Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0419

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji

    /* COM/2010/0419 final - NLE 2010/0227 */

    52010PC0419

    /* COM/2010/0419 final - NLE 2010/0227 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 6.8.2010

    KUMM(2010)419 finali

    2010/0227 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. L-ISFOND POLITIKU U LEGALI

    Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1], il-persuni b'nazzjonalità Brażiljana jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkollhom bżonn viża għal soġġorni qosra. Dan għandu jkun reċiprokat mill-Brażil, madanakollu l-pajjiż għadu sa issa jitlob viża fil-każ ta' persuni bin-nazzjonalità ta' erba' Stati Membri. l-Estonja, Ċipru, Malta u l-Latvja.

    Għal raġunijiet kostituzzjonali, il-Brażil ma jistax jirrinunzja għall-viża għal dawn l-Istati Membri unilateralment; huwa neċessarju li jkun konkluż ftehim ta' rinunzja għall-viża biex ikun irratifikat mill-Parlament tiegħu.

    Il-Brażil għandu ftehimiet bilaterali ta' rinunzja għall-viża mal-Istati Membri, ħlief l-erbgħa kkonċernati. Dawn il-ftehimiet bilaterali huma konsiderevolment differenti wieħed mill-ieħor fir-rigward tal-ambitu personali tal-applikazzjoni tagħhom (jiġifieri fir-rigward tal-kategoriji tal-persuni li jibbenefikaw mir-rinunzja għall-viża).

    Min-natura tal-politika komuni tal-viża u l-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam joħroġ li l-Unjoni biss tista' tinnegozja u tikkonkludi ftehim ta' rinunzja għall-viża, u mhux l-Istati Membri individwali. Għalhekk, fit-18 ta' April 2008, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim għar-rinunzja għall-viża għal soġġorni qosra bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil.

    In-negozjati bdew fit-2 ta' Lulju 2008 u ġew iffinalizzati fl-1 ta' Ottubru 2009.

    Matul in-negozjati, il-Partijiet Kontraenti qablu li jikkonkludu żewġ ftehimiet separati: wieħed fuq id-detenturi ta' passaporti ordinarji u ieħor għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi u tas-servizz, ladarba l-ftehim dwar id-detenturi tal-passaporti diplomatiċi u tas-servizz ma għandux bżonn ikun ratifikat mill-Kungress Brażiljan, u għalhekk ir-ratifikazzjoni tista' tipproċedi iktar malajr u separatament mill-ftehim dwar id-detenturi ta' passaport ordinarju.

    Wara li t-taħdidiet staġnaw f'Lulju 2009 minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet fuq l-ambitu personali tar-rinunzja għall-viża għad-detenturi ta' passaport ordinarju, fit-23 ta' Settembru 2009 il-COREPER adatta l-mandat biex ikun negozjat il-ftehim għar-rinunzja għall-viża mal-Brażil.

    Skont il-konklużjonijiet tal-COREPER, il-Kummissjoni kellha tinnegozja Ftehim għar-rinunza għall-viża mal-Brażil li jipprovdi għal:

    - vjaġġar ħieles mill-viża għal soġġorn qasir għal żjarat sa massimu ta' tliet xhur f'perjodu ta' sitt xhur fiż-żona Schengen u fir-Rumanija, il-Bulgarija u Ċipru għall-persuni b'nazzjonalità Brażiljana, u fil-Brażil għaċ-ċittadini tal-UE fuq bażi reċiproka b'ambitu iktar limitat mir-reġim tal-viża eżistenti fil-preżent skont ir-Regolament 539/2001, jiġifieri l-ftehim bażikament ikun japplika biss għat-turisti u n- negozjanti;

    - klawsola li żżomm il-ftehimiet bilaterali eżistenti għar-rinunzja għall-viża safejn jistabilixxu vjaġġar ħieles mill-viża għall-Brażil għall-kategoriji ta' persuni mhux koperti bil-ftehim tal-UE;

