Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX1230(02)

    Opinjoni tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi

    ĠU C 357, 30.12.2010, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 357/7


    Opinjoni tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi

    2010/C 357/02

    IS-SUPERVIŻUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

    Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (2),

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    I.   INTRODUZZJONI

    1.   Konsultazzjoni tal-EDPS

    1.

    Fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi (3). Il-Komunikazzjoni ġiet mibgħuta lill-EDPS għal konsultazzjoni fl-istess ġurnata.

    2.

    Il-EDPS jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ġie kkonsultat mill-Kummissjoni. Diġà qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, l-EDPS ingħata l-possibbiltà li jagħti kummenti informali. Xi wħud minn dawn il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-verżjoni finali tad-dokument, filwaqt li punti oħra għadhom iqajmu tħassib dwar il-protezzjoni tad-data.

    2.   Il-proposta fil-kuntest tagħha

    3.

    L-approċċ globali għall-kwistjonijiet tal-PNR li ppreżentat il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha għandu l-għan li jipprovdi qafas koerenti għat-trasferiment ta’ data tal-PNR lil pajjiżi terzi. Lilhinn mill-ħtieġa għaċ-ċertezza legali żviluppata fil-Komunikazzjoni, dan l-approċċ armonizzat kien appoġġjat bis-sħiħ ukoll mill-Parlament Ewropew li fil-qafas istituzzjonali l-ġdid huwa fdat bis-setgħa li jirratifika l-ftehimiet dwar il-PNR ma’ pajjiżi terzi (4).

    4.

    Il-Komunikazzjoni hija kkumplimentata b’Rakkomandazzjonijiet għan-negozjar ta’ ftehimiet dwar il-PNR ma’ pajjiżi terzi speċifiċi. Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet huma ristretti u mhumiex analizzati f’din l-opinjoni. Madankollu, fil-kapitolu II hemm kummenti dwar ir-relazzjoni bejn il-Komunikazzjoni ġenerali u r-Rakkomandazzjonijiet.

    5.

    Minbarra l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data tal-PNR lil pajjiżi terzi, il-Kummissjoni qiegħda tipprepara wkoll approċċ rivedut dwar il-PNR għall-UE. Aktar kmieni, proposta għal tali qafas tal-UE ġiet diskussa intensivament fil-Kunsill, taħt dak li kien it-tielet pilastru qabel id-dħul tat-Trattat ta’ Lisbona (5). Dawn id-diskussjonijiet ma wasslu għall-ebda kunsens dwar numru ta’ elementi essenzjali tas-sistema tal-PNR, bħal pereżempju l-użu tad-database maħluqa taħt din is-sistema. Il-Programm ta’ Stokkolma mbagħad ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħroġ bi proposta ġdida, iżda ma indirizzax l-elementi essenzjali ta’ tali proposta. Abbozz ta’ Direttiva għal skema tal-UE dwar il-PNR huwa mistenni fil-bidu tal-2011.

    6.

    L-opinjoni preżenti tiffoka fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. L-ewwel parti tagħha tanalizza l-Komunikazzjoni fil-kuntest tal-iżviluppi kurrenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, it-tieni parti tindirizza l-leġittimità tal-iskema tal-PNR u t-tielet parti tiffoka fuq kwistjonijiet aktar speċifiċi ta’ protezzjoni tad-data li hemm fil-Komunikazzjoni.

    II.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

    1.   Osservazzjonijiet ġenerali

    7.

    L-EDPS jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ orizzontali tal-Komunikazzjoni, bi qbil mat-talbiet riċenti tal-Parlament Ewropew għal analiżi komprensiva u opinjoni koerenti dwar l-iskemi eżistenti u dawk previsti tal-PNR. Livell għoli u armonizzat ta’ protezzjoni li jkun japplika għal dawn l-iskemi kollha hija mira li għandha tiġi appoġġjata bis-sħiħ.

    8.

