Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0238

    Il-Bosnja-Ħerzegovina Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina

    ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 113–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 236/113


    Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
    Il-Bosnja-Ħerzegovina

    P7_TA(2010)0238

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina

    2011/C 236 E/19

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda u l-Bosnja-Ħerzegovina min-naħa l-oħra, iffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nu 1244/2009 (1) tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent kif ukoll dawk tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom intitolat "L-Aġenda ta’ Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea', li kien approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Sejdic u Finci v Bosnja-Ħerzegovina (applikazzjonijiet nri. 27996/06 u 34836/06) tat-22 ta’ Diċembru 2009,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar Srebrenica (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-UE affermat kemm-il darba l-impenn tagħha favur is-sħubija fl-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, inkluża l-Bosnja-Ħerzegovina (BĦ); billi, madankollu, ir-responsabbiltà primarja għall-adeżjoni hija ta’ dawn il-pajjiżi u tiddependi mill-ħila u mid-determinazzjoni tagħhom li jissodisfaw il-kriterji ta’ Kopenħagen,

    B.

    billi l-BĦ għaddejja minn perjodu twil ta’ staġnar politiku, ekonomiku u soċjali b'paraliżi politika mifruxa u persistenti, bit-deterjorazzjoni tar-relazzjonijiet interetniċi kaġun ir-retorika politika u n-nuqqas ta’ rieda u kapaċità tal-elit politiku tagħha li jasal għal kompromessi u viżjoni komuni dwar il-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali urġenti tal-pajjiż,

    C.

    billi r-retorika nazzjonalista u seċċessjonista dejjem aktar ħarxa tikkuntrasta bil-qawwi mal-valuri bażiċi Ewropej, mal-iżvilupp soċjali u ekonomiku u mal-istabilità politika, u tagħmel ħsara lill-interess ġenerali tal-pajjiż, ixxekkel ir-rikonċiljazzjoni interetnika u qed tfixkel l-ambizzjonijiet tal-pajjiż għas-sħubija fl-UE; billi l-BĦ qed tirriskja li taqa' dejjem aktar lura mill-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent u li titlef l-opportunitajiet li toffri l-integrazzjoni Ewropea,

    D.

    billi l-Ftehimiet ta’ Dayton kienu meħtieġa sabiex jieqaf it-tixrid tad-demm iżda naqsu milli joħolqu stat li kapaċi jsostni lilu nnifsu u funzjonali fil-BĦ; billi t-tfarrik tal-proċess ta’ tfassil ta’ politika bejn l-Istat u l-Entitajiet li ħolqu, kif ukoll id-duplikar tal-kompetenzi u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fit-tfassil tal-liġijiet bejn il-livelli differenti ta’ gvern għadhom l-ostakolu ewlieni għall-ħidma effikaċi tal-gvern, u qed itellfu wkoll il-ħila tal-pajjiż li jagħmel progress rapidu fir-riformi lejn sħubija fl-UE,

    E.

    billi r-riforma kostituzzjonali tibqa' r-riforma ewlenija għat-trasformazzjoni tal-BĦ fi stat effikaċi u li jaħdem tajjeb; billi l-istruttura kumplessa tal-ġudikatura, in-nuqqas ta’ baġit uniku, l-assenza ta’ Qorti Suprema għall-BĦ, li tista' trawwem l-armonizzazzjoni fost l-erba' ġurisdizzjonijiet interni, l-indħil politiku fis-sistema ġudizzjarja u l-isfidi kontinwi għall-ġurisdizzjoni u l-kompetenzi tal-aġenziji ġudizzjarji fil-livell tal-Istat mill-Gvern tar-Repubblika Srpska (RS), idgħajfu l-funzjonament tal-ġudikatura u jxekklu l-isforzi favur ir-riforma; billi l-istrutturi ta’ entità – kif intirtu mid-deċiżjonijiet internazzjonali - għandhom jinbidlu biex isiru aktar effiċjenti u koerenti mal-qafas istituzzjonali tal-istat,

    F.

    billi l-futur Ewropew taċ-ċittadini kollha tal-pajjiż huwa fl-Unjoni Ewropea; billi l-prospett ta’ sħubija fl-UE huwa wieħed mill-fatturi li l-aktar jgħaqqdu lill-poplu tal-BĦ; billi huwa biss bħalha pajjiż wieħed li l-BĦ għandha l-prospett ta’ sħubija fl-UE u kull attentat li jimmina u jdgħajjef l-istituzzjonijiet tal-Istat u li jżomm lis-soċjetà ostaġġ ta’ politiki nazzjonalisti u seċessjonisti irresponsabbli, se jċaħħad liċ-ċittadini kollha milli jakkwistaw il-benefiċċji tal-integrazzjoni Ewropea; billi l-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat fir-rigward tar-riformi relatati mal-proċessi tal-integrazzjoni fl-UE; billi l-aġendi etniċi u ta’ entità prevalenti jistgħu jxekklu t-twettiq tar-rekwiżiti għas-sħubija fl-UE u fin-NATO,

