Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0090

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika (USDOE) fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà nukleari

/* KUMM/2010/0090 finali - NLE 2010/0052 */

52010PC0090

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika (USDOE) fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà nukleari /* KUMM/2010/0090 finali - NLE 2010/0052 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.3.2010

KUMM(2010)90 finali

2010/0052 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika (USDOE) fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà nukleari

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fl-4 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni għal direttivi ta’ negozjar li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika (USDOE) fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà nukleari[1].

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill stipulat li "dan il-Ftehim se jemenda u jissostitwixxi l-ftehim iffirmat fis-6 ta’ Jannar 1995".

L-ewwel taħdita ta' spjegazzjoni saret f'Washington DC fil-21 ta' April 2008 u l-ewwel sessjoni ta' negozjati saru b'konnessjoni mal-laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija (PCG) tal-ftehim eżistenti f'Lawrence Livermore fl-10 ta' Marzu 2009. L-Erbgħa 4 ta' Novembru 2009 saret sessjoni finali ta' negozjati fi Brussell. Iż-żewġ Partijiet ftehmu dwar test finali li ġie ppreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill it-Tnejn 23 ta' Novembru.

Kif miftiehem, il-Kunsill inżamm infurmat sewwa u d-diversi abbozzi li rriżultaw minn dawn is-sessjonijiet ġew ippreżentati b'mod sistematiku lill-Grupp ta' Ħidma xieraq tiegħu.

Fid-dawl tal-informazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex jadotta l-proposta annessa li tapprova l-konklużjoni tal-Ftehim.

2010/0052 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika (USDOE) fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà nukleari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Fis-6 ta’ Jannar 1995 ġie ffirmat ftehim bejn il-Euratom u l-USDOE fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fis-salvagwardji tal-materjal nukleari,

(2) Dan il-ftehim jeħtieġ li jiġi emendat biex jitwessa’ għall-aspetti kollha tas-sigurtà nukleari,

(3) Fl-4 ta' Novembru 2008, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tinnegozja dan il-ftehim, li jissostitwixxi l-ftehim tal-1995,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Waħdieni

Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika (USDOE) fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà nukleari, hija b'dan approvata.

It-test tal-Ftehim huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM

bejn

ID-DIPARTIMENT TAL-ENERĠIJA TAL-ISTATI UNITI

u

L-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ENERĠIJA ATOMIKA

Irrappreżentata mill-

KUMMISSJONI EWROPEA

fil-qasam tar-

RIĊERKA U L-IŻVILUPP TAS-SALVAGWARDJI U S-SIGURTÀ TAL-MATERJAL NUKLEARI

Id-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti (USDOE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, minn issa 'l quddiem imsejħin "il-Partijiet";

Jirrikonoxxu l-kooperazzjoni tagħhom skont il-Ftehim bejn id-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fil-Qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp tas-Salvagwardji tal-Materjal Nukleari tas-6 ta' Jannar 1995 ("il-Ftehim tal-1995"), u jixtiequ jkabbru l-kooperazzjoni tagħhom biex jinkludu s-sigurtà nukleari;

Għandhom interess reċiproku li l-materjal nukleari madwar id-dinja jkun ittrattat bl-iktar mod sikur, b'rispett totali tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-1 ta' Lulju 1968, u l-Protokoll Addizzjonali;

Jinnutaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1540 tat-28 ta' April 2004 dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (l-AQM);

Jaqsmu l-fehma li s-salvagwardji tal-materjal nukleari għandhom japplikaw madwar id-dinja u jilħqu l-ogħla standards possibbli;

Jixtiequ jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw it-tixrid tal-AQM nukleari u l-materjal, it-teknoloġiji u l-kompetenzi relati magħhom, kif ukoll it-terroriżmu nukleari;

Jinnutaw li l-koordinazzjoni tal-programmi implimentati għal din il-fini mill-Partijiet, b'mod partikolari dawk li jimmiraw li jappoġġaw il-pajjiżi terzi madwar id-dinja, għandhom ikunu kkoordinati aħjar sabiex titjieb l-effiċjenza ta' dawn il-programmi;

Jinnutaw li ż-żewġ Partijiet huma membri tal-Generation IV International Forum li qed jimmira, b'mod partikolari, li jsaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà nukleari permezz tar-riċerka u żvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' reatturi u taċ-ċiklu tal-karburant reżistenti għall-proliferazzjoni;

Jinnutaw li l-USDOE nieda l-Inizjattiva tas-Salvagwardji tal-Ġenererazzjoni li jmiss (NGSI);

Jinnutaw li l-EURATOM biħsiebha tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-NGSI, li tibni fuq l-esperjenza twila tal-EURATOM fis-salvagwardar taċ-ċiklu sħiħ tal-karburant;

Biħsiebhom jikkoordinaw mill-viċin mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA); u

Jinnutaw li kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) jew kwalunkwe organizzazzjoni ta' Stat Membru tal-UE li huwa/hija lest(a) li jikkoopera/tikkoopera mal-USDOE fil-qasam tas-sigurtà nukleari jista' jikkontribwixxi fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim permezz tal-EURATOM;

Jinnutaw li s-salvagwardji nukleari huma applikati fl-Istati Membri kollha tal-Komunità konformi kemm mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u anke skont il-ftehimiet tas-salwagwardji konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-IAEA.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1 - Għan

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-USDOE u l-EURATOM dwar temi miftehma b'mod reċiproku ta' riċerka u żvilupp (R&Ż), u taħriġ, fil-qasam tas-salvagwardji u s-sigurtà nukleari. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha ssir abbażi ta' profitt reċiproku, ugwalità u reċiproċità.

