Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0392

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

    /* KUMM/2010/0392 finali */

    52010PC0392




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 20.7.2010

    KUMM(2010) 392 finali

    2010/0215 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

    {SEG(2010) 907}{SEG(2010) 908}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. INTRODUZZJONI

    1. Din il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni fir-rigward tad-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea. Il-proposta hija t-tieni pass f'sensiela ta' miżuri stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali, adottat fil-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2009 li jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti fuq bażi "gradwali". Dan l-approċċ huwa meqjus l-aħjar mod kif wieħed jibni l-kunfidenza u jikkontribwixxi biex wieħed jinkoraġġixxi u tkompli tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka. Din il-proposta għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parti minn pakkett komprensiv ta' leġiżlazzjoni li għandu jiġi ppreżentat matul is-snin li ġejjin bl-għan li jipprovdi sett minimu ta' drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea.

    2. Il-proposta tfittex li ssaħħaħ id-drittijiet tas-suspettati. Il-fatt li jkun hemm standards minimi komuni fir-rigward ta' dawn id-drittijiet għandu jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u b'hekk itejjeb il-funzjonament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-UE.

    3. L-ewwel pass, dwar id-dritt għall-interpretar u t-traduzzjoni, hija Direttiva adottata fit-8 ta' Ottubru 2010.

    4. Fir-rigward tal-bażi legali, il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dak l-Artikolu jistabbilixxi li "[fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli għandhom jikkunsidraw id-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.

    Dawn għandhom jikkonċernaw:

    (a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

    (b) id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali;

    (c) id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità;

    (d)[…]."

    Sabiex ir-rikonoxximent reċiproku jiffunzjoni sew huwa meħtieġ li jkun hemm fiduċja reċiproka. Huwa meħtieġ ċertu livell ta' kompatibilità sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka u għaldaqstant, il-koperazzjoni.

    5. L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) tipprovdi għad-dritt għal proċess ġust; L-Artikolu 48 jiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża u għandu l-istess tifsira u ambitu bħad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6(3) tal-KEDB[1]. Rigward il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drttijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), id-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet jista' jiġi inferit mill-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) dwar l-Artikolu 6 KEDB, li jiddikjara li l-awtoritajiet għandhom jieħdu approċċ proattiv sabiex jiżguraw li persuni li qed jiffaċċjaw akkuża kriminali jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom. Id-dritt għall-informazzjoni dwar l-akkuża, li joħroġ mill-Artikolu 6(3)(a) KEDB, huwa fundamentali meta persuna li qed tiffaċċja akkuża kriminali li teħtieġ tkun taf x'inhuma l-akkużi miġjuba kontriha sabiex tkun f'qagħda tħejji d-difiża tagħha. L-Artikoli 9(2) u 14(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (PIDĊP)[2] jinkludu dispożizzjonijiet simili ħafna.

    6. Sabiex tkun tista' tinforma l-proposta l-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt. Ir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/cia_2010_en.htm

    2. SFOND

    7. L-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) tat-TUE jippreskrivi li l-Unjoni għandha tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta ta' Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, kif adattata fi Strasburgu, fit-12 ta' Diċembru 2007, li għandu jkollu l-istess valur legali bħat-TFUE u t-TUE. Il-Karta tapplika għal istituzzjonijiet tal-UE u Stati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, bħal fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea.

    8. Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere[3] iddikjaraw li r-rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, iżda jsostnu li rikonoxximent reċiproku "…u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa għandhom jiffaċilitaw […] il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali"[4].

    9. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta' Lulju 2000 dwar Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet Finali fi Kwistjonijiet Kriminali[5] ddikjarat li "għandu għaldaqstant […] jiġi żgurat li t-trattament tas-suspettati u d-drittijiet tad-difiża mhux biss ma jkunx negattivament affettwati mill-implimentazzjoni tal-principju [ta' rikonoxximent reċiproku] iżda li s-salvagwardji jiġu mtejba permezz tal-proċess”.

    10. Dan ġie approvat fil-Programm ta' Miżuri biex Jimplimentaw il-Prinċipju tar-Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet fi Kwistjonijiet Kriminali[6], adottat mill-Kunsill u l-Kummissjoni. Huwa indika li r-“rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna fuq numru ta' parametri li jiddeterminaw l-effettività tiegħu”.

    11. Dawn il-parametri jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet tas-suspettati (parametru 3) u d-definizzjoni ta' standards minimi komuni meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku (parametru 4). Din il-proposta għal Direttiva tirrappreżenta l-għan dikjarat li titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali.

    12. Fl-2004 il-Kummissjoni ressqet proposta komprensiva[7] għal leġiżlazzjoni li tkopri d-drittijiet l-iktar importanti tal-akkużati fi proċedimenti kriminali. Din il-proposta ma ġietx adottata mill-Kunsill.

    13. Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill tal-Ġustizzja adotta Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali[8] li jsejjaħ għall-adozzjoni ta' ħames miżuri li jkopru l-iktar drittijiet proċedurali bażiċi, ibbażat fuq approċċ "gradwali" u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti neċessarji għal dan il-għan. Il-Kunsill għaraf li sa dik id-data, ma kienx għadu sar biżżejjed fil-livell Ewropew biex jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali ta' individwi fi proċedimenti kriminali. Il-benefiċċju sħiħ ta' leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam għandu jinħass biss ladarba l-miżuri kollha jkunu ġew trasposti f'leġiżlazzjoni. It-tieni miżura fil-Pjan Direzzjonali, tikkonċerna d-dritt għall-informazzjoni.

    14. Il-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta' Diċembru 2009[9], afferma mill-ġdid l-importanza tad-drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali bħala valur fundamentali tal-Unjoni u komponent essenzjali tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja pubblika fl-UE. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi għandha wkoll twarrab l-ostakoli tal-moviment ħieles. Il-Programm ta' Stokkolma jsemmi l-Pjan Direzzjonali bħala parti integrali tal-programm multiannwali u jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposti xierqa għall-implimentazzjoni rapida tiegħu.

    3. ID-DRITT GħALL-INFORMAZZJONI KIF STABBILIT TAħT IL-KARTA U L-KEDB

    15. L-Arikolu 6 tal-KEDB – Dritt għal-libertà u sigurtà – jistipula li:

    "Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà".

    L-Artikoklu 47 tal-Karta – Id-Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust – jipprovdi li:

    "(...) Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

    (…)."

    L-Artikolu 48 tal-Karta – Il-preżunzjoini tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża – jistipula li:

    "2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.

    Fl-ambitu tal-applikazzjoni tagħha, il-Karta tiggarantixxi u tirrifletti d-drittijiet li jikkorrispondu kif jinsab fil-KEDB .

    L-Arikolu 5 KEDB – Dritt għal-libertà u sigurtà – jistipula li:

    "(2 Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu.”

    (…)".

