EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0408

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

/* KUMM/2010/0408 finali - NLE 2010/0219 */

52010PC0408

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni /* KUMM/2010/0408 finali - NLE 2010/0219 */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 28.7.2010

KUMM(2010)408 finali

2010/0219 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jirrappreżenta waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni tal-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Dan l-aspett ta’ politika huwa deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “dwar l-approċċ ġenerali biex il-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji”[1].

Il-Kunsill approva dan l-approċċ fil-5 ta’ Marzu 2007[2].

Abbażi ta' dik il-Komunikazzjoni u dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007, ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja, il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji[3].

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u approva Rapport dwar il-Progress mill-Presidenza[5] li tressaq fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni (GAERC - General Affairs and External Relations Council) fit-18/19 ta’ Ġunju kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[6]. Dan ir-rapport fakkar id-Direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati protokolli addizzjonali rilevanti, u biex l-Iżrael, il-Marokk u l-Ukraina jiġu identifikati bħala li x’aktarx ikunu l-ewwel pajjiżi sħab li se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri. In-negozjati mal-Iżrael li ġew konklużi f’Settembru 2007 wasslu għall-iffirmar ta’ Protokoll f’April 2008[7] filwaqt li dawk mal-Marokk ġew konklużi.

F'Ġunju 2007, ġie deċiż li jinbdew negozjati mal-Ukraina li ġew mitmuma għas-sodisfazjon tal-Kummissjoni. It-test tal-protokoll negozjat mal-Ukraina jinsab mehmuż.

B’dan, il-Kummissjoni tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni. Fih stipulazzjonijiet standard li huma maħsuba li jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-PEV li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn il-protokolli. It-test innegozjat jipprevedi wkoll li l-Partijiet għandhom japplikaw b’mod proviżorju d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll mid-data meta jiġi ffirmat.

Skont l-Artikolu 218(6) (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiġi mitlub biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll

B'mod parallel, il-Kummissjoni tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

Il-Kunsill huwa mistieden biex jadotta d-Deċiżjoni proposta li ġejja.

2010/0219 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 19, 114, 168, 169, 172, 173 (3), 188, 192 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Fit-18 ta’ Ġunju 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-Unjoni (minn issa 'l quddiem "il-Partijiet").

2. Dawn n-negozjati ġew konklużi għas-sodisfazjon tal-Kummissjoni;

3. Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea,

4. Soġġett għall-konklużjoni tiegħu aktar tard, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

5. It-test tal-Protokoll negozjat mal-Ukraina jipprovdi, fl-Artikolu 10, għall-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hi b’dan awtorizzata biex tiffirma, f’isem l-Unjoni, il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni (minn issa 'l quddiem "il-Protokoll"). U biex taħtar il-persuni awtorizzati biex jipproċedu bl-iffirmar.

It-test tal-Protokoll li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dan il-Protokoll għandu jgħodd provviżorjament sa mid-data meta jiġi ffirmat, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni se tidhol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

PROTOKOLL

dwar il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

minn naħa,

kif ukoll

l-Ukraina,

min-naħa l-oħra,

minn issa 'l quddiem "il-Partijiet"

Billi:

6. L-Ukraina daħlet fi Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, (minn issa 'l quddiem "il-Ftehim") fl-1 ta’ Marzu 1998 (Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 49 tad-19 ta’ Frar 1998).

7. Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-17/18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u aċċetta l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004.

8. Il-Kunsill, f’bosta okkażjonijiet oħrajn, ikkonkluda ripetutament favur din il-politika.

9. Il-Kunsill, fil-5 ta’ Marzu 2007, esprima appoġġ għall-approċċ ġenerali u globali deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006, COM (2006) 724 finali, sabiex l-isħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jipparteċipaw fl-aġenzi Komunitarji u l-programmi Komunitarji fuq il-merti tagħhom u fejn hekk jippermettu l-bażijiet legali.

