Kunsill hija element essenzjali tas-semestru Ewropew.

Abbażi tal-gwida tal-Kunsill Ewropew, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw, sa nofs April, l-impenji nazzjonali fl-istrateġiji baġitarji tagħhom għal perjodu medju skont il-Programmi ta' Stabbiltà jew Konverġenza u għandhom jispjegaw fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom il-miżuri meħtieġa biex jirriflettu r-rispons komprensiv għall-kriżi, ankrat fl-Istrateġija "Ewropa 2020". Abbażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, il-Kunsill ser joħroġ, qabel is-sajf, gwida politika speċifika għal kull pajjiż li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw meta jippreparaw il-baġits tagħhom għall-2012 u fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħhom għat-tkabbir. Fl-ispirtu tal-approċċ integrat għall-kordinazzjoni tal-politika, il-Kunsill ser jivvaluta l-istrateġiji fiskali u dawk għat-tkabbir flimkien, se jagħti ħarsa lejn l-ambizzjoni tagħhom, il-konsistenza u l-implikazzjonijiet tagħhom fil-livell tal-UE inklużi l-interdipendenzi fi ħdan iż-żona tal-euro.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-laqgħat li ġejjin tal-Kunsill Ewropew għandhom regolarment janalizzaw l-implimentazzjoni tagħha, biex jidentifikaw lakuni fuq livell nazzjonali u tal-UE u biex jaqblu malajr fuq miżuri korrettivi. Il-proposti mniżżla f'din il-Komunikazzjoni diġà jippermettu lill-Kunsill Ewropew, matul il-laqgħa li jmiss, jieħu passi konkreti biex iżomm u jaċċellera l-momentum tal-isforzi għall-antiċipazzjoni u ż-żieda tat-tkabbir, u biex jaqbel fuq l-iskeda għall-implimentazzjoni tar-rispons komprensiv għall-kriżi. Għal dan tal-aħħar, il-Kunsill Ewropew diġà qabel fuq żewġ valuri referenzjarji: biex ikun iffinalizzat ix-xogħol dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) sa Marzu u l-pakkett leġiżlattiv li jsaħħaħ il-governanza ekonomika fl-UE sa Ġunju. Sadanittant, il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' test tal-istress ġdid ser jipprovdu gwida għall-istrateġija li għandha tkun segwita biex jitlesta l-irkupru tas-settur bankarju.

Dan l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa trażmess ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Istituzzjonijiet l-oħra u l-parlamenti nazzjonali.

(1) Iż-żieda tar-rata ta' impjiegi, iż-żieda tal-livelli ta' investiment fir-R&Ż, il-kisba tal-objettivi tagħna dwar il-bidla klimatika u l-enerġija, it-titjib tal-edukazzjoni terzjarja jew ta' livelli ekwivalenti ta' edukazzjoni u t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali permezz tat-tnaqqis tal-faqar.
(2) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235 , 23.09.2003 p. 10).
(3) Kif propost mill-Kummissjoni fl-inizjattiva prinċipali tal-Ewropa 2020 "Ħiliet ġodda u l-impjiegi" ("New skills and jobs Europe 2020 flagship") - COM(2010) 682 finali/2, 26.11.2010
Top


MT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 12.1.2011

KUMM(2011) 11 finali

 

STĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR

ANNESS 1

RAPPORT TA' PROGRESS DWAR L-EWROPA 2020

STĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR

ANNESS 1

RAPPORT TA' PROGRESS DWAR L-EWROPA 2020

Il-preżentazzjoni ta' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tal-ewwel "Semestru Ewropew", tasal f'mument deċiżiv għall-Unjoni Ewropea. Wara sentejn, bil-mod il-mod l-Ewropa tinsab ħierġa mir-riċessjoni. Kull ma jmur l-irkupru aktar qiegħed jissaħħaħ u jżid fir-ritmu, għalkemm għad fadal inċertezzi dwar is-swieq sovrani u s-settur finanzjarju għadu jinsab fil-proċess li jitfejjaq u li jiġi rriformat.

Hekk kif il-prospetti jibdew jitjiebu, jasal il-waqt għal azzjoni ta' politika ddeterminata. Il-fatt li l-Ewropa tinħareġ mill-kriżi qatt ma kien ifisser li nerġgħu lura għal xenarju fejn qisu qatt ma kien xejn. Il-kriżi ħarġet fid-dieher id-dgħufijiet fundamentali tal-ekonomija Ewropea u żvelat żbilanċi interni li qegħdin jikbru. Irkupru msejjes fuq tkabbir sostenibbli u li joħloq aktar impjiegi ser ikun possibbli biss jekk jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali u l-Ewropa tkun tista' tuża l-kriżi biex twettaq trasformazzjoni profonda tal-istruttura ekonomika tagħha.

Madanakollu, filwaqt li l-Ewropa kkontrollat u assorbiet l-impatt tal-kriżi relattivament aħjar minn partijiet oħra tad-dinja, hemm ir-riskju li r-ritmu tal-irkupru tagħha minn dan l-inkwiet globali jkun aktar batut. Il-kriżi kompliet taggrava d-differenzi fil-produttività tax-xogħol mal-Istati Uniti. Il-kompetittività fil-prezzijiet u fil-kosti għandha problematika. L-ekonomiji emerġenti qegħdin jerġgħu jaraw tkabbir b'ritmu aktar mgħaġġel minn tal-UE għalkemm xi wħud minnhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi ekonomiċi ukoll.

Ewropa 2020 hija l-aġenda li l-UE u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li "[jgħinu] lill-Ewropa tirkupra mill-kriżi u toħroġ minnha aktar b'saħħitha, kemm internament kif ukoll fil-livell internazzjonali" 1 . Biex tinħareġ mill-kriżi l-Ewropa teħtieġ programm ikkoordinat u komprensiv ta' riformi, li jkopru l-konsolidazzjoni fiskali, ir-ritorn għal kundizzjonijiet makroekonomiċi tajbin filwaqt li dawk il-miżuri li jsaħħu t-tkabbir jittieħdu f'fażi bikrija.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom fuq spallejhom ir-responsabbiltà kollettiva li jwettqu r-riformi strutturali meħtieġa – u diffiċli – li huma pprojjettati lejn il-futur fl-istess ħin li jirranġaw is-sitwazzjoni fiskali tagħhom u jreġġgħu lura kundizzjonijiet makroekonomiċi b'saħħithom.

Jeħtieġ li l-Ewropa ssaħħaħ il-koordinazzjoni tar-riforma u tal-politiki ekonomiċi biex tiżgura li l-aġġustament makroekonomiku, il-konsolidazzjoni fiskali u r-riformi tal-politiki jimxu tassew id f'id. Filwaqt li l-konsolidazzjoni fiskali hija prerekwiżit essenzjali għat-tkabbir, waħedha din mhijiex biżżejjed biex jiġi xprunat it-tkabbir. Fin-nuqqas ta' politiki proattivi, x'aktarx li t-tkabbir potenzjali jibqa' dgħajjef fl-għaxar snin li ġejjin. It-tkabbir ser jiddependi b'mod kruċjali fuq x'ambjent ser isibu l-industrija u n-negozji, partikolarment l-SMEs. Mingħajr tkabbir, il-konsolidazzjoni fiskali ser toffri sfida akbar.

Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010 introduċa l-kunċett ta' "Semestru Ewropew", li jgħaqqad flimkien l-iżviluppi fil-qasam tal-politika makroekonomika u r-riformi strutturali taħt l-istrateġija Ewropa 2020. Is-"Semestru Ewropew" huwa perjodu ta' żmien fl-ewwel nofs ta' kull sena fejn jikkonverġu l-Istati Membri li jirrapportaw f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u skont l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istati Membri jingħataw gwida u rakkomandazzjonijiet ta' politika qabel ma jiffinalizzaw il-baġits nazzjonali tagħhom. Dan ser isaħħaħ id-dimensjoni ex ante tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika fl-UE, u jwassal sabiex il-benefiċċji ta' aġenda komuni fil-livell tal-UE jitlaqqgħu ma' azzjoni fuq bażi speċifika għall-Istati Membri fil-livell nazzjonali. B'dan il-mod, l-UE tkun tista' tieħu tagħlimiet f'waqthom minn żviluppi nazzjonali filwaqt li l-Istati Membri jinkorporaw il-perspettiva u l-gwida Ewropej fil-politiki nazzjonali tagħhom għas-sena ta' wara.

F'dan iċ-ċiklu ġdid ta' koordinazzjoni tal-politika, kull sena l-Kummissjoni ser tippreżenta, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-valutazzjoni tagħha dwar l-isfidi ekonomiċi ewlenin li tkun qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-UE u tirrakkomanda azzjoni prijoritarja biex jiġu indirizzati. Fuq il-bażi ta' dan il-kontribut, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ser jagħti l-gwida tiegħu dwar l-isfidi ewlenin 'il quddiem. Filwaqt li jikkunsidraw din il-gwida, l-Istati Membri mbagħad iħejju l-istrateġiji baġitarji tagħhom fuq terminu medju ta' żmien fil-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tagħhom, u jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u biex jindirizzaw it-tfixkil għat-tkabbir fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom. Iż-żewġ dokumenti jitressqu flimkien sa nofs April. Fl-aħħar stadju tas-"Semestru", qabel is-sajf il-Kunsill joħroġ gwida għall-politika speċifika għal kull pajjiż fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni. B'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu dawn il-kontribuzzjonijiet meta jkunu qegħdin iħejju l-baġits tagħhom għas-sena ta' wara.

F'dan l-ewwel "Semestru Ewropew", l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiffoka fuq messaġġi ewlenin dwar azzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati b'mod prijoritarju mill-Istati Membri. L-analiżi li tirfed il-messaġġi tiġi stabbilita fi tliet rapporti ta' akkumpanjament.

1.Inizjattivi bikrija li jsaħħu t-tkabbir

Azzjoni fil-livell tal-Istati Membri hija kruċjali biex jiġi evitat "xenarju ta' deċennju mitluf"...

L-istħarriġ tas-sitwazzjoni makroekonomika u tas-suq tax-xogħol madwar l-UE juri li l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu azzjoni fl-2011 u fl-2012 biex jevitaw li t-tkabbir tagħhom ikun wieħed kajman u nieqes mill-impjiegi ("ix-xenarju tad-deċennju mitluf)". L-aktar kompitu urġenti huwa li jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż ta' dejn insostenibbli, id-diżintegrazzjoni fis-swieq finanzjarji u t-tkabbir ekonomiku baxx li jinsabu għaddejja minnhom xi Stati Membri. L-ewwel prijorità hija li l-politiki baġitarji jitreġġgħu lura fit-triq it-tajba filwaqt li jitħarsu l-politiki li jsaħħu t-tkabbir, u li s-settur finanzjarju ma jdumx ma jitfejjaq biex tkun tista' tinqabad it-triq tal-irkupru. It-tieni prijorità hija t-tnaqqis rapidu fil-qgħad u d-dħul fis-seħħ ta' riformi effettivi fis-suq tax-xogħol biex ikunu jistgħu jinħolqu aktar imjiegi ta' kwalità aħjar. L-indirizzar ta' dawn il-prijoritajiet ser iħalli effett biss jekk dan jintrifed minn sforz maġġuri li, fl-istess ħin, jagħti imbuttatura lit-tkabbir.

Ir-riformi ta' suċċess ser ikunu dawk li jtejbu l-funzjonament tas-swieq tal-impjiegi u tal-prodotti, li jistimulaw l-innovazzjoni u jtejbu l-kundizzjonijiet qafas tan-negozju fl-Ewropa. Dan ser jiġbed aktar investiment mis-settur privat, li min-naħa tiegħu ser itejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Fuq in-naħa tas-suq tax-xogħol, l-isforzi tar-riforma għandhom jiffokaw fuq l-indirizzar tal-parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol minn ċerti gruppi u l-funzjonament batut tas-suq tax-xogħol. Dawn il-politiki jħallu wkoll impatt pożittiv fuq il-konsolidazzjoni baġitarja, billi jeġġeneraw dħul fiskali ogħla u jnaqqsu n-nefqa pubblika fuq trasferimenti soċjali, filwaqt li jgħinu biex inaqqsu r-riskju ta' żbilanċi makroekonomiċi fil-ġejjieni. Ir-riformi strutturali jistgħu jiġġeneraw vantaġġi sinifikanti saħansitra fuq żmien qasir. Iż-żidiet fil-produzzjoni u fir-rata ta' persuni jaħdmu huma xprunati minn titjib fil-kundizzjonijiet qafas, u minn riformi fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol.



Għandhom jiġu mmobilizzati inizjattivi ewlenin u l-influwenza tal-UE għas-sostenn tal-isforzi nazzjonali

L-azzjonijiet fil-livell tal-UE ser jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tat-tkabbir b'modi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi. Il-Kummissjoni fasslet aġenda ambizzjuża, li għandha titwettaq permezz ta' seba' inizjattivi ewlenin u kif ukoll azzjoni parallela fuq politiki orizzonali li jsostnu l-istrateġija.

Il-Kummissjoni ppreżentat seba' inizjattivi ewlenin stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 2 . Kull waħda minn dawn l-Inizjattivi ewlenin ser tindirizza kwistjonijiet speċifiċi u fiha miżuri mmirati lejn oqsma ta' politika speċifiċi. L-importanza reali tagħhom tinsab fil-fatt li huma konnessi mill-qrib filwaqt li jagħtu appoġġ reċiproku. Għadaqstant, uħud mill-miżuri ewlenin, bħal ma hi l-ħtieġa għal sistema ġdida ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, huma rilevanti għal inzijattivi ewlenin differenti - f'dan l-eżempju, l-Unjoni ta' Innovazzjoni, il-Politika Industrijali u l-Aġenda Diġitali.

It-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 tiddependi wkoll fuq il-mobilizzazzjoni u l-konċentrazzjoni effettivi tal-istrumenti u l-għodod kollha tal-UE biex jiġu megħjuna r-riformi. Għal dan il-għan, l-Istrateġija ssejjaħ għal azzjoni li ssaħħaħ is-suq uniku, il-baġit tal-UE u l-għodod għal azzjoni ekonomika esterna u għat-tħejjija tagħhom għat-twettiq tal-għanijiet tal-Ewropa 2020:

F'konformità ma' dan l-impenn, il-Kummissjoni nediet dibattitu f'rabta mal-Att dwar is-Suq Uniku li ser jitfassal fil-futur, u biex jingħata nifs ġdid lis-suq uniku u jintużaw għejun ġodda ta' tkabbir 3 ;

Il-Komunikazzjoni dwar "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE" tistabbilixxi orjentazzjonijiet ġenerali u l-għazliet possibbli dwar kif il-baġit tal-UE jkun jista' jipprovdi għajnuna għall-ksib tal-għanijiet tal-Ewropa 2020, li jirriflettu aħjar il-prijoritajiet tal-Istrateġija fil-politiki ta' nfiq tal-UE 4 ;

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni dwar "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija: Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020", tistabbilixxi kif il-politika tal-kummerċ u l-investiment tista' tkun mutur ewlieni li jwassal għat-tkabbir 5 .

Il-prijoritajiet tat-tkabbir fil-livell tal-UE

L-Istrateġija Ewropa 2020 tippreżenta firxa wiesgħa ta' riformi integrati tal-politiki li għandhom jiġu implimentati fis-snin li ġejjin. Sabiex tindirizza b'mod effettiv l-iskala u l-urġenza tal-isfida tal-aċċelerazzjoni tal-irkupru ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi jeħtieġ li, fl-2011 u l-2012, l-isforzi tal-UE jkunu kkonċentrati fuq l-adozzjoni ta' dawk il-miżuri li l-aktar jistgħu jkunu ta' sostenn għall-azzjonijiet ta' riforma tal-Istati Membri, li ma jeħtiġux investimenti pubbliċi kbar u li jħallu l-akbar impatt fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser tiffoka fuq għadd ta' miżuri prioritarji fil-livell tal-UE għat-tisħiħ tat-tkabbir. Dawn il-miżuri, magħżula minn politiki fl-inizjattivi ewlenin, għandu jkollhom benefiċċji ekonomiċi ċari fuq żmien qasir u medju u jkun possibbli li jiġu adottati relattivament malajr. Fost l-oħrajn, prijorità minnhom għandha tkun dik li s-Suq Uniku jidħol fi stadju ġdid billi jsir użu mill-potenzjal sħiħ tas-settur tas-servizzi, billi jinġibed kapital privat għall-finanzjament ta' kumpaniji innovattivi li qegħdin jikbru b'ritmu mgħaġġel, bl-immodernizzar tal-iffisar ta' standards u ta' sistemi ta' proprjetà intellettwali, u l-ħolqien ta' aċċess kosteffikaċi għall-enerġija. Il-Kummissjoni ser tipproponi wkoll miżuri fil-qasam tal-VAT, bażi komuni u kkonsolidata tat-taxxa tal-kumpaniji u tassazzjoni tal-enerġija biex jittejjeb l-ambjent tat-taxxa tan-negozji, il-ġlieda kontra t-tassazzjoni doppja u l-ksib ta' riżultati b'rabta mal-aġenda tal-UE dwar il-klima u l-enerġija.

L-importanza tas-setturi tas-servizzi nfushom, u bħala dawk li jikkontribwixxu għal setturi oħrajn, twassal sabiex suq intern aktar b'saħħtu fil-qasam tas-servizzi jkun l-ixprun ewlieni għat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi fl-ekonomiji tal-UE. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi ser iżżid il-kompetizzjoni, timmodernizza l-qafas regolatorju u tagħti spinta lil riformi strutturali sinfikanti. Għandha tittieħed azzjoni ulterjuri biex is-suq intern għas-servizzi jitfannad aktar.

Dawk il-miżuri li jippromwovu akkwist pubbliku aktar miftuħ u effiċjenti jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tas-settur pubbliku b'mod sostanzjali u jrawmu l-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti. L-użu effiċjenti tal-iffrankar li jirriżulta jista' jħalli benefiċċji makroekonomiċi konsiderevoli. L-aċċess aħjar għas-swieq ta' akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi wkoll jista' jipproduċi vantaġġi addizzjonali fl-Ewropa.

Infrastruttura aħjar fil-qasam tal-enerġija sostenibbli, tat-trasport u tat-teknoloġija tal-informazzjoni (partikolarment it-teknoloġija ta' frekwenza wiesgħa) tista' tgħin fil-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, f'konformità mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni fuq perjodu twil ta' żmien. Minn din il-perspettiva, l-użu ta' finanzjament innovattiv fosthom proġetti ta' bonds tal-UE jista' jikkontribwixxi għall-aġġustament tal-kapaċità tal-ekonomija.

Fil-livell mikroekonomiku, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport u f'dak tal-enerġija jista' jwassal għal effiċjenza ekonomika b'riżultat tal-introduzzjoni ta' fornituri ġodda u prezzijiet orħos, u użu aktar razzjonali ta' xogħol u kapital permezz tal-innovazzjoni. Fil-livell makroekonomiku, dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal żieda fl-attività ekonomika billi l-vantaġġi li jinkisbu fis-setturi tat-trasport u tal-enerġija jistgħu jinfirxu fil-bqija tal-ekonomija. U dan għar-raġuni li l-kontribut ta' dawn iż-żewġ setturi jolqot il-kosti ta' produzzjoni ta' attivitajiet oħrajn b'mod sinifikanti.

L-industrija u l-manifattura għadhom sors maġġuri għall-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tas-settur privat u jipprovdu l-maġġorparti tal-esportazzjonijiet tal-UE. L-irkupru tagħhom huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku. Fl-istess ħin, suq uniku li jiffunzjona tajjeb fl-oqsma tal-prodotti ambjentali u fis-servizzi joffri opportunitajiet maġġuri għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi.

F'dak li għandu x'jaqsma mal-iffissar ta' standards, huwa fundamentali li l-azzjoni li tittieħed, anke fil-livell globali, issir mill-ewwel u bi prjorità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser tipproponi miżuri biex tgħaġġel u timmodernizza l-iffissar ta' standards fl-Ewropa, inkuż għall-ICT. Din hija sfida tassew partikolari fir-rigward tal-ICT, li huwa qasam interkonness u li jevolvi b'ritmu mgħaġġel. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa wkoll standards speċifiċi għall-UE kollha kemm hi biex tgħin fil-ksib ta' suq għal prodotti u teknoloġiji b'użu effiċjenti ta' riżorsi u b'livell baxx ta' karbonju.

Biex tiffaċilita t-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-Suq Uniku, fl-2011 l-Kummissjoni ser tippreżenta wkoll strument legali, li jkun faċli għall-utent, dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea li tista' tintgħażel min-negozji u l-konsumaturi għat-tranżazzjonijiet tagħhom fis-Suq Uniku, u kif ukoll regolament li ser jissimplifika l-irkupru transkonfinali ta' dejn, fosthom permezz ta' qbid bankarju. Dan kollu għandu jgħin biex tingħeleb is-sitwazzjoni ta' bħalissa fejn huwa biss 37% tad-dejn transkonfinali li qiegħed jiġi rkuprat fl-UE.

Biex issolvi s-sitwazzjoni kurrenti fejn il-kontenut disponibbli onlajn mhux dejjem ikun jista' jiġi aċċessat b'mod legali bejn fruntiera u oħra tal-UE, il-Kummissjoni ser tressaq qafas Ewropew għall-proprjetà intellettwali li, b'mod partikolari, ser jagħti spinta lill-kummerċ elettroniku u lill-industriji diġitali.

Fir-rigward tal-aċċess għal finanzi, speċjalment għall-SMEs u għal negozji innovattivi ġodda, pakkett ta' miżuri bħall-passaport tal-kapital ta' riskju bil-għan li jegħleb it-tfixkil transkonfinali, fosthom l-ostakli tat-taxxa li joħorġu minn regolamenti nazzjonali diverġenti, jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-kosti tal-finanzjament ta' negozji ġodda permezz ta' primjums b'anqas riskju u b'hekk titrawwem l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni ser tindirizza wkoll il-kwistjoni li l-UE tattira aktar investituri barranin fit-tul.

2.L-ewwel passi biex jintlaħqu l-Miri tal-Istrateġija Ewropa 2020

Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju tal-2010, li adotta l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ħames għanijiet ewlenin tal-UE, għamel sejħa lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni issa "biex jimplimentaw dawn il-prijoritajiet ta' politika fil-livell tagħhom. Huma għandhom, fi djalogu mill-qrib mal-Kummissjoni, jiffinalizzaw rapidament il-miri nazzjonali tagħhom, b'kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali relattivi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, u skont il-proċeduri nazzjonali tagħhom ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Huma għandhom ukoll jidentifikaw l-ostakli prinċipali għat-tkabbir u jindikaw, fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom, kif biħsiebhom jindirizzawhom".