    U l-Artikolu 6 – Id-dritt għal proċess ġust – jistipula li:

    "(3) Kull min ikun akkużat b'reat għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

    (a) li jkun infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem u fid-dettal, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

    (b) li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu

    […]"

    16. Għadd ta' riċerki reċenti[10] juru li il-mod li bih min hu suspettat ikun infirmat bid-drittijiet tiegħu ivarja ħafna u li fil-maġġoranza tal-kazi l-informazzjoni dwar id-drittijiet tingħata biss bil-fomm, u din tnaqqas mill-effettività u tagħmel tagħha il-monitoraġġ iktar diffiċli. Id-dritt għall-informazzjoni mhwiex imsemmi b'mod espliċitu fil-KEDB. Madanakollu teżisti każistika fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji huma meħtieġa jieħdu miżuri pożittivi sabiex jiżguraw osservanza effettiva mal-Artikolu 6 tal-KEDB bħad-deċiżjonijiet f' Padalov[11] u Talat Tunc[12] fejn il-QEDB iddikjarat li l-awtoritajiet għandhom jadottaw atteġġament attiv biex jinfurmaw lill-persuna suspettata dwar id-dritt tagħha għal għajnuna legali b'xejn. Fil-każ ta' Panovits[13] il-QEDB iddikjarat li l-awtoritajiet għandhom obbligu pożittiv li jipprovdu lill-persuna suspettata b'informazzjoni dwar id-dritt legali għal assistenza u għajnuna legali b'xejn jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati. Mhux biżżejjed li din l-informazzjoni tingħata bil-miktub, pereżempju permezz ta' Ittra tad-Drittijiet, kif sar mill-awtoritajiet fil-każ Panovits . Il-QEDB tisħaq li l-awtoritajiet iridu jieħdu l-passi kollha raġonevoli sabiex jiżguraw li persuna suspettata tkun totalment konxja mid-drittijiet tagħha.

    17. L-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(3) tal-KEDB jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji biex jinfurmaw lil persuna suspettata dwar in-natura u l-kawża tal-akkuża sabiex din tkun tista' tifhem l-akkużi, tħejji d-difiża tagħha[14] u tisfida l-legalità taż-żamma tagħha[15]. Anke jekk iż-żewġ artikoli huma speċifiċi fl-informazzjoni li jeħtieġu, dawn huma limiti għal informazzjoni fattwali dwar ir-raġunijiet għall-arrest u n-natura u l-kawża tal-akkuża u l-bażi legali rispettiva. L-ammont ta' informazzjoni li trid tiġi kkomunikata lill-akkużat tiddependi min-natura u l-kumplessità tal-każ minħabba li l-Artikolu 6(3)(b) jipprovdi li l-persuna teħtieġ tiġi pprovduta bi " żmien u faċilitajiet adegwat i" biex tħejji d-difiża tagħha u dan ivarja skont il-każ[16]. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet jistgħu jkollhom jieħdu passi ulterjuri sabiex jiżguraw li l-persuna suspettata tkun effettivament fehmet l-informazzjoni[17]. Il-każistika tal-QEDB turi li ħafna mill-problemi ta' osservanza jirriżultaw fir-rigward tal-miżuri pożittivi u għandhom jiżguraw proċess ġust. Mhux biżżejjed li l-informazzjoni tkun disponibbli, fis-sens li l-persuna suspettata setgħet talbet għaliha. Id-dover li wieħed jinforma lill-persuna suspettata dwar in-natura u l-kawża tal-akkuża jistrieħ fuq l-awtorità ta' prosekuzzjoni u wieħed ma jistax iħarisha passivament billi l-informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ma tinġieb għall-attenzjoni tad-difiża[18]. Il-KEDB ma tagħti ebda indikazzjoni dwar kif għandha tingħata l-informazzjoni. Anke jekk fil-każ Kamasinski[19] il-Qorti ddeċidiet li persuna suspettata għandha fil-prinċipju tiġi provduta bi traduzzjoni miktuba tal-akkuża jekk hi ma tifhimx il-lingwa, il-Qorti aċċettat li spjegazzjonijiet bil-fomm kienu biżżejjed sabiex jiġi osservat l-Artikolu 6(3)(a).

    18. Skont il-mandat stabbilit fil-Pjan ta' Direzzjoni dwar id-Drittijiet Proċedurali, din id-Direttiva tistipula r-rekwiżiti minimi fil-livell tal-UE għall-informazzjoni dwar persuni suspettati u akkużati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom u l-każ kontra tagħhom. Għaldaqstant din tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    4. DISPOżIZZJONIJIET SPEċIFIċI

    Artikolu 1 - Għan

    19. Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-għan tad-Diretiva bħala li jistipula ir-regoli rigward id-drittijiet li għandhom persuni suspettati u akkużati għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u informazzjoni dwar l-akkuża fi proċedimenti kriminali kontrihom.

    Artikolu 2 - Ambitu

    20. Direttiva tapplika minn meta persuna tiġi mgħarrfa lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, permezz ta' notifika uffiċjali jew mod ieħor, li hija tinsab taħt suspett jew akkużata li kkommettiet reat sat-tmiem tal-proċedimenti (inkluż kwalunkwe appell). Madanakollu, ma tapplikax fi proċedimenti mmexxijin mill-awtoritajiet amministrattivi rigward il-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, sew jekk nazzjonali sew Ewropea, sakemm il-każ jinġieb quddiem qorti li għandha ġuriżdizzjoni f'materji kriminali .

    21. Il-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew[20] huma espliċitament koperti. F'dan ir-rigward, id-Direttiva tagħmel applikabbli l-garanziji proċedurali li jinsabu fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u l-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB għal proċeduri ta' konsenja bbażati fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew.

    Artikolu 3 – Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet

    22. Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li l-persuni kollha suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali għandhom ikunu infurmati dwar drittijiet relevanti proċedurali kmieni kemm jista' jkun fil-proċedimenti. Tali informazzjoni għandha tingħata f'lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, bil-fomm jew bil-miktub.

    23. Pargrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistabbilixxi dawk id-drittijiet minimi l-obbligi tal-Istati Membri li joħorġu mill-Karta, il-KEDB, il-PIDĊP u leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli, li huma kkunsidrati ewlenin sabiex tiġi salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti kriminali sa mill-bidu nett.

    Artikolu 4 – Id-dritt għal informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet ta' arrest

    24. Dan l-Artikolu jispeċifika d-dover ġenerali tal-Istati Membri li jinfurmaw lil persuni suspettati jew akkużati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom fejn tali persuni jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-kors tal-proċedimenti kriminali fuq suspett li jkunu kkommettew reat (pereżempju permezz ta' arrest mill-pulizija u mqiegħda f'detenzjoni ta' qabel il-proċess quddiem il-qorti b'ordni tal-imħallef). L-Istati Membri huma meħtieġa li jinfurmaw lil dawn il-persuni bid-drittijiet relevanti tagħhom bil-miktub. Il-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta' Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti (CPT), kemm-il darba saħaq fir-rapporti tiegħu li, mill-esperjenza tiegħu, il-perjodu immedjatament wara ċ-ċaħda tal-libertà huwa meta l-persuna arrestata hija kkunsidrata l-iktar vulnerabbli rigward ir-riskji ta' intimidazzjoni u trattament fiżiku ħażin. Skont is-CPT huwa essenzjali li persuna suspettata jew akkużata tiġi infurmata b'dan minnufih, jiġifieri mingħajr dewmien wara li jsir l-arrest u bl-iktar mod effettiv li hu permezz ta' formola li tispjega d-drittijiet b'manjiera ċara[21] (Ittra tad-Drittijiet). Fid-dawl ta' ġurisprudenża reċenti tal-QetDB[22] l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-persuna arrestata jkollha għarfien wiesa' tal-informazzjoni li tinsab fl-Ittra tad-Drittijiet. Il-persuna arrestata trid titħalla żżomm l-Ittra tad-Drittijiet matul iż-żmien kollu ta' detenzjoni.

