This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE1161
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: Towards a better functioning Single Market for services — building on the results of the mutual evaluation process of the Services Directive COM(2011) 20 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi COM(2011) 20 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi COM(2011) 20 finali
ĠU C 318, 29.10.2011, p. 109–112
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 318/109 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi”
COM(2011) 20 finali
2011/C 318/18
Relatur: is-Sur SIECKER
Nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi
COM(2011) 20 finali
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.
Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'134 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jaqbel max-xewqa tal-Kummissjoni li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi. Huwa evidenti li għandhom jitneħħew l-ostakli rappreżentati mill-kundizzjonijiet diskriminatorji, bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati. Għalhekk, il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva li jiġu stabbiliti “Punti ta’ Kuntatt Uniku” bil-għan li jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi. Il-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali hija fatt li għandna nieħdu pjaċir bih. Madankollu, din il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża għall-oqsma ta’ politika li jinvolvu l-rispett tal-obbligi. |
1.2 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tad-Direttiva fuq is-servizzi u l-funzjonament tas-settur tas-servizzi huma prematuri. Id-Direttiva ilha fis-seħħ ftit snin biss. Il-fatt li l-Istati Membri mhumiex kollha sodisfatti bl-istess mod bid-Direttiva u l-fatt li jkollhom jimplimentawha b'mod differenti fil-leġislazzjoni tagħhom jikkostitwixxu fatturi kumplessi li ma jissemmewx fil-Komunikazzjoni. Is-settur tas-servizzi huwa kbir u kkumplikat, u huwa magħmul minn diversi fergħat. Ir-razzjonalizzazzjoni tas-Suq Intern għas-servizzi permezz tar-regolamentazzjoni Ewropea tirrikjedi ż-żmien. |
1.3 |
Id-Direttiva dwar is-servizzi nibtet mill-kuntest tat-Trattat l-antik li kien għadu jikkunsidra l-interess ekonomiku bħala l-prijorità ewlenija fis-suq intern. Fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, interessi oħra m'għadhomx aktar soġġetti għal-lat ekonomiku, iżda jitqiesu fl-istess livell. Ikun interessanti li tiġi studjata n-natura tar-rabtiet bejn, minn naħa, il-leġislazzjoni adottata u l-ġurisprudenza li żviluppat fl-ambitu tat-Trattat l-antik u, min-naħa l-oħra, it-Trattat il-ġdid. Fl-opinjoni tiegħu dwar Att dwar is-Suq Uniku, il-KESE rrakkomanda li d-Direttiva tiġi eżaminata speċifikament fid-dawl tat-Trattat il-ġdid. Ikun interessanti li wieħed jara jekk jistgħux joħorġu perspettivi ġodda mill-analiżi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jagħtu l-prijorità lis-suq intern (l-ex Artikolu 49). |
2. Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
2.1 |
Għalkemm is-servizzi jikkostitwixxu l-mutur ewlieni tal-ekonomija tal-UE, il-Kummissjoni tqis li s-suq tas-servizzi għadu mhux qiegħed irendi l-potenzjal kollu tiegħu. Huwa għalhekk li fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni tenfasizza li jkun tajjeb li jiġi stabbilit (1) suq intern tas-servizzi aktar integrat, abbażi tad-Direttiva tas-Servizzi. Fil-fatt, fil-komunikazzjoni tagħha “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, hija tinsisti li s-Suq Uniku għas-servizzi għandu jissaħħaħ (2). Dawn iż-żewġ approċċi huma meħtieġa biex in-negozji fis-settur tas-servizzi jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw u jippożizzjonaw ruħhom aħjar fil-livell dinji, u dan jippermetti li jinħolqu aktar u aktar impjiegi. |
2.2 |
L-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi f'Diċembru 2006 (3) u l-implimentazzjoni sussegwenti taw bidu għal funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi. Permezz ta’ dan l-istrument, il-Kummissjoni Ewropea rnexxielha tissemplifika l-qafas regolatorju. Wara dan, id-diversi liġijiet ta’ implimentazzjoni li ġew adottati fl-Istati Membri ppermettew li jitneħħew mijiet ta’ obbligi bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati madwar l-Ewropa kollha. |
