This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0783
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND TO THE COUNCIL The memory of the crimes committed by totalitarian regimes in Europe
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa
/* KUMM/2010/0783 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa /* KUMM/2010/0783 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 22.12.2010 KUMM(2010) 783 finali R APPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa INTRODUZZJONI Matul l-istorja, ir-reġimi totalitarji rriżultaw fi ksur tad-drittijiet fundamentali u fiċ-ċaħda sħiħa ta’ kwalunkwe apparenza ta’ dinjità umana. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri esperjenzaw imgħoddi traġiku ta’ din ix-xorta. Issa, kif ġie ddikjarat fid-Dikjarazzjoni ta’ Berlin tal-2007 fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, “ L-integrazzjoni Ewropea turi li tgħallimna l-lezzjonijiet iebsa ta’ storja mmarkata minn kunflitt imdemmi. Illum qed ngħixu flimkien kif ma kienx possibli qabel .” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-memorja tal-istorja tal-Ewropa hija l-wirt komuni tal-Ewropej kollha, illum u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Ir-rikonċiljazzjoni mal-wirt tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji titlob il-kondiviżjoni u l-promozzjoni ta’ din il-memorja. Il-Programm ta’ Stokkolma[1], jenfasizza li “L-Unjoni hija żona ta’ valuri kondiviżi, valuri li mhumiex kompatibbli ma’, reati kontra l-umanità, ġenoċidju u delitti tal-gwerra, inklużi delitti mwettqa minn reġimi totalitarji. Kull Stat Membru għandu l-approċċ tiegħu għal din il-kwistjoni iżda, fl-interess tar-rikonċiljazzjoni, il-memorja ta’ dawn id-delitti għandha tkun memorja kollettiva, kondiviża u promossa, fejn possibbli, minna kollha. L-Unjoni għandu jkollha r-rwol ta’ faċilitatur.” F’Novembru 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għad-delitti mwettqa minħabba raġunijiet ta’ razza, kulur, reliġjon, nisel jew oriġini nazzjonali jew etnika. Hija ma tkoprix delitti mwettqa għal raġunijiet oħrajn, pereżempju, minn reġimi totalitarji. Id-dikjarazzjoni miżjuda mal-minuti tal-Kunsill fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas talbet lill-Kummissjoni biex teżamina u tirrapporta lill-Kunsill fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas jekk huwiex meħtieġ strument addizzjonali, biex ikopri l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni b’mod ċar fil-pubbliku ta’ delitti ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità u ta’ delitti tal-gwerra diretti kontra grupp ta’ persuni ddefiniti b’referenza għal kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, bħall-istatus soċjali jew it-twemmin politiku. Din it-talba kienet ripetutata fil-Programm ta’ Stokkolma. L-importanza li jinżammu ħajjin il-memorji tal-imgħoddi kienet enfasizzata wkoll mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwar “Il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu”. Il-Parlament Ewropew jenfasizza li dan huwa partikolarment importanti minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr il-verità u t-tifkira. L-Istati Membri indirizzaw, u qed ikomplu jindirizzaw, il-kwistjoni sensittiva u kumplessa ta’ kif l-aħjar li tiġi stabbilita l-verità u kif għandha tiġi rreġistrata l-istorja sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jistgħu jitgħallmu mill-orruri u mid-delitti li ġraw fl-imgħoddi. Kull Stat Membru sab il-mod tiegħu biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet u l-Kummissjoni tista’ tiffaċilita dan il-proċess billi tinkoraġġixxi d-diskussjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi u billi tippromwovi l-aħjar prattiki. Dan ir-rapport għandu l-għan li jippreżenta kif il-Kummissjoni biħsiebha jkollha rwol sinifikanti f’dan il-proċess u li jipprovdi bażi għal iktar diskussjoni dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti kontribut sabiex tkun promossa l-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji. Huwa għandu wkoll l-għan li jwieġeb għat-talba tal-Kunsill li jsir rapport dwar il-ħtieġa għal strument addizzjonali f’dan il-qasam. Il-preparazzjoni tar-Rapport Sabiex