Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0618

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv

    /* KUMM/2010/0618 finali - NLE 2010/0306 */

    52010PC0618

    /* KUMM/2010/0618 finali - NLE 2010/0306 */ Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 3.11.2010

    KUMM(2010) 618 finali

    2010/0306 (NLE)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv

    SEG(2010) 1290 SEG(2010) 1289

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Sfond u għanijiet tal-proposta

    Wara l-adozzjoni b’suċċess tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, it-tħejjija ta’ proposta riveduta għal leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv hija inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2010 (punt 2010/ENER/021).

    Il-proposta għal Direttiva tistabbilixxi qafas legali tal-UE għall-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv. Tirrevedi l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill (Euratom) dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil nukleari użat u skart radjuattiv[1].

    L-Istati Membri kollha għandhom skart radjuattiv. Dan jiġi ġġenerat minn ħafna attivitajiet ta’ benefiċċju, bħall-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti tal-elettriku nukleari u firxa ta’ applikazzjonijiet radjuisotopiċi fil-mediċina, l-industrija, l-agrikoltura, ir-riċerka u l-edukazzjoni.

    L-operazzjoni tar-reatturi nukleari wkoll tiġġenera fjuwil użat. Attwalment jeżistu żewġ għażliet għall-ġestjoni tal-fjuwil użat (jiġifieri rradjat): ir-riproċessar biex jiġu rkuprati l-plutonju u l-uranju għall-użu mill-ġdid possibbli, jew il-ħżin interim u r-rimi dirett eventwali tiegħu jekk il-fjuwil użat ikun meqjus bħala skart fil-politika nazzjonali. Madankollu, anke jekk il-fjuwil użat jiġi riproċessat[2], xorta jkun hemm l-'iskart aħħari', jiġifieri r-residwi vvitrifikati separati li jkun fihom il-frazzjoni mhux irriċiklata, li trid tintrema wkoll. Aktar min-nofs tal-Istati Membri joperaw impjanti tal-elettriku nukleari. Hemm reatturi nukleari li qed jinbnew u li qed jiġu ddekummissjonati, kif ukoll pjanijiet għal binjiet ġodda f’għadd ta’ Stati Membri.

    Skont il-karatteristiċi tal-iskart (jiġifieri l-kontenut radjunuklidiku) jinħtieġu arranġamenti speċifiċi biex il-bnedmin u l-ambjent jiġu protetti mill-perikli kkaġunati mir-radjazzjoni jonizzanti. Il-prinċipju bażiku tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv huwa l-konteniment u l-iżolament tiegħu mill-bnedmin u mill-bijosfera sakemm l-iskart ikun jikkostitwixxi periklu radjoloġiku. Dan il-periklu jonqos tul iż-żmien b’riżultat tad-diżintegrazzjoni radjuattiva. L-iżolament huwa żgurat b’serje ta’ barrieri mibnija għal dan il-għan u, fil-każ ta’ skart ta’ ħajja itwal, jiġi żgurat ukoll bil-proprjetajiet tal-ġebla ospitanti.

    L-iskart radjuattiv jiġi kklassifikat fi skart ta' livell baxx, intermedju u għoli skont il-livell ta' attività tiegħu. Tista' ssir distinzjoni wkoll bejn skart ta' ħajja twila u dak ta' ħajja qasira[3]. Skart ta' ħajja qasira ta' livell Baxx u Intermedju (Low and Intermediate Level Waste, LILW) tipikament jintrema f’faċilitajiet tar-rimi qrib is-superfiċje. Kuntrarjament, għall-Iskart ta' Livell Għoli (High Level Waste, HLW) hemm kunsens xjentifiku u tekniku madwar id-dinja kollha li r-rimi ġeoloġiku fil-fond huwa l-iktar għażla sikura u sostenibbli[4].

    Fl-UE, aktar minn 85% tal-volum ta’ skart radjuattiv iġġenerat hu kkostitwit minn LILW, madwar 5% LILW ta’ ħajja twila u inqas minn 10% HLW, li jinkludi kemm l-iskart ivvitrifikat mir-riproċessar u kemm il-fjuwil użat meqjus bħala skart[5].

    Minbarra dan, indipendentement mill-ġejjieni tal-applikazzjonijiet tal-elettriku nukleari u tal-applikazzjonijiet li ma jużawx elettriku nukleari, jeħtieġ li jiġi applikat ir-rimi bħala l-punt tat-tmiem fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv eżistenti u futur biex tiġi żgurata s-sikurezza fit-tul.

    Il-ħżin temporanju huwa stadju importanti fil-ġestjoni ġenerali tal-iskart radjuattiv, speċjalment għall-fjuwil użat u għall-HLW, billi jippermetti tkessiħ effettiv u t-tnaqqis tal-livelli ta’ radjazzjoni li jrendu l-immaniġġar aktar sikur. Madankollu, hemm ukoll kunsens wiesa' li l-ħżin tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inkluż il-ħżin fit-tul, huwa biss soluzzjoni temporanja li tirrikjedi kontrolli istituzzjonali attivi u permanenti. Fuq perjodu ta' żmien itwal, huwa biss ir-rimi bil-karatteristiċi inerenti tiegħu ta' sikurezza passiva li jista’ jiżgura l-protezzjoni mill-perikli potenzjali kollha.

    Ir-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv hija tal-Istati. Barra minn hekk, huwa prinċipju etiku aċċettat li s-soċjetà għandha tevita li timponi piżijiet żejda fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, u dan ipoġġi r-responsabbiltà fuq il-ġenerazzjoni attwali, li bbenefikat mill-elettriku nukleari jew mill-interventi mediċi, biex timmaniġġa l-iskart eżistenti kollu b’mod xieraq.

    Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, ħafna mill-pajjiżi għad iridu jieħdu deċiżjonijiet importanti rigward il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. Dan japplika b'mod partikolari għall-fjuwil użat u għall-HLW; huma biss ftit Stati Membri li għandhom programmi stabbiliti sew biex jimplimentaw ir-rimi. Il-konsegwenzi tad-dewmien huma li r-responsabbiltajiet se jgħaddu għand il-ġenerazzjonijiet futuri, kemm biex jimplimentaw ir-rimi u kemm biex jippreżervaw l-għażliet tal-ħżin temporanju. Ir-riskji assoċjati huma evidenti – nuqqas ta' disponibilità ta' finanzjament, nuqqas ta’ għarfien espert, disturbi minħabba diżordni mhux previst fis-soċjetà, theddidiet terroristiċi, eċċ.

    Il-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat, fl-istadji kollha mill-ġenerazzjoni għar-rimi, tirrikjedi qafas nazzjonali li jiżgura impenji politiċi, assenjazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u li jkun hemm biżżejjed riżorsi xjentifiċi, tekniċi u finanzjarji disponibbli meta jkun meħtieġ. Minħabba n-natura sensittiva ħafna tal-kwistjoni, għandhom jiġu żgurati wkoll it-tagħrif għall-pubbliku u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    Għaldaqstant, l-għan ġenerali ta’ din il-proposta huwa li jiġi stabbilit qafas legali tal-UE għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv bħala parti integrali mill-użu sikur tal-enerġija nukleari għall-produzzjoni tal-elettriku u tar-radjazzjoni jonizzanti fil-mediċina, l-industrija, l-agrikoltura, ir-riċerka u l-edukazzjoni.

    Sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali tal-politika, jeħtieġ li:

    - jiġi żgurat li l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jkunu protetti mill-perikli kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti issa, fil-futur u lil hinn mill-konfini nazzjonali;

    - jiġu implimentati l-ogħla standards ta' sikurezza għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat;

    - li tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet żejda fuq ġenerazzjonijiet futuri;

    - jinkiseb impenn politiku kontinwu għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv fuq terminu ta' żmien twil;

    - tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi f’dispożizzjonijiet ċari għall-implimentazzjoni tal-passi kollha relatati mal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat mill-ġenerazzjoni sar-rimi;

    - jinkiseb u jinżamm titjib kontinwu tas-sistema ta’ ġestjoni, abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet pass wara pass u aċċettazzjoni soċjali;

    - jiġu żgurati riżorsi finanzjarji xierqa u mmaniġġati b’mod trasparenti, li jkunu disponibbli meta meħtieġa skont il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas'.

    L-istrumenti legali eżistenti li jaffettwaw il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat; is-sussidjarjetà

    Il-kompetenzi Komunitarji relatati mal-fjuwil użat u mal-iskart radjuattiv li joriġinaw mill-attivitajiet nukleari ċivili jaqgħu taħt il-qafas tat-Trattat Euratom. L-Artikolu 2(b) tat-Trattat Euratom jipprovdi standards ta' sikurezza uniformi li għandhom jiġu stabbiliti biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali. L-Artikolu 30 jipprovdi standards bażiċi fil-Komunità li għandhom jiġu stabbiliti għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti, u l-Artikolu 37 jesiġi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'dejta ġenerali dwar kwalunkwe pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv.

    Kif rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Trattat Euratom, dwar is-saħħa u s-sikurezza, jiffurmaw sett sħiħ u koerenti li jagħti lill-Kummissjoni setgħat ta’ ambitu konsiderevoli biex il-popolazzjoni u l-ambjent jiġu protetti mir-riskji tal-kontaminazzjoni nukleari[6]. Abbażi tas-sentenza stabbilita C-29/99 tal-Qorti, l-istandards bażiċi tas-sikurezza eżistenti, li l-mira prinċipali tagħhom hija l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali mill-perikli kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti, jistgħu jiġu 'ssumplimentati' skont it-tifsira tat-Trattat Euratom b’rekwiżiti tas-sikurezza li jirregolaw il-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat.

    Il-kwistjoni tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv hija evidentement qasam fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi kkumplimentata b’leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE minħabba l-aspett transkonfinali tas-sikurezza. Fl-istess waqt is-suq intern jesiġi li l-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet indaqs biex jiġi evitat tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

    Madankollu, il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti ma tkoprix l-attivitajiet u l-faċilitajiet kollha relatati mal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. Aspetti bħalma huma l-politiki nazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom, u t-tagħrif għall-pubbliku u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mhumiex inklużi.

    Id-Direttiva tal-Kunsill reċentement adottata li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà [sikurezza] tal-installazzjonijiet nukleari (id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari)[7] tkopri biss il-faċilitajiet tal-ħżin tal-fjuwil użat u faċilitajiet oħra tal-ħżin għall-iskart radjuattiv li jkunu fl-istess sit tal-installazzjonijiet nukleari u li jkunu direttament relatati magħhom. Madankollu, hija tistabbilixxi li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inkluż fil-faċilitajiet tal-ħżin u tar-rimi. Għaldaqstant, id-Direttiva proposta dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv hija l-pass loġiku li jmiss wara d-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari.

    Strumenti legali oħra tal-UE rilevanti għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv huma arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ tagħrif fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika[8], il-kontroll ta’ sorsi radjoattivi siġillati ta’ attività għolja u sorsi orfni[9], inklużi sorsi mhux użati, l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni[10] (li ma tkoprix aspetti relatati mar-radjuattività), u s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit[11],[12]. Hemm ukoll Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji għad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet nukleari, il-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv[13].

    Fil-livell internazzjonali, jeżistu standards ta’ sikurezza żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA - International Atomic Energy Agency) li mhumiex legalment vinkolanti u li l-inklużjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija volontarja. L-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-IAEA u jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ dawn l-istandards.

    Il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv, li ġiet konkluża taħt il-patroċinju tal-IAEA, hija l-aktar ftehim internazzjonali sinifikanti fil-qasam tagħha. Madankollu, ma hemm ebda sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità. Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri kollha tal-UE (minbarra Malta) u l-Komunità Euratom huma partijiet kontraenti, il-prinċipji u r-rekwiżiti aċċettati internazzjonalment u stipulati fil-Konvenzjoni Konġunta u fl-istandards ta’ sikurezza tal-IAEA relatati ma jiżgurawx approċċ uniformi fil-livell tal-UE.

    Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji u tar-rekwiżiti approvati internazzjonalment għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, id-Direttiva proposta tagħmilhom legalment vinkolanti u infurzabbli. Għaldaqstant hija tistipula rekwiżiti speċifiċi għall-ambitu, il-kontenut u r-reviżjoni ta’ programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    L-approċċ bażiku jixbah dak segwit għad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, jiġifieri huwa bbażat fuq il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u fuq il-prinċipji u r-rekwiżiti approvati internazzjonalment tal-Istandards tas-Sikurezza tal-IAEA u l-Konvenzjoni Konġunta, biex b’hekk jitnaqqas kemm jista’ jkun kwalunkwe piż addizzjonali fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

    Id-Direttiva proposta se timplimenta l-ogħla standards tas-sikurezza għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv b'mod komprensiv u għaldaqstant se tifforma mudell u valur referenzjarju għal pajjiżi terzi u reġjuni. Se tiżgura l-implimentazzjoni tar-rimi tal-iskart radjuattiv mingħajr dewmien żejjed.

    KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Hija u tabbozza l-proposta riveduta, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni wiesgħa permezz ta’ diversi inizjattivi madwar l-UE kollha, b’reazzjoni għal talba mill-Kunsill[14].

    Il-konsultazzjoni kienet tinvolvi gvernijiet, regolaturi nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, produtturi tal-iskart radjuattiv u oħrajn fl-Istati Membri, flimkien mad-diversi Istituzzjonijiet Ewropej, organizzazzjonijiet mhux governattivi u msieħba oħra. Ġie meqjus kontribut dettaljat mill-Grupp tar-Regolaturi Ewropej tas-Sikurezza Nukleari (ENSREG - European Nuclear Safety Regulators Group). Dan kien ta’ importanza ewlenija meta titqies il-kompetenza speċifika tal-ENSREG, li jirrappreżenta l-awtoritajiet regolatorji jew ta’ sikurezza nukleari nazzjonali fl-Istati Membri kollha, kemm dawk nukleari kif ukoll dawk li mhumiex.

