EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0232

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni (ippreżentata mill-Kummissjoni)

/* KUMM/2010/0232 finali - NLE 2010/0124 */

52010PC0232

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni (ippreżentata mill-Kummissjoni) /* KUMM/2010/0232 finali - NLE 2010/0124 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.5.2010

KUMM(2010)232 finali

2010/0124 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni

(ippreżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab tal-politika Ewropea tal-viċinat jirrappreżenta waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Dan l-aspett ta’ politika huwa deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “l-approċċ ġenerali biex jippermettu lill-pajjiżi sħab tal-politika Ewropea tal-viċinat biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji”[1].

Il-Kunsill approva dan l-approċċ fil-5 ta’ Marzu 2007[2].

Abbażi ta' dik il-Komunikazzjoni u dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007, bgħat direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja, il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjżi fil-programmi Komunitarji[3].

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u approva Rapport ta' Progress tal-Presidenza[5], li tressaq fil-laqgħa tal-Kunsill tal-"Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni" (GAERC) fit-18/19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[6]. Dan ir-rapport fakkar id-Direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati protokolli addizzjonali rilevanti, u biex l-Iżrael, il-Marokk u l-Ukraina jiġu identifikati bħala li x’aktarx ikunu l-ewwel pajjiżi sħab li se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri. In-negozjati mal-Iżrael waslu fi tmiem f'Settembru 2007 u rriżultaw fl-iffirmar tal-Protokoll f'April 2008[7]. In-negozjati mal-Ukraina waslu fi tmiem ukoll.

Fil-qafas tad-dokument konġunt bejn l-UE u l-Marokk dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijijet bilaterali / Status avvanzat[8], il-Marokk wera l-interess tiegħu biex jipparteċipa f'ċerti programmi, b'mod partikolari: kompetittività u innovazzjoni (CIP), Dwana 2013, SESAR u Marco Polo.

F’Ġunju 2007, ġie deċiż biex jingħata bidu għan-negozjati mar-Renju tal-Marokk. Minn dakinhar, in-negozjati ma' dan il-pajjiż ġew iffinalizzati, għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni. It-test tal-Protokoll innegozjat mar-Renju tal-Marokk jinsab mehmuż fl-anness.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta hawn taħt proposta dwar l-iffirmar tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni. Fih stipulazzjonijiet standard li huma maħsuba li jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-politika Ewropea tal-viċinat li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn il-protokolli.

Skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiġi mitlub biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta b'mod parallel proposta dwar Deċiżjoni tal-Kunsill relatata mal-iffirmar tal-Protokoll.

Il-Kunsill huwa mistieden jadotta l-proposta ta' Deċiżjoni li ġejja.

2010/0124 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218, (5) u (8), it-tieni inċiż,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju mar-Renju tal-Marokk dwar Ftehim Qafas dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programmi tal-Unjoni.

2. Dawn in-negozjati ġew konklużi b’mod sodisfaċenti għall-Kummissjoni.

3. Bla ħsara għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiffirma, f'isem l-Unjoni, il-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk fir-rigward tal-prinċipji ġenerali u l-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni, u biex jinħatru l-persuni awtorizzati biex jipproċedu bil-firma tal-Protokoll.

It-test tal-Protokoll li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni se tidhol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Din għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

PROTOKOLL

għall-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fil-programmi tal-Unjoni

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

min-naħa,

u

ir-RENJU TAL-MAROKK, minn hawn il-quddiem imsejjaħ "il-Marokk",

min-naħa l-oħra,

Billi:

4. Il-Marokk daħal fi Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Marokk min-naħa l-oħra, fis-26 ta’ Frar 1996 ( Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 70/2 tat-18 ta’ Marzu 2000);

5. Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-17/18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ b'mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u aċċetta l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004;

6. Il-Kunsill, f’bosta okkażjonijiet oħrajn, adotta l-konklużjonijiet favur din il-politika.

7. Il-Kunsill, fil-5 ta’ Marzu 2007, esprima l-appoġġ tiegħu għall-approċċ ġenerali u globali deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006, COM (2006) 724 finali, sabiex l-isħab tal-politika Ewropea tal-viċinat ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-aġenziji Komunitarji u l-programmi Komunitarji fuq il-merti tagħhom u fejn l-bażijiet legali jippermettu;

8. Il-Marokk esprima x-xewqa li jipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni;

9. It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi, inklużi l-kontribuzzjoni finanzjarja u l-proċeduri ta’ rapportar u tal-evalwazzjoni, applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Marokk f’kull programm partikolari għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-Marokk,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Marokk għandu jitħalla jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni attwali u futuri kollha miftuħa għall-Marokk skont id-dispożizzjonijiet li jadottaw dawn il-programmi.