    G.

    billi l-Kunsill u l-Kummissjoni jridu juru li għandhom iktar kapaċità ta’ tmexxija u l-ħila li jkunu l-mutur li jagħti spinta biex jinbdew u jkunu implimentati aktar riformi,

    H.

    billi l-għeluq prematur tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR), ibbażat fuq ix-xewqa leġittima li tiżdied is-sjieda lokali tal-proċess politiku, seta' kellu impatt fuq l-istabilità tal-pajjiż u fuq il-pass u l-eżitu tar-riformi tant meħtieġa; billi t-tranżizzjoni mill-OHR għal Rappreżentant Speċjali tal-UE msaħħaħ tibqa' pass indispensabbli, li jwitti t-triq għal status ta’ pajjiż kandidat,

    I.

    billi ta’ min jifraħ lill-BĦ talli saret membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għall-perjodu 2010-2011, avveniment li juri li l-pajjiż huwa kapaċi jieħu post sħiħ u responsabbli fl-affarijiet internazzjonali,

    J.

    billi dawk f'pożizzjonijiet ta’ responsabilità poltika fil-BĦ ma żgurawx b'mod adegwat il-ġustizzja u r-riparazzjoni għall-eluf ta’ nisa u tfajliet li kienu stuprati tul il-gwerra bejn l-1992-95, peress li l-għadd ta’ każi ta’ delitti tal-gwerra ta’ natura sesswali li kienu soġġetti għal prosekuzzjoni għadu eċċezzjonalment baxx, u billi l-vittmi spiss ma kinux ittrattati b'dinjità u rispett jew mogħtija biżżejjed protezzjoni u għajnuna materjali u psikoloġika biex jerġgħu jibdew jgħixu,

    K.

    billi l-11 ta’ Lulju 2010 se jkun il-15-il annivaersarju tal-att ta’ ġenoċidju ta’ Srebrenica-Potočari,

    L.

    billi l-Anness VII tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ; billi għad hemm il-ħtieġa għal soluzzjonijiet ġusti, komprensivi u dejjiema għal madwar 115 000 persuna spostati internament, għar-refuġjati u għal persuni oħra affettwati mill-kunflitt, kif ukoll li jsir progress fit-titjib tal-integrazzjoni soċjo-ekonomika ta’ dawk li marru lura; billi, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, wara tmiem il-gwerra għad hemm 10 000 persuna nieqsa li għadu mhux magħruf x'sar minnhom,

    M.

    billi l-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-BĦ fis-27 ta’ Mejju 2010 (COM(2010)0256) li formalment tiftaħ il-bieb għal-liberalizzazzjoni possibbli fl-2010,

    N.

    billi Franza, l-Italja u l-Lussemburgu għadhom ma rratifikawx l-FSA u b'hekk qed iżommu lura l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż,

    O.

    billi l-persistenza ta’ firdiet etniċi qawwija għandha tingħeleb b'sistema edukattiva aktar integrata, moderna u li ma taħdimx bis-segregazzjoni fil-pajjiż,

    P.

    billi n-nuqqas ta’ sforz ġenwin mill-awtoritajiet tal-BĦ biex jittrattaw b'mod effiċjenti l-korruzzjoni fil-pajjiż qiegħed ixekkel b'mod serju l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku tal-pajjiż,

    Q.

    billi t-traffikar tal-bnedmin huwa delitt serju u vjolazzjoni kbira tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-BĦ hija pajjiż ta’ oriġini kif ukoll, f'livell anqas, pajjiż ta’ tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment tan-nisa u l-bniet,

    R.

    billi l-Kostituzzjonijiet tal-Istat u tal-Entità jiggarantixxu t-trattament ugwali għall-persuni kollha; billi r-Roma għadhom jiffaċjaw kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli ħafna u diskriminazzjoni; billi d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali bbażati fuq l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali huma mifruxa; billi l-attakki fiżiċi, it-trattament ħażin u l-atti ta’ intimidazzjoni kontra dawn il-gruppi baqgħu għaddejjin,

    S.

    billi l-qgħad baqa' għoli ħafna u kompla jiżdied minħabba l-kriżi ekonomika; billi n-nuqqas ta’ prospettivi fl-impjiegi, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ, qiegħed ixekkel il-progress tal-pajjiż u jżid it-tensjonijiet politiċi; billi l-prosperità ekonomika hija kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-pajjiż u għar-rikonċiljazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina,

    Il-perspettiva Ewropea

    1.

    Jesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu dwar il-progress limitat miksub mill-BĦ bħala pajjiż kandidat potenzjali fi triqtu lejn l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp, kif ukoll bħala pajjiż kandidat potenzjali għas-sħubija fl-UE; jinnota bi tħassib dejjem akbar il-klima politika instabbli u n-nuqqas ta’ viżjoni komuni għall-forzi politiċi kollha, u jikkundanna bil-qawwa l-użu ta’ lingwaġġ xewwiexi, li jdgħajjef il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni interetnika u l-funzjonament tal-istrutturi tal-Istat; iqis li l-istqarrija tal-mexxejja tar-Repubblika Srpska dwar referendum fuq ''separazzjoni paċifika'' bħala provokazzjoni u theddida għall-istabilità, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-BĦ;

    2.

    Iħeġġeġ sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ retorika nazzjonalista u seċċessjonista li tifred u tippolarizza s-soċjetà u ddgħajjef il-pedament tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, sabiex ikun hemm impenn serju biex jintlaħqu ftehimiet dewwiema li joħolqu stat li jaħdem kif suppost, li jgħammru l-istituzzjonijiet tal-BĦ għall-integrazzjoni fl-UE u jtejbu s-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż;

    3.

    Ifakkar li sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser l-aċċettazzjoni tal-valuri u r-regoli li fuqhom hi bbażata l-UE, jiġifieri r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li huma minn minoranzi nazzjonali, is-solidarjetà, it-tolleranza, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura;

    4.

    Jistieden lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u lill-Kummissarju għat-Tkabbir u għall-Politika Ewropea tal-Viċinat biex jużaw l-influwenza kollha tal-UE fuq il-politiċi tal-BĦ sabiex dawn jaħdmu iktar flimkien biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-Sħubija Ewropea u l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-FSA; ifakkar lill-parteċipanti politiċi kollha li dawn iż-żewġ dokumenti huma l-pjan direzzjonali lejn l-integrazzjoni Ewropea u li hi r-responsabilità tagħhom vis-à-vis ċ-ċittadini li jaslu għall-kompromessi u jaqblu dwar ir-riformi; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu aktar konsistenti u aktar orjentat lejn ir-riżultati mill-kundizzjonijiet imposti mill-UE ħalli jissodisfaw il-ħtiġiet reali tal-popli tal-BĦ;

    5.

    Juri appoġġ qawwi lill-OHR u jenfasizza li t-tranżizzjoni tista' titlesta biss ladarba l-awtoritajiet tal-BĦ jkunu ssodisfaw bis-sħiħ il-ħames għanijiet u ż-żewġ kundizzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-RS biex jissodisfaw l-obbligu li fadal (il-Liġi tal-RS dwar l-Elettriku) ħalli jippermettu lill-Kontrollur ta’ Brcko jirrakkomanda l-għeluq tar-reġim superviżorju fid-Distrett ta’ Brcko;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-RS biex ikompli jipparteċipa b'mod attiv fin-negozjati dwar id-distribuzzjoni tal-proprjetà tal-istat elenkata mill-OHR u jistiednu biex ma jadottax leġiżlazzjoni dwar il-proprjetà pubblika fl-RS peress li att bħal dan ikun ksur serju tad-deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ proprjetà pubblika, bil-konsegwenza tad-dewmien fl-għeluq tal-OHR;

    7.

    Jilqa' l-adozzjoni tal-emenda kostituzzjonali li tistabbilixxi d-Distrett ta’ Brcko bħala unità bi tmexxija lokali awtonoma, pass li ssodisfa objettiv ieħor li kien stabbilit mill-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi (PIC) għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli fil-ġejjieni;

    8.

    Jistieden liż-żewġ Entitajiet, u lill-forzi politiċi kollha, b'mod partikulari lill-Gvern tal-RS, biex jirrispettaw l-Ftehim għall-Paċi ta’ Dayton kollu kemm hu u ma jisfidawx azzjonijiet meħuda skont dan il-ftehim u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; iqis lir-Rappreżentant Għoli bħala l-awtorità finali rigward l-interpretazzjoni tal-implimentazzjoni ċivili tal-ftehim ta’ paċi; jistieden lill-atturi politiċi kollha biex jittrattaw lir-Rappreżentant Għoli u l-persunal internazzjonali kollu fil-pajjiż bir-rispett dovut u biex joqogħdu lura minn kull attakk personali;

    9.

    Jinnota b'sodisfazzjon il-kontribut sinifikanti tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPOL) u l-EUFOR Althea għall-istabilità u s-sigurtà tal-BĦ; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jipprovdi appoġġ għal bini ta’ kapaċità mhux eżekuttiva u għat-taħriġ; jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-EUFOR bi qbil mar-riżoluzzjoni 1895 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jilqa' l-fatt li l-BĦ kienet mistiedna min-NATO biex tingħaqad mal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Sħubija;

    10.

