Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0530

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Taqsima 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    /* KUMM/2010/0530 finali */

    52010PC0530

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Taqsima 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi) /* KUMM/2010/0530 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 1.10.2010

    KUMM(2010) 530 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Taqsima 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] jippermetti li jintuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-għotjiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

    Fit-30 ta' Diċembru 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu l-applikazzjoni EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Taqsima 18, għal kontribut finanzjarju mingħand l-EGF, wara li ngħataw s-sensja għadd ta' ħaddiema minn 79 intrapriża li joperaw fi ħdan in-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 18 (l-istampar u r-riproduzzjoni ta' medja rreġistrata)[3] f'żewġ reġjuni NUTS II kontigwi, Noord Holland (NL32) u Utrecht (NL31) fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    Din l-applikazzjoni tagħmel parti minn pakkett ta' sitt applikazzjonijiet marbuta ma' xulxin li kollha jikkonċernaw sensji minħabba nuqqas ta' xogħol fi tmien reġjuni NUTS II fil-Pajjiżi l-Baxxi, minn intrapriżi li joperaw fis-settur tal-grafika, li l-attivitajiet tiegħu huma kklassifikati taħt żewġ Taqsimiet tan-NACE Reviżjoni 2. Dawn huma t-Taqsima 18 (l-istampar u r-riproduzzjoni tal-medja rreġistrata) u t-Taqsima 58 (attivitajiet marbutin mal-pubblikazzjoni).

    Wara analiżi fil-fond ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfatti.

    TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

    Dejta ewlenija:

    Nru ta’ referenza tal-EGF EGF/2009/026

    Stat Membru Il-Pajjiżi l-Baxxi

    Artikolu 2 (b)

    Intrapriżi konċernati 79

    Reġjuni NUTS II Noord Holland (NL32) u Utrecht (NL31)

    Taqsima Reviżjoni 2 tan-NACE 18 (stampar u riproduzzjoni tal-medja rreġistrata)

    Perjodu ta’ referenza 1/4/2009 sa 29/12/2009

    Data tal-bidu għas-servizzi personalizzati 1/4/2009

    Data tal-applikazzjoni 30/12/2009

    Sensji waqt il-perjodu ta' referenza: 720

    Ħaddiema li sfaw qiegħda fil-mira tal-appoġġ 720

    Servizzi personalizzati: il-baġit f'EUR 3 347 631

    In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4]: il-baġit f'EUR 139 485

    % tan-nefqa fl-implimentazzjoni tal-EGF 4,2 %

    Il-baġit totali f'EUR 3 487 116

    Il-kontribuzzjoni tal-EGF f'EUR (65 %) 2 266 625

    1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta’ Diċembru 2009 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta’ Mejju 2010.

    2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitnieda l-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

    Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

    3. Biex jistabbilixxu r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-kriżi ekonomika kkawżat tnaqqis sustanzjali fid-domanda għas-settur tal-istampar u tal-pubblikazzjoni. L-ordnijiet mingħand setturi ekonomiċi oħrajn għal materjal stampat tal-pubbliċità, li jirrappreżentaw 35 % tad-dħul totali tas-settur tal-istampar u l-pubblikazzjoni, naqsu b'5,6 % bejn l-2008 u l-2009 minħabba t-tnaqqis fil-baġits għall-attivitajiet marbutin mal-medja u mal-pubbliċità kkawżat mill-kriżi ekonomika. L-applikazzjoni tikkwota għadd ta' eżempji. Fl-industrija tal-bini, il-baġit fuq it-tagħrif u l-pubbliċità tnaqqas b'36,8 % mal-bidu tal-kriżi, fis-settur finanzjarju naqas bi 33,3 % u f'dak tat-tagħmir elettroniku għall-konsumatur naqas bi 30,6 %. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika affettwat negattivament id-domanda għal tipi varji ta' materjal stampat tal-medja: fl-ewwel sitt xhur tal-2009 d-domanda għar-rivisti popolari naqset bi 18,2 %; dik għall-gazzetti b'7,5 %; għall-gazzetti kummerċjali li jitqassmu b'xejn, b'16,4 % u għar-rivisti professjonali b'16,5 % mqabbla mal-istess perjodu fl-2008.