tipprepara dan ir-rapport, il-Kummissjoni ħadet numru ta’ inizjattivi preparatorji. F’Novembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seminar ta’ livell għoli fi Brussell dwar “ How to deal with the totalitarian memory of Europe: Victims and reconciliation [Kif għandha tiġi indirizzata l-memorja tar-reġimi totalitarji tal-Ewropa: Il-vittmi u r-rikonċiljazzjoni]”[2] Id-dikjarazzjoni miżjuda mal-minuti tal-Kunsill fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas indikat li l-Kummissjoni għandha torganizza seduta pubblika Ewropea dwar id-delitti ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra mwettqa minn reġimi totalitarji kif ukoll dwar dawk li jiskużawhom, jiċħduhom u jittrivjalizzawhom b’mod ċar fil-pubbliku, u tenfasizza l-ħtieġa għal rimedju xieraq għall-inġustizzja u, jekk ikun xieraq, għandha tressaq proposta għal deċiżjoni qafas dwar dawn id-delitti. Din is-seduta saret fi Brussell fit-8 ta’April 2008 u kienet organizzata konġuntement mill-Kummissjoni u mill-Presidenza Slovena[3]. Fl-2009, il-Kummissjoni ffinanzjat studju minn istitut indipendenti bil-għan li tipprovdi deskrizzjoni ġenerali fattwali tal-metodi li ntużaw fl-Istati Membri sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mal-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji[4]. Dan l-i“ Study how the memory of crimes committed by totalitarian regimes in Europe is dealt with in the Member States [Studju dwar kif il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa tiġi indirizzata fl-Istati Membri] ” (“l-istudju”) twettaq fil-bidu tal-2010 u ġie trasmess lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew. L-istudju huwa disponibbli minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni. F’Mejju 2010, intbagħat kwestjonarju lill-Istati Membri bil-għan li tinkiseb informazzjoni fattwali dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri rigward il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji[5]. IL-MEMORJA TAD-DELITTI MWETTQA MINN REġIMI TOTALITARJI – IS-SITWAZZJONI FL-ISTATI MEMBRI Deskrizzjoni ġenerali L-istudju jiżvela li l-Istati Membri kollha kkonċernati ħadu miżuri sabiex jindirizzaw il-wirt tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji. L-Istati Membri adottaw approċċi differenti skont l-istorja, iċ-ċirkustanzi speċifiċi, il-kultura u s-sistemi legali tagħhom. L-istudju juru li ma hemm l-ebda mudell li japplika għal kulħadd, u li t-taħlita ta’ strumenti u ta’ metodi li ntużaw f’kull Stat Membru (ġustizzja għall-vittmi, ġustizzja għal min wettaq ir-reat, titftix għall-verità, preservazzjoni tal-memorja, inizjattivi li jqajmu kuxjenza, eċċ.) hija speċifika għall-pajjiż. Anki fost l-Istati Membri li batew taħt l-istess tip ta’ reġimi totalitarji, l-għażla tal-istrumenti, tal-miżuri u tal-prattiki adottati tista’ tvarja b’mod sinifikanti. Il-ġustizzja għall-vittmi hija importanti sabiex tirnexxi t-tranżizzjoni mit-totalitarjaniżmu għad-demokrazija. Il-proċessi ta’ dawk li wettqu d-delitti, il-mekkaniżmi għat-tiftix tal-verità, il-ftuħ tal-arkivji, il-proċeduri ta’ tisfija, ir-riabilitazzjoni u l-kumpens lill-vittmi kif ukoll ir-radd lura tal-proprjetajiet ikkonfiskati huma fost l-għodod prinċipali li ntużaw sabiex jintlaħaq dan il-għan. L-istudju jiżvela wkoll il-varjetà ta’ partijiet interessati involuti, b’mod partikolari organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), kif ukoll korpi uffiċjali u mhux uffiċjali. Pereżempju, l-Estonja, il-Latvja, il-Polonja u s-Slovenja ħolqu korpi uffiċjali b’kompetenza ġenerali filwaqt li Stati Membri oħrajn ħolqu korpi speċjalizzati. Il-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji huma wkoll kruċjali, b’mod partikolari sabiex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ikunu edukati dwar l-importanza li jkunu promossi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. L-istudju juri li din il-konvinzjoni hija waħda mill-ftit fatturi komuni madwar l-Ewropa kollha meta jiġu indirizzati d-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji. Memorja tal-orruri tal-imgħoddi ppreservata sew, organizzata u aċċessibbli tista’ ssir strument reali biex titqajjem kuxjenza u tintuża għal finijiet