    Jenfasizza l-kisbiet tal-EUPOL fil-kontribuzzjoni tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura tal-BĦ; jilqa' l-estensjoni tal-missjoni għal sentejn oħra b'mandat iffokat mill-ġdid, u l-ħidma tal-Kummissjoni biex tħejji proġett ta’ segwitu għall-EUPOL skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni 2010;

    11.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkumbattu l-indifferenza ta’ sezzjonijiet kbar tal-istituzzjoni politika billi joħolqu sħubija privileġġata u jipprovdu appoġġ għas-soċjetà ċivili, il-midja indipendenti u l-komunità kummerċjali, u joħolqu proġetti li jistimulaw parteċipazzjoni politika attiva, b'mod speċjali għaż-żgħażagħ Bosnijaċi;

    12.

    Jenfasizza li l-libertà u l-indipendenza tal-midja, kemm pubbliċi u kemm privati, huma ħtiġiet demokratiċi bażiċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ biex isaħħu midja indipendenti u varji ħielsa mill-indħil politiku u jippermettu lill-midja jirrapportaw liberament mill-inħawi kollha tal-pajjiż billi jiżguraw l-aċċes għall-informazzjoni; jikkundanna bil-qawwi l-attakki fuq il-ġurnalisti, u jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw attakki bħal dawn fil-ġejjieni; jistieden lill-midja, inklużi s-servizzi ta’ xandir pubbliku, li jkollhom tolleranza zero rigward diskors li jxerred il-mibgħeda, jenfasizza l-ħtieġa għall-indipendenza politika tal-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tal-komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri jaħtar direttur permanenti tal-awtorità tal-komunikazzjonijiet;

    Ir-riforma kostituzzjonali u r-riforma tal-ġudikatura

    13.

    Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-rekwiżiti li għandhom ikunu ssodisfati permezz tar-riforma kostituzzjonali:

    a)

    L-Istat għandu jkollu biżżejjed setgħat leġiżlattivi, baġitarji, eżekuttivi u ġudizzjarji biex ikun kapaċi jissodisfa l-kriterji ta’ qabel l-adeżjoni fl-UE, biex joħloq u jżomm spazju ekonomiku wieħed funzjonali, biex jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, ambjentali u soċjali u biex jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi ġenerali tal-pajjiż lil hinn mill-fruntieri; is-salvagwardja ta’ interessi nazzjonali vitali fil-BĦ għandha tkun kompatibbli mal-kapaċità tal-pajjiż li jaġixxi,

    b)

    In-numru ta’ livelli amministrattivi involuti fl-immaniġġjar tal-pajjiż għandu jkun proporzjonali mar-riżorsi finanzjarji tal-BĦ u għandu jkun ibbażat fuq allokazzjoni effiċjenti u effettiva tar-responsabilitajiet,

    c)

    Iċ-ċittadini kollha għandhom igawdu l-istess drittijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni f'konformità sħiħa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u mal-Artikolu 2 tal-FSA li jitlob ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem,

    d)

    Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, li għandhom jiġu protetti kontra d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta u kontra l-vjolenza; iħeġġeġ lill-Bosnja-Ħerzegovina biex timplimenta programmi ta’ edukazzjoni pubblika fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu t-tolleranza, il-pluraliżmu u d-diversità;

    14.

    Ifakkar li t-tisħiħ tal-Istat ċentrali ma jfissirx li jiddgħajfu l-Entitajiet iżda li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jkunu bbażati fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà għal amministrazzjoni effiċjenti li tkun kapaċi timplimenta l-isforzi għar-riforma nazzjonali, tmexxi relazzjonijiet internazzjonali effiċjenti u li, permezz ta’ dan, tħejji lill-pajjiż kollu għall-adeżjoni mal-UE;

    15.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jemendaw, fil-qafas tar-riforma kostituzzjonali komprensiva, id-dispożizzjonijiet rilevanti kostituzzjonali u rispettivi tal-Liġi Elettorali tal-BĦ malajr kemm jista' jkun sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-QEDB fil-każ Sejdić-Finci, li tindika b'mod ċar li l-kostituzzjoni attwali tal-BĦ tiddiskrimima kontra n-nies li hemm referenza għalihom bħala 'oħrajn'; jinnota li l-adozzjoni ta’ dawn ir-riformi hija pass essenzjali għall-funzjonament ta’ soċjetà multietnika;

    16.

    Jinkuraġġixxi liċ-ċittadini tal-Bosnja-Ħerzegovina jivvotaw fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss f'Ottubru 2010; iqis li din l-elezzjoni tirrigwarda wkoll il-pass li bih il-BĦ tersaq lejn l-UE, u li kull min jagħżel li ma jivvotax ikun qed jippermetti b'mod effettiv li l-oħrajn jiddeċiedu dwar il-ġejjieni tiegħu jew tagħha; jirrimarka li għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex jiġu stabbiliti dawk il-kundizzjonijiet li jiżguraw li l-elezzjonijiet li jmiss isiru b'rispett sħiħ lejn l-istandards Ewropej u b'kampanja paċifika u demokratika;

    17.

