Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0336

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta' li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja

/* KUMM/2010/0336 finali - COD 2010/0183 */

52010PC0336

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta' li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja /* KUMM/2010/0336 finali - COD 2010/0183 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 24.6.2010

KUMM(2010)336 finali

2010/0183 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL (UE) Nru xxxx/2010

ta'

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Bħalissa bħala eċċezzjoni għar-regoli dwar għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet tal-Ġermanja jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat skont il-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja għall-prodotti kkumerċjalizzati, wara trasformazzjoni ulterjuri mill-monopolju, bħala etanol ta' oriġini agrikola. L-għajnuna totali mill-Istat permessa hija limitata għal EUR 110 miljuni kull sena.

Skont l-Artikolu 182(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), id-deroga tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2010. Dan l-abbozz ta' regolament jestendi l-applikazzjoni tad-deroga u jipproponi li l-produzzjoni/bejgħ mill-monopolju għandhom jonqsu gradwalment sabiex mill-1 ta' Jannar 2018, il-monopolju ma jibqax jeżisti. Żewġ kategoriji ta' distilleriji qed jiġu trattati b'mod differenti.

- id-distilleriji agrikoli ssiġillati ( landwirtschaftliche Verschlussbrennereien - bħalissa hemm madwar 670 distillerija ta' dan it-tip) li prinċipalment jipproċessaw ċereali u patata, jistgħu jibqgħu fil-monopolju sal-aħħar tal-2013. Madanakollu, il-produzzjoni tagħhom se titnaqqas gradwalment minn 540 000 hl fl-2011 għal 360 000 hl fl-2012 u għal 180 000 hl fl-2013. Meta jitilqu mill-monopolju, id-distilleriji agrikoli ssiġillati jistgħu jirċievu għajnuna ta' kumpens ta' EUR 257,50 għal kull hl ta' drittjiet nominali ta' distillazzjoni. Din l-għajnuna ta' kumpens se tingħata mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013, iżda tista' titħallas f'diversi pagamenti sal-31 ta' Diċembru 2017.

- id-distilleriji żgħar b'restrizzjonijiet fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ ( Abfindungsbrennereien), l-utenti tad-distilleriji (Stoffbesitzer) u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott (Obstgemeinschaftsbrennereien) li huma orjentati lokalment u li jipproduċu kwantitajiet żgħar ħafna ta' alkoħol mill-frott (sa massimu ta' 300 litru kull sena) jistgħu jipproduċu sa massimu ta' 60 000 hl fis-sena sal-aħħar tal-2017.

L-ammont totali ta' għajnuna mħallsa mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta'Diċembru 2013 ma għandux ikun iktar minn EUR 269.9 miljun u l-ammont totali ta' għajnuna mħallsa mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2017 ma għandux ikun iktar minn EUR 268 miljun.

Il-Ġermanja se tkompli tippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-sistema. Barra minn hekk, mill-2013 sal-2016, il-Ġermanja kull sena se tinkludi pjan annwali ta' eliminazzjoni gradwali għad-distilleriji ż-żgħar b'restrizzjoni fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ, l-utenti tad-distilleriji u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott.

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Komunità.

2010/0183 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL (UE) Nru xxxx/2010

ta'

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Wara li l-proposta ntbagħtet lill-Parlamenti nazzjonali,

Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

1. Ir-regoli speċifiċi dwar l-għajnuna li l-Ġermanja tista' tagħti fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja, ("il-Monopolju") kif ipprovdut fl-Artikolu 182(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS)[2], se jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2010.

2. Skont ir-rapport imressaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 184(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-importanza tal-Monopolju naqset fl-aħħar snin. Bejn l-2001 u l-2008, madwar 70 distillerija agrikola ssiġillata ( landwirtschaftliche Verschlussbrennereien ) telqu mill-Monopolju. Il-volumi mibjugħa mill-Monopolju ilhom jonqsu mill-2003 u l-baġit naqas minn EUR 110 miljuni fl-2003 għal EUR 80 miljun fl-2008. Għalhekk xi distilleriji diġà għamlu sforzi biex jippreparaw biex jidħlu fis-suq ħieles billi joħolqu kooperattivi, jinvestu f'tagħmir li jikkonsma inqas enerġija biex inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u billi jikkummerċjalizzaw dejjem iktar l-alkoħol tagħhom b'mod dirett. Madanakollu, jeħtieġ iktar żmien biex ikun iffaċilitat dan il-proċess ta' adattazzjoni u biex id-distillaturi jkunu jistgħu jkampaw fis-suq ħieles. Jitqies li hija meħtieġ estensjoni ta' ftit snin oħra biex jintemm il-proċess tat-tneħħija tal-Monopolju kif ukoll tal-għajnuna u biex tkun possibbli l-eliminazzjoni gradwali u definittiva tiegħu.