    Turija tal-għadd ta’ sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

    4. Il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jitlob li jkun hemm mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Taqsima tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

    5. L-applikazzjoni ssemmi 720 sensja f'79 intrapriża kklassifikati fl-istess taqsima NACE Reviżjoni 2 tul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' April 2009 sad-29 ta' Diċembru 2009, li jinsabu kollha f'reġjun wieħed fil-livell NUTS II, Noord Holland (NL32) u Utrecht (NL31). Ġew ikkalkolati 62 sensja skont it-tieni inċiż, u 658 sensja skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawn is-sensji

    6. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-impatt tagħha fuq dan is-settur ma setgħux ikunu previsti. L-applikazzjoni tiddikjara li qabel il-kriżi l-industrija tal-istampar u tal-pubblikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ġarrbet proċess ta' ristrutturament li sewa ħafna flus biex tibqa' teknikament kompetittiva ma' intrapriżi barra l-UE, partikolarment dawk fit-Turkija, fiċ-Ċina u fl-Indja. Is-settur inbidel minn wieħed immexxi mid-domanda għal industrija orjentata lejn il-provvista. Hemm riskju li l-kriżi kurrenti xxejjen il-frott tal-investimenti u l-isforzi kbar li għamel is-settur.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna

    7. L-applikazzjoni ssemmi total ta' 720 sensji li kollha kemm huma qegħdin fil-mira għall-assistenza fid-79 intrapriża li ġejjin:

    Intrapriżi u għadd ta' sensji |

    Boom & Van Ketel Grafimedia BV, Haarlem | 7 | Van Tongeren BV, Haarlem | 5 |

    Cards & Cards, Haarlem | 2 | Avd Internet Services BV, Heemskerk | 1 |

    Crown Specilaity Packaging BV, Hoorn | 10 | Beijlsmit Prepress BV, Purmerend | 3 |

    Drij Keizer en Van Straten, Edam | 1 | Beijlsmit Prepress BV, Purmerend | 2 |

    Drukkerij Brummelkamp BV, Hoofddorp | 3 | Boekbinderij Meeuwis & Zn BV, Amsterdam Zuidoost | 1 |

    Drukkerij Dijkman BV, Diemen | 14 | Drukgoed BV, Amsterdam | 2 |

    Drukkerij Excelsior Haarlem BV, Haarlem | 6 | Drukkerij Kwak & Vandaalen & Ronda, Zaandam | 1 |

    Drukkerij Mart SpruijtBV, Amsterdam | 5 | Jurriaans Lindebaum Grafimedia BV, Amsterdam Zuidoost | 7 |

    Drukkerij Stuba, Wormerveer | 2 | Megaset design BV, Aalsmeer | 9 |

    Grafinoord BV, Krommenie | 6 | Multicopy H. Ambachtsheer BV, Hilversum | 2 |

    Grafisch Centrum Cornegge BV, Velserbroek | 3 | Noordhoek Offset BV, Aalsmeer | 1 |

    Offsetkopie BV, Hoofddorp | 1 | Pantheon Drukkers, Velsen-Noord | 1 |

    P. Vlaar & Zonen BV, Krommenie | 8 | Point Seven BV, Nieuw-Vennep | 12 |

    Projectcolor BV, Hoofddorp | 2 | Printshop De Koog BV, Purmerend | 1 |

    Safe Print BV, Heerhugowaard | 1 | Rosier Grafimedia BV,Grootebroek | 1 |

    Speciaal Etserij Schuts BV, Amsterdam | 4 | Central Station BV Thieme Groep, Amersfoort | 6 |

