Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0420(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeoġrafiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 101, 20.4.2010, p. 20–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 101/20


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeoġrafiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2010/C 101/10

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    Applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 9

    “RICOTTA ROMANA”

    Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0298-16.07.2008

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda:

    Isem il-prodott

    Image

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Image

    Metodu ta' produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [għandu jiġi speċifikat]

    2.   Tip ta' emenda:

    Image

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sinteżi

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sinteżi ma ġew ippubblikati

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi tad-dokument uniku ppublikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji mandatarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda (emendi):

    3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott:

    Fil-punt 2, inbidel il-kontenut minimu ta' xaħam bħala perċentwali ta' materja niexfa. Din l-emenda kienet meħtieġa minħabba li deher ċar li l-valur mogħti fl-ispeċifikazzjoni rreġistrata ma kellu x'jaqsam xejn ma' dak reali. Ir-“Ricotta Romana” ġiet irreġistrata bħala DPO permezz tar-Regolament (KE) Nru 737/2005 tat-13 ta' Mejju 2005. Meta kienet qed timplimenta l-pjan ta' kontroll għar-“Ricotta Romana”, l-entità ta' kontroll sabet li kwantità sostanzjali tal-prodott ma setgħetx tiġi ċċertifikata. Wara verifika bir-reqqa u analiżi mwettqa fuq għadd xieraq ta' kampjuni simili magħmula f'diversi żminijiet tas-sena ħareġ ċar li l-kontenut ta' xaħam fl-irkotta kien ferm ogħla. Għal dan il-parametru, fl-ispeċifikazzjoni ġiet indikata medda ta' valuri bejn is-17 % u d-29 %, filwaqt li, fil-verità, il-valur minimu reali ta' dan il-parametru huwa ta’ 40 % tal-materja niexfa.

    3.2.   Metodu ta' produzzjoni:

    Instab li l-valuri mogħtija għax-xorrox tal-ħalib tan-nagħaġ ukoll mhumiex realistiċi.

    Il-valuri stabbiliti permezz ta' analiżi kienu dawn:

    residwu niexef bla xaħam: 5,37 % jew aktar;

    proteini: 1,09 % jew aktar;

    xaħam: 0,35 % jew aktar;

    lattosju: 3,55 % jew aktar;

    rmied: 0,4 % jew aktar.

    Id-diskrepanzi oriġinaw min-nuqqas ta’ reqqa tal-laboratorju analitiku li l-produtturi użaw meta l-ispeċifikazzjoni kienet qiegħda titfassal. Fil-fatt, irriżulta li l-valuri preċedenti tal-parametri kienu bbażati fuq għadd ta' kampjuni żgħir wisq, u barra minn hekk, dawn ittieħdu f'perjodu tas-sena limitat. Dan kollu wassal għal valuri tal-parametri li ma kinux jikkorrispondu mal-verità.

    Il-valuri tal-parametri stabbiliti permezz tal-analiżi li għamlet l-Entità taċ-Ċertifikazzjoni jikkorrispondu mal-karatteristiċi reali tal-prodott.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “RICOTTA ROMANA”

    Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0298-16.07.2008

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem:

    “Ricotta Romana”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

    L-Italja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta' prodott (l-Anness III):

    Klassi 1.4.

    Prodotti oħrajn li ġejjin mill-annimali. Rikotta

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

    Id-denominazzjoni protetta tal-oriġini (DPO) “Ricotta Romana” hija riżervata biss għall-prodott tal-ħalib li jsir mix-xorrox tal-ħalib sħiħ tan-nagħaġ ta' dawn ir-razez: Sarda, Comisana, Soppravvissana, Massese u t-taħlit tagħhom. Meta jitqiegħed fis-suq, dan il-prodott għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

    Prodott: frisk;

    Għaġna: bajda, bil-boċoċ fiha;

    Togħma: ħelwa, ta' ħalib;

    Piż: sa 2 kg;

    Kontenut ta' xaħam: minimu ta' 40 % tal-materja niexfa.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    Ix-xorrox tal-ħalib sħiħ, li huwa prodott likwidu tal-koagulazzjoni tal-ħalib, għandu jinkiseb billi jiġi sseparat mill-baqta maħsuba għall-produzzjoni tal-ġobon tan-nagħaġ mill-ħalib tan-nagħaġ tar-reġjun ta' Lazio.

