This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0445
International Trade Policy in the context of Climate Change imperatives European Parliament resolution of 25 November 2010 on international trade policy in the context of climate change imperatives (2010/2103(INI))
Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (2010/2103(INI))
Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (2010/2103(INI))
ĠU C 99E, 3.4.2012, pp. 94–101
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
3.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 99/94 |
Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima
P7_TA(2010)0445
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (2010/2103(INI))
2012/C 99 E/18
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tat-tliet gruppi ta’ ħidma tal-Grupp Intergovernattiv tal-Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ippubblikati fl-2007 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pakkett tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima adottat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Diċembru 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta’ Ottubru 2009 rigward in-negozjati dwar il-klima, |
|
— |
wara li kkunsidra s-samit dwar il-klima tan-NU li sar f'Kopenħagen (id-Danimarka) mis-7 sat-18 ta’ Diċembru 2009, u l-Ftehim ta’ Kopenħagen li ħareġ minnu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew rigward it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Frar 2010 dwar l-eżitu tas-samit ta’ Kopenħagen (2) u dik tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar il-kummerċ u l-bidla fil-klima (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta’ 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju (COM(2010)0265), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2010 dwar is-sostenibbiltà tal-bijofjuwils u bijolikwidi (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008 dwar l-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima - Nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa (COM(2008)0699), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent dwar il-kummerċ u t-tibdil fil-klima varat fis-26 ta’ Ġunju 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet fis-Samit tal-G 20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009, |
|
— |
wara li kkunsidra l-“Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenzi u t-Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp”, ippubblikata fl-2008 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0310/2010), |
|
A. |
billi t-temperatura tad-dinja diġà żdiedet tul l-aħħar seklu u se tibqa' tiżdied u billi r-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tat-tisħin tal-klima qed jieħdu xejriet inkwetanti u li huwa indispensabbli li dan it-tisħin ma jitħalliex jaqbeż żieda ta’ 2 °C, |
|
B. |
billi l-ftehim li ntlaħaq fis-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 hu inadegwat; billi l-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tieħu rwol minn ta’ quddiem, |
|
C. |
billi l-ftehim li ntlaħaq fis-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 mhuwiex biżżejjed u qed joħloq diżappunt, |
|
D. |
billi s-samit ta’ Cancun jipprovdi opportunità unika għal djalogu sustantiv, għandu jadotta strumenti legalment vinkolanti u proċeduri ta’ verifika ferm aktar b'saħħithom u għandu jkun pass fundamentali lejn ftehim operattiv komprensiv u legalment vinkolanti li jgħin biex it-tisħin globali jibqa' ferm naqas minn 2 °C, |
|
E. |
billi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija fattur fil-kompetittività, ġaladarba l-prijoritajiet Ewropej fil-qasam huma l-iffrankar tal-enerġija u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija li jgħinu biex tittejjeb is-sigurtà enerġetika tal-Unjoni u joffru potenzjal qawwi f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp industrijali, l-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi, |
|
F. |