    25. L-Ittra tad-Drittijiet għandha tinkiteb b'lingwaġġ li jinftiehem malajr minn persuna lajka li m'għandhiex għarfien tal-proċedura kriminali u għandha tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2). Sabiex jgħin lill-Istati Membri jfasslu tali Ittra tad-Drittijiet u biex tiġi promossa konsistenza fl-informazzjoni miktuba matul l-Unjoni Ewropea, l-Anness I tad-Direttiva fih mudell ta' Ittra tad-Drittijiet li l-Istati Membri jistgħu jużaw. Dan il-mudell huwa indikattiv u jista' jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport dwar l-implimentazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva kif ukoll ladarba l-miżuri tal-Pjan ta' Direzzjoni jkunu daħlu fis-seħħ. Il-kontenut tal-mudell huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet li bħalissa japplikaw fl-Istati Membri.

    26. L-Ittra tad-Drittijiet trid tingħata lill-persuna suspettata jew akkużata f'lingwa li hija tifhem. L-awtoritajiet tal-pulizija huma mistennija li jżommu verżjonijiet lingwistiċi għall-iktar lingwi mitkellma fil-lokalità tagħhom disponibbli f'forma elettronika li tista' tiġi stampata hekk kif jinqala' l-bżonn. Meta verżjoni lingwistika ma teżistix, il-persuna suspettata jew akkużata għandha tiġi infurmata bid-drittijiet tagħha bil-fomm f'lingwa li tifhem hi u l-Ittra tad-Drittijiet tingħatalha mingħajr dewmien żejjed (jiġifieri hekk kif issir disponibbli wara li tiġi tradotta fil-lingwa relevanti). Għal persuni li għandhom vista parzjali jew huma għomja, jew li ma jafux jaqraw, l-Istati Membri jeħtieġ ikollhom metodu ta' kif jittrażmettu l-informazzjoni.

    Artikolu 5 - Id-dritt għal informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet fil-Mandat ta' Arrest Ewropew

    27. Drittijiet differenti japplikaw għal persuni suġġetti għall-Mandat ta' Arrest Ewropew (pereżempju id-dritt għal smigħ). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li teżisti verżjoni speċifika tal-Ittra tad-Drittijiet għal persuni suġġetti għal dawk il-proċedimenti. L-Anness II ta' din id-Direttiva fih mudell tal-Ittra tad-Drittijiet li l-Istati Membri jistgħu jużaw. Dan il-mudell huwa indikattiv u jista' jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport dwar l-implimentazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva kif ukoll ladarba l-miżuri tal-Pjan ta' Direzzjoni jkunu daħlu fis-seħħ. Il-kontenut tal-mudell huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet li bħalissa japplikaw fl-Istati Membri.

    Artikolu 6 – Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża

    28. Ladarba persuna tkun ġiet akkużata b'reat, għandha tingħata biżżejjed informazzjoni fil-pront, fid-dettall u f'lingwa li hija tifhem, sabiex tkun tista' tħejji d-difiża tagħha, u jekk hemm bżonn tikkontesta d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu qabel il-proċess quddiem il-qorti. Dan huwa rekwiżit skont il-Karta u l-KEDB. Dan l-Artikolu jistabbilixxi eżatt ir-rekwiżit minimu tal-informazzjoni li trid tingħata.

    Artikolu 7 – id-dritt tal-aċċess għall-fajl tal-proċess

    29. L-iktar mod effettiv biex persuna suspettata jew akkużata tiġi pprovduta b'informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża sabiex tkun tista' tħejji d-difiża tal-ġuri huwa li jingħata lilha jew lill-avukat tagħha l-fajl tal-proċess. Riċerka reċenti[23] turi li fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri l-aċċess għall-fajl tal-proċess diġà qed jingħata f'xi punt fil-proċedimenti kriminali. Il-QetDB konsistentement iddeċidiet li, skont l-istadju tal-proċedimenti kriminali, l-Artikoli 5(4) u 6(3)(b) tal-KEDB u l-priċipju tal-ugwaljanza tad-distanza bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża jeħtieġu li l-Istati Membri jiżvelaw lid-difiża l-materjal kollu tal-evidenza favur jew kontra l-akkużat[24] u li jipprovdu lill-avukat tal-akkużat l-aċċess għad-dokumenti relevanti li jinsabu fil-fajl tal-proċess[25].

    30. Paragrafu 1 jipprovdi li fejn persuna suspettata jew akkużata tkun arrestata fil-kors ta' proċedimenti kriminali, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tagħti permess għall-aċċess għal dawk id-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-proċess li huma relevanti għal-legalità tad-detenzjoni. Dan l-aċċess limitat għall-fajl tal-proċess jiżgura l-ġustizzja tal-proċedimenti ta' qabel il-proċess quddiem il-qorti rigward il-legalità tal-arrest u d-detenzjoni. Meta jkunu qed jikkunsidraw għal liema dokumenti u informazzjoni qed jingħata aċċess, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-effettività tal-Programmi ta' Klemenza li jintużaw fl-investigazzjonijiet taħt il-liġi kriminali fl-imġiba tal-kartell

    31 Paragrafu 2 jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu aċċess għall-fajl tal-proċess lill-persuni akkużati kollha sew jekk jinsabu f'kustodja sew jekk le, fejn l-investigazzjoni kriminali tkun ġiet konkluża. L-aċċess għal ċerti dokumenti fil-fajl ta' proċess jista' jinċaħad minn awtorità ġudizzjarja kompetenti fejn l-aċċess għal dawk id-dokumenti jista' jwassal għal riskju serju ta' ħajja ta' persuna jew jista' jagħmel ħsara lis-sigurtà interna tal-Istat Membru fejn qed ikunu qed isiru l-proċedimenti. Għandu jsir użu minn tali limitazzjoni għall-aċċess f'ċirkustanzi eċċezzjonali biss.

    32. Aċċess għall-fajl tal-proċess m'għandux ikun limitat għal spezzjoni ta' darba. Jekk il-persuna akkużata jew l-avukat tagħha jidhrilhom li hu neċessarju, għandu jingħata aċċess ulterjuri. Jekk fajl ikun partikolarment voluminuż jew fejn l-interessi tal-ġustizzja jeħtiġuha, il-persuna akkużata għandha tingħata indiċi tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-proċess sabiex tkun tista' tiddeċiedi liema dokumenti tixtieq tingħata aċċess għalihom.