2.3 |
Id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprevedi “proċess tal-evalwazzjoni reċiproka”, maħsub bħala għodda ta’ analiżi mill-pari tar-regolamentazzjoni. Fl-2010, l-Istati Membri, kif ukoll il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Islanda vvalutaw kważi 35 000 obbligu legali imposti l-aktar fuq in-negozji tas-settur tas-servizzi. Dawn kienu jinvolvu kemm rekwiżiti fuq l-istabbiliment (bħall-iskemi tal-awtorizzazzjoni, ir-restrizzjonijiet territorjali jew ir-restrizzjonijiet fuq is-sjieda kapitali) kif ukoll rekwiżiti fuq il-forniment transkonfinali ta’ servizzi (bħall-obbligi tar-reġistrazzjoni, in-notifikazzjoni jew l-assigurazzjoni). |
2.4 |
L-aktar konklużjoni ċara f'dan il-proċess hija li f'ċerti setturi tas-servizzi l-unifikazzjoni tas-suq għadha ma twettqitx kompletament. Skont il-Kummissjoni, il-problema ewlenija hija l-fatt li l-miżuri leġislattivi għadhom ma eliminawx l-ostakli diskriminatorji kollha u li l-implimentazzjoni tal-liġijiet li jabolixxu dawn l-ostakli għadha ma ġietx ikkompletata fl-Istati Membri kollha, jew inkella dawn il-liġijiet għadhom ma ġewx applikati korrettament kullimkien. Barra minn hekk, l-Istati Membri għadhom jirriżervaw sistematikament ċerti attivitajiet relatati mas-servizzi għal ċertu operaturi. |
2.5 |
Fl-isforzi tagħha biex is-Suq Uniku għas-servizzi jsir realtà, il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta’ azzjonijiet għat-tmintax-il xahar li ġejjin, b'mod partikolari:
Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-effikaċja tal-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali għall-fornituri tas-servizzi f'każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom minn amministrazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tas-Suq Uniku, u se tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss sal-aħħar tal-2012. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-Kummissjoni tiddikjara ġustament li s-Suq Uniku għas-servizzi ma jikkostitwixxix għan fih innifsu iżda għodda li ttejjeb il-benesseri u l-ħajja ta’ kuljum tan-negozi u taċ-ċittadini Ewropej. Huwa importanti li l-kontribut tas-suq uniku jintrabat aktar ma’ dawn l-għanijiet orizzontali. Id-Direttiva dwar is-servizzi nibtet mill-kuntest tat-Trattat l-antik li kien għadu jikkunsidra l-interess ekonomiku bħala l-prijorità ewlenija fis-suq intern. Fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, interessi oħra m'għadhomx aktar soġġetti għal-lat ekonomiku, iżda għall-kuntrarju jitqiesu fl-istess livell. Ikun interessanti li tiġi studjata n-natura tar-rabtiet bejn, minn naħa, il-leġislazzjoni adottata u l-ġurisprudenza li żviluppat fl-ambitu tat-Trattat l-antik u, min-naħa l-oħra, it-Trattat il-ġdid. Fl-opinjoni tiegħu dwar Att dwar is-Suq Uniku, il-KESE rrakkomanda li d-Direttiva tiġi eżaminata speċifikament fid-dawl tat-Trattat il-ġdid. Ikun interessanti li wieħed jara jekk jistgħux joħorġu perspettivi ġodda mill-analiżi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jagħtu l-prijorità lis-suq intern (l-ex Artikolu 49). |
3.2 |
Il-valutazzjonijiet imwettqa s'issa huma bbażati wisq fuq ir-regolamentazzjoni bħala tali, u għaldaqstant min-natura tagħhom huma “teknokratiċi” wisq. Għaldaqstant, ir-regolamentazzjoni ta’ Stat Membru dwar ċerti professjonijiet tista’ tiġġustifika l-għan tal-kwalità tas-servizz konċernat u għalhekk tista' tiġi adottata fl-interess taċ-ċittadini. Madankollu, il-fatt li din ir-regolamentazzjoni titqies bħala ostaklu għal-libertà tal-moviment tas-servizzi transkonfinali m'għandux ifisser l-eliminazzjoni awtomatika ta’ dan l-“ostaklu”. L-interessi tal-konsumaturi u tal-ħaddiema jistgħu, f'każ bħal dan, jipprevalu fuq il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-libertajiet ekonomiċi. Għandhom jinteħħew biss l-ostakli bbażati fuq raġunijiet bla ġustifikazzjoni u li jkunu diskriminatorji. |