    L-EDPS madankollu jqajjem mistoqsijiet dwar il-waqt tal-inizjattivi differenti marbuta direttament jew indirettament mal-ipproċessar ta’ data tal-PNR.

    9.

    Filwaqt li l-Kummissjoni ssemmi l-ftehimiet internazzjonali dwar l-iskemi tal-PNR u l-inizjattiva għal PNR tal-UE, l-istandards proposti fil-Komunikazzjoni jirrigwardaw biss ftehimiet internazzjonali. Il-qafas tal-UE se jiġi diskuss u żviluppat fi stadju aktar tard.

    10.

    Fl-opinjoni tal-EDPS, aġenda iżjed loġika u opportuna kienet tinkludi riflessjoni dettaljata dwar skema possibbli tal-UE li tinkludi salvagwardji għall-protezzjoni tad-data li jkunu konformi mal-qafas legali tal-UE, u fuq din il-bażi, jiġi żviluppat approċċ għall-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi.

    11.

    L-EDPS jenfasizza wkoll il-ħidma li għaddejja b’rabta ma’ ftehim ġenerali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar qsim ta’ data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi (6), li l-għan tiegħu huwa li jiġi stabbilit sett ta’ prinċipji li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni għad-data personali bħala kundizzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni bħal din mal-Istati Uniti. Ir-riżultat tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu jkun referenza għal iżjed ftehimiet bilaterali konklużi mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, fosthom il-ftehim dwar il-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti.

    12.

    Element ieħor li għandu jiġi kkunsidrat f’dan il-kuntest huwa r-riflessjoni ġenerali dwar il-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-data li qiegħda ssir bħalissa mill-Kummissjoni, biex toħroġ Komunikazzjoni qabel l-aħħar tal-2010 li għandha tiġi segwita minn proposta għal qafas regolatorju ġdid matul l-2011 (7). Dan il-proċess ta’ reviżjoni jseħħ fil-qafas “ta’ wara Lisbona”, li għandu impatt dirett fuq l-applikazzjoni orizzontali tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data għall-pilastri preċedenti tal-UE, fosthom il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

    13.

    Sabiex tkun żgurata l-konsistenza, l-UE għandha tiftiehem dwar l-istrumenti interni tagħha u fuq il-bażi ta’ dawn l-istrumenti interni, hija għandha tinnegozja ftehimiet ma’ pajjiżi terzi. L-aġenda globali għalhekk għandha tikkonċentra l-ewwel nett fuq il-qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-data, imbagħad fuq il-ħtieġa possibbli ta’ skema ta’ PNR tal-UE, u fl-aħħar nett fuq il-kundizzjonijiet għal skambji ma’ pajjiżi terzi, ibbażati fuq il-qafas aġġornat tal-UE. F’dan l-istadju għandhom jiġu kkunsidrati wkoll is-salvagwardji previsti fi ftehim ġejjieni bejn l-UE u l-Istati Uniti filwaqt li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti ta’ data tal-PNR lil pajjiżi terzi.

    14.

    L-EDPS huwa konxju mill-fatt li, għal raġunijiet proċedurali u politiċi, din l-ordni ideali mhijiex qed tiġi segwita fil-prattika. Madankollu huwa jħoss li l-atturi differenti involuti fil-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom iżommu f’moħħhom il-loġika wara dawn il-passi differenti. Hekk kif l-iżviluppi, b’mod partikolari dwar il-qafas tal-UE u n-negozjati bejn l-UE u l-US, huma mexjin ’il quddiem b’mod parallel, għandu jittieħed kont xieraq ta’ din il-ħtieġa għall-konsistenza u għal pożizzjoni armonizzata dwar is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data fi ħdan l-UE u fil-kuntest tat-trasferimenti. B’mod aktar konkret, dan jimplika b’mod partikolari li:

    jitqiesu r-riżultati tal-istima tal-impatt fuq il-PNR tal-UE qabel ma jiġu ffinalizzati xi negozjati dwar il-PNR ma’ pajjiżi terzi;

    ikun assigurat li wieħed jitgħallem mir-reviżjonijiet tal-arranġamenti preżenti dwar il-PNR;

    u, fir-rigward tan-negozjati mal-Istati Uniti, ir-rabta tan-negozjati dwar il-PNR man-negozjati dwar il-ftehim ġenerali dwar il-qsim ta' data għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi. Dan huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati salvagwardji konsistenti fiż-żewġ ftehimiet.