billi l-enerġija ssussidjata u l-emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr restrizzjoni f'ċerti pajjiżi joħolqu vantaġġ kumparattiv, |
|
G. |
billi għaldaqstant ir-regoli kummerċjali huma deċiżivi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u billi l-Unjoni, bħala l-akbar forza kummerċjali fid-dinja, jista' jkollha influwenza kbira fuqhom, |
|
1. |
Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-ambizzjoni tal-Kunsill li sal-2050 jnaqqas l-emissonijiet Ewropej ta’ gassijiet b'effett ta’ serra bi 80 sa 90 % meta mqabbla mal-1990, ambizzjoni meħtieġa biex l-Unjoni tkun tista' terġa' tieħu rwol dinji ta’ tmexxija rigward il-klima filwaqt li pajjiżi oħra huma impenjati bis-sħiħ fl-ekonomija l-ħadra, partikolarment permezz tal-pjanijiet tagħhom għal irkupru ekonomiku; jappoġġa bil-qawwa l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissonijiet Ewropej bi 30 % sal-2020, tnaqqis li jqanqal lill-pajjiżi oħra jieħdu impenji aktar ambizzjużi; |
|
2. |
Jitlob għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti dwar il-protezzjoni tal-klima u jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta’ tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tad-CO2 fl-Unjoni Ewropea sal-2020 u l-għan fit-tul tal-UE għal tnaqqis ta’ mill-inqas 85 % tal-emissjonijiet tad-CO2 u ta’ gassijiet oħra b'effett ta’ serra sal-2050; |
|
3. |
Jenfasizza li l-pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn ta’ quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2; jemmen li t-twaqqif ta’ standards, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni huma strumenti b'potenzjal qawwi għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, u b'hekk biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; iqis li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) naqas milli jindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; |
|
4. |
Huwa favur l-intensifikazzjoni tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jsegwu politika konsistenti u jistabbilixxu qafas legali vinkolanti li jippermetti li, fuq żmien twil, jiġi adottat programm b'fażijiet ta’ għajnuniet li jikkontribwixxu għall-ftuħ tas-suq u l-ħolqien ta’ infrastrutturi minimi, element li huwa essenzjali fi żmien ta’ kriżi u inċertezza kummerċjali; |
|
5. |
Ifakkar li politika kummerċjali komuni hija strument għas-servizz tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE “għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni”, u li skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandha tikkontribwixxi b'mod partikolari “għall-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”; |
|
6. |
Jenfasizza li l-politiki kummerċjali tal-Unjoni Ewropea – fil-livelli bilaterali u multilaterali – huma għodda biex jintlaħaq għan u mhux finijiet fihom infushom, u li jeħtiġilhom ikunu koerenti mal-objettivi tagħha rigward it-tibdil fil-klima u jantiċipaw il-konklużjoni ta’ ftehim ambizzjuż dwar il-klima; |
|
7. |
Iqis li r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għandhom jiġu interpretati u żviluppati b'tali mod li jappoġġjaw l-impenji li saru matul il-ftehim ambjentali multilaterali; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem fuq il-bini ta’ kunsens fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex is-segretarjati tal-ftehim ambjentali multilaterali jingħataw status ta’ osservaturi fil-laqgħat kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rigward il-qasam ta’ kompetenza tagħhom u kif ukoll rwol konsultattiv fil-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti relatati mal-ambjent; jenfasizza li r-regoli internazzjonali ġodda għandhom jiġu mwaqqfa sabiex jiġi eliminat il-vantaġġ komparattiv mogħti permezz ta’ emissjoni rħisa tas-CO2; |
|
8. |
Jiddeplora l-fatt li l-ebda wieħed mill-ftehimiet tad-WTO ma jagħmel referenza diretta għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp; jiddeplora l-iżvilupp tal-bijopiraterija ta’ żrieragħ reżistenti għall-klima; iqis li jeħtieġ tibdil fir-regoli tad-WTO biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kjoto u l-ftehimiet ambjentali multilaterali; iħeġġeġ b'urġenza li ssir riforma tad-WTO biex il-prodotti jkunu jistgħu jingħarfu skont il-metodi ta’ produzzjoni u pproċessar (PPMs); |