    Artikolu 8 - Verifika u rimedji

    33. Sabiex ikun żgurat li persuna suspettata jew akkużata tirċievi l-informazzjoni kollha li hi intitolata għaliha, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura biex jiżguraw jekk il-persuna rċevietx l-informazzjoni jew le. Dan pereżempju jista' jkun formola li l-persuna tiffirma li tikkonferma li rċeviet l-informazzjoni jew nota fir-rekord ta' kustodja.

    Artikolu 9 - Taħriġ

    34. L-għan ta' dan l-Artikolu huwa li jiżgura li l-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin fl-Istati Membri jirċievu t-taħriġ neċessarju sabiex ikunu jistgħu jwettqu b'mod adegwat id-dmirijiet tagħhom li joħorġu mill-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva. B'mod partikolari, huwa importanti ħafna li dawn l-uffiċjali jkollhom għarfien dettaljat rekwiżit tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati sabiex jipprovdu informazzjoni relevanti u dettaljata dwar dawn id-drittijiet.

    Artikolu 10 – Klawżola ta' non-rigressjoni

    35. Il-fini ta' dan l-Artikolu huwa li jiżgura li l-iffissar ta' standards minimi komuni f'konformità ma' din id-Direttiva ma jkollux l-effett li jitbaxxew l-istandards f'ċerti Stati Membri u li l-istandards iffissati fil-KEDB jiġu miżmuma. L-Istati Membri jibqgħu kompletament liberi li jistabbilixxu standards iktar għoljin minn dawk miftiehma f'din id-Direttiva.

    Artikolu 11 – Implimentazzjoni

    36. Dan l-Artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva sa x /xx/ 20xx u li, sal-istess data, jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonjiet li jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 12 – Rapport

    37. Sitta u tletin xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , il-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, flimkien ma’, jekk ikun meħtieġ, proposti legiżlattivi.

    Artikolu 13 – Dħul fis-seħħ

    38. Dan l-Artikolu jipprovdi li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Anness I

    39. L-Anness fih mudell indikattiv tal-Ittra tad-Drittijiet li tista' tingħata lill-persuna suspettata jew akkużata meta din tiġi arrestata skont l-Artikolu 4(1). Il-mudell tal-Ittra tad-Drittijiet tistabbilixxi spjegazzjoni f'lingwaġġ sempliċi tad-drittijiet relevanti immedjati kif elenkati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Filwaqt li m'hemmx obbligu fuq l-Istati Membri li jużaw il-mudell, dawk li jużawh jiġu kkunsidrati li jkunu implimentaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva. Dan il-mudell jista' jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport dwar l-implimentazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva kif ukoll ladarba l-miżuri tal-Pjan ta' Direzzjoni jkunu daħlu fis-seħħ. Il-kontenut tal-mudell huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet li bħalissa japplikaw fl-Istati Membri.

    Anness II

    40. Dan l-Anness fih mudell indikattiv tal-Ittra tad-Drittijiet li trid tingħata lil persuna arrestata abbażi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew kif mitlub mill-Artikolu 5. Filwaqt li m'hemmx obbligu fuq l-Istati Membri li jużaw il-mudell, dawk li jużawh jiġu kkunsidrati li jkunu implimentaw l-Artikolu 5 tad-Direttiva. Dan il-mudell jista' jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport dwar l-implimentazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva kif ukoll ladarba l-miżuri tal-Pjan ta' Direzzjoni jkunu daħlu fis-seħħ. Il-kontenut tal-mudell huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet li bħalissa japplikaw fl-Istati Membri.

    5. IL-PRINċIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

    41. L-għan tal-proposta ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, peress li għad hemm varjanza sinifikanti fil-mod preċuż u ż-żmien li fih tingħata l-informazzjoni li jwassal għal diverġenza fl-istandards użati matul l-UE. Minħabba li l-mira tal-proposta hija li tippromwovi l-fiduċja reċiproka hija biss l-azzjoni li tieħu l-UE li tippermetti it-tqegħid ta' standards minimi komuni li japplikaw fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proposta se tapprossima r-regoli proċedurali sostantivi tal-Istati Membri rigward it-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar drittijiet u dwar l-akkuża kontra persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat sabiex tinbena fiduċja reċiproka. Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni li tvarja xi ftit mill-alternattiva ppreferita deskritta fl-Evalwazzjoni tal-Impatt, iżda li għandha impatti li jikkomparaw. L-ispiża tal-azzjoni approvata mill-UE hija kif stmata għall-alternattiva approvata inizjalment, għaliex l-Istati Membri se jkollhom iktar spejjeż biss jekk jagħżlu li jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom iktar milli jużaw il-mudell indikattiv propost fi ħdan Ittra tad-Drittijiet.

    6. IL-PRINċIPJU TAL-PROPORZJONALITÀ

    42. Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tikseb l-għan dikjarat f'livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak il-għan.

    2010/0215 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA…/…/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġiżlattiva lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[26],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[27],

    Waqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) Fl-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u fl-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (PIDĊP) hemm minqux id-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48 tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża.

    (2) Fl-Artikolu 6 tal-Karta u fl-Artikolu 5 tal-KEDB hemm minquxa d-drittijiet għal- libertà u s-sigurtà, li l-limitazzjonijiet għalihom ma jistgħux jaqbżu lil dawk permessi mill-KEDB fid-diċitura tal-Artikolu 5 tagħha u inferita fil-każisitka tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (3) L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u 16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt 33 tiegħu, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-ġebla tax-xewka tal-koperazzjoni ġudizzjarja kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll kriminali fi ħdan l-unjoni, peress li rikonoxximent reċiproku msaħħaħ ta' deċiżjonijiet u sentenzi ġudizzjarji u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġiżlazzjoni għandha tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali.

    (4) Fid-29 ta' Novembru 2000, f'konformità mal-Konklużjonijiet ta' Tampere, il-Kunsill adotta programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonjiet f'materji kriminali[28]. L-introduzzjoni għall-programm ta' miżuri tiddikjara li r-rikonoxximent reċiproku huwa "maħsub biex isaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri iżda wkoll biex itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali".

    (5) L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali tippresupponi li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistemi ta' ġustizzja kriminali ta' xulxin. L-ambitu tal-eżerċizzju tar-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta' parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta' persuni suspettati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku.

    (6) Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jaħdem b'mod effettiv biss fi spirtu ta' fiduċja, fejn mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jqisu d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika "mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli tas-sieħeb, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati korrettament.