    Ix-xorrox tal-ħalib sħiħ tan-nagħaġ għandu kulur isfar ċar u fih:

    residwu niexef bla xaħam: 5,37 % jew aktar;

    proteini: 1,09 % jew aktar;

    xaħam: 0,35 % jew aktar;

    lattosju: 3,55 % jew aktar;

    rmied: 0,4 % jew aktar.

    Fil-produzzjoni tar-“Ricotta Romana” huwa permess li, fil-proċess tat-tisħin tax-xorrox, b'temperatura bejn il-50 °C u s-60 °C, jiġi miżjud ħalib sħiħ tan-nagħaġ tar-razez imsemmija hawn fuq u mrobbija fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4, sa ammont li ma jaqbiżx il-15 % tal-volum totali tax-xorrox.

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    In-nagħaġ tal-ħalib jirgħu f'raba' naturali, f'raba' miżrugħ u f'mergħat tipiċi taż-żona ġeografika tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4. Bħala għalf supplimentari, jistgħu jintużaw ħxejjex niexfa u konċentrati. Ma jistgħux jintużaw sustanzi sintetiċi u organiżmi modifikati ġenetikament. In-nagħaġ tal-ħalib ma għandhomx jiġu soġġetti għal għalf sfurzat, għal stress mill-ambjent u/jew għal trattamenti ormonali bl-għan li jżidu l-produzzjoni.

    3.5.   Fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata:

    L-impriżi tat-trobbija tan-nagħaġ għall-ħalib maħsub għall-ipproċessar f'“Ricotta Romana” jinsabu fiż-żona ġeografika speċifikata.

    Il-produzzjoni tal-ħalib u l-ipproċessar tiegħu għandhom isiru fiż-żona ġeografika speċifikata.

    Fattur importanti ħafna biex il-prodott jikseb il-kwalitajiet karatteristiċi tiegħu hu t-tqattigħ tal-baqta, li jiddependi mis-sengħa tal-produtturi tal-ġobon, miksuba mill-abbiltà u mill-esperjenza mgħoddija tul is-sekli fiż-żona tad-DPO.

    3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

    Meta x-xorrox ikun kważi sseparat għal kollox, ir-“Ricotta Romana” tiġi ppakkjata mill-ewwel u titqiegħed għall-bejgħ ftit sigħat wara li tiġi prodotta.

    Fil-fatt, dan huwa prodott frisk li ma jimmaturax u malajr jisnieħ u jmur.

    Għalhekk, ir-“Ricotta Romana”, li hija prodott li għandu jittiekel frisk, għandha tiġi ppakkjata fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4, biex ma titlifx il-karatteristiċi ta' freskezza, purità u kwalità tagħha, kif ukoll biex jiġi żgurat li tkun tista' tiġi ttraċċata kif ukoll li l-kontrolli jkunu jistgħu jsiru.

    L-ippakkjar isir fi bxiekel koniċi bil-wiċċ ċatt, magħmulin mill-qasab, mill-plastik jew mill-metall u li jesgħu sa mhux iktar minn 2 kg. Il-wiċċ ta' fuq tal-bixkilla jitgħatta b'folja tal-plastik. Il-prodott jista' jiġi ppakkjat b'dawn il-modi wkoll:

    imgeżwer f'karta parċmina

    f'kontenituri tal-plastik u/jew mingħajr arja.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

    Fuq it-tikketta, stampati b'ittri ċari u leġibbli, l-ippakkjar irid ikollu r-referenzi rilevanti u l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi, is-simbolu grafiku tal-Komunità u dawn l-indikazzjonijiet:

    il-kliem “Ricotta Romana” għandu jkun stampat b'ittri pjuttost kbar, ċari u li ma jitħassrux, differenti ħafna minn kwalunkwe kliem ieħor u għandu jkun segwit mill-kliem “Denominazione Origine Protetta (D.O.P.)”;

    l-isem, l-isem u l-indirizz tal-impriża li tipproduċi u tippakkja l-prodott;

    il-lowgo tal-prodott.