    15.

    Fl-aħħar nett, l-EDPS iqajjem il-kwistjoni tar-rabta bejn il-Komunikazzjoni u l-linji gwida mfassla mill-Kummissjoni. Il-kwistjoni tirrigwarda safejn għandhom jiġu speċifikati salvagwardji u kundizzjonijiet speċifiċi fl-istandards żviluppati fil-Komunikazzjoni jew fil-linji gwida stabbiliti għal kull pajjiż: jekk l-għan ġenerali huwa li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-ipproċessar u l-iskambju ta' data tal-PNR, l-EDPS iħoss li l-marġinu ta' manuvra għal kull ftehim internazzjonali għandu jkun kemm jista' jkun limitat, u li l-istandards għandhom jistabbilixxu qafas preċiż. L-istandards għandhom ikollhom impatt effettiv fuq il-kontenut tal-ftehimiet. Diversi kummenti hawn isfel iqajmu l-ħtieġa ta' aktar preċiżjoni f'dak is-sens.

    2.   Leġittimità tal-iskema

    16.

    L-EDPS kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma skont l-Artikolu 29 diġà insistew f'numru ta' opinjonijiet (8) dwar il-ħtieġa għal ġustifikazzjoni ċara tal-iżvilupp tal-iskemi tal-PNR, sew jekk ikun fi ħdan l-UE jew sabiex tiġi skambjata data ma’ pajjiżi terzi. Il-ħtieġa tal-miżuri trid tiġi stabbilita u appoġġjata b'evidenza konkreta, u mbagħad għandha tiġi evalwata u bbilanċjata mal-livell ta' ndħil fil-ħajja privata tal-individwi sabiex ikun assigurat eżitu proporzjonat u l-inqas invażiv. Il-fatt li l-iżviluppi teknoloġiċi riċenti bħalissa jirrendu possibbli aċċess u analiżi wiesgħa, kif jingħad fit-tmiem tal-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni, mhuwiex fih innifsu ġustifikazzjoni għall-iżvilupp ta' sistema mmirata sabiex teżamina lil dawk kollha li jivvjaġġaw. Fi kliem ieħor, id-disponibbiltà tal-mezzi m'għandhiex tiġġustifika t-tmiem.

    17.

    Kif żviluppat hawn isfel, l-EDPS iħoss li t-trasferiment bil-kwantità ta’ data dwar persuni innoċenti għal skopijiet ta’ valutazzjoni tar-riskju, iqajjem kwistjonijiet serji ta’ proporzjonalità. L-EDPS jiddubita b’mod partikolari l-użu proattiv tad-data tal-PNR. Filwaqt li l-użu “reattiv” tad-data ma joħloqx tħassib importanti, sakemm ikun parti minn investigazzjoni ta’ reat diġà mwettaq, l-użu proattiv u fil-ħin reali jwassal għal valutazzjoni aktar kritika.

    18.

    Skont il-mod kif inhi fformulata l-Komunikazzjoni, anki fil-“kuntest tal-ħin reali”, id-data tal-PNR ser “tintuża sabiex jiġi evitat reat, jiġu mistħarrġa jew arrestati persuni qabel ma jitwettaq reat”, fuq il-bażi ta’ “indikaturi tar-riskju bbażati fuq fatti determinati minn qabel” (9). L-idea prinċipali li jittieħdu miżuri fir-rigward ta’ persuni qabel ma jkun twettaq ir-reat fuq il-bażi tal-indikaturi tar-riskju, fl-opinjoni tal-EDPS hija miżura proattiva, li l-użu tagħha f’kuntest ta’ infurzar tal-liġi huwa tradizzjonalment definit b’mod strett u limitat.