    - u li sa fejn huma kkonċernati l-persuni b'nazzjonalità Brażiljana, il-ftehim jista' jkopri biss żjarat għaż-żona Schengen u għar-Rumanija, il-Bulgarija u Ċipru, u għandhom japplikaw irrispettivament mill-punt tat-tluq tagħhom u mill-post ta' residenza tagħhom. Sa fejn huma kkonċernati ċ-ċittadini tal-UE, il-ftehim għandu japplika irrispettivament mill-punt tat-tluq tagħhom u mill-post ta' residenza tagħhom meta jivvjaġġaw lejn il-Brażil.

    Fir-raba' sessjoni ta' negozjati, li saret fi Brasilia mid-29 ta' Settembru sal-1 ta' Ottubru 2009, it-test tal-ftehim għar-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji bejn l-UE u l-Brażil seta' jkun iffinalizzat u għalhekk in-negozjati kienu konklużi.

    Fir-rigward tal-ftehim għar-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji, waqt li jinżammu l-ftehimiet bilaterali, sa fejn jistabbilixxu vjaġġar ħieles mill-viża għal kategoriji ta' persuni mhux koperti mill-ftehim UE-Brażil, huwa parti mill-pakkett globali maqbul mal-Brażil, li kien mifthiem fi Brasilia, skont il-mandat.

    Minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi, sabiex ikun mgħoddi messaġġ ċar lill-Brażil u biex ikunu salvagwardati l-ftehimiet bilaterali eżistenti, saret dikjarazzjoni unilaterali mill-UE, li ntbagħtet lill-Brazil f'forma ta' ittra fil-5 ta' Frar 2010, li tgħid li l-Unjoni Ewropea tista' tissospendi l-ftehim jekk il-Brażil jibda jiddenunzja l-ftehimiet bilaterali eżistenti . Dan l-aproċċ ġie endorsjat mill-Istati Membri kif ukoll mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża tal-20 ta' Jannar 2010.

    Fir-risposta tiegħu datata l-14 ta' April 2010 għall-ittra tal-UE, il-Brażil ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jinnegozja mill-ġdid uħud mill-ftehimiet bilaterali qodma mal-Istati Membri. Iż-żewġ ittri huma mehmuża ma' din il-proposta fl-Anessi II u III.

    L-Istati Membri kienu infurmati u kkonsultati għal bosta drabi fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Viża u fil-COREPER.

    Il-Ftehim kien inizjalat fit-28 ta' April 2010.

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim hija l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218 tat-TFUE[2].

    Il-proposti mehmużin jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. Il-Parlament Ewropew ser ikollu jagħti l-kunsens tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, skont l-Artikolu 218(6)(a)(V) tat-TFUE.

    2. RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu għan-negozjati – inkluż l-adattament tal-mandat mill-COREPER fit-23 ta' Settembru 2009 - inkisbu u li l-abbozz ta’ ftehim għar-rinunzja tal-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    Il-kontenut finali tal-ftehim għar-rinunzja għall-viża għad-detenturi ta' passaport ordinarju jistgħu jitqassru kif ġej.

    L-Għan u l-Ambitu

    Il-ftehim bejn l-UE u l-Brażil jagħti rinunzja reciproka għall-viża għall-ivvjaġġar bi skop turistiku u ta' negozju liċ-ċittadini Brażiljani u tal-UE kollha, inkluż persuni bin-nazzjonalità tal-erba' Stati Membri li attwalment ma jgawdux minn vjaġġar ħieles mill-viża lejn il-Brażil.