    Kull deskrizzjoni oħra mhux permessa espliċitament hija pprojbita, inklużi l-aġġettivi li ġejjin: “fine” (fin), “scelto” (tal-għażla), “selezionato” (magħżul), “superiore” (superjuri), u “genuino” (ġenwin) jew aġġettivi oħrajn li jfaħħru l-prodott. Madankollu, huwa permess l-użu ta' ismijiet li jirreferu għal ditti privati, sakemm dawn ma jkollhomx l-għan li jfaħħru u ma jkunux tali li jingannaw il-konsumatur. Huwa permess ukoll l-użu ta' isem l-impriża li minnha jkun ġej il-prodott, kif ukoll ta' referenzi veri oħra li jistgħu jkunu sostnuti b'dokumentazzjoni li huma permessi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, nazzjonali jew reġjonali u li mhumiex f'kunflitt mal-għanijiet u l-kontenut ta' din l-ispeċifikazzjoni.

    Il-kliem “Ricotta Romana” għandu jiġi stampat bit-Taljan.

    4.   Deskrizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

    Ix-xorrox għandu jiġi mill-ħalib sħiħ tan-nagħaġ imrobbija fit-territorju tar-reġjun ta' Lazio. Dan ix-xorrox għandu jiġi pproċessat f' “Ricotta Romana” u ppakkjat fit-territorju tar-reġjun ta' Lazio biss.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Mil-lat pedoklimatiku, it-territorju tar-Reġjun ta' Lazio huwa kkaraterizzat minn diversi tipi ta' kontorni (muntanji kalkarji u vulkaniċi, għoljiet, pjanuri alluvjali); temperatura annwali medja li tvarja minn 13 °C sa 16-il °C; u nżul annwali tax-xita li l-valur minimu tiegħu jvarja minn 650 mm tul il-kosta, għal 1 000-1 500 mm fil-pjanuri interni u sa 1 800-2 000 mm fil-Muntanja Terminillo u fil-medda ta' muntanji Simbruini.

    Minħabba dawn il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi, dan it-territorju jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-trobbija tan-nagħaġ, bla ma joħolqilhom stress.

    Dawn il-fatturi naturali jippermettu li r-raba' naturali u r-raba' miżrugħ jintużaw bħala sors tal-ikel għan-nagħaġ, u b'hekk jagħtu kwalità partikolari lill-ħalib li jintuża għall-ipproċessar tal-ġobon u jistabbilixxu sinerġija favorevoli mmens kemm għall-kwalità tal-prodott kif ukoll għan-natura omoġenja tal-karatteristiċi tiegħu.

    Ta' min jenfasizza li fir-Reġjun ta' Lazio hemm aktar minn 440 000 nagħġa li jipproduċu madwar 600 000 ettolitru ta' ħalib fis-sena.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    Ir-“Ricotta Romana” għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

    għaġna fina ħafna u bil-boċoċ;

    kulur aktar distint minn dak tal-prodotti li jsiru mix-xorrox tal-ħalib tal-baqar; u

    togħma ħelwa ta' ħalib.

    Dawn il-karatteristiċi tal-kwalità huma relatati:

    ma' kontenut ta' lattosju ta' 3,55 % jew aktar fix-xorrox tal-ħalib sħiħ tan-nagħaġ, li jagħmlu l-prodott wieħed ħelu, minħabba t-tip ta' għalf li jieklu n-nagħaġ tal-ħalib, li jirgħu f'raba' naturali, f'raba' miżrugħ u f'mergħat tipiċi tat-territorju tar-Reġjun ta' Lazio;

    mal-fatt li ma jiżdiedux addittivi li jaġġustaw l-aċidità tax-xorrox waqt li jkun qiegħed jiġi pproċessat.