Fil-ħarifa tal-2010 l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, wettqu ħidma biex jistabbilixxu miri nazzjonali u biex jiżviluppaw strateġiji għall-implimentazzjoni tagħhom. Huma ġew mistiedna biex sa nofs Novembru jippreżentaw abbozz tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma ("PNR), u jindikaw il-miri nazzjonali previsti u r-riformi meħtieġa biex jintlaħqu dawn il-miri filwaqt li jitneħħew l-ostakli għat-tkabbir. Il-fatt li kull Stat Membru jistabbilixxi l-livell ta' ambizzjonijiet tiegħu nnifsu fir-rigward tal-miri globali tal-Ewropa 2020, huwa element importanti ta' din l-istrateġija, li jiżgura li l-miri nazzjonali jkollhom "appartenenza politika", jiġifieri jkunu suġġetti għal dibattitu politiku intern.

Bl-eċċezzjoni ta' żewġ Stati Membri, l-Istati Membri l-oħrajn kollha stabbilixxew miri nazzjonali għalihom infushom. F'xi każijiet, huma ppreżentaw biss miri provviżorji jew għanijiet kwalitattivi. Aktar minn hekk, meta titqies in-natura preliminari tar-riflessjoni, xi miri jiġu abbozzati bħala meded jew bħala "miri minimi" msejsa fuq politiki kurrenti.

Għalkemm ma tista' tinsilet l-ebda konklużjoni miċ-ċifri preliminari mogħtija fl-abbozzi ta' PNR, jistgħu jiġu identifikati xi xejriet ta' rilevanza ġenerali. Hemm ir-riskju ta' livelli relattivament baxxi ta' ambizzjoni fl-iffissar ta' miri nazzjonali u ta' enfasi eċċessiva fuq terminu qasir ta' żmien. B'hekk tispiċċa ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għat-tfassil ta' trajjettorji ta' riforma li jkopru l-perjodu kollu sal-2020. L-iskop ta' dawn il-miri mhuwiex biss wieħed numeriku – dawn qegħdin hemm biex jiġi ġġenerat momentum fejn kull Stat Membru jikkommetti ruħu biex jagħmel mill-aħjar biex jikseb progress li jista' jitkejjel f'oqsma ewlenin li huma mqassra mill-ħames miri ewlenin. F'bosta mill-każijiet, l-aggregazzjoni tal-miri nazzjonali provviżorji turi li l-UE għad jonqosha biex tilħaq il-miri ewlenin tal-UE li ntlaħaq ftehim dwarhom mill-Kunsill Ewprew. Il-fatt li xi Stati Membri jistgħu jsibuha diffiċli li jintrabtu b'impenji ambizzjużi f'perjodu ta' inċertezzi ekonomiċi huwa komprensibbli. Madanakollu, fil-loġika ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma fit-tul, huwa importanti li tinqabad triq li tqis iċ-ċirkostanzi ta' bħalissa, iżda wkoll li timmira li tikseb ir-riżultati sa tmiem il-perjodu. Filwaqt li tirrikonoxxi li din hija l-ewwel sena ta' approċċ ġdid u kif ukoll l-isfidi partikolari għal ħafna mill-Istati Membri li jżidu l-livell ta' ambizzjoni tagħhom fi żmien ta' konsolidazzjoni fiskali, il-Kummissjoni tipproponi li fl-2014 tagħmel analiżi ta' nofs it-terminu. Dan ser jippermetti li l-UE tanalizza r-raġunijiet dwar jekk ikunx jista' jinkiseb il-livell ta' progress mixtieq u li tieħu miżuri addozzjonali jekk ikun meħtieġ.

It-taqsima li ġejja tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-abbozzi tal-miri nazzjonali kif inhuma llum, ippreżentati f'tabella bħala anness. Sa April tal-2011, l-Istati Membri huma kollha mistennija li jippreċiżaw il-miri nazzjonali, li jkopru l-ħames miri ewlenin tal-UE. Mis-sena d-dieħla, l-"Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir" ser iwettaq monitoraġġ aktar mill-qrib tal-progress li jinkiseb fl-ilħuq tal-miri ewlenin, u ser jirrapporta dwar il-miri nazzjonali ffinalizzati.

2.1.L-Impjiegi

Il-mira ewlenija tal-UE hija rata ta' impjieg ta' 75% fost in-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena sal-2020, li għandha tinkiseb permezz ta' parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ, ħaddiema iktar adulti u ħaddiema b'kapaċitajiet relattivament baxxi u kif ukoll l-integrazzjoni aħjar ta' migranti legali. Il-parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol hija waħda mill-aktar dgħufijiet li l-Ewropa ilha tiffaċċja. Qabel il-kriżi, ir-rati ta' impjieg tal-Ewropa kienu diversi punti perċentwali aktar baxxi minn dawk tal-Istati Uniti u tal-Ġappun. Il-kriżi wasslet għal żieda drammatika tar-rata tal-qgħad, fl-istess ħin li t-tibdil demografiku qiegħed jhedded li jkompli jnaqqas mill-forza tax-xogħol li hija disponibbli. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tħalli impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ġejjieni tal-Ewropa.

L-analiżi tal-abbozz tal-PNR turi li xi Stati Membri involvew ruħhom sew fil-ksib ta' dawn il-miri u fil-biċċa l-kbira tagħhom bdew jindirizzaw id-diffikultajiet fis-suq tax-xogħol. Bosta Stati Membri għażlu li juru mira, iżda diversi pajjiżi pproponew medda ġenerali, jiġifieri l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Italja u s-Slovakkja. Il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit għadhom ma stabbilixxew l-ebda mira nazzjonali uffiċjali. Il-miri pproposti jinsabu fil-medda ta' bejn it-62.9% (Malta) u t-80% (l-Isvezja).

Jekk l-Istati Membri kollha jkunu fil-pożizzjoni li jilħqu l-mira nazzjonali li ddikjaraw sal-2020, jew inkella jilħqu l-aktar valur baxx fil-medda tal-mira, ir-rata medja ta' impjieg fost l-Istati Membri li stabbilixxew mira nazzjonali tkun tilħaq it-72.4%. Jekk l-Istati Membri jirnexxielhom jilħqu l-aktar valur għoli fil-medda tal-mira, ir-rata medja tal-impjieg fl-UE tilħaq it-72.8%. Fi kliem ieħor, fuq il-bażi tal-miri nazzjonali ta' impjieg ta' bħalissa, b'mod ġenerali l-UE ma tilħaqx il-mira ta' 75% b'bejn 2.2 u 2.6 punti perċentwali.

2.2.Ir-Riċerka u l-Iżvilupp

Kemm fil-livell ta' riżorsi investiti, partikolarment riżorsi mis-settur privat, u l-effikaċja tal-infiq, l-Ewropa għada ferm wara l-Istati Uniti u ekonomiji avvanzati oħrajn. Tali differenza tolqot il-perspettivi tat-tkabbir b'mod negattiv, partikolarment għas-setturi li fihom l-akbar potenzjal ta' tkabbir. Il-mira tal-Ewropa 2020 tirrekjedi li jittejjbu l-kundizzjonijiet tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, bil-għan li l-livell aggregat tal-investiment privat u pubbliku jilħaq tal-anqas it-3% tal-PDG.

Il-ġbir tal-miri nazzjonali provviżorji kollha jindika livell aggregat ta' 2.7 jew 2.8% tal-PDG, li jaqa' taħt il-mira mistennija ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp li tammonta għal 3% tal-PDG, iżda li xorta waħda jirrappreżenta sforz sinifikanti, partikolarment fil-kuntest baġitarju ta' bħalissa. Xi Stati Membri ħadu passi biex iżidu l-investiment pubbliku fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fl-edukazzjoni b'mod sinifikanti għaliex jirrikonoxxu li dawn l-investimenti ser iwasslu għal tkabbir fil-ġejjieni. Xi Stati Membri indikaw miri għoljin li madanakollu huma realistiċi, minkejja d-diffikultà li jikkommettu ruħhom fir-rigward tal-komponent privat fl-ilħuq tal-mira fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

Aspett ieħor relatat mill-qrib mal-prestazzjoni tal-UE fl-innovazzjoni huwa s-sehem fl-ekonomija ta' kumpaniji innovattivi u li qegħdin jikbru b'pass mgħaġġel 6 . Jeħtieġ li l-Istati Membri jibdew jingranaw ir-riformi tagħhom biex jitneħħa t-tfixkil li jolqot it-tkabbir ta' kumpaniji innovattivi, fosthom billi jittejbu l-kundizzjonijiet qafas u l-aċċess għall-finanzi.

2.3.L-azzjoni dwar il-klima u l-politika dwar l-enerġija

Il-ksib ta' tkabbir sostenibbli jfisser li l-Ewropa tiġi ttrasformata f'soċjetà u ekonomija kompetittiva, b'użu effiċjenti ta' riżorsi u b'livell baxx ta' karbonju. Din il-viżjoni tirfed il-mira bi tliet prerogattivi stabbilita fl-Ewropa 2020: it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra b'tal-anqas 20% meta mqabbel mal-livelli tal-1990 jew bi 30%, jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet xierqa li jippermettu dan; iż-żieda tal-perċentwal ta' għejun ta' enerġija li tiġġedded fil-konsum tal-enerġija totali tal-UE għal 20%; żieda ta' 20% fl-użu aktar effiċjenti tal-enerġija.

Diġà jeżistu miri nazzjonali fir-rigward tal-għejun ta' enerġija li tiġġedded u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra.

B'rabta mal-użu effiċjenti tal-enerġija, l-analiżi tal-abbozzi ta' PNR turi li, f'dan l-istadju, l-Istati Membri għadhom ma kkommettewx ruħhom totalment għall-ilħuq ta' din il-mira. Xi Stati Membri ma pprovdew l-ebda indikazzjoni dwar din il-mira filwaqt li oħrajn użaw metodoloġiji differenti biex ifissru l-miri nazzjonali tagħhom. Minħabba dawn id-differenzi u wkoll b'riżultat ta' informazzjoni mhux kompluta għalkollox, hija meħtieġa urġentement kjarifika tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn kull Stat Membru.

Madanakollu, valutazzjoni preliminari turi li sforzi kumulattivi (li lanqas jilħqu l-10%) jkunu jaqgħu ferm taħt il-mira globali tal-UE għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija b'20% sal-2020. Dan huwa fattur inkwetanti għaliex l-użu effiċjenti tal-enerġija huwa l-aktar mod kosteffikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività u biex il-prezz tal-konsum tal-enerġija jkun aktar reġonevoli u kif ukoll biex jinħolqu l-impjiegi. Bl-istess mod, fil-qasam tal-mitigazzjoni tal-klima, il-miżuri eżistenti u dawk ippjanati għadhom mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-2020.

2.4.L-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir tirrekjedi wkoll il-provvista ta' forza tax-xogħol imħarrġa u b'livelli ta' kapaċitajiet għoljin. Popolazzjoni b'kapaċitajiet għoljin hija essenzjali wkoll biex jixxejnu l-isfidi tal-bidla demografika u l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa. Għaldaqstant, l-investiment f'edukazzjoni tajba, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja huwa dimensjoni prinċipali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

L-Ewropa 2020 tistabbilixxi mira ewlenija b'żewġ prijoritajiet fir-rigward tal-edukazzjoni, jiġifieri li sal-2020 il-popolazzjoni ta' bejn it-18 u l-24 sena li tispiċċa titlaq mill-iskola qabel iż-żmien tkun anqas minn 10% tal-ammont totali ta' persuni f'dan is-segment; u li mill-anqas 40% tal-adulti ta' bejn it-30 u l-34 sena tal-UE jkunu lestew edukazzjoni terzjarja jew l-ekwivalenti tagħha. L-analiżi tal-abbozzi ta' PNR jiżvela li fuq medja tingħata aktar attenzjoni għall-analiżi tal-isfidi kurrenti u s-soluzzjonijiet possibbli milli ma tingħata biex jiġu ddefiniti pjani u miżuri konkreti ta' riforma. Fil-parti l-kbira tal-abbozzi ta' PNR ma joħroġx ċar jekk il-miżuri deskritti tnedewx bħala tweġiba jew jekk tal-anqas humiex aġġustati għall-prijoritajiet tal-Ewropa 2020.

L-abbozzi kollha ta' PNR stabbilixxew miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-għadd ta' persuni li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u għaż-żieda fl-għadd ta' gradwati fil-livell terzjarju, għajr għar-Renju Unit (li ma stabbilixxa l-ebda mira) u l-Pajjiżi l-Baxxi (li stabbilixxa mira għall-għadd ta' persuni li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien iżda mhux għall-progress fil-livell terzjarju).

Fir-rigward ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, filwaqt li xi Stati Membri stabbilixxew miri ambizzjużi ferm, jidher li l-isforz globali x'aktarx li jirriżulta li l-Ewropa ma tilħaqx il-mira ta' 10% sal-2020. Bil-miri mressqa fil-abbozzi ta' PNR u mingħajr ma jiġu inklużi dawk il-pajjiżi li għadhom ma ddefinixxew l-ebda mira (ir-Renju Unit għaż-żewġ miri, u l-Pajjiżi l-Baxxi għall-edukazzjoni terzjarja), sal-2020 tinkiseb ir-rata ta' 10.5% ta' persuni li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u b'hekk ma tintlaħaqx il-mira komuni Ewropea ta' 10%. F'ċifri assoluti dan ikun ifisser li sal-2020 madwar 200 000 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ikunu telqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

Bl-istess mod, il-miri nazzjonali dwar ir-riżultati fl-edukazzjoni terzjarja li tressqu issa mhumiex ser ikunu biżżejjed biex jintlaħaq il-livell globali tal-2020. Bir-riżultat totali dwar l-edukazzjoni terzjarja li mistenni jlaħħaq is-37.3% sal-2020, mhijiex ser tintlaħaq il-mira komuni Ewropea ta' 40%. F'ċifri assoluti dan ikun ifisser li fl-2020 ser ikun hemm madwar 800 000 gradwat terzjarju anqas ta' bejn it-30 u l-34 sena milli kieku tintlaħaq ir-rata ta' 40%.

2.5.L-inklużjoni soċjali/il-ġlieda kontra l-faqar 

Ma jista' jsir l-ebda tkabbir sostenibbli jekk il-benefiċċji tiegħu ma jilħqux lis-segmenti kollha tas-soċjetà. Madanakollu, matul dawn l-aħħar għaxar snin l-inugwaljanza kompliet tikber madwar l-Ewropa, b'aktar u aktar persuni jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-kriżi ekonomika żiedet b'mod drammatiku l-għadd ta' persuni li waqgħu, jew li jinsabu fir-riskju li jaqgħu, taħt il-livell tal-faqar. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li tinbidel din ix-xejra filwaqt li jiġi żgurat li t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali jimxu id f'id. Il-mira ewlenija tal-UE għandha l-għan li l-għadd ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-livell tal-faqar jonqos b’ 25 %, u b’hekk aktar minn 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar. Il-mira hija ddefinita abbażi ta' tliet indikaturi 7 li jirrflettu d-diversi uċuh tal-faqar u l-esklużjoni madwar l-Ewropa. Din testendi l-kunċett oriġinali ta' introjtu relattiv tal-faqar sabiex ikopri d-dimensjoni mhux monetarja tal-faqar u sitwazzjoni ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol. Dan jirrefletti wkoll id-diversità bejn sitwazzjonijiet u prijoritajiet fi Stati Membri differenti.

Analiżi preliminari turi li l-faqar relattiv għadu l-isfida prinċipali fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. It-titjib tal-istandards ta' għajxien globali jista' jħalli impatt pożittivi sinifikanti billi jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni f'pajjiżi b'livelli aktar baxxi ta' PDG għal kull ras u b'rati għoljin ta' privazzjoni materjali. Il-ġlieda kontra l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol hija prijorità għall-pajjiżi kollha, inkluż għal dawk b'sistemi soċjali żviluppati li joffru protezzjoni relattivment tajba lill-persuni minn introjti li jaqgħu taħt il-livell tal-faqar, li madanakollu ma tantx joffru inċentivi u/jew ftit li xejn jagħtu appoġġ għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li jinsabu l-aktar 'il bogħod minnu.

Fl-abbozzi ta' PNR tagħhom, il-maġġoranza tal-pajjiżi stabbilixxew miri, għalkemm dawn għadhom ma jilħqux il-livell ta' ambizzjoni miftiehem mill-Kunsill Ewropew. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri użaw it-tliet indikaturi maqbula biex jiddefinixxu l-mira tal-UE, u b'hekk irrikonoxxew il-ħtieġa għal strateġiji wiesa' biex il-faqar ikun jista' jiġi indirizzat fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. Madanakollu, il-livell ta' ambizzjoni għandu jogħla b'mod li jirrefletti l-interazzjoni bejn il-miri, partikolarment ir-rabta bejn il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-faqar. Diversi pajjiżi għadhom anqas biss stabbilixxew il-miri tagħhom. Jeħtieġ li dawn il-pajjiżi jiffinalizzaw dan il-proċess b'urġenza.

3.Programmi Nazzjonali ta' Riforma

3.1.Abbozzi ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma

Il-miri tal-Ewropa 2020 jikkostitwixxu element ewlieni fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, li għandhom jirrappreżentaw aġenda tar-riforma aktar wiesgħa u komprensiva. L-Istati Membri kienu mistiedna biex jibagħtu l-abbozzi tagħhom ta' PNR (Programmi Nazzjonali ta' Riforma) sat-12 ta' Novembru 2010 u biex jinkludu l-erba' komponenti fundamentali li ġejjin:

Xenarju makroekonomiku fuq perjodu medju: Kull abbozz ta' PNR għandu jkun fih xenarju makroekonomiku u għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ostakoli makrostrutturali li jfixklu t-tkabbir, b'mod partikolari fil-qasam fiskali.

Il-miri nazzjonali li jirriflettu l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020: ħafna mill-abbozzi ta' PNR inkluduhom (ara hawn fuq).

L-identifikazzjoni tal-ostakoli ewlenin li jfixklu t-tkabbir u l-impjiegi. Ħafna drabi, l-abbozzi ta' PNR kkonfermaw l-ostakoli li jfixklu t-tkabbir li kienu identifikati mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika f'Ġunju 2010 u mill-Kumitat tal-Impjiegi f'Ottubru 2010. F'uħud mill-każijiet, ġew miżjuda xi sfidi addizzjonali.

Il-miżuri ewlenin għat-twettiq bikri tal-inizjattivi li jsaħħu t-tkabbir. Kważi l-abbozzi kollha ma semmew xejn dwar it-twettiq bikri tar-riformi strutturali li jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli fuq perjodu medju u dak fit-tul.

L-abbozzi ta' PNR ivarjaw f'termini ta' dettall u ta' grad tat-tħejjija, fejn xi wħud huma aktar kompleti u aktar avvanzati minn oħrajn. B'mod ġenerali, il-pressjonijiet fuq it-tkabbir u x-xogħol potenzjali mhumiex kompletament rikonoxxuti fl-abbozzi ta' PNR. Ix-xenarji makroekonomiċi ppreżentati mill-Istati Membri għandhom tendenza li jkunu ottimisti żżejjed meta mqabbla mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, ix-xenarji tax-xogħol huma pessimisti żżejjed minħabba li huma influwenzati minn fatturi negattivi ta' perjodu qasir. Analiżi preliminari tal-abbozzi ta' PNR turi l-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jaffaċċjaw sfidi fiskali sinifikanti billi jnaqqsu l-iżbilanċ strutturali, ibaxxu l-proporzjon tad-dejn li ta' spiss ikun għoli u jikkontrollaw l-ispejjeż li jinħolqu minn popolazzjoni li qed tixjieħ. F'bosta pajjiżi, it-tisħiħ tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u tal-qafas istituzzjonali permezz ta' kontroll fiskali aħjar jista' jkun ta' għajnuna f'termini ta' sostenibbiltà.

Ħafna mill-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa li jiżguraw settur finanzjarju stabbli u li jiffunzjona tajjeb, li jkun kapaċi jipprovdi intermedjazzjoni finanzjarja mingħajr l-għajnuna mill-Istat. L-isfidi f'dan il-qasam jinkludu d-dejn eċċessiv tal-familji u l-iżgurar ta' superviżjoni regolatorja effiċjenti u ta' settur bankarju li jiffunzjona tajjeb.

L-indirizzar tal-kompetittività u tal-iżbilanċi fil-kontijiet kurrenti huwa rilevanti għall-Istati Membri kollha, iżda b'mod partikolari għall-funzjonament bla xkiel tal-UEM. Fi ħdan iż-żona tal-euro, dan jidher permezz ta' azzjonijiet imwettqa biex jitnaqqsu l-iżbilanċi interni taż-żona tal-euro, pereżempju t-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tad-domanda interna, l-aġġustamenti tas-salarji u tal-prezzijiet relattivi, flessibbiltà akbar fis-salarji, u l-allokazzjoni mill-ġdid ta' riżorsi mis-settur mhux kummerċjabbli għas-settur kummerċjabbli.

L-Istati Membri kollha identifikaw ukoll il-ħtieġa li jtejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u/jew il-kundizzjonijiet tal-impjiegi, u li jindirizzaw il-funzjonament batut tas-swieq tax-xogħol u tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' mobilità tal-impjieg u dik ġeografika, in-nuqqas ta' inċentivi għax-xogħol u l-esklużjoni ta' gruppi ta' etajiet differenti.

Ħafna mill-Istati Membri rrikonoxxew ukoll l-isfidi li jirrigwardaw it-titjib fil-produttività u l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni u l-esportazzjonijiet ta' valur miżjud ogħla; dawn jirrigwardaw iż-żieda ta' investimenti fil-kapital, l-iżgurar ta' ambjent regolatorju għan-negozji aktar effiċjenti, l-effiċjenza amministrattiva kif ukoll il-promozzjoni ta' livelli ogħla ta' kompetizzjoni.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jirrikonoxxu l-ħtieġa li jippromwovu l-kapaċità tal-innovazzjoni u li jsaħħu l-investiment fil-kapital uman bil-ħsieb li jkun hemm żieda fil-potenzjal tat-tkabbir u li jitnaqqsu d-diskrepanzi fis-suq tax-xogħol.

Madanakollu, f'dan l-istadju, il-politiki ppreżentati fl-abbozzi ta' PNR għadhom ma pprovdewx reazzjoni ċara għall-isfidi importanti makroekonomiċi u għall-ostakoli fit-tkabbir. L-azzjonijiet ta' politika aktar jirreferu għal mezzi li jkunu jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati l-isfidi milli għal miżuri konkreti. Filwaqt li ġie pprovdut aktar dettall rigward il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali, ftit li xejn ingħatat attenzjoni lir-riformi strutturali li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir fuq perjodu ta' żmien medju jew fuq tul ta' żmien. Bosta abbozzi ta' PNR jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ppjanati li permezz tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom. Madanakollu, ħafna drabi l-lista ta' miżuri kienet tinkludi miżuri li diġà ġew implimentati jew miżuri li diġà qegħdin fi stadju avvanzat mhux ħażin. L-azzjoni ta' politika ppjanata ħafna drabi kienet ippreżentata b'mod kemmxejn vag, bi ftit dettalji dwar in-natura preċiża tal-miżuri, iż-żmien allokat għall-implimentazzjoni, l-impatt mistenni, ir-riskju ta' implimentazzjoni parzjali jew li tkun falliet, il-kost baġitarju u dwar l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE. L-eċċezzjoni għal din it-tendenza kienu l-programmi ppreżentati mill-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja, li ppreżentaw miżuri aktar dettaljati.