    Iż-żewġ għanijiet ta' "turiżmu" u "negozju" huma definiti fil-wisa' fil-ftehim, inkluż pereżempju sportivi u artisti sakemm ma jiriċivux remunerazzjoni għall-attività tagħhom, u saħansitra ċerti kategoriji disputati, bħal żjarat familjari jew laqgħat uffiċjali, li wkoll ser ikunu koperti mill-kategoriji tat-"turisti"u "nies tan-negozju" rispettivament. Dawn iż-żewġ kategoriji koperti mill-ftehim UE-Brażil ikunu jkopru 90-95% tal-vjaġġaturi kollha.

    Serje ta' kategoriji (pereżempju studenti, riċerkaturi, artisti, nies reliġjużi eċċ., li huma definiti mil-liġi nazzjonali Brażiljana) huma esklużi mill-ambitu tal-ftehim. Il-ftehim jiddisponi li l-ftehimiet bilaterali konklużi bejn il-Brażil u l-Istati Membri li jkopru tali kategoriji oħra mhux koperti mill-ftehim UE-Brażil ikomplu japplikaw sa fejn jiddisponu għar-rinunzja għall-viża għal dawk il-kategoriji. B'dan il-mod ċittadini tal-UE li jaqgħu taħt kategoriji oħra (għajr it-turiżmu u n-negozju) koperti mill-ftehimiet bilaterali, jistgħu jkomplu jibbenefikaw mir-rinunzja għall-viża skont dawn il-ftehimiet bilaterali.

    Il-kategorija ta' nies li jivjaġġaw bil-għan li jwettqu attività mħallsa hija wkoll eskluża mill-ambitu ta' dan il-Ftehim. Għal din il-kategorija, kull Stat Membru u wkoll il-Brażil jibqgħu ħielsa li jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, jew skont il-ftehimiet bilaterali, li jkopru din il-kategorija.

    Konsegwentament, il-ftehim UE-Brażil ma jnaqqasx l-aċċess għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża lejn il-Brażil għaċ-ċittadini tal-Istati Membri li għandhom ftehim bilaterali mal-Brażil, iżda bażikament iżomm l-istatus quo għal dawn iċ-ċittadini.

    L-arranġamenti ta' hawn fuq dwar l-ambitu jikkostitwixxu l-aħjar kompromess li jista' jintlaħaq mill-Partijiet Kontraenti f'dawn iċ-ċirkostanzi speċjali u huma f'konformità mal-mandat kif emendat mill-COREPER fit-23 ta' Settembru 2009.

    Tul tas-soġġorn

    It-tul tas-soġġorn huwa limitat mill-ftehim għal tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur fiż-żona Schengen. Għalhekk, dan il-ftehim jagħlaq il-possibbiltà mogħtija lil persuni ta' nazzjonalità Brażiljana mill-ftehimiet bilaterali li jakkumulaw is-soġġorni ta' tliet xhur għal kull Stat Membru fiż-żona Schengen.

    Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni tal-viża tagħti dritt liċ-ċittadini tal-Brażil biex jibqgħu għal tliet xhur fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija), b’mod indipendenti mill-perjodu kkalkulat għaż-żona sħiħa ta’ Schengen .

    Applikazzjoni territorjali

    Ladarba t-territorji barranin ta' Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi ma jiffurmawx parti miż-żona Schengen u r-regoli tal-viża (pereżempju r-Regolament 539/2001) ma japplikawx hemm, il-ftehim UE-Brażil ma jistax ikopri dawn it-territorji. Min-naħa l-oħra, persuni b'nazzjonalità tal-UE li joqgħodu f'pajjiż terz jew f'territorju barrani ta' Stat Membru għandhom ikunu koperti mir-rinunzja għall-viża (pereżempju persuna b'nazzjonalità Olandiża li tirrisjedi fl-USA jew f'Aruba, jew persuna b'nazzjonalità Franċiża li tirrisjedi fit-Territorju tal-Polineżja Franċiża) skont in-nazzjonalità tagħhom.

    Il-ftehim jiddisponi għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-Brażil meta jivvjaġġaw f'territorji Ewropej tal-Istati Membri u għandu japplika irrispettivament mill-punt tat-tluq u mill-post ta' residenza tagħhom.