    Ingħatat attenzjoni speċjali lid-dimensjoni tas-soċjetà permezz ta’ varjetà ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, inkluż stħarriġ apposta tal-Eurobarometer[15] u konsultazzjoni pubblika miftuħa[16]. L-iskart radjuattiv huwa tħassib ewlieni taċ-ċittadini tal-UE fil-kuntest tal-użu kontinwu tal-enerġija nukleari. Barra minn hekk, maġġoranza kbira hija favur leġiżlazzjoni fil-livell Ewropew.

    Valutazzjoni tal-impatt dettaljata kkonkludiet li n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti tal-UE x’aktarx twassal għal posponiment fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ewlenin, b’impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali potenzjalment negattivi, inklużi piżijiet żejda fuq ġenerazzjonijiet futuri u l-possibbiltà ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku.

    Kuntrarjament, leġiżlazzjoni vinkolanti tal-UE tirriżulta f’livell uniformement għoli ta’ sikurezza fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv fuq terminu ta' żmien twil, mingħajr ma timponi piżijiet żejda fuq ġenerazzjonijiet futuri jew tippreġudika l-ħila tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom.

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    L-għan ta’ din id-Direttiva skont l- Artikolu 1 tagħha huwa li jiġi stabbilit qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, filwaqt li jiġi żgurat li l-Istati Membri jipprovdu arranġamenti nazzjonali xierqa għal livell għoli ta’ sikurezza nukleari u jinżammu u jiġu promossi t-tagħrif pubbliku u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku;

    L-ambitu tagħha (l- Artikolu 2 ) ikopri l-istadji kollha tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv ċivili mill-ġenerazzjoni sar-rimi, iżda ma jkoprix il-ġestjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ skart, bħal pereżempju r-rilaxxi awtorizzati u l-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni li jistgħu jkunu radjuattivi, kif diġà koperti mil-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti[17],[18];

    Ingħatat attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li d-Direttiva tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti filwaqt li tistabbilixxi prinċipji u rekwiżiti aċċettati internazzjonalment, stipulati fl-Istandards tas-Sikurezza IAEA u fil-Konvenzjoni Konġunta, li huma legalment vinkolanti u infurzabbli fl-UE. Għaldaqstant, id-definizzjonijiet mogħtija fl- Artikolu 3 huma konsistenti mad-definizzjonijiet mogħtija kemm fil-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u fil-Glossarju dwar is-Sikurezza tal-IAEA (Konvenzjoni Konġunta)[19].

    Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-ġestjoni sikura u sostenibbli ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv huma stipulati fl- Artikolu 4 ;

    Ingħatat attenzjoni speċjali wkoll biex jiġi żgurat li d-Direttiva proposta tkun konsistenti mad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, biex il-faċilitajiet kollha għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv ikollhom l-istess livell ta’ sikurezza. Għal dan il-għan, l-istrutturi tad-Direttiva proposta u tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari jixxiebhu, partikolarment fl-Artikoli 5 sa 7, l-Artikoli 9, 12 u l-Artikoli 16 sa 18.

    L-obbligi assoċjati mal-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali jinkludu:

    - qafas nazzjonali għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv fuq terminu ta' żmien twil (l- Artikolu 5 );

    - awtorità regolatorja kompetenti fil-qasam tas-sikurezza fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv (l- Artikolu 6 );

    - detenturi ta’ liċenzja li jkollhom ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza (l- Artikolu 7 );

    - edukazzjoni u taħriġ biex jinkisbu l-għarfien espert u l-ħiliet meħtieġa (l- Artikolu 9 );

    - trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv (l- Artikolu 12 ).

    Minħabba l-ispeċifiċità tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, ġew introdotti wkoll xi obbligi speċifiċi:

    - l- Artikolu 8 jistipula l-approċċ għas-sikurezza, inklużi r-rekwiżiti għal każ ta’ sikurezza u għal valutazzjoni ta’ appoġġ dwar is-sikurezza tal-faċilitajiet u l-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-skart radjuattiv;

    - l- Artikolu 10 jindirizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, skont il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’;

    - l- Artikolu 11 għandu l-għan li jiżgura kwalità xierqa tas-sikurezza.

    Hemm inkluż sett kundizzjonali ta’ rekwiżiti fir-rigward tal-programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, li huwa meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-għanijiet u r-rekwiżiti:

    - l- Artikolu 13 jintroduċi r-rekwiżiti bażiċi għall-programmi nazzjonali;

    - l- Artikolu 14 jintroduċi l-kontenut ta’ programm nazzjonali;

    - l- Artikolu 15 jesiġi li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar il-programmi nazzjonali.

    Xi dispożizzjonijiet finali huma speċifikati:

    - fl- Artikolu 16 li jistipula r-rekwiżiti konsistenti mal-mekkaniżmu ta’ rappurtar għad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari. L-Istati Membri se jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta, waqt li japprofittaw miċ-ċikli ta’ rappurtar taħt il-Konvenzjoni Konġunta. Abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-progress li jkun sar lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. L-Istati Membri se jitolbu analiżi internazzjonali minn pari tal-oqfsa u l-programmi nazzjonali tagħhom biex jilħqu l-istandards għoljin meħtieġa fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. Ir-riżultati ta’ kwalunkwe analiżi minn pari se jiġu rrappurtati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

    - fl- Artikolu 17 li jistipula r-rekwiżiti għat-traspożizzjoni tad-Direttiva proposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    - fl- Artikoli 18 u 19 li jistipulaw id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva proposta u d-destinatarji.

    IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

    M’hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

    2010/0306 (NLE)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjuattiv

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li tfasslet wara li nkisbet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri, u wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[20],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[21],

    Billi:

    1. L-Artikolu 2(b) tat-Trattat jipprovdi għall-istabbiliment ta’ standards ta’ sikurezza uniformi biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali.

    2. L-Artikolu 30 tat-Trattat jipprovdi għall-istabbiliment ta’ standards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti.

    3. L-Artikolu 37 tat-Trattat jesiġi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'dejta ġenerali dwar kwalunkwe pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv.

    4. Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti[22] tapplika għall-prattiki kollha li jinvolvu riskju minn radjazzjoni jonizzanti li tiġi minn sors artifiċjali jew sors naturali ta' radjazzjoni f’każijiet fejn radjunuklidi jiġu jew ġew ipproċessati minħabba l-karatteristiċi radjuattivi, fissili jew fertili tagħhom. Din tkopri wkoll ir-rilaxxi awtorizzati ta' materjali li joriġinaw minn tali prattiki. Id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva ġiet issupplimentata b’leġiżlazzjoni aktar speċifika.

    5. Kif ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem ‘il-Qorti tal-Ġustizzja’) fil-ġurisprudenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Trattat, dwar is-saħħa u s-sikurezza, jiffurmaw sett sħiħ u koerenti li jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ ambitu konsiderevoli sabiex il-popolazzjoni u l-ambjent jiġu protetti mir-riskji tal-kontaminazzjoni nukleari[23].