    19.

    Barra minn hekk, la l-idea tal-indikaturi tar-riskju, u lanqas l-idea ta’ “valutazzjoni tar-riskju” ma hija żviluppata biżżejjed, u din tal-aħħar tista’ faċilment tiġi mħawda mal-idea ta’ “profilar”. Dan ix-xebh huwa msaħħaħ ukoll bl-allegat għan li huwa li jiġu stabbiliti “mudelli ta’ vjaġġar u mġiba msejsa fuq fatti”. L-EDPS iqajjem mistoqsijiet dwar ir-rabta bejn il-fatti oriġinali, u l-mudelli misluta minn dawn il-fatti. Il-proċess għandu l-għan li jimponi fuq individwu, valutazzjoni tar-riskju – u possibbilment miżuri ta’ sfurzar – ibbażati fuq fatti li ma jkunux relatati ma’ dan l-individwu. Kif diġà sostna fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar proposta għal PNR tal-UE, it-tħassib prinċipali tal-EDPS jirrigwarda l-fatt li “id-deċiżjonijiet dwar individwu se jittieħdu abbażi tax-xejriet u l-kriterji stabbiliti bl-użu tad-data tal-passiġġieri in ġenerali. Għalhekk jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet fuq individwu, fejn bħala referenza jintużaw (għall-inqas parzjalment), xejriet derivati mid-data ta' individwi oħrajn. Għalhekk id-deċiżjonijiet se jittieħdu f'relazzjoni ma’ kuntest astratt, li jista' jaffettwa ferm is-suġġett tad-data. Hu estremament diffiċli biex individwu jiddefendi ruħu kontra tali deċiżjonijiet” (10).

    20.

    L-użu ta’ metodi bħal dawn fuq skala wiesgħa, li jinvolvi l-iskrinjar tal-passiġġieri kollha, għalhekk iqajjem dubji serji dwar il-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, inklużi dawk stipulati fl-Artikolu 8 tal-ECHR, l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 TFEU.

    21.

    Kwalunkwe deċiżjoni finali dwar il-leġittimità tal-iskemi tal-PNR għandha tikkunsidra dawn l-elementi, li għandhom jiġu analizzati u żviluppati fil-valutazzjoni tal-impatt li qiegħda titwettaq fil-qafas tal-proġett ta’ PNR tal-UE. L-aġenda għandha tiġi ssettjata sabiex tippermetti konsiderazzjoni bir-reqqa tar-riżultati ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt fit-tfassil tar-rekwiżiti globali għall-iskemi tal-PNR.

    3.   Kontenut tal-istandards proposti

    22.

    Mingħajr preġudizzju għall-kummenti fundamentali preċedenti dwar il-leġittimità tal-iskemi tal-PNR, l-EDPS jilqa’ b’sodisfazzjon il-lista estensiva ta’ standards, viżibbilment ispirati mill-prinċipji tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, li f’diversi aspetti għandhom isaħħu l-protezzjoni prevista fi ftehimiet speċifiċi. Il-valur miżjud u n-nuqqasijiet identifikati f’dawn l-istandards huma diskussi f’dan li ġej.

    L-adegwatezza u l-karattru vinkolanti ta’ kwalunkwe ftehim

    23.