    Sa fejn huma kkonċernati ċ-ċittadini tal-UE, il-ftehim jipprovdi għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża meta jivvjaġġaw lejn il-Brażil, irrispettivament mill-punt tat-tluq tagħhom u mill-post ta' residenza tagħhom.

    Madanakollu, tali regoli dwar l-applikazzjoni territorjali mhumiex espliċitament pronunċati fil-ftehim, iżda r-regoli eżistenti skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali tal-Brażil ikomplu japplikaw, inklużi ftehimiet bilaterali bejn il-Brażil u Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi li jkopru t-territorji li mhumiex UE.

    Dan l-approċċ ġie aċċettat mill-Istati Membri fil-laqgħa tal-Kunsilliera tal-ĠAI tal-5 ta' Ottubru 2009.

    Dispożizzjonijiet oħra

    Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-Ftehim li tistabbilixxi li l-Brażil jista' jissospendu jew itemmu l-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u, b’mod reċiproku, l-Unjoni wkoll tistà tissospendi u ttemm il-Ftehim, fir-rigward tal-Istati Membri tagħha biss.

    Il-ftehim iwaqqaf Kumitat ta' esperti għall-ġestjoni tal-Ftehim.

    Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hi riflessa fil-preambolu.

    Klawsola dwar l-iskambju ta' mudell tal-passaport iddaħħlet fil-ftehim.

    Saret dikjarazzjoni konġunta dwar it-tixrid komplut tal-informazzjoni għall-implimentazzjoni bla intoppi tal-ftehim.

    3. KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    - Jiddeċiedi li l-Ftehim ikun iffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f'isem l-Unjoni.

    2010/0227 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77 (2)(a) flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

    Billi:

    1. Sabiex jarmonizzaw il-politika tal-viża tagħhom mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, l-Istati Membri rrinunzjaw għall-viża tal-persuni bin-nazzjonalità tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil (minn issa 'l quddiem il-Brażil) qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Brażil jidher fuq il-lista ta' pajjiżi terzi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża.

    2. Għal raġunijiet kostituzzjonali, il-Brażil ma jistax jirrinunzja għall-viża ta' dawn l-Istati Membri unilateralment; huwa neċessarju li jkun konkluż ftehim ta' rinunzja għall-viża biex ikun irratifikat mill-Parlament tiegħu.

    3. Il-Brażil għandu ftehimiet bilaterali għar-rinunzja għall-viża mal-maġġoranza tal-Istati Membri, konklużi qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni Ewropea jew qabel l-istabbiliment tal-politika komuni tal-viża. Madanakollu, għad hemm erba' Stati Membri li magħhom il-Brażil ma kkonkludiex ftehim għar-rinunzja għall-viża fil-passat, u konsegwentament il-Brażil għadu jitlob viża mill-persuni b'nazzjonalità ta' dawn l-Istati Membri għal soġġorni qosra.

    4. Min-natura tal-politika komuni tal-viża u l-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam joħroġ li l-Unjoni biss tista' tinnegozja u tikkonkludi ftehim ta' rinunzja għall-viża, u mhux l-Istati Membri individwali.

    5. Fid-dawl tat-trattament mhux reċiproku tal-Brażil lejn ċerti Stati Membri, bid-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' April 2008 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir sabiex tkun żgurata rinunzja għall-viża kompletament reċiproka.

    6. In-negozjati dwar il-ftehim infetħu fit-2 ta' Lulju 2008 u kienu konklużi fl-1 ta' Ottubru 2009.

    7. Soġġett għall-konklużjoni possibbli tagħhom iktar tard, il-Ftehimiet inizjalati fi Brussell fit-28 ta' April 2010, għandhom ikunu ffirmati.