    6. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ tagħrif fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika[24] stabbilixxiet qafas għan-notifika u l-provvediment ta’ tagħrif biex jintuża mil-Istati Membri biex il-pubbliku ġenerali jkun protett f’każ ta’ emerġenza radjoloġika. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom tas-27 ta’ Novembru 1989 dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika[25] timponi obbligi fuq l-Istati Membri biex jgħarrfu lill-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.

    7. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/Euratom tat-22 ta’ Diċembru 2003 tipprovdi għall-kontroll ta’ sorsi radjoattivi siġillati ta’ attività għolja u sorsi orfni[26], inklużi sorsi li ma baqgħux jintużaw.

    8. Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE[27] li tkopri l-ġestjoni ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni li jista’ jkun radjuattiv, u teskludi tali aspetti li huma speċifiċi għar-radjuattività, liema aspetti huma kwistjoni ttrattata taħt it-Trattat Euratom.

    9. Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006[28] tistipula sistema Komunitarja ta’ superviżjoni u kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit. Din id-Direttiva ġiet issupplimentata mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/956/Euratom tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kriterji għall-esportazzjoni ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi[29].

    10. Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari[30], tiddefinixxi l-obbligi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu u jżommu qafas nazzjonali għas-sikurezza nukleari. Filwaqt li din id-Direttiva prinċipalment tikkonċerna s-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari, hija wkoll importanti biex tiġi żgurata ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inkluż f’faċilitajiet ta’ ħżin u rimi. Madankollu, id-Direttiva 2009/71/Euratom ma tkoprix il-faċilitajiet u l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    11. Id-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata mid-Direttiva 97/11/KE, mid-Direttiva 2003/35/KE u mid-Direttiva 2009/31/KE[31] tapplika għall-faċilitajiet għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, safejn huma koperti mill-Anness I ta’ din id-Direttiva.

    12. Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent[32] issostni li valutazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u l-programmi kollha li jitħejjew għal ċerti setturi u jistabbilixxu qafas għal kunsens dwar żvilupp futur tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE.

    13. Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali[33] tirreferi għall-iskart radjuattiv fid-definizzjoni ta’ ‘tagħrif ambjentali’.

    14. Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent[34] tapplika għall-pjanijiet u l-programmi stabbiliti mid-Direttiva 2001/42.

    15. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji għad-dekummissjonar ta’ installazzjonijiet nukleari, fjuwil użat u skart radjuattiv[35] tiffoka fuq l-adegwatezza, is-sikurezza u t-trasparenza tal-finanzjamenti, sabiex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw biss għall-għanijiet maħsuba.

    16. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti ma tistabbilixxix regoli speċifiċi li jiżguraw il-ġestjoni sikura u sostenibbli tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv fl-istadji kollha, mill-ġenerazzjoni sar-rimi.

    17. Il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv (minn issa ’l quddiem ‘il-Konvenzjoni Konġunta’)[36], li ġiet konkluża taħt il-patroċinju tal-IAEA, li l-Euratom u kważi l-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti fiha, għandha l-għan li tikseb u żżomm livell għoli ta’ sikurezza madwar id-dinja kollha fir-rigward tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv permezz tat-titjib ta’ miżuri nazzjonali u ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

    18. Fl-2006, l-IAEA aġġornat il-ġabra kollha tagħha tal-istandards u ppubblikat il-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza[37], li ġew sponsorjati b’mod konġunt mill-Euratom, mill-OECD/NEA u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Kif sostnew l-Organizzazzjonijiet Konġunti li Jisponsorjaw, l-applikazzjoni tal-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza se tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ standards tas-sikurezza internazzjonali u permezz ta’ dawn se jkun hemm aktar konsistenza bejn l-arranġamenti ta’ Stati differenti. Għalhekk, huwa xieraq li l-Istati kollha jikkonformaw ma’ dawn il-prinċipji u jiddefenduhom. Il-prinċipji se jkun vinkolanti għall-IAEA fir-rigward tal-operat tagħha u għall-Istati fir-rigward tal-operat megħjun mill-IAEA. L-Istati u l-organizzazzjonijiet li jisponsorjaw jistgħu jadottaw il-prinċipji, skont id-diskrezzjoni tagħhom, għall-applikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom stess.

    19. Il-Konvenzjoni Konġunta tirrappreżenta strument ta’ inċentiv, billi ma timponi l-ebda sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità. Flimkien ma’ dan, l-istandards tas-sikurezza stabbiliti mill-IAEA b’kooperazzjoni mal-Euratom, mal-OECD/NEA u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra la huma legalment vinkolanti u lanqas infurzabbli.

    20. Wara t-talba tal-Kunsill li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli fil-livell tal-UE, kif ġie rreġistrat fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2007 dwar is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, twaqqaf il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari (ENSREG) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom tas-17 ta’ Lulju 2007 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart Nukleari[38] biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet Komunitarji fil-qasam tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    21. L-ewwel konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-ENSREG ġew riflessi fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat u tal-Iskart Radjuattiv. F’Lulju 2009, l-ewwel rapport tal-ENSREG[39] ġie sottomess lill-Kummissjoni, u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Settembru. Dan ġie rifless mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2009[40], li fihom il-Kunsill ikompli jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ tal-għarfien espert tal-ENSREG fil-każ tal-proposti għal strumenti legalment vinkolanti fil-qasam tal-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv li qed jitqiesu.

    22. Il-Parlament Ewropew talab li jkun hemm standards armonizzati għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv[41] u stieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-abbozzi rilevanti tal-proposta leġiżlattiva tagħha u tissottometti proposta ġdida għal direttiva dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv[42].

    23. Hemm għarfien li kulma jmur qed jiżdied fl-Unjoni kif ukoll madwar id-dinja kollha tal-ħtieġa għal użu responsabbli tal-enerġija nukleari, u dan ikopri b’mod partikolari s-sikurezza u s-sigurtà nukleari. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni li tirrigwarda l-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv jeħtieġ li tiġi indirizzata biex jiġi żgurat li l-enerġija nukleari tintuża b’mod sikur, imtejjeb u sostenibbli.

    24. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu kif iridu t-taħlita tal-enerġija tagħhom, l-Istati Membri kollha jiġġeneraw l-iskart radjuattiv, kemm dawk li għandhom reatturi nukleari kif ukoll dawk li ma għandhomx. L-iskart radjuattiv joriġina primarjament minn attivitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, bħal pereżempju l-operat tal-impjanti tal-elettriku nukleari u r-riproċessar ta’ fjuwil użat, iżda joriġina wkoll minn attivitajiet oħra, bħal pereżempju l-applikazzjonijiet ta’ isotopi radjuattivi fil-mediċina, fir-riċerka u fl-industrija.