3.2.Kooperazzjoni lejn il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma finali

Iż-żmien bejn il-preżentazzjoni tal-abbozzi u l-PNR finali se jintuża għall-iskambju bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u għal analiżi minn esperti ugwali fil-qasam fi ħdan il-Kunsill. F'Novembru 2010, l-esperti pari fil-qasam tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika analizzaw l-elementi dwar l-impjieg fl-abbozzi ta' PNR u f'Diċembru, il-Kumitat tal-Impjiegi ta ħarsa lejn l-elementi makroekonomiċi f'analiżi orizzontali.

Wara l-adozzjoni ta' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jipprovdi gwida ġenerali għall-Istati Membri biex jiffinalizzaw il-PNR tagħhom, il-Kummissjoni se terġa' tikkuntattja lill-Istati Membri bilateralment sabiex jiddiskutu dwar il-finalizzazzjoni tal-PNR tagħhom fid-dawl ta' din il-gwida u taċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.

Fl-istess ħin, il-konsultazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu ffinalizzati sabiex tiġi assigurata sjieda b'saħħitha tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jinvolvu fit-tħejjija, kemm atturi politiċi (il-parlamenti nazzjonali, awtoritajiet reġjonali u lokali) kif ukoll l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra. F'numru limitat biss ta' każijiet l-abbozzi ta' PNR kienu diġà soġġetti għal konsultazzjonijiet fuq livelli differenti. Filwaqt li ċerti Stati Membri indikaw li huma kienu se jidħlu f'konsultazzjonijiet qabel ma jiffinalizzaw il-PNR, ħafna minnhom ma pprovdew l-ebda informazzjoni rigward il-proċess ta' konsultazzjoni tagħhom.

Il-fatt li mhux tingħata biżżejjed attenzjoni lir-riformi strutturali li jkunu jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir fuq perjodu ta' żmien medju u fuq tul ta' żmien, huwa inkwetanti. Fin-nuqqas ta' tali politiki li jsaħħu t-tkabbir, jista' jirriżulta li l-istrateġiji ta' konsolidazzjoni jkunu awtodistruttivi.

L-għan huwa li l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma finali jirriflettu l-programm ta' riforma li jinsab fil-mira, u li jappartjeni lill-Istati Membri u lid-diversi atturi fi ħdan l-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin ikunu jsegwu ċerti kriterji komuni meħtieġa li jippermettu li jkun hemm sinerġiji u monitoraġġ aħjar. Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma għandhom b'mod partikolari jipprovdu:

stimi dwar it-tkabbir potenzjali u effettiv tal-produzzjoni fuq tul ta' żmien medju li jkopru (minn tal-inqas) perjodu ta' erba' snin. Ix-xenarji makroekonomiċi ppreżentati fil-programmi tal-2011 għandhom għalhekk ikopru l-perjodu sal-2014;

miri ambizzjużi u realistiċi li jkopru l-ħames miri ewlenin tal-UE kollha, akkumpanjati minn trajettorji sal-2020 sabiex jintlaħqu l-miri, u analiżi intermedja fl-2014;

aktar dettalji dwar il-miżuri għal tul ta' żmien, li jmorru lil hinn minn dawk li diġà qed jiġu mħejjija, inkluż pjan koerenti għar-riforma tas-sistemi ta' riċerka u ta' innovazzjoni, ibbażat fuq l-analiżi tal-punti b'saħħithom u ta' dawk dgħajfa ta' kull Stat Membru 8 ;

implikazzjonijiet baġitarji għar-riformi – inklużi, fejn xieraq, indikazzjonijiet aktar ċari dwar il-pjanijiet biex jintużaw il-Fondi Strutturali bil-għan li jingħata appoġġ lill-investiment favorevoli għat-tkabbir u dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward fil-livell nazzjonali;

miżuri bil-għan li jitneħħew l-ostakoli għat-tkabbir, inklużi dettalji dwar iż-żmien allokat, l-effetti mistennija u l-konsegwenzi baġitarji. Dawn għandhom jindirizzaw il-fatturi li jwasslu għat-tkabbir jew il-kundizzjonijiet qafas għat-tkabbir u jistgħu jinkludu pereżempju, il-miżuri li jappoġġjaw is-suq intern, l-ambjent għan-negozji, it-tkabbir u l-internalizzazzjoni tal-SMEs, ir-riformi strutturali fis-swieq tas-servizzi (eż. id-Direttiva dwar is-Servizzi), l-adozzjoni ta' soċjetà u ekonomija diġitali, kundizzjonijiet aħjar tal-konsumatur eċċ. Il-benefiċċji, b'mod partikolari f'termini ta' produttività, li joħorġu mill-adozzjoni aktar ġenerali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma magħrufa ferm u għalhekk f'ħafna mill-każijiet, jixraq li jkollhom miżuri ta' politika mmirati;

informazzjoni dwar l-involviment u l-kontribuzzjonijiet tad-diversi partijiet interessati. F'dan il-kuntest, jixraq li jissemmew ukoll, l-isforzi ta' komunikazzjoni li jqarrbu l-programmi ta' riforma lejn il-partijiet interessati u ċ-ċittadini, kif ukoll il-mekkaniżmi stabbiliti fl-Istati Membri sabiex tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni tar-riformi.

4.Konklużjonijiet

Għal dan l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress huma ta' sfida partikolari, minħabba li l-Istrateġija Ewropa 2020 daħlet fis-seħħ reċentement ħafna. Fix-xhur ta' wara l-adozzjoni tal-Istrateġija u tal-approvazzjoni tagħha mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2010, l-azzjonijiet meħuda fil-livell tal-UE kienu naturalment jiffokaw fuq l-istabbiliment tal-qafas u fuq it-tnedija tas-seba' inizjattivi ewlenin. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri bdew jieħdu l-ewwel passi sabiex jagħtu bidu għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' riforma tagħhom stess. B'kunsiderazzjoni għan-natura innovattiva tal-ewwel ċiklu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri ppreżentaw l-abbozzi ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma, li jindikaw bil-quddiem id-dokumenti finali li għandhom jiġu ppreżentati sa April 2011.

L-analiżi tematika turi li filwaqt li hemm għarfien ġenerali dwar l-urġenza għall-konsolidazzjoni fiskali u dwar il-ħtieġa li jerġa' jkun hemm l-ordni fis-settur finanzjarju u dak bankarju, sar ħafna inqas investiment fid-definizzjoni tar-riformi meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi u sabiex jerġa' jinbeda t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-miri nazzjonali preliminari li juru li l-UE aktarx mhux se jirnexxielha tikseb il-miri ewlenin li kienu miftiehma fil-livell tal-UE. Madanakollu, id-dejta preliminari turi li l-lakuni mhumiex daqstant kbar li ma jkunux jistgħu jiġu konklużi minn azzjoni ddeterminata fis-snin li ġejjin. L-aktar ħaġa importanti hija li, sa mill-bidu nett, jiġi ġġenerat momentum għall-miri li għandhom jintlaħqu minn kull Stat Membru, ikun x'ikun il-punt inizjali tagħhom. Fix-xhur li ġejjin, jeħtieġ li tingħata prijorità lill-progress fir-riformi strutturali billi tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali u billi jkun hemm twettiq bikri tal-miżuri li jsaħħu t-tkabbir fi ħdan l-inizjattivi ewlenin, f'konformità mal-messaġġi prinċipali ta' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

Il-ġestjoni tar-ritorn lejn id-dixxiplina fiskali u l-istabbiltà makroekonomika, flimkien mat-twettiq tar-riformi strutturali, se jkunu t-temi ewlenija tas-"Semestru Ewropew". Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u l-Programmi ta' Stabbiltà u/jew Konverġenza sa Ġunju 2011 u se tagħmel rakkomandazzjonijiet integrati speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri, ibbażati fuq il-linji gwida integrati tal-Istrateġija "Ewropa 2020" u se tipprovdi gwida dwar il-politika baġitarja skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir 9 . Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza għandhom jiġu adottati mill-Kunsill f'Lulju 2011. Wara dan, huwa fil-kompitu tal-UE li tirreaġixxi u f'idejn l-Istati Membri biex ibiddlu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet f'deċiżjonijiet konkreti filwaqt li jistabbilixxu l-baġits nazzjonali tagħhom għall-2012 fit-tieni nofs tas-sena.

Anness:
Miri Proviżorji tal-Ewropa 2020
10

Abbozz ta' miri tal-Istati Membri

Rata ta’ impjieg (f' %)

R&Ż f' % tal PDG

Miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (imqabbla mal-livelli tal-2005) 11

Enerġija rinnovabbli

Effiċjenza tal-enerġija – it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija f'Mtoe 12

Tluq bikri mill-iskola f' %

Edukazzjoni terzjarja

f' %

Tnaqqis ta' faqar f'numru ta' persuni 13

AT

77-78%

3.76%

-16%

34%

7.2

9.5%

38% (inkluż il-livell ISCED 4a, li bħalissa qiegħed madwar 12%)

235.000

BE

71-74%

2.6-3.0%

-15%

13%

L-ebda mira fil-PNR

9.5-10%

46-48%

330.000-380.000

BG

76%

1.5%

20%

16%

3.2

11%

36%

260.000 (500.000)

CY

75-77%

0.5%

-5%

13%

0.46

10%

46%

18.000

CZ

75%

2.70

9%

13%

L-ebda mira fil-PNR

5.5%

32%

30.000

DE

75%

3%

-14%

18%

37.7

Inqas minn 10%

42 % (inkluż il-livell ISCED4, li bħalissa qiegħed 11.4 %)

330.000
(660.000)

DK

78.5%

3%

-20%

30%

L-ebda mira fil-PNR

Inqas minn 10%

40%

22.000

EE

76%

3%

11%

25%

0.49 (għall-użu finali biss)

9.5%

40%

49.500

EL

70%

2%

-4%

18%

5.4

10%

32%

450.000

ES

74%

3%

-10%

20%

25.2

15%

44%

L-ebda mira fil-PNR

FI

78%

4%

-16%

38%

4.21

8%

42%

150.000

FR

75%

3%

-14%

23%

43

9.5%

50%

1 600 000 sal-2015

HU

75%

1.8%

10%

13%

L-ebda mira fil-PNR

10%

30.3%

450.000-500.000

IE

L-ebda mira fil-PNR

L-ebda mira fil-PNR

-20%

16%

2.75

8%

60%

186.000

IT

67-69%

1.53%

-13%

17%

27.9

15-16%

26-27%

2.200.000

LT

72.8%

1.9%

17%

23%

0.74 (għall-użu finali biss)

9%

40%

170.000

LU

73%

2.6%

5%

11%

0.19 (għall-użu finali biss)

Inqas minn 10%

40%

3.000

LV

73%

1.5%

-16%

40%

0.67

13.4%

34-36%

121.000

MT

62.9%

0.67%

14%

10%

0.24

29%

33%

6.560

NL

L-ebda mira fil-PNR

L-ebda mira fil-PNR

1%

14%

L-ebda mira fil-PNR

It-tnaqqis tan-numru għal 25 000
(= it-tnaqqis għal 9 %)

L-ebda mira fil-PNR

L-ebda mira fil-PNR

PL

71%

1.7%

19%

15%

13.6

4.5%

45%

1.500.000-2.000.000

PT

75%

2.7-3.3%

-17%

31%

L-ebda mira fil-PNR

10%

40%

200.000

RO

70%

2%

4%

24%

10

11.3%

26.7%

580.000

SE

80%

4%

13%

49%

L-ebda mira fil-PNR

10%

40-45%

L-ebda mira fil-PNR

SI

75%

3%

17%

25%

L-ebda mira fil-PNR

5.1%

40%

40.000

SK

71-73%

0.9-1.1%

5%

14%

1.08 (għall-użu finali biss)

6%

30%

170.000

UK

L-ebda mira fil-PNR

L-ebda mira fil-PNR

-16%

15%

L-ebda mira fil-PNR

L-ebda mira fil-PNR

L-ebda mira fil-PNR

Mira dwar il-faqar fost it-tfal diġà eżistenti

Stima tal-UE

72.4-72.8%

2.7-2.8%

-20%

(meta mqabbla mal-livelli tal-1990)

20%

inqas minn 10 %

10.5%

37.3%

Mira ewlenija tal-UE

75%

3%

-20%

(meta mqabbla mal-livelli tal-1990)

20%

żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija

10%

40%

20.000.000



(1) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 17 ta' Ġunju 2010.
(2) Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010) 245 finali/2, 19.5.2010), Żgħażagħ Mobbli (COM(2010) 477, 15.9.2010), Unjoni ta' Innovazzjoni (COM(2010) 456, 6.10.2010), Politika Industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni (COM(2010) 614, 27.10.2010) Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi. Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (COM(2010) 682, 23.11.2010), Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-Koeżjoni Soċjali u Territorjali (COM(2010) 758, 15.12.2010). L-Inizjattivi marbuta ma' "Ewropa b'użu effiċjenti ta' riżorsi" ser tiġi ppreżentata sa tmiem Jannar tal-2011.
(3) "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" - COM(2010) 608, 27.10.2010.
(4) "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE", COM(2010) 700, 19.10.2010.
(5) "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija: Il-Politika tal-Kummerċ bħala Element Prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020 - COM(2010) 612, 9.11.2010.
(6) Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa indikatur bħal dan bħala tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew - COM(2010) 546, 6.10.2010, p. 29.
(7) Ir-rata tar-riskju tal-faqar, privazzjoni materjali severa u persuni li jgħixu f'familji b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol.
(8) Sabiex jiġu megħjuna fit-twettiq ta' din l-analiżi, l-Istati Membri qed jiġu inkoraġġuti jużaw l-"għodda għall-awtovalutazzjoni" pprovduta bħala parti mill-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni għall-Innovazzjoni, COM(2010) 546 (finali)
(9) Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (2010/410/UE) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2010/707/UE), li flimkien jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija "Ewropa 2020".
(10) Il-miri nazzjonali finali se jiġu stabbiliti fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma f'April 2011.
(11) Il-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif definiti fid-Deċiżjoni 2009/406/KE (jew id-"Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz") jikkonċernaw l-emissjonijiet li mhumiex koperti mis-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet. L-emissjonijiet koperti mis-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet se jitnaqqsu b'21 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005. It-tnaqqis globali tal-emissjonijiet korrespondenti se jkun ta' -20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990.
(12) Għandu jiġi rrimarkat li t-tbassir nazzjonali jvarja wkoll skont is-sena/snin li fuqha/fuqhom jiġu bbażati l-istimi tal-iffrankar.
(13) Kontribuzzjoni stmata għall-mira tal-UE.
Top


MT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 12.1.2011

KUMM(2011) 11 finali

 

STĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR

ANNESS 
2

RAPPORT MAKROEKONOMIKU

STĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR

ANNESS 
2

RAPPORT MAKROEKONOMIKU

L-azzjonijiet tal-Istati Membri bejn l-2011 u l-2012 se jkunu kruċjali biex jiġi evitat "xenarju ta' deċennju mitluf". Iridu jiġu stabbiliti prijoritajiet ta' politika, ta' azzjoni fiż-żmien opportun u ta' kontenut skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u li jkunu jirriflettu fost affarijiet oħra r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali u l-ħtieġa li jiġu korretti l-iżbilanċi eċċessivi. L-aktar kompitu urġenti huwa dak li jitkisser iċ-ċirku vizzjuż li qed jopera f'xi Stati Membri ta' dejn mhux sostenibbli, sfrattar tas-suq finanzjarju u ta' tkabbir ekonomiku baxx. Filwaqt li l-abbozzi ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma ppreżentati f'Novembru jagħrfu l-urġenza li jiġu indirizzati l-isfidi makroekonomiċi b'mod integrat, ħafna drabi ma jaslux biex jipproponu reazzjonijiet adegwati ta' politika.

Dan id-dokument għandu l-għan għalhekk li jkun ta' għajnuna billi jindika miżuri li għandhom l-aqwa potenzjal li jwasslu għal effetti makroekonmiċi pożittivi u li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsudraw li jimplimentaw fis-sentejn li ġejjin. L-ewwel sezzjoni tistabbilixxi l-kuntest billi tagħti ħarsa lejn l-iżbilanċi u d-dgħjufijiet li tfaċċaw qabel il-kriżi u lejn il-wirt li ħalliet l-agħar kriżi ekonomika mid-Depressjoni l-Kbira fis-snin 1930. It-tieni sezzjoni tiffoka fuq il-ħtieġa li l-finanzi pubbliċi jitqiegħdu mill-ġdid fuq it-triq it-tajba. It-tielet sezzjoni tressaq argumenti għall-fejqan malajr tas-settur finanzjarju. L-aħħar sezzjoni tixħet dawl fuq l-urġenza ta' riformi strutturali biex jiġu kkoreġuti żbilanċi makroekonomiċi u biex jissewwew il-forzi li jwasslu għat-tkabbir li qegħdin jiddgħajfu.

1.L-Ewropa għaddejja minn żminijiet partikolarment ta' sfida

L-ekonomija Ewropea qiegħda bil-mod ħierġa mill-agħar reċessjoni f'għexieren ta' snin. Il-kriżi ekonomika wasslet għal telf kbir fl-attività ekonomika fl-UE, li ġiet flimkien mat-telf ta' miljuni ta' impjiegi, u prezz uman għoli. Id-dgħjufijiet strutturali ta' qabel il-kriżi, li ma kinux ġew indirizzati b'mod xieraq, ħarġu fid-deher b'mod mill-aktar ċar.

L-UE kienet qed tbati minn dgħjufijiet strutturali qabel il-kriżi. 

Filwaqt li l-UE hija żona għanja, it-tkabbir ekonomiku tagħha fl-aħħar għaxar kien dgħajjef meta mqabbel ma' livelli internazzjonali (ara l-Grafika 1). F'termini ta' PDG kull ras, l-EU-27 hija ħafna aktar għanja mill-medja tal-G20, iżda għadha 'l isfel sew minn ħafna pajjiżi tal-OECD li mhux membri tal-UE, kif ukoll tal-OECD meħuda f'daqqa. Fl-istess ħin, il-prestazzjoni tat-tkabbir tagħha mill-2000 kienet ta' diżappunt kbir, taħt dik tal-ekonomiji żviluppati kollha ħlief tal-Ġappun u b'mod ċar taħt dik tal-biċċa l-kbira tal-ekonomiji emerġenti. Dan ifisser li d-differenza ma' ekonomiji oħra żviluppati qed tiżdied. Peress li d-differenza ma tistax tiġi spjegata bħala tnaqqis tad-distakk, il-prestazzjoni dgħajfa tat-tkabbir tal-UE bilfors li hija marbuta ma' dgħjufijiet strutturali. Meta wieħed imur lil minn mill-indikaturi tat-tip tal-PDG, din id-dehra ġeneralment negattiva taħbi ċerti punti qawwija fejn jidħlu livelli ta' għajxien, bħal ma huma inugwaljanza bejn il-pagi relattivament baxxa, stennija tal-ħajja għolja u prestazzjoni ambjentali relattivament qawwija (pereżempju kif imkejla minn emissjonijiet ta' CO2 għal kull unità ta'r produzzjoni).

Kien hemm diversi "xkiel" li żamm lura t-tkabbir fl-UE matul l-aħħar għaxar snin. Il-kontabbiltà standard tat-tkabbir turi li qabel il-kriżi (2001-07) il-produttività tal-ħaddiema kienet il-mutur ewlieni tat-tkabbir, filwaqt li l-utilizazzjoni tal-ħaddiema u ż-żieda fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol kienet responsabbli għal biss kwart tat-tkabbir totali; b'mod partikolari il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' żgħażagħ u rġiel fl-aqwa tagħhom, li naqset, u t-tnaqqis fis-sigħat ta ' xogħol maħduma, kienu qed iniżżlu 'l isfel it-tkabbir fl-EU-27 (ara l-Grafika 2). Il-kriżi kompliet iddallam id-dehra. Dan wassal għal tnaqqis fil-PDG, b'żieda qawwija fil-qgħad u tnaqqis sinifikanti fil-produttività totali tal-fatturi (total factor productivity – TFP), spjegata fil-biċċa l-kbira bit-tnaqqis qawwi li kien hemm fl-użu tal-kapaċità. Jidher ċar li l-UE u ż-żona tal-euro jinsabu taħt sew l-Istati Uniti kif ukoll il-Ġappun sew fejn jidħlu liveli ta' TFP kif ukoll ta' utilizzazzjoni tal-ħaddiema; dwar dan tal-aħħar, id-differenza hija profonda speċjalment fiż-żewġ estremi tal-firxa tal-etajiet, kif jidher mid-differenza ċara ħafna fir-rati tal-impjieg (ara l-Grafika 3).

Grafika 1: Livell u tkabbir tal-PDG

PDG kull ras fl-2010 (% differenza fil-konfront tal-EU-27 fi standard tal-kapaċità tal-akkwist - PPS)

Medja ta' tkabbir ekonomiku bejn l-2000 u l-2010

Grafika 2: Analiżi tat-tkabbir fil-PDG 

Grafika 3: Rata ta’ impjieg

Impjieg totali mqabbel mal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol 20-64

Grafika 4: Nefqa primarja reali mqabbla ma' tkabbir reali fil-PDG

Rati medji ta' tkabbir 2003-2007

Nota: L-ordni tal-Istati Membri sar skont kemm it-tkabbir fin-nefqa primarja reali medja huwa akbar mit-tkabbir fil-PDG medju reali.



Fis-snin ta' qabel il-kriżi, għadd ta' Stati Membri tal-UE ddevjaw mill-prinċipji bażiċi tal-tfassil prudenti tal-politika fiskali. Parti biss mill-qligħ sinifikanti mhux mistenni li ġie ġġenerat bl-espansjoni ekonomika bejn l-2003 u l-2007 ġie użat biex jaċċellera l-aġġustament fiskali. Parti, mhux negliġibbli, marret f'aktar infiq: ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa primarja qabżet ir-rata medja tat-tkabbir ekonomiku fi tnax-il Stat Membru tal-UE fiż-żminijiet it-tajba ta' qabel il-kriżi (2003-2007), f'xi każi fil-wisgħa (ara l-Grafika 4). In-natura mhux sostenibbli ta' din l-għażla politika dehret ċar hekk kif bdiet il-kriżi, meta l-kollass tal-introjti tal-gvern f'daqqa waħda kixef pożizzjonijiet baġitarji sottostanti vulnerabbli fejn f'ħafna każi kien hemm ftit, jew l-ebda, spazju fiskali biex tkun tista' ssir reazzjoni għat-tnaqqis ekonomiku.