Artikolu 2 - Oqsma tal-kooperazzjoni

L-oqsma tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-salvagwardji tal-materjal nukleari u r-riċerka u l-iżvilupp tas-sigurtà koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiffukaw prinċipalment fuq:

1. Analiżijiet ta' sistemi ta' salvagwardji għal parti miċ-ċiklu tal-karburant jew għaċ-ċiklu tal-karburant komplut;

2. a. Tagħmir u teknoloġiji għall-kejl ta' materjali nukleari u materjali radjoattivi oħrajn;b. Kontabbiltà u kontroll ta' materjali nukleari u materjali radjoattivi oħrajn;

3. Metodi u metodoloġiji analitiċi mtejba;

4. Teknoloġija taż-żamma u s-sorveljanza għal materjali nukleari u faċilitjiet nukleari;

5. Aċċess u komunikazzjoni sikuri tad-dejta, b'mod partikolari d-dejta relatata mas-salvagwardji;

6. Teknoloġiji ta' monitoraġġ remot;

7. R&Ż ta' teknoloġiji u metodoloġiji ta' reżistenta għall-proliferazzjoni u ta' protezzjoni fiżika;

8. Salvagwardji nukleari u korsijiet ta' taħriġ fis-sigurtà;

9. It-teknoloġiji u l-metodoloġiji relatati mal-ġlieda tat-traffikar illeċtu (inklużi l-monitoraġġ tal-fruntieri u s-sigurtà fiżika) tal-materjali nukleari u materjali radjoattivi oħrajn, u l-konsegwenzi potenzjali tiegħu;

10. Għodod u metodoloġiji analitiċi fil-forensika nukleari, inklużi metodi fiżiċi u kimiċi għall-analiżijiet forensiċi u bażijiet tad-dejta relatati;

11. Għodod tal-informazzjoni b'sors miftuħ ( open source );

12. Aspetti tekniċi ta' kontrolli tal-esportazzjoni, inkluż it-taħriġ tekniku;

13. Ġestjoni tal-emerġenza;

14. Koordinazzjoni tal-isforzi taż-żewġ Partijiet biex jikkooperaw mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà nukleari;

15. Koordinazzjoni tal-isforzi taż-żewġ Partijiet biex jikkooperaw mal-pajjiżi terzi li huma lesti jtejbu l-effettività tas-sistemi ta' salvagwardji nazzjonali tagħhon u fuq kwistjonijiet oħra ta' sigurtà nukleari;

16. Koordinazzjoni tal-programmi ta' appoġġ tal-IAEA taż-żewġ Partijiet.

Jistgħu jiżdiedu oqsma oħrajn ta' kooperazzjoni permezz ta' ftehim reċiproku bil-miktub taż-żewġ Partijiet.

Artikolu 3 - Forom ta' kooperazzjoni

Il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim tista' tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, forom li ġejjin:

1. Skambju ta' xjentisti, inġiniera u speċjalisti oħrajn, riċerkaturi u dawk li jagħtu t-taħriġ għal perjodi miftehma għall-parteċpazzjoni f'attivitajiet li jitmexxew mill-Partijiet jew mill-kuntratturi tagħhom. Dan l-iskambju tal-persunal għandu jkun skont l-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim;

2. L-użu minn Parti waħda tal-faċilitajiet li huma proprjetà tal-Parti l-oħra jew li l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp fihom qed jiġu sponsorjati mill-Parti l-oħra;

3. Skambji ta' informazzjoni xjentifika u teknika, inklużi r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp;

4. Skambju u forniment ta' kampjuni, materjali u tagħmir (eż. għall-ittestjar), soġġett f'kull każ għal ftehim bil-miktub separat;

5. Seminars u laqgħat oħrajn dwar temi speċifiċi, inkluż korsijiet tat-taħriġ u laqgħat ta' ħidma;

6. Żjajjar qosra minn timijiet speċjalizzati jew individwi ta' Parti lill-faċilitajiet tal-Parti l-oħra;

7. Studji li jittrattaw l-oqsma tal-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 2;

Jistgħu jiżdiedu forom speċifiċi oħrajn ta' kooperazzjoni permezz ta' ftehim reċiproku bil-miktub taż-żewġ Partijiet.