    25. L-operazzjoni tar-reatturi nukleari wkoll tiġġenera fjuwil użat. Kull Stat Membru jista’ jiddefinixxi l-politika taċ-ċiklu tal-fjuwil tiegħu billi jqis il-fjuwil użat bħala riżorsa ta’ valur li tista’ tiġi riproċessata, jew billi jiddeċiedi li jarmih bħala skart. Irrispettivament mill-għażla li ssir, għandu jitqies ir-rimi ta’ skart ta’ livell għoli, li jiġi sseparat waqt ir-riproċessar, jew ta’ fjuwil użat meqjus bħala skart.

    26. L-istess għanijiet ta’ sikurezza għandhom japplikaw għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Filwaqt li jirrikonoxxu dan, il-Konvenzjoni Konġunta u l-Istandards tas-Sikurezza tal-IAEA jimponu l-istess obbligi tar-rimi ta’ fjuwil użat fuq ir-rimi tal-iskart radjuattiv.

    27. L-iskart radjuattiv, inkluż il-fjuwil użat meqjus bħala skart, jeħtieġ il-konteniment u l-iżolament min-nies u mill-ambjent ħaj għal żmien twil. In-natura speċifika tiegħu (l-ammont ta’ radjunuklidi) tesiġi arranġamenti biex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn perikli kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti, inkluż ir-rimi f'faċilitajiet xierqa bħala l-punt tat-tmiem tal-ġestjoni tiegħu. Il-ħżin ta’ skart radjuattiv, inkluż il-ħżin fuq perjodu ta' żmien twil, huwa soluzzjoni temporanja iżda mhuwiex alternattiva għar-rimi.

    28. Skema ta' klassifikazzjoni nazzjonali tal-iskart radjuattiv għandha tappoġġa dawn l-arranġamenti filwaqt li tqis b'mod sħiħ it-tipi speċifiċi u l-proprjetajiet tal-iskart radjuattiv. Il-kriterji preċiżi li skonthom l-iskart jiġi assenjat fi klassi partikolari ta' skart jiddependu fuq is-sitwazzjoni speċifika fl-Istat b'rabta man-natura tal-iskart u l-għażliet ta' rimi disponibbli jew li jkunu qed jitqiesu.

    29. Il-kunċett ta’ rimi tipiku għal skart ta’ livell baxx u medju ta’ attività u ta’ ħajja qasira huwa rimi qrib is-superfiċje. Wara 30 sena ta’ riċerka, huwa aċċettat b’mod wiesa’ fil-livell tekniku li r-rimi ġeoloġiku fil-fond jirrappreżenta l-għażla l-aktar sikura u l-aktar sostenibbli bħala l-punt tat-tmiem tal-ġestjoni tal-iskart ta’ livell għoli u l-fjuwil użat meqjus bħala skart. Għalhekk, għandha tiġi segwita l-implimentazzjoni tar-rimi.

    30. Għalkemm kull Stat Membru hu responsabbli għall-politika tiegħu stess dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, il-politika għandha tirrispetta l-prinċipji ta’ sikurezza rilevanti u fundamentali stabbiliti mill-IAEA[43]. Huwa l-obbligu etiku ta’ kull Stat Membru li jevita kwalunkwe piż eċċessiv fuq il-ġenerazzjonijiet futuri fir-rigward tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv eżistenti, kif ukoll dawk mistennija mid-dekummissjonar ta’ installazjonijiet nukleari eżistenti.

    31. Għall-ġestjoni responsabbli tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi qafas nazzjonali li jiżgura impenji politiċi u teħid tad-deċiżjonijiet pass wara pass li jiġi implimentat permezz ta’ leġiżlazzjoni xierqa, regolamentazzjoni u organizzazzjoni b’allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet.

    32. Ir-responsabbiltà finali tal-Istati Membri għas-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv hija prinċipju fundamentali li ġie affermat mill-ġdid mill-Konvenzjoni Konġunta. Dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà nazzjonali, flimkien mal-prinċipju ta’ responsabbiltà ewlenija tad-detentur ta’ liċenzja għas-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv taħt is-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja u kompetenti tiegħu, għandu jissaħħaħ u r-rwol u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja kompetenti għandha tiġi rinfurzata b'din id-Direttiva.

    33. Għandu jiġi stabbilit programm nazzjonali biex jiżgura t-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi f'dispożizzjonijiet ċari għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-passi kollha tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi. Dan għandu jinkludi l-attivitajiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġar, il-pretrattament, it-trattament, il-kundizzjonar, il-ħżin, u r-rimi ta’ skart radjuattiv. Il-programm nazzjonali jista’ jkun dokument ta’ referenza jew sett ta’ dokumenti.

    34. Il-passi differenti fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv huma interrelatati mill-qrib. Id-deċiżjonijiet meħuda f’pass individwali wieħed jistgħu jaffettwaw pass sussegwenti. Għalhekk, tali interdipendenzi għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu żviluppati l-programmi nazzjonali.

    35. It-trasparenza hi importanti fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. Din it-trasparenza għandha tiġi pprovduta billi jinkisbu tagħrif u opportunitajiet pubbliċi effettivi għall-partijiet involuti u kkonċernati kollha biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    36. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u dik fil-livell internazzjonali tista’ tiffaċilita u tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-aċċess għall-għarfien espert u t-teknoloġija.

    37. Uħud mill-Istati Membri jqisu li l-kondiviżjoni tal-faċilitajiet għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inklużi l-faċilitajiet tar-rimi, hija għażla potenzjalment utli meta tiġi bbażata fuq ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati.

    38. Meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ lejn faċilità jew attività partikolari li tkun propozjonali għall-periklu potenzjali ppreżentat minn dik il-faċilità jew l-attività (approċċ gradat), u għandhom ukoll jagħtu ġustifikazzjonijiet xierqa fil-każ tas-sikurezza.

    39. Il-każ tas-sikurezza u l-approċċ gradat għandhom jipprovdu bażi għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-iżvilupp, l-operat u l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi u għandhom jippermettu l-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ inċertezza li għandhom jingħataw attenzjoni biex ikompli jitjieb il-fehim ta’ dawk l-aspetti li jinfluwenzaw is-sikurezza tas-sistema tar-rimi, inklużi l-barrieri naturali (ġeoloġiċi) u dawk mibnija għal dan il-għan, u l-iżvilupp tagħhom tul iż-żmien. Il-każ tas-sikurezza għandu jinkludi s-sejbiet tal-valutazzjoni tas-sikurezza u t-tagħrif dwar ir-robustezza u l-affidabilità tal-valutazzjoni tas-sikurezza u anke s-suppożizzjonijiet li saru fiha. Għalhekk, dan għandu jipprovdi l-ġabra ta’ argumenti u evidenza favur is-sikurezza ta’ faċilità jew attività relatata mal-ġestjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv.

    40. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-perikli kollha assoċjati mal-fjuwil użat u mal-iskart radjuattiv għandhom jitqiesu fil-qafas nazzjonali, din id-Direttiva ma tkoprix perikli mhux radjoloġiċi, li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    41. Iż-żamma u l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet li qed jiżviluppaw aktar fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv bħala element essenzjali li bih jiġu żgurati livelli għolja ta’ sikurezza, għandhom ikunu bbażati fuq taħlita ta’ tagħlim permezz ta’ esperjenza operazzjonali, riċerka xjentifika u żvilupp teknoloġiku u kooperazzjoni teknika bejn dawk kollha involuti.