    (7) Minkejja li l-Istati Membri kollha huma partijiet fil-KEDB u tal-PIDĊP, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

    (8) It-tisħiħ ta' fiduċja reċiproka jeħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoi tad-drittijiet u garanziji proċedurali li joħorġu mill-Karta, il-KEDA u l-PIDĊP. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri ma għandhom f'ebda każ jaqgħu taħt l-istandards stipulati fil-Konvenzjoni u fil-Karta kif żviluppati mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (9) L-Artikolu 82(2) tat-Trattat jipprovdi biex jiġu stabbiliti r-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali. Il-punt (b) tal-Artikolu 82(2) jirriferi għad-"drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

    (10) Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal koperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka u għall-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini. Tali regoli minimi komuni għandhom japplikaw għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali.

    (11) Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta l-Pjan Direzzjonali biex jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali (il-Pjan ta' Direzzjoni)[29]. Permezz ta' approċċ pass-pass, il-Pjan ta' Direzzjoni isejjaħ għall-adozzjoni ta' miżuri rigward id-dritt għal traduzzjoni u interpretar, id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet u informazzjoni dwar l-akkużi, id-dritt għal parir legali u għal għajnuna legali, id-dritt għal komunikazzjoni mal-qraba, min iħaddem u awtoritajiet konsulari, u rigward salvagwardjar speċjali għal persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli. Il-Pjan ta' Direzzjoni jenfasizza li l-ordni tad-drittijiet huwa indikattiv biss u għaldaqstant jimplika li jista' jinbidel skont il-prijoritajiet. Huwa intiż li jopera fl-intier; huwa biss meta l-partijiet komponenti jiġu implimentati kollha li jinħass il-massimu tal-benefiċċji.

    (12) Fil-Programm ta' Stokkolma, adottat fil-11 ta' Diċembru 2009[30], il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan ta' Direzzjoni u għamlu parti mill-Programm ta' Stokkolma (punt 2.4.). Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-karattru mhux eżawrjenti tal-Pjan ta' Direzzjoni, billi stieden lill-Kummissjoni teżamina aspetti ulterjuri tad-drittijiet proċedurali minimi għal persuni suspettati jew akkużati, u biex tevalwa kwistjonijiet oħra bħal, ngħidu aħna l-preżunzjoni tal-innoċenza, li jeħtieġ jiġu indirizzati biex tkun promossa kkoperazzjoni aħjar f'dan il-qasam.

    (13) L-ewwel miżura fil-Pjan ta' Direzzjoni hija direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għal interpretar u għal traduzzjoni fi proċedimenti kriminali[31].

    (14) Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżura B tal-Pjan ta' Direzzjoni. Din tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Inwasslu spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja liċ-ċittadini tal-Ewropa", il-Pjan ta' Azzjoni Implimentattiv tal-Programm ta' Stokkolma[32], il-Kummissjoni ħabbret il-preżentazzjoni ta' proposta dwar id-dritt għall-informazzjoni fl-2010.

    (15) Din id-Direttiva ma tapplikax fi proċedimenti immexxijin mill-awtoritajiet amministrattivi rigward il-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, kemm jekk nazzjonali sew Ewropea, sakemm il-każ jinġieb quddiem qorti li għandha ġuriżdizzjoni f'materji kriminali .

    (16) Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet (li toħroġ mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem) għandu jiġi stabbilit b'mod espliċitu mid-Direttiva. Din id-Direttiva għaldaqstant toffri protezzjoni lil hinn minn dik li bħalissa toffri l-KEDB. Informazzjoni dwar l-akkuża hija dritt minqux fl-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 9 u 14 tal-PIDĊP. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet fil-prattika, bl-għan li jiġi salvagwardjat id-dritt għal proċedimenti ġusti.

    (17) Il-persuna suspettata jew akkużata għandha tkun kapaċi taf u tifhem xinhuma d-drittijiet tagħha u tkun f'qagħda li tagħmel użu minn dawk id-drittijiet qabel ma ssir l-interrogazzjoni mill-pulizija. Il-persuna għandha tkun informata fil-pront u f'lingwa li tifhem bin-natura u l-kawża ta' kwlaunkwe akkuża li qed tiffaċċja u tingħata informazzjoni dwar drittijiet li huma immedjatament relevanti.

    (18) Informazzjoni dwar id-drittijiet għandha tingħata lill-persuni kollha suspettati u akkużati fil-pront hekk kif jibdew il-proċedimenti kriminali, sew jekk bil-fomm jew bil-miktub. Informazzjoni dwar id-drittijiet li għandha tingħata taħt din id-Direttiva għandha bħala ħtieġa minima taħt din id-Direttiva tinkludi informazzjoni dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat, id-dritt li wieħed ikun infurmat bl-akkuża u, fejn xieraq, jingħata aċċess għall-fajl tal-proċess, id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni għal dawk li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti u d-dritt li jekk il-persuna suspettata jew akkużata tiġi arrestata din tinġieb fil-pront quddiem qorti. Dan huwa mingħajr ħsara għal informazzjoni li tingħata dwar drittijiet proċedurali oħra li joħorġu mill-Karta, il-KEDB, il-PIDĊP u leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE kif interpretata mill-qrati u tribunali relevanti.

    (19) Meta persuna suspettata jew akkużata tiġi arrestata, għandha tingħata informazzjoni dwar dawn id-drittijiet proċedurali immedjatament relevanti permezz ta' Ittra tad-Drittijiet miktuba b'manjiera li tinftiehem malajr sabiex tiżgura li l-persuna attwalment fehmet id-drittijiet tagħha. Sabiex jgħin lill-Istati Membri jfasslu tali Ittra tad-Drittijiet u biex tiġi promossa konsistenza akbar bejn l-Istati Membri mudell ta' Ittra tad-Drittijiet li l-Istati Membri jistgħu jużaw, jinsab fl-Anness I tad-Direttiva. Dan il-mudell huwa indikattiv u jista' jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport dwar l-implimentazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva kif ukoll ladarba l-miżuri tal-Pjan ta' Direzzjoni jkunu daħlu fis-seħħ. L-ittra nnifisha bbażata fuq dan il-mudell għandha tinkludi drittijiet proċedurali oħra li japplikaw fl-Istati Membri.

    (20) Persuna akkużata li wettqet reat għandha tingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinha tħejji d-difiża tagħha u tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    (21) L-iktar mod effettiv sabiex ikun żgurat li persuna suspettata jew akkużata għandha informazzjoni suffiċjenti dwar l-akkuża huwa li jingħata lilha jew lill-avukat tagħha aċċess għall-fajl tal-proċess. Dan l-aċċess jista' jiġi ristrett meta jista' jwassal għal riskju serju ta' ħajja ta' persuna jew jista' jagħmel ħsara lis-sigurtà interna tal-Istat Membru.

    (22) L-Istati Membri għandu jkollhom mekkaniżmu li jivverifika li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu rċivew l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet u l-akkuża li għandhom dritt għaliha.

    (23) Għandu jingħata taħriġ adegwat dwar drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati u akkużati lill-uffiċjali relevanti fl-Istati Membri.

    (24) B'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwr id-Drittijiet tat-Tfal, tfal tfisser kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena. F'kull azzjoni relatata mat-tfal, il-kunsiderazzjoni primarja trid tkun l-aħjar interess tat-tfal.