10. L-Ukraina esprimiet ix-xewqa li tipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

11. It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi, b'mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja u l-proċeduri ta’ rapportar u ta' evalwazzjoni, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukraina f’kull programm b’mod partikolari għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukraina,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Ukraina għandha titħalla tipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni attwali u futuri kollha miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina skont id-dispożizzjonijiet rilevanti li jadottaw dawn il-programmi.

Artikolu 2

L-Ukraina għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondi għall-programmi speċifiċi li fihom tipparteċipa l-Ukraina.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Ukraina għandhom jitħallew jieħdu sehem, bħala osservaturi u għall-punti li jikkonċernaw lill-Ukraina, fil-kumitati tal-ġestjoni responsabbli li jimmonitorjaw il-programmi li l-Ukraina tikkontribwixxi finanzjarjament għalihom.

Artikolu 4

Proġetti u inizjattivi mressqa minn parteċipanti mill-Ukraina għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu suġġetti għall-istess kondizzjonijiet, regoli u proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-programmi kkonċernati kif huma applikati lill-Istati Membri.

Artikolu 5

It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukraina f’kull wieħed mill-programmi, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri tar-rapportar u tal-evalwazzjoni, għandhom ikunu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukraina (Memorandum ta’ Fehim).

Jekk l-Ukraina tapplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex tipparteċipa fi programm partikolari tal-Unjoni abbażi l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprovdi għall-assistenza esterna tal-Unjoni lill-Ukraina għandha tiġi adottata fil-ġejjieni, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-Ukraina tal-assistenza esterna tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati minn ftehim dwar l-iffinanzjar, b’mod partikolari jiġi rispettat l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

Artikolu 6

Kull Memorandum ta’ Ftehim konkluż skont l-Artikolu 5, għandu jistipula, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Eurotom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, li l-kontroll jew verifika finanzjarja jew verifikazzjonijiet oħra, inklużi investigazzjonijiet amministrattivi se jitwettqu minn, jew taħt l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u tal-Qorti tal-Awdituri.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar kontroll u verifika finanzjarja, miżuri amministrattivi, penali u rkupru li jippermettu lill-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri li jiġu mogħtija setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom rigward il-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

Il-Protokoll attwali li jirrigwarda Ftehim Qafas għandu japplika għall-perjodu li matulu l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, ikun fis-seħħ.

Dan il-Protokoll għandu jiġi ffirmat u approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

Kull Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll b’notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Protokoll għandu jintemm sitt xhur wara d-data ta’ din in-notifika.

It-tmiem tal-Protokoll li jiġi wara d-denunzja minn kwalunkwe waħda mill-partijiet m'għandu jkollu l-ebda influwenza dwar l-ispezzjonijiet u kontrolli li għandhom jitwettqu taħt id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 fejn xieraq.

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet Kontraenti jistgħu jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Ukraina fi programmi tal-Unjoni.

Artikolu 9

Dan il-Protokoll għandu jgħodd, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġi applikat u taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dan it-Trattat, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ukraina.

Artikolu 10

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fihom il-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa biex jidħol fis-seħħ.

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li, irrispettivament mit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom, għandhom japplikaw b’mod proviżorju d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll mid-data meta jiġi ffirmat, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

Artikolu 11

Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali tal-Ftehim.

Artikolu 12

Dan il-Protokoll għandu jitfassal f’żewġ kopji fl-ilsna uffiċjali tal-Partijiet, kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku indaqs.

Magħmul fi Brussell, din…il-ġurnata tal-…fis-sena…

Għall-Gvern tal-Ukraina

Għall-Unjoni Ewropea

[1] COM(2006) 724 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006;

[2] Il-Konklużjonijiet ta’ GAERC tal-5 ta’ Marzu 2007;

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-Protokolli […], Dok 10412/07;

[4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, 21/22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07;

[5] Ir-Rapport ta' Progress mill-Presidenza dwar it-“Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07.

[6] Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok 11016/07.

[7] ĠUUE L129/40-43 tas-17.5.2008.

Top