Artikolu 4 - Ġestjoni

Il-Partijiet għadhom jinnominaw individwu wieħed kull wieħed li jaġixxi bħala koordinatur sabiex jissorvelja t-twettiq ta' dan il-Ftehim.

1. Jiġi stabbilit Kumitat Konġunt ta’ Tmexxija (KKT) sabiex:

1. jiżgura l-koordinazzjoni xierqa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

2. jevalwa l-istat ta' koperazzjoni skont dan il-Ftehim;

3. jidentifika oqsma ta' prijorità ta' kooperazzjoni minn fost dawk deskritti fl-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim;

4. jiddefinixxi l-ħidmiet speċifiċi li għandhom isiru f'kull qasam tal-kooperazzjoni elenkat fl-Artikolu 2;

5. jivvaluta l-ħidma li ssir fi ħdan kull qasam u ħidma speċifika, u jiddeċiedi fuq it-tkomplija tagħhom (eż. it-tlestija, it-titwil, it-tħassir).

2. Il-KKT huwa ppresedut flimkien mal-koordinaturi u għandu jiltaqa', fuq bażi annwali, fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti tal-Amerika b'mod alternat. Il-KKT se jkun magħmul mill-koordinaturi u mill-maniġers tal-proġetti mistednin minnhom.

3. Kif xieraq, il-proġetti kooperattivi jistgħu jiġu definiti u elenkati fuq skedi ta' azzjoni. Il-proġetti ġodda ta' kooperazzjoni jistgħu jiġu definiti u miżjuda ma' din il-lista wara l-approvazzjoni mill-KKT. Dawn l-iskedi ta' azzjoni għandhom jispeċifikaw il-ħidmiet li jridu jsiru, l-iskeda taż-żmien, u r-riżorsi involuti miż-żewġ naħat. Kull proġett kooperattiv li jista' jinvolvi l-qsim tal-ispejjeż jew li jista' jżid il-ħolqien ta' proprjetà intelletwali għandu jiġi stabbilit f'arranġament implimentattiv bil-miktub, li għandu jkun soġġett għal dan il-Ftehim.

4. Il-ġestjoni ta' kuljum tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandha ssir mill-maniġers tal-proġett assenjati mill-koordinaturi. Il-maniġers għandhom jiftehmu dwar attivitajiet speċifiċi ta' riċerka skont l-Artikoli 1 u 2 ta' dan il-Ftehim u fl-ambitu tal-linji gwida tal-politika stabbiliti mill-koordinaturi. Il-maniġers għandhom ikunu responsabbli għall-kuntatti tax-xogħol bejn il-Partijiet.

Artikolu 5 - Disponibbiltà u tixrid tal-informazzjoni

1. Soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbi u għall-obbligi tagħha lejn partijiet terzi, u lejn id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, kull Parti u n-nominati tagħha għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jqiegħdu għad-disposizzjoni b'mod liberu tal-Parti l-oħra u n-nominati tagħha kull informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha li hija meħtieġa għat-twettiq ta' dan il-Ftehim.

2. Il-Partijiet jappoġġaw, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Anness tal-Proprjetà Intelletwali għal dan il-Ftehim (Anness A), l-usa' tixrid possibbli ta' informazzjoni li huma għandhom id-dritt li jiżvelaw, jew fil-pussess tagħhom jew li hija disponibbli għalihom, u li hija jew żviluppata konġuntament jew bl-intenzjoni li tiġi pprovduta jew skambjata skont dan il-Ftehim.

3. It-terminu "informazzjoni" jfisser dejta mhux klassifikata dwar ir-regolamenti, is-sikurezza u s-sigurtà (salvagwardji) relatati mal-enerġija nukleari, kif ukoll dejta dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari u dejta xjentifika u teknika oħra, inkluża informazzjoni dwar ir-riżultati jew il-metodi ta' valutazzjoni, ir-riċerka u kwalunkwe għarfien ieħor ipprovdut, maħluq jew skambjat skont dan il-Ftehim.

4. It-terminu "informazzjoni ta' proprjetà" kif użat f'dan il-Ftehim u fl-annessi tiegħu ifisser informazzjoni pprovduta, maħluqa jew skambjata skont dan il-Ftehim li fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kummerċjali oħra privileġġata jew sensittiva (b'tali mod li l-persuna li jkollha l-informazzjoni tista' tieħu benefiċċju kummerċjali minnha jew jista' jkollha vantaġġ kummerċjali fuq dawk li ma jkollhomx din l-informazzjoni), u tista' tinkludi biss informazzjoni li:

6. il-proprjetarju tagħha jkun żammha kunfidenzjali

7. hija tat-tip li normalment il-proprjetarju tagħha jkun żammha kunfidenzjali

8. ma ġietx trażmessa mill-proprjetarju lil entitajiet oħrajn (inkluża l-parti li tirċievi) għajr fuq il-bażi li tinżamm kunfidenzjali

9. mhijiex disponibbli b'xi mod ieħor għall-parti li tirċievi minn sors ieħor mingħajr restrizzjoni fuq iktar tixrid u

10. mhijiex diġà fil-pussess tal-parti li tirċievi.