    Stadsdrukkerij Amsterdam, Amsterdam | 11 | Drukkerij & Uitg. G. van Dijk BV, Breukelen | 6 |

    Drukkerij Uitg. Idema BV, Medemblik, | 4 | Drukkerij De Bunschoter BV, Bunschoten | 1 |

    Renro Brinckman BV, Uithoorn | 1 | Drukkerij Grammé, Amersforrt | 1 |

    Drukkerij Moria BV, Hilversum | 2 | Drukkerij Wilco BV, Amersfoort | 10 |

    Thieme Amsterdam, Amsterdam | 1 | Leeuw Industrie + Diensten BV, Ijsselstein | 7 |

    Thieme Print 4U Amsterdam, Amsterdam | 9 | PC Ijsselstein BV Thieme Groep, Ijsselstein | 4 |

    Area 48 B.V.I.O, Amsterdam | 1 | Pfaff grafische Bindwerken, Woerden | 4 |

    Drukkerij De Beste V.O.F, Amsterdam | 3 | Roto Smeets groep, Utrecht | 234 |

    Drukkerij Koenders & Van Steyn BV, Badhoevedorp | 10 | Zeefdruk-Reclame Kunder, Twello | 1 |

    Drukkeij Over de Linden/Posthuma BV, Enkhuizen | 24 | Drukkerij Cunera BV, Rhenen | 2 |

    Drukkerij Van Den Bogaard Uitgeest BV, Uitgeest | 7 | Verweij Communicasa Groep BV, Mijdrecht | 21 |

    Drukkeij Fokker BV, Amsterdam | 4 | Wifac BV, Mijdrecht | 16 |

    DSB Bank N.V, Wognum | 1 | Drukkerij USP BV, Utrecht | 7 |

    Hollandia Media Groep BV, Heerhugowaard | 6 | Drukkerij Jansen & Van Driel, Groenekan | 6 |

    Hollandia Media Productions BV, Heerhugowaard | 7 | Flexpoint BV H/O-Oosterbeek Sport & Prijzen, Bunschoten-Spakenburg | 1 |

    Hollandia Print services BV, Heerhugowaard | 5 | Peha label BV, Houten | 24 |

    Hollandia Printing BV, Heerhugowaard | 76 | Repro Lageweide BVIO, Utrecht | 5 |

    Markus CTP BV, Amsterdam | 5 | Alrec Sign en Display BV, Mijdrecht | 10 |

    Multiforms BV, Heerhugowaard | 1 | De Heer J H Riepe H/O De Eeemdal, Soest | 1 |

    NB De Burght Zeefdrukkers BV, Zwanenburg | 5 | Handelsonderneming en Binderij De L, Utrecht | 1 |

    Printing & Advertising Heerhugowaard BV, Heerhugowaard | 5 | Libertas grafische Communicatie BV, Bunnik | 3 |

    Rotatiedrukkerij Voorburgwal BV, Amsterdam | 5 | Lsc Litho Service Combinatie BV, Amersfoort | 1 |

    T & M Designgroup BV, Hilversum | 9 | Drukkerij Zaandam (Thiemegroep), Utrecht | 10 |

    VOF Perspective, Grootebroek | 12 |

    Total ta' Intrapriżi: 79 | Total ta' sensji: 720 |

    8. It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

    Kategorija Għadd Persentaġġ

    Irġiel 468 65

    Nisa 252 35

    Ċittadini tal-UE 677 94

    Ċittadini minn barra l-UE 43 6

    ta' bejn il-15 u l-24 sena 130 18

    ta' bejn il-25 u l-54 sena 396 55

    ta' bejn il-55 u l-64 sena 180 25

    Età ’l fuq minn 65 sena 14 2

    Fil-kategoriji ta' hawn fuq, hemm 29 ħaddiem (4 %) li ilhom żmien twil b'xi problema tas-saħħa jew b'diżabilità.