edukattivi. L-istudju jiżvela wkoll ir-rwol kruċjali li għandhom l-NGOs f’dan il-qasam. L-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni L-edukazzjoni għal ċittadinanza attiva għandha rwol prinċipali fit-trawwim tal-kompetenzi ċiviċi u l-valuri demokratiċi taż-żgħażagħ. Riċerka reċenti turi li l-edukazzjoni hija korrelatata b’mod pożittiv u sinifikanti ma’ mġieba ta’ ċittadinanza attiva. L-inizjattivi li għandhom l-għan li jinformaw u li jedukaw dwar l-imgħoddi jinkludu ż-żjarat fil-mużewijiet, f’siti ta’ martirju u ta’ kampijiet ta’ sterminju, il-projezzjoni ta’ films fittizji u ta’ dokumentarji fl-iskejjel, l-appoġġ għal attivitajiet kulturali u kreazzjonijiet artistiċi. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, jidher li l-attivitajiet relatati mal-kuxjenza u mal-edukazzjoni tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji komunisti huma stabbiliti biss fl-Istati Membri kkonċernati. Il-memorjali u l-monumenti ddedikati għall-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji jeżistu bażikament fl-Istati Membri kollha. Imkejjen ta’ martirju kif ukoll kampijiet ta’ konċentrament u ta’ mewt jistgħu jinstabu fi kważi l-Istati Membri kollha li esperjenzaw it-totalitarjaniżmu. Pereżempju, f’uħud mill-Istati Membri ġew iddedikati mużewijiet speċjalizzati għad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji komunisti (pereżempju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Latvja, fil-Litwanja u fir-Rumanija). Jiem ta’ Tifkira L-istudju jenfasizza li l-jiem ta’ tifkira li jikkonċernaw l-istess avvenimenti jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Pereżempju, 18-il Stat Membru jikkommemoraw l-Olokawst fis-27 ta’ Jannar (il-jum internazzjonali għall-kommemorazzjoni tal-Olokawst), filwaqt li f’sitt (6) Stati Membri ntgħażlet data oħra. Ħames Stati Membri jikkommemoraw jum it-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji (it-23 ta’ Awwissu), li kien propost mill-Parlament Ewropew. Il-proġetti ta’ riċerka L-istudju jiżvela li n-numru ta’ suġġetti u ta’ proġetti ta’ riċerka f’dan il-qasam huwa wieħed sinifikanti. F’uħud mill-Istati Membri, il-korpi uffiċjali żviluppaw programmi estensivi ta’ riċerka. L-universitajiet, l-istituzzjonijiet u l-fondazzjonijiet privati żviluppaw proġetti iktar speċifiċi. Il-proġetti ta’ riċerka jiffokaw b’mod partikolari fuq l-istabbiliment ta’ fatti storiċi li jikkonċernaw delitti ta’ reġimi totalitarji, jew fuq l-analiżi tal-politiki fil-qasam tal-ġustizzja transizzjonali. Ir-riċerka dwar id-delitti mwettqa mir-reġimi totalitarji komunisti hija ferm iktar żviluppata fl-Istati Membri li esperjenzaw delitti ta’ din ix-xorta. Is-simboli tat-totalitarjaniżmu Skont l-istudju, l-Istati Membri kkonċernati, b’mod ġenerali, irnexxielhom ineħħu relattivament malajr is-simboli kollha relatati mal-imgħoddi ripressiv tagħhom (eż. bidla fl-ismijiet tat-toroq, tneħħija ta’ simboli minn imkejjen pubbliċi, eċċ). F’uħud mill-Istati Membri, l-użu ta’ simboli konnessi ma’ reġimi totalitarji huwa pprojbit espliċitament bil-liġi. Pereżempju, fi tliet Stati Membri (l-Ungerija, il-Litwanja u l-Polonja), din il-projbizzjoni tirreferi għall-użu ta’ simboli tal-imgħoddi komunista. Il-qafas legali dwar iċ-ċaħda tad-delitti L-istudju u t-tweġibiet għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri jiżvelaw il-kumplessità ta’ u l-approċċi diverġenti tal-qafas legali applikabbli fl-Istati Membri għall-kwistjoni tal-iskużar, taċ-ċaħda jew tat-trivjalizzazzjoni ċara tal-ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità u ta’ delitti tal-gwerra diretti kontra grupp ta’ persuni ddefiniti b’referenza għal kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, bħall-istatus soċjali jew it-twemmin politiku[6]. Tista’ tiġi ddisinjata l-istampa skematika li ġejja. Erba’ Stati Membri għandhom leġislazzjoni nazzjonali dwar iċ-ċaħda ta’ delitti mwettqa minn reġimi totalitarji li tinkludi b’mod espliċitu d-delitti mwettqa minn reġimi komunisti totalitarji: - Fir-Repubblika Ċeka, il-kodiċi kriminali jinkludi reat speċifiku li persuna tiċħad, titfa’ dubju fuq, tapprova jew tipprova tiġġustifika fil-pubbliku ġenoċidju nażista jew komunista jew delitti oħrajn kontra