    Ifakkar fil-ħtieġa li tkun stabbilita Qorti Suprema fil-livell Statali u li din tkun integrata fil-qafas kostituzzjonali sabiex taġixxi bħala fattur ta’ integrazzjoni għall-ġurisprudenza fil-pajjiż u twassal għall-armonizzazzjoni gradwali tal-erba' sistemi legali differenti tal-BĦ;

    18.

    Jistieden lill-atturi politiċi kollha sabiex iwettqu d-69 attività prevista fil-pjan ta’ azzjoni ta’ appoġġ għall-Istrateġija għar-Riforma tal-Qasam tal-Ġustizzja;

    Il-ġlieda kontra r-reati tal-gwerra, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

    19.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) kompliet tkun sodisfaċenti u li kien hemm kooperazzjoni adegwata bejn it-Tribunal u l-awtoritajiet tal-Istat u tal-Entitajiet; jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-issodisfar tal-obbligi u li jiġi ffaċilitat l-arrest tal-akkużati ICYT u li jiġu żarmati n-netwerks ta’ appoġġ li għandhom; jitlob li jkun hemm koperazzjoni iktar effettiva bejn l-awtoritajiet tal-pulizija fis-Serbja u l-Bosnja-Ħerzegovina sabiex jinstabu u jkunu arrestati Ratko Mladić u Goran Hadžić; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BĦ sabiex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali rigward ir-Reati tal-Gwerra u biex jibdew jittrattaw il-madwar għaxar t'elef każ ta’ reat tal-gwerra pendenti madwar il-pajjiż kif ukoll jispeċifikaw ir-riżorsi materjali u tekniċi meħtieġa sabiex jittellgħu l-Qorti dawk kollha li kkommettew reat, inkluż dawk responsabbli għall-istupri u l-vjolenza sesswali;

    20.

    Ifakkar li l-11 ta’ Lulju huwa rikonoxxut fl-UE bħala l-jum tal-kommemorazzjoni tal-ġenoċodju ta’ Srebrenica u jitlob lill-awtoritajiet tar-reġjun biex ifakkruh ukoll; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet dwar Srebrenica mill-parlamenti ta’ erba' pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikulari l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja, u jistieden lill-Istat tal-Bosnija u lill-Parlamenti tal-Entitajiet biex jadottaw riżoluzzjonijiet simili fil-ġejjieni qrib, iqis li dawn id-dikjarazzjonijiet huma passi importanti biex wieħed jaċċetta l-passat traġiku u jittama li jwittu t-triq għal fehim tal-istorja komuni bil-ħsieb tal-promozzjoni ta’ rikonċiljazzjoni ġenwina fir-reġjun kollu; jenfasizza li t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta’ dawk responsabbli għall-ġenoċidju ġewwa u madwar Srebrenica huwa pass importanti lejn l-istabbiltà reġjonali u l-paċi;

    21.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina sabiex jinkludu definizzjoni ta’ vjolenza sesswali fil-Kodiċi Kriminali b'konformità ma’ standards internazzjonali, sabiex jagħtu lill-vittmi kumpens adegwat, appoġġ ekonomiku, soċjali u psikoloġiku b'mod dirett, inkluż l-ogħla livell possibbli ta’ servizzi ta’ appoġġ ta’ saħħa mentali u fiżika, jiżviluppaw programmi u jallokaw riżorsi adegwati għall-ħarsien tax-xhieda fuq perjodu ta’ żmien twil; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-organi ġudizzjarji differenti u li jitħaffu l-proċeduri ta’ prosekuzzjoni f'każi ta’ reati sesswali tal-gwerra li jkunu saru matul il-gwerra; jistieden lill-Kummissjoni u lil donaturi internazzjonali oħrajn sabiex jappoġġjaw lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina f'dan l-isforz tagħhom permezz ta’ riżorsi finanzjarji u għarfien espert maħsuba għall-vittmi ta’ reati tal-gwerra u ta’ vjolenza sesswali; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jadottaw u jimplimentaw strateġija li tiffoka fuq il-vittmi ta’ delitti ta’ vjolenza sesswali li saru matul il-gwerra bl-ogħla prijorità;

    22.

    Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jibdew investigazzjoni kriminali kontra delinkwenti sesswali ta’ żmien il-gwerra li jkunu emigraw u rċivew residenza permanenti, inkluża ċ-ċittadinanza fl-Istati Membri, u biex jirrikonoxxu li dawn ir-reati huma fil-fatt reati tal-gwerra u li ma għandhomx jitqiesu reati bħala sesswali ġenerali u dawn ma għandhomx ikunu soġġetti għal statut ta’ limitazzjonijiet;

    23.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jippromwovu u jlestu r-ritorn sostenibbli ta’ refuġjati u persuni spostati internament kif ukoll biex jadottaw strateġija rilevanti kif meħtieġ mill-Anness VII tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton; iħeġġiġhom biex, min-naħa l-waħda, jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawk li għadhom jgħixu f'ċentri kollettivi u jimplimentaw miżuri għall-integrazzjoni soċjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippromwovu r-ritorn ta’ dawk li ma jistgħux jerġgħu lura lejn arthom, pereżempju għaż-żona distrutta ta’ Posavina; jistieden lill-Kummissjoni u lil donaturi internazzjonali oħrajn biex jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-BĦ f'dawn l-isforzi b'għajnuna finanzjarja u bil-kompetenza tagħhom;

    24.

    Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jinbnew ħabsijiet ta’ sigurtà għolja u biex jinbnew mill-ġdid il-faċilitajiet eżistenti sabiex dawk kollha akkużati b'xi reat u misjuba ħatja jinżammu f'postijiet sikuri;

    25.

    Jiddispjaċih għall-progress limitat irreġistrat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni minħabba koordinazzjoni dgħajfa ta’ sforzi kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-Istat u n-nuqqas tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ suspetti f'każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli prevalenti fi strutturi tal-gvern u f'oħrajn tal-Istat u tal-Entità, fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku, fl-għoti tal-liċenzji tan-negozji u fis-setturi tas-saħħa, l-enerġija, it-trasport, u l-bini; jitlob, f'dan ir-rigward, il-ħolqien mingħajr dewmien ta’ entità imparzjali u responsabbli kontra l-korruzzjoni biex tagħti lura l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħhom liċ-ċittadini tal-BĦ, kif ukoll l-implimentazzjoni miftiehma tal-istrateġija l-ġdida għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni (2009-2014) u tal-Pjan ta’ Azzjoni marbut magħha;

    26.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra t-traffikar tal-bnedmin, biex b'mod effettiv u b'koperazzjoni mal-komunità internazzjonali jressqu lil min jagħmel dawn ir-reati quddiem il-ġustizzja, biex jipprovdu protezzjoni u kumpens lill-vittmi u biex iqajmu kuxjenza ħalli tiġi evitata r-rivittimizzazzjoni mill-awtoritajiet u mis-soċjetà;

    Il-liberalizzazzjoni tal-viżi

    27.

    Jinnota b'sodisfazzjon li l-awtoritajiet tal-BiH aċċelleraw ir-riformi tagħhom u għamlu progress sinifikanti fl-ilħuq tal-benchmarks pendenti li jinsabu fil-pjan direzzjonali għal reġim mingħajr viża, li juri li bir-rieda meħtieġa, jista' jsir progress sinifikanti fir-riformi; jinkoraġġixxi bil-qawwa l-awtoritajiet tal-BĦ biex jadottaw il-partijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti li fadal;

    28.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni fuq imsemmija tas-27 ta’ Mejju 2010 dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi u jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika li l-benchmarks li fadal jintlaħqu fix-xhur li ġejjin, bl-għan li titwitta t-triq għall-Kunsill u għall-Parlament biex japprovaw l-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini Bosnijaċi sal-aħħar tal-2010;

    29.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-BĦ sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea, u jaraha bħala fattur importanti għall-integrazzjoni ulterjuri fl-UE u għar-rikonċiljazzjoni interetnika, li jevita l-iżolament u joffri opportunità liċ-ċittadini biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom, waqt li jipprevedu l-prospettiva tagħhom ta’ sħubija fl-UE u jwasslu r-rieda tagħhom għand il-mexxejja politiċi ħalli jrawmu l-integrazzjoni fl-UE;

    Il-qagħda tas-sistema edukattiva

    30.

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-progress magħmul fil-livell istituzzjonali, iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jadottaw il-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla fil-livell Statali u biex jiffokaw fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet ta’ qafas fil-qasam tal-edukazzjoni, u b'hekk inaqqsu -frammentazzjoni tas-sistema edukattiva; billi jagħmlu użu sħiħ tas-Sħubija Ewropea, jieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni. b'mod li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-istandards tal-proċess ta’ Bolonja, kif ukoll jinstallaw skemi, bl-għajnuna tal-UE, għat-taħriġ u l-għoti mill-ġdid ta’ ħiliet lill-persuni li jiffaċċjaw qgħad fit-tul; jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ programmi internazzjonali ta’ skambju ta’ studenti bejn l-universitajiet tal-BĦ u l-Istati Membri, bl-użu tal-programmi u n-netwerks eżistenti tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ żieda sinifikanti fl-għadd ta’ studenti, għalliema u riċerkaturi li jieħdu sehem fil-programmi ta’ mobilità tal-UE;

    31.