    9. F'termini ta' kategoriji professjonali jitqassmu kif ġej:

    Kategorija Għadd Persentaġġ

    Manager 50 7

    Professjonali: 144 20

    Tekniċi 151 21

    Ħaddiema klerikali 86 12

    Ħaddiema fl-oqsma tas-servizz u tal-bejgħ 86 12

    Operaturi u muntaturi fl-impjanti u tal-magni 202 28

    10. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll waħda ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, għall-aċċess għalih.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu:

    11. It-territorju kkonċernat ikopri l-provinċji ta' Noord Holland u Utrecht. Iż-żewġ provinċji t-tnejn li huma jagħmlu parti mir-Randstad, l-iżjed żona ppopolata fil-Pajjiżi l-Baxxi. In-Noord Holland hija diġà mħassba minħabba s-sensji taħt l-applikazzjoni EGF/2009/024 NL/Taqsima 58 Noord Holland u Zuid Holland, li hi marbuta ma' attivitajiet marbutin mal-pubblikazzjoni (Taqsima 58 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE) fl-industrija tal-grafika.

    12. L-awtoritajiet ewlenin ikkonċernati huma l-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Fond għat-Taħriġ għas-settur tal-grafika u l-medja (A&O Fonds Grafimedia) fuq l-ordni tal-Kunsill għall-konsultazzjoni fis-settur tal-grafika u l-medja. Partijiet interessati rilevanti oħra huma l-Istitut għall-industrija kreattiva (IIK), l-organizzazzjoni pubblika li hi inkarigata mis-sussidji (UWV werkbedrijf), ċentri tal-mobilità UWV f'Amsterdam, f'Zaanstreek, f'Utrecht/Flevoland, l-organizzazzjoni għall-SMEs (MKB-ondernemingen), il-muniċipji ta' Amsterdam, Utrecht, il-punt ta' servizz Grafimedia, u l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali: FNV Kiem (trejd unjin), CNV Media (trejd unjin), KVGO (organizzazzjoni għal min iħaddem) għad-distrett ta' Amsterdam, Groot-Noord Holland, NUV (organizzazzjoni għal min iħaddem).

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    13. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li s-sensji fis-settur tal-grafika se jiggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad, li diġà ħżienet bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Fil-provinċja ta' Noord Holland, li wkoll intlaqtet mis-sensji koperti mill-applikazzjoni EGF/2009/024 NL/Taqsima 58 Noord Holland u Zuid Holland, ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 5,7 % f'Ottubru 2008 għal 6,5 % f'Ottubru 2009. Din ir-rata żdiedet minn 3,8 % għal 4,7 % fuq l-istess perjodu għal Utrecht. L-għadd ta' nies li kienu qegħdin ifittxu l-impjieg żdied b'10,1 % bejn Frar 2009 u Frar 2010 f'Noord Holland, f'Utrecht iż-żieda kienet ta' 16,3 % għall-istess perjodu. L-applikant ikompli billi jirreferi għall-fatt li fis-settur tal-grafika hemm proporzjon relattivament kbir ta' ħaddiema fost l-iżjed anzjani fejn il-qgħad huwa għoli ħafna fiż-żewġ provinċji li qed jiġu kkunsidrati.

    Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u rendikont tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    14. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Dawn se jkunu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz ta' ċentru tal-mobilità msemmi C3: Ċentru għall-Karrieri Kreattivi (Centrum Creatieve Carrières).

    Attivitajiet ta' tħejjija

    - Dħul u reġistrazzjoni: tkopri intervista inizjali fejn il-ħaddiem qiegħed jiġi rreġistrat u jiġu identifikati l-iżjed miżuri xierqa

    - Informazzjoni u għajnuna: marbuta ma' laqgħat kollettivi u funzjoni fejn il-ħaddiema jsibu l-għajnuna permezz tal-għotja ta' tagħrif dwar il-miżuri disponibbli.