l-umanità mwettqa min-nażisti jew mill-komunisti[7]. - Fil-Polonja, iċ-ċaħda pubblika u li tmur kontra l-fatti tad-delitti nażisti u komunisti kif ukoll ta’ delitti oħrajn kontra l-paċi u l-umanità jew ta’ delitti tal-gwerra hija reat kriminali[8]. - Fl-Ungerija, huwa reat kriminali li tiċħad, tifa’ dubju fuq jew tittrivjalizza fil-pubbliku l-fatt tal-ġenoċidju u ta’ delitti oħrajn kontra l-umanità mwettqa mir-reġimi nazzjonali soċjalisti u komunisti[9]. - Fil-Litwanja, l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni ċara fil-pubbliku ta’ delitti internazzjonali u ta’ delitti mwettqa mill-URSS jew mill-Ġermanja nażista kontra r-Repubblika tal-Litwanja jew ir-residenti tagħha huwa reat kriminali[10]. Fl-Istati Membri l-oħra, bl-eċċezzjoni tal-Latvja[11], jidher li huwa impossibbli jew diffiċli li tkun prevista sitwazzjoni fejn l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni ċara ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità u ta’ delitti tal-gwerra diretti kontra grupp ta’ persuni definiti b’referenza għal kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika jista’ jwassal għal inkriminazzjoni. Dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ leġislazzjoni dwar iċ-ċaħda ta’ delitti ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità jew ta’ delitti tal-gwerra (irrispettivament mir-raġunijiet) jew minħabba li l-inkriminazzjoni għal imġieba ta’ din ix-xorta teskludi r-raġunijiet tal-istatus soċjali jew tat-twemmin politiku jew minħabba li inkriminazzjoni ta’ din ix-xorta kieku jkollha implikazzjoni fuq il-libertà tal-espressjoni. Madankollu, ċerti tweġibiet għall-kwestjonarju jsemmu li ma tistax tiġi eskluża inkriminazzjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni oħra tal-liġi kriminali, pereżempju fuq il-bażi tal-projbizzjoni ta’ inċitament għal mibegħda jew talli ġiet ivvjolata l-“memorja ta’ persuni mejta”. Mill-istudju u mit-tweġibijiet għall-kwestjonarju, jidher li ma hemm l-ebda każ fejn qorti nazzjonali kkundannat lil xi persuna talli skużat, ċaħdet jew ittrivjalizzat b’mod ċar fil-pubbliku delitti ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra diretti kontra grupp ta’ persuni ddefiniti b’referenza għal kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika. L-AZZJONI FUQ IL-LIVELL TAL-UE SABIEX TKUN IPPRESERVATA U PROMOSSA L-MEMORJA Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009, il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza tal-kwistjoni li tkun promossa l-memorja ta’ delitti ta’ reġimi totalitarji. Fis-16 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali adotta konklużjonijiiet li jiddikjaraw li, “sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza Ewropea dwar id-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji, il-memorja tal-imgħoddi mimli nkwiet tal-Ewropa trid tiġi ppreservata, peress li r-rikonċiljazzjoni tkun diffiċli mingħajr tifkira” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-idea li mal-UE kollha tkun promossa memorja kondiviża tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji kienet espressa wkoll waqt is-seduta li l-Kummissjoni u l-Presidenza Slovena organizzaw f’April 2008. Din is-seduta u konferenzi oħrajn żvelaw sens qawwi li l-Istati Membri fil-Punent tal-Ewropa għandhom ikunu iktar konxji mill-imgħoddi traġiku tal-Istati Membri fil-Lvant tal-Ewropa. Numru ta’ konferenzi internazzjonali enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ din id-dimensjoni, bħall-konferenza internazzjonali fis-Senat tar-Repubblika Ċeka ta’ Ġunju 2008 li adottat dikjarazzjoni dwar “Il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu” (id-“Dikjarazzjoni ta’ Praga”), il-Konferenza dwar “Ir-Reati tal-Komuniżmu” organizzata fi Frar 2010 mill-“Istitut għall-Istudju tar-Reġimi Totalitarji”, jew il-konferenza “L-Ewropa 70 sena wara l-Patt Molotov-Ribbentrop” organizzata f’Ottubru 2009 mill-Istati Baltiċi taħt l-awspiċi tal-President tal-Parlament Ewropew. Fil-Parlament Ewropew, ġie stabbilit grupp informali ta’ MPE dwar “Ir-Rikonċiljazzjoni tal-Istejjer Ewropej” li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jirrikonċilja r-rakkonti storiċi differenti fl-Ewropa u li jikkonsolidahom f’memorja Ewropea magħquda tal-imgħoddi. F’dawn l-avvenimenti, ġew ifformulati numru ta’ talbiet għal azzjoni rigward il-preservazzjoni tal-memorja u l-promozzjoni tal-kuxjenza dwar id-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji komunisti. Eżempju ta’ din il-firxa wiesgħa ta’ miżuri u ta’ aspettattivi tista’ tinstab f’“ Contribution of the first European Hearing on ‘Crimes Committed by totalitarian regimes’ [Il-kontribut tal-ewwel Seduta Ewropea dwar ‘Id-Delitti Mwettqa minn reġimi totalitarji’]” li ġie ffirmat minn numru ta’ parteċipanti waqt is-seduta tat-8 ta’ April[12]. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009, il-Parlament Ewropew stieden biex it-23 ta’ Awwissu jiġi pproklamat mal-Ewropa kollha bħala Jum it-Tifkira għall-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha, li għandu jiġi kkommemorat b’dinjità u b’imparzjalità. L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovenja u l-Isvezja diġà kienu josservaw dan il-Jum ta’ Tifkira. Il-Kummissjoni daħlet għall-impenn li tagħti kontribut, skont ir-responsabbiltajiet tagħha, għall-promozzjoni tal-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa importanti li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-għarfien rigward l-imgħoddi taħt reġimi totalitarji tal-Istati Membri kollha, u speċjalment rigward il-perjodu ta’ żmien meta l-Ewropa tal-Lvant u dik tal-Punent kienu għexu żewġ esperjenzi differenti. Il-memorja ta’ u l-kuxjenza mill-imgħoddi traġiku u mid-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji għandha tgħaqqad lill-popli tal-Ewropa. Huwa importanti li jingħata kontribut lir-rikonoxximent u l-appoġġ tal-vittmi kollha tar-reġimi totalitarji li qerdu lill-Ewropa. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenzi u tal-prattiki f’dan il-qasam. Dan għandu jikkonferma wkoll l-importanza tal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, għal-libertà u għad-demokrazija li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. L-użu sħiħ tal-programmi finanzjarji tal-UE Il-Kummissjoni lesta tuża l-programmi finanzjarji tagħha sabiex tassisti lill-partijiet interessati ħalli jappoġġjaw u jippromwovu l-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji. Il-finanzjament tal-UE jista’ jkun partikolarment rilevanti sabiex ikunu promossi proġetti transkonfinali u Ewropej. Il-Programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” L-Azzjoni 4 “Tifkira Ewropea Attiva” tal-Programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini[13] għandha l-għan li żżomm ħajja l-memorja tal-vittmi tan-nażiżmu u tal-istaliniżmu u li ttejjeb l-għarfien dwar dak li seħħ fil-kampijiet u fi mkejjen oħrajn ta’ sterminju tal-massa ta’ persuni pajżana. Din l-azzjoni tappoġġja proġetti sabiex jiġu ppreservati s-siti u l-memorjali prinċipali assoċjati mad-deportazzjonijiet tal-massa, dawk li kienu kampijiet ta’ konċentrament u siti oħrajn ta’ martirju u ta’ sterminju fuq skala kbira tan-nażiżmu, kif ukoll l-arkivji li jiddokumentaw dawn l-avvenimenti u sabiex tinżamm ħajja l-memorja tal-vittmi kif ukoll il-memorja ta’ dawk li, f’kundizzjonijiet estremi, salvaw persuni mill-Olokawst. Din l-azzjoni tappoġġja wkoll proġetti għall-kommemorazzjoni tal-vittmi tal-isterminji tal-massa u tad-deportazzjonijiet tal-massa assoċjati mal-istaliniżmu, kif ukoll il-preservazzjoni tal-memorjali u tal-arkivji li jiddokumentaw dawn l-avvenimenti. Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm, fl-anness tagħha, talloka lit-“Tifkira Ewropea Attiva” madwar 4% mir-riżorsi totali tal-programm (l-ammont globali għall-perjodu 2007-2013 kien ta’ 215 miljun). - Meta tiġi kkunsidrata l-importanza strateġika tiegħu għall-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u meta jiġi kkunsidrat in-numru dejjem ikbar ta’ proposti ta’ kwalità għolja għall-Programm futur 2014-2020, il-Kummissjoni għandha teżamina kif din l-azzjoni jista’ jkollha disponibbli biżżejjed riżorsi fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni diġà bdiet il-preparazzjoni tagħha għall-programm tal-ġenerazzjoni li jmiss. - Bħala parti mid-djalogu strutturat li twettaq fil-qafas tal-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li