    8. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi wħud mid-disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[4]; Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    9. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[5]. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-Ftehim) hija b'dan approvata mill-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'hekk awtorizzat jaħtar il-persuna/i mogħtija s-setgħa biex tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Magħmul fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS I

    FTEHIM

    bejn

    l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil

    dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji

    L-Unjoni Ewropea, minn issa 'l quddiem “L-Unjoni”

    u wkoll

    ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, minn issa 'l quddiem imsemmija “il-Brażil”

    minn issa ’l quddiem il-Partijiet Kontraenti;

    (1) Fix-xewqa li jkun salvagwardat il-prinċipju tar-reċiproċità u li jkun iffaċilitat l-ivvjaġġar billi jkun żgurat dħul u soġġorn qasir ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u għal persuni b'nazzjonalità Brażiljana;

    (2) Waqt li jsostnu l-impenn tagħhom biex jiżguraw vjaġġar ħieles mill-viża reċiproku malajr, waqt li jirrispettaw it-tlestija tal-proċeduri parlamentari u oħrajn interni rispettivi;

    (3) Bil-għan li jiżviluppaw iktar ir-relazzjonijiet ta' ħbiberija u li jkomplu jissaħħu r-rabtiet mill-qrib bejn il-Partijiet Kontraenti;

    (4) Filwaqt li jikkunsidraw il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan

    Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini tal-Brażil, detenturi ta' passaport ordinarju validu, jitħallew jidħlu, jittranżitaw minn u joqogħdu mingħajr viża fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-għanijiet ta' turiżmu u negozju għall-perjodu massimu ta' soġġorn ta' tliet xhur biss matul perjodu ta' sitt xhur skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a) "Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

    (b) "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

    (c) "persuna ta' nazzjonalità Brażiljana" għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità tal-Brażil;

    (d) "iż-żona ta’ Schengen" għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li jinkludu t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu;

    (e) "l-acquis ta' Schengen" għandha tfisser il-miżuri kollha bil-għan li jkun żgurat il-moviment ħieles tal-persuni f'żona mingħajr fruntieri interni, flimkien ma' miżuri laterali fir-rigward tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil u l-immigrazzjoni u miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità.

    Artikolu 3

    Ambitu ta’ applikazzjoni

    1. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim għanijiet turistiċi u tan-negozju għandhom ifissru:

    - attivitajiet turistiċi;

    - żjarat lill-qraba;

    - l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet kummerċjali, attendenza ta' laqgħat, iffirmar ta' kuntratti u attivitajiet finanzjarji, ta' ġestjoni u amministrattivi;

    - attendenza għal laqgħat, konferenzi, seminarji sakemm ma tkunx irċevuta l-ebda remunerazzjoni għalihom minn sorsi Brażiljani/tal-UE rispettivi (għajr il-kost tas-soġġorn direttament jew permezz tal-introjtu ta' kuljum);

    - parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet sportivi u artistiċi, sakemm il-parteċipanti ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni minn sorsi Brażiljani/tal-UE rispettivi, saħansitra jekk jikkompetu għal premijiet, inkluż premijiet monetarji.

    2. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u persuni bin-nazzjonalità tal-Brażil li jixtiequ jwettqu attivitajiet remunerati jew li jkunu impjegati, ingaġġati f'riċerka, apprentistat, studji u ħidma soċjali, kif ukoll jagħtu assistenza teknika, ikunu missjunarji, jew jagħmlu attivitajiet reliġjużi jew artistiċi, mhumiex koperti b'dan il-Ftehim.

    Artikolu 4

    Kundizzjonijiet għar-rinunzja għall-viża u s-soġġorn

    1. Ir-rinunzja għall-viża pprovduta b’dan il-Ftehim għandha tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u ta' soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Brażil jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul jew soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati.

    2. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jibbenefikaw minn dan il-Ftehim għandhom iħarsu l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fit-territorju tal-Brażil matul is-soġġorn tagħhom.