    Akkumpanjament

    - Akkumpanjament minn xogħol għal xogħol: ikopri programm individwalizzat li jinkludi t-tgħarbil tal-tagħrif dwar l-individwu, l-istabbiliment ta' pjan ta' azzjoni għall-karriera u għall-vokazzjoni, u taħriġ għal żmien qasir fil-post tax-xogħol il-ġdid .

    - Riallokazzjoni: ifittex li jappoġġja b'mod attiv lill-ħaddiema qiegħda fit-tfittxija tagħhom ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol.

    - Taħriġ dwar kif wieħed japplika għax-xogħol: janalizza l-postijiet tax-xogħol disponibbli, jgħin fl-abbozzar ta' CV u ta' ittra ta' applikazzjoni u jipprepara l-ħaddiema għall-intervisti tal-impjieg.

    - Għajnuna fit-tfassil ta' negozju: tfittex li tgħin lill-ħaddiema li jkunu tilfu xogħolhom li qed jaħsbu biex iwaqqfu negozju għal rashom. Din toffri l-pariri legali, l-għajnuna fit-tfassil iddettaljat ta' pjan għan-negozju, appoġġ dwar rekwiżiti amministrattivi.

    Taħriġ

    - Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: toffri t-taħriġ vokazzjonali, taħriġ fl-amministrazzjoni u fil-ħiliet soċjali, u taħriġ speċifiku tekniku mill-ġdid għall-ħaddiema li t-taħriġ tekniku li jkunu ħadu qabel ma jkunx għadu utli.

    - Għarfien tal-esperjenza preċedenti: tevalwa t-tagħrif li kellu minn qabel u l-esperjenza ta' kull ħaddiema b'mod individwali, u tidentifika l-oqsma fejn jeħtieġu aktar taħriġ.

    15. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ ġestjoni u kontroll kif ukoll dawk ta' tagħrif u pubbliċità.

    16. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Olandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Olandiżi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 3 347 631,49 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 139 484,65 (= 4 % tal-ammont totali). Il-kontribut totali mitlub mill-EGF huwa ta’ EUR 2 266 625 (65 % tal-ispejjeż totali).

    Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema fil-mira | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (f'EUR) | Nefqa totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) * |

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    1. Attivitajiet ta' tħejjija 1.1. Dħul u reġistrazzjoni (intake en registratie) | 720 | 196,12 | 141 209,17 |

    1.2. Informazzjoni u għajnuna (voorlichting en helpdesk) | 720 | 87,17 | 62 759,63 |

    2. Akkumpanjament 2.1. Akkumpanjament minn xogħol għal xogħol (werk naar werk begeleiding) | 252 | 3 793,98 | 956 082,44 |

    2.2. Riallokazzjoni | 203 | 4 538,20 | 921 254,39 |

    2.3. Taħriġ dwar kif wieħed japplika għax-xogħol (solicitatietraining) | 216 | 1 437,19 | 310 432,42 |

    2.4. Għajnuna fit-tfassil ta' negozju (begeleiding eigen onderneming) | 36 | 5 348,25 | 192 537,14 |

    3. Taħriġ 3.1. Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (opleiding en omscholing) | 225 | 2 527,81 | 568 756,28 |

    3.2. Għarfien tal-esperjenza ta' qabel (erkenning verworven competenties) | 69 | 2 820,29 | 194 600,02 |

    Sottototal tas-servizzi personalizzati | 3 347 631,49 |

    Spiża għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Ġestjoni | 34 871,16 |

    Tagħrif u pubbliċità | 34 871,16 |

    Attivitajiet ta' kontroll | 69 742,32 |

    Sottototal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 139 484,65 |

    Stima tal-ispejjeż totali | 3 487 116,00 |

    Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 2 266 625 |

    [*it-total ma jaqbilx minħabba li ċ-ċifri huma miġbudin għad-dritt]

    17. Il-Pajjiżi l-Baxxi jikkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq jikkomplementaw azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, partikolarment b'numru ta' proġetti tat-taħriġ ESF għall-ħaddiema fis-settur tal-grafika li jaħbtu fl-istess żmien tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-EGF. L-awtorità amministrattiva għall-EGF, li hi wkoll l-awtorità amministrattiva għall-ESF, stabbiliet il-proċeduri ta' kontroll meħtieġa biex telimina kull riskju ta' finanzjament doppju.