|
9. |
Jenfasizza, b'referenza għall-Preambolu tal-Ftehim tad-WTO u l-Artikolu XX b), d) u g) tal-GATT, li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jirriżulta fl-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-prinċipju ta’ preferenza kollettiva fil-qafas tad-WTO, speċjalment rigward prodotti sostenibbli, li jirrispettaw il-klima u etiċi; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri tad-WTO jiksbu opinjoni minn din tal-aħħar li tirrikonoxxi l-importanza tat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu u tħeġġeġ lid-WTO taħdem biex tiżgura li r-regoli tad-WTO jippromwovu u mhux jimminaw l-isforzi dinjija biex it-tibdil fil-klima jiġi miġġieled, jitnaqqas u li jsir adattament għalih; |
|
11. |
Jesprimi s-sogħba tiegħu li l-membri tad-WTO għad iridu jsibu mod kif jintegraw dan it-trattat fis-sistema tal-istituzzjonijiet u r-regoli tan-NU dwar il-protezzjoni ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jinsisti li l-obbligi u l-objettivi skont il-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u istituzzjonijiet oħra tan-NU (il-FAO, l-ILO u l-IMO) iridu jieħdu preċedenza fuq l-interpretazzjoni dejqa tar-regoli kummerċjali; |
|
12. |
Peress li għaddew aktar minn 15-il sena mid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent, li ttieħdet f'Marrakexx fil-15 ta’ April 1994, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard minn nofs l-2011, rapport li jivvaluta l-punt sa kemm il-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent issodisfa d-dmirijiet tiegħu kif stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar x'fadal isir, b'mod partikulari fil-kuntest tad-djalogu globali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-Tibdil fil-Klima u d-WTO; |
|
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinsistu, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u ta’ ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ, li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, partikolarment rigward il-materja prima naturali, ma xxekkilx il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u li l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet isiru parti integrali fil-ftehimiet; għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-organizzazzjoni ta’ laqgħa konġunta tal-ministri tal-kummerċ u tal-ambjent tad-WTO anke qabel il-Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC li se ssir f'Johannesburg fl-2011; ifakkar li l-UNFCCC hija l-forum fejn għandu jintlaħaq ftehim internazzjonali biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima; |
|
14. |
Iqis li huwa iktar urġenti minn qatt qabel li jitnieda dibattitu pubbliku dwar it-twaqqif ta’ Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija; |
It-tisħiħ tal-interazzjoni pożittiva bejn il-kummerċ u l-ħarsien tal-klima
|
15. |
Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li l-kummerċ jista' jkollu fit-tifrix ta’ prodotti u servizzi li għandhom sehem fil-ħarsien tal-klima; iqis li l-ħarsien tal-klima u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ jistgħu jsaħħu lil xulxin reċiprokament billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali, imma li għal dan jeħtieġ li minn qabel tkun stabbilita lista ta’ dawn l-oġġetti u servizzi skont kriterji ambjentali u f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi membri tad-WTO; |
|
16. |
Jirrikonoxxi li l-kummerċ huwa għodda importanti għat-trasferiment tat-teknoloġija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqsu l-ostakoli għal “kummerċ aħdar” billi, pereżempju, jonqsu t-tariffi fuq il-“prodotti ħodor” fil-livell tad-WTO; |
|
17. |