torganizza laqgħat regolari ddedikati għat- Tifkira Ewropea Attiva biex ikunu skambjati esperjenzi, jiġu analizzati l-aħjar prattiki, u jinġiebu flimkien il-benefiċjarji u l-partijiet interessati prinċipali inklużi r-riċerkaturi u l-esperti akkademiċi u indipendenti f’dak il-qasam. Programmi oħrajn tal-Unjoni Ewropea Programmi oħrajn jistgħu jagħtu kontribut għall-promozzjoni tal-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji: - Is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku. Dan il-programm jista’ jiffinanzja azzjonijiet relatati mal-imgħoddi taħt reġimi totalitarji tal-Ewropa. Il-Programm ta’ Ħidma għall-2010, taħt it-tema 8, “Xjenzi soċjoekonomiċi u studji umanistiċi” jinkludi sejħa speċifika għal proposti dwar is-suġġett: “ Democracy and the shadows of totalitarianism and populism: the European experience [Id-demokrazija u d-dellijiet tat-totalitarjaniżmu u tal-populiżmu: l-esperjenza Ewropea]”.[14] Din is-sejħa għandha tappoġġja proġett kollaborattiv fuq skala kbira li jinvolvi lill-istituti ta’ riċerka f’diversi Stati Membri tal-UE bil-għan li jagħtu għajnuna sabiex jingħeleb il-wirt tal-“kontinent diviż” fejn l-esperjenza u l-memorji tat-totalitarjaniżmu reċenti jvarjaw minn grupp ta’ Stati Membri għall-ieħor. Il-Kummissjoni rċeviet għaxar (10) proposti taħt dan is-suġġett u bħalissa għaddejjin negozjati wara l-evalwazzjoni tal-esperti indipendenti u l-proċedura ta’ selezzjoni. - MEDIA 2007 huwa programm għall-industrija awdjoviżiva Ewropea. L-għanijiet tiegħu huma li jippreserva u jkabbar id-diversità kulturali Ewropea u l-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv tagħha, sabiex tkun iggarantita l-aċċessibbiltà tal-Ewropej għal dan, u sabiex ikun promoss id-djalogu interkulturali u tiżdied iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fi ħdan u barra mill-Unjoni Ewropea. Skont dawn l-għanijiet, MEDIA 2007 jista’ jappoġġja films u xogħol awdjoviżiv ieħor li jindirizza kwistjonijiet relatati mal-imgħoddi taħt reġimi totalitarji (eż. il-film “The Life Of The Others” Das Leben der Anderen [Ħajjet l-Oħrajn] kien appoġġjat minn dan il-programm). Il-finanzjament taħt MEDIA jista’ anki jinkludi (imma mhux esklużivament) l-ispiża taż-żieda tas-sottotitoli fix-xogħlijiet awdjoviżivi, li hija kruċjali sabiex tkun iffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ xogħlijiet awdjoviżivi dwar dawn il-kwistjonijiet. - Il- Programm ta’ Appoġġ għat-Teknoloġiji ta’ Informazzjoni u ta’ Komunikazzjoni (ICT-PSP) jappoġġja d-diġitalizzazzjoni mmirata ta’ materjal kulturali taħt wieħed mill-għanijiet relatati mal- Europeana[15] . Dan il-programm jista’ jkun utli sabiex ikun diġitalizzat kontenut relatat ma’ delitti ta’ reġimi totalitarji (eż. kotba, xogħlijiet awdjoviżivi, xogħlijiet awdjo, reġistrazzjonijiet fl-arkivji). Il-proġetti ffinanzjati jridu jiġu organizzati minn istituzzjonijiet kulturali minn pajjiżi Ewropej differenti, u t-temi jridu jkunu ta’ interess għal pubbliku ġenerali jew il-kontenut irid jitqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini permezz tal-Europeana immedjatament wara d-diġitalizzazzjoni. - Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE jappoġġja proġetti transnazzjonali li jippromwovu edukazzjoni għal ċittadinanza attiva lejn valuri ta’ tolleranza kif ukoll għarfien aħjar tal-istorja, tal-wirt kulturali u tal-imġieba demokratika Ewropea. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq mudell analitiku ta’ edukazzjoni għal ċittadinanza attiva li jkopri żewġ indikaturi komposti li qed jiġu żviluppati, wieħed għall-adulti u wieħed dwar il-ħiliet ċiviċi tal-istudenti. Id-definizzjoni ta’ ħidma ta’ ċittadinanza attiva li ntużat għal dan l-iskop hija “parteċipazzjoni fis-soċjetà ċivili, fil-komunità u/jew fil-ħajja politika, ikkaratterizzata minn rispett reċiproku u minn nuqqas ta’ vjolenza u skont id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] . Il-promozzjoni ta’ edukazzjoni għal ċittadinanza attiva f’ambjenti ta’ tagħlim formali, informali u nonformali tagħti lok għal valuri ta’ tolleranza, għal imġieba demokratika u għal rispett reċiproku f’termini kulturali u storiċi. Il-kompetenzi ċiviċi bbażati fuq għarfien tal-kunċetti