    Id-data/i meta nbdew jew huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

    18. Il-Pajjiżi l-Baxxi bdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament, fl-1 ta’ April 2009. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

    Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

    19. L-imsieħba soċjali ġew ikkonsultati permezz tal-Fondi tal-Istituzzjoni għat-Taħriġ għas-Suq tax-Xogħol għas-settur tal-grafika u tal-medja (Arbeids & Opleidingsfonds Grafimedia branche), li minħabba l-kriżi qabel mal-istabbiliment ta' ċentru ta' mobilità għas-settur, li ssemma C3 (Centrum Creatieve Carrières). L-għan ta' dan iċ-ċentru ta' mobilità huwa li jikkoordina l-miżuri differenti tas-suq tax-xogħol b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

    20. L-awtoritajiet Olandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti.

    Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

    21. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, fl-applikazzjoni tagħhom l-awtoritajiet Olandiżi:

    - ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    - taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

    - ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    22. Il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw l-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-Aġenzija għall-Affarijiet Soċjali u għall-Impjieg (Agentschap SZW) se tkun l-entità intermedjarja għall-awtorità amministrattiva.

    Finanzjament

    23. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 2 266 625, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Pajjiżi l-Baxxi.

    24. Minħabba l-kontribut massimu possibbli mill-EGF stabbilit skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tuża l-ammont totali mill-EGF imsemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    25. L-ammont ta' kontribut finanzjarju propost jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    26. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssemplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jiġi użat l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

    27. Il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment separata biex iddaħħal l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti speċifiċi fil-baġit għall-2010, kif meħtieġ mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Sors tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti

    28. Fl-istat attwali ta' implimentazzjoni, huwa prevedibbli li l-approprjazzjonijiet għall-pagament disponibbli fl-2010 skont il-linja tal-baġit 01.0404 "Kompetittività u Innovazzjoni – Programm ta' Qafas - Imprenditorija u Innovazzjoni" mhux se jintużaw għal kollox din is-sena.

    29. Din il-linja tkopri n-nefqa marbuta mal-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ta' dan il-programm, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi. Hemm ftit taż-żmien bejn it-trasferimenti lejn il-kontijiet fiduċjarji amministrati mill-Fond Ewropew għall-Investiment u l-ħlas lill-benefiċjarji. Il-kriżi finanzjarja għandha effett kbir fuq il-previżjonijiet fir-rigward tal-ħlasijiet għall-2010. Bħala riżultat, biex jiġu evitati bilanċi eċċessivi dwar il-kontijiet fiduċjarji, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas ġiet riveduta, filwaqt li ttieħed kont tal-ħlasijiet mistennija. L-ammont ta' EUR 2,266,625 għalhekk jista' jsir disponibbli għat-trasferiment.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Taqsima 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[7],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema mogħtija s-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fid-dħul mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi l-appoġġ għall-ħaddiema li jkunu sfaw qiegħda bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) Il-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat l-EGF, fir-rigward tas-sensji fid-79 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 18 tan-NACE Reviżjoni 2 (l-istampar u r-riproduzzjoni tal-medja rreġistrata) fiż-żewġ reġjuni kontigwi NUTS II Noord Holland (NL32) u Utrecht (NL31), fit-30 ta' Diċembru 2009 u ssupplimentawha b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Mejju 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 2 266 625.

    (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat biex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 266 625 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406, tat-30.12.2006, p. 1.

    [3] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393 tat-30.12.2006, p. 1).

    [4] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [5] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [6] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [7] ĠU C […], […], p. […].

    Top