Tul l-għaxar snin ta' qabel il-kriżi, l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE wkoll żdiedu b'mod konsiderevoli. F'xi Stati Membri żviluppaw żbilanċi domestiċi sinifikanti. Dan kien rifless fid-diverġenża qawwija fil-kontijiet kurrenti u fl-iżviluppi dwar il-kompetittività, kif jidher fil-Grafika 5 għaż-żona euro. Barra minn dan, xi Stati Membri taż-żona euro għaddew minn telf inkwetanti fejn jidħol is-sehem tagħhom fis-suq tal-esportazzjoni. L-iżbilanċi esterni ġew sostnuti minn livelli ta' pagi li ma jirriflettux l-iżviluppi fil-produttività, żieda eċċessiva fil-kreditu fis-settur privat, żieda esaġerata fil-prezzijiet fis-settur tal-akkomodazzjoni kif ukoll dgħjufijiet strutturali tad-domanda domestika 1 .

Grafika 5: Evoluzzjoni tal-kompetittività tal-prezzijiet mqabbla mal-bqija taż-żona euro 

(indiċijiet; 1998 = 100, iż-żidiet jirrappreżentaw telf fil-kompetittività)


Impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija reali u l-impjiegi

Grafika 6: PDG u l-impjiegi 

(2008Q1=100)

Sors: Eurostat; ECFIN, tbassir tal-ħarifa

Nota: il-profil għat-tbassir dwar l-impjiegi – disponibbli biss fuq bażi annwali - ġie interpolat b'mod lineari biex jinkiseb il-profil tiegħu fuq tliet xhur

It-tnaqqis qawwi fil-PDG qered bejn wieħed u ieħor erba' snin ta' tkabbir. It-telf fil-produzzjoni fl-2008 u l-2009 niżżel il-PDG tal-UE lura fil-livell li kien fih fl-2006. L-UE mistennija li tirkupra l-livell ta' produzzjoni li kien hemm fl-ewwel tliet xhur tal-2008 – qabel ma l-kriżi laqtet l-ekonomija reali – mhux qabel it-tieni tliet xhur tal-2012, skont it-tbassir ekonomiku tal-ħarifa 2010 tal-Kummissjoni (Grafika 6). Sa tmiem l-2011, għaxar Stati Membri biss mistennija li jkunu rritornaw għal-livelli ta' produzzjoni li kellhom fl-2008, jew li jkunu qabżuhom. Sa tmiem l-2012, ħdax-il Stat Membri jkunu għadhom mistennija li jibqgħu fuq livelli ta' produzzjoni li jkunu taħt dawk ta' qabel il-kriżi. Għad qed ikun projettat li, fi tmiem l-2012, l-impjiegi jibqgħu taħt il-livell tagħhom ta' qabel il-kriżi (b'aktar minn 1%).

Il-kriżi tat daqqa qawwija lis-soċjetajiet Ewropej b'żieda qawwija fil-qgħad. Il-qiegħda rrappreżentaw 7% tal-għadd totali ta' min lest jaħdem fl-EU-27 fl-2008. Fl-2010 kienu jgħoddu kważi 10%, bil-possibbiltà li r-rata tal-qgħad tibqa' fuq id-9% fl-2012, kif jidher fil-Grafika 7. Ir-rata tal-qgħad hija għolja b'mod partikolari, fejn taqbeż it-12%, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fis-Slovakkja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fi Spanja. Il-qgħad għat-tul – dawk li jkunu ilhom bla xogħol għal aktar minn sena - żdied b'mod qawwi u bħalissa jirrappreżenta madwar 40% tal-qgħad totali fl-UE. Dan jitfa' dawl fuq ir-riskju ta' esklużjoni għat-tul mis-suq tax-xoghol. Ir-rata tal-qgħad hija għolja b'mod partikolari fost dawk b'livelli baxxi ta' ħiliet, fost l-immigranti u fost iż-żgħażagħ. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ jiżboq l-20% f'aktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE u jilħaq it-42% f'pajjiż wieħed (fi Spanja).


Grafika 7: Rati ta' qgħad attwali u strutturali fl-EU-27 

(2008Q1=100)

Il-kriżi kompliet tnaqqas il-potenzjal għal aktar tkabbir permezz taż-żieda qawwija fil-qgħad strutturali u t-tnaqqis qawwi fir-rata tal-investiment. It-tkabbir tal-produzzjoni potenzjali fl-EU-27 mistenni li jkun partikolament baxx (1,1%) tul il-perjodu tat-tbassir (2010-12), dovut kemm għal tkabbir baxx fil-produttività kif ukoll għall-utilizazzjoni baxxa ta' ħaddiema. Is-sitwazzjoni mistennija li tkun anki aktar mwiegħra fiż-żona tal-euro, b'xejriet bejn wieħed u ieħor l-istess, iżda aktar gravi. L-użu anqas ta' ħaddiema huwa marbut maż-żieda qawwija fir-rata ta' qgħad strutturali (Grafika 7) iżda wkoll ma' aktar tnaqqis fl-għadd medju ta' sighat maħduma minn kull ħaddiem u t-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. It-tkabbir potenzjali se jkun ukoll affettwat minn akkumulazzjoni aktar bil-mod ta' kapital, ġej minn rati ta' investiment fost l-aktar baxxi li qatt kien hemm, minħabba l-kriżi, u minn tkabbir ta' produttività tal-fatturi totali batuta, li qed tirkupra bil-mod il-mod iżda biss lejn il-linja ta' qabel il-kriżi li diġà kienet dgħajfa.

Żbilanċi fiskali aggravaw, bi tnaqqis bilmod ta' żbilanċi makro

Grafika 8: Livell ta' dejn pubbliku fl-2008 u t-tbassir dwar kif għandu jikber bejn l-2008-2012 

(% GDP)

 Sors: ECFIN, tbassir tal-ħarifa 

Il-kriżi kellha impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-euro u fl-UE. Fi żmien perjodu qasir, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG żdied b'mod qawwi fi kważi l-Istati Membri kollha, u dan xejjen għal kollox il-progress moderat li kien hemm fis-snin ta' qabel il-kriżi (ara l-Grafika 8). Fi tmiem l-2010, id-dejn gross tal-gvern mistenni li jkun tela' għal madwar 84% tal-PDG fiż-żona tal-euro u madwar 79% tal-PDG fl-UE, madwar 20 punti perċentwali fuq il-livelli tal-2007. Bl-għażliet ta' politika li jeżistu bħalissa, din ix-xejra għandha għax tibqa' għaddejja.

Id-deterjorament qawwi li hemm bħalissa fil-finanzi pubbliċi jirriżultaw minn tnaqqis mid-dħul u aktar pressjonijiet fuq in-nefqa kif ukoll stimuli fiskali diskrezzjonali. Il-finanzi tal-gvern f'xi Stati Membri saru dipendenti fuq sorsi ta' dħul li huma jew ċikliki ħafna jew inkella temporanji. Dan ikkontribwixxa għall-kollass fl-introjti tal-gvern, meta seħħet kontrazzjoni qawwija fl-attività ekonomika filwaqt li l-infiq tal-gvern inżamm bejn wieħed u ieħor fil-livell kif ippjanat qabel. L-Istati Membri ħallew lill-istabbilizzaturi awtomatiċi tagħhom jaħdmu b'mod sħiħ, ħaġa li taffiet l-impatt tal-kriżi globali fuq l-ekonomija reali. Madankollu, peress li dan ma kienx suffiċjenti biex jitrażżan it-tnaqqis fid-domanda u biex jiġi evitat ir-riskju li s-sistemi finazjarji jitfarrku, il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet tal-UE implimentaw ukoll miżuri fiskali diskrezzjonali taħt il-qafas komuni tal-Programm Ewropew tall-Irkupru Ekonomiku mniedi mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2008. 

Din il-pressjoni addizzjonali reċenti fuq il-finanzi pubbliċi ġiet b'żieda mal-effetti negattivi fuq il-finanzi pubbliċi tal-fatt li l-popolazzjoni qed tavvanza fl-età. Dan il-proċess kien ilu jberren għal żmien twil, u jekk ma jsirux riformi malajr, se jkun żgur ta' piż baġitarju għat-tul, ħaġa li se tkompli taggrava s-sitwazzjoni fiskali li diġà tqanqal tħassib. Jekk il-politika tibqa' kif inhi, is-sostenn pubbliku għall-anzjani fejn jidħol l-għoti tal-pensjonijiet u ta' benefiċċji oħra marbuta mal-età (kura tas-saħħa u kura għat-tul) mistennija li tiżdied b'xi 4½ punti perċentwali tal-PDG fl-UE matul il-50 sena li ġejjin. F'madwar terz tal-Istati Membri, iż-żieda fin-nefqa tal-gvern marbuta mal-avvanz tal-età mistennija li tiżboq is-7 punti perċentwali tal-PDG.

Il-kriżi kkoreġiet biss parzjalment, u b'mod temporanju, l-iżbilanċi kbar makroekonomiċi li kien hemm f'ħafna Stati Membri qabel ma faqqgħet. Hekk kif ir-reċessjoni ta' bħalissa rrestrinġiet id-domanda eċċessiva u neħħiet jew taffiet attivitajiet li joħolqu diverġenza (jiġifieri żidiet eċċessivi fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u l-espansjoni tal-kreditu), naqsu l-iżbilanċi sfavorevoli fil-kont kurrenti. Madankollu, l-iżbilanċi fil-kont kurrenti ta' bħalissa għadhom sinifikanti, speċjalment fi ħdan iż-żona euro, u mhumiex mistennija li jbattu malajr, kif jidher fil-Grafika 9. Il-Grafika 10 turi li dawk l-Istati Membri tal-UE li kellhom defiċit kbir (bilanċ favorevoli) fil-bilanċ tal prodotti u servizzi fil-bidu tal-kriżi ġeneralment kienu għadhom b'defiċit (bilanċ favorevoli) sentejn wara, meta l-attività ekonomika bdiet tirranka. Dan huwa riflessjoni parzjali ta' dgħjufijiet strutturali, bħal ma huma dgħjufijiet fid-domanda domestika (f'pajjiżi fejn hemm bilanċ favorevoli) u kompetittività dgħajfa ta' prezzijiet u kosti, ħafna drabi f'għaqda ma' livelli għolja ta' dejn (f'pajjiżi b'defiċit).

Grafika 9: Analiżi tal-kont kurrenti, żona tal-euro

Grafika 10: Bilanċ ta' prodotti u servizzi u l-bidliet imbassra sal-2010

(valuri pożittivi= bilanċ favorevoli; valuri negattivi= defiċiti; % GDP) 

Sors: Tbassir tal-ECFIN tal-ħarifa

Nota: L-Istati Membri taż-żona euro huma identifikati bħala pajjiżi ta' bilanċ favorevoli jew defiċit abbażi tal-pożizzjoni tagħhom fejn jidħol il-kont kurrenti fl-2006.



Il-ħtieġa għal reazzjonijiet differenzjati ta' politika fost l-Istati Membri

Grafika 11: Kundizzjonijiet differenzjati ta' bidu fl-2010

Defiċit pubbliku/importazzjonijiet netti ta' oġġetti u servizzi**

 

Dejn pubbliku/defiċit tal-kont estern*

Sors: ECFIN, tbassir tal-ħarifa

*Id-defiċit tal-kont estern ifisser teħid b'self nett vis-à-vis l-bqija tad-dinja (kont kurrenti biż-żieda ta' tranżazzjonijiet ta' kapital). Dan il-kunċett juri l-bidla annwali fid-dejn estern.

** L-importazzjonijiet netti ta' oġġetti u servizzi jissejħu wkoll "defiċit fil-bilanċ ta' oġġetti u servizzi", u huma direttament influwenzati mill-kompetittività tal-prezzijiet. Il-bilanċ favorevoli tal-Lussemburgu jaqbeż it-30% tal-PDG, lil hinn mil-limiti ta' din il-grafika. 

L-Istati Membri tal-UE esperjenzaw kundizzjonijiet fiskali u esterni differenti ħafna, li jeħtieġu politiki li jkunu magħmulin apposta. Il-Grafika 11 turi b'mod illustrattiv u permezz ta' indikaturi differenti, li ċerti Stati Membri qegħdin jaffaċċjaw sfidi partikolarment pressanti biex jaġġustaw il-finanzi pubbliċi mhux sostenibbli tagħhom u jikkorreġu l-iżbilanċi esterni tagħhom. Approċċ uniformi mhux se jirnexxi, u l-prijoritajiet tal-Istati Membri fl-2011-2012 għandhom ikunu ffurmati inter alia mir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali u l-ħtieġa biex jiġu kkorreġuti l-iżbilanċi. L-Istati Membri li għandhom żbilanċi kbar fiskali u/jew makroekonomiċi qed jaffaċċjaw pressjoni kbira fuq l-għażliet politiċi tagħhom u għandhom, bħala kwistjoni ta' prijorità, jikkorreġu l-iżbilanċi eżistenti. L-Istati Membri li m'għandhomx problemi makroekonomiċi maġġuri jew riskji evidenti għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu s-sostenituri tat-tkabbir fit-tul, filwaqt li jipprevjenu l-okkorrenza ta' żbilanċi futuri.

2.Il-kontroll tad-dejn pubbliku permezz ta' konsolidazzjoni fiskali rigoruża u dewwiema

Il-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni issa

Grafika 12: Defiċits strutturali u MTOs

(% GDP)

Filwaqt li l-kriżi laqtet il-baġits tal-gvernijiet bejn l-Istati Membri tal-UE kollha, l-istat attwali tal-finanzi pubbliċi jvarja b'mod sinifikanti fl-Istati Membri. Kif indikat fil-Grafika 12, id-differenza bejn id-defiċit – ikkorreġut għaċ-ċiklu ekonomiku u l-miżuri ta' darba, jiġifieri d-defiċit strutturali – u l-objettiv baġitarju għall-medda medja ta’ żmien (MTO) hija partikolarment kbira (iktar minn ħames punti ta' perċentwal tal-PDG) fi tnax-il Stat Membru. L-Istati Membri li adottaw politika fiskali iktar prudenti qabel il-kriżi ekonomika mingħajr preċedent jinsabu f'sitwazzjoni relattivament aħjar. Huma akkumulaw inqas żbilanċi fiskali matul il-kriżi peress li kellhom iktar spazju fiskali biex jiġġieldu kontra r-riċessjoni.

L-irtirar tal-istimolu fiskali diskrezzjonarju implimentat matul il-kriżi mhux se jkun biżżejjed sabiex jerġa' jkun hemm sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG se jiddgħajjef minħabba l-akkumulazzjoni tad-defiċits pubbliċi u anke minħabba l-obbligi impliċiti previsti minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tkabbir dgħajjef mistenni fuq żmien medju fiż-żona tal-euro u fl-UE. Barra minn hekk, il-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern fl-UE issa laħqu livelli li lil hinn minnhom is-self tal-gvern se jfixkel it-tkabbir ekonomiku pjuttost milli jistimulah. Il-ħlas ta' interessi fuq livelli għoljin tad-dejn pubbliku jeħtieġ taxxi ogħla li jistgħu jkunu ta' tfixkil u ma jħallix spazju għall-infiq produttiv tal-gvern permezz ta' nefqa ogħla tal-interessi jew it-tnejn li huma. Iż-żieda addizzjonali tad-dejn x'aktarx ukoll li se żżid iktar il-premia tar-riskju fuq il-bonds tal-gvern, tgħolli iżjed il-piż tal-interessi fuq id-dejn, u b'hekk toħloq dinamika mhux sostenibbli u eventwalment titfa' dubju fuq is-solvenza tal-gvernijiet fis-swieq finanzjarji. 

L-isforz ta' aġġustament, li huwa meħtieġ sabiex il-finanzi pubbliċi jerġgħu jitpoġġew fit-triq sostenibbli, huwa sinifikanti ħafna u għandu jkun ikkumplimentat b'politiki ta' tkabbir. Simulazzjonijiet sempliċi jindikaw li t-tijib annwali tal-bilanċ tal-baġit strutturali ta' 0,5% tal-PDG – il-limitu konvenzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (SGP) – ovvjament mhux se jkun biżżejjed f'ħafna Stati Membri tal-UE biex iressqu l-proporzjon tad-dejn mal-PGD qrib il-limitu bbażat fuq it-Trattat ta' 60% tal-PDG fil-futur prevedibbli (ara l-Grafika 13). Korrezzjonijiet fiskali biss ta' 1% tal-PDG kull sena jew iktar se jpoġġu l-livelli tad-dejn fil-perċentwal tal-PDG f'niżla soda f'dawn l-għoxrin sena li ġejjin. Madankollu, il-konsolidazzjoni fiskali, filwaqt li hija assolutament neċessarja, tista' ma tkunx dejjem biżżejjed biex twaqqaf d-dinamiċi ħżiena tad-dejn malajr u għal żmien twil. It-tkabbir tal-produzzjoni iktar b'saħħtu huwa indispensabbli biex jiżdied id-dħul fiskali u jnaqqas in-nefqiet relatati mal-qgħad, filwaqt li awtomatikament inaqqas il-livell tad-dejn espress bħala sehem tal-PDG.

Grafika 13: Il-projezzjoni tad-dejn pubbliku fl-UE

Perċentwal tal-PDG 

Nota: Il-projezzjonijiet jassumu r-rata ta' konsolidazzjoni speċifika għal kull Stat Membru sakemm jikseb l-objettiv baġitarju għal medda medja ta' żmien (MTO). 

Minħabba dan, dawk li jfasslu l-politiki fiskali fl-UE qed jaffaċċjaw sfida doppja kbira: ippoġġu l-politika fiskali lura fit-triq sostenibbli filwaqt li jipproteġu jew isostnu t-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fi żmien qasir. Fiċ-ċirkustanzi attwali, hemm raġuni għalfejn wieħed jemmen li jekk jiġu rranġati l-finanzi pubbliċi, dan se jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku fiż-żmien medju. Id-dewmien tal-aġġustament fiskali se jkun biss qed jevita u jkabbar il-problema. Dan se jikkomprometti b'mod gravi l-ħila tagħna biex niffurmaw b'mod attiv il-futur tagħna, u jpoġġi l-ġenerazzjonijiet tal-futur f'riskju kbir.

Minkella li l-livell ta' urġenza mhuwiex l-istess fl-Istati Membri kollha, il-konsolidazzjoni tibqa' għażla politika ewlenija għal kulħadd. Fl-2010, il-politika fiskali baqgħet issostni d-domanda aggregata fl-UE u fiż-żona tal-euro. Peress li l-irkupru ekonomiku hu mistenni li jaqbad ir-ritmu b'mod gradwali fis-snin li ġejjin, wasal iż-żmien li tinbidel il-qagħda tal-politika. L-Istati Membri li għandhom defiċits tal-baġits strutturali kbar ħafna jew proporzjonijiet għoljin ħafna tad-dejn pubbliku mal-PDG għandhom jaħdmu biex jagħmlu l-aġġustament tagħhom fl-2011-12. Dan għandu jkun il-każ partikolarment għal dawk l-Istati Membri li qed jaffaċċjaw livelli għoljin ta' diffikultà finanzjarja: ċerti Stati Membri bħal pereżempju l-Greċja u l-Irlanda se jaċċelleraw l-aġġustament tagħhom fis-sentejn li huma, filwaqt li Spanja u l-Portugall se jagħmlu hekk fl-2012 biss.

Ingredjenti ewlenin għal konsolidazzjoni dewwiema u favur it-tkabbir

L-Istorja tagħti evidenza ċara dwar kif il-konsolidazzjoni fiskali tista' tkun ta' suċċess fir-rigward kemm tal-effett dewwiemi fuq il-finanzi pubbliċi tul iż-żmien kif ukoll l-impatt fuq it-tkabbir ekonomiku. Il-lezzjonijiet tal-imgħoddi jikkonċernaw ħames dimensjonijiet relatati ma' xulxin tat-tfassil tal-politika fiskali: il-kompożizzjoni tal-aġġustament fiskali, il-kredibilità tal-istrateġija tal-politika, il-kuntest istituzzjonali, l-inizjattivi politiċi komplimentattivi u l-kondiviżjoni tal-piż fis-soċjetà.

(1)Il-kompożizzjoni tal-aġġustament fiskali: Il-fattur waħdieni l-iktar importanti li jiddiskrimina bejn is-suċċess u l-falliment tal-konsolidazzjoni fiskali hija l-kompożizzjoni tal-aġġustament. Il-korrezzjonijiet li huma bbażati fuq in-nefqa, speċjalment il-korrezzjonijiet tan-nefqa primarja attwali, x'aktarx illi se jipproduċu titjib dewwiemi fil-finanzi pubbliċi u impatt inqas serju, u li f'ċerti ċirkostanzi jista' jkun anke impatt pożittiv, fuq it-tkabbir ekonomiku fiż-żmien qasir, milli korrezzjonijiet ibbażati fuq id-dħul. It-trażżin tal-iżviluppi tan-nefqa huwa inqas ta' tfixkil għat-tkabbir milli ż-żieda tal-piż tat-taxxa, li diġà huwa għoli fl-UE minkejja li jeżistu varjazzjonijiet sinifikanti fost l-Istati Membri. Fir-rigward tal-kredibilità, it-tnaqqis fin-nefqa juri impenn iktar qawwi min-naħa tal-gvern biex isegwi l-isforzi ta' konsolidazzjoni. Iż-żidiet fid-dħul u t-tnaqqis fin-nefqa fl-investimenti jistgħu jkunu eħfef biex jiġu implimentati b'mod politiku, iżda huma ta' piż fuq il-prospetti ta' tkabbir għal żmien medju u fit-tul ta' ekonomija u ħafna drabi jitneħħew maż-żmien. F'ħafna Stati Membri, il-kontroll tan-nefqa se jiġi ssupplimentat minn miżuri li jżidu d-dħul. Għandha tingħata wkoll attenzjoni dovuta lill-kwalità tat-tassazzjoni, billi jinġabar id-dħul b'mod effiċjenti u billi jitnaqqas l-impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku filwaqt li jiġu kkunsidrati konsiderazzjonijiet ta' ekwità. It-twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa, pereżempju billi jitneħħew l-eżenzjonijiet mit-taxxa li huma ta' ħsara għall-ambjent huwa preferibbli minn żieda tar-rati tat-taxxa. Ċerti nefqiet tat-taxxa eżistenti jistgħu ma jkollhom l-ebda raġuni ekonomika soda jew inkella jipprovdu inċentivi li mhumiex konformi mal-għanijiet orġinali tagħhom. It-taxxa fuq il-proprjetà immobbli segwita mit-taxxi tal-konsum, inklużi taxxi relatati mal-ambjent, huma l-inqas ta' tfixkil, filwaqt li t-taxxi tad-dħul personali u t-taxxi tad-dħul korporattiv jistgħu jkollhom impatt li jkun iktar ta' ħsara fuq it-tkabbir.

(2)Il-Krebilità tal-istrateġija politika: Pjanijiet konvinċenti u kredibbli jistgħu joħolqu aspettattivi tat-tnaqqis tar-rati ta' interessi reali u tal-obbligi tat-taxxa futuri u, għalhekk, għandhom il-potenzjal li jsaħħu n-nefqa tal-konsum ta' unitajiet domestiċi privati u n-nefqa f'investimenti ta' kumpaniji. Fil-prattika, il-kredibilità ta' pjan ta' aġġustament multiannwali tista' tissaħħaħ permezz ta' leġiżlazzjoni li tistabbilixxi b'mod vinkolanti pjan direzzjonali ta' miżuri suċċessivi li jikkontribwixxu għal aġġustament ppjanat multiannwali.