    Jinnota li l-edukazzjoni hi mutur ewlieni għar-rikonċiljazzjoni interetnika ġenwina; jikkunsidra li, fil-kuntest tal-assistenza tal-UE, għandha tingħata attenzjoni akbar għal promozzjoni ta’ sistema edukattiva inklussiva u mhux diskriminatorja, ibbażata fuq it-tolleranza u r-rispett għad-diversità u fuq sforzi biex jintlaħaq fehim tal-istorja komuni, u għall-eliminazzjoni tas-segregazzjoni ta’ gruppi etniċi differenti (żewġ skejjel taħt saqaf wieħed) bl-iżvilupp ta’ programmi edukattivi komuni u klassijiet integrati fiż-żewġ entitajiet; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif tal-kunsill tal-istudenti tal-iskejjel li jkopri l-BĦ kollha;

    32.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jerġgħu jirrevedu l-metodi riġidi u għaljin li hemm bħalissa fil-proċess tal-għoti tad-diplomi, u biex iwaqqfu aġenzija għar-rikonoxximent tad-diplomi fuq il-livell tal-Istat; ifakkar lill-awtoritajiet tal-BĦ li forza tax-xogħol tas-sengħa għandha tkun inkuraġġita u mhux skuraġġuti biex tfittex impjieg fil-pajjiż;

    Sitwazzjoni ekonomika, politika soċjali

    33.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-aħħar rawnd tal-evalwazzjoni tal-MONEYVAL (4); jistieden lill-atturi kollha biex jagħmlu sforzi persistenti għar-riforma ekonomika, jieħdu azzjonijiet miftiehma ta’ ġurisdizzjonijiet u jiffaċilitaw attivitajiet ekonomiċi inkluż it-tneħħija ta’ ostakoli burokratiċi, joħolqu strateġija fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli billi jindirizzaw, inter alia, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp (R & D), l-infrastruttura, l-agrikoltura, l-ambjent u l-enerġija; bil-għan li jattiraw investiment barrani, iħeġġeġ lill-mexxejja tal-istat u tan-negozju biex jagħmlu l-isforzi kollha biex iġibu lura l-fiduċja tal-investituri u biex joħolqu ambjent kummerċjali pożittiv sabiex il-BĦ ma taqax aktar lura fir-reġjun;

    34.

    Ifakkar li l-FSA jeħtieġ it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bejn il-gvernijiet tal-entitajiet u l-ħolqien, bħala element essenzjali tar-riforma ekonomika, ta’ spazju ekonomiku wieħed immirat lejn integrazzjoni reġjonali ikbar kif ukoll swieq tal-art u tax-xogħol aħjar; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward li t-tfarrik tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern u tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali għadu l-ostakolu ewlieni għall-moviment ħieles tal-persuni fil-pajjiż; jistqarr li l-prosperità ekonomika, il-prospett tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ tal-Bosnja-Ħerzegovina huwa kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-pajjiż u jista' jrawwem ir-rikonċiljazzjoni interetnika;

    35.

    Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-koordinazzjoni fiskali bl-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tal-Awtorità tat-Taxxa Indiretta u l-Kunsill Fiskali Nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri biex jinnomina, wara ħafna dewmien, Direttur permanenti għall-Awtorità tat-Taxxa Indiretta;

    36.

    Jistieden lill-Parlament tal-BĦ, sabiex, bil-għan li jsir ċensiment fil-pajjiż kollu fl-2011, tadotta Liġi dwar iċ-Ċensiment, li hi prekundizzjoni ċara għall-prospettiva tal-adeżjoni Ewropea u hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż kif ukoll biex tkompli l-għajnuna tal-UE; jenfasizza li, minħabba s-sensittività tal-kwistjoni, m'għandha tkun obbligatorja r-r-risposta għall-ebda mistoqsija dwar l-etniċità;

    37.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ sabiex jimplimentaw miżuri mmirati biex itaffu l-faqar u jiżviluppaw xibka ta’ sigurtà soċjali li tkun aħjar għall-foqra, għall-persuni esklużi soċjalment gruppi u l-gruppi vulnerabbli, b'mod speċjali l-popolazzjoni Rom, u biex jiżviluppaw sistema effiċjenti u sostenibbli ta’ protezzjoni soċjali u ta’ integrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jieħdu impenn aktar sod fil-politiki tax-xogħol, tal-koeżjoni soċjali u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

    38.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi meħuda mill-awtoritajiet tal-BĦ biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, u jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi adottata strateġija li tiffoka fuq l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni tar-Rom; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu mezzi adegwati biex jimplimentaw din l-istrateġija b'koperazzjoni mas-soċjetà ċivili, inkluża l-komunità tar-Rom, biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u titrawwem ir-rappreżentanza tar-Rom fl-uffiċċji pubbliċi;

    39.

