Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0814

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam

/* KUMM/2010/0814 finali - NLE 2010/0394 */

52010PC0814

/* KUMM/2010/0814 finali - NLE 2010/0394 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 11.1.2011

KUMM(2010) 814 finali

2010/0394 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam

(ippreżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP), f’Marzu 1998 ġew konklużi negozjati għal Konvenzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ kunsens infurmat minn qabel (prior informed consent - PIC) għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali.

Il-Konvenzjoni nfetħet għall-iffirmar waqt il-Konferenza Diplomatika Ministerjali li saret f’Settembru 1998 f’Rotterdam. Ġiet iffirmata mill-Komunità fil-11 ta’ Settembru 1998. Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam tfisser pass kbir 'il quddiem fir-regolamentazzjoni internazzjonali ta' ċerti kimiċi perikolużi, inklużi l-pestiċidi. L-għan tagħha huwa li tippromwovi r-responsabbiltà u l-isforzi kooperattivi konġunti fost il-Partijiet involuti fil-kummerċ internazzjonali ta’ dawn il-kimiċi, sabiex jitħarsu saħħet il-bniedem u l-ambjent minn ħsara potenzjali, u li tikkontribwixxi lejn l-użu ambjentali tagħhom mingħajr periklu.

L-Unjoni implimentat il-Konvenzjoni permezz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 689/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi[1]. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006[2], il-Kunsill iddeċieda li japprova l-Konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea.

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004. Il-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP5) se ssir f’Ġinevra mill-20 sal-24 ta’ Ġunju 2011. Minbarra l-Unjoni, 26 mill-Istati Membri tagħha huma Parti f’din il-Konvenzjoni.

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika (CRC), korp sussidjarju taħt l-awtorità tal-COP, il-Konferenza tal-Partijiet mistennija tieħu deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta' aktar kimiċi bil-proċedura PIC billi żżidhom mal-Anness III tal-Konvenzjoni.

L-erba' kimiċi rrakkomandati mis-CRC għall-inklużjoni fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, jiġifieri l-asbestos krisotilu, l-endosulfan, l-alaklor u l-aldikarb, diġà huma suġġetti għal restrizzjonijiet simili taħt il-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, qed tipproponi lill-Kunsill, f’isem l-Unjoni, deċiżjoni ta' appoġġ għall-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni fis-COP5.

2010/0394 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 207, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. L-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-proċedura tal-kunsens infurmat minn qabel għal xi kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (il-'Konvenzjoni ta’ Rotterdam')[3].

2. Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 689/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni[4].

3. Sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi li jimportaw jibbenefikaw mill-ħarsien offrut mill-Konvenzjoni ta' Rotterdam, huwa meħtieġ u xieraq li r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika tiġi appoġġata fir-rigward tal-inklużjoni fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta' Rotterdam l-asbestos krisotilu, l-endosulfan, l-alaklor u l-aldikarb. Dawn l-erba' sustanzi huma ġa pprojbiti jew ristretti sew fl-Unjoni, u għalhekk huma suġġetti għal rekwiżiti tal-esportazzjoni li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ skond il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam.

4. Il-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP5) tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam hija mistennija tieħu deċiżjonijiet dwar l-emendi proposti għall-Anness III. L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, il-Kummissjoni għandha tappoġġa f’isem l-Unjoni, l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Anness III għall-Konvenzjoni ta' Rotterdam, bl-għan li jiddaħħlu fih l-asbestos krisotilu, l-endosulfan, l-alaklor u l-aldikarb.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 204, 31.7.2008, p. 1.

[2] ĠU L299, 28.10.2006, p. 23

[3] ĠU L299, 28.10.2006, p. 23

[4] ĠU L 204, 31.7.2008, p. 1.

Top