    Il-prodott ta' dan il-proċess, ir-“Ricotta Romana”, jikseb togħma ħelwa karatteristika li tiddistingwih minn kull tip ta' rkotta oħra.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    L-għalf tan-nagħaġ, flimkien mal-kundizzjonijiet ambjentali favorevoli tat-trobbija, li jinkludu t-tradizzjoni ta' rigħi fil-muntanji, li tgħin biex l-annimali jevitaw is-sħana qawwija tas-sajf u b'hekk, anke l-istress mill-ambjent u min-nutrizzjoni li nkella jsofru fil-pjanuri, jwasslu għal produzzjoni ta' ħalib tal-aqwa kwalità, li minnu ssir irkotta b'karatteristiċi distinti ħafna.

    Storikament, il-preżenza tar-“Ricotta Romana” fis-swieq tar-reġjun ta' Lazio kollu, tidher fl-informazzjoni li toħroġ mir-rapporti tas-suq tal-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tas-Snajja' u tal-Agrikoltura (CCIAA) rispettivi ta' Ruma (1922-1965), ta' Viterbo (1946-1973), ta' Frosinone (1955-1999) u ta' Latina (1951-1977). Barra minn hekk, mill-Borża tas-suq taċ-CCIAA ta' Ruma wieħed jista' jara l-varjazzjoni fil-prezz ta' dan il-prodott bejn l-1952 u l-1998, li tixhed l-importanza ta' dan il-prodott għall-ekonomija ta' din iż-żona ġeografika. Hemm għadd kbir ta' referenzi soċjali u ekonomiċi, fosthom il-preżenza ta' produtturi li ilhom jipproduċu din l-irkotta għal ħafna snin. Dawn ir-referenzi jinkludu: informazzjoni mogħtija mid-direttur ta' impriża f'Castel di Guido li turi li fl-1969 din l-impriża pproduċiet madwar 3 500 litru ħalib tan-nagħaġ; li parti minnu nbiegħet bħala ħalib frisk u parti oħra ntużat għall-produzzjoni tar-“ricotta romana”, kif joħroġ mill-kotba tal-kontabbiltà tal-impriża għas-snin 1958, 1960 u 1965, iffirmati mir-ragħaj u mid-direttur; il-kotba tal-kontabbiltà tal-azjenda agrikola ta' Gasparri, fejn jidhru l-prezz għal kull kilogramm u l-għadd totali ta' kilogrammi ta' “ricotta romana” prodotti fl-istaġuni agrarji ta' bejn l-1907 (prezz ta' 70 ċenteżmu kull kilo sal-15 ta' Marzu u ta' 45 ċenteżmu kull kilo wara l-15 ta' Marzu, għal produzzjoni totali ta' 850 kg) u l-1924 (produzzjoni totali ta' 932,5 kg).

    Hemm ukoll għadd kbir ta' referenzi storiċi u tradizzjonali li jixhdu r-rabta li dan il-prodott għandu maż-żona ġeografika. Fost ir-referenzi storiċi hemm id-deskrizzjoni tat-tekniki ta' produzzjoni użati għall-produzzjoni tar-“ricotta romana” li tidher fil-ktieb “Vita di pastori nella Campagna Romana” (tal-1953) ta' Trinchieri. Waħda mir-referenzi tradizzjonali hija dik għall-festa folkloristika tal-“attozzata” (irkotta tal-ħalib tan-nagħaġ) fil-muniċipalità ta' Barbarano Romano (VT) li ilha ssir għal madwar 30 sena.

    Ir-“Ricotta Romana”, minbarra li tittiekel bħala ikla weħidha, tintuża ħafna wkoll bħala ingredjent fl-ikel tradizzjonali tar-Reġjun ta' Lazio.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura ta' oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għal emendi tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini msejħa “Ricotta Romana” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 26 tal-31 ta' Jannar 2008. It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq dan il-websajt:

    fl-indirizz elettroniku li ġej:

    http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

    jew

    billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq il-kliem “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top