(3)Istituzzjonijiet fiskali: Is-suċċess tal-konsolidazzjoni fiskali tiddependi wkoll fuq il-kapaċità tal-gvern li jimplimenta b'mod effettiv il-miżuri politiċi miftiehma permezz ta' oqfsa fiskali nazzjonali xierqa. Il-kwalità tal-arranġamenti istituzzjonali u proċedurali li jirregolaw l-politiki baġitarji, bħal pereżempju r-regoli fiskali u l-oqfsa fiskali multiannwali, tinfluwenza l-ħila tal-gvern biex ifassal u jpoġġi fil-prattika b'mod effettiv l-programmi ta' konsolidazzjoni fiskali mingħajr ma joħloq tensjonijiet politiċi u ekonomiċi żejda.

(4)Politiki ta' appoġġ: Il-politiki baġitarji tipikament jinteraġixxu ma' strumenti oħra tat-tfassil tal-politika ekonomika. Dan huwa wkoll il-każ għall-konsolidazzjoni fiskali. L-implimentazzjoni komplimentari tar-riformi strutturali se żżid il-probabbiltà li tinkiseb korrezzjoni fiskali dewwiema, li tipproteġi wkoll it-tkabbir ekonomiku fiż-żmien qasir. Il-mezzi li permezz tagħhom ir-riformi strutturali jgħinu l-konsolidazzjoni fiskali huma tnejn: direttament billi jillimittaw jew inaqqsu t-tendenzi ta' nefqa eżistenti, u indirettament billi jtejbu l-funzjonament tas-swieq li, fl-aħħar mill-aħħar, isostnu l-attività ekonomika. Fir-realtà, hija d-dimensjoni tar-riforma strutturali li tikkonferixxi u tiżgura l-karattru dewwiemi ta' aġġustament fiskali. Ċerti riformi strutturali, b'mod speċjali r-riformi tas-sistemi tal-pensjonijiet, jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq il-finanzi pubbliċi fiż-żmien medju permezz ta' trażżin tan-nefqiet u żieda tal-provvista tal-ħaddiema.

(5)Aġġustamenti fiskali bbilanċjati soċjalment: L-iżgurar ta' baġits pubbliċi sodi hija kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi evitat li d-dejn pubbliku li qed jiżdied mingħajr kontroll jipperikola s-sistemi tagħna ta' sigurtà soċjali fil-futur. Sabiex tinkiseb l-aċċettazzjoni politika neċessarja, il-piż tal-aġġustament jeħtieġ li jkun imqassam b'mod ġust bejn l-livelli differenti tas-soċjetà. L-aġġustamenti li jiffavorixxu kostitwenzi speċifiċi x'aktarx li se jitneħħew hekk kif tinbidel il-kompożizzjoni politika tal-gvernijiet u għalhekk jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-aġġustament fiskali.

Prijoritajiet politiċi

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija hawn fuq, jeħtieġ li ssir azzjoni speċjalment f'dawn l-oqsma li ġejjin fl-2011-2012:

F'livell tal-UE, il-proposti leġiżlattivi biex isaħħu l-governanza ekonomika għandhom ikunu adottati skont il-ftehim mgħaġġel bejn il-koleġiżlaturi.

Il-konsolidazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE għandha bilfors tibda – jew tkompli – fl-2011. Il-pass ippjanat tal-konsolidazzjoni fiskali għandu jkun ambizzjuż, u se jkollu jaqbeż sew il-limitu ta' 0,5% tal-PDG kull sena f'termini strutturali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. L-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw defiċits kbar ħafna ta' baġit strutturali, livelli għoljin ħafna ta' dejn pubbliku jew livelli għoljin ta' diffikultà finanzjarja jeħtieġu li jagħmlu l-isforzi tagħhom b'mod bikri fl-2011. Fejn it-tkabbir ekonomiku jew id-dħul ikunu ogħla milli mistenni, il-konsolidazzjoni fiskali għandha tkun mgħaġġla.

L-Istati Membri li jinsabu fi proċedura ta' defiċit eċċessiv għandhom jistipulaw pjan ta' nefqa u l-miżuri ġenerali li bi ħsiebhom jieħdu sabiex jiksbu t-tneħħija tad-defiċits eċċessivi.

L-Istati Membri kollha għandhom l-ewwel u qabel kollox jaġġustaw in-nefqa tal-gvern, filwaqt li jipproteġu n-nefqa favur it-tkabbir, pereżempju fil-qasam tal-infrastruttura pubblika, l-edukazzjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni. L-Istati Membri kollha, speċjalment dawk li jinsabu fi proċedura ta' defiċit eċċessiv, għandhom isegwu politika fiskali prudenti billi jżommu t-tkabbir tan-nefqa pubbliku ferm taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG ta' żmien medju. Dan għandu jkun kumplimentat bi sforzi biex iżidu l-kosteffiċjenza tan-nefqiet pubbliċi. Fejn il-ħtiġijiet ta' aġġustament huma partikolarment pressanti, in-nefqa għandha titnaqqas. L-Istati Membri kollha jridu juru li l-Programmi tagħhom ta' Stabbiltà jew Konverġenza huma bbażati fuq tkabbir prudenti u tbassir tad-dħul.

Meta tkun meħtieġa kontribuzzjoni mit-taxxi, it-tfixkil ekonomiku għandhu jitnaqqas. Fuq kwalunkwe livell speċifiku tal-piż tat-taxxa ġenerali, is-sistemi tat-taxxa għandhom jiġu riveduti sabiex ikunu iktar favur l-impjieg, l-ambjent u t-tkabbir, pereżempju permezz ta' "riformi tat-taxxa ekoloġika" li tikkonsisti fiż-żieda tat-taxxi ekoloġiċi filwaqt li jnaqqsu taxxi oħra li huma iktar ta' tfixkil. It-twessigħ tal-bażi tat-taxxa huwa preferibbli minn żieda tar-rati tat-taxxa.

Ir-riformi tal-pensjonijiet, li huma maħsuba inter alia biex jgħollu l-età effettiva tal-irtirar, għandhom ikunu adottati u implimentati mingħajr dewmien. Dan se jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jwassal għal żieda fil-popolazzjoni attiva. Hemm bżonn li s-sistemi tal-kura tas-saħħa jkunu sorveljati ferm sew u, fejn meħtieġ, ikunu riformati sabiex jiżguraw kosteffiċjenza u sostenibbiltà ikbar, speċjalment fir-rigward tat-tixjiħ demografiku. 

L-Istati Membri huma mħeġġa biex itejbu l-oqfsa fiskali domestiċi tagħhom, fil-qasam tas-sistemi nazzjonali tal-kontabbiltà pubblika u l-istatistika, it-tbassir makroekonomiku u baġitarju, ir-regoli fiskali numeriċi, l-oqfsa baġitarji ta' żmien medju, it-trasparenza tal-finanzi ġenerali tal-gvern u l-ambitu komprensiv ta' oqfsa baġitarji.

3.is-settur finanzjarju jitranġa malajr sabiex tinstab it-triq għall-irkupru

Grafika 14: Għoti b'self mill-banek fl-UE

Sors: BĊE

Hemm korrelazzjoni qawwija bejn espansjoni tajba tal-kreditu u żvilupp ekonomiku sostnut. Hekk kif bdiet il-kriżi finanzjarja, it-tkabbir tal-kreditu naqas, speċjalment fis-self korporattiv, peress li l-banek għamlu l-istandards ta' kreditu iktar stretti u d-domanda tal-kumpaniji għal finanzjament hija baxxa minħabba l-perspettiva dgħajfa ekonomika. Sa mill-bidu tal-2010, wieħed jista' jinnota żieda fis-self, li tikkoinċidi ma' rkupru kajman (ara l-Grafika 14). L-Istħarriġ tal-BĊE ta' Ottubru tal-2010 dwar is-Self Bankarju jindika li l-banek waqfu milli jagħmlu l-kundizzjonijiet ta' self iktar stretti għall-impriżi u huwa mistenni li jitnaqqsu l-istandards għall-unitajiet domestiċi. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta' self mhumiex konsistenti ma' rkupru ekonomiku qawwi, speċjalment fir-rigward ta' self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (ara t-tabella fl-Anness).

Huwa essenzjali li titranġa l-karta tal-bilanċ fis-settur bankarju sabiex titjib il-kosteffiċjenza, jerġa' jkun hemm il-kompetittività u jsir ritorn għal self normali. Madankollu, il-perspettiva tal-profitabbiltà tal-banek hija inċerta fost irkupru li huwa pjuttost kajman, skoperturi qawwija fis-settur tal-proprjetà immobbli u tensjonijiet fis-suq tad-dejn sovran. Ir-reazzjoni negattiva mill-ekonomija reali għas-settur finanzjarju ġiet imsaħħa f'ċerti Stati Membri b'dejn għoli tal-unitajiet domestiċi u tas-settur korporattiv mhux finanzjarju. Minħabba f'hekk, il-livell ta' self inadempjenti żdied b'mod konsiderevoli u jista' jkompli jiżdied fiż-żmien qasir (Grafika 15). Riċentement, is-sitwazzjoni ġenerali tas-settur bankarju indikat titjib tentattiv, bi profitti ogħla u tisħiħ tar-riżervi tal-kapital, minkejja li f'ċerti każijiet irriflettiet injezzjonijiet tal-kapital mill-gvern.

Il-waqfien malajr ta' kull appoġġ pubbliku importanti lill-banek se jneħħi tfixkil possibbli lill-kompetizzjoni fl-industrija finanzjarja. F'iktar min-nofs l-Istati Membri, l-assistenza tal-gvern qabżet il-5% tal-PDG u inkludiet miżuri bħal pereżempju l-injezzjonijiet tal-kapital, l-interventi tal-likwidità, u s-salvataġġ tal-assi u garanziji (ara l-Grafika 16). Inbdew strateġiji ta' waqfien tal-appoġġ pubbliku lill-banek filwaqt li nżammet flessibbiltà sabiex jiġi indirizzat tħassib eventwali ta' stabbiltà makro-finanzjarja. Għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti transkonfinali tal-interventi pubbliċi minħabba l-integrazzjoni finanzjarja għolja fl-Unjoni Ewropea kif murija mil-livell tal-assi tas-settur bankarju barrani li jilħaq il-50% tal-PDG għal ħafna Stati Membri (ara l-Grafika 14).

Grafika 15: Self li ma jrendix fl-UE

Perċentwal mit-total ta’ self

Grafika 16: Interventi pubbliċi fis-settur bankarju tal-UE 

Sors: BĊE, FMI

Sors: Servizzi tal-Kummissjoni (Jannar 2010). 

Il-kunfidenza fis-settur bankarju hija prerekwiżit biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja. Waħda mill-għodod biex tinżamm il-kunfidenza fuq il-ħeffa tal-istrateġiji tal-ħruġ hija l-eżerċizzju tal-ittestjar tal-istress. L-għan tal-eżerċizzju huwa biex tiġi evalwata r-reżiljenza tas-settur bankarju għal avvenimenti bi probabbiltà żgħira li jseħħu imma li jħallu impatt qawwi. Is-sensittività tar-riżerva ta' kapital tiġi eżaminata għal kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji negattivi. Fuq il-bażi ta' assunzjonijiet rigorużi, l-eżerċizzju li jmiss tal-ittestjar tal-istress madwar l-UE se jsir fl-2011. Ir-riżultati tal-eżerċizzju li jmiss ser ikunu disponibbli f'Ġunju 2011. Kooperazzjoni tajba fost is-superviżuri nazzjonali u l-awtoritajiet tal-UE hija kritika f'dan il-kuntest kif ukoll komunikazzjoni ċara u trasparenti tar-riżultati u l-implikazzjonijiet tagħhom. 

Grafika 17: Assi tas-settur bankarji barra 'l pajjiż 

Perċentwal tal-PDG

Grafika 18: Total tal-assi tas-settur bankarju 

Perċentwal tal-PDG 

Sors: BIS, Eurostat

Sors: BĊE

Il-kriżi riċenti esponiet differenza ċara fil-qafas regolatorju tal-UE għas-settur bankarju u saħħet il-każ għal azzjoni fil-livell tal-UE. L-interkonnessjoni tal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri tal-UE - u ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE - tissottolinea l-importanza li jiġu sorveljati l-iżviluppi fis-settur finanzjarju f'kuntest internazzjonali. Id-daqs tal-assi tas-settur bankarju mkejla bħala perċentwali tal-PDG jindika l-vulnerabbiltà partikolari ta' xi Stati Membri f'kaz ta' kriżi sistemika u insuffiċjenza ċara tal-mezzi fiskali biex jindirizzaw taqlib finanzjarju maġġuri (Tabella 18). Għalhekk, fil-livell tal-UE il-qafas regolatorju u superviżorju ssaħħaħ u għandu jitlesta malajr. F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni indikat l-għanijiet tal-qafas legali għall-ġestjoni tal-kriżi fis-settur finanzjarju, li se jiġi propost fir-rebbiegħa tal-2011. L-għan prinċipali huwa li bank jitħalla jfalli – irrispettivament mid-daqs tiegħu – filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi bankarji essenzjali, jiġi minimizzat l-impatt ta' dak il-falliment fuq is-sistema finanzjarja u jiġu evitati l-ispejjeż lil dawk li jħallsu t-taxxa. Dan huwa essenzjali biex jiġi evitat 'il-periklu morali' li jfiġġ mill-perċezzjoni li xi banek huma kbar wisq biex jitħallew ifallu. Apparti li l-awtoritajiet jiġu mgħammra b'għodod u setgħat komuni u effettivi biex jindirizzaw kriżi bankarja, huwa essenzjali wkoll li tiġi żgurata kooperazzjoni bla problemi fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kemm qabel kif ukoll matul kriżi.

"Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà" permanenti se jiġi stabbilit fiż-żona tal-euro mill-Istati Membri biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro b'mod ġenerali. Dan jissostitwixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni li hemm bħalissa, li jikkonsisti fil-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) li se jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju 2013. 

Ir-regoli Basel III jimponu kundizzjonijiet aktar stretti ta' kapital fuq il-banek, u b'hekk isaħħu l-istabbiltà makro-finanzjarja. F'Settembru tal-2010, il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja ħabbar tisħiħ sostanzjali ta' definizzjonijiet eżistenti tal-kapital. B'mod ġenerali, il-kapital tal-banek se jkun aktar baxx skont id-definizzjoni l-ġdida, li jżid id-differenza bejn il-kundizzjonijiet regolatorji. Apparti definizzjonijiet aktar stretti, il-kundizzjonijiet minimi tal-kapital se jiżdiedu wkoll gradwalment.

Prijoritajiet politiċi

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li ġew sottolineati hawn fuq, hemm bżonn ta' azzjoni b'mod partikolari fl-oqsma segwenti fl-2011-2012. F'dan, il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE hija ta' importanza eċċezzjonali.

Ir-ristrutturar tal-banek, u partikolarment ta' dawk li rċevew ammonti sinifikanti ta' għajnuna mill-Istat huwa essenzjali biex tiġi restawrata l-vijabbiltà fit-tul tagħhom u jiġi żgurat kanal tal-kreditu li jiffunzjona tajjeb. Ir-ristrutturar tal-banek għalhekk jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u jissottolinea l-provvediment tal-kreditu lill-ekonomija reali. L-appoġġ finanzjarju pubbliku għas-settur bankarju b'mod ġenerali għandu jiġi rtirat b'mod gradwali, billi jittieħed kont tal-bżonn tas-salvagwardjar tal-istabbiltà finanzjarja.

Huwa meħtieġ progress biex jiġi stabbilit mekkaniżmu permanenti biex jiġu solvuti kriżijiet ta' dejn sovran biex is-swieq finanzjarji jkollhom ċertezza u stabbiltà. Fl-2013, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà se jipprovdi stabbiltà lis-swieq u jikkumplimenta l-qafas ġdid għal governanza ekonomika rinfurzata, bil-għan ta' sorveljanza ekonomika effettiva u rigoruża, inkluż reviżjoni tal-effettività tas-salvagwardji finanzjarji kurrenti.

L-implimentazzjoni tar-riformi finanzjarji trid tkompli, inkluż rinfurzar tal-qafas regolatorju u superviżorju u l-indirizzar tan-nuqqasijiet tas-suq esposti mill-kriżi. Fil-livell tal-UE, il-qafas regolatorju jrid jiġi rinfurzat aktar, filwaqt li l-kwalità tas-superviżjoni trid tittejjeb mill-ESRB u mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, li huma operazzjonali mill-bidu tal-2011.

Il-banek se jkunu obbligati li progressivament jsaħħu l-bażi kapitali tagħhom biex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jirreżistu disturbi negattivi. Dan jikkonforma mal-qafas Basel III li ntlaħaq qbil dwaru riċentement. Barra minn hekk, test tal-istress ieħor, aktar ambizzjuż u strinġenti, madwar l-UE, se jsir fl-2011 bil-għan li jevalwa r-reżiljenza tas-settur bankarju.

4.Riformi strutturali biex jappoġġjaw it-tkabbir u jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomiċi

Ir-riformi strutturali jistgħu jservu żewġ għanijiet: li jirrestawraw is-sostenituri ewlenin tat-tkabbir, u jipprevjenu jew jikkoreġu l-iżbilanċi bħala kundizzjoni ewlenija għat-tkabbir. Dawn ir-riformi jistgħu jsaħħu l-użu tal-ħaddiema u l-produttività tal-ħaddiema. Ir-riformi strutturali jistgħu jgħinu wkoll biex isaħħu l-kompetittività u jnaqqsu l-iżbilanċi esterni fl-immedjat billi jnaqqsu r-riġiditajiet fil-prezzijiet u fil-pagi. L-iffaċilitar tar-riallokazzjoni meħtieġa tal-ħaddiema u l-kapital bejn is-setturi u l-kumpaniji huwa strumentali kemm għat-tkabbir kif ukoll għat-tnaqqis tal-iżbilanċi esterni. Filwaqt li ħafna miżuri strutturali jistgħu jappoġġjaw kemm it-tkabbir kif ukoll l-aġġustament makroekonomiku, xi wħud minnhom, bħall-politiki tal-edukazzjoni, jeħtieġu aktar żmien biex jagħtu riżultati u huma aktar adatti biex isostnu t-tkabbir fuq perjodu fit-tul. Minkejja dan, ma jfissirx li għandha tiġi posposta azzjoni biex jissaħħu dawn il-politiki.



Riformi aċċelerati biex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi

Fin-nuqqas ta' politiki deċiżivi, it-tkabbir potenzjali x'aktarx li jibqa' dgħajjef fid-deċennju li jmiss 2 . Matul il-perjodu 2011-20, ir-rata ta' tkabbir potenzjali medja hija proġettata li tkun 1½% fl-EU-27 fin-nuqqas ta' bidliet ta' politika, kif jidher fit-Grafika 19. Dan huwa ferm anqas mir-rati osservati fl-UE fl-aħħar żewġ deċennji, li kienu, wara kollox, aktar baxxi minn dawk osservati fl-Istati Uniti. Dan huwa minħabba nuqqas ta' utilizzazzjoni tal-ħaddiema fiż-żmien ta' wara l-kriżi, flimkien ma' tnaqqis fil-ħaddiema minħabba l-popolazzjoni li qed tavvanza fl-età fl-aħħar tal-perjodu u tkabbir tal-produttività kemmxejn bil-mod fl-EU-27. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ġew affettwati b'mod qawwi mill-kriżi, kemm permezz ta' akkumulazzjoni tal-kapital kif ukoll ta' utilizzazzjoni tal-ħaddiema, u huma mistennija li jirreġistraw tnaqqis fir-riżorsi tal-ħaddiema tagħhom fl-aħħar tad-deċennju minħabba li l-popolazzjoni qed tavvanza fl-età.

Grafika 19: Tkabbir potenzjali fil-produzzjoni sal-2020 fl-EU-27 

Xenarju makroekonomiku bbażat fuq l-approċċ tal-funzjoni tal-produzzjoni

Sors: ECFIN, tbassir tal-ħarifa

It-tbassir tat-tkabbir huwa anke agħar fiż-żona tal-euro, u dan jikkonferma x-xejriet tal-passat. Matul il-perjodu 2001-2010, it-tkabbir potenzjali medju kien 1, 6% fiż-żona tal-euro, meta mqabbel ma' 1.8% fl-EU-27 (Tabella 20). L-istampa tat-tkabbir tal-produzzjoni u tat-tkabbir tal-produttività xejn ma se tkun sabiħa fiż-żona tal-euro fid-deċennju li ġej, minħabba li t-tnejn huma mistennija li jkunu madwar 1¼% bħala medja. Madanakollu, l-użu proġettat tal-ħaddiema huwa simili ħafna għal dak mistenni għall-UE kollha kemm hi.



Grafika 20: Tkabbir potenzjali fil-produzzjoni sal-2020 fiż-żona euro 

Xenarju makroekonomiku bbażat fuq l-approċċ tal-funzjoni tal-produzzjoni

Sors: ECFIN, tbassir tal-ħarifa

L-esperjenzi minn kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-passat jindikaw li r-rispons tal-politika jagħmel differenza kbira. Pereżempju, ir-riċessjonijiet qwwija li bdew fl-1991 fl-Isvezja u fil-Finlandja relattivament ma damux u ma rriżultawx fi tnaqqis fit-tkabbir tal-produzzjoni potenzjali. Dan kien dovut inter alia għal ristrutturar sinifikanti tal-ekonomiji tagħhom. Min-naħa l-oħra, reazzjoni ta' politika insuffiċjenti għall-kriżi finanzjarja, flimkien ma' żieda fil-pressjonijiet kompetittivi minn ekonomiji emerġenti, ikkontribwew għal tnaqqis fit-tkabbir potenzjali fit-tul tal-Ġappun matul is-snin 1990.

Azzjonijiet urġenti huma meħtieġa kemm f'livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Il-politiki fil-livell tal-UE se jikkontribwixxu għaż-żieda fit-tkabbir billi, pereżempju, isaħħu s-Suq Uniku u jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għall-investiment. Fl-Istati Membri kollha, it-tneħħija tal-ostakoli l-aktar importanti tat-tkabbir għal perjodu ta' żmien medju jimplika, sforzi ta' riformi strutturali li jsiru bil-quddiem (għal aktar dettall, ara r-rapport dwar il-progress dwar Europa 2020 anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir).