Artikolu 6 - Ċaħda

L-informazzjoni trażmessa minn Parti waħda lill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġamenti ta' implimentazzjoni relatati għandhom ikunu preċiżi safejn tkun taf u temmen il-Parti li tkun qed tibagħtha. Kwalunkwe tagħmir jew materjal trażmess minn Parti waħda lill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim għandu jkun adattat għall-użu maħsub tagħha jew tagħhom safejn tkun taf u temmen il-Parti li tkun qed tibagħtu. Il-Parti li tibgħat ma tiggarantix l-adegwatezza tal-informazzjoni, it-tagħmir jew il-materjali trażmessi għal kwalunkwe użu jew applikazzjoni partikolari mill-Parti li tirċievi jew minn kwalunkwe parti terza. L-informazzjoni żviluppata b’mod konġunt mill-Partijiet għandha tkun preċiża, u t-tagħmir u l-materjali żviluppati b'mod konġunt għandhom ikunu adattati għall-użu maħsub tagħhom, safejn ikunu jafu u jemmnu ż-żewġ Partijiet. L-ebda Parti ma tiggarantixxi l-eżattezza tal-informazzjoni żviluppata b'mod konġunt jew il-konvenjenza ta' tagħmir u materjali żviluppati b'mod konġunt, u lanqas is-sostenibbiltà għal kwalunkwe użu jew applikazzjoni partikolari minn kwalunkwe Parti jew minn parti terza.

Artikolu 7 - Drittijiet tal-proprjetà intelletwali

Il-protezzjoni u l-allokazzjoni tal-proprjetà intelletwali maħluqa jew mogħtija skont dan il-Ftehim għandhom ikunu rregolati skont l-Anness tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (l-Anness A) u l-Pjan għall-Ġestjoni tat-Teknoloġija (Anness B) mehmużin hawnhekk u li jikkostitwixxu partijiet integrali minnhom.

Artikolu 8 - Skambju tal-persunal

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin rigward in-nomini u l-iskambji tal-persunal skont dan il-Ftehim:

1. Kull Parti tista', bi ħlas minn butha, u soġġetta għal ftehim mal-Parti l-oħra, tosserva l-attivitajiet tat-test u l-ħidma analitika tal-Parti l-oħra. Din l-osservazzjoni tista' ssir permezz ta' żjarat qosra jew permezz ta' nomina ta' persunal, soġġetta għal ftehim minn qabel tal-Parti li tirċievi f'kull okkażjoni.

2. Kull meta tiġi maħsuba nomina jew skambju tal-persunal skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tagħżel persunal kwalifikat għan-nomina lill-Parti l-oħra biex tagħmel l-attivitajiet ippjanati skont dan il-Ftehim. Kull skambju bħal dan tal-persunal għandu jkun miftiehem bil-quddiem permezz ta' skambju ta' ittri bejn il-Partijiet, li jirreferu għal dan il-Ftehim u għad-disposizzjonijiet rilevanti tiegħu dwar proprjetà intellettwali.

3. Kull Parti għandha tkun responsabbli għall-pagi, l-assigurazzjoni u l-benefiċċji li għandhom jitħallsu lill-persunal tagħha jew lill-kuntratturi;

4. Kull Parti għandha tħallas l-infiq tal-ivvjaġġar u tal-għajxien tal-persunal tagħha meta jkun assenjat lill-Parti ospitanti.

5. Kull Parti għandha tassisti biex torganizza alloġġi adegwati għall-persunal assenjat jew il-kuntratturi tal-Parti l-oħra (u l-familji tagħhom) fuq bażi reċiproka u maqbula b’mod reċiproku.

6. Il-Parti ospitanti għandha tipprovdi l-assistenza meħtieġa kollha lill-persunal assenjat jew lill-kuntratturi tagħha (u l-familji tagħhom) tal-Parti l-oħra rigward il-formalitajiet amministrattivi, bħall-arranġamenti tal-ivvjaġġar u l-ksib tal-permess għax-xogħol.

7. Il-persunal ta' kull Parti u l-kuntratturi tagħha għandhom ikunu soġġetti għar-regoli ġenerali u speċjali tar-regolamenti tax-xogħol u tas-sikurezza fis-seħħ fl-istabbiliment ospitanti.

Artikolu 9 - Tagħmir

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-forniment tat-tagħmir minn Parti waħda lill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim.

1. Il-Parti li tibgħat għandha tagħti lill-Parti l-oħra, mill-aktar fis possibbli, lista dettaljata tat-tagħmir li għandu jiġi pprovdut, flimkien mal-ispeċifikazzjonijiet u d-dokumentazzjoni teknika u informattiva assoċjati.

2. It-tagħmir, il-partijiet tal-bdil (spare parts) u d-dokumentazzjoni mogħtija mill-Parti li tibgħat għandhom jibqgħu proprjetà tal-Parti li tibgħat u għandhom jintbagħtu lura lill-Parti li tibgħat hekk kif titlesta l-attività miftehma b'mod reċiproku.