    (25) Id-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom ukoll japplikaw, mutatis mutandis , għal proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI)[33]. Sabiex jgħin lill-Istati Membri jfasslu tali Ittra tad-Drittijiet u biex tiġi promossa koerenza akbar bejn l-Istati Membri mudell ta' Ittra tad-Drittijiet, li l-Istati Membri jistgħu jużaw, jinsab fl-Anness 1 tad-Direttiva. Dan il-mudell huwa indikattiv u jista' jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport dwar l-implimentazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva kif ukoll ladarba l-miżuri tal-Pjan ta' Direzzjoni jkunu daħlu fis-seħħ.

    (26) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistabbilixxu regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni f'sitwazzjonijiet li mhumiex trattati b'mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta' protezzjoni qatt ma għandu jaqa’ taħt l-istandards previsti mill-KEDB, kif interpretata fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (27) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust, id-drittijiet tad-difiża u d-drittijiet tat-tfal. Din għandha tiġi implimentata skont dan.

    (28) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fejn jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-KEDB jiġu implimentati b'mod konsistenti ma' dawk tal-KEDB kif żviluppati fil-każistika rilevanti tal-QEtDB.

    (29) Peress li l-għan li jintlaħqu standards minimi komuni ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri jekk jaġixxu unilateralment, kemm fil-livell nazzjonali, reġjonali u kif ukoll f'dak lokali u jista' jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-aħħar Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (30) [F'konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà, annessa mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-ġustizzja, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux se jkunu vinkolati minnha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha][34].

    (31) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1 Għan:

    Id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt ta' persuni suspettati u akkużati għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-akkuża fi proċedimenti kriminali kontrihom.

    Artikolu 2 Ambitu

    1. Din id-Direttiva tapplika minn meta persuna tkun ġiet infurmata mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, permezz ta' notifika jew mod ieħor, li hija suspettata jew akkużata li wettqet reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna suspettata jew akkużata wettqitx ir-reat, inkluż, fejn applikabbli, is-sentenza u r-riżoluzzjoni, ta' kwalunkwe appell.

    2. Din id-Direttiva tapplika għal proċedimenti biex jiġi eżegwit Mandat ta' Arrest Ewropew.

    Artikolu 3 Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet

    1. L-Istati Membri għandhon jiżguraw li kwalunkwe persuna li hija suspettata jew akkużata li wettqet reat tiġi pprovduta minnufih b'informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali f'lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli.

    2. L-Informazzjoni msemmija f'paragrafu 1 għandha tinkludi bħala minimu:

    - id-dritt ta' aċċess għal avukat, fejn meħtieġ bla ħlas,

    - id-dritt li l-persuna tkun infurmata bl-akkuża u, fejn xieraq, tingaħta aċċess għall-fajl tal-proċess,

    - id-dritt għal interpretar u traduzzjoni,

    - id-dritt li jekk il-persuna suspettata jew akkużata tiġi arrestata tinġieb quddiem il-qorti minnufih.

    Artikolu 4 Id-dritt għal informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet ta' arrest

    1. Fejn persuna tiġi arrestata mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru fil-kors ta' proċedimenti kriminali, fil-pront din għandha tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħha bil-miktub (Ittra tad-Drittijiet). Għandha tingħata l-opportunità li taqra l-Ittra tad-Drittijiet u titħalla żżommha fil-pussess tagħha matul iż-żmien kollu li hi tkun imċaħħda mil-libertà tagħha.

    2. L-Ittra tad-Drittijiet għandha tinkiteb b'lingwaġġ sempliċi u għandha tinkludi mill-inqas dik l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2). Fl-Anness I ta' din id-Direttiva hemm mudell ta' tali Ittra.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn il-persuna suspettata jew akkużata ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa tal-proċedimenti, għandha tirċievi Ittra tad-Drittijiet f'lingwa li tifhem hi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiegħed fil-post mekkaniżmu li jwassal l-informazzjoni lil persuna suspettata jew akkużata li għandha vista parzjali jew li ma tistax taqra. Fejn il-persuna suspettata jew akkużata hija minorenni, l-informazzjoni tal-Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata wkoll bil-fomm b'manjiera adattata għall-età, livell ta' maturità u kapaċitajiet intellettwali u emozzjonali tal-minorenni.

    4. Fejn ittra tad-Drittijiet mhix disponibbli fil-lingwa xierqa, il-persuna suspettata jew akkużata għandha tiġi infurmata bid-drittijiet tagħha bil-fomm u b'lingwa li tifhem hi. Imbagħad għandha tingħatalha Ittra tad-Drittijiet f'lingwa li tifhem hi mingħajr dewmien żejjed.

    Artikolu 5 Id-dritt għal informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet fil-proċedimenti ta' Mandat ta' Arrest Ewropew

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna suġġetta għal proċedimenti biex jiġi eżegwit Mandat ta' Arrest Ewropew, tirċievi Ittra ta' Drittijiet xierqa li tippreżenta d-drittijiet ta' dik il-persuna kif stabbiliti Fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI. Fl-Anness II ta' din id-Direttiva hemm mudell indikattiv ta' tali Ittra.

    Artikolu 6 Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata tingħatalha biżżejjed informazzjoni dwar l-akkuża sabiex tiġi salvagwardjata l-ġustizzja fil-proċedimenti kriminali.

    2. L-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u fid-dettall u f'lingwa li l-persuna suspettata jew akkużata tifhem. Fil-każ ta' minorenni, informazzjoni dwar l-akkużi għandha tingħata f'manjiera addattata għall-età, livell ta' maturità u kapaċitajiet intellettwali u emozzjonali tiegħu.

    3. L-informazzjoni li tingħata għandha tinkludi:

    (a) deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom sar ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-livell ta' parteċipazzjoni mill-persuna suspettata jew akkużata u

    (b) in-natura u l-kassifikazzjoni legali tar-reat.

    Artikolu 7 Id-dritt tal-aċċess għall-fajl tal-proċess

    1. Meta persuna suspettata jew akkużata tiġi arrestata fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li hi jew l-avukat tagħha jingħataw aċċess għal dawk id-dokumenti inklużi fil-fajl tal-proċess li huma relevanti biex tiġi determinata l-legalità tal-arrest jew id-detenzjoni.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna akkużata jew l-avukat tagħha jkollhom aċċess għall-fajl tal-proċess ladarba tintemm l-investigazzjoni tar-reat. L-aċċess għal ċerti dokumenti inklużi fil-fajl ta' proċess jista' jinċaħad minn awtorità ġudizzjarja kompetenti fejn l-aċċess għal dawk id-dokumenti jista' jwassal għal riskju serju ta' ħajja ta' persuna jew jista' jagħmel ħsara lis-sigurtà interna tal-Istat Membru fejn qed ikunu qed isiru l-proċedimenti. Fejn ikun fl-interess tal-ġustizzja, il-persuna akkużata jew l-avukat tagħha jistgħu jistaqsu għal indiċi tad-dokumenti inklużi fil-fajl tal-proċess.