3.3 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tad-Direttiva fuq is-servizzi u l-funzjonament tas-settur tas-servizzi huma prematuri. Id-Direttiva ilha fis-seħħ ftit snin biss. Il-fatt li l-Istati Membri mhumiex kollha sodisfatti bl-istess mod bid-Direttiva u l-fatt li jkollhom jimplimentawha b'mod differenti fil-leġislazzjoni tagħhom huma fatturi kumplessi li ma jissemmewx fil-Komunikazzjoni. Is-settur tas-servizzi huwa kbir u kkumplikat, u huwa magħmul minn diversi fergħat. Ir-razzjonalizzazzjoni tas-Suq Intern għas-servizzi permezz tar-regolamentazzjoni Ewropea tirrikjedi ż-żmien. |
3.4 |
Id-dokument jindirizza kemm il-libertà tal-istabbiliment kif ukoll il-libertà tal-moviment transkonfinali tas-servizzi. Dawn huma żewġ kunċetti differenti. Ir-rekwiżiti għall-istabbiliment huma qabel kollox kompetenza nazzjonali filwaqt li l-forniment transkonfinali tas-servizzi fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi jaqa' taħt il-leġislazzjoni Ewropea. Huwa f'idejn l-Istati Membri li jsibu bilanċ tajjeb f'dan ir-rigward. |
3.5 |
Huwa rrakkomandat ukoll li tiġi fformulata definizzjoni ċara ta’ xi jkopru s-servizzi transkonfinali u li jiġi ppreċiżat għal xiex jikkorrespondu ċ-ċifri msemmija fil-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tispjega li d-Direttiva dwar is-Servizzi tkopri 40 % tal-PDG tal-UE. Aktar tard fil-Komunikazzjoni tispjega li s-settur tas-servizzi jirrappreżenta madwar 70 % tal-PDG tal-UE. Dan jissuġġerixxi li madwar iktar minn nofs is-suq tas-servizzi huwa magħmul minn servizzi transkonfinali, ħaġa ferm diskutibbli. |
3.6 |
Il-Komunikazzjoni tinkludi xi ipotesijiet li ġew adottati mill-Kummissjoni b'mod pjuttost mgħaġġel, u li fl-aħjar ipotesi mhumiex verifikabbli, jew huma saħansitra diskutibbli. Fil-punt 5.1, il-Kummissjoni tesprimi stennijiet kbar fir-rigward tar-riżultati tal-“verifika tal-prestazzjoni” mwettqa diġà mal-Istati Membri, filwaqt li ċerti Stati Membri jikkontribwixxu proprju biex jostakolaw ir-realizzazzjoni tas-suq uniku tas-servizzi. |
3.7 |
Fit-taqsima 2, il-Kummissjoni tgħid li stimi konservattivi jbassru li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi għandha l-potenzjal li toħloq gwadann ekonomiku li jista’ jilħaq EUR 140 biljun, li jirrappreżenta 1,5 % tat-tkabbir tal-PDG tal-UE. Din il-figura toriġina minn studju wieħed, ippubblikat fl-2007 mill-Bureau Ċentrali tal-Ippjanar tal-Olanda, ftit wara li daħlet id-Direttiva tas-Servizzi, meta l-impatt mistenni tad-direttiva ma kienx għadu tfixkel mill-kriżi li seħħet wara. Anke hawnhekk, jidher li din l-istqarrija għandha tiġi kemxejn kwalifikata. |
3.8 |
Il-valutazzjoni tal-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka tal-2010 li tissemma fit-taqsimiet 3 u 4 tqajjem xi mistoqsijiet. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tgħid li din “l-evalwazzjoni reċiproka kellha ‘effett fuq is-Suq Uniku’ mingħajr l-ebda preċedent fl-Istati Membri”, iżda ma tippreċiżax fiex jikkonsisti dan l-effett. Jista’ jkun li wasslet għal ħafna attività f'xi partijiet tas-servizzi taċ-ċivil tal-Istati Membri, iżda x'effett u x'impatt prattiku kellha fuq is-suq uniku tas-servizzi? |
3.9 |
Il-Kummissjoni Ewropea ma tesprimix ruħha b’mod ċar dwar il-klassifikazzjoni eventwali tad-diversi għanijiet orizzontali li l-Unjoni Ewropea tixtieq tilħaq. Dan jissarraf fost l-oħrajn f’ċertu nuqqas ta’ ċarezza dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw regolamentazzjoni li jista' jkollha effetti restrittivi f’isem l-interess ġenerali. Il-kwistjonijiet relatati ma’ din il-possibbiltà jistħoqqilhom dibattitu usa’ fi ħdan is-soċjetà, speċjalment fil-kuntest tan-nuqqas ta’ appoġġ mill-opinjoni pubblika għall-proġett Ewropew, liema nuqqas ġie indikat fir-rapport ta’ Monti. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Il-Kumitat jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi. Huwa evidenti li għandhom jitneħħew l-ostakli rappreżentati mill-kundizzjonijiet diskriminatorji, bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati. Għalhekk, il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva li jiġu stabbiliti “Punti ta’ Kuntatt Uniku” bil-għan li jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi. Il-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali hija fatt li għandna nieħdu pjaċir bih. Madankollu, din il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża għall-oqsma ta’ politika li jinvolvu l-rispett tal-obbligi (4). |