Korrezzjoni tal-iżbilanċi makro ekonomiċi u restawrar tal-kundizzjoni ġenerali ewlenija tat-tkabbir

L-indirizzar tal-iżbilanċi esterni huwa partikolarment relevanti għaż-żona tal-euro u jkun jeħtieġ riformi strutturali komprensivi mmirati biex iħaffu u jtejbu l-aġġustament. Il-korrezzjoni tal-iżbilanċi hija kruċjali għall-UE u anke aktar għaż-żona tal-euro, bħala unjoni monetarja. L-iżbilanċi f'xi wħud mill-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jimminaw ukoll il-kredibbiltà tal-munità unika. L-azzjonijiet tal-politika ekonomika jkunu meħtieġa f'ħafna oqsma differenti inkluż fis-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi. Ir-rispons tal-politika jrid ikun differenti bejn l-Istati Membri u jrid jiġi mfassal b'attenzjoni biex jindirizza l-vulnerabbiltajiet u l-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiż konċernat filwaqt li jieħu kont ta' kif jista' jaffettwa lill-pajjiżi l-oħra tal-UE. B'mod ġenerali, il-politiki strutturali għandhom jistinkaw biex jagħmlu l-ekonomiji aktar flessibbli biex jipprovdu għall-aġġustamenti meħtieġa fl-UE.

Grafika 21: Obbligi finanzjarji netti esterni; l-Istati Membri taż-żona tal-euro 

% tal-PDG 

Grafika 22: Obbligi finanzjarji netti esterni; l-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro

% tal-PDG (skala differenti minn dik tal-Grafika 23) 

Nota: Ma hemmx dejta disponibbli għal Ċipru, ir-Renju Unit, Malta u l-Lussemburgu

Għall-Istati Membri li juru defiċits kbar fil-kont kurrenti, kompetittività dgħajfa u kapaċità ta' aġġustament dgħajfa, aġġustamenti kbar għall-prezzijiet u l-ispejjeż ikunu meħtieġa biex tiġi restawrata l-kompetittività domestika u esterna. Kejl importanti biex jevalwa s-sostenibbiltà tad-defiċits tal-kont kurrenti hija l-pożizzjoni tal-assi esteri netti ġenerali, li jkejlu l-livell tad-dejn estern (Tabelli 21 u 22). Minkejja t-tnaqqis fil-livell tad-defiċits tal-kont kurrenti wara l-kriżi, Stati Membri b'defiċits kbar komplew jaraw id-dejn tagħhom jikber vis-à-vis l-bqija tad-dinja. Filwaqt li l-mekkaniżmi tas-suq jistgħu jsostnu dan l-aġġustament bi tnaqqis qawwi fid-domanda domestika u żieda fir-rata tal-qgħad, aġġustament aktar mgħaġġel u b'anqas tbatija jista' jinkiseb permezz tal-politiki adatti dwar il-pagi. Dawn ikunu jinkludu bidliet għar-regoli tal-indiċizzazzjoni tas-salarji, sinjali adatti mill-ħlas tas-salarji fis-settur pubbliku u mekkaniżmi aktar effiċjenti biex jiġu stabbiliti s-salarji. Ir-riformi fis-suq tal-prodotti jkunu meħtieġa wkoll biex jindirizzaw ir-riġiditajiet nominali u biex inaqqsu l-prezzijiet finali billi titnaqqas il-kera inkorporata (jiġifieri anqas żieda fil-marġini tal-prezzijiet fuq l-ispejjeż). L-implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva tas-servizzi, li żżid il-kompetizzjoni fis-servizzi regolati, hija pass ta' politika partikolarment importanti. Il-politiki biex isaħħu l-kompetittività fl-oqsma l-oħra apparti dak tal-prezzijiet huma wkoll essenzjali f'dan ir-riwgard.

Il-miżuri li jindirizzaw ir-riġiditajiet nominali jkunu jeħtieġu li jkunu akkumpanjati minn miżuri strutturali li jappoġġjaw ir-riallokazzjoni tal-ħaddiema bejn il-kumpaniji u s-setturi. Biex l-ekonomija titmexxa fi triq aktar sostenibbli jkun hemm bżonn li jitneħħa l-ħela tal-passat u għalhekk mhux biss titjib tal-kompetittività tal-prezzijiet tas-settur tal-esportazzjoni u tnaqqis tal-prezzijiet relattivi ta' dak li mhux kummerċjabbli. L-ibbilanċjar mill-ġdid tal-prezzijiet ikun assoċjat ma' allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi tal-ħaddiema u l-kapital mis-settur mhux kummerċjabbli għas-settur kummerċjabbli, espost direttament għall-kompetizzjoni estera. Min-naħa tal-ħaddiema, din ir-riallokazzjoni tkun tinkludi adattament tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-ħaddiema u inċentivi finanzjarji aħjar biex wieħed jgħaddi mill-qgħad għax-xogħol. Din ir-riallokazzjoni tiġi appoġġjata minn aġġustament tas-salarji relattiv bejn setturi kummerċjabbli u mhux kummerċjabbli. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikollhom rwol ta' appoġġ: it-tisħiħ ta' aġenziji ta' ppustjar, provvediment ta' taħriġ u politiki tas-suq tax-xogħol attivi mmirati aħjar għall-aktar gruppi vulnerabbli. It-titjib fl-ambjent tan-negozju, li jimplika żieda fil-kompetizzjoni fis-servizzi regolati u aktar tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi, jista' jappoġġja l-mobbiltà tal-kapital fid-direzzjoni tas-setturi l-aktar produttivi.

Fl-Istati Membri b'bilanċi kbar fil-kont kurrenti, is-sorsi ta' domanda domestika dgħajfa b'mod persistenti jridu jiġu identifikati. Id-dejta riċenti qed tinkoraġġixxi u tindika li għaddej aġġustament fejn id-domanda domestika qiegħda żżid is-saħħa dejjem aktar u l-proċessi tal-aġġustament tal-karta tal-bilanċ (korporattiva) tal-passat qed jiġu fi tmiemhom. Madanakollu, fejn id-domanda domestika għadha kemmxejn fjakka minħabba nuqqas tas-suq jew tal-politika, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ politiki adatti. Tali politiki jistgħu jindikaw aktar liberalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi u titjib tal-kundizzjonijiet għall-investiment.

Jeħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ politiki biex jipprevjenu l-iżbilanċi milli jerġgħu jfiġġu fil-futur. Il-kundizzjonijiet li wasslu għal tkabbir eċċessiv tal-kreditu u bżieżaq fil-prezzijiet tal-assi jkollhom bżonn jiġu riveduti. Sfida ewlenija għal dawk li jfasslu l-politika għalhekk tkun li jitfasslu u li jiddaħħlu fis-seħħ riformi strutturali li jillimitaw l-okkorrenza ta' eċċess tal-kreditu u tal-prezzijiet tal-assi imma wkoll li jitfasslu strumenti speċifiċi li jnaqqsu d-domanda jekk ikun meħtieġ. Miżuri regolatorji li jnaqqsu l-proċikliċità tal-provvediment tal-kreditu jidhru li huma partikolarment relevanti f'dan il-kuntest u huwa meħtieġ aktar xogħol. Mingħajr preġudizzju għas-suq intern, dan jista' jfisser li jiġi żgurat li l-obbligi tal-kapital tal-banek jirriflettu kif suppost id-differenzi reġjonali fil-valutazzjoni żejda tal-prezzijiet tal-assi. Fatturi strutturali tas-suq tad-djar li jżidu l-probabbiltà li tiżviluppa bużżieqa inkluż inċentivi tat-taxxa għas-self fuq id-djar, jeħtieġ jiġu riveduti. Barraminnhekk, titjib fil-flessibbiltà u l-kapaċitajiet ta' aġġustament tal-ekonomiji permezz tas-swieq tal-prodotti jrendihom aktar reżiljenti u jiffaċilita l-aġġustamenti meħtieġa fil-każ ta' disturbi maġġuri.

Prijoritajiet politiċi

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li ġew sottolineati hawn fuq, hemm bżonn ta' azzjoni b'mod partikolari fl-oqsma segwenti fl-2011-2012:

Jenħtieġ li jiġu mobilizzati fatturi li jsostnu t-tkabbir fil-livell tal-UE. Jenħtieġ li jintlaħaq qbil fuq proposti leġiżlattivi ewlenin fil-kuntest tal-Att tas-Suq Uniku (għal aktar dettall, ara r-rapport ta' progress dwar Europa 2020).

Fi Stati Membri f'defiċits kbar fil-kont kurrenti jew livelli għoljin ta' dejn, ir-riformi li jaffettwaw is-sistemi li jistabbilixxu s-salarji u s-swieq tas-servizzi huma importanti biex itejbu r-rispons bejn il-prezz u s-salarji. Titjib fl-ambjent tan-negozju permezz ta' żieda fil-kompetizzjoni (eżempju permezz tad-Direttiva dwar is-Servizzi) u tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi jgħinu wkoll f'dan ir-rigward. 

Miżuri li jappoġġjaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi bejn il-kumpaniji u s-setturi huma meħtieġa b'mod qawwi. Dawn jinkludu leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-impjiegi li ma tfixkilx ir-riallokazzjoni tar-riżorsi bejn is-setturi, inċentivi finanzjarji aħjar għax-xogħol u politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati aħjar għall-aktar vulnerabbli. Il-miżuri li jeliminaw it-tfixkil għad-dħul u l-ħruġ (kundizzjonijiet biex tiftaħ negozju) u l-investiment (bħall-armonizzazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa fuq il-kumpaniji) jkunu importanti wkoll biex tiġi faċilitata r-riallokazzjoni settorali lejn attivitajiet b'valur miżjud ogħla u tkabbir aktar mgħaġġel.

L-Istati Membri b'bilanċi kbar fil-kont kurrenti jenħtieġ li jidentifikaw u jindirizzaw is-sorsi ta' domanda domestika dgħajfa. Tali politiki jistgħu jindikaw aktar liberalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi u titjib tal-kundizzjonijiet għall-investiment.

L-Istati Membri kollha għandhom jagħmlu minn kmieni riformi strutturali li jneħħu l-aktar ostakoli importanti għat-tkabbir għal perjodu ta' żmien medju. Fuq il-bażi tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (NRPs) sottomessi mill-Istati Membri, il-miżuri pjanati jidhru li huma insuffiċjenti f'termini ta' ambizzjoni, u għalhekk x'aktarx li ma jkollhomx impatt materjali fuq it-tkabbir u l-impjiegi fuq perjodu ta' żmien medju. L-Istati Membri, fl-NRPs finali tagħhom, jenħtieġ li jkunu aktar preċiżi dwar il-pjanijiet ta' riforma tagħhom, biex jieħdu azzjoni bikrija u biex iżidu l-livell ta' ambizzjoni ġenerali tagħhom.

Anness: Tabella 1. Xi indikaturi, skont il-pajjiż, tat-tkabbir u l-impjiegi, il-pożizzjoni fiskali, il-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju u ta' żbilanċi makro

(1) Ara Il-Kummissjoni Ewropea (2010), Sorveljanza tal-kompetittività u l-iżbilanċi fi ħdan iż-żona euro, Ekonomija Ewropea 1.
(2) It-tkabbir potenzjali jikkorrispondi għall-kunċett ta' xejra ta' tkabbir sostenibbli kumpatibbli mal-kundizzjonijiet mil-lat tal-provvista, filwaqt li jitqiesu l-fluttwazzjonijiet ċikliċi immedjati fit-tkabbir reali tal-PDG.
Top


MT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 12.1.2011

KUMM(2011) 11 finali

STĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR

ANNESS 3

ABBOZZ TAR-RAPPORT KONĠUNT DWAR L-IMPJIEGI

STĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR

ANNESS 3

ABBOZZ TAR-RAPPORT KONĠUNT DWAR L-IMPJIEGI

Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' din is-sena, li jsir kif mitlub mill-Artikolu 148 tat-TFUE, huwa parti mill-pakkett tal-Kummissjoni għat-tnedija tas-Semestru Ewropew. Bħala riżorsa kruċjali għal gwida ekonomika msaħħa, ir-RKI huwa, prinċipalment, analiżi li tħares 'il quddiem, u jelabora fuq messaġġi kruċjali dwar l-impjiegi li jinstabu fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. L-analiżi u l-messaġġi li fih huma bbażati fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Ewropa, l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi 1 kif ukoll fuq ir-riżultati tal-analiżi li saret tal-abbozzi ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-pajjiżi, imwettqa mill-Kumitat tal-Impjiegi 2 .

1.Il-prestazzjoni tal-impjiegi qed taffettwa l-kundizzjonijiet ta' qafas makroekonomiċi

Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tjiebet, iżda għadha fraġli...

Is-suq tax-xogħol fl-UE kompla jistabilizza ruħu u issa f'xi Stati Membri hemm sinjali ta' rkupru. Tabilħaqq, jidher li fit-tieni tliet xhur tal-2010 it-tnaqqis fl-impjiegi fl-UE ġie fi tmiemu, hekk kif l-għadd ta' nies li għandhom impjieg żdied, bi 0.2%, għall-ewwel darba fi kważi sentejn. Madankollu, fil-livell ta' 221.3 miljun persuna 3 , l-għadd ta' impjegati kien għadu sa dak il-punt 5.6 miljun anqas minn meta kien fl-ogħla livell fit-tieni tliet xhur tal-2008, ħaġa li tirrifletti tnaqqis sinifikanti fil-manifattura u fil-konstruzzjoni. Fost l-individwi ta' bejn l-20 u l-64 sena kien hemm 208.4 miljun persuna li kellhom impjieg, li tfisser rata ta' impjieg ta' 68.8% 4 .

Ir-rata tal-qgħad, li bħalissa hija ta' 9.6%, baqgħet l-istess minn Frar 2010 lil hawn, u ġeneralment stabbilizzat ruħha. Bħalissa hemm 23.1 miljun persuna qiegħda. Il-qgħad għat-tul qed jiżdied fost il-gruppi kollha fil-popolazzjoni, għalkemm f'livelli differenti. Minn dawn, madwar 5 miljun kienu ilhom qiegħda għal bejn 6 sa 11-il xahar. Il-kriżi kabbret ir-riskju għall-immigranti b'livell baxx ta' sengħa u dawk ġejjin minn barra l-UE. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jinsab fil-livell ta' 5.2 miljun, żdied bi kważi 1.2 miljun persuna, meta mqabbel mal-livell l-aktar baxx li kien hemm fir-rebbiegħa tal-2008, żieda ta' kważi 30%). Minkejja dan, is-suq tax-xogħol għal persuni żgħar fl-età fl-UE irreġistra titjib mill-ħarifa lil hawn, bil-qgħad fost iż-żgħażagħ li ġeneralment naqas minn Settembru 2009. Ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ issa qiegħda fuq il-livell ta' 20.4% fl-UE, 0.1 punti perċentwali anqas minn sena ilu.

Wara ż-żieda li kompliet fil-qgħad, l-għadd ta' dawk li jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad kompla jiżdied bejn Ġunju 2009 u Ġunju 2010 fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. L-għadd ta' dawk li jirċievu benefiċċji minn skemi (mhux kontributorji) ta' għajnuna soċjali żdiedu wkoll b'mod sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u f'xi pajjiżi dawk l-iskemi taffew ħafna mill-impatt soċjali tal-kriżi. Ma ġiet osservata l-ebda pressjoni qawwija fuq skemi dwar id-diżabbiltà, filwaqt li l-benefiċjarji ta' skemi ta' rtirar kmieni żdiedu fi ftit pajjiżi.

...b'nuqqas temporanju ta' kumpatibbiltà,...

It-talba għall-ħaddiema kompliet titjieb b'mod relattiv, hekk kif il-postijiet battala, it-talba għall-ħaddiema fuq l-internet u l-attività fuq il-postijiet tax-xogħol permezz ta' aġenziji għal xogħol temporanju qabżu l-livelli li kien hemm sena ilu.

Madankollu hemm xi affarijiet li jwasslu għal tħassib dwar kemm qed hemm qbil bejn il-provvista u d-domanda. Matul is-sena li għaddiet, rajna żieda, sew fir-rati tal-qgħad kif ukoll fir-rati tal-postijiet battala. Dan jista' jkun indikatur ta' nuqqas ta' kompatibbiltà bejn il-ħiliet ta' min qed ifittex ix-xogħol, u dawk il-ħiliet meħtieġa fil-postijiet disponibbli. Dan għandu jiġi sorveljat bir-reqqa fix-xhur li ġejjin biex wieħed jara jekk ix-xejra 'l fuq li kien hemm matul l-aħħar sena hix sitwazzjoni temporanja, jew inkella jekk hemmx ir-riskju li din issir strutturali. Filfatt, is-setturi li l-aktar qed jirkupraw malajr mhumiex dawk li l-aktar issensjaw impjegati fil-bidu tal-kriżi, ħaġa li x'aktarx tirrifletti ċaqliq fil-ħtiġijiet ta' ħila u ta' setturi matul il-kriżi.

...tħassib dwar il-kompetittività...

B'reazzjoni għall-kriżi ekonomika l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri użaw arranġamenti ta' ħinijiet inqas ta' xogħol (short time working arrangements – STWA) biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jassorbu t-tnaqqis fil-produzzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn immedjat li jiġu ssensjati ħaddiema minħabba f'dan. L-effett negattiv ta' meta jintużaw l-STWA hija li jinżammu għadd ta' ħaddiema u li jkun hemm sussegwentement tnaqqis fil-produttività ta' kull ħaddiem. Fi żminijiet oħra ta' riċessjoni, fejn ukoll kien hemm żamma ta' ħaddiema, kien hemm tendenza li wara l-kriżi jkun hemm perjodu ta' tkabbir ekonomiku mingħajr ħolqien ta' impjiegi, peress li ż-żieda fil-produzzjoni tkun ġiet koperta minn irkupru fil-produttività u fil-ħinijiet tax-xogħol, aktar minn minn żieda fl-impjiegi. L-espansjoni tal-produttività tal-ħaddiema kienet negattiva tul il-perjodu kollu bejn nofs l-2008 u l-ewwel tliet xhur tal-2009, iżda wara dan kienet pożittiva, f'livell ta' madwar 2% dis-sena.

Matul il-kriżi ekonomika l-Istati Membri raw li qed ikun dejjem iżjed relevanti li jżommu l-kompetittività u li jsostnu d-domanda għax-xogħol billi jnaqqsu l-kosti tax-xoghol. Id-dejta tindika li l-pagi aġġustaw ruħhom pjuttost tajjeb għal sitwazzjoni ta' domanda baxxa fiż-żona tal-Euro kollha kemm hi – għalkemm dan l-effett seħħ aktar tard minħabba ftehimiet kollettivi li kienu għadhom validi -, peress li l-pagi nnegozjati żdiedu bi 3.5% fis-sena fit-tielet tliet xhur tal-2008, iżda żdiedu biss bi 2.1% fit-tieni tliet xhur tal-2010 fiż-żona tal-Euro.

Il-kosti reali għal kull unità fl-UE żdiedu bil-qawwa mit-tielet tliet xhur tal-2008 sa nofs l-2009, iżda naqsu daqstant malajr wara dan il-perjodu, u fit-tieni tliet xhur tal-2010 kienu fil-livell ta' -2% fis-sena, ħaġa li tindika li dawn m'għandhomx ikunu ta' theddida għall-kompetittività għall-UE kollha kemm hi. Madankollu, fil-każ ta' xi pajjiżi, jista' jkun hemm bżonn ta' aktar tnaqqis fl-ispejjeż totali tax-xogħol għal kull ħaddiem sabiex il-kompetittività fil-konfront tal-pajjiżi ta' barra l-UE tinġieb fil-livelli ta' qabel il-kriżi.

... u ħtieġa ta' azzjoni fejn tidħol it-tassazzjoni fuq l-impjiegi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali...

L-Istati Membri għamlu wkoll sforzi biex inaqqsu l-kosti tax-xogħol li mhumiex il-pagi, kif jidher mill-piż tat-taxxa 5 . It-tnaqqis fuq il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (social security contributions - SSC), li ngħata waqt il-kriżi f'għadd ta' Stati Membri biex tiġi stimulata d-domanda għax-xogħol, normalment ingħata bil-kundizzjoni li jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda - jiġifieri kien fil-biċċa l-kbira limitat għal ingaġġi ġodda. Xi pajjiżi ddeċidew ukoll li jnaqqsu b'mod ġenerali l-SSC ta' min iħaddem, fil-biċċa l-kbira tnaqqis ta' natura permanenti. It-tnaqqis fuq il-kosti tax-xogħol li mhumiex pagi kien fil-biċċa l-kbira mmirat lejn dawk li l-aktar għandhom diffikultà biex isibu impjieg, bħal ma huma dawk b'livell baxx ta' sengħa, il-qiegħda żgħażagħ, dawk li jkunu ilhom żmien twil qiegħda u ħaddiema aktar avvanzati fl-età.

2.L-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità għal riformi li jgħinu fit-tkabbir

Il-kisba tal-għanijiet ewlenin, li dwarhom kien hemm qbil, fl-oqsma tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u tal-inklużjoni soċjali tirrekjedi l-implimentazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' azzjonijiet integrati bil-ħsieb li jinħolqu swieq tax-xogħol aktar flessibbli, sikuri u inklussivi. Il-linji ta' politika dwar il-flessigurtà huma l-aqwa strument għal dan il-għan; madankollu, hemm bżonn li jittejbu l-erba' komponenti tal-flessigurtà (arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, linji ta' politika attivi għas-suq tax-xogħol, tagħlim tul il-ħajja u sistemi moderni ta' sigurtà soċjali) biex jiżguraw li l-pajjiżi jiffukaw fuq l-iktar riformi kosteffiċjenti filwaqt li jipprovdu livelli adegwati ta' flessibbiltà u sigurtà 6 .

Dan ifisser, l-ewwel u qabel kollox, li jitneħħew l-ostakoli istituzzjonali li ma jħallux li s-swieq tax-xogħol jiffunzjonaw kif suppost. Dan ix-xkiel jista' jkollu effetti negattivi qawwija fuq iż-żieda fl-impjiegi u l-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol u sa ċertu punt jista' wkoll itellef l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar. L-analiżi li ġejja toħroġ mill-oqsma ta' politika li l-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) identifikaw bħala essenzjali biex tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-linjigwida.

2.1.Il-Kisba ta' livell massimu ta' impjiegi

Il-kisba ta' livell massimu ta' impjiegi jitlob l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet integrati kif imfissra fil-linjagwida dwar l-impjiegi nr. 7. 

Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol

Ir-rata ta' impjieg baxxa ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età (bejn il-55 u l-64 sena) tilħaq biss 46.4%. Dan huwa riżultat ta' kif qed tkun ġestita l-età fis-swieq tax-xogħol u l-postijiet tax-xogħol, iżda wkoll parzjalment ir-riżultat ta' diversi forom ta' skemi ta' rtirar kmieni u/jew minħabba diżabbiltà. Il-funzjonament mhux ottimali tas-swieq tax-xogħol għal persuni avvanzati fl-età (domanda baxxa minn dawk li jħaddmu, livelli baxxi ta' taħriġ għal ħiliet aħjar, in-nuqqas ta' assistenza fit-tiftix għax-xogħol, it-tħajjir biex jittieħdu benefiċċji għall-irtirar kmieni, ir-rijintegrazzjoni u d-disponibbiltà ta' taħriġ mill-ġdid insuffiċjenti wara l-għoti tas-sensja) tista' twassal għal ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol. Barra minn dan, f'xi pajjiżi r-rabtiet bejn il-kontribuzzjonijiet, iż-żmien tal-impjieg u l-valur tad-drittijiet tal-pensjoni jkunu limitati jew ma jkunux jidhru biżżejjed.