    Mill-mod kif inhi fformulata l-Komunikazzjoni, l-EDPS jifhem li l-valutazzjoni tal-adegwatezza tista’ tkun ibbażata fuq il-qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data tal-pajjiż riċevitur jew tkun kuntestwali, skont l-impenji legalment vinkolanti fi ftehim internazzjonali li jirregola l-ipproċessar tad-data personali. Minħabba r-rwol deċiżiv tal-ftehimiet internazzjonali b’rabta mal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza, l-EDPS jenfasizza l-ħtieġa li jkun stabbilit b’mod ċar il-karattru vinkolanti tal-ftehimiet għall-partijiet kollha kkonċernati, u huwa jemmen li dan għandu jkun ikkumplimentat minn indikazzjoni espliċita li l-ftehimiet għandhom jassiguraw drittijiet direttament infurzabbli lis-suġġetti tad-data. L-EDPS iħoss li dawn l-elementi jikkostitwixxu aspett essenzjali tal-valutazzjoni tal-adegwatezza.

    Ambitu u skop

    24.

    L-ewwel żewġ punti fil-lista ta' prinċipji jirrigwardaw il-limitazzjoni tal-iskop. Taħt is-sottotitolu “użu tad-data”, l-ewwel punt isemmi l-iskopijiet ta' infurzar tal-liġi u s-sigurtà, u jirreferi wkoll għat-terroriżmu u reati serji oħra transnazzjonali, kif ibbażati fuq l-“approċċ tad–” definizzjonijiet stipulati fl-istrumenti tal-UE. L-EDPS jagħmel mistoqsijiet dwar din il-formulazzjoni li tista' twassal biex jiġi kkunsidrat li l-ftehimiet futuri ma jkunux ibbażati preċiżament fuq dawn id-definizzjonijiet iżda jkunu ispirati minnhom. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali huwa essenzjali li t-terroriżmu u r-reati serji transnazzjonali jkunu definiti b'mod preċiż u li jiġu identifikati l-istrumenti tal-UE msemmija fil-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-EDPS ifakkar li qabel ma jiġu inklużi tipi differenti ta' reati fl-iskema tal-PNR, huma jridu bħala prekundizzjoni jgħaddu minn test tal-ħtieġa u l-proporzjonalità.

    25.

    It-tieni punt donnu jirreferi aktar għall-ambitu (in-natura tad-data miġbura) milli għall-prinċipju tal-iskop. L-EDPS jinnota li l-Komunikazzjoni ma tinkludix lista ta' data li tista' tkun suġġetta għal trasferimenti, billi tħalli l-istabbiliment tal-kategoriji ta' data li għandha tiġi skambjata għal kull ftehim speċifiku. Sabiex jiġu evitati d-diverġenzi u l-inklużjoni ta' kategoriji sproporzjonati ta' data f'xi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, l-EDPS iħoss li għandha tiġi miżjuda mal-istandards, lista komuni u eżawrjenti ta' kategoriji ta' data, bi qbil mal-iskop tal-iskambju tad-data. Huwa jirreferi għall-opinjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma skont l-Artikolu 29 f'dan ir-rigward, li jindikaw il-kategoriji tad-data li huma ammissibbli u dawk ikkunsidrati bħala eċċessivi meta mqabbla mad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (11). Il-kategoriji tad-data li għandhom jiġu esklużi huma b'mod partikolari dawk li jistgħu jitqiesu bħala data sensittiva – u li huma protetti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE, data SSR/SSI (Talba/Informazzjoni dwar Servizz Speċjali), data OSI (Informazzjoni Oħra Relatata ma' Servizz), sezzjonijiet miftuħa jew ta' kitba libera (bħall-“Kummenti Ġenerali” fejn tista' tidher data ta’ natura sensittiva), u l-informazzjoni dwar persuni li jtiru ta' spiss u “data dwar l-imġiba”.

    Data sensittiva

    26.