Jittama li l-UE tagħti eżempju tajjeb billi tnaqqas l-ostakoli, bħalma huma t-tariffi u l-imposti, għall-kummerċ fit-teknoloġiji “ħodor” u fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, u biex tippromwovi l-hekk imsejħa prodotti u servizzi ambjentali (EGS), anke fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali u l-Fond Aħdar għall-Klima ta’ Kopenħagen; |
|
18. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji ħodor u jirrikonoxxi r-rwol li jista' jkollu l-kummerċ fit-trasferiment ta’ dawn it-teknoloġiji bejn il-pajjiżi; |
|
19. |
Jistieden lill-UE tkun minn ta’ quddiem fl-identifikazzjoni ta’ ostakoli rilevanti għat-tixrid ta’ teknoloġiji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; |
|
20. |
Jirrikonoxxi li l-inċentiv għall-innovazzjoni jista' jsir permezz ta’ diversi sistemi ta’ premju u li dawn is-sistemi ma jiffarovixxux bl-istess mod it-trasferimenti tat-teknoloġiji; jinnota wkoll li, biex is-sistemi tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jittrasferixxu t-teknoloġija, irid jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tagħhom minħabba istituzzjonijiet politiċi dgħajfin u n-nuqqas tal-istat tad-dritt; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tistudja s-sistemi kollha ta’ premju għall-innovazzjoni, filwaqt li tqis ir-riskju li xi pajjiżi jkunu esklużi, u biex ir-riżultati ta’ dan ix-xogħol tintegrahom fid-diplomazija tagħha rigward il-klima; |
|
21. |
Jinsab imħasseb fuq l-effett ta’ distorsjoni tas-sussidji għall-enerġiji fossili fuq il-kummerċ internazzjonali, minħabba l-impatt tagħhom fuq il-klima u l-ispiża li jirrappreżentaw għall-finanzi pubbliċi; jilqa' favorevolment l-impenn tal-G 20 favur it-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji; |
|
22. |
Jixtieq li l-Unjoni Ewropea tieħu rwol ta’ tmexxija dinjija fuq din il-materja, u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi bil-ħeffa kalendarju għat-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji fl-Unjoni, ladarba dan il-proċess se jkollu jinvolvi l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ akkompanjament soċjali u industrijali; ifakkar, barra minn hekk, it-talba tal-Parlament Ewoprew lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Parlament Ewropew dwar self mogħti minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-Bank Ewropew tal-Investiment għal proġetti li jkollhom impatt ħażin fuq il-klima; |
|
23. |
Jopponi s-sussidji tal-fjuwils fossili u jappella għat-tisħiħ tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u ekoloġiċi kif ukoll l-istudju u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija deċentralizzati, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dan il-kuntest, ifakkar fil-ftehim tal-G 20 biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal strateġija Ewropea għall-implimentazzjoni tiegħu b'kalendarji ċari u mekkaniżmi ta’ kumpens fejn ikunu f'lokhom; |
Prezzijiet aktar ġusti fil-kummerċ internazzjonali u l-evitar ta’ emissjonijiet tal-karbonju
|
24. |
Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tista' taħdem kontra l-ħarsien tal-klima jekk ċerti pajjiżi jiksbu vantaġġ kompetittiv min-nuqqas ta’ azzjoni rigward il-klima; jissuġġerixxi għalhekk li ssir riforma tar-regoli tad-WTO dwar l-antidumping biex jinkludu l-kwistjoni ta’ prezz ambjentali ġust skont normi dinjija tal-ħarsien tal-klima; |
|
25. |
Jiddispjaċih li s-sussidji tal-prezzijiet tal-enerġija u n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet jew kwoti fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 f'ċerti pajjiżi jagħtihom vantaġġ kumparattiv; minħabba n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet b'rabta mal-emissjonijiet ta’ CO2, li għalhekk jiġu jiswew relattivament ftit, dawn il-pajjiżi m'għandhom l-ebda inċentiv biex jidħlu fil-ftehimiet multilaterali dwar it-tibdil fil-klima; |
|
26. |
Jinnota madankollu li n-negozjati dwar il-klima jserrħu fuq il-prinċipju ta’ “responsabbiltà komuni imma ddifferenzjata” u li d-dgħufija tal-politiki klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ġeneralment hija dovuta għall-fatt li għandhom anqas kapaċità finanzjarja jew teknoloġika, u mhux minħabba xi mira ta’ dumping ambjentali; |