Hemm bżonn ċar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tingħata aktar sostenn. Ir-rata ġenerali ta' impjiegi tan-nisa fl-Ewropa għadha biss fil-livell ta' 62.4% (bejn l-20 u l-64 sena). Trattament fiskali inadegwat ta' dawk li jaqilgħu t-2ni paga fil-familja (taxxi għal nisa miżżewġa li jkunu effettivament ogħla minn ta' dawk waħedhom) f'xi pajjiżi jitqies bħala ostakolu għall-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni femminili jew li dawn jidħlu lura fis-suq tax-xogħol. Rati marġinali effettivi tat-taxxa għolja li jirriżultaw minn elementi taxxabbli bbażati fuq il-familja, it-tneħħija ftit ftit ta' benefiċċji bbażati fuq test tal-mezzi jew fuq id-dħul (bħal ma huma benefiċċji għat-tfal jew benefiċċji għall-akkomodazzjoni) flimkien man-nuqqas ta' użu ta' benefiċċji professjonali, huma ostakoli potenzjali biex in-nisa jidħlu lura jaħdmu f'xi Stati Membri.

Huma ftit wisq il-persuni ta' età żgħira li qed jirnexxielhom jidħlu fis-suq tax-xogħol. In-nuqqas ta' mogħdijiet magħmula apposta li jikkombinaw servizzi ta' orjentazzjoni għall-karrieri, opportunitajiet għal titjib fil-ħiliet, skemi ta' apprendistat ta' kwalità u postazzjoniijiet ta' qabel wieħed jibda' jaħdem qed itellfu t-tranżizzjoni pożittiva għax-xogħol għaż-żgħażagħ 7 . In-nuqqas ta' informazzjoni ċara dwar dawk li jkunu qed jidħlu fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba b'hekk qed twassal biex dawk li jħaddmu jaħsbuha darbtejn qabel jimlew il-postijiet battala peress li ma jkunx ċar mill-ewwel x'se jkunu l-livelli ta’ ħila u ta’ produttività tagħhom u jekk huma jkunux kumpatibbli ma' dak li jkun mitlub minnhom fl-impjieg tagħhom. Jeħtieġ li f'ħafna Stati Membri jitkattru l-isforzi biex iż-żgħażagħ jingħataw dak li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Il-funzjonament u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol

F'ħafna swieq tax-xogħol id-differenzi kbar fil-livelli relattivi ta' leġiżlazzjoni ta' ħarsien tal-impjiegi twassal għal qasma bejn ħaddiema li għandhom livell tajjeb ta' protezzjoni b'kuntratti permanenti, fuq naħa, u ħaddiema b'livell anqas ta' protezzjoni, fuq oħra, li jkollhom kuntratti atipiċi, fil-biċċa l-kbira ta' natura temporanja. L-impatt tal-kriżi tefa' aċċenn fuq din il-kwistjoni: it-telf tal-impjiegi fost il-ħaddiema b'xogħol temporanju kien kważi erba' darbiet iktar milli fost dawk b'xogħol permanenti. Filwaqt li x-xogħol temporanju mhux fenomenu negattiv minn nnifsu, il-funzjoni limitata tiegħu bħala pass fil-mixja lejn relazzjonijiet ta' impjieg aktar permanenti ttellef il-produttività u l-prospetti ta' karriera u ta' qligħ aħjar - b'mod partikolari għaż-żgħażagħ.

Fl-istess ħin, ħafna Stati Membri għandhom quddiemhom tranżizzjonijiet lejn is-suq tax-xogħol insuffiċjenti jew dgħajfa, fejn is-suq tax-xogħol huwa kkaratterizzat minn riġidità u moviment minn post tax-xogħol għal ieħor li jkun relattivament baxx wisq biex ikun jista' jlaħħaq ma' xejriet ta' domanda li jkunu qed jinbidlu. Minbarra leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi (employment protection legislation – EPL) mhux xierqa, dan huwa kkawżat ukoll minn riġidità ta' arranġamenti (dwar il-ħinijiet) tax-xogħol, jiġifieri flessibbiltà interna insuffiċjenti. Dawn il-fatturi għandhom impatt direttament negattiv fuq l-attività ekonomika billi jtellfu l-allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi tax-xogħol.

Ix-xkiel għall-mobbiltà ġeografika tax-xogħol jista' wkoll itellef il-funzjonament kif suppost tas-suq tax-xogħol. Ir-restrizzjonijiet fil-portabbiltà tal-pensjonijiet u ta' drittijiet oħra ta' sigurtà soċjali jnaqqsu l-possibbiltà ta' (ri)allokazzjoni effettiva tax-xogħol, bħal ma jagħmlu impedimenti fejn tidħol l-akkomodazzjoni u t-trasport billi jtellfu lin-nies milli jiċċirkolaw jew milli jivvjaġġaw lejn fejn ikun hemm l-impjiegi.

Stati Membri differenti jaraw ukoll livell sinifikanti ta' xogħol mhux dikjarat b'parti sinifikanti tal-ħaddiema totali li mhumiex reġistrati minħabba nuqqas ta' infurzar ta' regolamenti eżistenti u sistemi ta' benefiċċji tat-taxxa li jiddiżinċentivaw. Ir-riżultat huwa rati uffiċjali ta' impjieg jew inkella ta' sigħat maħduma li jkunu artifiċjalment baxxi u suq tax-xogħol doppju jew parallel, fejn parti waħda tkun soġġetta għal livelli u kundizzjonijiet mill-agħar li jnaqqsu l-produttività u d-dħul mit-taxxa kif ukoll iżidu r-riskji tal-esklużjoni.

Relazzjonijiet industrijali ta' kwalità għolja bbażati fuq id-djalogu u l-fiduċja bejn sħab soċjali b'saħħithom huma parti minn soluzzjonijiet għal tnaqqis tal-frammentazzjoni u tal-funzjonament kif jixraq tas-suq tax-xogħol. Id-djalogu soċjali ta prova li huwa effettiv fi żmien ta' kriżi. Huwa importanti li jiġi stabbilit kunsens fuq meta għandhom jiġu deċiżi l-miżuri ta' awsterità, peress li huwa biss permezz ta' qsim tal-isforzi li jitqies bħala ġust li jista' jkun hemm garanzija ta' riformi soċjalment aċċettabbli u ta' suċċess. Madankollu, il-kapaċità operattiva ta' organizzazzjonijiet ta' sħab soċjali u l-kwalità ta' relazzjonijiet industrijali tvarja; għaldaqstant, f'ħafna Stati Membri, il-potenzjal sħiħ ta' soluzzjonijiet awtonomi u nnegozjati bbażati fuq analiżi konġunta u negozjati bejn is-sħab soċjali għad trid tiġi żviluppata.


Il-ħolqien tal-impjiegi

Ħafna Stati Membri baxxew il-kosti tax-xogħol li mhumiex pagi fuq bażi temporanja b'reazzjoni għall-kriżi. Aktar tnaqqis fuq bażi permanenti jippromwovi aktar ħolqien ta' impjiegi, speċjalment meta mmirat lejn individwi b'livell baxx ta' ħiliet u f'dawk il-pajjiżi fejn dawn tal-aħħar jirrappreżentaw potenzjal għoli ta' xogħol. In-newtralità fiskali tista' tinkiseb billi t-tassazzjoni tinxteħet minn fuq ix-xogħol għal fuq l-enerġija u/jew il-proprjetà. F'ħafna Stati Membri d-dibattitu dwar it-tassazzjoni preżenti fuq ix-xogħol u fuq riżorsi oħra diġà qed isir.

Is-swieq tax-xogħol li qed joħorġu mill-kriżi qed jinbidlu, u ħafna Stati Membri beħsiebhom joħolqu valur miżjud akbar u ekonomiji aktar ekoloġiċi sostenibbli. Dawn huma essenzjali għall-ħolqien ta' aktar impjiegi u biex jintlaħqu l-miri tal-klima/l-enerġija. Fl-istess waqt huwa meħtieġ li l-ħaddiema jiġu mgħejjuna biex jadattaw lilhom infushom. Is-sinerġiji bejn il-linji ta' politika biex jiġi żgurat li dawn isaħħu lil xulxin b'mod reċiproku u biex tinkiseb soluzzjoni għall-ekonomija, għall-ambjent u għall-impjiegi fejn jirbaħ kulħadd għadha mhix stabbilita għal kollox. . Is-setturi li qed ibatu l-aktar minn telf ta' impjiegi huma ddominati l-aktar mill-irġiel (il-gass, l-elettriku, il-faħam, iż-żejt). Filwaqt li xi impjiegi f'dawk is-setturi mhux se jibqgħu relevanti, oħrajn se jitolbu ħiliet ġodda, biex b'hekk tinħoloq ridistribuzzjoni ta' impjiegi fi ħdan l-istess settur jew lejn setturi oħra. Huma wkoll meħtieġa ħiliet ġodda fis-setturi hekk imsejħa tal-'impjiegi bojod', bħal ma hi l-kura tas-saħħa, fejn id-domanda qed tiżdied u fejn hemm nuqqasijiet gravi li qed jiżdiedu quddiem soċjetà li qed tavvanza fl-età.

Is-suċċess ta' impjieg indipendenti u tal-imprenditorjat għadu baxx fost l-Istati Membri u anqas minn nofs ta' dawn l-impriżi jibqgħu jeżistu wara tliet snin. Il-benefiċċji netti ta' meta wieħed jaħdem għal rasu ma jitqisux bħala daqstant aħjar minn fost alternattivi oħra biex l-aħjar individwi li jkunu l-aktar jilħqilhom iqisuhom bħala għażla ta' karriera attraenti . Għad hemm miżuri li jiskuraġġixxu lil dak li jkun li jaħdem għal rasu u għadhom wisq limitati l-isforzi biex ikunu kkumbinati l-inizjattivi ta' politika dwar l-ekonomija u dwar is-suq tax-xogħol biex ikun jista' jinħoloq ambjent li fih l-impriża tkun tista' timxi 'l quddiem.

Politiki Attivi tas-Suq tax-Xogħol (active labour market policies - ALMP)

F'għadd ta' Stati Membri hemm nuqqas ta' miżuri ALMP immirati tajjeb, indirizzati lejn dawk li jkunu ilhom qiegħda u lejn gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati. F'xi Stati Membri l-effetti ta' attivitajiet ALMP huma baxxi peress li jeżistu relattivament ħafna postijiet battala fl-istess waqt li jkun hemm għadd kbir ta' persuni li jkunu ilhom qiegħda. Dan ġej parzjalemtn minn kooperazzjoni batuta bejn il-livelli differenti tal-gvern involuti fil-ġestjoni tal-ALMPs, bir-responsabbiltajiet maqsuma fuq diversi livelli reġjonali. Għal oħrajn, ir-raġuni hi marbuta ma' Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (SPI) ineffiċjenti minħabba numru kbir ta' każijiet li jirriżultaw minn influss ta' klijenti, tnaqqis fil-baġit u tnaqqis tal-SPI, nuqqasijiet fl-ammont ta' persunal bil-ħiliet meħtieġa, nuqqas ta' taħriġ, tipi mhux xierqa ta' nefqa li ssir mill-ALMP jew nuqqas ta' attenzjoni xierqa fuq l-aktar miżuri kosteffettivi. Il-modernizzazzjoni tal-mudell ta' negozju u ta' servizz tal-SPI sabiex jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ individwalizzat għal dawk kollha li jkunu jeħtiġuh, għadha mhix adegwata.

Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja

F'xi Stati Membri għadha taħraq il-kwistjoni tal-impjieg part-time involontarju tan-nisa, bħala riżultat ta' nuqqas ta' faċilitajiet xierqa fejn jinżammu t-tfal tul il-ħinijiet tax-xogħol jew wara l-iskola, u wkoll minħabba n-nuqqas ta' servizzi għal tfal u persuni dipendenti oħra. Barra minn dan, il-ħsieb tal-anzjani u ta' dawk li għandhom bżonnijiet speċjali qed issir sfida sinifikanti hekk kif il-popolazzjoni tavvanza fl-età, sew għas-soċjetà kif ukoll għan-nisa. F'xi Stati Membri ir-rijintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija ostakolata wkoll minħabba swieq tax-xogħol li jħarsu bl-ikrah lejn interruzzjoni fil-karriera, kif ukoll minħabba tqassim żbilanċjat ta' responsabbiltajiet tal-ġenituri. F'xi pajjiżi hemm il-periklu li liv twil (imħallas) tal-ġenituri jkun ta' xkiel għall-iżvilupp tal-karriera u jimponi għadd ta' piżijiet kbar fiskali fuq il-baġit pubbliku u fuq il-produttività minħabba li dak li jkun jista' jitlef il-ħiliet tiegħu.

Sistemi ta'sigurtà soċjali

Bħala effett tal-kriżi l-qgħad għat-tul u strutturali sar problema urġenti għal ħafna Stati Membri. Is-sistemi ta' benefiċċju għall-qgħad u skemi oħra ta' benefiċċji għandhom ikunu ta' inċentiv tajjeb biex iħajru lil dawk li jeħduhom ifittxu x-xogħol, biex tiġi evitata d-dipendenza fuq il-benefiċċji, iżda fl-istess ħin għandhom jiżguraw l-appoġġ u l-adattabilità tant meħtieġa tal-pagi għaċ-ċiklu tan-negozju. F'ħafna Stati Membri mhemmx kriterji xierqa ta' konformità b'sanzjonijiet temporanji u parzjali għal nuqqas ta' konformità minn dawk li jirċievu l-benefiċċji li jkunu kapaċi jkollhom impjiegi. Barra minn dan, f'xi Stati Membri huma nieqsa l-metodi biex jiġu identifikati dawk li mhumiex lesti biex ikollhom impjieg, u daqstant ieħor huma nieqsa linji ta' politika adegwati biex jindirizzawhom.

L-iffissar tal-pagi u l-kosti tax-xogħol

Jeħtieġ li l-pagi jiġu aġġustati b'tali mod li jiġu bbilanċjati d-domanda għax-xogħol fuq naħa u l-provvista fuq in-naħa l-oħra, u li jagħtu qligħ proporzjonat mal-kontribuzzjoni għall-valur miżjud. F'dan is-sens, huwa ta' importanza ċentrali li, fuq terminu ta' żmien medju, il-pagi reali jiżdiedu f'konformità mal-produttività tax-xogħol fost il-ħidmiet u l-attivitajiet ekonomiċi.

Minn perspettiva makroekonomika, id-dinamiċi tal-pagi huma wkoll importanti għall-korrezzjoni ta' żbilanċi interni u esterni. B'mod partikolari, f'xi pajjiżi taż-żona tal-Euro, il-korrezzjoni sostenibbli tal-akkumulazzjoni ta' defiċits fil-kont kurrenti kif ukoll l-assorbiment ta' numri kbar ta' nies qiegħda jeħtieġu dinamiċi ta' kosti tax-xogħol nominali li fuq żmiem medju jwasslu għal aġġustament fil-kompetittività tal-prezzijiet. F'dan is-sens, id-dinamiċi nominali tal-kosti tax-xogħol f'pajjiżi oħra taż-żona tal-Euro huma livell ta' referenza relevanti.

Quddiem dan l-isfond, qed jidher li qed tkun ta' sfida għal għadd ta' Stati Membri biex isibu l-bilanċ it-tajjeb fil-ftehimiet kollettivi dwar il-pagi bejn il-flessibbiltà meħtieġa biex is-swieq tax-xogħol jiġu aġġustati skont kundizzjonijiet li qed jinbidlu, fuq naħa, u kuntratti li jispeċifikaw livelli ta' pagi biex jitħarsu u jiġu stimulati l-investimenti meħtieġa sabiex jiżdied il-valur tal-impjiegi.

2.2.Ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet kif ukoll ta' edukazzjoni

Bażi qawwija ta' kapital uman hija ċ-ċavetta għal espansjoni ekonomika, impjiegi u kompetittività ekonomika sostenibbli. Sal-2020, 85% tal-impjiegi se jkunu jeħtieġu livell ta' ħiliet għoli jew medju u l-proporzjon ta' impjiegi għal dawk li ma jkollhomx livell għoli ta' ħila se jonqos għal 15%. Huwa għalhekk essenzjali li l-Istati Membri jkomplu, f'konformità mal-linjigwida integrati nru 8 u 9, u mal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) 8 , jirriformaw is-sistemi tagħhom ta' edukazzjoni u taħriġ u li jippreparaw lin-nies b'ħiliet u kompetenzi kruċjali ogħla u aktar relevanti.

Il-kwalità insuffiċjenti tat-taħriġ u l-edukazzjoni qed ittellef it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol minħabba li għadd kbir ta' persuni ta' kull età u livell ta' kwalifika m'għandhomx it-taħlita t-tajba ta' ħiliet u kompetenzi. Il-kapaċità ta’ reazzjoni tas-sistemi ta' taħriġ għadha insuffiċjenti biex tilqa' għall-isfida li l-ħaddiema u dawk li qed ifittxu x-xogħol ikunu mgħammra b'ħiliet baċiżi u kompetenzi kruċjali trasversali. Dan jindika li hemm kooperazzjoni limitata fejn jidħol l-iżvilupp ta' kurrikula li jkunu jinvolvu s-sħab soċjali u s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

Jeżisti l-potenzjal li jiġi żviluppati aktar miżuri u strumenti biex jiġu antiċipati u ppreparati projezzjonijiet ta' lakuni fil-futur fejn jidħlu ħiliet u bżonnijiet f'livell ta' Stat Membru, dak reġjonali u dak settorjali (tbassir dwar il-ħiliet, stħarriġ fost min iħaddem, studji skont is-settur, titjib fid-dejta statistika ta' kwalità tajba). Dan jikkonċerna sew il-mod li bih isiru dawn l-isforzi kif ukoll kif ir-riżultati tagħhom jinxterdu bejn l-atturi ċentrali bħal ma huma s-servizzi ta' gwida dwar il-karriera, l-uffiċċji tal-istatistika, l-NGOs, il-korpi settorjali u kif isir użu minnhom fit-tfassil tal-kurrikula.

Il-parteċipazzjoni tal-adulti f'korsijiet ta' tagħlim matul il-ħajja hija baxxa wisq. Dan huwa dovut l-aktar għan-nuqqas ta' inċentivi għall-kumpaniji biex iħarrġu lill-ħaddiema, sostenn insuffiċjenti lill-ħaddiema biex dawn jinvolvu ruħhom f'taħriġ u offerta inadegwata li tirrispondi għall-ħtiġijiet ta' gruppi partikolari.

Barra minn dan, struttura kumplessa tal-iffinanzjar u firxa wiesgħa ta' fornituri jagħmluha diffiċli biex jiġu implimentati strateġiji koerenti biex jiġu koordinati u stipulati attivitajiet ta' taħriġ pubbliċi, jew minn kumpaniji u minn individwi. Sferi multipli ta' responsabbiltà, duplikazzjoni fl-iffinanzjar u n-nuqqas ta' tmexxija ġenwina jdgħajfu l-governanza tas-sistema. B'mod partikolari, l-aċċess inekwitabbli għal taħriġ ta' matul il-ħajja għadu kwistjoni ċentrali: peress li proporzjon kbir tat-taħriġ li jkompli għaddej jingħata minn min iħaddem, l-impjegati li għandhom kuntratti permanenti għandhom aċċess aħjar għal tagħlim ta' matul il-ħajja milli għandhom persuni li qegħdin fuq kuntratti temporanji jew inkella dawk qiegħda. Persuni b'livell baxx ta' ħiliet jipparteċipaw ħames darbiet anqas fit-tagħlim għall-adulti minn adulti li jkollhom livelli għolja ta' kwalifiċi. Mogħdijiet ta' tagħlim aktar flessibbli, inkluż permezz ta' validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll miżuri mmirati bħal ma huma taħriġ fuq il-post tax-xogħol u tisħib ma' impriżi u organizzazzjonijiet skont is-settur soċjali mmirati lejn nies b'livell baxx ta' ħiliet, adulti qiegħda, immigranti, minoritajiet etniċi u nies b'diżabbiltà, mhumiex żviluppati biżżejjed biex jiġbdu lejhom nies biex jitgħallmu. Xi miżuri speċifiċi ta' akkumpanjament speċifiċi jkunu wkoll ta' għajnuna għal ħaddiema f'setturi li sejrin lura.

It-titjib tal-livell ta' ħiliet bażiċi u kompetenzi ċentrali billi jiġi indirizzat it-tluq kmieni mill-iskola

It-tluq kmieni mill-iskola huwa fenomenu kumpless ikkawżat minn diversi fatturi soċjoekonomiċi, edukattivi u individwali. Ħafna Stati Membri jaffaċċjawh billi jiffukaw fuq it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ipprovdut, inkluż permezz ta' tagħlim innovattiv u metodi innovattivi ta' tagħlim, u aktar appoġġ immirat lill-istudenti f'riskju. Xi pajjiżi qed jippjanaw ukoll li jagħmlu tibdil strutturali biex itejbu l-flessibbiltà ta' mogħdijiet ta' tagħlim u biex joffru programmi li jikkumbinaw it-tagħlim u l-ħidma. Madankollu, l-impatt ta' miżuri bħal dawn ħafna drabi jibqa' baxx peress li mhux dejjem ikunu kkumplimentati minn linji ta' politika ta' intervent kmieni, b'mod partikolari aċċess aħjar għall-edukazzjoni preprimarja, kif ukoll miżuri kumpensatorji li jiffaċilitaw ir-ritorn lejn l-edukazzjoni għal min jispiċċa barra 'l iskola qabel iż-żmien. Ħafna drabi jonqsu approċċi ħolistiċi kkoordinati mill-qrib ma' setturi oħra relevanti ta' politika biex jiġu indirizzati l-fatturi multirelatati kollha.

Jeħtieġ li aktar nies jakkwistaw l-ogħla livelli ta' kwalifiki

F'ħafna Stati Membri, l-investiment fl-edukazzjoni għolja huwa baxx wisq, jew saħansitra sofra minn tnaqqis finanzjarju qawwi minħabba l-kriżi ekonomika. Biex ikun hemm sistema universitarja moderna u ta' prestazzjoni tajba, investiment totali ta' 2% tal-PGD (ffinanzjar pubbliku u privat flimkien) huwa l-minimu meħtieġ għal ekonomiji ffukati fuq l-għarfien. Il-modernizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja, li jkollhom forom imfassla ta' tagħlim, ta' governanza aħjar u ta' ffinanzjar, orjentati lejn il-kurrikula, il-prattika u r-riżultati, jeħtieġ li titħaffef. Inċentivi għal istituzzjonijiet terzjarji biex jidħlu f'kooperazzjoni man-negozju u l-bqija tad-dinja u l-ftuħ ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja għall-bżonnijiet tas-soċjetà, b'mod partikolari għal gruppi sottorappreżentati, għadhom jippreżentaw sfida.

Bl-istess mod, f'relazzjoni mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-kwalità u l-attrazzjoni f'kull livell huma nuqqas importanti.