    42. L-analiżi minn pari ta’ programmi nazzjonali tista’ sservi bħala mezz eċċellenti biex tinbena l-fiduċja fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat fl-Unjoni Ewropea, bl-għan li tiġi żviluppata u skambjata l-esperjenza u biex jiġu żgurati standards għoljin.

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u għanijiet

    43. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-iżgurar ta’ ġestjoni responsabbli tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    44. Tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu arranġamenti nazzjonali xierqa għal livell għoli ta’ sikurezza fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv biex il-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jiġu protetti minn perikli kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti.

    45. Iżżomm u tippromwovi tagħrif u parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    46. Din id-Direttiva tissupplimenta l-istandards bażiċi msemmija fl-Artikolu 30 tat-Trattat fir-rigward tas-sikurezza tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv u hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/29/Euratom.

    Artikolu 2

    Ambitu

    47. Din id-Direttiva għandha tapplika:

    48. għall-istadji kollha tal-ġestjoni tal-fjuwil użat meta dan jirriżulta mill-operat ta’ reatturi nukleari ċivili jew inkella huwa ġestit f'attivitajiet ċivili;

    49. għall-istadji kollha ta’ ġestjoni tal-iskart radjuattiv, mill-ġenerazzjoni sar-rimi, meta l-iskart radjuattiv jirriżulta mill-attivitajiet ċivili jew inkella huwa ġestit f'attivitajiet ċivili;

    50. L-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni li jista’ jkun radjuattiv u li jaqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 2006/21/KE ma għandux jkun soġġett għal din id-Direttiva.

    51. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal rilaxxi awtorizzati.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-għan ta’ din id-Direttiva se japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

    52. ‘għeluq’ tfisser it-tlestija tal-operazzjonijiet kollha f'xi ħin wara t-tqegħid tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv f’faċilità tar-rimi, inklużi x-xogħol ta’ inġinerija jew xogħol ieħor finali, meħtieġa biex il-faċilità tinġieb f’kundizzjoni ta’ sikurezza fuq terminu ta' żmien twil;

    53. ‘awtorità regolatorja kompetenti’ tfisser awtorità jew sistema ta’ awtoritajiet maħtura fi Stat Membru fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv kif imsemmi fl-Artikolu 6;

    54. ‘rimi’ tfisser it-tqegħid ta' fjuwil użat jew ta' skart radjuattiv f’faċilità awtorizzata mingħajr l-intenzjoni li jiġi rkuprat;

    55. ‘liċenzja’ tfisser kwalunkwe dokument legali mogħti taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru biex titwettaq kwalunkwe attività relatata mal-ġestjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv, jew biex jikkonferixxi r-responsabbiltà għal-lokalizzazzjoni, id-disinn, il-bini, l-ikkummissjonar, l-operat, id-dekummissjonar jew l-għeluq ta’ faċilità tal-ġestjoni tal-fjuwil użat jew ta’ faċilità tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv;

    56. ‘detentur ta’ liċenzja’ tfisser persuna ġuridika jew naturali li tkun għalkollox responsabblil għal kwalunkwe attività jew faċilità relatata mal-ġestjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv kif ikun speċifikat f’liċenzja;

    57. ‘skart radjuattiv’ tfisser materjal radjuattiv f’forma gassuża, likwida jew solida li ma għad fadallu l-ebda użu mill-Istat Membru jew minn persuna naturali jew ġuridika li d-deċiżjoni tagħha tiġi aċċettata mill-Istat Membru, u li jkun ikkontrollat bħala skart radjuattiv minn awtorità regolatorja kompetenti taħt il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-Istat Membru;

    58. ‘ġestjoni ta' skart radjuattiv’ tfisser l-attivitajiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-immaniġġar, il-pretrattament, it-trattament, il-kundizzjonar, il-ħżin jew ir-rimi ta’ skart radjuattiv, minbarra t-trasportazzjoni barra mis-sit;

    59. ‘faċilità għall-ġestjoni ta' skart radjuattiv’ tfisser kwalunkwe faċilità jew installazzjoni li l-għan prinċipali tagħha huwa l-ġestjoni ta' skart radjuattiv;

    60. ‘riproċessar’ tfisser proċess jew operazzjoni, li l-għan tiegħu/tagħha hu li jagħmel/tagħmel estrazzjoni ta’ materjali fissili u fertili minn fjuwil użat biex jerġa’ jintuża;

    61. ‘fjuwil użat’ tfisser fjuwil nukleari li ġie rradjat u mneħħi b’mod permanenti mill-qalba ta’ reattur; il-fjuwil użat jista’ jew jitqies bħala riżorsa li tista’ tintuża u li tista’ tiġi riproċessata jew ikun intiż għar-rimi jekk jitqies bħala skart radjuattiv;

    62. ‘ġestjoni ta’ fjuwil użat’ tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-immaniġġar, il-ħżin, ir-riproċessar, jew ir-rimi ta’ fjuwil użat, minbarra t-trasportazzjoni barra mis-sit;

    63. ‘faċilità għall-ġestjoni ta' fjuwil użat’ tfisser kwalunkwe faċilità jew installazzjoni li l-għan prinċipali tagħha hu l-ġestjoni ta' fjuwil użat;

    64. ‘ħżin’ tfisser iż-żamma ta' fjuwil użat jew ta' skart radjuattiv f’faċilità awtorizzata bl-intenzjoni li jiġi rkuprat.

    Artikolu 4

    Prinċipji ġenerali

    65. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu l-politiki nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv. Huma għandhom ir-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv tagħhom.

    66. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    67. il-ġenerazzjoni tal-iskart radjuattiv tinżamm sal-minimu prattikabbli, f’termini kemm tal-attività u kemm tal-volum, permezz ta’ miżuri ta' disinn xierqa u ta' prattiki tal-operat u tad-dekummissjonar, inklużi r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ materjali konvenzjonali;

    68. jitqiesu l-interdipendenzi bejn l-istadji kollha tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv;

    69. l-ebda piż eċċessiv ma jiġi imponut fuq il-ġenerazzjonijiet futuri;

    70. il-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv jiġu mmaniġġati b’mod sikur, inkluż fuq terminu ta' żmien twil.

    71. L-iskart radjuattiv għandu jintrema fl-Istat Membru fejn ikun ġie ġġenerat, sakemm ma jiġux konklużi ftehimiet bejn l-Istati Membri biex jużaw il-faċilitajiet tar-rimi f’wieħed minnhom.