|
27. |
Jixtieq, f'dan il-kuntest, li d-dibattitu Ewropew fuq l-emissjonijiet tal-karbonju industrijali fir-rigward tas-sistema Komunitarja tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU-ETS) u dwar il-mezzi ta’ rimedju jinbeda b'mod kawt; |
|
28. |
Ifakkar li, fil-fatt, skont l-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 (COM(2010)0265) dwar dan is-suġġett, ftit huma s-setturi industrijali li huma vulnerabbli b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-karbonju u jqis li l-identifikazzjoni tagħhom tirrikjedi analiżi settorjali fina; jistieden lill-Kummissjoni tuża approċċċ bħal dan fil-futur qrib, aktar milli tuża xi kriterji kwantitattivi identifikati għas-setturi industrijali kollha; |
|
29. |
Jenfasizza li m'hemmx soluzzjoni waħda għas-setturi industrijali vulnerabbli għall-emissjonijiet tal-karbonju, u li n-natura tal-prodott jew inkella l-istruttura tas-suq huma kriterji essenzjali għall-għażla bejn l-għodod disponibbli (allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas, għajnuniet mill-Istat jew aġġustament fil-fruntieri); |
|
30. |
Iqis li ftehim multilaterali dwar il-klima jkun l-aħjar strument biex jiġu internalizzati fatturi ambjentali negattivi esterni b'rabta mas-CO2, iżda li hemm riskju li dan ma jintlaħaqx fil-ġejjieni qarib; iqis għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tanalizza l-possibilitajiet li timplimenta, għas-setturi industrijali li tabilħaqq huma esposti għar-rilokazzjoni tal-karbonju, strumenti ambjentali adegwati kumplementari għall-irkantar tal-kwoti tas-CO2 tas-sistema tal-Unjoni ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, partikolament ta’ “mekkaniżmu ta’ inklużjoni tal-karbonju”, waqt li jiġu rispettati r-regoli tad-WTO. Mekkaniżmu ta’ dan it-tip jippermetti li jiġu miġġielda r-riskji tat-trasferimenti tal-emissjonijiet tas-CO2 lejn il-pajjiżi terzi; |
|
31. |
Jiddikjara bla ekwivoċi li l-aġġustamenti tat-taxxi konfinali ma għandhomx iservu bħala strument għall-protezzjoniżmu imma pjuttost bħala mod biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; |
Favur id-differenzjazzjoni tal-prodotti skont l-impatt tagħhom fuq il-klima
|
32. |
Iqis li l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar blokk ta’ kummerċ internazzjonali, tista' tistabbilixxi standards fuq livell globali u tappoġġja l-iżvilupp u t-tixrid ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ ttikkettjar li jqisu kriterji soċjali u ekoloġiċi; ifakkar il-ħidma ta’ suċċess ta’ NGOs internazzjonali għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ tikketti u ċertifikazzjoni ta’ dan it-tip, u b'mod partikolari jappoġġja l-użu usa' tagħhom; |
|
33. |
Ifakkar li l-qafas tad-WTO jippermetti li jittieħdu miżuri ta’ kwalifikazzjoni tal-kummerċ jekk ikunu meħtieġa, proporzjonali u ma jiddiskriminawx kontra pajjiżi b'kundizzjonijiet ta’ produzzjoni identiċi; jinnota, madankollu, li hemm bżonn urġenti ta’ kjarifiki biex dawn il-miżuri jkunu jistgħu japplikaw abbażi ta’ kriterji klimatiċi relattivi għall-PMP ta’ dawn il-prodotti; |
|
34. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem favur li jinbdew mill-ġdid id-diskussjonijiet fi ħdan id-WTO fuq il-PMP u l-possibbiltà li prodotti simili jkunu ddifferenzjati skont l-impronta tal-karbonju tagħhom, l-impronta enerġetika jew standards teknoloġiċi; iqis li inizjattiva f'dan is-sens tista' tintlaqa' mill-membri tad-WTO jekk tkun akkumpanjata minn miżuri li jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġiji; |
|
35. |
Jixtieq madankollu li -nuqqas ta’ ċarezza attwali dwar il-PMP fi ħdan id-WTO ma jwaqqax l-Unjoni fl-immobiliżmu, ġaladarba l-Unjoni għandha, bil-maqlub, tisfrutta dawn il-marġni ta’ manuvra; |
|
36. |
Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-effetti negattivi fuq l-ambjent dovuti għall-kummerċ jiġu riflessi fil-prezzijiet u biex il-prinċipju “min iniġġes iħallas” jiġi infurzat; iħeġġeġ li s-sistemi ta’ ttikkettar u ta’ informazzjoni rigward l-istandards ambjentali jkunu sinkronizzati; |