    Il-Komunikazzjoni tindika li m'għandhiex tintuża data sensittiva ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali. L-EDPS jiddeplora din l-eċċezzjoni. Huwa jħoss li l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni huma wiesgħa żżejjed u ma jġibu l-ebda garanzija: l-użu tad-data fuq bażi ta' każ b'każ huwa ppreżentat bħala eżempju; barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-iskop għandha tkun prinċipju ġenerali applikabbli għal kwalunkwe pproċessar ta' data tal-PNR, u mhux biss garanzija li tapplika għal data sensittiva. L-EDPS iħoss li l-possibbiltà ta' pproċessar ta' data sensittiva, anki f'każijiet limitati, tallinja l-livell ta' protezzjoni tal-iskemi kollha tal-PNR mal-iskema l-inqas konformi mal-protezzjoni tad-data pjuttost milli mal-iżjed waħda konformi. Għaldaqstant huwa jitlob għall-esklużjoni totali tal-ipproċessar ta' data sensittiva, bħala prinċipju.

    Sikurezza tad-data

    27.

    L-obbligu ġenerali dwar is-sikurezza żviluppat fil-Komunikazzjoni huwa kkunsidrat bħala sodisfaċenti. L-EDPS madankollu jħoss li huwa jista' jiġi kkumplimentat b'obbligu ta' informazzjoni reċiproka f'każ ta' ksur tas-sikurezza: ir-riċevituri jkunu responsabbli biex jinfurmaw lill-kontropartijiet tagħhom f'każ li d-data li jkun rċevew kienet soġġetta għal żvelar illegali. Dan għandu jikkontribwixxi għal responsabbiltà akbar lejn ipproċessar sikur tad-data.

    Infurzar

    28.

    L-EDPS jappoġġja s-sistema ta' superviżjoni kif prevista fil-komunikazzjoni, fosthom miżuri ta' sorveljanza u kontabilità. Huwa appoġġjat ukoll bis-sħiħ id-dritt ta' kull individwu għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju. Rigward id-drittijiet tal-aċċess, huwa jifhem li ma tista' tkun prevista l-ebda limitazzjoni, li hija ħaġa tajba. Jekk f'każijiet eċċezzjonali tkun meħtieġa limitazzjoni, l-ambitu preċiż tagħha u s-salvagwardji meħtieġa fosthom b'mod partikolari d-dritt indirett tal-aċċess, għandhom jissemmew b'mod ċar fl-istandards.

    Trasferimenti 'l quddiem

    29.

    L-EDPS huwa sodisfatt bir-restrizzjoni tat-trasferimenti 'l quddiem fuq bażi ta' każ b'każ, kemm jekk ikunu lil awtoritajiet tal-gvern jew lil pajjiżi terzi. Huwa jħoss li, minbarra dan il-prinċipju, il-limitazzjoni tal-iskop applikabbli għat-trasferimenti lil pajjiżi terzi għandha tapplika wkoll għat-trasferimenti fi ħdan il-pajjiż terz lil awtoritajiet governattivi oħra. Dan għandu jevita kwalunkwe użu jew kontroll ulterjuri bir-reqqa tad-data tal-PNR ma’ informazzjoni pproċessata għal skopijiet oħra. L-EDPS huwa mħasseb b'mod partikolari bir-riskju ta' kontroll bir-reqqa ta’ informazzjoni li tkun ġejja minn databases oħra bħall-ESTA fir-rigward tal-Istati Uniti. Huwa jinnota li d-deċiżjoni riċenti tal-US li titlob ħlas għall-ESTA tirriżulta fil-ġbir ta' informazzjoni dwar il-karti tal-kreditu tal-persuni li jivvjaġġaw. L-EDPS jitlob għal limitazzjoni ċara sabiex ikun evitat it-tqabbil mhux xieraq ta' informazzjoni lil hinn mill-ambitu tal-ftehim dwar il-PNR.

    Żamma tad-data

    30.