4.2 |
Id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprevedi li l-“Punti ta’ Kuntatt Uniku” elettroniċi biss huma obbligatorji. F'għadd ta’ Stati Membri hemm ukoll Punti ta’ Kuntatt fiżiċi li jiżguraw ukoll forniment ta’ servizzi b'modi differenti, aktar proattivi u aktar mifruxa, lill-intraprendituri li jkunu jixtiequ jiġu stabbiliti fis-swieq ta’ Stati Membri oħra. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Punti ta’ Kuntatt għandhom ikunu verament aċċessibbli, inkluż b'lingwi barranin, u għandu jkun hemm ukoll l-għażla tar-reġistrazzjoni elettronika. Il-KESE jixtieq ikun jaf aktar dwar l-esperjenza tan-negozjanti fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ approċċi differenti u jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza jekk il-Punti ta’ Kuntatt fiżiċi jagħtux riżultati aħjar u jekk humiex aktar apprezzati mill-Punti ta’ Kuntatt elettroniċi. |
4.3 |
Tajjeb li titpoġġa f’perspettiva d-dikjarazzjoni li skontha s-settur tas-servizzi huwa wieħed mis-setturi l-aktar innovattivi u dinamiċi u li jista' jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal tkabbir ekonomiku ġdid. Naturalment, id-Direttiva dwar is-Servizzi tagħti kontribut pożittiv u konsiderevoli għall-iżvilupp tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u ppermettiet li jinħoloq għadd kbir ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità. Madankollu, diversi impjiegi “ġodda” f'dan is-settur ma tantx jirrikjedu kwalifiki, u huma impjiegi repetittivi u mhux imħallsa tajjeb. Il-fenomenu tal-ħaddiema fqar, li qed jinfirex sew u li f'diversi studji ġie assoċjat ma’ dawn is-servizzi l-ġodda, ma jikkontribwixxix għat-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. |
4.4 |
Il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-libertà tal-moviment tas-servizzi huma żewġ affarijiet differenti. Madankollu, diversi studji jindikaw li l-libertà tal-forniment tas-servizzi sservi regolarment bħala skuża għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema. Is-servizzi transkonfinali li l-unika għan tagħhom huwa li jirreklutaw ħaddiema bi ftit spejjeż għandhom jiġu miġġielda. Fil-każ tar-reklutaġġ transkonfinali ta’ ħaddiema, għandu japplika l-prinċipju tal-pajjiż fejn issir attività, bil-għan li jiġu mħarsa l-interessi kemm tal-ħaddiema kif ukoll ta’ dawk il-persuni li jħaddmuhom bona fide, u bil-għan tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe kompetizzjoni inġusta li tirriżulta minħabba li jitqabbdu persuni li jagħmluha tabirruħhom li jaħdmu għal rashom jew li tirriżulta mill-evitar, b'mezzi oħra, tas-sistemi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu fis-seħħ f'dak il-pajjiż. |
4.5 |
Il-fatt li jiġi kkontrollat u impost l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli fil-pajjiż ta’ attività m'għandux jiġi ddefinit mill-Unjoni Ewropea bħala “ostaklu” għall-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi, sakemm ma jintużax biex tixxekkel il-kompetizzjoni. Il-kontroll tar-rispett tal-ftehimiet kollettivi mhuwiex biss fl-interess tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, li għandhom jiġu rrispettati, iżda anke fl-interess tal-persuni li jħaddmuhom bona fide. Dan ma jgħoddx biss għall-kumpaniji multinazzjonali l-kbar iżda anke għall-SMEs. L-obbligu tar-reġistrazzjoni u tal-komunikazzjoni li huwa neċessarju biex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi element fundamentali tal-obbligi li huma marbuta mal-libertà tal-forniment tas-servizzi transkonfinali. It-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam huwa fl-interess tal-partijiet kollha interessati, u huwa ta’ benefiċċju wkoll għall-forniment transkonfinali tas-servizzi. |