|
37. |
Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu, għal din ir-raġuni, rigward l-istabbiliment mill-Unjoni Ewropea ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-agrofjuwils prodotti fl-Unjoni u importati; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja t-twessigħ ta’ dan l-approċċ ħalli jkopri l-bijomassa u l-prodotti agrikoli; jitlob li t-tibdiliet indiretti fl-użu tal-artijiet relatati mal-agrofjuwils jiġu meqjusa u jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta qabel tmiem l-2010, f'konformità mal-impenn li hija ħadet mal-Parlament Ewropew; |
|
38. |
Jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ standards u kriterji ta’ sostenibbiltà stretti u vinkolanti għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijomassa li jqisu l-emissjonijiet ta’ gassijiet u partikuli żgħar li jagħmlu ħsara lill-klima minħabba t-tibdil indirett tal-użu tal-art (ILUC) u ċ-ċiklu ta’ produzzjoni kollu; jenfasizza li s-salvagwardja tal-provvista tal-ikel għall-popolazzjoni għandu jkollha prijorità fuq il-produzzjoni tal-bijofjuwils, u li hemm bżonn urġenti li s-sostenibilità tal-politika u l-prattika tal-użu tal-art tiġi affrontata b'approċċ aktar olistiku; |
|
39. |
Iqis bħala kruċjali li jkun hemm standards ibsin b'rabta mas-sostenibilità fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies l-impatt ambjentali u soċjali kontradittorju tagħhom; |
|
40. |
Jilqa' l-ftehim Ewropew milħuq dwar il-kummerċ illegali tal-injam u jistenna b'ħerqa li jsir progress fil-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja; |
Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex timmina politiki ambizzjużi dwar il-klima
|
41. |
Huwa mħasseb dwar ir-rieda tal-Kummissjoni li fil-ftehimiet kummerċjali tagħfas fuq il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-injam, u b'mod partikolari l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tiegħu, minkejja r-riskju akbar tad-deforestazzjoni u r-riperkussjonijiet ħżiena fuq il-klima, il-bijodiversità, l-iżvilupp u l-popolazzjonijiet lokali; |
|
42. |
Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta’ konsistenza bejn l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità u l-kundizzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat li, pereżempju, l-isforzi biex tiġi affrontata d-deforestazzjoni jkunu effikaċi; |
|
43. |
Huwa tal-fehma li l-ftehimiet internazzjonali ġodda għall-ħarsien tal-ambjent iridu jinkludu garanziji sodi dwar it-tnaqqis tal-impatt nagattiv fuq l-ambjent tal-kummerċ internazzjonali fl-injam u dwar l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni, li huma estensivi b'mod inkwetanti; |
l-integrazzjoni sħiħa tat-trasport fil-problematika kummerċ/klima
|
44. |
Jiddispjaċih li s-sistema kummerċjali attwali toħloq firda globali bejn ix-xogħol u l-produzzjoni ibbażata fuq input għoli ħafna tat-trasport - li ma tagħmilx tajjeb għall-ispiża ambjentali tagħha; jixtieq li l-kost klimatiku tat-trasport internazzjonali jiġi internalizzat fil-prezz tiegħu, sew jekk dan isir permezz tal-implimentazzjoni ta’ taxxi jew permezz ta’ sistemi ta’ skambju tal-kwoti bi ħlas; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-inklużjoni tal-avjazjoni fl-EU-ETS u jistenna mill-Kummissjoni inizjattiva simili għat-trasport marittimu sal-2011 li tidħol fis-seħħ fl-2013, jekk jirriżulta li ma jkunx possibbli li jiġi implimentat mekkaniżmu dinji sa dak iż-żmien; jiddispjaċih li l-fjuwil użat għat-trasport ta’ prodotti barra l-pajjiż mhuwiex soġġett għal taxxi; hu favur l-impożizzjoni ta’ taxxi fuq dak il-fjuwil u fuq dawk il-prodotti, b'mod partikolari fuq prodotti li jinġarru bl-ajru; jistenna li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tieħu l-inizjattiva li teżamina l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lill-modi l-aktar niġġiesa ta’ trasport, bħall-eżenzjoni mit-taxxa għall-enerġija tal-pitrolju; |
|
45. |