    Il-perjodu ta' żamma tad-data mhuwiex suġġett għal armonizzazzjoni effettiva. L-EDPS iqis li, bħala prinċipju, id-data tal-PNR għandha tiġi mħassra jekk il-kontrolli magħmula fl-okkażjoni tat-trażmissjoni tad-data ma jkunu taw bidu għall-ebda azzjoni ta' infurzar. Jekk il-kuntest nazzjonali jiġġustifika l-ħtieġa għal perjodu limitat ta' żamma, l-EDPS iħoss li fl-istandards għandu jiġi stabbilit perjodu limitat ta' żamma. Barra minn hekk, għandu jissaħħaħ il-prinċipju tal-limitazzjoni taż-żmien tad-drittijiet tal-aċċess tal-uffiċjali u l-anonimizzazzjoni gradwali tad-data għandha titqies bħala obbligu u mhux bħala eżempju.

    Modalitajiet ta' trażmissjoni

    31.

    L-EDPS jappoġġja l-użu esklussiv tas-sistema “push” biex tiġi trażmessa d-data tal-PNR. Huwa jitlob garanziji konkreti li jassiguraw li l-“push” tabilħaqq tkun l-unika sistema użata fil-prattika. L-esperjenza u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data fil-fatt urew li minkejja l-obbligi tal-ftehimiet li diġà hemm fis-seħħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-“PNR tal-US”, għadha effettiva “pull” residwa u li b’mod parallel mal-“push”, l-awtoritajiet tal-US għandhom aċċess aktar wiesa' għad-data tal-PNR permezz ta' Sistemi ta' Riserva bil-Kompjuter. Għandhom jittieħdu miżuri legali u tekniċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe qbiż tas-sistema “push”.

    32.

    Għandha tiġi definita l-frekwenza tat-trażmissjonijiet mil-linji tal-ajru (“raġonevoli”), u għandu jiġi stabbilit numru massimu ta' trażmissjonijiet. L-iskemi eżistenti li jipprovdu għall-iżjed dispożizzjonijiet konformi mal-privatezza għandhom ikunu l-punt ta' referenza għal tali eżerċizzju.

    Kunċetti ġenerali

    33.

    L-EDPS jitlob ukoll għal iżjed preċiżjoni fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-PNR. It-tul tal-ftehimiet (“fiss”, “xieraq”) u r-reviżjoni tagħhom (“perjodika”) għandhom jiġu definiti aktar f’perspettiva orizzontali. Tista' tiġi speċifikata, b'mod partikolari, il-perjodiċità tar-reviżjonijiet konġunti, kif ukoll l-obbligu li ssir l-ewwel reviżjoni fi żmien skadenza speċifika wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet: jista' jissemma massimu ta' tliet snin.

    III.   KONKLUŻJONI

    34.

    L-EDPS jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ orizzontali ppreżentat mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha. Dan huwa pass essenzjali fid-direzzjoni ta' qafas komprensiv għall-iskambju tad-data tal-PNR. Xi elementi importanti ta' tħassib madankollu jnaqqsu dan l-apprezzament ġenerali.

    35.

    Fihom infushom, l-iskemi tal-PNR ippreżentati fil-Komunikazzjoni, ma jissodisfawx it-testijiet tal-ħtieġa u l-proporzjonalità kif żviluppati f'din l-opinjoni u f'opinjonijiet preċedenti tal-EDPS u tal-Grupp ta' Ħidma skont l-Artikolu 29. Sabiex ikunu ammissibbli, il-kundizzjonijiet għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali għandhom ikunu ristretti b'mod konsiderevoli. L-EDPS huwa mħasseb b'mod partikolari dwar l-użu tal-iskemi tal-PNR għal skopijiet ta' valutazzjoni tar-riskju jew profilar.

    36.