3. L-istabbiliment ospitanti għandu jipprovdi l-post meħtieġ u kenn għat-tagħmir, u għandu jipprovdi l-enerġija elettrika, l-ilma u l-gass, kif xieraq, skont ir-rekwiżiti tekniċi kollha, li għandhom ikunu maqbula b’mod reċiproku mill-Partijiet.

4. Il-Parti li tibgħat, jew il-nominat/i tagħha, għandhom ikunu responsabbli għall-infiq, is-salvagwardja u l-assigurazzjoni waqt it-trasportazzjoni tat-tagħmir mill-post oriġinali fil-pajjiż, jew mill-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM, tal-Parti li tibgħat għall-post tad-dħul fil-pajjiż tal-Parti li tirċievi, jew l-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM. Jekk il-Parti li tibgħat tagħżel li tibgħat lura t-tagħmir, il-Parti li tibgħat għandha tkun responsabbli għall-infiq, is-salvagwardja u l-assigurazzjoni waqt it-trasportazzjoni tat-tagħmir mill-punt oriġinali tad-dħul fil-pajjiż tal-Parti li tirċievi, jew l-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM, sad-destinazzjoni fil-pajjiż tal-Parti li tibgħat, jew l-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM.

5. Il-Parti li tirċievi, jew in-nominat/i tagħha, għandhom ikunu responsabbli għall-infiq, is-salvagwardja u l-assigurazzjoni waqt it-trasportazzjoni tat-tagħmir mill-post tad-dħul fil-pajjiż tal-Parti li tirċievi, jew mill-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM, sad-destinazzjoni finali fil-pajjiż tal-Parti li tirċievi, jew l-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM. Jekk il-Parti li tibgħat tagħżel li taċċetta t-tagħmir lura, il-Parti li tirċievi għandha tkun responsabbli għall-infiq, is-salvagwardja u l-assigurazzjoni waqt it-trasportazzjoni tat-tagħmir mid-destinazzjoni finali fil-pajjiż tal-Parti li tirċievi, jew l-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM, sal-punt oriġinali tad-dħul fil-pajjiż tal-Parti li tirċievi, jew l-istabbilimenti tagħha fil-każ tal-EURATOM.

6. It-tagħmir ipprovdut mill-Parti li tibgħat sabiex isiru attivitajiet maqbula b'mod reċiproku għandu jiġi kkunsidrat li huwa xjentifiku, li ma għandux natura kummerċjali, u l-Parti li tirċievi għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li dan jiddaħħal mingħajr dazju.

Artikolu 10 - Kampjuni u materjali

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għat-trasportazzjoni u l-użu tal-kampjuni u l-materjali skont dan il-Ftehim:

1. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet qabel il-wasla, il-kampjuni u l-materjali pprovduti mill-Parti li tibgħat lill-Parti li tirċievi għandhom jintużaw għall-esperimenti, l-ittestjar u l-evalwazzjoni u ma għandhomx jintbagħtu lura lill-Parti li tibgħat.

2. Meta Parti waħda titlob li kampjun jew il-materjal jiġi pprovdut minn Parti oħra, il-Parti li tagħmel it-talba għandha ġġorr l-ispejjeż u l-infiq kollu assoċjat mat-trasportazzjoni tal-kampjun jew il-materjal mill-post tal-Parti li tibgħat għad-destinazzjoni finali.

3. Kull Parti għandha tiddikjara mill-ewwel lill-Parti l-oħra l-informazzjoni kollha li toħroġ mill-eżaminar jew l-ittestjar tal-kampjuni jew il-materjali skambjati skont dan il-Ftehim. L-informazzjoni ta' proprjetà, kif definita fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4, li ġiet żviluppata qabel u barra mill-ambitu ta' dan il-Ftehim, għandha tibqa' informazzjoni ta' proprjetà avolja tinsab fir-riżultati ta' eżaminar jew ittestjar ta' kampjuni jew materjali. Din l-informazzjoni għandha tiġi identifikata bħala informazzjoni ta' proprjetà mill-Parti li tiddikjara n-natura ta' proprjetà tagħha mill-iktar fis possibbli wara li tiġi żvelata l-informazzjoni kollha li toħroġ mill-eżaminar u l-ittestjar lil dik il-Parti u l-Parti l-oħra għandha tiġi avżata immedjatament dwar l-identifikazzjoni. L-informazzjoni kollha identifikata bħala ta' proprjetà għandha tiġi kkontrollata kif ipprovdut skont l-Anness A, it-Taqsima III. Huwa mifhum u maqbul iktar li l-Parti waħda li tipprovdi l-kampjuni jew il-materjali lill-Parti l-oħra tista' tipprovdi wkoll lista parzjali jew sħiħa tat-tipi ta' informazzjoni li se toħroġ mill-eżaminar u l-ittestjar ta' dawn il-kampjuni jew il-materjali u li hija informazzjoni ta' proprjetà kif definita fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4, u t-tali informazzjoni ta' proprjetà kollha għandha tiġi kkontrollata kif stabbilit fl-Anness A, it-Taqsima III.