    3. L-aċċess għall-fajl tal-proċess għandu jingħata fi żmien biżżejjed biex jippermetti lill-persuna suspettata jew akkużata tħejji d-difiża tagħha jew tikkontesta d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu qabel il-proċess quddiem il-qorti. Din għandha tingħata mingħajr ħlas.

    Artikolu 8 Il-verifika u r-rimedji

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titqiegħed fil-post proċedura li tiżgura jekk persuna suspettata jew akkużata tkunx irċeviet l-informazzjoni kollha relevanti għaliha skont l-Artikoli 3 sa 7.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha rimedju effettiv f'dawk il-każi fejn il-persuna ma tirċevix din l-informazzjoni.

    3. Fejn in-notifika tad-drittijiet tingħata bil-fomm skont l-Artikolu 4(4), din għandha tiġi rreġistrata b'tali mod li jippermetti l-verifika tal-kontenut tan-notifika.

    Artikolu 9 Taħriġ

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li uffiċjali relevanti fil-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jirċievu taħriġ xieraq rigward l-obbligi stipulati fl-Artikoli 3 sa 8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mod partikolari li uffiċjali relevanti jkollhom għarfien biżżejjed tad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati kif imsemmi fl-Artikolu 2 sabiex jissalvagwardjaw it-trażmissjoni xierqa ta' informazzjoni ta' dawn id-drittijiet.

    Artikolu 10 Klawsola ta’ non-rigressjoni

    Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi miftiehem bħala li jillimita lil jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardji proċedurali li jistgħu jiġu żgurati taħt il-KEDA taħt il-PIDĊP u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew taħt il-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.

    Artikolu 11 Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [35] .

    2. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    Artikolu 12 Rapport

    Il-Kummisjoni għandha, sa ……….[36] tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, jekk meħtieġ, flimkien ma' proposti leġislattivi.

    Artikolu 13 Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 14

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS I

    [pic]

    Mudell indikattiv[37] ta' ittra tad-Drittijiet għal persuni suspettati u akkużati hekk kif jiġu arrestati:

    Jekk tiġi arrestat mill-pulizija int għandek dawn id-drittijiet:

    A. li tkun infurmat dwar liema offiża int suspettat

    B. għal assistenza minn avukat

    C. għal interpretu u traduzzjoni tad-dokumenti, jekk inti ma tifhimx il-lingwa

    D. li tkun taf għal kemm se tinżamm detenut

    Int intitolat li żżomm din l-Ittra ta' Drittijiet miegħek matul id-detenzjoni tiegħek.

    A. Informazzjoni dwar is-suspett

    - Int għandek id-dritt li tkun taf għalfejn int tinsab suspettat li wettaqt reat hekk kif tinċaħadlek il-libertà, anke jekk il-pulizija ma jinterrogawkx.

    - Int jew l-avukat tiegħek tistgħu titolbu li taraw il-partijiet fil-fajl tal-proċess li jirrigwarda l-arrest u d-detenzjoni tiegħek jew li tkunu infurmati dwar il-kontenut tagħhom fid-dettall.

    B. Għajnuna ta' avukat

    - Int għandek id-dritt li tkellem avukat qabel ma l-pulizija jibdew jinterrogawk.

    - Jekk titlob li tkellem avukat, dan m'għandux iġiegħelek tidher bħallikieku għamilt xi ħaġa ħażina.

    - Il-pulizija għandhom jgħinuk tagħmel kuntatt ma' avukat.

    - L-avukat huwa indipendenti mill-pulizija u m'hu se jiżvela ebda informazzjoni li tagħtih mingħajr il-kunsens tiegħek.

    - Int għandek id-dritt li titkellem ma' avukat fil-privat, kemm fl-għassa tal-pulizija u/jew fuq it-telefon.

    - Jekk m'għandekx biex tħallas avukat il-pulizija jridu jipprovdulek informazzjoni dwar assistenza legali b'xejn jew b'miżata mnaqqsa.

    C. Għajnuna ta' interpretu

    - Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa, jissejjaħ interpretu għalik. L-interpretu huwa indipendenti mill-pulizija u m'hu se jiżvela ebda informazzjoni li tagħtih mingħajr il-kunsens tiegħek.

    - Tista' wkoll titlob li jkollok interpretu biex jgħinek tkellem lill-avukat tiegħek.

    - L-għajnuna ta' interpretu hija mingħajr ħlas.

    - Int għandek id-dritt li tirċievi traduzzjoni ta' kwalunkwe ordni maħruġa minn imħallef li tħallik taħt arrest jew li tinżamm f'kustodja. Tista' wkoll titlob għal traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali oħra fl-investigazzjoni.

    D. Kemm tista' ddum imċaħħad mil-libertà tiegħek?

    - Jekk ma tinħelisx, int trid tinġieb quddiem imħallef fi żmien *[38] sigħat wara li tkun ġejt imċaħħad mil-libertà tiegħek.

    - L-imħallef irid imbagħad jisimgħek u jista' jiddeċiedi jekk tinżammx fil-kustodja jew jekk tinħelisx. Int għandek id-dritt li tirċievi traduzzjoni tad-deċiżjoni tal-imħallef jekk dan jiddeċiedi li tibqa' fil-kustodja.

    - Int għandek id-dritt li titlob għar-rilaxx tiegek fi kwalunkwe ħin. L-avukat tiegħek jista' jagħtik il-parir dwar kif tipproċedi.

    ANNESS II

    [pic]

    Mudell indikattiv[39] ta' Ittra tad-Drittijiet għal persuni arrestati fuq il-bażi ta' Mandat ta' Arrest Ewopew:

    Jekk int arrestat mill-pulizija fuq il-bażi ta' Mandat ta' Arrest Ewropew int għandek id-drittijiet li ġejjin:

    A. li tkun taf għaliex ġejt arrestat

    B. għal assistenza minn avukat

    C. għal interpretu u traduzzjoni tad-dokumenti, jekk inti ma tifhimx il-lingwa

    D. li tkun infurmat dwar id-dritt tiegħek li taċċetta li ċċedi

    E. għal smigħ jekk ma taqbilx li ċċedi

    F. li tinħeles ladarba l-iskadenza relevanti tkun għaddiet

    Int intitolat li żżomm din l-Ittra ta' Drittijiet miegħek matul id-detenzjoni tiegħek.

    A. Id-dritt li tkun taf għalfejn ġejt arrestat

    - Int għandek id-dritt li tkun taf għalfejn tinsab imfittex minn pajjiż ieħor.

    B. Għajnuna ta' avukat

    - Int għandek id-dritt li tara avukat. Il-pulizija għandhom jgħinuk tagħmel kuntatt ma' avukat.

    - L-avukat huwa indipendenti mill-pulizija u m'hu se jiżvela ebda informazzjoni li tagħtih mingħajr il-kunsens tiegħek.

    - Int għandek id-dritt li titkellem ma' avukat fil-privat, kemm fl-għassa tal-pulizija u/jew fuq it-telefon.