3. F'xi partijiet tal-Ġermanja, id-distilleriji tal-alkoħol huma tradizzjonalment marbuta ma' azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju u għandhom rwol importanti għall-azjendi agrikoli biex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom billi jipprovdu dħul addizzjonali għall-bdiewa u jiżguraw l-impjiegi fiż-żoni rurali. Għalhekk, id-distilleriji agrikoli ssiġillati li jipproċessaw prinċipalment ċereali u patata għandhom ikomplu jkunu jistgħu jirċievu għajnuna mill-Monopolju sal-31 ta' Diċembru 2013. Sa dakinhar, id-distilleriji ssiġillati kollha għandhom ikunu daħlu fis-suq ħieles. Din l-iskadenza tikkoinċidi wkoll mal-perjodu ta' pprogrammar ġdid għall-iżvilupp rurali 2014-2020, li għall-Ġermanja tfisser il-possibbiltà tat-trasferiment ta' partijiet mill-fondi użati għall-Monopolju għall-programm tagħhom ta' żvilupp rurali.

4. Id-distilleriji żgħar b'restrizzjoni fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ ( Abfindungsbrennereien ), l-utenti tad-distilleriji ( Stoffbesitzer ) u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott ( Obstgemeinschaftsbrennereien ) jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ tradizzjonali u l-bijodiversità billi jgħinu biex ikunu ppreservati l-ortijiet li jfornu lid-distillaturi b'materja prima. B'kunsiderazzjoni għal dan u għall-fatt li l-produzzjoni ta' dawk id-distilleriji hija lokali u limitata ħafna, huma għandhom ikunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija mill-Monopolju għal perjodu finali sal-31 ta' Diċembru 2017. Sa din id-data, il-monopolju għandu jitneħħa. Sabiex jiġi ggarantit li din l-għajnuna twassal għall-eliminazzjoni, il-Ġermanja għandha ta' kull sena tippreżenta pjan annwali għall-eliminazzjoni gradwali mill-2013.

5. Il-produzzjoni ta' alkoħol etanol fil-qafas tal-Monopolju hija limitata u bħalissa tikkorrispondi għal inqas minn 10% tal-produzzjoni totali tal-alkoħol tal-etanol ta' oriġini agrikola fil-Ġermanja. Jekk wieħed iqis b'mod partikolari, li d-distilleriji ssiġillati kollha għandhom ikunu daħlu fis-suq ħieles sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013, dak il-persentaġġ se jonqos konsiderevolment wara dik id-data.

6. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-għoti tal-għajnuna, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.

7. Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 182 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"4. B'deroga mill-Artikolu 180 ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 108(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE biss għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2017, għall-għajnuna mogħtija mill-Ġermanja fil-qafas nazzjonali eżistenti tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja ("il-Monopolju") għall-prodotti kkummerċjalizzati, wara trasformazzjoni ulterjuri mill-Monopolju, bħala alkoħol tal-etanol ta' oriġini agrikola elenkat fl-Anness I għat-TFUE, sakemm ikunu osservati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-produzzjoni totali tal-alkoħol tal-etanol skont il-Monopolju li tibbenifika mill-għajnuna għandha tonqos gradwalment minn massimu ta' 600 000 hl fl-2011 għal 420 000 hl fl-2012 u għal 240 000 hl fl-2013 u tista' tammonta għal massimu ta' 60 000 hl kull sena mill-1 ta' jannar 2014 sal-31 ta'Diċembru 2017, data li fiha l-Monopolju ma għandux jibqa' jeżisti;

(b) Il-produzzjoni tad-distilleriji agrikoli ssiġillati li jibbenefikaw mill-għajnuna għandha tonqos gradwalment minn 540 000 hl fl-2011 għal 360 000 hl fl-2012 għal 180 000 hl fl-2013. Sal-31 ta' Diċembru 2013, id-distilleriji agrikoli ssiġillati kollha għandhom jitilqu mill-Monopolju. Meta jitilqu mill-Monopolju, id-distilleriji agrikoli ssiġillati jistgħu jirċievu għajnuna ta' kumpens ta' EUR 257.50 għal kull hl ta' drittijiet nominali ta' distillazzjoni. Din l-għajnuna ta' kumpens tista' tingħata sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013. Madankollu, l-għajnuna tista' titħallas f'diversi pagamenti sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017;

(c) id-distilleriji żgħar b'restrizzjoni fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ, l-utenti tad-distilleriji u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott, jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija mill-Monopolju sal-31 ta' Diċembru 2017 bil-kundizzjoni li l-produzzjoni li tibbenefika mill-għajnuna ma taqbiżx is-60 000 hl kull sena;

(d) l-ammont totali ta' għajnuna mħallsa mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta'Diċembru 2013 ma għandux ikun iktar minn EUR 269.9 miljun u l-ammont totali ta' għajnuna mħallsa mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2017 ma għandux ikun iktar minn EUR 268 miljun. kif ukoll

(e) qabel it-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Ġermanja għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-iffunzjonar tal-Monopolju u l-għajnuna mogħtija fil-qafas tiegħu fis-sena ta' qabel. Barra minn hekk, ir-rapporti annwali li għandhom jitressqu mill-2013 sal-2016 għandhom jinkludu pjan annwali ta' eliminazzjoni gradwali għas-sena ta' wara rigward id-distilleriji żgħar b'restrizzjoni fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ, l-utenti tad-distilleriji u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott."

Artikolu 2Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C ..., p. ...

[2] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

Top