Artikolu 11 - Leġiżlazzjoni applikabbli

Kull Parti għandha tagħmel l-attivitajiet maħsuba b'dan il-Ftehim skont il-liġijiet applikabbli li hija soġġetta għalihom.

Artikolu 12 - Soluzzjoni ta' tilwim

1. Il-kwistjonijiet u t-tilwim kollu relatati mal-attivitajiet li jsiru skont dan il-Ftehim għandhom jiġu solvuti permezz ta' konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

2. Il-kumpens għall-ħsarat li joħorġu minn attivitajiet skont dan il-Ftehim għandu jkun skont il-liġijiet applikabbli tal-Partijiet.

Artikolu 13 - Spejjeż

Minbarra meta jkun hemm ftehim speċifiku mod ieħor bil-miktub, l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandhom jiġġarbu mill-Parti li tagħmilhom. Huwa mifhum li l-kapaċità tal-Partijiet li jagħmlu l-attivitajiet maħsuba b'dan il-Ftehim għandha tkun soġġetta għall-approprjazzjonijiet tal-fondi mill-awtorità xierqa, meta jkun meħtieġ.

Artikolu 14 - Entitajiet u organizzazzjonijiet addizzjonali

Bi ftehim reċiproku, il-Partijiet jistgħu jistiednu entitajiet u organizzazzjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati biex jipparteċipaw, bi ħlas minn buthom sakemm Parti waħda jew iż-żewġ Partijiet ma tagħżilx/jagħżlux li tiffinanzja/jiffinanzjaw din il-parteċipazzjoni, fl-attivitajiet kooperattivi maħsuba b'dan il-Ftehim.

Artikolu 15 - Dħul fis-seħħ, emenda u tmiem

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ malli jiġi ffirmat, għandu jibqa' fis-seħħ għal ħames snin, u jiġġedded awtomatikament għal perjodi ta' ħames snin oħra sakemm waħda mill-Partijiet ma tgħarrafx lill-oħra bil-miktub tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu tal-ewwel ħames snin jew kwalunkwe perjodu ta' ħames snin ta' wara dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm il-Ftehim. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim reċiproku tal-Partijiet bil-miktub.

2. Dan il-Ftehim jieħu post il-Ftehim tal-1995.

MAGĦMUL fi […], f'żewġ kopji, nhar […]tal-[…] 2010.

Għad- Għall-

DIPARTIMENT TAL-ENERĠIJA KOMUNITÀ EWROPEA TAL-

TAL-ISTATI UNITI ENERĠIJA ATOMIKA:

Anness A

Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali

Skont l-Artikolu 7 ta' dan il-Ftehim, dan l-Anness jindirizza l-protezzjoni u l-allokazzjoni tad-drittijiet,interessi u ħlasijiet għad-drittijiet ta' bejn il-Partjiet.

I. L-Allokazzjoni tas-Sjieda u l-Eżerċizzju tad-Drittijiet

1. Dan l-Anness huwa applikabbli għall-attivitajiet ta' koperazzjoni kollha magħmula skont dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx speċifikament miftiehem mod ieħor mill-Partijiet jew min-nominati tagħhom. Il-Partijiet għandhom jiżguraw protezzjoni adegwata u effettiva tal-proprjetà intellettwali maħluqa jew mogħtija skont dan il-Ftehim u l-arranġamenti relevanti ta' implimentazzjoni. Il-Partijiet jaqblu li jfittxu l-protezzjoni għal din il-proprjetà intelletwali fil-ħin.

2. Għar-raġunijiet ta' dan il-Ftehim, il-"proprjetà intellettwali" għandha jkollha t-tifsira li tinstab fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellattwali, magħmula fi Stokkolma, fl-14 ta' Lulju 1967, u tista' tinkludi kontenut ieħor kif miftiehem mill-Partijiet.

3. Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tista' tikseb id-drittijiet għall-proprjetà intelletwali allokati għaliha skont l-Anness billi tikseb dawk id-drittijiet mill-parteċipanti tagħha permezz tal-kuntratti jew mezzi legali oħra jekk ikun meħtieġ. Dan l-Anness ma jbiddilx u ma jippreġudikax f'forma oħra l-allokazzjoni bejn Parti u ċ-ċittadini tagħha, li għandha tiġi ddeterminata mil-liġijiet u l-prattiċi ta' dik il-Parti.

4. It-tilwim li jikkonċerna l-proprjetà intelletwali għandu jissolva permezz ta' diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet parteċipanti kkonċernati jew, jekk ikun meħtieġ, il-Partijiet jew il-nominati tagħhom. Bi qbil reċiproku tal-Partijiet, tilwima għandha titressaq lil tribunal ta’ arbitraġġ għal arbitraġġ li jorbot skont ir-regoli applikabbli tal-liġi internazzjonali. Sakemm il-Partijiet jew in-nominati tagħhom ma jiftehmux mod ieħor bil-miktub, għandhom japplikaw ir-regoli tal-arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL).