    L-iżvilupp ta' standards għall-PNR għandu jqis il-qafas ġenerali tal-protezzjoni tad-data u l-iżviluppi legali relatati fi ħdan l-UE, kif ukoll in-negozjar ta' ftehimiet dwar l-iskambju tad-data f'livell iżjed ġenerali, speċjalment mal-Istati Uniti. Għandu jiġi assigurat li ftehim ġejjieni dwar il-PNR mal-Istati Uniti jirrispetta l-ftehim ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data mal-US. Il-ftehimiet dwar il-PNR ma' pajjizi terzi oħra għandhom ukoll ikunu konsistenti ma' dan l-approċċ.

    37.

    Huwa essenzjali li kwalunkwe ftehim ma' pajjiżi terzi jikkunsidra r-rekwiżiti l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data kif qed jiġu żviluppati fil-qafas istituzzjonali ta' wara Lisbona.

    38.

    L-EDPS isejjaħ ukoll għal iżjed preċiżjoni fl-approċċ globali fir-rigward tas-salvagwardji minimi applikabbli għall-ftehimiet kollha: għandhom japplikaw kundizzjonijiet aktar stretti fir-rigward tal-ipproċessar ta' data sensittiva, il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-kundizzjonijiet tat-trasferimenti 'l quddiem u ż-żamma tad-data.

    39.

    L-EDPS fl-aħħar nett jinsisti li kwalunkwe ftehim għandu jipprovdi għal drittijiet direttament infurzabbli għas-suġġetti tad-data. L-effikaċja tal-proċeduri tal-infurzar, mis-suġġetti tad-data kif ukoll mill-awtoritajiet superviżorji, hija kundizzjoni essenzjali għall-valutazzjoni tal-adegwatezza ta' kwalunkwe ftehim.

    Magħmula fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2010.

    Peter HUSTINX

    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (3)  COM(2010) 492 finali.

    (4)  Ġew iffirmati ftehimiet ma’:

    l-Istati Uniti: Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mil-linji tal-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (Ftehim tal-2007 dwar il-PNR) (ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18).

    il-Kanada: Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta’ Informazzjoni Avanzata dwar il-Passiġġieri u data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (ĠU L 82, 21.3.2006, p. 15).

    l-Awstralja: Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) ġejja mill-Unjoni Ewropea mil-linji tal-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 49-57).

    (5)  Fis-6 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi (COM(2007) 654 finali). L-EDPS ippreżenta l-opinjoni tiegħu dwar din il-proposta fl-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 110, 1.5.2008, p. 1).

    (6)  Ara b’mod partikolari l-Konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni f’Jannar 2010 dwar il-ftehim internazzjonali ġejjieni bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerika (US) dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-qsim ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u l-kontributi tal-Grupp ta’ ħidma skont l-Artikolu 29 u l-EDPS, li jistgħu jinstabu fuq http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0005_en.htm

    (7)  Il-Kummissjoni nediet proċess ta’ reviżjoni tal-qafas legali preżenti li beda b’konferenza ta’ livell għoli f’Mejju 2009. Din kienet segwita minn konsultazzjoni pubblika sal-aħħar tal-2009 u minn diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati f’Lulju 2010. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma skont l-Artikolu 29, li fih l-EDPS ħa sehem attiv, huwa disponibbli fil-link li ġejja: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/wpdocs/index_en.htm#general_issues

    (8)  Opinjoni tal-EDPS tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, ĠU C 110, 1.5.2008, p. 1. L-opinjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma skont l-Artikolu 29 huma disponibbli fil-link li ġejja: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/wpdocs/index_en.htm#data_transfers

    (9)  Paġna 4 tal-Komunikazzjoni, kapitolu 2.1.

    (10)  Opinjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, ĠU C 110, 1.5.2008, p. 4.

    (11)  Opinjoni tat-23 ta' Ġunju 2003 dwar il-Livell ta' Protezzjoni fl-Istati Uniti għat-Trasferiment ta’ Data dwar il-Passiġġieri, WP78. Din l-opinjoni u l-opinjonijiet sussegwenti tal-Grupp ta' Ħidma huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/index_en.htm#data_transfers


    Top