4.6 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tosserva li l-firxa ta’ servizzi kummerċjali transkonfinali fi ħdan l-UE għadha inqas minn dik tas-setturi tas-servizzi fil-livell nazzjonali. Ħafna servizzi għandhom karattru lokali u speċjalizzat, u huwa aktar diffiċli li jiġu ġestiti mill-bogħod. Il-Kummissjoni ssemmi dan fuq fuq, iżda ma titkellimx dwar kemm dan l-aspett huwa mifrux u kemm huwa importanti. Lanqas l-eżempji pprovduti fil-Komunikazzjoni m'huma ta’ għajnuna biex jiddeskrivu l-istennijiet tal-Kummissjoni. Jidher li dan aktar jikkonċerna inċidenti li seħħew f'numru limitat ta’ Stati Membri, fejn id-Direttiva dwar is-Servizzi ma ġietx implimentata b'mod xieraq, milli jikkonċerna lakuni fundamentali fid-Direttiva nnifisha. |
4.7 |
Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-kompetizzjoni, li hija ta’ vantaġġ għall-konsumaturi speċjalment fil-qasam tal-għażla u l-prezz. Madankollu, il-konsumaturi għandhom ukoll stennijiet kruċjali oħra relatati mal-forniment tas-servizzi bħalma huma s-sikurezza, is-sigurtà, il-kwalità, it-trasparenza tal-prezzijiet, kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti, informazzjoni ċara u li tinftiehem u l-garanzija ta’ rimbors meta s-servizzi fornuti ma jkunux sodisfaċenti. Ir-regolamentazzjoni settorjali hija indispensabbli wkoll biex jiġi evitat li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu mhedda kif ġara bil-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u tas-suq tat-telekomunikazzjoni. |
4.8 |
Biex jiġi miġġieled xogħol li ma jilħaqx il-livell professjonali, tiġi żgurata l-kwalità tal-forniment tas-servizzi u tingħata l-possibbiltà ta’ rimedju meta l-fornitur tas-servizz jonqos mill-obbligi tiegħu, jeħtieġ li l-professjonisti rikonoxxuti minn setturi differenti jinkitbu f'reġistru aċċessibbli għall-pubbliku. Il-kwalifiki tal-professjonisti rreġistrati għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet stabbiliti u l-kapaċitajiet professjonali tagħhom għandhom jiġu ċċekkjati regolarment. Meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-fornituri tas-servizzi tagħhom b'dan il-mod, jiġifieri bl-għarfien tal-fatti u b'sikurezza totali, il-fiduċja fis-suq intern kulma jmur tikber. |
4.9 |
Fil-livell legali, il-Komunikazzjoni tħeġġeġ b'mod kontinwu l-ħolqien ta’ mezzi ta’ rimedju għall-fornituri tas-servizzi, speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Dan l-approċċ huwa wisq unilaterali. Il-mezzi ta’ rimedju stabbiliti f'dan il-qasam għandhom ikunu utli mhux biss għan-negozji iżda anke għall-konsumaturi u l-ħaddiema. |
4.10 |
L-ostakli li nħolqu bir-regolamentazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u msemmija mill-Kummissjoni fil-punt 5.2 ma jistgħux u m'għandhomx jitqiesu esklużivament mill-perspettiva tal-fornituri tas-servizzi. Ir-riżervazzjonijiet tal-attivitajiet, l-obbligi relatati mal-kapital u dawk li jirrigwardaw l-assigurazzjoni huma wkoll ġustifikati b'rekwiżiti ta’ kwalità definiti mis-soċjetà. Minbarra dan, tali obbligi għandhom l-għan li fl-istess waqt jiżguraw ir-responsabilità legali u l-possibbiltà tal-konsumaturi u tal-ħaddiema li jfittxu rimedju. |
4.11 |
L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet inkarigati mill-monitoraġġ u l-applikazzjoni jippontaw subgħajhom kontinwament lejn il-fenomenu tal-“korporazzjonijiet vetturi finanzjarji” fil-kummerċ transkonfinali. F'dan il-każ, is-suq intern tas-servizzi jiġi sfruttat biex iduru mal-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ diversi pajjiżi jew biex jevitawhom. L-istess problema tinqala' fil-każ ta’ numru kbir ta’ persuni mħaddma bħala persuni li jaħdmu għal rashom filwaqt li fir-realtà jkunu ħaddiema li ma jkunu qed jaħdmu għal rashom xejn. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel investigazzjoni bil-għan li tanalizza iktar din il-forma ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tagħmel il-ħsara, speċjalment lill-intrapriżi ġenwini, kbar u żgħar, u li jekk ikun hemm bżonn tieħu l-miżuri adatti. |
Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2010) 2020 finali
(2) COM(2010) 608 finali
(3) Direttiva 2006/123/KE.
(4) COM (2008) 703 finali.