Artikolu 2

Il-Marokk għandu jikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’mod li jikkorrispondi mal-programmi speċifiċi li fihom jipparteċipa.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Marokk huma awtorizzati li jieħdu sehem, bħala osservaturi u għall-punti li jirrigwardaw il-Marokk, fil-kumitati ta' ġestjoni responsabbli għas-sorveljanza tal-programmi li fihom il-pajjiż jikkontribwixxi finanzjarjament.

Artikolu 4

Il-proġetti u l-inizjattivi li jiġu sottomessi minn parteċipanti mill-Marokk għandhom, safejn dan hu possibbli, jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri tal-programmi kkonċernati kif applikati lill-Istati Membri.

Artikolu 5

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-Marokk f’kull wieħed mill-programmi, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri tar-rapportar u tal-evalwazzjoni, ser ikunu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Marokk (Protokoll ta’ Fehim).

Jekk il-Marokk japplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex jipparteċipa fi programm partikolari tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprovdi għall-assistenza esterna tal-Unjoni lill-Marokk li jista' jiġi adottat fil-ġejjieni, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-assistenza Komunitarja mill-Marokk għandhom jiġu ddeterminati minn ftehim dwar l-iffinanzjar, li jirrispetta b’mod partikolari l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

Artikolu 6

Kull Memorandum ta’ Ftehim konkluż skont l-Artikolu 5, għandu jistipula, skont ir-Regolament Finanzjarju Komunitarju, li l-kontroll jew verifiki finanzjarji ser jitwettqu minn, jew taħt l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar kontroll u verifika finanzjarja, miżuri amministrattivi, penali u rkupru li jippermettu lill-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri li jiġu mogħtija setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

Il-Protokoll attwali li jirrigwarda Ftehim Qafas għandu japplika għall-perjodu li matulu l-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk min-naħa l-oħra, ikun fis-seħħ.

Dan il-Protokoll għandu jiġi ffirmat u approvat mill-Unjoni u mill-Marokk skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

Kull Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll b’notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Protokoll għandu jintemm sitt xhur wara d-data ta’ din in-notifika.

It-tmiem ta' dan il-Protokoll li jiġi wara d-denunzja minn kwalunkwe waħda mill-partijiet ma għandha jkollha l-ebda influwenza fuq l-ispezzjonijiet u l-kontrolli li għandhom jitwettqu taħt id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 fejn xieraq.

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet Kontraenti jistgħu jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tar-Renju tal-Marokk fi programm Komunitarju wieħed jew aktar.

Artikolu 9

Dan il-Protokoll għandu jgħodd, min-naħa, għat-territorji li fihom it-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dawn it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal-Marokk.

Artikolu 10

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa biex jidħol fis-seħħ.

Artikolu 11

Dan il-Protokoll huwa magħmul f’żewġ kopji fil-lingwi uffiċjali tal-Partijiet Kuntraenti.

Kull waħda mil-lingwi tat-testijiet hija awtentika bl-istess mod.

Artikolu 12

Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Markokk min-naħa l-oħra.

Magħmul fi Brussell, [data]

Mill-Gvern tar-Renju tal-Marokk

Mill-Unjoni Ewropea

[1] COM (2006) 724 finali, 4.12.2006

[2] Il-Konklużjonijiet ta’ GAERC tal-5 ta’ Marzu 2007.

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-Protokolli […], Dokument 10412/07.

[4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, 21/22 ta’ Ġunju 2007, dokument Nru 11177/07.

[5] Ir-Rapport tal-Presidenza dwar il-Progress dwar “Insaħħu l-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dokument 10874/07.

[6] Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dokument Nru 11016/07.

[7] ĠU L 129 du 17.5.2008, p. 40.

[8] Adottat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk u l-GAERC, 13.10.2008

Top