    - Jekk m'għandekx biex tħallas avukat il-pulizija jridu jipprovdulek informazzjoni dwar assistenza legali b'xejn.

    C. Għajnuna ta' interpretu

    - Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa, jissejjaħ interpretu għalik. L-interpretu huwa indipendenti mill-pulizija u m'hu se jiżvela ebda informazzjoni li tagħtih mingħajr il-kunsens tiegħek.

    - Tista' wkoll titlob li jkollok interpretu biex jgħinek tkellem lill-avukat tiegħek.

    - L-għajnuna ta' interpretu hija mingħajr ħlas.

    - Int għandek id-dritt li tirċievi traduzzjoni ta' kwalunkwe ordni maħruġa minn imħallef li tħallik taħt arrest jew li tinżamm f'kustodja. Tista' wkoll titlob għal traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali oħra fl-investigazzjoni.

    D. Id-dritt tiegħek li taqbel li tiġi kkonsenjat

    - Int għandek id-dritt li taqbel li tiġi kkonsenjat taħt Mandat ta' Arrest Ewropew. Dan għandu jħaffef il-proċedura.

    - Jekk taqbel li tiġi kkonsenjat, jista' jkun diffiċli li din id-deċiżjoni tinbidel fi stadju iktar tard. Għandek titkellem ma' avukat qabel tiddeċiedi jekk taqbilx li tiġi kkonsenjat jew le.

    E. Id-dritt tiegħek għal smigħ

    - Jekk ma taċċettax li tiġi kkonsenjat lill-Istat Membru li qed ifittxek, għandek id-dritt li tmur quddiem imħallef sabiex tispjega għalfejn int ma tridx tagħti dan il-kunsens.

    F. Id-dritt li tinħeles ladarba l-iskadenza relevanti tkun għaddiet

    - Bħala regola ġenerali int teħtieġ tiġi kkonsenjat fi żmien għaxart ijiem minn meta l-qorti tagħti d-deċiżjoni finali tagħha li int għandek tiġi kkonsenjat. Jekk int ma tiġix ikkonsenjat fi żmien għaxart ijiem, l-awtoritajiet normalment iridu jeħilsuk. Madanakollu, jeżistu xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola, għaldaqstant għandek titkellem ma' avukat dwar dan.

    [1] Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 48, Spjegazzjonijiet rigward il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali.

    [2] 999 U.N.T.S. 171. Il-PIDĊP hija konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi li nfetħet għall-firem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Asseblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta' Diċembru 1966 li ġiet irratifikata minn, u għalhekk torbot fil-liġi internazzjonali, l-Istati Membri kollha tal-UE.

    [3] Il-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999.

    [4] Konklużjoni 33.

    [5] COM(2000) 495, 29.7.2000.

    [6] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [7] COM (2004) 328 28.4.2004.

    [8] ĠU C295/1 tal-4 .12.2009, p.1.

    [9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 10-11 ta' Diċembru 2009.

    [10] T Spronken, G Vermeulen et al, EU Procedural Rights in Criminal Proceedings , Antwerp 2009; E Cape, Z Namoradze et al, Effective Criminal Defence in Europe , Antwerp 2010.

    [11] Padalov v il-Bulgarija sentenza tal-10 ta' Awwissu 2006, applikazzjoni nru. 54784/00

    [12] Talat Tunc v it-Turkija , sentenza tas-27 ta' Marzu 2007, applikazzjoni nru.32432/96.

    [13] Panovits v. Ċipru , sentenza tal-11 ta' Diċembru 2008, applikazzjoni nru.4268/04 §s 72-73.

    [14] Mattoccia v.l- Italja , sentenza tal-25 ta' Lulju 2000, applikazzjoni nru. 23969/94, § 60.

    [15] Fox, Campbell u Hartley, sentenza tat- 30 ta' Awwissu 1990, applikazzjoni nru A 182, § 40.

    [16] Pélissier u Sassi v. Franza , sentenza tal-25 ta' Marzu 1999, applikazzjoni nru. 25444/94, § 54; Mattoccia v. l-Italja , sentenza tal-25 ta' Lulju 2000, applikazzjoni nru. 23969/94, § 60 u 71.

    [17] Brozicek v. l-Italja , sentenza tad-19 ta' Diċembru 1989, applikazzjoni nru.10964/84, §41; Mattoccia v.l- Italja , sentenza tal-25 ta' Lulju 2000, applikazzjoni nru.23969/94, §65; Vaudelle v. France , sentenza tat-30 ta' Jannar 2000, applikazzjoni n° 35683/97, §59.

    [18] Mattoccia v. l- Italja , sentenza tal-25 ta' Lulju 2000, applikazzjoni nru.23969/94, §65.

    [19] Kamasinsksi v. Austria , sentenza tad-19 ta' Diċembru 1989, applikazzjoni nru. 9783/82, § 79.

    [20] Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI ).

    [21] CPT, L-istandards tas-CPT – Sezzjonijiet "Sostantivi" tar-Rapporti Ġenerali tas-CPT's , CPT/Inf/E (2002) 1 – Rev. 2009, p. 11, 12.

    [22] Panovits v. Ċipru , sentenza tal-11 ta' Diċembru 2008, applikazzjoni nru.4268/04 §s 67.

    [23] T Spronken, G Vermeulen et al, EU Procedural Rights in Criminal Proceedings , Antwerp 2009; E Cape, Z Namoradze et al, Effective Criminal Defence in Europe , Antwerp 2010.

    [24] Edwards v. Renju unit , sentenza tas-16 ta' Diċembru 1992, applikazzjoni nru 13071/87, § 36.

    [25] Garcia Alva v. il-Ġermanja, sentenza tat-13 ta' Frar 2001, applikazzjoni nru. 23541/94, § 47-55; Schöps v. il-Ġermanja , sentenza tat-13 Frar 2001, applikazzjoni nru. 251164/94, § 41-42; Mooren v. il-Ġermanja , sentenza tad- 9 tal-Lulju 2009, applikazzjoni nru 11364/03, § 121-124.

    [26] ĠU C, , p...

    [27] ĠU C, , p. ..

    [28] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [29] ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

    [30] ĠU C 115, 4.5.2010.

    [31] Direttiva 2010/xxx/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għal interpretar u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (8 ta' Ottubru 2010)

    [32] COM(2010) 171 20.4.2010.

    [33] ĠU L 190 tat-18.7.2002, p.1.

    [34] Id-diċitura finali ta' din il-premessa tad-Direttiva se tiddependi mill-pożizzjoni attwali li jieħdu r-Renju Unit u l-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tal-protokoll (Nru 21).

    [35] 24 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva f' Il-Ġurnal Uffiċjali .

    [36] 36 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva f' Il-Ġurnal Uffiċjali .

    [37] Din jiżdiedu magħha drittijiet proċedurali relevanti oħra applikabbli fl-Istati Membri

    [38] (...)

    [39] Din jidiedu magħha drittijiet proċedurali relevanti oħra applikabbli fl-Istati Membri

    Top