    Artikolu 5

    Qafas nazzjonali

    72. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas nazzjonali, leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv (imsemmi l-‘qafas nazzjonali’) għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv li jalloka r-responsabbiltajiet u jipprovdi koordinazzjoni bejn l-entitajiet rilevanti tal-korpi tal-istat fuq terminu ta' żmien twil. Il-qafas nazzjonali għandu jinkludi:

    73. programm nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv;

    74. rekwiżiti nazzjonali għas-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv;

    75. sistema ta’ liċenzjar tal-attivitajiet u l-faċilitajiet għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inkluża l-projbizzjoni tal-operazzjoni ta’ faċilità għall-ġestjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv li tkun mingħajr liċenzja;

    76. sistema ta’ kontroll istituzzjonali xieraq, spezzjonijiet regolatorji, dokumentazzjoni u rappurtar;

    77. azzjonijiet ta’ infurzar, inklużi s-sospensjoni ta’ attivitajiet u l-modifika jew ir-revoka ta’ liċenzja;

    78. Il-korpi involuti fl-istadji differenti tal-ġestjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv.

    79. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jinżamm u jittejjeb kif meħtieġ, filwaqt li titqies l-esperjenza operattiva u dik miksuba mill-każijiet tas-sikurezza kif imsemmi fl-Artikolu 8, u l-iżvilupp tat-teknoloġija u r-riżultati tar-riċerka.

    Artikolu 6

    Awtorità regolatorja kompetenti

    80. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu awtorità regolatorja kompetenti fil-qafas tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    81. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tkun funzjonalment separata minn kwalunkwe korp ieħor jew organizzazzjoni oħra kkonċernat(a) bil-promozzjoni jew bl-użu tal-enerġija nukleari jew tal-materjal radjuattiv, inklużi l-produzzjoni tal-elettriku u l-applikazzjonijiet radjuisotopiċi, jew bil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza effettiva minn influwenza mhux dovuta fil-funzjoni regolatorja tagħha.

    82. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tingħata s-setgħat legali u r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi tagħha b’rabta mal-qafas nazzjonali deskritt fl-Artikolu 5(1) filwaqt li s-sikurezza tingħata l-prijorità dovuta.

    Artikolu 7

    Detenturi ta’ liċenzja

    83. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv tkun tad-detentur ta' liċenzja. Din ir-responsabbiltà ma tistax tiġi ddelegata.

    84. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi ta’ liċenzja, taħt is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti, jivvalutaw u jivverifikaw, u jtejbu b’mod kontinwu, safejn raġonevolment possibbli, is-sikurezza tal-attivitajiet u l-faċilitajiet tagħhom b’mod sistematiku u verifikabbli.

    85. Il-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-verifika li hemm implimentati miżuri biex jipprevjenu inċidenti u jtaffu l-konsegwenzi tal-inċidenti, inkluża l-verifika tal-barrieri fiżiċi u l-proċeduri amministrattivi tad-detentur ta’ liċenzja fir-rigward tal-protezzjoni li jridu jfallu qabel ma l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jiġu affettwati b’mod sinifikanti mir-radjazzjoni jonizzanti.

    86. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi ta’ liċenzja jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni li jagħtu l-prijorità dovuta lis-sikurezza u li jiġu regolarment ivverifikati mill-awtorità regolatorja kompetenti.

    87. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi ta’ liċenzja jipprovdu u jżommu r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, skont il-paragrafi 1 sa 4.

    Artikolu 8

    Każ tas-sikurezza

    88. Għandhom jitħejjew każ tas-sikurezza u valutazzjoni ta’ appoġġ dwar is-sikurezza bħala parti mill-applikazzjoni għal faċilità jew attività. Dawn għandhom jiġu aġġornati, kif meħtieġ, tul l-evoluzzjoni tal-faċilità jew tal-attività. Id-daqs u d-dettall tal-każ tas-sikurezza u tal-valutazzjoni tas-sikurezza għandhom ikunu proporzjonati mal-kumplessità tal-operat u d-daqs tal-perikli assoċjati mal-faċilità jew mal-attività.

    89. Il-każ tas-sikurezza u l-valutazzjoni ta’ appoġġ dwar is-sikurezza għandhom ikopru l-lokalizzazzjoni, id-disinn, il-bini, l-operat u d-dekummissjonar ta’ faċilità jew l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi; il-każ tas-sikurezza għandu jispeċifika l-istandards applikati għal din il-valutazzjoni. Għandha tiġi indirizzata s-sikurezza ta’ wara l-għeluq fuq terminu ta' żmien twil, b'mod partikolari dwar kif tista’ tiġi żgurata permezz ta’ mezzi passivi sa fejn ikun l-aktar possibbli.

    90. Il-każ tas-sikurezza għal faċilità għandu jiddeskrivi l-aspetti kollha li jirrigwardaw is-sikurezza tas-sit, id-disinn tal-faċilità u l-miżuri ta’ kontroll ta' ġestjoni u l-kontrolli regolatorji. Il-każ tas-sikurezza u l-valutazzjoni ta’ appoġġ dwar is-sikurezza għandhom juru l-livell tal-protezzjoni pprovduta u għandhom jiżguraw lill-awtorità regolatorja kompetenti u lil partijiet interessati oħra li r-rekwiżiti tas-sikurezza se jiġu ssodisfati.

    91. Il-każ tas-sikurezza u l-valutazzjoni ta’ appoġġ dwar is-sikurezza għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità regolatorja kompetenti biex jiġu approvati.

    Artikolu 9

    Għarfien espert u ħiliet

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jinkludi arranġamenti għall-edukazzjoni u t-taħriġ li jkopru l-ħtiġijiet tal-partijiet kollha li għandhom responsabbiltajiet għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv sabiex l-għarfien espert u l-ħiliet jinżammu u jiġu żviluppati aktar.

    Artikolu 10

    Riżorsi finanzjarji

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jiggarantixxi li riżorsi finanzjarji xierqa jkunu disponibbli meta meħtieġa għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, filwaqt li titqies ir-responsabbiltà tal-produtturi tal-iskart radjuattiv.

    Artikolu 11

    Garanzija tal-kwalità

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi ta' garanzija tal-kwalità li jikkonċernaw is-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv jiġu stabbiliti u implimentati.

    Artikolu 12

    Trasparenza

    92. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv ikun għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali. Dan l-obbligu jinkludi l-fatt li jiġi żgurat li l-awtorità regolatorja kompetenti tgħarraf lill-pubbliku dwar l-oqsma tal-kompetenza tagħha. It-tagħrif għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-obbligi internazzzjonali, sakemm dan ma jqegħidx f’periklu l-interessi l-oħra rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fl-obbligi internazzjonali bħal pereżempju, inter alia, is-sikurezza.

    93. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet biex jipparteċipa effettivament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonjiet dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    Artikolu 13

    Programmi nazzjonali

    94. Bħala parti mill-qafas nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jaġġornaw il-programmi għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv (minn issa ’l quddiem ‘programmi nazzjonali’), li jkopru t-tipi kollha ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u l-istadji kollha tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi.

    95. Il-programmi nazzjonali għandhom ikunu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 12.

    96. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jaġġornaw b’mod regolari l-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li jqisu b'mod xieraq il-progress tekniku u xjentifiku.