    Jilqa' b'sodisfazzjoni l-emendi leġiżlattivi l-aktar riċenti mill-Parlament tal-Federazzjoni li jintroduċu l-prinċipju ta’ benefiċċji soċjali monetarji bbażati fuq il-bżonnijiet u restrizzjonijiet baġitarji applikati għall-utenti kollha tal-baġit inkluż il-veterani; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-self għall-politika tal-iżvilupp mill-Bank Dinji u t-tieni u t-tielet rata tal-arranġament ta’ riżerva tal-FMI nħarġu; iħeġġeġ lill-Parlament tal-Federazzjoni sabiex jadotta miżuri ulterjuri mmirati lejn dixxiplina fiskali akbar;

    40.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BĦ jiżviluppaw strateġija nazzjonali għall-enerġija li tibbaża ruħha fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq il-konservazzjoni u l-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll fuq l-immodernizzar tal-grilja tal-elettriku; ifakkar liż-żewġ awtoritajiet tal-BĦ u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-proġetti tal-impjanti tal-enerġija idroelettrika huma ppjanati u implimentati skont il-kriterji tal-UE tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u skont l-istandards ġenerali tas-sostenibilità;

    41.

    Jiddispjaċih li l-kapaċità amministrattiva fis-settur ambjentali għadha dgħajfa u limitata; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-adozzjoni ta’ Liġi Ambjentali komprensiva fil-livell tal-Istat li tiżgura li jkun hemm protezzjoni ambjentali armonizzata, u jitlob li titwaqqaf l-Aġenzija Statali għall-Ambjent;

    42.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jadottaw il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tas-Saħħa fuq il-livell tal-Istat, sabiex tiġi armonizzata u mtejba l-kwalità tal-provvista tas-saħħa pubblika u jkun possibbli li l-poplu jfittex kura medika adegwata fit-territorju kollu tal-BĦ, irrispettivament mir-residenza u mill-post tal-impjieg tiegħu;

    Kooperazzjoni reġjonali

    43.

    Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali, u ta’ relezzjonijiet tajbin mal-ġirien, u jqishom bħala element ewlieni għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-popli; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili sabiex jikkontribwixxu għal kooperazzjoni reġjonali mtejba dwar l-aspetti soċjali u politiċi; jistieden lill-awtoritajiet Bosnijaċi jsibu soluzzjoni li tiżgura l-mobbiltà reġjonali taċ-ċittadini tal-Kosovo u l-possibilità li huma jivvjaġġaw lejn il-Bosnja-Ħerzegovina;

    44.

    Ifaħħar id-dikjarazzjonijiet li għamel il-President Kroat dan l-aħħar, li appoloġizza għall-politiki Kroati fil-Bosnja-Ħerzegovina fis-snin disgħin u ta ġieħ lill-vittmi minn kull komunità jikkonsidra li dan l-att hu pass importanti fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni etnika fost in-nazzjonijiet tal-Balkani; jistieden lill-pajjiżi l-oħra ġirien tal-Bosnja-Ħerzegovina biex isegwu dan l-eżempju;

    45.

    Jistieden lill-Kroazja u lill-Bosnja-Ħerzegovina biex isibu soluzzjoni negozjata fir-rigward tal-pjanijiet Kroati għall-bini ta’ pont f'Pelješac, li l-Bosnja-Ħerzegovina qed topponihom; jinsab imħasseb dwar it-tħabbira li għamel dan l-aħħar il-Prim Ministru Kroat dwar il-possibilità ta’ applikazzjoni Kroata għal fondi Ewropej biex titħaffef il-ħidma ta’ kostruzzjoni kontroversjali fuq dan il-pont; jindika li l-proġett jista' jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp tal-port Bosnjakk ta’ Neum fil-ġejjieni u jqajjem tħassib ekoloġiku fiż-żewġ pajjiżi;

    46.

    Jinnota li l-istabbiltà dejjiema u l-koperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent u fl-UE kollha kemm hi ma jistgħux jiġu previsti sakemm jibqa' jippersisti l-istaġnar politiku fil-BĦ;

    47.

    Ifaħħar il-parteċipazzjoni attiva fil-kooperazzjoni reġjonali tal-BĦ, b'mod partikolari bl-iffirmar mal-Kroazja u s-Serbja tal-ftehimiet dwar għajnuna legali internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali u ċivili mmirati lejn it-twettiq ta’ sanzjonijiet kriminali kontra persuni li ġew ikkundannati f'pajjiż firmatarju u li mbagħad ħarbu lejn pajjiż ieħor;

    *

    * *

    48.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-entitajiet tagħha.


    (1)  ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0332.

    (3)  ĠU C 46E, 24.2.2010, p. 111.

    (4)  Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Kunsill tal-Ewropa).


    Top