Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0293

Proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-kunsill li tawtorizza lill-Polonja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

/* KUMM/2010/0293 finali - NLE 2010/0161 */

52010PC0293

Proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-kunsill li tawtorizza lill-Polonja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2010/0293 finali - NLE 2010/0161 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 7.6.2010

KUMM(2010)293 finali

2010/0161 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Polonja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn hawn ’il quddiem: 'id-Direttiva tal-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika tal-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura li tidderoga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva tal-VAT.

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tas-14 ta' Diċembru 2009 bit-talba magħmula mir-Repubblika tal-Polonja. Permezz tal-ittra tas-17 ta' Diċembru 2009 il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba bil-mod spjegat hawn taħt.

Il-biċċa 'l kbira tan-negozji, 'il fuq minn 95%, fir-Repubblika tal-Polonja huma kklassifikati bħala mikro-interpriżi, li ħafna minnhom huma negozji tal-familja, u għalhekk il-karozzi ta' propjetà tan-negozju jew imwellijja minnu huma ħafna drabi użati kemm għall-użu tan-negozju kif ukoll b'mod personali, waqt li kumpaniji ikbar spiss jirrikompensaw lill-persunal tagħhom permezz ta' benefiċċji mhux finanzjarji, bħal karozzi tal-kumpanija, li wkoll jintużaw kemm għan-negozju kif ukoll għal skopijiet personali. Fi ftit kliem, il-biċċa 'l kbira tal-karozzi propjetà tan-negozji huma użati kemm għan-negozju kif ukoll għal skopijiet personali. Bħalissa, negozju li juża vettura għal skopijiet privati għandu jagħti rendikont tat-taxxa fuq il-bejgħ fuq l-użu privat skont l-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

Minħabba li d-disinn ta' ċertu vetturi jagħmluhom adegwati kemm għall-użu fin-negozju kif ukoll għal dak personali, l-awtoritajiet Pollakki jiddikjaraw li huwa diffiċli tistabbilixxi, bi kwalunkwe grad ta' preċiżjoni, kemm persuna taxxabbli tuża dawk il-vetturi għall-użu privat. Dan huwa l-każ mhux biss għall-persuni taxxabbli, iżda wkoll għall-awtoritajiet fiskali, li huma meħtieġa jikkontrollaw l-ammont ta' użu privat.

Sabiex ikunu megħluba dawn id-diffikultajiet u tkun issimplifikata l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT, ir-Repubblika tal-Polonja qed titlob deroga biex tneħħi t-tassazzjoni fuq l-użu privat ta' ċertu vetturi, iżda tillimita t-taxxa fuq ix-xiri fuq l-akkwist inizjali jew kiri ta' dawn il-vetturi għal 60%. Dan il-perċentwal ġie vvalutat mill-awtoritajiet Pollakki bħala il-proporzjon medju tal-ħin li fih dan it-tip ta' vetturi jintużaw għal skopijiet ta' negozju.

It-tnaqqis ikun sa massimu ta' 6.000 PLN. Din il-figura ġiet stabbilita fuq il-prezz ta' karozza standard (55.000 PLN), u hija intenzjonata biex tipprevjeni t-tnaqqis eċċessiv għal-karozzi lussużi, li għandhom aktar probabbiltà li jintużaw għal skopijiet privati.

Il-vetturi koperti minn din il-miżura huma dawk b'kapaċità ta' tagħbija massima ta' 500kg u piż totali massimu ta' 3.5 tunnellata. Eċċezzjoni għal dan huma il-vetturi li huma b'mod ċar intenzjonati għal użu biss għall-attività tan-negozju, speċifikament vetturi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu jew għal kiri; vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija: vetturi bi skop speċjali (pereżempju vetturi għal assistenza fuq it-triq, tagħmir għat-tagħbija u karozzi tal-mejtin); u vetturi ddisinjati għall-ġarr ta' madwar 10 persuni inkluż is-sewwieq. L-għan ta' din id-distinzjoni huwa li jillimita l-applikazzjoni tal-miżura għal dawk il-vetturi li jistgħu jkunu wżati kemm għan-negozju kif ukoll għall-użu privat.

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Ma kienx hemm ħtieġa għall-konsultazzjoni jew kompetenzi ta' esperti esterni.