    Artikolu 14

    Kontenut tal-programmi nazzjonali

    Il-programmi nazzjonali għandhom jinkludu:

    97. inventarju tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv kollu u previżjonijiet ta’ kwantitajiet futuri, inklużi dawk mid-dekummissjonar. L-inventarju għandu jindika b’mod ċar il-post u l-ammont tal-materjal u, permezz ta’ klassifikazzjoni xierqa, il-livell tal-periklu;

    98. kunċetti, pjanijiet u soluzzjonijiet tekniċi mill-ġenerazzjoni sar-rimi;

    99. kunċetti u pjanijiet għall-perjodu ta' wara l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi, inkluż iż-żmien li matulu jseħħu kontrolli istituzzjonali u l-mezzi li għandhom jintużaw biex l-għarfien dwar il-faċilità jibqa’ disponibbli fuq perjodu ta' żmien itwal;

    100. deskrizzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka, tal-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni li huma meħtieġa biex jiġu implimentati soluzzjonijiet għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta' skart radjuattiv;

    101. avvenimenti sinifikanti, perjodi ta’ żmien indikati b’mod ċar u responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni;

    102. indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-progress biex titwettaq l-implimentazzjoni;

    103. valutazzjoni tal-kostijiet tal-programm u tal-bażi u tal-ipoteżijiet fundamentali ta’ din il-valutazzjoni, li għandha tinkludi profil tul iż-żmien;

    104. deskrizzjoni tal-iskema/i għall-finanzjament implimentata/i biex jiġi żgurat li l-kostijiet kollha tal-programm jistgħu jintlaħqu skont l-iskeda prevista.

    Artikolu 15

    Notifika

    105. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni dwar il-programmi nazzjonali tagħhom u dwar tibdiliet sinifikanti sussegwenti.

    106. Fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ titlob aktar kjarifiki u/jew reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali.

    107. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu r-reazzjoni tal-Kummissjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kjarifika mitluba u/jew jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kif se tiġi implimentata r-reviżjoni.

    108. Il-Kummissjoni se tqis il-kjarifiki u l-progress tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi nazzjonali tal-ġestjoni tal-iskart, meta tkun qed tiddeċiedi rigward id-dispożizzjoni ta' għajnuna finanzjarja jew teknika tal-Euratom għall-faċilitajiet jew l-attivitajiet ta' ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, jew meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet tagħha rigward il-proġetti ta' investiment skont l-Artikolu 43 tat-Trattat tal-Euratom.

    Artikolu 16

    Rappurtar

    109. L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba mhux aktar tard minn ….., u darba kull tliet snin minn dakinhar ’il quddiem, filwaqt li japprofittaw miċ-ċikli ta’ analiżi u rappurtar taħt il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv.

    110. Abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fuq l-istess bażi, il-Kummissjoni għandha wkoll tissottometti inventarju tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat preżenti fit-territorju tal-Komunità u l-prospetti futuri.

    111. Perjodikament, u tal-anqas darba kull 10 snin, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw awtovalutazzjonijiet tal-qafas nazzjonali, tal-awtorità regolatorja kompetenti u tal-programm nazzjonali tagħhom u tal-implimentazzjoni tiegħu, u jitolbu analiżi minn pari internazzjonali tal-qafas nazzjonali, l-awtorità u/jew il-programm tagħhom bl-għan li jiġi żgurat li jintlaħqu standards għoljin fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta' skart radjuattiv. Ir-riżultati ta’ kwalunkwe analiżi minn pari għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

    Artikolu 17

    Traspożizzjoni

    112. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa …….. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummisjoni dwar dan. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jkunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

    113. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva u ta’ kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

    114. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ewwel Programm Nazzjonali tagħhom li jkopri l-punti kollha msemmija fl-Artikolu 14 mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 19

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni tal-2003 (COM 2003/32 finali) u l-verżjoni riveduta tal-2004 (COM (2004)526 finali)

    [2] Bil-prattiki taċ-ċiklu tal-fjuwil attwali u avvanzati

    [3] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 1999 dwar sistema ta' klassifikazzjoni għall-iskart radjuattiv solidu [traduzzjoni mhux uffiċjali], ĠU L 265, 13.10.1999, p. 37.

    [4] Il-Kumitat għall-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv OECD-NEA: “ Collective Statement on Moving Forward to Geological Disposal of Radioactive Waste ” (Dikjarazzjoni Kollettiva dwar il-Progress fir-Rimi Ġeoloġiku tal-Iskart Radjuattiv), ISBN 978-92-64-99057-9

    [5] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Is-Sitt Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv u tal-Fjuwil Użat fl-Unjoni Ewropea, COM(2008)542 finali u SEC(2008)2416

    [6] C-187/87 (1988 Ġabra p. 5013) u C-29/99 (2002 Ġabra p. I-11221)

    [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom, ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18–22

    [8] ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

    [9] ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57.

    [10] ĠU L 102, 11.04.2006, p. 15.

    [11] ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21.

    [12] ĠU L 338, 17.12.2008, p. 69.

    [13] ĠU L 330, 28.11.2006, p. 31.

    [14] Ġunju 2004, Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni Sikura tal-Fjuwil Użat u tal-Iskart Radjuattiv, 10823/04

    [15] Eurobarometer Speċjali 297 (2008) u Eurobarometer Speċjali 324 (2010)

    [16] http://ec.europa.eu/energy/nuclear/consultations/2010_05_31_fuel_waste_en.htm

    [17] ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1

    [18] ĠU L 102, 11.04.2006, p. 15.

    [19] http://www-ns.iaea.org/standards/safety-glossary.htm

    [20] ………

    [21] ………….

    [22] ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

    [23] C-187/87 (1988 Ġabra p. 5013) u C-29/99 (2002 Ġabra p. I-11221)

    [24] ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

    [25] ĠU L 357, 7.12.1989, p. 31.

    [26] ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57.

    [27] ĠU L 102, 11.04.2006, p. 15.

    [28] ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21.

    [29] ĠU L 338, 17.12.2008, p. 69.

    [30] ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18.

    [31] ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.

    [32] ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30

    [33] ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

    [34] ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17

    [35] ĠU L 330, 28.11.2006, p. 31.

    [36] INFCIRC/546 tal-24 ta’ Diċembru 1997.

    [37] Fundamental Safety Principles, Safety Fundamentals Nru SF-1, IAEA, Vjenna, 2006

    [38] ĠU L 195, 17.7.2007, p. 44.

    [39] Rapport tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari, Lulju 2009

    [40] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport mill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari, l-10 ta’ Novembru 2009

    [41] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Valutazzjoni tal-Euratom – 50 Sena ta’ politika Ewropea ta’ enerġija nukleari, l-10 ta’ Mejju 2007

    [42] Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Euratom – 50 sena ta’ politika Ewropea ta’ enerġija nukleari, A6-0129/2007

    [43] Fundamental Safety Principles, Safety Fundamentals Nru SF-1, IAEA, Vjenna, 2006

    Top