tad-demokrazija, tal-ġustizzja, tal-ugwaljanza, taċ-ċittadinanza u tad-drittijiet tal-bniedem huma parti mill-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin li ġie adottat mill-Kunsill tal-Edukazzjoni[16] u li ġie implimentat fuq il-livell nazzjonali. - Il-Kummissjoni għandha tinforma aħjar lill-benefiċjarji potenzjali li jindirizzaw il-memorja tad-delitti ta’ reġimi totalitarji bl-eżistenza tal-possibbiltà ta’ finanzjament taħt dawn il-programmi. It-23 ta’ Awwissu bħala jum ta’ Tifkira madwar l-Ewropa kollha Il-Jum ta’ Tifkira madwar l-Ewropa tal-vittmi ta’ reġimi totalitarji u awtoritarji kollha ipproklamat mill-Parlament Ewropew, s’issa ġie osservat fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fis-Slovejna u fl-Isvezja. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-possibilità li jibqgħu jieħdu din l-inizjattiva fid-dawl tal-istorja u l- ispeċifitajiet tagħhom stess. Pjattaforma ta’ Memorja u Kuxjenza Ewropea Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009, il-Parlament Ewropew talab sabiex tkun stabbilita Pjattaforma ta’ Memorja u Kuxjenza Ewropea sabiex ikun ipprovdut appoġġ għan-netwerking u għall-koperazzjoni fost l-istituti nazzjonali ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fis-suġġett tal-istorja tat-totalitarjaniżmu, u sabiex jinħoloq ċentru ta’ dokumentazzjoni/memorjal pan-Ewropew għall-vittmi tar-reġimi totalitarji kollha. Huwa talab ukoll sabiex jissaħħu l-istrumenti finanzjarji rilevanti eżistenti ħalli jngħata appoġġ lir-riċerka storika professjonali dwar il-kwistjonijiet li ġew deskritti fil-qosor iktar ’il fuq. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tas-16 ta’ Ġunju 2009 laqgħu b’sodisfazzjoni din l-inizjattiva li għandha tipprovdi appoġġ għan-netwerking u għall-koperazzjoni fost il-korpi nazzjonali relatati mal-eżami u mat-tifkira tar-reġimi totalitarji. Il-fatt li qed jinġiebu flimkien l-atturi kollha mill-Istati Membri kollha, inklużi r-riċerkaturi u l-esperti akkademiċi u indipendenti, sabiex jiskambjaw esperjenzi, analiżijiet u l-aħjar prattiki, inklużi dawk dwar kif l-Istati Membri jippromwovu l-memorja kollettiva permezz tal-kurrikuli edukattivi, huwa mod kif jingħata kontribut fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi f’dan il-qasam. - Pjattaforma ta’ din ix-xorta tista’ tkun eliġibbli, wara sena ta’ eżistenza legali formali, sabiex tapplika għal għotja operattiva annwali taħt il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa importanti li l-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki jista’ jġib flimkien lill-atturi kollha mill-Istati Membri kollha, inklużi r-riċerkaturi u l-esperti akkademiċi u indipendenti. Possibbilità ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-UE? Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni sabiex teżamina jekk huwiex meħtieġ strument, addizzjonali għad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija, sabiex ikun kopert l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni ċara fil-pubbliku ta’ delitti ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità, u ta’ delitti tal-gwerra diretti kontra grupp ta’ persuni ddefiniti b’referenza għal kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, bħall-istatus soċjali jew it-twemmin politiku. L-Artikolu 83 TFUE huwa l-bażi legali għad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni. L-Artikolu 83(1) TFUE jelenka dawn l-oqsma. L-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni ċara fil-pubbliku ta’ delitti ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità u ta’ delitti tal-gwerra diretti kontra grupp ta’ persuni ddefiniti b’referenza għal kriterji oħrajn minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika mhuwiex wieħed minn dawn l-oqsma. Il-lista tal-oqsma tista’ tiġi estiża b’mod unanimu mill-Kunsill, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-iżviluppi fil-kriminalità. L-istudju wera li għalissa kull Stat Membru adotta miżuri differenti (pereżempju ġustizzja għall-vittmi, ġustizzja għall-awturi tad-delitti, tiftix tal-fatti, politiki simboliċi, etc) li jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi tiegħu. Anki fost Stati Membri b’esperjezi