Jinnota li l-emissjonijiet tad-CO2 fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti; jitlob li n-nefqa ambjentali u tat-trasport jiġu integrati fil-prezzijiet tal-prodott (internalizzazzjoni tal-kosts esterni), partikolarment billi t-trasport marittimu, li jkopri 90 % tat-trasport fil-kummerċ internazzjonali, jiġi inkluż fl-Iskema Ewropea għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS); |
|
46. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu ħalli jiksbu ftehim legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-traffiku marittimu fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali; |
|
47. |
Iqis bħala importanti li l-impenji internazzjonali b'rabta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra jiġu applikati wkoll għat-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar; |
|
48. |
Jenfasizza li ż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 marbuta mat-trasport u l-kummerċ internazzjonali timmina l-effikaċja tal-istrateġija tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; huwa tal-fehma li din hija raġuni valida biżżejjed biex l-istrateġija għall-iżvilupp ibbażata fuq l-esportazzjoni tinbidel għal waħda ta’ żvilupp endoġenu bbażat fuq produzzjoni u konsum lokali u diversifikati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li tali strateġija jkollha effetti pożittivi fuq l-impjieg kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
49. |
Iqis li, sakemm il-kost klimatiku ma jidhirx fil-prezz tat-trasport, għandha tiġi inkoraġġita l-promozzjoni tal-produzzjoni lokali u sostenibbli, b'mod patikolari permezz ta’ informazzjoni aħjar lill-konsumaturi; |
It-tisħiħ tal-għodod biex il-kummerċ u l-klima jinġiebu f'koerenza ma’ xulxin
|
50. |
Jitlob, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u dawk klimatiċi tal-Unjoni Ewropea, li jissawwar bilanċ tal-karbonju ta’ kwalunkwe politika kummerċjali, li din il-politika possibbilment tiġi modifikata biex dan il-bilanċ jittejjeb, u li jittieħdu obbligatorjament miżuri ta’ kumpens – kooperazzjoni politika, teknoloġika jew finanzjarja – fil-każ ta’ bilanċ negattiv għall-klima; |
|
51. |
Iħeġġeġ lill-UE tuża d-dispożizzjonijiet ambjentali komprensivi fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali bħala għodod tal-iżvilupp, billi tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni tajba ta’ klawsoli ambjentali u ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija, l-għajnuna teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet; |
|
52. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi sistematikament klawsoli ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali konklużi ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, b'enfasi partikolari fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 u fuq it-trasferiment ta’ teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi; |
|
53. |
Jilqa' l-introduzzjoni tad-dimensjoni tat-tibdil fil-klima fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq is-Sostenibilità (SIA) fil-ftehimiet kummerċjali; jinnota l-fatt li, madankollu, f'ċerti każi, bħall-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ Liberu, l-SIA tixhed li l-ftehim se jkollu impatti klimatiċi ħżiena li ma ġewx indirizzati qabel ma ġie konkluż; jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali ma għandhom bl-ebda mod idgħajfu l-ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs); |
|
54. |
Huwa tal-fehma li għandhom jiġu introdotti kriterji ambjentali fir-riforma tal-GSP; |
|
55. |
Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssegwi qafas armonizzat fl-istrateġiji ta’ negozjar tagħha fir-rigward tal-politika kummerċjali u ambjentali, biex is-sħab ma jingħatawx raġuni għal tħassib rigward ostakoli kummerċjali, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-objettivi vinkolanti tagħha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; |
|
56. |
Iqis li għandu jkun hemm iktar sforzi biex tintlaħaq “diplomazija b'rabta mal-klima” u iktar konsistenza fir-rabtiet kummerċjali tal-UE ma’ Stati li mhumiex marbuta bi ftehimiet multilaterali ta’ ħarsien tal-ambjent; |