2.3.Tkabbir inklussiv: Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni

L-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u n-nuqqas ta' opportunitajiet biex wieħed jibqa' u jimxi 'l quddiem f'suq tax-xogħol frammentat huma fatturi determinanti li jwasslu għall-faqar. Dan li ġej ikopri prijoritajiet ta' politika kif imfissra fil-linjagwida dwar l-impjiegi nru 10. 

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar permezz ta' swieq tax-xogħol inklussivi

Li wieħed ikollu post tax-xogħol huwa l-aħjar protezzjoni kontra l-faqar. Dawk li huma qiegħda u inattivi (adulti mhux irtirati) jirrappreżentaw 10% u 21% rispettivament tal-popolazzjoni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni (fejn l-akbar riskju jaffaċċjawh il-persuni qiegħda: 58% kontra 13.5% fost min għandu impjieg). Madankollu, il-foqra li għandhom impjieg jirrappreżentaw 24% tan-nies fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni fl-UE. Huwa għalhekk importanti li l-linji ta' politika dwar is-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li jaraw li l-pagi tal-impjegati jkunu biżżejjed għal ħajja deċenti, billi jiġu indirizzati l-fenomeni tal-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-ħiliet baxxi, il-pagi baxxi u impjiegi taħt il-potenzjal (inkluż xogħol part-time involontarju) u billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal ġenituri waħedhom u dawk li jaqilgħu t-tieni paga fil-familja.

Il-prevenzjoni tal-faqar permezz ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali adegwati u sostenibbli, kif ukoll aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrappurtaw li l-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali se jħallu impatt fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Miżuri bħal ma huma l-kondizzjonalità aktar ristretta, perjodu ta' żmien aqsar, jew tnaqqis fil-livell, li jbiddlu r-regoli tal-indiċizzazzjoni ta' skemi li jħallsu benefiċċju, jistgħu jaffettwaw l-adegwatezza. Fuq in-naħa tal-iffinanzjar, l-eżenzjonijiet mill-asikurazzjoni soċjali u kontribuzzjonijiet oħra ta' sigurtà soċjali jistgħu jdgħajfu s-sostenibbiltà tal-iskemi filwaqt li miżuri biex iwessgħu il-bażi ta' assikurazzjoni soċjali jistgħu jkunu ta' għajnuna. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, l-effiċjenza tal-infiq soċjali tista' tittejjeb permezz ta' implimentazzjoni aħjar (eż. simplifikazzjoni tar-regoli, tnaqqis ta' kosti amministrattivi, indikaturi ta' prestazzjoni, jew billi jiġu indirizzati l-frodi u l-iżbalji), iżda huma meħtieġa strateġiji aktar wesgħin biex jitjiebu l-effiċjenza u l-effettività fl-oqsma kollha tal-protezzjoni soċjali, inkluż permezz ta' aktar enfasi fuq il-prevenzjoni, il-provvista integrata ta' servizzi u kwalità mtejba ta' intervent.

Investiment fi strateġiji ta' inklużjoni attivi

Kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena u qgħad għoli joħolqu riskji ta' esklużjoni fit-tul, li jaffettwaw il-ħila tal-ħaddiema li jsibu impjieg, kif ukoll il-ħiliet tagħhom, u jimminaw is-saħħa mentali u fiżika tal-popolazzjonijiet. Sistemi ta' għajnuna soċjali dgħajfa u nuqqas ta' miżuri ta' attivazzjoni għal dawk l-aktar vulnerabbli qed jheddu li jaggravaw l-esklużjoni persistenti soċjali u fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li dawn jissaħħu fejn hemm bżonn billi titjieb il-kopertura u l-adegwatezza tagħhom.

Hemm bżonn ta' strateġiji attivi ta' inklużjoni li jikkombinaw sostenn adegwat għad-dħul finanzjarju, aċċess għas-suq tax-xogħol u servizz soċjali sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà ta' esklużjoni għat-tul u sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq soċjali. Pereżempju, dan jista' jsir billi l-assistenza soċjali tiġi kkombinata ma’ miżuri ta' attivazzjoni u ta' aċċess għal servizzi ta' għajnuna u oħrajn personalizzati.

Il-konsolidazzjoni fiskali u n-nuqqas ta' finanzjar pubbliku qed jheddu li jaffettwaw l-iffinanzjar u l-kwalità tas-servizzi soċjali li hemm bżonn biex jingħata sostenn lill-ħila tal-ħaddiema li jsibu impjieg u r-rijintegrazzjoni b'suċċess ta' dawk li huma l-aktar esklużi fis-soċjetà u fis-swieq tax-xogħol. F'ħafna Stati Membri, għadha teżisti l-isfida sew ta' ffinanzjar sostenibbli ta' servizzi soċjali kif ukoll fejn jidħol il-kwalità tal-intervent.

F'ħafna Stati Membri hemm bżonn ta' aktar sforzi mmirati biex jiġu mgħejjuna gruppi speċifiċi (iż-żgħażagħ, dawk bi bżonnijiet speċjali, l-immigranti) jew biex jiġu evitati problemi bħal ma huma d-dejn żejjed, nies bla akkomodazzjoni u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni. Għadd ta' pajjiżi beħsiebhom jippromwovu l-innovazzjoni soċjali u jseddqu tisħib bejn is-settur pubbliku u dak privat u jisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija soċjali.

It-tijib tal-prospetti fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri se jgħin biex titfarrak it-trasmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Hemm ħamsa u għoxrin miljun tifel u tifla fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni. Il-linji ta' politika biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal għadhom fi stadji differenti ħafna ta' implimentazzjoni u għad hemm differenzi konsiderevoli fir-riżultati. Meta t-tfal jbatu mill-faqar u mid-depravazzjoni ta' età żgħira, dan jaffettwa l-mod kif huma jħossuhom dwarhom infushom, u jista' jkollu impatt ħażin fit-tul fuq il-kisbiet tagħhom fl-edukazzjoni u fuq l-opportunitajiet għal ħajjithom fil-futur.

Is-sostenn tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, inklużi ta' ġenituri waħedhom, kif ukoll ta' dawk li jaqilgħu t-tieni paga huwa element kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal. Madankollu, jeħtieġ li dawn l-isforzi jkunu parti minn strateġiji aktar wesgħin ta' sostenn lil tfal u familji li jinkludu investimenti fil-kwalità tal-faċilitajiet għaż-żamma tat-tfal (livelli ta' kwalità, professjonalizzazzjoni tal-persunal, eċċ), intervent bikri mat-tfal f'oqsma bħal ma huma s-saħħa u l-edukazzjoni u ż-żamma jew it-titjib ta' sostenn għad-dħul finanzjarju tal-familji permezz ta' immirar u tfassil aħjar u tlaqqigħ flimkien ta' benefiċċji mmirati u universali. Madankollu, xi pajjiżi qed jgħidu li l-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali se jaffettwaw ukoll b'mod negattiv il-benefiċċji għat-tfal u għall-familji, kif ukoll benefiċċji oħra li huma importanti għall-familji (bħal dawk marbuta mal-akkomodazzjoni).

Biex nimxu 'l quddiem fil-ħidma biex 20 miljun persuna jintrefgħu mill-faqar fi żmien ta' konsolidazzjoni fiskali, jeħtieġ li s-sistemi ta' benefiċċji soċjali jistabbilixxu prijoritajiet li jġibu flimkien l-effiċjenza u l-ġustizzja. Quddiem il-possibbiltà tal-irkupru, l-istrateġiji attivi ta' inklużjoni jistgħu jkunu ta' għajnuna biex wieħed jara li l-benefiċċji li jiġu mill-espansjoni ekonomika u mill-impjiegi jinqasmu fost il-ħafna. Li titfarrak it-trasmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra, l-ewwelnett minn fost it-tfal, u l-garanzija ta' opportunitajiet ġust għal kulħadd, huma prijorità minn ta' fuq nett.

3.It-triq ’il quddiem: nirsistu għal aktar impjiegi

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bdew mexjin minn ġestjoni ta' kriżi għal riformi strutturali...

Meta nħarsu 'l quddiem, skont it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa, l-ekonomija tal-UE, filwaqt li għadha fraġili, qed tirkupra b'pass aktar mgħaġġel milli wieħed kien qed jobsor qabel, u jidher li s-suq tax-xogħol jista' jmur xi ftit aħjar din is-sena minn dak li kien mistenni preċedentement. Fuq dan l-isfond, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri x'aktarx li jċaqilqu l-attenzjoni tagħhom minn fuq ġestjoni ta' domanda ċiklika għal riformi strutturali.

Kif ġie enfasizzat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, hemm bżonn li tingħata attenzjoni immedjata lill-prijoritajiet li ġejjin fil-qasam tar-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol:

It-tnaqqis immirat fil-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li jħallas min iħaddem, b'mod partikolari fil-każijiet ta' żgħażagħ li jkunu għadhom kif ġew ingaġġati, ta' nisa jew ġenituri li jkunu daħlu lura għax-xogħol, ta' ħaddiema qiegħda aktar avvanzati fl-età, jew ta' dawk li jaqilgħu ftit, jista' jiffaċilita t-tranżizzjonijiet lejn l-impjieg b'kosti finanzjarji anqas mill-kosti marbuta mal-qgħad u l-benefiċċji soċjali li jirċievu meta ma jkollhomx impjieg.

Filwaqt li tiġi ggarantita paga diċenti, l-aġġustament flessibbli tal-pagi u ta' ingaġġ, inkluż paga inizjali li tvarja skont il-livell ta' esperjenza, flimkien ma' benefiċċji sekondarji u aċċess għal servizzi ta' impjiegi u ta' taħriġ jistgħu jkunu ta' għajnuna fil-ħidma kontra l-livelli ogħla ta' qgħad fost iż-żgħażagħ li jeżistu bħalissa. Jeħtieġ ukoll li jittejjeb il-mod kif tirreaġixxi is-sistema li biha jiġu stabbiliti l-livelli tal-pagi għall-żviluppi fis-suq, flimkien mal-imsieħba soċjali, biex b'hekk il-pagi jkunu jiriflettu kif suppost u malajr il-produttività tal-ħaddiema u tiġi żgurata l-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fil-konfront tal-kumplament tad-dinja u fi ħdan l-UE u l-Istati Membri.

Ir-riformi fit-taxxa, f'rabta ma' aċċess akbar għas-servizzi u użu aktar wiesa’ ta' benefiċċji professjonali jista' jkollhom impatt importanti fuq it-tnaqqis tal-qgħad u ta' sitwazzjonijiet li minħabba fihom persuna ma tkunx tista' toħroġ taħdem. B'mod partikolari, iż-żgħażagħ qiegħda jistgħu jibdew jaraw ix-xogħol bħala aktar attraenti għalihom bis-saħħa ta' aktar benefiċċji professjonali u ta' krediti tat-taxxa, flimkien ma' indirizzar bikri lejn programmi ta' taħriġ u skemi ta' apprendistat L-impjieg tan-nisa jista' wkoll jiġi stimulat billi tingħata aktar assistenza li ma tkunx fi flus, f'rabta ma' tnaqqis tar-rata ta' taxxa marġinali effettiva ta' dawk li jkunu qed jaqilgħu t-tieni paga billi titnaqqas it-tassazzjoni bbażata fuq il-familja kif ukoll benefiċċji għal min ma għandux impjieg, jew ibbażati fuq il-mezzi. B'mod aktar ġenerali, it-tlaqqigħ flimkien ta' taxxa u benefiċċji b'mod li dawk li jkunu eliġibbi għall-benefiċċji tal-qgħad jakkwistaw kreditu fuq it-taxxa tad-dħul għal dħul li jkun ġej minn impjieg, jista' jiġbed lil dawk li huma inattivi lejn ix-xogħol.

It-titjib ta' flessibbiltà interna akbar, inkluż l-aġġustament tal-organizzazzjoni tax-xogħol jew tal-ħinijiet tax-xogħol bħal ma huma arranġamenti ta' ħinjiet tax-xogħol iqsar (kif sar f'dawn l-aħħar 18-il xahar). Il-flessibbiltà interna tista' tiġi mwieżna b'mod effettiv mill-awtorità pubblika, u b’hekk jiġu salvagwarjdati l-impjiegi u protess kapital uman siewi, iżda din tinvolvi nefqa pubblika konsiderevoli.

Is-sostenn ta' arranġamenti ta' ħinijiet flessibbli ta' xogħol (flexitime, teleworking) għal dawk li jkunu deħlin lura mil-liv tal-ġenituri tista' wkoll tħaffef ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja privata u tikkontribwixxi b'mod partikolari għad-dħul tan-nisa fl-impjiegi. L-estensjoni ta' faċilitajiet fejn jiżammu t-tfal l-ġurnata kollha, speċjalment għal tfal ta' taħt it-3 snin, hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatt negattiv fuq l-impjiegi tal-fatt li wieħed ikun ġenitur, ħaġa li taffettwa l-aktar lin-nisa, jitnaqqas sew. Barra minn dan, jeħtieġ li jkun hemm teħid aktar indaqs ta' liv tal-ġenituri bejn iż-żewġ ġenituri biex jiġi kkumpensat il-bżonn li jitnaqqsu skemi ta' liv tal-ġenituri f'dawk il-pajjiżi fejn dan jaqbeż it-12-il xahar.

Hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jiġu eliminati skemi ta' rtirar prematur u li tiżdied l-età tal-irtirar statutorja sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età fuq il-postijiet tax-xogħol. Wieħed jista' wkoll joħloq inċentiv biex dak li jkun idum aktar fl-impjieg permezz ta' rabta aktar diretta bejn irtirar aktar tard u l-bini ta' aktar drittijiet ta' pensjoni, u billi jiddaħħlu miżuri li jmexxu 'l quddiem l-idea li wieħed għandu jibqa' attiv u b'saħħtu meta javvanza fl-età. 

Aktar riformi fis-sistemi ta' benefiċċji għall-qgħad u skemi oħra ta' benefiċċju għandu jkollhom l-għan li jikkumbinaw il-kisbiet fl-effiċjenza mal-ġustizzja. B'mod partikolari, ir-riformi għandu jkollhom l-għan li jaġġustawhom maċ-ċiklu tan-negozju. billi tiżdied il-validità tagħhom fi żminijiet ta' kriżi, u l-kuntrarju fi żminijiet ta' espjansjoni, is-sistemi ta' sigurtà jissaħħu fiż-żminijiet fejn l-aktar ikun hemm bżonnhom.

Il-benefiċċji għall-qgħad għandhom jiġu riveduti sabiex jiġi żgurat li dawn jinċentivaw lil dak li jkun ifittex impjieg. Il-benefiċċji għandhom ikunu mfassla b'mod li jippremjaw lil min, fost dawk qiegħda, joħroġ jaħdem mill-ġdid permezz ta' sostenn li jkun limitat fiż-żmien, u ta' kundizzjonalità li torbot it-taħriġ u t-tiftix għax-xogħol aktar mill-qrib mal-benefiċċji: l-approċ ibbażat fuq responsabbiltajiet reċiproki għandu jkun in-norma, jiġifieri, li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-benefiċċji tal-qgħad f'rabta maż-żieda fil-frekwenza ta' kuntatti, segwitu msaħħaħ, sforzi ta' tiftix għax-xogħol li jkunu monitorjati u l-użu ta' sanzjonijiet meta wieħed ma jkunx konformi ma' dan.

Iffukar fuq it-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol li jista' jiġi ffaċilitat billi tinbidel il-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-impjiegi, billi pereżempju jiġi estiż l-użu ta' arranġamenti kuntrattwali miftuħa b'żieda gradwali ta' drittijiet ta' protezzjoni biex jitnaqqsu l-qasmiet eżistenti bejn dawk li jkollhom kuntratt atipiku u dawk li jkollhom wieħed permanenti.

Minkejja l-qafas fiskali ristrett ta' bħalissa, jeħtieġ li tingħata attenzjoni immedjata biex jinżamm, u fejn ikun possibbli jiżdied, il-livell ta' investimenti mmirati, u ta' riformi fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa importanti li jiġi evitat ir-riskju li proporzjon kbir ta' żgħażagħ u ta' persuni b'livell baxx ta' ħiliet jitilfu opportunitajiet ta' impjiegi f'suq tax-xogħol ristrutturat wara l-kriżi, fejn ikun hemm rekwiżiti mibdula biex wieħed jikseb impjieg.

…. filwaqt li l-ispazju fiskali disponibbli se jinfluwenza l-prijoritizzazzjoni tal-miżuri

It-teħid ta’ miżuri ta' riforma fi żmien ta' konsolidament fiskali ambizzjuż jeħtieġ għażla bil-galbu tar-riformi. Il-pass tal-irkupru, kif ukoll il-ispazju fiskali disponibbli biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjarji l-miżuri ta' politika jvarja ħafna fost l-Istati Membri.

In-nefqa soċjali x'aktarx li tilħaq it-30.7% tal-PDG fl-2011, meta fl-2007 kien ta' 27.5%. Din iċ-ċifra ġenerali taħbi l-varjetà wiesgħa ta' ishma nazzjonali u diversità kbira fil-ħila tal-Istati Membri biex ilaħħqu mad-domanda dejjem tikber għal protezzjoni soċjali, b'nuqqasijiet kbar fis-sistemi ta' protezzjoni li f'xi pajjiżi se jkunu jridu jissaħħu. Il-konsolidazzjoni fiskali se tkun teħtieġ ukoll immirar aħjar tan-nefqiet soċjali.

Barra minn dan, il-ħolqien tal-impjiegi għall-UE x'aktarx li se jibqa' kajman fil-futur qarib. Dan jirrifletti fost affarijiet oħra d-dewmien tas-soltu li bih is-suq tax-xogħol jirreaġixxi għal xi bidla fl-attività ekonomika u anki l-fatt li kien hemm żamma tal-ħaddiema sostanzjali matul il-kriżi, biswit tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol.

Meta jkunu qed jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom ta' riforma, l-Istati Membri x'aktarx li jkunu jridu jipprijoritizzaw l-għażliet tagħhom skont l-ispażju fiskali li għandhom li fih ikunu jistgħu jimmanuvraw u tal-pożizzjoni fiċ-ċiklu tan-negozju li huma jkunu fiha. Għal dan il-għan, it-tabella ta' hawn taħt tista' tkun ta' għajnuna peress li tiġbor il-prijoritajiet ta' politika skont l-ammont ta' investimenti pubbliċi meħtieġa (ikbar jew iżgħar) u skont jekk l-attenzjoni għal-linja ta' politika tkunx qed tingħata għal żmien qasir jew inkella għat-tul.

Pereżempju, it-tnaqqis ta' skemi ta' rtirar kmien (l-ewwel punt fil-kaxxa ta' fuq tax-xellug) ikun jirrekjedi anqas investiment pubbliku u wieħed ikun jista' jistenna li fil-biċċa l-kbira jkollu effetti aktar għat-tul fuq l-impjiegi. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis ta' kosti tax-xogħol li ma jkunux pagi (il-kaxxa t'isfel tal-lemin) ikun jirrekjedi aktar investimenti pubbliċi ta' ċertu daqs u jkollu aktar effetti fuq it-tnaqqis tal-qgħad fuq perjodu qasir ta' żmien. Meta wieħed jifli t-tabella wieħed jista' jieħu idea tajba ta' liema prijoritajiet ta' politika huma l-aktar xierqa għall-Istati Membri, meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet tagħhom fejn jidħlu l-finanzi pubbliċi u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom.





Urġenza fuq żmien qasir li jiġi miġġieled il-qgħad

Attenzjoni aktar għat-tul biex jiżdiedu l-impjiegi

Meħtieġa investimenti pubbliċi iżgħar

Appoġġ għat-taħriġ immirat

It-tisħiħ mill-ġdid ta' approċċ lejn il-benefiċċji tal-qgħad li jkun ibbażat fuq obbligi

It-tnaqqis tas-sitwazzjonijiet fejn wieħed ma jkunx jista' joħroġ jaħdem, permezz ta' benefiċċji professjonali

Livelli ta' paga aktar sensittivi għall-kundizjonijiet tas-suq

Jitnaqqsu l-iskemi ta' irtirar kmieni

Titjieb ir-rabta bejn l-età li wieħed jispiċċa mix-xogħol u d-drittijiet tal-pensjoni

Il-ġenerosità tas-sistemi ta' beneefiċċji tal-qgħad tiġi armonizzata maċ-ċiklu tan-negozju

Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi tiġi riveduta biex titnaqqas is-segmentazzjoni

Tittejjeb il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi, inkluż ma' fornituri ta' taħriġ

Meħtieġa investimenti pubbliċi ikbar

Tiġi sostnuta l-flessibbiltà interna, tiġi aġġustata l-organizzazzjoni tax-xogħol

Jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol, jingħataw sussidji lil min jingaġġa

Jitjiebu l-inċentivi fiskali għal min jaqla' t-2ni paga

Jiżdied l-aċċess għall-faċilitajiet taż-żamma tat-tfal

Tiġi mmodernizzata s-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ

Bħala l-ewwel stadju r-rapport konġunt dwar l-impjiegi se jikkontribwixxi għad-deliberazzjonijiet waqt il-kunsill ewropew tar-rebbiegħa. Se joffri gwida lill-Istati Membri għall-Programmi Nazzjonali ta' Riforma sħaħ tagħhom. F'dawn, l-Istati Membri se jkollhom jindikaw bis-sħiħ x'għażliet qed jagħmlu. F'każ ta' bżonn, il-Kummissjoni se tipproponi u l-Kunsill se jadotta rakkomandazzjonijiet dwar l-impjiegi biex jindirizza l-oqsma li ma jkunux ġew indirizzati b'mod suffiċjenti.

Il-ħolqien tal-impjiegi huwa vitali. Il-programm Ewropa 2020 jippromwovi l-interazzjoni ta' linji ta' politika dwar l-impjiegi, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-industrija u l-ambjent sabiex tiġi xprunata l-espansjoni fl-impjiegi u titnaqqas l-esklużjoni soċjali: il-pjanijiet ta' prijorità jagħtu d-dettalji dwar kif dan għandu jseħħ. Dawk li huma nkarigat biex ifasslu l-linji ta' politika dwar l-impjiegi jridu jagħmlu l-għażliet it-tajba. L-ewwel ħtieġa urġenti hija li jkun hemm tnaqqis malajr fil-qgħad u li jiġu stabbiliti riformi effettivi fis-suq tax-xogħol għal aktar impjiegi li jkunu ta' kwalità aħjar.

(1) ĠU L308, 24.11.2010, p. 46, "Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2010/707/UE)"
(2) Brussell, it-23 u l-24 ta’ Novembru 2010.
(3) Dejta tal-Kontijiet Nazzjonali.
(4) Dejta mill-Istħarriġ dwar l-Għadd ta' Ħaddiema.
(5) Il-piż tat-taxxa = (SSc ta' min iħaddem + SSc tal-impjegat + taxxi tal-pagi + taxxa fuq id-dħul)/ Kosti Totali tax-Xogħol.
(6) COM (2010) 682, “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”.
(7) COM(2010) 477, “Żgħażagħ mobbli”.
(8) Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 (2009/C 119/02).
Top