    3. Il-persuni ta' nazzjonalità Brażiljana li jibbenefikaw minn dan il-Ftehim għandhom iħarsu l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fit-territorju ta' kull Stat Membru matul is-soġġorn tagħhom.

    4. Ir-rinunzja għall-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti miftuħin għat-trasport ta' passiġġieri internazzjonali.

    5. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 7, kwistjonijiet tal-viża mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu koperti mil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri jew bil-liġi nazzjonali tal-Brażil .

    Artikolu 5

    Tul tas-soġġorn

    1. Għall-għanijiet ta' dan il-ftehim iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Brażil għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju tal-pajjiż.

    2. Għall-għanijiet ta' dan il-ftehim iċ-ċittadini tal-Brażil jistgħu jibqgħu fiż-żona ta’ Schengen għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Dan il-perjodu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur għandu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kwalunkwe żjara fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

    3. Iċ-ċittadini tal-Brażil jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma japplikax l- acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, indipendentament mill-perjodu taż-żjara kkalkulata għaż-żona ta’ Schengen.

    4. Dan il-ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Brażil u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta' soġġorn għal aktar minn tliet xhur skont il-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.

    Artikolu 6

    Ġestjoni tal-Ftehim

    1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iwaqqfu Kumitat ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"kumitat")

    Il-kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Brażil. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2. Il-kumitat għandu jiltaqa', kull meta jkun neċessarju, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u biex isolvi tilwim li jqum mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 7

    Relazzjoni bejn dan il-ftehim u l-ftehimiet bilateral eżistenti

    eżistenti dwar il-viża bejn l-Istati Membri u l-Brażil

    Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għall-ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Brażil, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    Skambju ta' mudell tal-passaporti

    1. Jekk mhux diġà għamlu dan, il-Brażil u l-Istati Membri għandhom jiskambjaw, b'mezzi diplomatiċi, mudelli tal-passaporti ordinarji validi tagħhom sa mhux iktar tard minn tletin (30) jum wara d-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

    2. Fil-każ tal-introduzzjoni ta' passaporti ordinarji ġodda jew modifikazzjoni ta' dawk eżistenti, il-Partijiet għandhom jagħtu lil xulxin, permezz ta' mezzi diplomatiċi, mudelli ta' dawn il-passaporti ġodda jew modifikati, akkumpanjati minn informazzjoni dettaljata dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-applikabbilità tagħhom, sa mhux iktar tard minn tletin (30) jum qabel l-applikazzjoni tiegħu.

    Artikolu 9

    Dispożizzjonijiet finali

    1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet Kontraenti javżaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

    2. Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jiġix mitmum skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    3. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

    4. Kull Parti kontratenti tista' tissospendi kompletament jew parti minn dan il-Ftehim, u d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun innotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

    5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf jiffunzjona 90 jum wara d-data ta’ tali notifika.

    6. Il-Brażil jista’ jissospendi jew itemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

    7. L-Unjoni tistà tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Magħmul fi Brussell, fi……… 2008, f’żewġ kopji f'kull każ fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Svediż, b'kull wieħed minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità.

    Għall-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil

    Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-informazzjoni taċ-ċittadini dwar il-ftehim tar-rinunzja għall-viża

    Waqt li nirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Partijiet Kontratenti jaqblu li jiżguraw tixrid komplet tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-Ftehim għar-rinunzja għall-viża u kwistjonijiet relatati, bħad-dokumenti għall-ivvjaġġar validi għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża, l-applikazzjoni territorjali, inkluża l-lista tal-Istati Membri li jimplimentaw għal kollox l-acquis ta' Schengen, il-perjodu ta' soġġorn permess u l-kundizzjonijiet għad-dħul, inkluż id-dritt tal-appell f'każ ta' rifjut.

    [1] ĠU L 81, 21.3.2001, p.1

    [2] Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 115, 9.5.2008, p. 47

    [3] …………………….

    [4] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    [5] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    Top