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din id-Deċiżjoni tawtorizza lill-Polonja li ddaħħal miżuri speċjali li jidderogaw mill-Artikoli 26 u 168 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tat-tnaqqis tal-VAT li tirriżulta fix-xiri, l-akkwist, l-importazzjoni, kiri jew twellija ta' ċertu vetturi.

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-limitu strett fiż-żmien u fil-kamp tal-applikazzjoni, il-miżura speċjali tidher li hi proporzjonata mal-għan imfittex.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-uniku strument xieraq peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-Unjoni.

ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni

2010/0161 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Polonja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. B'ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta' Novembru 2009, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex iddaħħal miżura speċjali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola d-dritt li titnaqqas it-taxxa fuq ix-xiri.

2. Il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Polonja f'ittra datata l-14 ta' Diċembru 2009. Permezz ta' ittra datata s-17 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkonsidra neċessarja sabiex tqis it-talba.

3. Xi vetturi, minħabba n-natura tad-disinn tagħhom, huma tajbin kemm għall-użu privat kif ukoll għal skopijiet ta' negozju. Bħalissa, fejn persuna taxxabbli jkollha l-intenzjoni li tuża vettura għal skopijiet privati, li fuqa hija tkun naqqset it-taxxa fuq ix-xiri kollha jew parti minnha max-xiri, hija obbligata tagħti rendikont tat-taxxa fuq il-bejgħ għal dak l-użu. Madanakollu, huwa diffiċli li persuna taxxabbli tistabbilixxi bi kwalunkwe grad ta' eżattezza l-użu privat, u li l-awtoritajiet tat-taxxa jagħmlu moniteraġġ tiegħu.

4. Għalhekk, sabiex tkun issimplifikata l-proċedura għal ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), il-Polonja qed titlob deroga sabiex tillimita d-dritt ta' tnaqqis fuq ix-xiri ta' vetturi użati kemm għan-negozju kif ukoll għal skopijiet personali għal 60% tal-VAT li tirriżulta fix-xiri, l-akkwist, l-importazzjoni, kiri jew twillija ta' ċertu vetturi.. Sussegwentement il-persuna taxxabbli ma tkunx iktar meħtieġa tagħti rendikont tat-taxxa fuq il-bejgħ għall-użu privat tal-karozza.

5. Il-miżura speċjali għandha tapplika biss għal vetturi b'kapaċità ta' tagħbija massima ta' 500kg u piż totali massimu ta' 3.5 tunnellata, u għal tnaqqis fuq il-VAT ta' mhux iktar minn 6,000 PLN. Iċ-ċifra massima għat-tnaqqis tal-VAT hija intiża biex tipprevjeni t-tnaqqsi eċċessiv tal-VAT li tirriżulta mix-xiri jew kiri ta' karozzi lussużi, li għandhom aktar probabbiltà li jintużaw għal skopijiet privati. Vetturi intiżi biex iwettqu funzjoni speċifika bħal vetturi għal assistenza fuq it-triq, karozzi tal-mejtin, u vetturi għat-tagħbija, u vetturi biex jerġgħu jinbiegħu jew jinkrew ma għandhomx jaqgħu taħt din id-deroga.

6. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal perjodu limitat u għalhekk għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa dakinhar tista' issir valutazzjoni jekk id-deroga tibqax ġustifikata.

7. Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja hija awtorizzata tillimita id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT fuq xiri, akkwist, importazzjoni, kiri jew twillija ta' vetturi għal 60%, sa massimu ta' 6.000PLN.

Din ir-restrizzjoni għandha tapplika biss għal vetturi b'kapaċità ta' tagħbija massima ta' 500kg u piż totali massimu ta' 3.5 tunnellata.

Artikolu 2

L-Artikolu 1 ma għandux japplika fil-kategoriji ta' vetturi li ġejjin:

8. vetturi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kera jew għat-twillija;

9. vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija;

10. vetturi intiżi biex jaqqdu funzjoni speċifika;

11. u vetturi ddisinjati għall-ġarr ta' madwar 10 persuni, inkluż is-sewwieq.

Artikolu 3

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja hija awtorizzata li ma titrattax bħala provvista ta' servizzi bi ħlas l-użu privat ta' vettura li għaliha tapplika r-restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni minn persuna taxxabbli jew il-persunal tagħha, jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet lilhinn minn dawk tan-negozju

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1

[2] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

Top