Il-koerenza bejn il-kummerċ u l-klima tal-Unjoni mill-perspettiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw
|
57. |
Jirrikonoxxi li l-koerenza bejn il-politika kummerċjali u dik klimatika tal-Ewropa tista' tintuża jew tiġi perċepita mill-pajjiżi sħab bħala mezz indirett biex innaqqsu l-importazzjoni u nqawwu l-esportazzjoni tagħna; |
|
58. |
Jinsisti għaldaqstant fuq l-importanza li ninnegozjaw ma’ dawn il-pajjiżi kwalunkwe miżura li l-Unjoni tista' tieħu, b'mod partikolari l-aġġustament fil-fruntieri, u dwar il-ħtieġa għall-Unjoni li tirrispetta l-impenji tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw rigward l-għajnuna dwar il-klima; |
|
59. |
F'dan ir-rigward, huwa mħasseb li l-finanzjamenti “prekoċi” mwiegħda mill-pajjiżi Ewropej waqt is-samit ta’ Kopenħagen dwar il-klima parzjalment jidderivaw minn impenji meħuda fil-kuntest tal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u jiġu pprovduti fil-forma ta’ self, kontra t-talbiet tal-Parlament Ewropew; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel rapport dwar dawn il-finanzjamenti li jippermetti li dak li jkun jiġġudika dwar il-korrispondenza bejn ir-realtà, l-impenji meħuda u t-talbiet tal-Parlament; jappella wkoll għal koordinament aħjar tal-finanzjamenti rigward l-utilizzazzjoni tematika u ġeografika tagħhom; |
|
60. |
Ifakkar l-impenn tal-pajjiżi industrijalizzati, fosthom l-Istati Membri tal-Unjoni, li jirriflettu dwar finanzjamenti innovattivi biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima; |
|
61. |
Huwa konvint li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw u possibilment b'koperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NU, id-WTO u l-Istituzzjonijiet l-oħra ta’ Bretton Woods; jitlob għalhekk li titfassal, flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawk emerġenti u dawk industrijalizzati, strateġija komprensiva għat-tassazzjoni tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex, minn naħa, ma jitħalliex ikun hemm r-rilokazzjoni tal-kummerċ (carbon leakage), u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ġġenerat finanzjament għal miżuri tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis tal-konsegwenzi tiegħu u għall-adattament għalihom; |
|
62. |
Jenfasizza li ż-żieda fit-trasferiment tat-teknoloġija bħala mezz biex jiġi indirizzat ir-rilaxx tal-karbonju se tkun element kritiku tal-iskema klimatika wara l-2012; jiddeplora l-fatt li t-trasferiment tat-teknoloġija huwa biss parti żgħira mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu għajnuna teknika u finanzjarja addizzjonali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, jissodisfaw standards relatati mal-klima u jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel tal-istandards, tikkettar u ċertifikazzjoni b'rabta mal-iżvilupp; |
*
* *
|
63. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali kif ukoll lis-segretarju eżekuttiv tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u lis-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP 16). |
(1) Climate Change 2007: Synthesis Report; editjat minn Rajendra K. Pachauri u Andy Reisinger, Ġinevra 2007, http://www.ipcc.ch/pdf/assessment-report/ar4/syr/ar4_syr.pdf; u r-rapporti tal-gruppi ta’ ħidma: The Physical Science Basis, Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I, editjat minn S. Solomon, D. Qin, M. Manning, Z. Chen, M. Marquis, K. Averyt, M. Tignor u H.L. Miller, Jr.; Impacts, Adaptation and Vulnerability, Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma II, editjat minn M. Parry, O. Canziani, J. Palutikof, P. van der Linden u C. Hanson; Mitigation of Climate Change, Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma III, editjat minn B. Metz, O. Davidson, P. Bosch, R. Dave u L. Meyer.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0019.
(3) ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 193.
(4) ĠU C 160, 19.6.2010, p. 1 u 8.
(5) http://www.agassessment.org/