5. It-tmiem jew l-iskadenza ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet jew l-obbligi skont dan l-Anness.

6. Il-proprjetà intelletwali li toħroġ minn riċerka konġunta, jiġifieri riċerka kooperattiva appoġġata miż-żewġ Partijiet u li l-ambitu tagħha huwa miftiehem bil-quddiem minnhom, u maħluq b'mod konġunt, għandha tkun proprjetà taż-żewġ Partijiet b'mod konġunt sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Għandu jkun hemm sjieda konġunta tal-proprjetà intelletwali meta maħluqa miż-żewġ Partijiet u meta l-karatteristiċi ta' din il-proprjetà intelletwali ma jkunux jistgħu jiġu separati għal raġunijiet ta' applikazzjoni, ksib u/jew żamma fis-seħħ tal-protezzjoni tad-dritt rilevanti tal-proprjetà intelletwali. F'dan il-każ, il-Partijiet għandhom jiftehmu bejniethom permezz ta' ftehim ta' sjieda bis-sħab dwar l-allokazzjoni u t-termini tal-eżerċitar tas-sjieda tal-proprjetà intelletwali msemmija, li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Anness. Dan il-ftehim ta' sjieda bis-sħab jista' jkun parti mill-pjan għall-ġestjoni tat-teknoloġija stipulat fl-Anness B jew f'dokument separat. Dan il-pjan għandu jkopri wkoll it-trattament tax-xjentisti li ż-żjara tagħhom tkun primarjament għall-edukazzjoni jew it-taħriġ tagħhom (jiġifieri riċerkaturi viżitaturi).

7. Jekk waħda mill-Partijiet tiddetermina li proġett partikolari aktarx iwassal jew wassal għall-ħolqien ta' proprjetà intelletwali mhux protetta mil-liġijiet tal-Parti l-oħra, il-Partijiet għandhom immedjatament jibdew id-diskussjonijiet biex jiddeterminaw l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. Jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim fi żmien tliet xhur mid-data tal-bidu tad-diskussjonijiet, il-kooperazzjoni fil-proġett inkwistjoni għandha tieqaf fuq it-talba tal-Parti l-oħra.

II. Xogħlijiet Letterarji Xjentifiċi

Soġġetti għat-trattament ipprovdut għal informazzjoni mhux żvelata fit-Taqsima III ta' dan l-Anness, għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin:

1. Kull Parti għandha tkun intitolata għal liċenzja mhux esklussiva, li ma tistax tiġi rrevokata, u mingħajr ħlasijiet għad-drittijiet tal-awtur fil-pajjiżi kollha sabiex tittraduċi, tipproduċi mill-ġdid u xxerred b’mod pubbliku l-informazzjoni misjuba f'ġurnali, artikli, rapporti, kotba, jew mezzi oħra, li toħroġ direttament minn riċerka konġunta skont dan il-Ftehim.

2. Il-kopji kollha ta' xogħol bid-drittijiet tal-awtur imħejji taħt din id-dispożizzjoni mxerrdin b’mod pubbliku għandhom jindikaw l-ismijiet tal-awturi tax-xogħol, sakemm l-awtur ma jkunx għażel, b’mod espliċitu, li ma jissemmiex. Għandhom ikollhom ukoll rikonoxximent viżibbli b’mod ċar tal-appoġġ kooperattiv tal-Partijiet.

III. Informazzjoni ta' Proprjetà

A. Informazzjoni ta' Proprjetà Dokumentarja

1. Kull Parti jew in-nominati tagħha għandhom jidentifikaw mill-aktar fis possibbli l-informazzjoni li jixtiequ li tibqa’ mhux żvelata b’rabta ma' dan il-Ftehim, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, il-kriterji li ġejjin:

11. is-segretezza tal-informazzjoni fis-sens li, bħala entità jew fil-konfigurazzjoni preċiża tal-komponenti tagħha, mhijiex magħrufa b’mod ġenerali jew aċċessibbli b’mod faċli b'mezzi legali;

12. il-valur kummerċjali attwali jew potenzjali tal-informazzjoni minħabba s-segretezza tagħha;

13. protezzjoni preċedenti tal-informazzjoni fis-sens li kienet soġġetta għal passi għaż-żamma tas-segretezza tagħha, li kienu raġonevoli fiċ-ċirkostanzi, li ttieħdu mill-persuna legalment responsabbli għall-kontroll;

14. Il-Partijiet jew in-nominati tagħhom jistgħu f'ċerti każi jaqblu li, sakemm mhux indikat mod ieħor, partijiet jew l-informazzjoni kollha pprovduta, skambjata jew maħluqa fil-kors tar-riċerka konġunta skont dan il-Ftehim ma tistax tiġi żvelata.

2. Kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni ta' proprjetà fl-ambitu ta' dan il-Ftehim u n-natura privileġġata tagħha tkun rikonoxxibbli malajr bħala tali mill-Parti l-oħra, pereżempju permezz ta' mmarkar xieraq jew ta' nota restrittiva. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe produzzjoni mill-ġdid, sħiħa jew parzjali, tal-informazzjoni msemmija.Parti li tirċievi informazzjoni ta' proprjetà skont dan il-ftehim għandha tirrispetta n-natura privileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom jintemmu awtomatikament meta din l-informazzjoni tkun żvelata mis-sid mingħajr restrizzjonijiet.

3. Informazzjoni ta' proprjetà kkomunikata skont dan il-Ftehim tista' tiġi mxerrda mill-Parti li tirċieviha abbażi ta' ħtieġa għall-għarfien lil dawk il-persuni impjegati mill-Parti li tirċievi inkluż il-kuntratturi tagħha, u dipartimenti kkonċernati oħra tal-Parti li huma awtorizzati jaħdmu għal raġunijiet speċifiċi ta' riċerka konġunta fis-seħħ, sakemm kwalunkwe informazzjoni ta' proprjetà hekk imxerrda għandha tkun protetta sal-limitu pprovdut mil-liġijiet u r-regolamenti li għalihom hija soġġetta kull Parti u għandha tkun rikonoxxibbli b'mod faċli bħala tali, kif imsemmi hawn fuq.

4. Il-Partijiet għandhom japplikaw proċeduri xierqa ta' mmarkar għal informazzjoni ta' proprjetà dokumentarja.

B. Informazzjoni ta' proprjetà mhux-dokumentarja

Informazzjoni ta' proprjetà mhux dokumentarja jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġata mogħtija f'seminars u laqgħat oħra organizzati skont dan il-Ftehim, jew informazzjoni li toħroġ mis-sekondar tal-persunal, użu ta' faċilitajiet, jew proġetti konġunti, se tiġi ttrattata mill-Partijiet jew min-nominati tagħhom skont il-prinċipji speċifikati għall-informazzjoni ta' proprjetà dokumentarja f'dan il-Ftehim; sakemm, madanakollu, min jirċievi din l-informazzjoni ta' proprjetà jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġjata tkun inġibditlu l-attenzjoni bil-miktub għan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kkomunikata mhux iktar tard minn meta ssir din il-komunikazzjoni.

C. Kontroll

Kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li informazzjoni mhux żvelata li tkun irċeviet skont dan il-Ftehim tiġi kkontrollata kif ipprovdut hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li mhijiex se tkun, jew li huwa raġonevolment mistenni li mhux se tkun, f'qagħda li tissodisfa d-dispożizzjonijiet kontra t-tixrid tal-paragrafi A u B ta’ hawn fuq, din il-parti għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra. Wara dan, il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjoni biex ifasslu kif għandhom jaġixxu.

IV. Kunsiderazzjonijiet Oħra

F'każ li l-kodiċijiet tal-kompjuter, li jiġu identifikati fil-ħin kif xieraq, ikunu ngħataw jew inħolqu waqt l-attivitajiet ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tipproteġi dawn il-kodiċijiet skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi applikabbli.

Anness B

Pjan għall-Ġestjoni tat-Teknoloġija

1. Il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin fi żmien raġonevoli dwar kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali li joħroġ minn dan il-Ftehim (jew minn arranġamenti ta’ implimentazzjoni rilevanti).

2. Kull Parti ssir is-sid ta' kwalunkwe proprjetà intelletwali li toħloq waqt li tkun qed tagħmel xogħol ta' kooperazzjoni skont dan il-Ftehim. Il-Parti l-oħra għandu jkollha liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u mingħajr ħlasijiet biex tuża din il-proprjetà intellettwali li toħroġ skont il-Ftehim għal raġunijiet ta' riċerka u żvilupp biss.

3. Għall-proprjetà intelletwali konġunta maħluqa matul ir-riċerka u b'konformità mal-punt I-6 tal-Anness A ta' hawn fuq, kull Parti għandha tkun intitolata biex tikseb id-drittijiet u l-interessi fit-territorju tagħha stess. Id-drittijiet fit-territorji l-oħra kollha għandhom ikunu sfruttati b'mod konġunt mill-Partijiet.

4. Għall-proprjetà intelletwali maħluqa matul ir-riċerka konġunta, il-Partijiet jistgħu jiftehmu li jallokaw u jisfruttaw id-drittijiet b'mod differenti minn dak li huwa pprovdut skont il-paragrafu 3.

5. Kull Parti għandha tfittex il-protezzjoni għall-proprjetà intellettwali li għaliha hija tikseb id-drittijiet u l-interessi skont il-Pjan ta' Ġestjoni tat-Teknoloġija fil-ħin.

6. Ir-riċerkaturi viżitaturi (kif definit fil-punt I.6. tal-Anness A) jistgħu jirċievu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ishma ta' drittijiet miksuba mill-istituzzjonijiet ospitanti mil-liċenzjar ta' dawn id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali skont il-politiki tal-istituzzjonijiet ospitanti.

[1] COM(2008) 507 finali, 4.8.2008.

Top