simili ta' reġimi totalitarji, l-istrumenti legali, il-miżuri u l-prattiki adottati jistgħu jkunu differenti, bl-istess mod jista’ wkoll ikun differenti ż-żmien tal-adozzjoni jew l-implimentazzjoni tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan l-istadju għadhom ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tintuża din il-possibbiltà, imma se tibqa’ tanalizza l-kwistjoni. KONKLUżJONIJIET Il-Kummissjoni hija konvinta li l-Unjoni Ewropea għandha rwol, fl-ambitu tas-setgħat tagħha f’dan il-qasam, sabiex tagħti kontribut għall-proċessi li nbdew fl-Istati Membri ħalli jkun iffaċċjat il-wirt tad-delitti totalitarji. L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u hija ispirazzjoni u sors ta’ inkoraġġiment kostanti għan-nazzjonijiet kollha li qed jagħmlu ħilithom biex jiffaċċjaw it-tbatijiet tal-imgħoddi tagħhom. Il-memorja tal-orruri tal-imgħoddi trid tkun sforz kondiviż għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea sabiex l-espressjoni “L-imgħoddi tiegħek huwa l-imgħoddi tagħna” ssir realtà. Huwa d-dmir kollettiv tagħna li nżommu din il-memorja ħajja bħala sinjal ta’ tribut u ta’ rispett għall-vittmi kollha li batew u mietu u bħala mod biex niżguraw li dan ma jerġa’ jiġri qatt iktar. Din il-memorja talimenta l-impenn tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, u sabiex tiġġieled kontra l-manifestazzjonijiet moderni tal-intolleranza u tal-estremiżmu. [pic][pic][pic] [1] Adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10/11 ta’ Diċembru 2009; ĠU C 115, 04.05.2010, p. 0001 - 0038 [2] L-għan tas-seminar kien li jgħin lill-Kummissjoni tikseb iktar għarfien tad-diversi aspetti relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet u biex tidentifika s-suġġetti li għandhom jiġu diskussi waqt is-seduta pubblika Ewropea. [3] Is-seduta kienet organizzata madwar iż-żewġ kwistjonijiet prinċipali tar-rikonoxximent u tar-rikonċiljazzjoni. Il-Presidenza Slovena ppubblikat ir-rapporti ta’ din is-seduta: “ Crimes committed by totalitarian regimes”. Reports and proceedings of the 8 April European public hearing on crimes committed by totalitarian regimes , Editur, Peter Jambrek. [4] Study on how the memory of crimes committed by totalitarian regimes in Europe is dealt with in the Member States [Studju dwar kif il-memorja tar-reati mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa tiġi indirizzata fl-Istati Membri]. Imressaq mill-Prof. Dr. Carlos Closa Montero. Istitut għall-Affarijiet u għall-Politika Pubbliċi. Ċentru tax-Xjenzi Umani u Soċjali. CSIC. Madrid, Spanja.http://ec.europa.eu/justice/doc_centre/rights/studies/docs/memory_of_crimes_en.pdf [5] 16-il Stat Membru wieġbu għall-kwestjonarju: LV, LT, EE, PL, HU, SK, SL, BG, RO, BE, IRL, SE, FI, PT, ES, DE. [6] L-istudju jippreżenta deskrizzjoni ġenerali sistematika tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri (ara t-Taqsima 3.3.) [7] Artikolu 405 tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid (fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010). [8] Artikolu 55 tal-Att li jistabbilixxi l-Istitut tat-Tifkira Nazzjonali – Kummissjoni għall-Prosekuzzjoni tar-Reati kontra n-Nazzjon Pollakk tat-18 ta’ Diċembru 1998. [9] Emenda għall-Kodiċi Kriminali li tidħol fis-seħħ fl-24 ta’ Lulju 2010. [10] Artikolu 170 tal-Kodiċi Kriminali. [11] It-tweġiba tal-Latvja għall-kwestjonarju tindika li, fuq il-bażi tal-Artikoli 74 u 71 tal-Liġi Kriminali, iċ-ċaħda ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità, ta’ delitti kontra l-paċi u ta’ delitti tal-gwerra bbażati, fost l-oħrajn, fuq twemmin politiku jew klassi soċjali tista’ tiġi kkunsidrata bħala reat kriminali. [12] Riprodott fir-Rapport u fil-proċeduri tas-seduta, ippubblikati mill-Presidenza Slovena (ara iktar ’il fuq) [13] Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens [L-Ewropa għaċ-Ċittadini] għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea attiva. [14] ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/docs/wp/cooperation/ssh/h_wp_201001_en.pdf [15] Kollezzjoni onlajn multilingwistika ta’ miljuni ta’ elementi diġitalizzati minn mużewijiet, libreriji, arkivji u kollezjonijiet multimedjali Ewropej. [16] ĠU L 394, 30.12.2006